Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0295

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Lulju 2021.
    "Sanresa" UAB vs Aplinkos apsaugos departamentas prie Aplinkos ministerijos.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart – Direttiva 2014/24/UE – Artikoli 58 u 70 – Klassifikazzjoni tal-obbligu għall-operatur li jkollu kunsens bil-miktub mogħti minn qabel għall-vjeġġi ta’ skart transkonfinali – Kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt.
    Kawża C-295/20.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:556

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart – Direttiva 2014/24/UE – Artikoli 58 u 70 – Klassifikazzjoni tal-obbligu għall-operatur li jkollu kunsens bil-miktub mogħti minn qabel għall-vjeġġi ta’ skart transkonfinali – Kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt”

    Fil-Kawża C‑295/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

    “Sanresa” UAB

    vs

    Aplinkos apsaugos departamentas prie Aplinkos ministerijos,

    fil-preżenza ta’:

    “Toksika” UAB,

    “Žalvaris” UAB,

    “Palemono keramikos gamykla” AB,

    “Ekometrija” UAB,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal “Žalvaris” UAB, minn K. Kačerauskas, advokatas,

    għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek, A. Steiblytė u K. Talabér-Ritz kif ukoll minn P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 42, 56, 58 u 70 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tal-punt 35 tal-Artikolu 2, tal-Artikoli 3 sa 7, 9 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Sanresa” UAB u l-Aplinkos apsaugos departamentas prie Aplinkos ministerijos (id-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li teskludi lil Sanresa minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2014/24

    3

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, li jirrigwarda l-“[p]rinċipji tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti]” jipprovdi:

    “1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    It-tfassil tal-akkwist [kuntratt] ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.”

    4

    L-Artikolu 42 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-modalitajiet li bihom l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jifformulaw l-“[is]peċifikazzjonijiet tekniċi” u jieħdu dan inkunsiderazzjoni waqt is-selezzjoni tal-offerti.

    5

    Taħt it-titolu “Avviżi dwar kuntratti”, l-Artikolu 49 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-avviżi dwar kuntratti għandhom jintużaw bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kollha, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(5) u l-Artikolu 32. L-avviżi dwar kuntratti għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness V parti C u għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51.”

    6

    L-Artikolu 56 tal-istess direttiva, li jipprovdi l-“[p]rinċipji ġenerali” tal-għażla tal-parteċipanti u tal-għoti tal-kuntratti, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji stipulati skont l-Artikoli 67 sa 69, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat f’konformità mal-Artikoli 59 sa 61 li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati:

    […]

    (b)

    l-offerta ġejja minn offerent li mhuwiex eskluż skont l-Artikolu 57 u li jissodisfa l-kriterji ta’ għażla stipulati mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 58 u, fejn applikabbli, ir-regoli u l-kriterji nondiskriminatorji msemmija fl-Artikolu 65.

    L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux kuntratt lill-offerent li jissottometti l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża fejn dawn ikunu stabbilixxew li l-offerta ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli msemmijin fl-Artikolu 18(2).”

    7

    Taħt it-titolu “Kriterji ta’ għażla”, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi:

    “1.   Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:

    (a)

    l-adattabilità [kapaċità] għat-twettiq tal-attività professjonali;

    (b)

    il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;

    (c)

    il-kapaċità teknika u professjonali.

    Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

    2.   Fir-rigward tal-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu rreġistrati f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali miżmuma fl-Istati Membri ta’ stabbiliment tagħhom, kif spjegat fl-Anness XI jew biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe talba oħra stabbilita f’dak l-Anness.

    Fil-proċeduri tal-akkwist għal servizzi, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom awtorizzazzjoni speċifika jew ikunu membri ta’ organizzazzjoni partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-awtorità kontraenti tista’ titlobhom jagħtu prova li għandhom awtorizzazzjoni jew sħubija bħal din.

    3.   Fir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom li turi, pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi. Huma jistgħu wkoll jeżigu livell adegwat ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali.

    Il-fatturat annwali minimu li l-operaturi ekonomiċi huma obbligati li jkollhom ma għandux ikun aktar mid-doppju tal-valur stmat tal-kuntratt, għajr f’każijiet debitament ġustifikati bħal dawk relatati mar-riskji speċjali marbutin man-natura tax-xogħlijiet, is-servizzi jew il-provvisti. L-awtorità kontraenti għandha tindika r-raġunijiet prinċipali għal tali rekwiżit fid-dokumenti tal-akkwist jew fir-rapport individwali msemmi fl-Artikolu 84.

    Pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi jista’ jittieħed kont tiegħu fejn l-awtorità kontraenti tispeċifika l-metodi u l-kriterji għat-tali konsiderazzjoni fid-dokumenti tal-akkwist. Dawn il-metodi u kriterji għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji.

    Meta kuntratt ikun maqsum f’lottijiet, dan l-Artikolu għandu japplika b’relazzjoni għal kull lott individwali. Madanakollu, l-awtorità kontraenti tista’ tistabbilixxi l-fatturat annwali minimu li l-operaturi ekonomiċi huma obbligati li jkollhom b’referenza għal gruppi ta’ lottijiet f’każ li l-offerent li jirbaħ il-kuntratt jingħata diversi lottijiet li għandhom jitwettqu fl-istess żmien.

    Fejn kuntratti bbażati fuq ftehim qafas kellhom jingħataw wara ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ fatturat annwali massimu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-daqs massimu mistenni tal-kuntratti speċifiċi li ser jitwettqu fl-istess żmien, jew inkella, fejn dan ma jkunx magħruf, fuq il-bażi tal-valur stmat tal-ftehim qafas. Fil-każ ta’ sistemi dinamiċi tax-xiri, ir-rekwiżit ta’ fatturat annwali massimu msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-daqs massimu previst ta’ kuntratti speċifiċi li ser jingħataw taħt dik is-sistema.

    4.   Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità.

    B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. Awtorità kontraenti tista’ tassumi li operatur ekonomiku ma għandux l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq tal-kuntratt.

    […]”

    8

    L-Anness XII ta’ din id-direttiva, intitolat “Mezzi ta’ Prova tal-Kriterji tal-Għażla”, isemmi, fil-punt (g) tal-Parti II tiegħu, fost il-mezzi ta’ prova li jiċċertifikaw il-kapaċitajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva l-“indikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt”.

    9

    Skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti”:

    “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ kuntratt, dment li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 67(3) u indikati fis-sejħa għall-kompetizzjoni jew fid-dokumenti ta’ akkwist. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, relatati mal-innovazzjoni, ambjentali, soċjali jew relatati mal-impjieg.”

    10

    Intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-Avviżi”, l-Anness V ta’ din id-direttiva jinkludi Parti C, iddedikata għall-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi dwar kuntratti (imsemmija fl-Artikolu 49)”, li l-punt 17 tiegħu jipprovdi:

    “Fejn xieraq, kondizzjonijiet partikolari li t-twettiq tal-kuntratt huwa soġġett għalihom.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006

    11

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006 fil-punt 35 tiegħu jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-“vjeġġ illegali” ta’ skart kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    (35)

    ‘vjeġġ illegali’ tfisser kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jittwettaq:

    (a)

    mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

    (b)

    mingħajr il-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

    (ċ)

    bil-kunsens miksub mill-awtoritajiet kompetenti konċernati permezz ta’ falsifikazzjoni, rappreżentazzjoni ħażina jew frodi; jew

    (d)

    b’mod li mhuwiex speċifikat materjalment fid-dokumenti ta’ notifika jew ta’ moviment; jew

    […]”

    12

    It-titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Vjeġġi f[l-Unjoni] bi jew mingħajr Tranżitu minn Pajjiżi Terzi”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 32 tiegħu. Taħt it-titolu ‘Qafas proċedurali ġenerali’, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

    (a)

    jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

    kull skart;

    (b)

    jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru:

    (i)

    l-iskart imsemmi fl-Annessa IV, li jinkludi, inter alia, skart elenkat fl-Annessi II u VIII mal-Konvenzjoni ta’ Basel;

    (ii)

    skart elenkat fl-Anness IV A;

    (iii)

    skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA;

    (iv)

    taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA.”

    13

    Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika”:

    “Fejn in-notifikatur għandu l-intenzjoni li jittrasporta skart kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) jew (b), huwa għandu jippreżenta minn qabel notifika bil-miktub lil u permezz ta’ l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ u, jekk jippreżenta notifika ġenerali, jikkonforma ma’ l-Artikolu 13.

    Meta tiġi preżentata notifika, għandhom jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (1)

    Dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment:

    In-notifika għandha ssir permezz tad-dokumenti li ġejjin:

    1

    id-dokument ta’ notifika espost fl-Anness I A; u

    2.

    id-dokument ta’ moviment espost fl-Anness I B.

    Meta jippreżenta notifika, in-notifikatur għandu jimla d-dokument ta’ notifika u, fejn rilevanti, id-dokument ta’ moviment.

    Meta n-notifikatur ma jkunx il-produttur oriġinali skond il-punt 15(a)(i) ta’ l-Artikolu 2, in-notifikatur għandu jiżgura li dan il-produttur jew wieħed mill-persuni indikati fil-punt 15(a)(ii) jew (iii) ta’ l-Artikolu 2, fejn dan ikun prattiku, jiffirma wkoll id-dokument ta’ notifika espost fl-Anness IA.

    Id-dokument ta’ notifika u d-dokument tal-moviment għandhom jiġu rilaxxati lin-notifikatur mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ.

    (2)

    Informazzjoni u dokumentazzjoni fid-dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment:

    In-notifikatur għandu jipprovdi fuq id-dokument ta’ notifika jew jannetti miegħu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kif elenkati fl-Anness II, Parti 1. In-notifikatur għandu jipprovdi fuq id-dokument ta’ moviment, jew jannetti miegħu, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fl-Anness II, Parti 2 sa fejn huwa possibli fiż-żmien tan-notifika.

    Notifika tkun meqjusa bħala mimlija kif jixraq meta l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ tkun sodisfatta li d-dokument ta’ notifika u d-dokument ta’ moviment jintlew skond l-ewwel subparagrafu.

    (3)

    Informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali:

    Jekk mitlub minn xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti konċernati, in-notifikatur għandu jipprovdi informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali. Lista ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali li tista’ tintalab tinsab fl-Anness II, Parti 3.

    Notifika tkun meqjusa bħala mimlija korrettament meta l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni hija sodisfatta li d-dokument ta’ notifika u d-dokument ta’ moviment imtlew u li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kif elenkati fl-Anness II, Part 1 u 2, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali mitluba skond dan il-paragrafu u kif elenkati fl-Anness II, Parti 3, ingħataw min-notifikatur.

    (4)

    Konklużjoni ta’ kuntratt bejn in-notifikatur u d-destinatarju:

    In-notifikatur għandu jikkonkludi kuntratt kif deskritt fl-Artikolu 5 mad-destinatarju għall-irkupru jew ir-rimi ta’ l-iskart notifikat.

    Għandha tiġi provduta prova ta’ dan il-kuntratt jew dikjarazzjoni li tiċċertifika l-eżistenza tiegħu skond Anness IA lill-awtoritajiet kompetenti involuti fiż-żmien tan-notifika. Għandha tiġi provduta kopja tal-kuntratt jew prova tiegħu għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti involuta min-notifikatur jew destinatarju fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti.

    (5)

    Stabbiliment ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ assigurazzjoni ekwivalenti:

    Għandha tiġi stabbilita garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti kif deskritt fl-Artikolu 6. Għandha ssir dikjarazzjoni għal dan il-għan min-notifikatur bil-mili tal-parti adatta tad-dokument tan-notifika espost fl-Anness 1A.

    Il-garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti (jew jekk l-awtorità kompetenti hekk tippermetti, prova ta’ dik il-garanzija jew assigurazzjoni jew dikjarazzjoni li tiċċertifika l-ezistenza tagħha) għandha tiġi provduta bħala parti mid-dokument ta’ notifika fiż-żmien tan-notifika jew jekk l-awtorità kompetenti hekk tippermetti, skond il-liġi nazzjonali, f’tali żmien qabel il-bidu tal-vjeġġ.

    (6)

    Kopertura tan-notifika:

    Notifika għandha tkopri l-vjeġġ ta’ l-iskart mill-post tad-dispaċċ inizjali u inkluż l-irkupru jew r-rimi temporanju u mhux temporanju tiegħu.

    Jekk sussegwentement isiru xi operazzjonijiet temporanji jew mhux temporanji f’pajjiż li mhuwiex l-ewwel pajjiż tad-destinazzjoni, l-operazzjoni mhux temporanja u d-destinazzjoni tagħha għandhom jiġu indikati fin-notifika u għandu japplika l-Artikolu 15(f).

    Għal kull notifika għandu jiġi kopert kodiċi wieħed biss ta’ identifikazzjoni ta’ skart, ħlief għal:

    1.

    skart li mhuwiex klassifikat taħt entrata singola waħda f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA. F’dan il-każ, tip wieħed biss ta’ skart għandu jiġi speċifikat;

    2.

    taħlitiet ta’ tipi ta’ skart mhux klassifikati taħt entrata singola waħda f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA. F’dan il-każ, il-kodiċi għal kull frazzjoni ta’ l-iskart għandu jiġi speċifikat f’ordni ta’ importanza.”

    14

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Oġġezzjonjiet għal vjeġġi ta’ skart destinat għar-rimi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn tiġi preżentata notifika dwar vjeġġ ippjanat ta’ skart destinat għar-rimi, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu, fi żmien tletin jum mid-data tat-trażmissjoni tar-rikonoxximent mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni skond l-Artikolu 8, iqajmu oġġezzjonijiet motivati bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin u skond it-Trattat [FUE]:

    (a)

    li l-vjeġġ jew rimi ppjanat ma jikkonformax mal-miżuri meħuda fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza fil-livelli Komunitarji u nazzjonali skond id-Direttiva 75/442/KEE, sabiex jipprojbixxu ġeneralment u parzjalment jew sabiex joġġezzjonaw sistematikament għal vjeġġi ta’ skart; jew

    (b)

    li l-vjeġġ jew rimi ppjanat ma jikkonformax mal-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent, l-ordni pubbliku jew il-protezzjoni tas-saħħa fir-rigward ta’ azzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu fil-pajjiż li joġġezzjona; jew

    […]”

    15

    Taħt it-titolu “Bdil fil-vjeġġ wara l-kunsens”, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “1.   Jekk issir xi bidla essenzjali fid-dettalji u/jew fil-kondizzjonijiet tal-vjeġġ kunsentit, inklużi bidliet fil-kwantità maħsuba, fir-rotta, fl-itinerarju, fid-data tal-vjeġġ jew fit-trasportatur, in-notifikatur għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti konċernati u lid-destinatarju minnufih u, fejn possibli, qabel jibda l-vjeġġ.

    2.   F’każi bħal dawn għandha tiġi preżentata notifika ġdida, sakemm l-awtoritajiet kompetenti konċernati kollha ma jikkunsidrawx li l-bidliet proposti ma jirrikjedux notifika ġdida.

    3.   Fejn tali bidliet jinvolvu awtoritajiet kompetenti oħrajn barra dawk konċernati bin-notifika oriġinali, għandha tiġi preżentata notifika ġdida.”

    Id-dritt Litwan

    16

    Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprovdi, fl-Artikolu 35 tagħha, intitolat “Kontenut tad-dokumenti tal-kuntratt”:

    “1.   Fid-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-iżvolġiment tal-proċedura.

    2.   Id-dokumenti tal-kuntratt għandhom jispeċifikaw:

    1)

    ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-formulazzjoni tal-offerti;

    2)

    ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ fornituri, kundizzjonijiet ta’ kapaċità u, jekk ikun il-każ, l-istandards ta’ ġestjoni tal-kwalità u ta’ ġestjoni ambjentali meħtieġa, liema rekwiżiti jistgħu japplikaw ukoll għall-membri, meħuda individwalment, ta’ grupp ta’ fornituri li jkunu ppreżentaw talba għall-parteċipazzjoni jew offerta komuni;

    3)

    l-informazzjoni li, fil-każ fejn il-kapaċità tal-fornitur marbuta mad-dritt li jeżerċita l-attività kkonċernata ma tkunx ġiet ivverifikata jew ma tkunx ġiet ivverifikata kollha kemm hi, il-fornitur jintrabat fil-konfront tal-awtorità kontraenti li l-persuni li għandhom dan id-dritt biss jeżegwixxu l-kuntratt;

    […]

    5)

    il-lista ta’ dokumenti li jiċċertifikaw l-assenza ta’ raġunijiet għall-esklużjoni tal-fornituri, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità u, jekk ikun il-każ, jikkonformaw ruħhom ma’ ċerti standards ta’ ġestjoni tal-kwalità u ta’ ġestjoni ambjentali, l-informazzjoni li l-fornitur għandu jipprovdi d-Dokument ta’ Akkwist Uniku Ewropew (DAUE) konformement mal-Artikolu 50 ta’ din il-liġi, kif ukoll l-indikazzjoni, fil-każ ta’ proċedura miftuħa, li jsir użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 59(4) ta’ din il-liġi, li l-ewwel tiġi evalwata l-offerta sottomessa minn fornitur u li jiġi vverifikat fi stadju sussegwenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità;

    […]

    8)

    in-natura tal-merkanzija, servizzi jew xogħlijiet li għandhom jiġu pprovduti, il-kwantità tagħhom (l-ambitu), in-natura tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti flimkien mal-oġġetti, it-termini għall-provvista ta’ oġġetti, għal provvista ta’ servizzi jew għal twettiq ta’ xogħlijiet;

    […]

    13)

    il-kundizzjonijiet kuntrattwali proposti mill-awtorità kontraenti u (jew) l-abbozz tal-kuntratt skont l-Artikolu 87 ta’ din il-liġi, jekk ikun diġà ġie redatt. Jekk ikun previst li jiġi konkluż ftehim qafas, id-dokumenti tal-kuntratt għandhom ukoll jinkludu l-kundizzjonijiet tal-ftehim qafas u (jew) l-abbozz tal-ftehim qafas, jekk ikun diġà ġie redatt;

    […]

    19)

    it-terminu, il-post u l-metodu ta’ sottomissjoni tal-offerti;

    […]

    4.   L-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi d-dokumenti tal-kuntratt skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Id-dokumenti tal-kuntratt għandhom ikunu preċiżi, ċari, mingħajr ambigwità, b’mod li jippermettu lill-fornituri jissottomettu offerti u lill-awtorità kontraenti li jakkwistaw dak li jkun meħtieġ.”

    17

    Bit-titolu “Sottomissjonijiet tat-talbiet għal parteċipazzjoni u offerti”, l-Artikolu 40 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “1.   L-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien suffiċjenti għas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti, sabiex il-fornituri jkunu jistgħu jippreparaw u jissottomettu t-talbiet tagħhom għall-parteċipazzjoni u l-offerti tagħhom b’mod xieraq u fi żmien xieraq. Dan it-terminu ma jistax ikun iqsar mill-iqsar termini għat-tressiq tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u tal-offerti previsti fl-Artikoli 60, 62, 65, 69 u 74 ta’ din il-liġi. L-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi dan it-terminu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-komplessità tal-kuntratt u taż-żmien meħtieġ għat-tfassil tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u tal-offerti.

    […]

    3.   Meta offerti jkunu jistgħu jsiru biss wara żjara tal-postijiet ta’ provvista tas-servizzi jew tat-twettiq tax-xogħlijiet jew wara li jiġu eżaminati fuq il-post il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi terminu għas-sottomissjoni tal-offerti li jeċċedi dawk previsti fl-Artikoli 60, 62, 65, 69 u 74 ta’ din il-liġi, sabiex il-fornituri kkonċernati kollha jkollhom il-possibbiltà li jsiru jafu bl-informazzjoni kollha neċessarja għat-tfassil tal-offerti tagħhom.

    4.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jestendu t-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerti sabiex il-fornituri kollha li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-proċedura jkollhom il-possibbiltà li jsiru jafu bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ifasslu l-offerti tagħhom fil-każijiet li ġejjin:

    1)

    fejn, għal kwalunkwe raġuni, l-informazzjoni addizzjonali, għalkemm mitluba mill-fornitur fi żmien xieraq, tingħata inqas minn sitt ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-offerti u inqas minn erbat ijiem jekk tkun proċedura ssemplifikata. Fil-każ ta’ proċedura miftuħa, ristretta jew kompetittiva b’negozjati mħaffa, kif imsemmija fl-Artikolu 60(3) u fl-Artikolu 62(7) ta’ din il-liġi, dan it-terminu jkun ta’ erbat ijiem u fil-kuntest ta’ proċedura ssemplifikata aċċellerata, ta’ tlett ijiem;

    2)

    fejn isiru tibdiliet sinjifikattivi għad-dokumenti tal-kuntratt.

    5.   L-awtorità kontraenti għandha testendi t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti fil-każijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu billi tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-informazzjoni jew it-tibdiliet magħmula lid-dokumenti tal-kuntratt. Fejn l-informazzjoni addizzjonali ma tkunx intalbet fi żmien xieraq jew din ma jkollhiex importanza determinanti fuq it-tħejjija tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti tista’ ma testendix it-terminu.

    […]”

    18

    Skont l-Artikolu 47 tal-imsemmija liġi, intitolat “Kontroll tal-kapaċitajiet tal-fornitur”:

    “1.   Peress li l-awtorità kontraenti hija obbligata tiddetermina jekk il-fornitur għandux il-kompetenza, l-affidabbiltà u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jiġu osservati l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, hija tista’, konsegwentement, tiddefinixxi fl-avviż tal-kuntratt jew f’dokumenti oħra tal-kuntratt il-kapaċitajiet meħtieġa mill-kandidati jew mill-offerenti u d-dokumenti jew l-informazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati sabiex jiġi ċċertifikat li huma għandhom dawn il-kapaċitajiet. Il-kapaċitajiet meħtieġa mill-kandidati jew mill-offerenti min-naħa tal-awtorità kontraenti ma jistgħux jillimitaw il-kompetizzjoni b’mod artifiċjali, għandhom ikunu proporzjonati, relatati mas-suġġett tal-kuntratt u preċiżi u ċari. Sabiex tivverifika l-kapaċitajiet tal-fornituri, l-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-għażla tagħha:

    1)

    id-dritt tagħhom li jeżerċitaw l-attività kkonċernata;

    2)

    il-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi tagħhom;

    3)

    il-kapaċità teknika u professjonali tagħhom.

    2.   L-awtorità kontraenti għandha d-dritt teżiġi, fid-dokumenti tal-kuntratt, li l-fornitur ikollu d-dritt li jeżerċita l-attività neċessarja għat-twettiq tal-kuntratt. Fir-rigward ta’ kuntratt għal servizzi, tista’ teħtieġ li l-fornituri jkollhom awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ikunu membri ta’ ċerti organizzazzjonijiet jekk dan ikun obbligatorju sabiex ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi kkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    Fis-7 ta’ Ottubru 2018, l-awtorità kontraenti ppubblikat sejħa għal offerti miftuħa u internazzjonali li tirrigwarda kuntratt għal servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż.

    20

    Sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ katastrofi ambjentali, l-awtorità kontraenti esponiet, fil-punt 9 ta’ din is-sejħa għal offerti, li kien neċessarju li jintemm malajr l-operat ta’ impjant b’riskju għoli li fih kien hemm skart perikoluż u li dan jiġi pproċessat malajr. Fil-punt 11 tal-imsemmija sejħa, hija indikat li dan l-iskart kien maħżun fil-beraħ, f’reċipjenti li kienu jiddegradaw, imqiegħda mal-art, stivati fuq xulxin u suġġetti għal restrizzjonijiet ta’ piż. Barra minn hekk, dan l-iskart fih prodotti kimiċi perikolużi u aċċessibbli għal persuni mhux awtorizzati. Dawn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw, skont l-awtorità kontraenti, l-użu tal-proċedura mħaffa u t-tnaqqis tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti.

    21

    Il-punt 23 tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità li l-offerenti kellhom jissodisfaw fid-data finali ffissata għas-sottomissjoni tal-offerti. L-awtorità kontraenti indikat li huwa biss l-offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni li ser ikun obbligat jipproduċi d-dokumenti li jiċċertifikaw il-kapaċità tiegħu, kif imsemmija fit-tabella li tinsab fl-imsemmi punt. Barra minn hekk, fil-każ li l-kapaċità tal-offerent relatata mad-dritt li jeżerċita l-attività kkonċernata ma tkunx ġiet ivverifikata jew ma tkunx ġiet ivverifikata kollha kemm hi, l-offerent kellu jintrabat fil-konfront tal-awtorità kontraenti li l-persuni li għandhom dan id-dritt biss jeżegwixxu l-kuntratt.

    22

    Is-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tippermetti, barra minn hekk, li l-offerenti jżuru l-art ikkonċernata qabel ma jippreżentaw l-offerta tagħhom. Madankollu, minħabba l-impossibbiltà ta’ aċċess għal numru kbir ta’ kontejners u li jiġi ddeterminat kemm kienu mimlija, il-kwantità effettiva ta’ skart perikoluż ma kinitx magħrufa.

    23

    L-awtorità kontraenti rċeviet erba’ offerti. Waħda minnhom ġiet sottomessa minn Sanresa, fil-kwalità tagħha ta’ kap ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi Litwani. Din l-offerta kienet tindika żewġ subappaltaturi li kienu stabbiliti fid-Danimarka u fir-Repubblika Ċeka rispettivament.

    24

    Fit-22 ta’ Novembru 2018, l-awtorità kontraenti talbet lil Sanresa tipprovdilha, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, informazzjoni addizzjonali sabiex tiċċara l-offerta tagħha, dwar b’mod partikolari t-tqassim tad-diversi operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart bejn l-imsieħba u s-subappaltaturi tagħha kif ukoll dwar liema mis-subappaltaturi tagħha kellu awtorizzazzjoni għal vjeġġi internazzjonali ta’ skart.

    25

    Fit-7 ta’ Diċembru 2018, l-awtorità kontraenti indikat lil Sanresa, minn naħa, li l-vjeġġ internazzjonali ta’ skart kien, skont ir-Regolament Nru 1013/2006 suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet tal-Istati kkonċernati minnu u, min-naħa l-oħra, li ebda wieħed mill-operaturi ekonomiċi li hija kienet ħatret ma kelllu tali awtorizzazzjoni. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti ppermettiet lil Sanresa tirrimedja dawn in-nuqqasijiet sas-17 ta’ Diċembru 2018, billi tatha l-possibbiltà li tikkompleta l-offerta tagħha jew li tippreżenta lista ġdida ta’ subappaltaturi.

    26

    Fis-26 ta’ Frar 2019, l-awtorità kontraenti madankollu ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, minħabba li s-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet nieqsa miċ-ċarezza, qabel ma bidlet din id-deċiżjoni fit-18 ta’ Marzu 2019. L-għada, hija informat bil-miktub lil Sanresa li kellha terminu ta’ erbgħin jum sabiex tipprovdi awtorizzazzjoni għal vjeġġi internazzjonali ta’ skart jew sabiex tbiddel is-subappaltaturi.

    27

    L-awtorità kontraenti ċaħdet l-offerta ta’ Sanresa fil-21 ta’ Mejju 2019, b’mod partikolari minħabba li din tal-aħħar, peress li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni għal vjeġġi internazzjonali ta’ skart meħtieġa mir-Regolament Nru 1013/2006, ma kinitx uriet li kellha d-dritt teżerċita l-attività kkonċernata.

    28

    Fit-30 ta’ Mejju 2019, Sanresa ressqet ilment kontra ċ-ċaħda tal-offerta tagħha, billi sostniet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni tal-kapaċità tal-fornituri kif kienet tirriżulta mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Sanresa qieset li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux jeħtieġu li flimkien mal-offerta jkun hemm il-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali għal vjeġġi internazzjonali ta’ skart. Peress li l-ilment tagħha ġie miċħud, hija ressqet azzjoni ġudizzjarja u ġiet miċħuda, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Għaldaqstant, hija appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

    29

    Skont din il-qorti, tqum prinċipalment il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-klawżola tas-sejħa għal offerti, li tgħid li l-offerent huwa obbligat jippreżenta, matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti għall-vjeġġi internazzjonali tal-iskart konformement mar-Regolament Nru 1013/2006, peress li l-partijiet jikkontestaw il-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola tistabbilixxix kundizzjoni ta’ kapaċità għall-offerenti jew kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt li ser jiġi konkluż.

    30

    L-imsemmija qorti tirrileva, qabelxejn, li l-partijiet fil-kawża prinċipali jqisu li din il-klawżola ma tirrikjedix espressament li l-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti għall-vjeġġi internazzjonali ta’ skart jiġi anness mal-offerta.

    31

    Sussegwentement, u bħal Sanresa, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu li jiġi ppreżentat dan il-kunsens ma jirreferix għall-kapaċità tal-offerent, iżda għat-twettiq tal-kuntratt. Filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u lill-awtorità kontraenti li jagħtuh, din tal-aħħar iddefinixxiet b’mod mhux preċiż is-suġġett tal-kuntratt, jiġifieri l-kompożizzjoni tal-iskart perikoluż li għandu jitneħħa u l-kodiċi tiegħu. Kien ikun ukoll, ipotetikament, impossibbli li din l-informazzjoni kollha tiġi pprovduta waqt is-sottomissjoni tal-offerta.

    32

    Barra minn hekk, sitwazzjoni li fiha l-awtorità kontraenti ma tiddeskrivix b’mod eżawrjenti s-suġġett tal-kuntratt tista’ wkoll tkun inkompatibbli mar-Regolament Nru 1013/2006, peress li l-legalità ta’ vjeġġi ta’ skart tiddependi, b’mod partikolari, mill-osservanza tal-kundizzjonijiet inizjali, li fid-dawl tagħhom jkun ingħata l-kunsens għall-vjeġġ. B’mod partikolari, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jeżiġi li l-proċedura ta’ notifika terġa’ tinbeda fl-ipoteżi fejn il-kompożizzjoni u l-kwantità effettiva tal-iskart perikoluż kollu jiġu żvelati matul it-twettiq tal-kuntratt.

    33

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-imsemmi regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 11(1)(b) tiegħu, jagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati ta’ tluq, ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jifformulaw, b’mod partikolari għal raġunijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew l-ordni pubbliku, oġġezzjonijiet għall-vjeġġi ta’ skart iddestinat għar-rimi jew għall-irkupru. Għaldaqstant jeżisti riskju kunsiderevoli li jkun legalment impossibbli għall-offerent rebbieħ tal-kuntratt ta’ vjeġġi ta’ skart li jeżegwixxi l-kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tiddubita li r-riskju ta’ rifjut ta’ kunsens għandu jitqiegħed fuq l-awtoritajiet kontraenti li jkunu għażlu offerent rebbieħ u li jkunu kkonkludew il-kuntratt miegħu.

    34

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-awtorità kontraenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tipprevedi, fil-punt 23.1.2 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, li, “fil-każ li l-kapaċità tal-offerent relatata mad-dritt li jeżerċita l-attività kkonċernata ma tkunx ġiet ivverifikata jew ma tkunx ġiet ivverifikata kollha kemm hi, l-offerent jintrabat fil-konfront tal-awtorità kontraenti li l-persuni li għandhom dan id-dritt biss jeżegwixxu l-kuntratt”, ifformulata f’termini identiċi għal dawk tal-punt 3 tal-Artikolu 35(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, imponiet kundizzjoni relatata mal-kapaċità tal-offerenti li jeżegwixxu l-kuntratt.

    35

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, sal-2017, l-ebda rekwiżit fir-rigward tad-dritt tal-offerenti li jeżerċitaw l-attività kkonċernata mill-kuntratt ma kien imsemmi fis-sejħiet għal offerti, b’tali mod li kienu l-offerenti li kellhom jiddeterminaw, fid-dawl tad-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt kif ukoll tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, iċ-ċertifikati, l-awtorizzazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet kollha neċessarji sabiex juru li huma kellhom id-dritt speċifiku meħtieġ.

    36

    Din il-qorti tippreċiża li, wara sentenza tal-14 ta’ Frar 2017 li magħha ġabet bidla, hija tqis li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jiċħdu offerti minħabba li ma jkunux jissodisfaw rekwiżiti li ma jkunux ġew ippubblikati, anki jekk dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw minn regoli legali imperattivi. Barra minn hekk, jekk rekwiżiti relatati mad-dritt li tiġi eżerċitata l-attività kkonċernata imposti minn liġijiet speċjali ma kinux ippreċiżati b’mod ċar fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-offerenti ma kinux jissodisfaw dan, huma għandhom ikunu jistgħu jirrimedjaw in-nuqqasijiet tal-offerta tagħhom, u dan jinkludi l-possibbiltà li jaħtru, anki wara d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-offerti, imsieħeb jew subappaltatur ġdid għat-twettiq tal-kuntratt.

    37

    Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, permezz tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur Litwan xtaq jevita li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jirrifjutaw offerti minħabba l-assenza tal-kapaċità tal-offerenti, filwaqt li l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità ma jkunux ġew stabbiliti b’mod ċar fid-dokumenti tal-kuntratt. Għal dan il-għan, hija tesponi li l-punt 3 tal-Artikolu 35(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi issa jipprovdi espressament li l-awtoritajiet kontraenti għandhom id-dritt ma jivverifikawx, jew ma jivverifikawx kollha kemm huma, il-kapaċitajiet inkwistjoni tal-fornituri.

    38

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk is-setgħa mingħajr limitu hekk mogħtija lill-awtoritajiet kontraenti, li ma jivverifikawx jekk l-offerenti għandhomx effettivament id-dritt jeżerċitaw l-attività kkonċernata, hijiex konformi mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll ma’ organizzazzjoni razzjonali tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    39

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Għandhom jiġu interpretati l-Artikolu 18(2), il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 56(1), l-Artikolu 58(1)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2014/24 (1), kif ukoll l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 1013/2006 u d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan tal-aħħar (moqrija flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitu), fis-sens li l-kunsens mogħti lil operatur ekonomiku, neċessarju biex jiġi ttrasferit skart ta’ Stat Membru lejn ieħor, għandu jiġi kklassifikat bħala kundizzjoni tal-implimentazzjoni tas-suq [kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt] u mhux bħala kundizzjoni marbuta mad-dritt li tiġi eżerċitata l-attività kkonċernata?

    2)

    Jekk wieħed jippreżumi li l-kunsens għat-trasferiment tal-iskart imsemmi hawn fuq għandu jitqies bħala kriterju ta’ għażla tal-fornituri (kapaċità li wieħed jeżerċita l-attività professjonali), għandhom jiġu interpretati u applikati l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ kompetizzjoni leali stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, fl-Artikolu 58(1)(a), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(2) ta’ din l-istess direttiva, il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-persuni, merkanzija u servizzi stabbiliti fl-Artikolu 26(2) TFUE, kif ukoll fl-Artikoli 7 sa 9 tar-Regolament Nru 1013/2006 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitu), fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart għandhom, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna t-termini ta’ preżentazzjoni tal-offerti, jippermettu lill-operaturi ekonomiċi, nazzjonali jew barranin, li jixtiequ jittrasportaw l-iskart lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jipparteċipaw bis-sħiħ għal dan il-kuntratt pubbliku u b’mod partikolari li jippreżentaw kunsens li jkun ingħata għal data wara l-iskadenza tal-preżentazzjoni tal-offerti?

    3)

    Jekk wieħed jippreżumi li l-kunsens għat-trasferiment ta’ skart imsemmi hawn fuq għandu jiġi kkunsidrat bħala kundizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 49, tal-punt 17 tal-Parti C tal-Anness V, kif ukoll tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18 ta’ din l-istess direttiva kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 56 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-offerta ta’ offerent li ma pproduċiex dan il-kunsens ma tistax tiġi miċħuda?

    4)

    Għandhom jiġu interpretati l-Artikolu 18, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(1), l-Artikolu 58(1)(a) u l-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2014/24, fis-sens li jostakolaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti li jiddefinixxu minn qabel, fid-dokumenti tal-kuntratt, proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti li skont din id-dritt tal-fornituri li jeżerċitaw l-attività kkonċernata (il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw l-attività professjonali) ser tkun ivverifikata parzjalment jew mhux ser tkun ivverifikata xejn, minkejja li t-tgawdija ta’ dan id-dritt hija kundizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni leċita tal-kuntratt u li huwa possibbli għall-awtorità kontraenti li jkollha konjizzjoni li dan id-dritt huwa neċessarju qabel ma jiġu stabbiliti d-dokumenti tal-kuntratt?

    5)

    Għandhom jiġu interpretati l-Artikolu 18, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24, il-punt 35 tal-Artikolu 2, l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament Nru 1013/2006 kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan tal-aħħar, fis-sens li, fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku tal-immaniġġar ta’ skart, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiksbu tali servizzi b’mod leċitu biss jekk jiddefinixxu l-kwantità u l-kompożizzjoni tal-iskart, kif ukoll il-kundizzjonijiet importanti l-oħra tal-implimentazzjoni tal-kuntratt (pereżempju, l-ippakkjar), b’mod ċar u preċiż fid-dokumenti tal-kuntratt?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    40

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(2) kif ukoll l-Artikoli 58 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ mmaniġġar ta’ skart, l-obbligu, għal operatur ekonomiku li jkun jixtieq jagħmel vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, li jkollu, b’mod partikolari konformement mal-punt 35 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1013/2006, il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati minn dan il-vjeġġ, jikkostitwixxi kundizzjoni relatata mal-kapaċità li jeżerċita attività professjonali jew kundizzjoni għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt.

    41

    Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 56(1)(b) kif ukoll mill-Artikoli 57 u 58 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss bħala kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva. Kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva, dawn il-kriterji huma dawk imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu u jirrigwardaw il-kapaċità li tiġi eżerċitata l-attività professjonali, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali.

    42

    F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu vjeġġi ta’ skart perikoluż minn Stat Membru lejn Stat ieħor, meħtieġ fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax ikun marbut ma’ waħda mit-tliet kategoriji ta’ kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tal-imsemmija direttiva u kkonkretizzati fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu.

    43

    L-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2014/24, dwar il-kapaċità ta’ operatur ekonomiku sabiex jeżerċita l-attività professjonali kkonċernata minn kuntratt pubbliku, jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jeżiġu f’dan ir-rigward ir-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi f’reġistru professjonali jew f’reġistru tal-kummerċ tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Bl-istess mod, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi, meta l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom awtorizzazzjoni speċifika jew ikunu membri ta’ organizzazzjoni speċifika sabiex ikunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-awtorità kontraenti tista’ titlobhom jipprovaw li għandhom din l-awtorizzazzjoni jew li jagħmlu parti minn din l-organizzazzjoni.

    44

    Issa, l-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati sabiex wieħed ikunu jista’ jagħmel vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor la jista’ jiġi assimilat ma’ dak li wieħed ikun irreġistrat f’reġistru professjonali jew fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru u lanqas ma’ dak li wieħed ikollu awtorizzazzjoni speċifika jew ikun membru ta’ organizzazzjoni speċifika.

    45

    B’hekk jidher li l-obbligu li jinkiseb tali kunsens ma jaqax taħt il-kapaċità li tiġi eżerċitata l-attività professjonali, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tal-imsemmija direttiva.

    46

    Dan l-obbligu lanqas ma huwa relatat mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ operatur ekonomiku, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tal-istess direttiva.

    47

    Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi obbligu jistax jaqa’ taħt il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, fis-sens tal-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għall-kundizzjoni li dawn l-operaturi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt filwaqt li jiżguraw livell ta’ kwalità xieraq. Huma jistgħu jeżiġu, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti pprovata permezz ta’ referenzi adatti li jirriżultaw minn kuntratti eżegwiti fil-passat.

    48

    L-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali ta’ kandidat jew ta’ offerent hija bbażata għalhekk, b’mod partikolari, fuq evalwazzjoni retrospettiva tal-esperjenza miksuba mill-operaturi fit-twettiq ta’ kuntratti preċedenti, kif jixhdu ż-żewġ referenzi għall-esperjenza fl-Artikolu 58(4) ta’ din id-direttiva.

    49

    Għaldaqstant, l-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jitwettqu vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor lanqas ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kapaċitajiet tekniċi u professjonali ta’ kandidat jew ta’ offerent, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tal-imsemmija direttiva.

    50

    Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-punt (g) tal-Parti II tal-Anness XII tad-Direttiva 2014/24 jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jaffermaw il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom billi jindikaw miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li huma jistgħu japplikaw fit-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni. Il-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali hekk previsti minn din id-dispożizzjoni jikkorrispondu fil-fatt għal miżuri li operatur ekonomiku jkollu l-intenzjoni li japplika spontanjament.

    51

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti”, jipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet partikolari dwar it-twettiq ta’ kuntratt sakemm dawn ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 67(3) tal-imsemmija direttiva. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet relatati mal-ekonomija, mal-innovazzjoni, mal-ambjent, mal-qasam soċjali jew mal-impjieg.

    52

    F’dan ir-rigward, jidher li l-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati ta’ spedizzjoni, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni qabel il-vjeġġ ta’ skart, previst fl-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 1013/2006, jaqa’ taħt it-twettiq tal-kuntratt. Fil-fatt, huwa maħsub sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet partikolari intiżi sabiex jieħdu kont ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali u li għandhom jirregolaw l-esportazzjoni ta’ skart lejn Stat ieħor. Abbażi ta’ dan, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi invokat b’mod utli biss kontra dawk l-operaturi ekonomiċi li jkollhom l-intenzjoni jesportaw skart lejn Stat ieħor.

    53

    Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-obbligu, l-awtorità kontraenti tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li, fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw ruħhom b’mod partikolari mal-obbligi applikabbli fil-qasam tad-dritt ambjentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

    54

    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-imsemmi obbligu jiġi kklassifikat bħala “kundizzjoni għat-twettiq ta’ kuntratti” ma jidhirx li huwa ta’ natura li jdgħajjef it-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-fatt li operatur ekonomiku jkun diġà wettaq attivitajiet sostanzjalment ekwivalenti għal dawk ikkonċernati mill-kuntratt inkwistjoni jippermetti li wieħed jaħseb li huwa jkun kapaċi jiżgura t-twettiq ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-awtorità kontraenti setgħet tipproteġi lilha nnifisha kontra riskju ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt, billi tiddefinixxi kriterji ta’ selezzjoni tali li jnaqqsu r-riskji li ma jingħatax il-kunsens, b’mod partikolari billi tagħmel l-aħjar użu mill-esperjenzi preċedenti fil-qasam tal-vjeġġi ta’ skart perikoluż.

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(2) kif ukoll l-Artikoli 58 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ mmaniġġar ta’ skart, l-obbligu, għal operatur ekonomiku li jkun jixtieq jagħmel vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat ieħor, li jkollu, konformement b’mod partikolari mal-punt 35 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1013/2006, il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kkonċernati minn dan il-vjeġġ jikkostitwixxi kundizzjoni għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt.

    Fuq it-tieni domanda

    56

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq it-tielet domanda

    57

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ma jipproduċix il-prova, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta tiegħu, li huwa jissodisfa kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt ikkonċernat.

    58

    L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt għandhom ikunu indikati fis-sejħa għal offerti jew fid-dokumenti tal-kuntratt.

    59

    Issa, fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-awtorità kontraenti ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-kwantità eżatta ta’ skart perikoluż li għandu jiġi pproċessat u, min-naħa l-oħra, li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li ebda dokument tal-kuntratt ma kien jeżiġi espressament li l-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti għall-vjeġġi internazzjonali ta’ skart jiġi anness mal-offerta.

    60

    Madankollu, għalkemm awtorità kontraenti għandha, bħala prinċipju, issemmi kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntatt fis-sejħa għal offerti jew fid-dokumenti tal-kuntratt, l-ommissjoni ta’ tali indikazzjoni ma tistax tivvizzja l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt b’irregolarità meta l-kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni tirriżulta b’mod ċar minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-attività kkonċernata mill-kuntratt u mill-għażla ta’ operatur ekonomiku li ma jeżegwixxix il-kuntratt fit-territorju tal-Istat li fih tinsab l-awtorità kontraenti.

    61

    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1013/2006, l-operatur ekonomiku li jkollu l-intenzjoni jagħmel vjeġġi ta’ skart imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) jew (b) ta’ dan ir-regolament għandu jibgħat lill-awtorità kompetenti tat-tluq, fost oħrajn, id-dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment, il-kuntratt li jkun ikkonkluda mad-destinatarju li jkun inkarigat mill-operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi tal-iskart innotifikat, kif ukoll garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet jippreżumu li l-offerent għandu informazzjoni ddettaljata dwar il-kwantità u l-kompożizzjoni tal-iskart, l-itinerarju tal-vjeġġ, u l-mezzi ta’ trasport li ser jintużaw għal dan il-għan.

    62

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, offerent huwa obbligat, sabiex ikun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, juri li huwa jissodisfa, meta jissottometti l-offerta tiegħu, il-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva. Bil-kontra, huwa jista’ jistenna sakemm jingħata l-kuntratt sabiex jipproduċi l-prova li jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt. Fil-fatt, il-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva jippermettu lill-awtorità kontraenti taċċetta li jissottomettu biss l-operaturi ekonomiċi li l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tagħhom, ibbażati fuq l-esperjenza riċenti tagħhom, jippermettu li wieħed jaħseb li huma jkunu f’pożizzjoni li jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni, billi jiksbu, jekk ikun hemm bżonn, l-awtorizzazzjonijiet jew il-loġistika meħtieġa. Barra minn hekk, il-fatt li l-offerenti jiġu mġiegħla jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq tal-kuntratt sa mis-sottomissjoni tal-offerta tagħhom jikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv li, għaldaqstant, jirriskja li jiddisswadi lil dawn l-operaturi milli jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u, b’hekk, jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza ggarantiti fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva.

    63

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ma jipproduċix il-prova, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta tiegħu, li huwa jissodisfa kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt ikkonċernat.

    Fuq ir-raba’ domanda

    64

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(1), l-Artikolu 58(1)(a) u l-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jiddefinixxu, fid-dokumenti tal-kuntratt, proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti li permezz tagħha l-kapaċità tal-offerenti sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali kkonċernata mill-kuntratt għandha tkun jew le suġġetta għal verifika, filwaqt li l-kapaċità hija kundizzjoni neċessarja għat-twettiq legali tal-kuntratt, ħaġa li l-awtorità kontraenti għandu jkollha għarfien dwarha qabel ma tistabbilixxi d-dokumenti tal-kuntratt.

    65

    Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jagħmlu vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat ieħor, li jkollhom, b’mod partikolari skont il-punt 35 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1013/2006, il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkostitwixxi kriterju ta’ selezzjoni kwalitattiva, fis-sens tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24.

    66

    Issa, peress li dan l-obbligu għandu jiġi kklassifikat bħala kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

    Fuq il-ħames domanda

    67

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’kuntratt pubbliku ta’ mmaniġġar ta’ skart, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiksbu tali servizzi b’mod legali biss jekk jiddefinixxu l-kwantità u l-kompożizzjoni tal-iskart, kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra importanti għat-twettiq tal-kuntratt, b’mod ċar u preċiż fid-dokumenti tal-kuntratt.

    68

    Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha. Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija fil-fatt dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 41 sa 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Issa, minbarra l-fatt li din id-domanda hija fformulata f’termini astratti u ġenerali, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma tinkludix spjegazzjoni minima li tippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn l-imsemmija domanda u l-kawża prinċipali.

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda hija ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 18(2) kif ukoll l-Artikoli 58 u 70 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart, l-obbligu għal operatur ekonomiku li jkun jixtieq jagħmel vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn Stat ieħor, li jkollu, konformement b’mod partikolari mal-punt 35 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kkonċernati minn dawn il-vjeġġi, jikkostitwixxi kundizzjoni għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt.

     

    2)

    L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ma jipproduċix il-prova, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta tiegħu, li huwa jissodisfa kundizzjoni għat-twettiq tal-kuntratt ikkonċernat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Fuq