Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CC0483

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2021.


    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:780

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PRIIT PIKAMÄE

    ippreżentati fit‑30 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑483/20

    XXXX

    vs

    Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Wild minuri li kiseb il-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Inammissibbiltà tal-applikazzjoni tal-ġenitur għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-għoti minn qabel tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja – L-aħjar interess tal-wild – Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riskju reali u ppruvat li persuna tkun suġġetta għal trattament li jmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja – Standards relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti miċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew persuni apolidi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE”

    Werrej

     

    I. Il-kuntest ġuridiku

     

    A. Id-dritt tal-Unjoni

     

    B. Id-dritt Belġjan

     

    II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

     

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    IV. Analiżi ġuridika

     

    A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

     

    B. Fuq il-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32

     

    1. Fuq l-interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

     

    2. Fuq l-assenza ta’ awtomatiċità taċ-ċaħda minħabba inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

     

    C. Fuq ir-riskju serju ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 24 tal-Karta

     

    1. Fuq il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja offruta mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32

     

    2. Fuq l-istatus tal-applikant fl-Istat Membru ospitanti

     

    a) Fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95

     

    b) Fuq id-Direttiva 2003/86

     

    3. Fuq ir-relazzjoni bejn l-applikant u l-membru tal-familja tiegħu

     

    D. Konklużjoni intermedja

     

    E. Fuq il-konsegwenzi tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

     

    V. Konklużjoni

    1.

    Il-vjaġġi migratorji ħafna drabi huma r-riżultat tal-għaqda ta’ żewġ elementi: ix-xorti u l-bżonn. Fil-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin Sirjan wasal, wara li kien għadda mil-Libja u t-Turkija, fl-Awstrija, pajjiż li fih huwa ppreżenta, b’neċessità, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Wara li kisbet l-istatus ta’ refuġjat, il-persuna kkonċernata marret il-Belġju sabiex tingħaqad maż-żewġt itfal tagħha, fosthom minuri, u hemmhekk ippreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ddikjarata inammissibbli fid-dawl tar-rikonoxximent minn qabel mogħti fl-ewwel Stat Membru.

    2.

    Huwa f’dan il-kuntest li tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni, sa fejn naf jien mingħajr preċedent, dwar jekk id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild stabbilit fl-Artikolu 24(2) ta’ din tal-aħħar, jistax ifixkel il-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 2 ).

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Minbarra ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jiġifieri l-Artikolu 78 TFUE u l-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta, huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża l-Artikoli 2, 14, 33 u 34 tad-Direttiva 2013/32, l-Artikoli 2, 23, 24 tad-Direttiva 2011/95/UE ( 3 ) kif ukoll l-Artikoli 2, 3 u 10 tad-Direttiva 2003/86/UE ( 4 ).

    B.   Id-dritt Belġjan

    4.

    Il-punt 7 tal-Artikolu 10(1) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers du 15 décembre 1980 (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin tal‑15 ta’ Diċembru 1980) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 12, għandhom jingħataw ipso jure awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju għal iktar minn tliet xhur:

    [...]

    7° il-missier u l-omm ta’ barrani rrikonoxxut bħala refuġjat fis-sens tal-Artikolu 48/3 jew li jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, li jiġu jgħixu miegħu, sakemm dan ikollu inqas minn tmintax-il sena u jkun daħal fir-Renju mingħajr ma jkun akkumpanjat minn barrani maġġorenni responsabbli għalih mil-liġi u tali persuna ma tkunx effettivament ħadet responsabbiltà tiegħu sussegwentement, jew ikun tħalla waħdu wara li daħal fir-Renju.

    [...]”

    5.

    L-Artikolu 57/6 tal-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin, kif emendat bil-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2017 (Moniteur belge tat‑12 ta’ Marzu 2018, p. 19712), jipprovdi:

    “[...]

    3.   Il-Kummissarju Ġenerali għar-refuġjati u l-apolidi jista’ jiddikjara inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta:

    [...]

    3° l-applikant diġà jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;

    [...]”

    II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6.

    Fl‑1 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Sirjan, kiseb l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija. Fil-bidu tas-sena 2016, huwa ttrasferixxa ruħu fil-Belġju sabiex hemmhekk jingħaqad maż-żewġ uliedu bniet, li waħda minnhom hija minuri, li kisbu hemmhekk l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl‑14 ta’ Diċembru 2016. Dan ir-rikorrent għandu l-awtorità tal-ġenituri fuq din il-wild minuri li tgħix miegħu, iżda ma għandux permess ta’ residenza fil-Belġju.

    7.

    Fix-xahar ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Belġju. Fil‑11 ta’ Frar 2019, il-Kummissarju Ġenerali għar-refuġjati u għall-persuni apolidi (il-Belġju) iddikjara din l-applikazzjoni inammissibbli għar-raġuni li protezzjoni internazzjonali kienet diġà ngħatat lill-persuna kkonċernata minn Stat Membru ieħor. Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà.

    8.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fil‑21 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li l-osservanza tal-prinċipju tal-unità tal-familja u tal-aħjar interess tal-wild tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, lill-Istat Belġjan milli jkun jista’ juża l-possibbiltà tiegħu li jiddikjara inammissibbli l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Huwa jsostni wkoll li l-osservanza tal-istess prinċipju titlob li tingħatalu din il-protezzjoni sabiex ikun jista’, b’mod partikolari, jibbenefika mill-vantaġġi previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, li ma huwiex nieqes minn kull rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali.

    9.

    Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-prinċipju tal-unità tal-familja li jista’ jwassal għall-għoti ta’ status “idderivat” ma japplikax f’dan il-każ, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali u wliedu diġà għandhom protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, huwa jqis li l-aħjar interess tal-wild biss ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u lanqas l-għoti ta’ din il-protezzjoni.

    10.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, essenzjalment l-Artikoli 18 u 24 tal-[Karta], l-Artikoli 2, 20, 23 u 31 tad-[Direttiva 2011/95] u l-Artikolu 25(6) tad-[Direttiva 2013/32], jipprekludi li, fl-implimentazzjoni tal-awtorità mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni diġà mogħtija minn Stat Membru ieħor, meta l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li kien kiseb protezzjoni fl-ewwel Stat Membru, huwa l-uniku ġenitur tal-familja nukleari preżenti viċin il-wild, huwa joqgħod miegħu u meta l-imsemmi Stat Membru rrikonoxxa l-awtorità parentali tal-imsemmi applikant fuq il-wild? Il-prinċipji ta’ unità tal-familja u li jippreskrivi l-osservanza tal-aħjar interess tal-wild jeħtieġu, għall-kuntrarju, li protezzjoni tingħata lil dan il-ġenitur mill-Istat fejn il-wild tiegħu kiseb protezzjoni?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    11.

    Il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern Belġjan u dak Taljan ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV. Analiżi ġuridika

    A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

    12.

    Jidhirli li huwa neċessarju, preliminarjament, li nagħmel xi kummenti dwar il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari b’rabta mal-kontenut tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ikkonċernati, peress li l-imsemmija talba tinkludi formalment żewġ domandi indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    l-ewwel waħda tikkonċerna l-possibbiltà għal Stat Membru li jiddikjara inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ġenitur li jgħix flimkien mal-wild minuri tiegħu, benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat, meta Stat Membru ieħor ikun, qabel, ta tali protezzjoni lill-imsemmi ġenitur;

    it-tieni waħda ssemmi l-għoti neċessarju ta’ protezzjoni internazzjonali lil dan il-ġenitur mill-Istat fejn il-wild tiegħu kiseb protezzjoni sussidjarja, u dan b’applikazzjoni tal-“prinċipji tal-unità tal-familja u [tar-]rispett tal-aħjar interess tal-wild”.

    13.

    Anki jekk dawn iż-żewġ domandi huma mingħajr dubju marbuta, fid-dawl ta’ riflessjoni ġenerali li dawn jimplikaw fuq is-sistema Ewropea komuni tal-ażil u l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja offruta minnha, huma ma għandhomx b’mod ċar l-istess għan, peress li l-kwistjoni tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġi konfuża ma’ dik tal-evalwazzjoni fil-mertu ta’ din l-applikazzjoni.

    14.

    Issa, nirrileva li, fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet ikkonċernati ntrabtu li juru li d-Direttivi 2011/95 u 2013/32, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta, ma kinux jirrikjedu minn Stat Membru li jagħti l-protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, ebda status li jaqa’ taħt il-protezzjoni internazzjonali ma jista’ jingħata lill-persuna kkonċernata wara applikazzjoni li l-uniku għan tagħha huwa li tiżgura r-riunifikazzjoni tal-familja. Huwa permezz ta’ deduzzjoni minn din l-evalwazzjoni fil-mertu li l-partijiet ikkonċernati kkonkludew b’mod identiku favur il-possibbiltà għal Stat Membru li jagħmel użu mill-fakultà offruta mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u għalhekk li jiddikjaraw inammissibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata mill-imsemmi rikorrent. Jidhirli li dan ir-raġunament jista’ jiġi kkritikat peress li ma jagħmilx l-analiżi indispensabbli u ewlenija tal-problema speċifika tal-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u għalhekk il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

    B.   Fuq il-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32

    15.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24(2) tal-Karta ( 5 ), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor, meta dan l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri li jkun kiseb il-benefiċċju tali protezzjoni sussidjarja fl-Istat li lilu hija indirizzata l-applikazzjoni msemmija iktar ’il fuq u meta huwa l-uniku ġenitur li jgħix miegħu u detentur, bħala tali, tal-awtorità tal-ġenituri. Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 6 ).

    1. Fuq l-interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

    16.

    Id-Direttiva 2013/32/UE għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 7 ), l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri “jistgħu jikkunsidraw” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli ( 8 ). Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jimponi fuq l-Istati Membri li jintroduċu, fid-drittijiet rispettivi tagħhom, l-obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jeżaminaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u lanqas li jipprevedu, fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà msemmija minn din id-dispożizzjoni, iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni mingħajr eżami fil-mertu minn qabel.

    17.

    Għalhekk ma hijiex biss sempliċement possibbiltà offruta lill-Istati Membri ( 9 ) iżda wkoll deroga mill-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li jeżaminaw it-talbiet kollha fuq il-mertu skont il-formulazzjoni tal-premessa 43 ta’ din id-direttiva ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 huwa intiż li jtaffi l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi l-każijiet li fihom applikazzjoni bħal din titqies inammissibbli ( 11 ). Skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor u għalhekk jiċħdu, mingħajr eżami fil-mertu, din l-applikazzjoni, possibbiltà u raġuni implimentata mir-Renju tal-Belġju fil-leġiżlazzjoni tiegħu.

    18.

    Din ir-rilevazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar tnaqqis mill-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-obbligu tagħhom li jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tirrifletti wieħed mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-promulgazzjoni tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-għan ta’ ekonomija tal-ġudizzju ( 12 ). Għalhekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatur hija li jippermetti lit-tieni Stat Membru li lilu hija indirizzata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ma jwettaqx eżami ġdid sħiħ fuq il-mertu tagħha, diġà evalwata u aċċettata mill-ewwel Stat Membru. Dan il-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà huwa intiż li jissimplifika u jħaffef il-piż tal-eżami li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tiġi evitata kwalunkwe konġestjoni tas-sistema mill-obbligu, għal dawn l-awtoritajiet, li jittrattaw bosta talbiet ippreżentati mill-istess applikant ( 13 ). Id-dimensjoni tal-ekonomija tal-ġudizzju hija, barra minn hekk, inseparabbli mill-għan ta’ ħeffa imfittex mid-Direttiva 2013/32, fejn l-adozzjoni ta’ deċiżjoni malajr kemm jista’ hija deskritta, skont il-formulazzjoni tal-premessa 18 ta’ din id-direttiva, bħala li hija fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

    19.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ċċitat għan ieħor imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ diversi strumenti legali li jikkostitwixxu s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, ir-Regolament Nru 604/2013 ( 14 ), id-Direttiva 2011/95 ( 15 ) u d-Direttiva 2013/32 ( 16 ), jiġifieri l-limitazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-approssimazzjoni tar-regoli proċedurali, il-fatt li t-tieni Stat Membru jiġi mġiegħel jeżamina fil-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali diġà milqugħa fl-ewwel Stat Membru jista’ jkun ta’ natura li jinkoraġġixxi lil ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, detenturi tal-protezzjoni internazzjonali, jibqgħu jfittxu livell aħjar ta’ protezzjoni jew kundizzjonijiet materjali ta’ eżistenza iktar vantaġġużi, b’kontradizzjoni mal-għan imsemmi iktar ’il fuq.

    20.

    Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistax jiġi dedott li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 twassal għal forma ta’ ċaħda awtomatika tat-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li diġà kiseb din il-protezzjoni fi Stat Membru ieħor.

    2. Fuq l-assenza ta’ awtomatiċità taċ-ċaħda minħabba inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

    21.

    Għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-adozzjoni mill-iktar fis possibbli ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax, fi kwalunkwe każ, isseħħ mingħajr ma jitwettaq minn qabel, konformement mal-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, eżami xieraq u eżawrjenti tas-sitwazzjoni tal-awtur tagħha ( 17 ).

    22.

    F’dan ir-rigward, din id-direttiva ssemmi b’mod inekwivoku l-obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi, bħalma kien jipprevedi l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85, li, qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma’ persuna kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex iwettaq din l-intervista. Dan l-obbligu, li jagħmel parti mill-prinċipji bażiċi u mill-garanziji fundamentali stabbiliti rispettivament fil-Kapitolu II ta’ dawn id-direttivi, japplika kemm għad-deċiżjonijiet ta’ ammissibbiltà kif ukoll għad-deċiżjonijiet fuq il-mertu. Il-fatt li l-imsemmi obbligu japplika wkoll għad-deċiżjonijiet ta’ ammissibbiltà huwa espressament ikkonfermat fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Regoli speċjali dwar l-intervista tal-ammissibbiltà”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-applikant jesponi l-fehma tiegħu dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu u li, għal dan il-għan, huma għandhom iwettqu intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni ( 18 ).

    23.

    L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiża wkoll li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni għar-regola, li skontha huma għandhom iwettqu intervista personali mal-applikant dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, biss skont l-Artikolu 42 ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti ( 19 ). Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi, minn naħa, obbligu ċar u espress għall-Istati Membri li jagħtu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, katalogu eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu jixhed l-importanza fundamentali li huwa jagħti lil tali intervista personali għall-proċedura tal-ażil ( 20 ).

    24.

    Id-dritt mogħti lill-applikant mill-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32 li jkun jista’ jesponi, waqt intervista personali, l-opinjoni tiegħu dwar l-applikabbiltà għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu ta’ motiv ta’ inammissibbiltà għandu jiġi eżerċitat, bħala prinċipju, mingħajr il-preżenza tal-familja skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva u huwa akkumpanjat minn garanziji speċifiċi, iddettaljati fil-paragrafi 2 u 3 tal-artikolu msemmija iktar ’il fuq, li għandhom jiżguraw l-effettività ta’ dan id-dritt ( 21 ). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tqis li l-preżenza ta’ membri oħra tal-familja hija neċessarja sabiex isir eżami adegwat, li juri b’mod ċar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwistjoni tal-familja fl-iżvolġiment tal-proċedura.

    25.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat eċċezzjoni għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà previst mid-Direttiva 2013/32 u b’mod iktar partikolari fl-Artikolu 33(2)(a) tagħha. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minnha li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni f’dan l-Istat Membru l-ieħor jesponuh għal riskju serju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 22 ).

    26.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil komuni stabbilita minn din id-direttiva, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li jippermetti u jimponi fuq l-Istati Membri li jippreżumu, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li l-ipproċessar irriżervat għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, nru 2545 (1954)) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Din il-preżunzjoni u l-eżerċizzju tal-imsemmija possibbiltà li tirriżulta minnha ma jistgħux jiġu ġġustifikati meta jiġi stabbilit li, fir-realtà, dan ma huwiex il-każ fi Stat Membru partikolari ( 23 ).

    27.

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali, li tirriżulta mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, hija ta’ natura konfutabbli u li għalkemm, b’risposta għad-domandi preliminari magħmula f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet eċċezzjoni għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, il-premessa tar-raġunament segwit minnha tikkonċerna d-drittijiet fundamentali kollha ( 24 ), inkluż l-Artikolu 7 dwar il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja u l-Artikolu 24(2) tagħha dwar l-obbligu li jiġi kkunsidrat l-aħjar interess tal-wild, kif ukoll l-Artikolu 18 tal-Karta ( 25 ).

    28.

    Il-kwistjoni tqum, fil-kuntest ta’ din l-istanza preliminari, dwar jekk id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hijiex ta’ natura, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikant.

    C.   Fuq ir-riskju serju ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 24 tal-Karta

    1. Fuq il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja offruta mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32

    29.

    Huwa paċifiku li l-elaborazzjoni tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil tissodisfa r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève, mill-Karta u mill-KEDB ( 26 ), u, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja.

    30.

    Kemm id-Direttiva 2011/95 kif ukoll id-Direttiva 2013/32 ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 78 TFUE u bil-għan li jintlaħaq l-għan stabbilit minnu, jiġifieri politika komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 18 tal-Karta. Barra minn hekk, mill-premessa 3 ta’ dawn iż-żewġ direttivi jirriżulta li, billi ispira ruħu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li l-imsemmija direttivi jikkontribwixxu biex tiġi stabbilita, tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 27 ). F’dan ir-rigward, l-att finali tal-Konferenza tal-plenipotenzjarji tan-Nazzjonijiet Uniti li fassal it-test ta’ din il-konvenzjoni rrikonoxxa espressament id-“dritt essenzjali” tar-refuġjat għall-unità tal-familja tiegħu u rrakkomanda lill-Istati firmatarji jieħdu l-miżuri neċessarji għaż-żamma tiegħu u, b’mod iktar ġenerali, għall-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat, li jirrifletti rabta mill-qrib bejn id-dritt tar-refuġjat għall-unità tal-familja tiegħu u l-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali ( 28 ).

    31.

    Id-Direttiva 2011/95 hija intiża sabiex tiggarantixxi r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt ta’ ażil għall-“applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom” (premessa 16) u timponi espressament fuq l-Istati li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja, billi jipprevedu ċertu numru ta’ drittijiet favur il-membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali (Artikolu 23(1) u (2)), peress li l-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fl-Istat Membru ospitanti. Il-premessa 60 tad-Direttiva 2013/32 issemmi li din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta. Din id-direttiva hija intiża b’mod partikolari sabiex tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tiffavorixxi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 18 u 24 tal-Karta, u konsegwentement għandha tiġi implimentata. Għalkemm il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, prevista fl-Artikolu 7 tal-Karta, ma tinsabx fost l-għanijiet prinċipali tal-imsemmija direttiva, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li wild ikollu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu ( 29 ).

    32.

    Il-premessa 33 tad-Direttiva 2013/32 tiddikjara b’mod ċar li l-aħjar interess tal-wild għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħha ( 30 ), konformement mal-Karta u mal-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 ( 31 ), li huwa rifless f’obbligu espress u ġenerali previst fl-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva. Sabiex jiġi evalwat l-aħjar interess tal-wild, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, inkluż il-passat tiegħu. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jinjoraw id-dritt fundamentali tal-wild li jkollu, fuq bażi regolari, relazzjonijiet personali mal-ġenituri tiegħu, li l-osservanza tiegħu hija bla dubju konfuża mal-aħjar interess tal-wild ( 32 ). Infakkar li l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 33 ).

    33.

    F’dan il-kuntest ( 34 ), hemm lok li jitqies li fil-każ fejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun espost, fil-każ ta’ riferiment fl-Istat Membru li jkun inizjalment tah l-istatus ta’ refuġjat jew il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, għal riskju serju li jkun suġġett għal trattament kuntrarju għall-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 24 tagħha, l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni l-ġdida ma għandux ikollu l-possibbiltà li jinvoka l-inammissibbiltà ta’ din tal-aħħar. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni tippreżenta n-natura eċċezzjonali meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ) sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li tirriżulta mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

    34.

    L-evalwazzjoni ta’ riskju serju li persuna ssofri trattament li jmur kontra l-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 24 tagħha, tista’ ssir biss wara li l-applikant jingħata l-opportunità li jippreżenta, matul l-intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32, l-elementi kollha, b’mod partikolari ta’ natura personali, li jistgħu jikkonfermaw l-eżistenza tiegħu. Għalhekk, għalkemm l-awtorità responsabbli għandha l-intenzjoni li tikkunsidra bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, din l-intervista għandu jkollha bħala għan li tagħti lill-applikant mhux biss l-opportunità li jesprimi ruħu fuq il-punt dwar jekk protezzjoni internazzjonali ġietx effettivament mogħtija lilu minn Stat Membru ieħor, iżda fuq kollox il-possibbiltà li jesponi l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni speċifika tiegħu sabiex din l-awtorità tkun tista’ teskludi li dan l-applikant ikun espost, f’każ ta’ riferiment għal dan l-Istat Membru l-ieħor, ir-riskju msemmi iktar ’il fuq ( 36 ).

    35.

    Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskju serju ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, evalwat b’rabta mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, din timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ elementi: l-istatus ġuridiku tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi flimkien mal-membru tal-familja tiegħu li jibbenefika mill-imsemmija protezzjoni, minn naħa, u n-natura tar-relazzjonijiet bejn il-persuna kkonċernata ma’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra.

    2. Fuq l-istatus tal-applikant fl-Istat Membru ospitanti

    36.

    Id-detenzjoni mill-applikant ta’ status li jiżguralu ċerta stabbiltà u sigurtà fir-rigward tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jidhirli li hija ta’ natura li tneħħi kull riskju ta’ rinviju fl-ewwel Stat Membru u, korrelattivament, li tiggarantixxi l-unità tal-familja fl-Istat ospitanti. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-partijiet ikkonċernati jsostnu li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u l-aħjar interess tal-wild huma ggarantiti permezz ta’ strumenti ġuridiċi xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 u d-Direttiva 2003/86 li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti li jiġi offrut status adegwat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    a) Fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95

    37.

    Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, għandu l-għan li jiddefinixxi d-drittijiet li l-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja li l-applikazzjoni tagħhom tkun intlaqgħet jistgħu jibbenefikaw minnhom ( 37 ), drittijiet li fosthom hemm iż-żamma tal-unità tal-familja skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva. Dan tal-aħħar fil-fatt jimponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-membri tal-familja, fis-sens imsemmi fl-Artikolu 2(j) tal-imsemmija direttiva, tal-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkunu jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, li jinkludu b’mod partikolari l-għoti ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja ( 38 ). L-għan ta’ din is-sistema legali partikolari huwa li tiġi żgurata bl-aħjar mod l-integrazzjoni tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u tal-membri tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

    38.

    L-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 hija suġġetta għas-sodisfazzjon ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, il-benefiċjarju potenzjali tal-vantaġġi inkwistjoni għandu jkun membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva. It-tieni, huwa ma għandux jissodisfa, individwalment, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba tal-protezzjoni internazzjonali. It-tielet, l-istatus ġuridiku personali tiegħu għandu jkun kompatibbli mal-għoti tal-benefiċċji previsti fid-Direttiva 2011/95 ( 39 ). Jidhirli li huwa rilevanti li jiġu eżaminati, b’mod partikolari, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet.

    39.

    L-ewwel, l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jirrigwarda l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali preżenti fl-istess Stat Membru minħabba l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sa fejn il-familja kienet diġà stabbilita fil-pajjiż ta’ oriġini. Il-missier, l-omm jew kwalunkwe adult ieħor responsabbli għal minuri jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “membru tal-familja”. Għalhekk, ir-rabtiet familjari għandhom ikunu jeżistu qabel id-dħul tal-familja fl-Istat Membru ospitanti ( 40 ) u l-membri tal-familja inkwistjoni għandhom ikunu preżenti f’dan l-Istat “rigward l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, formulazzjoni, ċertament, ftit espliċita. F’dan ir-rigward, naqbel mal-komprensjoni ta’ din l-espressjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità familjari) ( 41 ), li tgħid li tali kundizzjoni timplika li l-membri tal-familja jkunu akkumpanjaw lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż ta’ oriġini lejn l-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, u b’hekk jixhdu r-rieda tagħhom li jibqgħu magħquda. Dan il-qari jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 li tippreċiża li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet għall-“applikanti [għal ażil] u għall-membri tal-familja tagħhom li jakkompanjawhom” ( 42 ).

    40.

    Missier tifla minuri apparentement mhux miżżewġa u li tibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jidħol fil-kategorija tal-“membri tal-familja”, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 sakemm jissodisfa ż-żewġ sottokundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li ma jirriżultax b’mod evidenti mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni waħda minnhom. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirriżulta li dan tal-aħħar ħarab minn pajjiżu fi tmiem is-sena 2013 u matul is-sena 2014 wasal l-Awstrija, fejn kiseb l-istatus ta’ refuġjat fl‑1 ta’ Diċembru 2015. Sussegwentement huwa telaq mill-Awstrija fil-bidu tas-sena 2016 sabiex “jingħaqad” ma’ wliedu l-bniet fil-Belġju, li kisbu l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja f’dan il-pajjiż fl‑14 ta’ Diċembru 2016, u ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk biss fl‑14 ta’ Ġunju 2018. Huwa possibbli li jiġi dedott minn din it-tfakkira tal-fatti li r-rikorrent u wliedu kellhom vjaġġ migratorju partikolari, fejn l-ewwel wieħed imsemmi ma akkumpanjax lill-ulied bniet tiegħu fit-traġitt tagħhom mill-pajjiż ta’ oriġini sal-Istat Membru ospitanti.

    41.

    It-tieni, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 japplika biss għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu l-protezzjoni internazzjonali ( 43 ). Għalhekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi t-twettiq ta’ eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa mill-membru tal-familja inkwistjoni li wasslet għal konklużjoni negattiva dwar is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet materjali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kif speċifikati rispettivament fl-Artikoli 9 sa 10 u 15 tad-Direttiva 2011/95 Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. Issa, huwa paċifiku li dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali adottata skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 ma hija ppreċeduta minn ebda evalwazzjoni fil-mertu tagħha, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni speċifikament kellu l-intenzjoni li jeżenta lill-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju. L-implimentazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 taqa’ biss taħt sitwazzjonijiet li fihom l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tmurx kontra motiv ta’ inammissibbiltà.

    42.

    Wieħed jista’ jistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni partikolari dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 biss, il-motiv speċifiku ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32. Id-deċiżjoni inizjali dwar l-għoti għall-protezzjoni internazzjonali, wara eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni f’dan is-sens, taqa’ taħt is-sistema legali li tinkludi kunċetti u kriterji komuni għall-Istati Membri stabbiliti mid-Direttiva 2011/95. Infakkar li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura komuni tal-ażil stabbilita permezz ta’ din id-direttiva, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li teħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, lil kull Stat Membru sabiex jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni ( 44 ). Anki jekk, fl-istat tal-liġi attwali, ma hemm l-ebda status “Ewropew” ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja li huwa komuni għall-Istati Membri kollha, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 tikkostitwixxi forma ta’ rikonoxximent impliċitu tal-evalwazzjoni korretta mill-ewwel Stat Membru tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    43.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni tiġix ikkunsidrata mill-perspettiva tan-natura proċedurali tagħha biss jew flimkien mal-motiv speċifiku ta’ inammissibbiltà ċċitat iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni maħluqa minnha jidhirli li hija ta’ natura li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ ineliġibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, detentur ikkonfermat tal-istatus ta’ refuġjat, għall-vantaġġi previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 23(2) ta’ dan l-istess att ( 45 ). Din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax għalhekk tiggarantixxi lir-rikorrent fil-kawża prinċipali soluzzjoni sabiex jikseb permess ta’ residenza li jippermettilu jirrisjedi fl-istess Stat Membru tat-tfal tiegħu, u b’hekk jevita kull riskju ta’ preġudizzju għad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja.

    b) Fuq id-Direttiva 2003/86

    44.

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa li jkunu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fi ħdanhom jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. B’mod ġenerali, l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva, kif stabbiliti fil-premessi 4 u 8 tagħha, huma li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati billi tippermettilhom li jgħixu ħajja tal-familja normali u li jipprevedu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju, mir-refuġjati, tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom ( 46 ).

    45.

    Dawn il-kundizzjonijiet, previsti fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86, jikkonċernaw biss ir-riunifikazzjoni tal-familja tar-“refuġjati”. L-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva jippreċiża, b’mod partikolari, li din tal-aħħar ma tapplikax meta l-isponsor ikun ċittadin ta’ pajjiż terz awtorizzat li jirrisjedi fi Stat Membru bis-saħħa ta’ “forom sussidjarji ta’ protezzjoni”, konformement mal-obbligi internazzjonali, mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew mal-prattiki tal-Istati Membri. Tali formulazzjoni hija spjegata mill-ineżistenza fid-dritt tal-Unjoni, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/86, ta’ status ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. Għandu jiġi rrilevat li l-kuntest normattiv Ewropew għall-ażil evolva ħafna mar-rikonoxximent ta’ tali status fid-Direttiva 2004/83/KE ( 47 ) u l-approssimazzjoni taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni bid-Direttiva 2011/95. Mill-premessi 8, 9 u 39 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi status uniformi favur il-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk iddeċieda li jagħti lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li minnhom igawdu r-refuġjati, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati ( 48 ).

    46.

    Minkejja dan l-iżvilupp notevoli kif ukoll mistoqsijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ( 49 ) dwar it-trattament differenti taż-żewġ statuti kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi membri tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja. Hija qieset, f’dan ir-rigward, li, peress li l-kriterji komuni għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ġew ispirati mis-sistemi eżistenti fl-Istati Membri li huma intiżi li jarmonizzaw, jekk ikun il-każ billi jissostitwixxuhom, l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jitneħħilu essenzjalment l-effett utli tiegħu jekk jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-benefiċjarji tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja previst mid-dritt tal-Unjoni ( 50 ). Madankollu, huwa paċifiku li l-wild minuri tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa l-“isponsor” potenzjali fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2003/86 għandu permess ta’ residenza fil-Belġju minħabba l-istatus tiegħu ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, u dan jeskludi r-riunifikazzjoni tal-familja f’dan il-pajjiż skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

    47.

    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi, minn naħa, għall-possibbiltà ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata fl-Awstrija, pajjiż li fih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa detentur tal-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, għal-leġiżlazzjoni Belġjana li tawtorizza tali riunifikazzjoni meta l-isponsor ikun benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-missier jew tal-omm ta’ tali benefiċjarju li jiġu jgħixu miegħu, sakemm dan tal-aħħar ikollu inqas minn tmintax-il sena, ikun daħal fil-Belġju mingħajr ma jkun akkumpanjat minn barrani maġġorenni responsabbli għalih mil-liġi u tali persuna ma tkunx effettivament ħadet responsabbiltà tiegħu sussegwentement, jew ikun tħalla waħdu wara li daħal. Fir-rigward tal-ewwel soluzzjoni msemmija iktar ’il fuq, jidhirli li tqajjem diversi diffikultajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala redibitorji.

    48.

    Fl-ewwel lok, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86 tista’ twassal għal separazzjoni tal-familja temporanja. Konformement mal-Artikolu 2(a) sa (d) tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar tapplika biss għall-isponsors ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fi kliem ieħor għal kull persuna li ma hijiex ċittadina tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE, li “tirrisjedi legalment fi Stat Membru” u li titlob ir-riunifikazzjoni tal-familja, jew li membri tal-familja tagħha jitolbu li jingħaqdu magħha, kif ukoll għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jingħaqdu mal-isponsor sabiex iżommu l-unità tal-familja, kemm jekk ir-rabtiet tal-familja jkunu jeżistu minn qabel id-dħul tal-isponsor u kemm jekk ikunu bdew jeżistu wara. Din l-applikazzjoni għandha, fil-prinċipju, tkun ippreżentata u eżaminata meta l-membri tal-familja jkunu joqogħdu barra t-territorju tal-Istat Membru li fih l-isponsor joqgħod ( 51 ). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ għalhekk, skont il-każ, jiġi mġiegħel jitlaq mill-Belġju u lil uliedu bniet ( 52 ) sabiex imur u joqgħod waħdu fl-Awstrija, li huwa pajjiż li fih huwa jista’ jirrisjedi legalment fid-dawl tal-istatus ta’ refuġjat li ngħata lilu. Min-naħa l-oħra, it-tfal tiegħu ma jkunux jistgħu jidħlu f’dan il-pajjiż sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni, li tista’ ddum disa’ xhur, terminu li jista’ jiġi estiż. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u l-premessa 7 tad-Direttiva 2003/86 jippermettu, madankollu, lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ġenerali tal-ewwel subparagrafu u jaċċettaw li applikazzjoni tiġi ppreżentata meta l-membri tal-familja jkunu diġà jinsabu fit-territorju tagħhom u dan “f’każijiet xierqa” li d-determinazzjoni tagħhom taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħhom.

    49.

    Fit-tieni lok, huwa possibbli li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jkunx jista’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2003/86 li jipprevedu trattament iktar favorevoli tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati. B’deroga, l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu, fil-każ ta’ refuġjat u tal-familja tiegħu, il-prova li l-isponsor għandu akkomodazzjoni adegwata, assigurazzjoni għall-mard kif ukoll riżorsi stabbli sabiex ikopri l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu. Minbarra l-fatt li din id-deroga ma tirrigwardax ir-riunifikazzjoni tal-ulied maġġorenni, it-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu ta’ dan l-artikolu jippermetti lill-Istati Membri jeżiġu li r-refuġjat jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx ippreżentata f’terminu ta’ tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. F’din il-kawża, huwa ċar li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ser titressaq iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus tar-refuġjat, li seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2015. It-twettiq tal-imsemmija kundizzjonijiet jista’ jkun partikolarment problematiku għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li, għal diversi snin, jgħix il-Belġju ma’ wliedu.

    50.

    Fit-tielet lok, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86 tista’ twassal għal separazzjoni tal-aħwa ( 53 ). L-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi fil-fatt li l-Istati Membri “jistgħu” jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tat-tfal maġġorenni mhux miżżewġa tal-isponsor meta dawn tal-aħħar ikunu “oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom”. Għalhekk ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri li jippermettu lill-ulied maġġorenni tal-isponsor jidħlu fit-territorju tagħhom u, fl-affermattiv, l-awtorizzazzjoni hija neċessarjament kundizzjonali bir-rekwiżit tal-prova ta’ relazzjoni ta’ dipendenza mal-ġenitur ikkonċernat, sitwazzjoni li ma tirriżultax mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    51.

    Fir-raba’ lok, ir-riunifikazzjoni tal-familja fl-Awstrija jkollha bħala konsegwenza, fil-fatt, it-telf għat-tfal tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja rrikonoxxuta mir-Renju tal-Belġju kif ukoll tal-vantaġġi li jirriżultaw minnha. Barra minn hekk, jekk il-partijiet ikkonċernati kellhom jiddeċiedu li jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija, huma jistgħu jiltaqgħu mal-istess motiv ta’ inammissibbiltà bħal dak invokat għall-applikazzjoni ta’ missierhom u li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali ( 54 ). Wara li tinkiseb ir-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva 2003/86, ulied ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkollhom l-istatus ta’ membri tal-familja tal-isponsor, jiġifieri, legalment, sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq dan tal-aħħar li tista’ ddum bosta snin qabel dawn l-ulied ikunu jistgħu jiksbu permess ta’ residenza awtonomu ( 55 ). Barra minn hekk, hemm differenzi reali bejn il-vantaġġi li jgawdu l-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fuq il-bażi tad-Direttiva 2003/86 u d-drittijiet mogħtija lill-persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, peress li l-paragun ma huwiex favorevoli għal dawk imsemmija l-ewwel ( 56 ). F’dan ir-rigward jiżdiedu d-diffikultajiet prevedibbli ta’ adattament marbuta mar-residenza l-ġdida fi Stat Membru ieħor, wara bosta snin imqatta’ fil-Belġju, u waqfa fir-rabtiet soċjali u emozzjonali magħmula f’dan il-pajjiż.

    52.

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif jirriżulta barra minn hekk mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni inkwistjoni fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja. Minbarra dan l-aħħar għan, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri ( 57 ). Jidhirli li huwa diffiċli li jiġi sostnut, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86 għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat, li trendi għalhekk applikabbli din ir-regola, tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq tal-wild minuri. Din is-soluzzjoni twassal, b’mod partikolari, għat-telf tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, kif ukoll il-vantaġġi marbuta magħha, a priori mhux rekuperabbli fil-pajjiż ospitanti l-ġdid, u għal separazzjoni possibbli tal-aħwa, konsegwenza tal-inqas paradossali fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja.

    53.

    Fir-rigward tat-tieni soluzzjoni bbażata fuq riunifikazzjoni tal-familja awtorizzata taħt ċerti kundizzjonijiet mil-leġiżlazzjoni Belġjana, għandha titfakkar il-possibbiltà, irrikonoxxuta lill-Istati Membri, fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/86, li jingħata, abbażi biss tad-dritt nazzjonali tagħhom, dritt ta’ dħul u ta’ residenza b’kundizzjonijiet iktar favorevoli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-linji gwida tagħha għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, indikat li l-eżiġenzi ta’ protezzjoni umanitarja ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja ma kinux differenti minn dawk tar-refuġjati u, sussegwentement, ħeġġet lill-Istati Membri sabiex jadottaw regoli li jagħtu drittijiet simili lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jew temporanja ( 58 ). Għalkemm numru kbir ta’ Stati Membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja li jippreżentaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja taħt l-istess kundizzjonijiet li jistgħu jagħmluha r-refuġjati, għad hemm differenzi f’dawn ir-regolamenti, fejn xi wħud għadhom jinkludu differenzi kunsiderevoli fit-trattament tar-refuġjati u tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 59 ). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-appell fil-kassazzjoni mressaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan tal-aħħar ipprova għalxejn sabiex jikseb ir-riunifikazzjoni tal-familja mat-tifla minuri tiegħu minħabba li naqas milli jipproduċi dokumenti ad hoc mitluba mill-amministrazzjoni muniċipali kompetenti. Huwa wkoll imsemmi fid-digriet tar-rinviju li l-persuna kkonċernata ma tibbenefikax minn permess ta’ residenza fil-Belġju ( 60 ).

    54.

    Madankollu, u b’mod ġenerali, huwa konċepibbli li ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali mogħtija fl-ewwel Stat Membru, jasal sabiex imur fi Stat Membru ieħor sabiex jingħaqad mal-familja tiegħu u jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni f’dan l-Istat l-ieħor u, fl-istess ħin, jinħariġlu permess ta’ residenza skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/86 jew konformement ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni iktar favorevoli. Fin-nuqqas ta’ dan, dan iċ-ċittadin jista’ jingħata status ta’ protezzjoni nazzjonali, għal raġunijiet oħra minbarra l-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri fuq bażi diskrezzjonali u għal benevolenza jew għal raġunijiet umanitarji, li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, jirriżulta mill-aħħar parti tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 li din tal-aħħar taċċetta li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jagħtu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali ta’ “tip ieħor” bi drittijiet li jippermettu lill-persuni li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja sabiex jirrisjedu fit-territorju tagħhom ( 61 ). F’dawn iż-żewġ każijiet, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn l-istatus ikunux ta’ natura li jiggarantixxu ċerta stabbiltà tar-residenza u, sussegwentement, tal-unità tal-familja f’dak l-Istat. Fl-affermattiv, l-Istat Membru ospitanti għandu jkun jista’, fil-fehma tiegħi, jeżerċita l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 li jiddikjara l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli, indipendentement minn kull analiżi tar-relazzjoni bejn l-applikant u l-membru tal-familja inkwistjoni ( 62 ).

    3. Fuq ir-relazzjoni bejn l-applikant u l-membru tal-familja tiegħu

    55.

    Għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta u skont l-Artikolu 52(3) ta’ dan l-att, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Fil-kawżi li jgħaqqdu l-ħajja tal-familja ( 63 ) u l-immigrazzjoni, il-Qorti EDB tipproċedi għal ibbilanċjar tal-interessi preżenti, jiġifieri l-interess personali tal-individwi kkonċernati li jgħixu ħajja tal-familja f’territorju partikolari u l-interess ġenerali mfittex mill-Istat, f’dan il-każ il-kontroll tal-immigrazzjoni. Meta l-ulied ikunu kkonċernati, il-Qorti EDB tikkunsidra li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tagħhom. Dwar dan il-punt partikolari, hija tfakkar li l-idea li skontha l-aħjar interess tat-tfal għandu jipprevali fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom hija s-suġġett ta’ qbil wiesa’, b’mod partikolari fid-dritt internazzjonali. Ċertament dan l-interess waħdu ma huwiex determinanti, iżda għandu ċertament jingħata piż sinjifikattiv. Huwa għalhekk li, fil-kawżi tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-Qorti EDB tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-minuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-età tagħhom, is-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiż jew il-pajjiżi inkwistjoni u l-livell ta’ dipendenza tagħhom fuq il-ġenituri tagħhom ( 64 ).

    56.

    Nirrileva li dan il-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ dipendenza” huwa użat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward ta’ tilwim dwar il-migrazzjoni ( 65 ). Dan japplika għall-għoti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, fuq il-bażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, ta’ dritt idderivat ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni, miftuħ minn membru tal-familja tiegħu li jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta jkun hemm relazzjoni ta’ dipendenza bejn it-tnejn tali li tirriżulta li dan tal-aħħar jiġi kostrett sabiex jakkumpanja l-imsemmi ċittadin u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meħud fl-intier tiegħu ( 66 ). Huwa wkoll possibbli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżami individwalizzat ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni impost mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 u li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ b’mod partikolari l-interessi tat-tfal ikkonċernati u x-xewqa li tiġi promossa l-ħajja tal-familja, fejn il-grad ta’ dipendenza fuq il-ġenituri jagħmel parti minn dawn l-elementi ( 67 ).

    57.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti tar-riskju serju ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tagħha, wara l-intervista personali prevista fl-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32, għandha ssir fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, l-età tal-wild, is-sitwazzjoni tiegħu fil-pajjiż inkwistjoni ( 68 ) u l-grad ta’ dipendenza tiegħu fuq il-ġenituri tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fiżiku u emozzjonali, il-grad tar-relazzjoni ta’ affezzjoni tiegħu mal-ġenituri tiegħu, b’dan kollu jkun tali li jikkaratterizza r-riskju li s-separazzjoni minn ma’ dawn tal-aħħar tnissel għar-relazzjoni ġenituri-ulied u l-ekwilibriju ta’ dan il-wild. Għalhekk, il-fatt li l-ġenitur jikkoabita mal-wild minuri huwa wieħed mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja ( 69 ).

    D.   Konklużjoni intermedja

    58.

    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat bħala inammissibbli minħabba li dan l-applikant ikun diġà ngħata tali status minn Stat Membru ieħor, meta jkun hemm riskju serju li l-imsemmi applikant ibati, fil-każ ta’ riferiment f’dan l-Istat Membru l-ieħor, trattament inkompatibbli mad-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja, previst fl-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Karta. Din l-interpretazzjoni ma jidhirlix li tikkontradixxi l-għanijiet ta’ din id-direttiva u, b’mod iktar ġenerali, ma’ dawk tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil.

    59.

    Fir-rigward tal-ekonomija tal-ġudizzju, ma jistax jiġi invokat b’mod validu piż ta’ xogħol supplimentari jew sproporzjonat fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali diġà imposti mid-Direttiva 2013/32 u b’mod iktar partikolari tal-obbligu ta’ intervista individwali qabel kull deċiżjoni, inkluż ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni. It-twettiq ta’ tali intervista jippermetti, fl-istess ħin, li tiġi ppreċiżata s-sitwazzjoni tal-familja tal-applikant u li jiġu evalwati, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, din il-proċedura tippermetti lill-awtorità kompetenti tevalwa bl-aħjar mod u malajr is-sitwazzjoni tal-applikant, fl-interess kemm tal-persuna kkonċernata kif ukoll tal-Istat Membru, u dan jikkontribwixxi għall-għan ta’ ħeffa u għar-rekwiżit ta’ kompletezza tal-eżami tal-applikazzjoni.

    60.

    Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-movimenti sekondarji, jidhirli li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ttrasferixxa ruħu fi Stat Membru ieħor wara l-kisba tal-istatus ta’ refuġjat sabiex jingħaqad ma’ wliedu u jgħix magħhom ma taqax, fil-veru sens tal-kelma, taħt dan il-kunċett. Dan il-moviment fi ħdan l-Unjoni ma għandux bħala oriġini esklużiva, kuntrarjament għal dak li huwa stabbilit fil-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32, differenza bejn l-oqsfa ġuridiċi tal-Istati Membri iżda hija mmotivata mis-sodisfazzjon ta’ dritt fundamentali previst fl-Artikolu 7 tal-Karta. Fi kliem ieħor, l-approċċ tar-rikorrent ma jaqax taħt dak li huwa normalment indikat taħt l-isem “forum shopping” tal-ażil, peress li l-persuna kkonċernata ma fittxitx protezzjoni legali aħjar jew li tilgħab fuq id-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni soċjali offruta mill-Istati Membri sabiex tikseb kundizzjonijiet tal-ħajja materjali aħjar. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-projbizzjoni imposta fuq l-Istati Membri milli jimplimentaw l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, il-perspettiva ta’ “konġestjoni” tas-sistema jidhirli li ma tantx hija verosimili.

    61.

    Is-soluzzjoni rrakkomandata f’dawn il-konklużjonijiet hija, fil-fehma tiegħi, kompletament konformi ma’ għanijiet oħra segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-elaborazzjoni tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-istandards fil-qasam, b’mod partikolari, tal-proċeduri tal-ażil, tal-protezzjoni u tal-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll il-preċedenza tal-aħjar interess tal-wild fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. L-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jidhirli li hija xierqa f’kuntest ikkaratterizzat mid-diversità tas-sitwazzjonijiet possibbli tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Unjoni. Il-fatt li din id-dispożizzjoni hija fakultattiva għall-Istati Membri, li l-istatus ta’ refuġjat jiġi rrikonoxxut awtomatikament, b’mod idderivat, lil membru tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali minn ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 u li xi traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva 2003/86 taw lok, xi drabi, għal allinjamenti tal-istatus ta’ refuġjat ma’ dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jikkontribwixxi għal din l-eteroġenità, b’kontradizzjoni mal-għan ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni li jeżiġi li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu trattati b’mod identiku u xieraq, kull fejn jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

    E.   Fuq il-konsegwenzi tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

    62.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq l-Istat Membru ospitanti li jestendi l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali mogħti lil wild minuri għall-ġenitur li jgħix flimkien miegħu konformement mad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild previst fl-Artikolu 24(2) ta’ din tal-aħħar. Ir-risposta għal din id-domanda timplika, fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni ta’ diversi osservazzjonijiet b’rabta mal-konsegwenzi ta’ impossibbiltà ta’ implimentazzjoni mill-Istat Membru ospitanti tal-fakultà mogħtija lilu mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u għalhekk tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    63.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jikkostitwixxi deroga mill-obbligu tal-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri li jevalwaw jekk l-applikant ikkonċernat huwiex eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. Din tal-aħħar tipprevedi, min-naħa tagħha u konformement mal-Artikolu 1 tagħha, standards dwar, qabel kollox, il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali; sussegwentement, status uniformi għar-refuġjati u għall-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja u, finalment, il-kontenut ta’ din il-protezzjoni. Kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mad-definizzjonijiet tat-termini “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, li jinsabu fl-Artikolu 2(d) u (f) tagħha, jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali msemmija f’din id-direttiva għandha, bħala prinċipju, tingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jemmen b’raġuni li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiki tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, jew li hemm ir-riskju reali li jsofri dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva ( 70 ).

    64.

    Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn Stat Membru jiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni li tipprekludih milli juża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, huwa għandu jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata lilu u li jivverifika li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ din il-protezzjoni kif deskritti iktar ’il fuq. L-Istat Membru għandu għalhekk jikkunsidra u jittratta liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat bħala l-ewwel darba li qiegħed japplika għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement minn dak li diġà ngħatalu minn Stat Membru ieħor. Il-konsegwenzi ta’ tali sitwazzjoni kienu previsti b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ( 71 ) u, ħlief sabiex iċċaħħad din id-dispożizzjoni minn kull effett utli, iċ-ċirkustanza marbuta mar-rikonoxximent minn qabel tal-protezzjoni internazzjonali mill-ewwel Stat Membru ma tistax, mill-ġdid, tittieħed inkunsiderazzjoni b’xi mod fil-kuntest tal-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni ( 72 ).

    65.

    Fit-tieni lok, il-partijiet ikkonċernati kollha jenfasizzaw, essenzjalment, li l-applikazzjoni ppreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tiżgura jew hija mmotivata biss mir-riunjoni tal-familja, peress li l-persuna kkonċernata ma aġixxietx minn bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali diġà ssodisfatt fl-Awstrija. L-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali għalhekk ma hijiex verament waħda u ma tistax tagħti lok, fid-dawl tal-kliem, tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/95, għall-għoti ta’ status li jaqa’ taħt din il-protezzjoni. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa neċessarju li ssir distinzjoni ċara bejn l-istrument ġuridiku nnifsu, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u l-kontenut tal-argumenti u tal-provi prodotti insostenn tagħha kif ukoll l-eventwali motivazzjoni sottostanti tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.

    66.

    Il-kunċett ta’ “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala t-“talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-[Direttiva 2011/95] li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”. Tali applikazzjoni titqies li ġiet ippreżentata malli l-persuna kkonċernata tkun uriet, quddiem waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ir-rieda tagħha li tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma l-manifestazzjoni ta’ din ir-rieda tkun tista’ tiġi suġġetta għal ebda formalità amministrattiva ( 73 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod inekwivoku li, fl‑14 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni fil-Belġju kkunsidrata bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet kompetenti li ddikjarawha inammissibbli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

    67.

    Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jkollhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward ( 74 ). L-istess soluzzjoni tapplika b’analoġija għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fid-dawl tal-formulazzjoni simili tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 ( 75 ). L-eżistenza ta’ motivazzjoni sottostanti u f’waqtha tal-applikant sabiex iżomm l-unità tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat hija f’dan il-każ irrilevanti, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq is-sempliċi bażi tal-unità tal-familja neċessarja mal-benefiċjarju ta’ tali protezzjoni, indipendentement minn kull allegazzjoni ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet jew ta’ theddid serju li jikkonċerna l-awtur tal-applikazzjoni, tista’ tintemm biss, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95, permezz ta’ ċaħda fil-mertu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din id-direttiva ma tipprevedix estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja tal-persuna li lilha jingħata dan l-istatus, u dan ma jfissirx li r-rabta tal-familja qatt ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali ( 76 ).

    68.

    Fit-tielet lok, bħalma jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali kif ukoll livell minimu ta’ benefiċċji lil dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha ( 77 ). Barra minn hekk, skont il-premessi 11 u 12 kif ukoll skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32, il-qafas għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ “proċedura unika” u fuq regoli minimi komuni ( 78 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li wieħed jaħseb li s-sitwazzjonijiet ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw xebh reali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri differenti u jitolbu l-istess tweġiba fuq il-mertu. Fi kliem ieħor, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, a priori, jingħata l-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju, li jwassal għal sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ protezzjoni internazzjonali. Għalkemm l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, kif ukoll il-waqfien tagħha, ma hijiex espressament prevista mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, hija madankollu tikkostitwixxi konsegwenza possibbli tan-natura fakultattiva għall-Istati Membri tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) ta’ dan l-aħħar standard u ġiet impliċitament iżda neċessarjament aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar din id-dispożizzjoni ( 79 ).

    69.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ tali sitwazzjoni, nirrileva li, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tagħha, jistabbilixxi l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jew għandhom jirrevokaw dan l-istatus, itemmuh jew jirrifjutaw li jġedduh. Ebda wieħed mill-każijiet previsti, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati ( 80 ), ma jkopri dak tar-rikonoxximent doppju. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32 li jiddetermina l-garanziji li minnhom tibbenefika l-persuna kkonċernata meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprevedi li tirtira, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni internazzjonali li tkun ingħatatilha, jinkludi paragrafu 5 derogatorju. Dan tal-aħħar jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-imsemmija protezzjoni ssir legalment invalida jekk il-benefiċjarju tagħha jkun irrinunzja b’mod inekwivoku għar-rikonoxximent tiegħu bħala tali, u dan, fil-fehma tiegħi, jista’ jkopri l-ipoteżi tal-applikazzjoni u l-kisba sussegwenti fi Stat Membru ieħor tal-protezzjoni mogħtija fl-ewwel Stat. Fl-aħħar nett, huwa iktar minn verosimili li s-sitwazzjoni ta’ rikonoxximent doppju jkollha l-konsegwenza li l-permess ta’ residenza temporanju awtomatikament miksub fl-ewwel Stat Membru skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95 ma jiġix imġedded, fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens mill-persuna kkonċernata jew fid-dawl tal-assenza ta’ din tal-aħħar fit-territorju nazzjonali matul żmien partikolari kif ukoll tal-ksib ta’ permess ta’ residenza ġdid fit-tieni Stat Membru. Issa, il-premessa 40 tad-Direttiva 2011/95 issemmi li, fil-limiti stabbiliti mill-obbligi internazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-għoti ta’ benefiċċji fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, għas-sigurtà soċjali, għall-kura tas-saħħa u għall-mekkaniżmi ta’ integrazzjoni huwa suġġett għall-ħruġ, minn qabel, ta’ permess ta’ residenza. Dawn l-elementi huma ta’ natura li jirrelativizzaw l-importanza u l-konsegwenzi fil-prattika ta’ rikonoxximent doppju ta’ protezzjoni internazzjonali.

    70.

    Fl-aħħar nett nirrileva li, peress li probabbiltà, anki jekk qawwija, ma tikkostitwixxi qatt ċertezza, ma huwiex eskluż li l-evalwazzjoni individwali tat-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, wara l-għoti tagħha minn Stat Membru wieħed, tista’ twassal għaċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni. Għalkemm is-sistema legali stabbilita mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32 tikkostitwixxi pass ’il quddiem lejn sistema Ewropea komuni tal-ażil, din ma tirriflettix armonizzazzjoni kompleta. Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour ( 81 ), ċerti kunċetti fundamentali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/95 ma humiex iddefiniti stricto sensu, fatt li jħalli post għal evalwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri u jagħti lok għal talbiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu nirrileva li, fil-każ ta’ ċaħda fil-mertu tal-imsemmija applikazzjoni, it-tieni Stat Membru jkun jista’, jekk ikun il-każ, jagħti lill-individwu li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda l-vantaġġi previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, u dan skont l-Artikolu 23 ta’ din tal-aħħar.

    V. Konklużjoni

    71.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju):

    1)

    L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor, meta r-rinviju ta’ dan l-applikant għal dan l-Istat Membru l-ieħor jesponih għal riskju serju li jkun suġġett għal trattament li jmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 18 u l-Artikolu 24(2) tagħha.

    Il-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa l-ġenitur ta’ wild minuri li jibbenefika minn din il-protezzjoni fl-Istat Membru ospitanti jista’ jwassal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju, bla ħsara għall-verifika, li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom iwettqu, tal-assenza ta’ detenzjoni minn dan l-applikant ta’ status ġuridiku li jiggarantilu residenza stabbli f’dan l-Istat u għall-fatt li s-separazzjoni tal-wild mill-ġenitur tiegħu tista’ tippreġudika r-relazzjonijiet tagħhom u l-ekwilibriju ta’ dan il-wild.

    2)

    L-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-imsemmi applikant timplika l-eżami fil-mertu tagħha għall-finijiet tal-verifika tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-protezzjoni previsti fl-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. Din id-direttiva ma tipprevedix estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-persuna li lilha jingħata dan l-istatus.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    ( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

    ( 5 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix espressament l-Artikolu 7 tal-Karta iżda tirreferi għall-prinċipju tal-unità tal-familja. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, id-domandi preliminari għandhom jiġu riżolti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u tad-dritt sekondarju li jistgħu jkunu rilevanti għall-problema mqajma, inklużi d-dispożizzjonijiet li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 21), u tal‑11 ta’ April 2019, Repsol Butano u DISA Gas (C‑473/17 u C‑546/17, EU:C:2019:308, punt 38)).

    ( 6 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ibrahim et, EU:C:2019:219, punt 58). Din in-natura fakultattiva twassal neċessarjament għal diverġenzi possibbli fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-mekkaniżmu ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

    ( 10 ) Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Kapper (C‑476/01, EU:C:2004:261, punt 72); tat‑12 ta’ Novembru 2009, TeliaSonera Finland (C‑192/08, EU:C:2009:696, punt 40), u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 87).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 43).

    ( 12 ) Ara s-sentenza Ibrahim et, punt 77).

    ( 13 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Dublin II, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79).

    ( 14 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52) u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punti 5152).

    ( 15 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2011/95 u, b’analoġija mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punti 5152).

    ( 16 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.

    ( 17 ) Barra minn hekk, mis-sentenza Ibrahim et (punt 98) jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, iwettqu evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    ( 18 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 46 sa 48).

    ( 19 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali ma taqax taħt tali każ, li huwa previst fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32. Fis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 58), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kull applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija ppreċeduta minn applikazzjoni inizjali li ġiet definittivament miċħuda, li fil-kuntest tagħha l-awtorità kompetenti wettqet eżami eżawrjenti sabiex tiddetermina jekk l-applikant ikkonċernat jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 55 u 59).

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 64).

    ( 22 ) Ara s-sentenza Ibrahim et, punt 101, u d-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 43).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ibrahim et, punti 83 sa 86, u d-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 41).

    ( 24 ) Din il-konklużjoni hija kkonfermata bl-użu tat-terminu “b’mod partikolari” fil-punt 83 tas-sentenza Ibrahim et.

    ( 25 ) Fis-sentenza Ibrahim et (punti 95 sa 100), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, barra minn hekk, ksur eventwali ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ rifjut sistematiku, mingħajr eżami reali, tal-għoti minn Stat Membru tal-istatus ta’ refuġjat lil applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2011/95. Għalkemm qieset li dan it-trattament ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa konformi mal-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 18 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-Istati Membri l-oħra jistgħu jiċħdu l-applikazzjoni l-ġdida bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, u l-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni sussidjarja għandu jkompli l-proċedura mmirata għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

    ( 26 ) Id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja huwa ggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”, l-unità tal-familja hija dritt essenzjali tar-refuġjat (Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2014, Tanda-Muzinga vs Franza, CE:ECHR:2014:0710JUD000226010, punt 75). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 53), li anki jekk il-KEDB ma tiggarantixxix dan bħala dritt fundamentali, għal barrani, li jidħol jew jirrisjedi fit-territorju ta’ pajjiż partikolari, l-esklużjoni ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba viċini tagħha tista’ tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif protett mill-Artikolu 8(1) ta’ din il-konvenzjoni.

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ibrahim et, punt 97, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 54).

    ( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:514, punt 51), u tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:384, punt 66).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) It-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild jikkostitwixxi, barra minn hekk, preokkupazzjoni trasversali tal-istrumenti ġuridiċi kollha li jifformaw is-sistema Ewropea komuni tal-ażil.

    ( 31 ) Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni tagħha 44/25 tal‑20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990, li torbot lil kull wieħed mill-Istati Membri, tirrikonoxxi wkoll il-prinċipju tar-rispett tal-ħajja tal-familja. Hija bbażata fuq ir-rikonoxximent, espress fis-sitt premessa tagħha, li l-wild għandu jitrabba f’ambjent ta’ familja għall-iżvilupp armonjuż tal-personalità tiegħu. L-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi għalhekk li l-Istati partijiet għandhom jiżguraw li l-wild ma jkunx isseparat mill-ġenituri tiegħu kontra r-rieda tagħhom (paragrafu 1) u għandhom jirrispettaw id-dritt tal-wild isseparat miż-żewġ ġenituri tiegħu jew minn wieħed minnhom li jkollu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-aħjar interess tal-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 57).

    ( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli li jiġu ċċitati l-premessa 17 u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 604/2013 li minnhom jirriżulta li kull Stat Membru jista’ jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji u ta’ kompassjoni, sabiex jippermetti l-approssimazzjoni ta’ membri tal-familja, ta’ qraba jew ta’ kwalunkwe persuna oħra ta’ parentela u jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk dan l-eżami ma huwiex impost fuqu skont kriterji obbligatorji stabbiliti f’dan ir-regolament.

    ( 35 ) Ara s-sentenza Ibrahim et, punt 84.

    ( 36 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 49 u 53).

    ( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 68).

    ( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68).

    ( 39 ) Għandu jiġi ppreċiżat li l-unifikazzjoni ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet tista’ tkun insuffiċjenti jekk il-persuna inkwistjoni taqa’ f’wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali prevista fil-Kapitoli III u V tad-Direttiva 2011/95. Bl-istess mod, l-Artikolu 23(4) ta’ dan l-att isemmi li l-Istati Membri jistgħu dejjem jirrifjutaw, jillimitaw jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

    ( 40 ) Id-direttiva 2011/95 ma hijiex intiża sabiex tipproteġi r-rabtiet familjari maħluqa wara d-dħul tal-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti. Dan jiddistingwiha mid-Direttiva 2003/86 li tapplika wkoll fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-familja kkostitwiti wara l-wasla tal-isponsor fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/86).

    ( 41 ) C‑91/20, EU:C:2021:384, punt 55.

    ( 42 ) Dan it-tieni rekwiżit jikkostitwixxi element ġdid ta’ distinzjoni tas-sistema dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja stabbilita mid-Direttiva 2003/86, peress li din tal-aħħar tipprevedi, fl-Artikolu 5(3), li l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni hija ppreżentata, ħlief f’deroga, “meta l-membri tal-familja jkunu joqogħdu barra t-territorju ta’ l-Istat Membru li fih l-isponsor joqgħod”.

    ( 43 ) Fi kliem ieħor, il-membru tal-familja kkonċernat ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni massima, peress li l-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni jew theddid serju li jikkonċernah ma hijiex ikkaratterizzata, iżda hija eliġibbli, bil-għan li tiġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja mal-benefiċjarju tal-protezzjoni, għal diversi vantaġġi li jqegħduh f’sitwazzjoni qrib dik ta’ dan il-benefiċjarju.

    ( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ibrahim et, punti 84 u 85.

    ( 45 ) Nirrileva li, fil-punt 39 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni aċċettat l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-kwalità ta’ refuġjat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa wkoll il-każ tal-konvenut fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-Gvern Taljan isostni (punt 27 tal-osservazzjonijiet) li “għalkemm ma jistax jikseb status ta’ refuġjat (fejn dan tal-aħħar ikun diġà ġie rikonoxxut fi Stat Membru ieħor), ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ f’kull każ jikseb permess ta’ residenza fl-Istat li fih it-tifla minuri tiegħu kisbet protezzjoni sussidjarja”, kif ukoll il-vantaġġi l-oħra previsti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95. Il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni, insuffiċjentament issostanzjata, timplika s-setgħa tal-kunsiderazzjoni li l-għoti ta’ status ta’ refuġjat lill-applikant jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti sabiex, fl-istess ħin, tiġi ddikjarata inammissibbli t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 u l-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 għar-raġuni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb tali status, u dan jista’ jidher intrinsikament inkonsistenti.

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 3458).

    ( 47 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

    ( 48 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 32), u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 42). Għandu jiġi enfasizzat li, matul is-sena 2011, permezz ta’ Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Direttiva 2003/86/KE) (COM (2011) 735 finali), il-Kummissjoni nediet dibattitu dwar ir-riforma possibbli ta’ din id-direttiva. Wieħed mill-punti sottomessi għad-diskussjoni kien jikkonċerna preċiżament il-kwistjoni tal-esklużjoni tal-protezzjoni sussidjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Minkejja s-sostenn ta’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ebda riformulazzjoni ta’ din id-direttiva li tinkludi l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma seħħet.

    ( 49 ) Dubji dwar il-kompatibbiltà tal-esklużjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja mis-sistema prevista mid-Direttiva 2003/86 mal-KEDB tqajmu mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (“Réaliser le droit au regroupement familial des réfugiés en Europe”, Dokument tematiku, 2017). Mitluba tiddeċiedi dwar il-konformità mal-Artikolu 8 tal-KEDB tal-impożizzjoni ta’ terminu ta’ stennija ta’ tliet snin għall-għoti tar-riunifikazzjoni tal-familja lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jew temporanja, il-Qorti EDB ikkonkludiet li kien hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2021, M.A vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2021:0709JUD000669718). Madankollu, fiha l-qorti enfasizzat li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ma hijiex l-istess bħal dik tar-refuġjati (punt 153) u li l-Istati Membri jgawdu minn marġni wiesa’ ta’ manuvra fir-rigward tal-aċċess għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja (punt 155). Għalhekk, id-distinzjoni bejn iż-żewġ status protettivi ma hijiex ikkontestata mill-Qorti EDB.

    ( 50 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 33) u tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 34). Fuq il-konstatazzjoni tad-duttrina fir-rigward ta’ interpretazzjoni stretta tad-Direttiva 2003/86, ara S. Peers, EU Justice and Home Affairs Law (Volume 1: EU Immigration and Asylum Law), ir-raba’ edizzjoni, OUP, Oxford 2016, p. 402.

    ( 51 ) L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk applikazzjoni għal dħul u għal residenza għandhiex tiġi ppreżentata mill-isponsor jew mill-membri tal-familja.

    ( 52 ) Is-sitwazzjoni tidher partikolarment kumplessa, peress li, skont l-appell fil-kassazzjoni, huwa jgħix mat-tifla minuri tiegħu, mas-sieħba tiegħu (refuġjata Sirjana) li għandha t-tifla tiegħu qiegħda f’familja foster, il-wild komuni tagħhom u dawk tas-sieħba tiegħu.

    ( 53 ) Il-Qorti EDB tirrikonoxxi li l-ħajja tal-familja tista’ teżisti fi ħdan l-aħwa u ppreċiżat li fil-proċeduri dwar it-tqegħid tal-minuri, is-separazzjoni tal-aħwa għandu jiġi evitat, peress li dan jista’ jmur kontra l-aħjar interess tal-wild (Qorti EDB, 18 ta’ Frar 1991, Moustaquim vs Il‑Belġju (CE:ECHR:1991:0218JUD001231386, punt 36) u 6 ta’ April 2010, Mustafa u Armağan Akın vs It‑Turkija, (CE:ECHR:2010:0406JUD000469403, punt 19)).

    ( 54 ) Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 2013/32 tipprevedi li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli jekk protezzjoni internazzjonali tkun ingħatat minn Stat Membru ieħor: Artikolu 4(a) tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (Asylgesetz 2005 – AsylG 2005) aċċessibbli fl-indirizz segwenti (bil-Ġermaniż): https://www.ris.bka.gv.at/GeltendeFassung.wxe?Abfrage=Bundesnormen&Gesetzesnummer=20004240

    ( 55 ) Ara l-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva 2003/86. Fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 47), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-għan tad-Direttiva 2003/86, kif jirriżulta mill-premessa 4, kif ukoll minn qari globali ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 13(3) u tal-Artikolu 16(3) tagħha, jirriżulta li, sakemm il-membri tal-familja kkonċernati ma jkunux kisbu dritt ta’ residenza awtonomu abbażi tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa dritt idderivat minn dak tal-isponsor ikkonċernat, intiż sabiex jippromwovi l-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

    ( 56 ) L-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedu diversi drittijiet u benefiċċji għall-benefiċċju tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma jissemmewx fid-Direttiva 2003/86 għall-membri tal-familja tal-isponsor, jiġifieri l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa u għall-akkomodazzjoni. Dawn tal-aħħar jibbenefikaw mid-dritt għall-aċċess għal impjieg b’salarju jew għal rashom skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/86, iżda l-Istati Membri jistgħu jiffissaw terminu ta’ tnax-il xahar qabel ma jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ din l-attività u jillimitaw dan l-aċċess għat-tfal maġġorenni mhux miżżewġa.

    ( 57 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 4656).

    ( 58 ) COM (2014) 210 final, punt 6.2, p. 25 u 26.

    ( 59 ) Barra minn hekk, quddiem l-isfidi marbuta mal-kriżi migratorja tal‑2015, ċerti Stati, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja, illimitaw temporanjament il-possibbiltà ta’ riunifikazzjoni tal-familja għall-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja (Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, tad‑29 ta’ Marzu 2019, COM (2019) 162 final, p. 4; UNHCR “The ‘Essential Right’ to Family Unity of Refugees and Others in Need of International Protection in the Context of Family Reunification”, p. 142 sa 145 u “Réaliser le droit au regroupement familial des réfugiés en Europe ”, dokument tematiku ppubblikat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, 2017, p. 32 sa 34).

    ( 60 ) Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa għalhekk preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr apparentement ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih u jinsab, minħabba dan il-fatt biss, f’residenza irregolari, anki jekk huwa għandu permess ta’ residenza, validu, fi Stat Membru ieħor minħabba li dan tal-aħħar irrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għandu jirritorna immedjatament fit-territorju ta’ dan l-Istat l-ieħor skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), u jista’, jekk ikun il-każ, ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ trasferiment forzat lejn dan l-Istat konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn jirrisjedi (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 30, 33, 45 sa 48)).

    ( 61 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661), punti 116 sa 118), u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 61).

    ( 62 ) Huwa ċertament verosimili li, fil-prattika, il-benefiċċju ta’ tali status huwa ta’ natura li jipprekludi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru ospitanti tal-familja jew iwassal għall-irtirar tagħha.

    ( 63 ) Mis-sena 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrisjedi fil-Belġju u jgħix taħt l-istess saqaf tat-tifla minuri tiegħu. Din is-sitwazzjoni tikkaratterizza inkontestabbilment l-eżistenza ta’ “ħajja tal-familja”, kif meħtieġa mill-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li jiġi osservat li dan il-kunċett ta’ “ħajja tal-familja” jista’ jinkludi r-relazzjoni bejn wild leġittimu jew naturali u missieru, indipendentement mill-preżenza jew le fid-dar tal-omm, u li l-protezzjoni li tiggarantixxi din id-dispożizzjoni testendi għall-membri kollha tal-familja (Qorti EDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punt 117)).

    ( 64 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punti 109 u 118).

    ( 65 ) Barra minn hekk, mill-premessa 16 u mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-unità tal-familja u fl-aħjar interess tal-wild, l-eżistenza ta’ rabta ta’ dipendenza bejn applikant għal protezzjoni internazzjonali u ċerti membri tal-familja tiegħu tikkostitwixxi kriterju obbligatorju ta’ responsabbiltà.

    ( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 52).

    ( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 59).

    ( 68 ) Mis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 54) jirriżulta li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza tal-wild, kif ukoll tal-ġenitur tiegħu, fl-Istat Membru ospitanti, l-età li fiha dan il-wild wasal f’dan l-Istat Membru u ċ-ċirkustanza eventwali li kien trabba u rċieva hemmhekk edukazzjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, ekonomiċi, kulturali u soċjali tal-wild u tal-ġenitur ma’ u fl-imsemmi Stat Membru.

    ( 69 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil‑Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 7173).

    ( 70 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 4849).

    ( 71 ) Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/32, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27 ta’ din tal-aħħar dwar l-irtirar tal-applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitlob protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. L-applikazzjoni tista’ wkoll tiġi miċħuda bħala manifestament infondata, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 31(8)(b) u tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, jekk is-sitwazzjoni msemmija hija ddefinita bħala tali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jista’ jkun il-każ meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur.

    ( 72 ) F’dan ir-rigward, ma jidhirlix li huma rilevanti l-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan (punti 36, 37, 56, 58 u 61) li jgħidu li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali huwa rriżervat biss għall-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għaliha, li ma huwiex il-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jibbenefikaw diġà minn tali status mogħti fi Stat Membru, li jipproteġih kontra kull speċi ta’ persekuzzjoni jew ta’ perikolu serju.

    ( 73 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 97).

    ( 74 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89).

    ( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 36).

    ( 76 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ippreċiżat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lil Stat Membru, fil-każ ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil membru ta’ familja, jestendi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja. Hija ddeċidiet ukoll li għalkemm applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tintlaqa’, bħala tali, minħabba li membru tal-familja tal-applikant għandu biża’ fondata minn persekuzzjoni jew huwa f’riskju reali ta’ perikolu serju, huwa importanti, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni tali theddid fil-konfront ta’ membru tal-familja tal-applikant sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant huwiex, minħabba r-rabta familjari tiegħu ma’ din il-persuna mhedda, huwa stess espost għal theddid ta’ persekuzzjoni jew ta’ perikolu serju.

    ( 77 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 79).

    ( 78 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 30).

    ( 79 ) Ara s-sentenza Ibrahim et u d-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964).

    ( 80 ) Gwida u prinċipji gwida dwar il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tar-refuġjati fid-dawl tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal‑1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, Diċembru 2011, HCR/1P/4/ENG/REV.3, punt 116.

    ( 81 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità familjari) (C‑91/20, EU:C:2021:384, punt 108).

    Fuq