Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0923

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2021.
    Van Ameyde España SA vs GES, Seguros y Reaseguros SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 – L-ewwel, it-tieni u l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘vettura’ – Obbligu ta’ kopertura tad-danni materjali – Portata – Inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura artikolata li l-elementi tagħha huma s-suġġett ta’ assigurazzjonijiet obbligatorji distinti – Danni kkawżati lis-semitrejler mill-vettura tal-irmonk li magħha dan kien konness meta seħħ dan l-inċident – Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kopertura ta’ dawn id-danni mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ dan it-trakter tat-triq.
    Kawża C-923/19.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:475

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 – L-ewwel, it-tieni u l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘vettura’ – Obbligu ta’ kopertura tad-danni materjali – Portata – Inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura artikolata li l-elementi tagħha huma s-suġġett ta’ assigurazzjonijiet obbligatorji distinti – Danni kkawżati lis-semitrejler mill-vettura tal-irmonk li magħha dan kien konness meta seħħ dan l-inċident – Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kopertura ta’ dawn id-danni mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ dan it-trakter tat-triq”

    Fil-Kawża C‑923/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

    Van Ameyde España SA

    vs

    GES, Seguros y Reaseguros SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Van Ameyde España SA, minn M. I. Castizo Reyes, procuradora, u V. Muñoz Mundina, abogado,

    għal GES, Seguros y Reaseguros SA, minn A. M. Alvarez-Buylla Ballesteros, procurador, u J. A. Moreno Martínez de Azcoytia, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u J. Rius, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Van Ameyde España SA (iktar ’il quddiem “Van Ameyde”) u GES, Seguros y Reaseguros SA (iktar ’il quddiem “GES Seguros”), dwar talba għal kumpens għad-danni materjali kkawżati lil semitrejler waqt inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura artikolata.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2009/103 tipprovdi fil-premessi 1 sa 3 u 20 tagħha:

    “(1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April, 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10)], it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru, 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur[(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3)], it-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal-14 ta’ Mejju, 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249)] u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju, 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ir-raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331)] ġew emendati kemm-il darba […] b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, dawn l-erba’ Direttivi għandhom jiġu kodifikati kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/14/KE tal-11 ta’ Mejju, 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill [72/166], [84/5], [88/357], [90/232] u d-Direttiva [2000/26] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU 2005, l 149, p. 14)].

    (2)

    Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju tal-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja, konklużi f[l-Unjoni Ewropea]. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment ħieles ta’ persuni u vetturi. […]

    (3)

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu hi koperta b’assigurazzjoni. Il-limitu tar-responsabbiltà koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ din il-kopertura għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ dawk il-miżuri.

    […]

    (20)

    Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn f[l-Unjoni] jseħħu l-inċidenti.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (1)

    ‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    (2)

    ‘il-parti li tkun sofriet ħsara’ tfisser kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment ikkawżati minn vetturi;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

    […]

    L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Deroga mill-obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi”, jipprovdi:

    “1.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni [Ewropea].

    […]

    2.   Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Kategoriji speċjali ta’ vittmi”:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.

    2.   Il-membri tal-familja tad-detentur tal-polza, ix-xufier jew kull persuna oħra li tkun responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha tkun koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 m’għandhomx ikunu esklużi mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali tagħhom minħabba dik ir-relazzjoni.

    3.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà li jsofru dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, b’konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali.

    Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens.”

    Id-dritt Spanjol

    8

    It-texto refundido de la Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (it-test għar-riformulazzjoni tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni fil-Qasam tal-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2004 (id-Digriet-Liġi Irjali 8/2004) tad-29 ta’ Ottubru 2004 (BOE Nru 267 tal-5 ta’ Novembru 2004, p. 36662), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Fuq ir-responsabbiltà ċivili”:

    “Is-sewwieq ta’ vetturi bil-mutur huwa responsabbli, minħabba r-riskju involut fis-sewqan ta’ tali vetturi, għad-dannu kkawżat lil persuni jew lil beni mill-użu tagħhom.

    […]

    Fil-każ tad-danni tal-beni, is-sewwieq ikun responsabbli fir-rigward ta’ terzi meta huwa jkun ċivilment responsabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1902 et seq tal-Código Civil [il-Kodiċi Ċivili], tal-Artikoli 109 et seq tal-Código Penal [il-Kodiċi Kriminali], u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

    […]

    Il-proprjetarju mhux sewwieq huwa responsabbli għad-danni fiżiċi u materjali kkawżati mis-sewwieq meta jkun marbut ma’ dan tal-aħħar permezz ta’ waħda mir-rabtiet imsemmija fl-Artikolu 1903 tal-[Kodiċi Ċivili] u fl-Artikolu 120(5) tal-[Kodiċi Kriminali]. Din ir-responsabbiltà tintemm meta dan il-proprjetarju jġib il-prova li uża d-diliġenza kollha ta’ missier tajjeb tal-familja sabiex jipprevjeni d-dannu.

    […]”

    9

    L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur, intitolat “Rekwiżit ta’ assigurazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Proprjetarji ta’ vetturi bil-mutur li huma normalment ibbażati ġewwa Spanja għandhom jikkonkludu u jżommu fis-seħħ kuntratt ta’ assigurazzjoni għal kull vettura li jkollhom. Il-kuntratt għandu jkopri r-responsabbiltà ċivili msemmija fl-Artikolu 1 sal-limiti stabbiliti għall-assigurazzjoni obbligatorja. Madankollu, il-proprjetarju huwa eżentat minn dan l-obbligu meta kuntratt ta’ assigurazzjoni jkun ġie konkluż minn kwalunkwe persuna oħra li jkollha interess fih u li tkun indikat taħt liema titolu hija ffirmatu.”

    10

    L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u esklużjonijiet”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-assigurazzjoni obbligatorja ma għandhiex tkopri dannu materjali lill-vettura assigurata, lill-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fiha jew lill-merkanzija li tkun tappartjeni lid-detentur tal-polza, lill-assigurat, lis-sid jew lis-sewwieq, jew lill-konjuġi jew qraba tal-imsemmija persuni sat-tielet grad (ta’ parentela jew affinità).”

    11

    Ir-Reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos de motor (ir-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja tar-Responsabbiltà Ċivili Marbuta mal-Użu ta’ Vetturi bil-Mutur), approvat permezz tar-Real Decreto 1507/2008 (id-Digriet Irjali 1507/2008) tat-12 ta’ Settembru 2008 (BOE no 222 tat-13 ta’ Settembru 2008, p. 37487) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja ta’ Vetturi bil-Mutur”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

    “Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili għall-użu ta’ vetturi bil-mutur u r-rekwiżit ta’ assigurazzjoni, vettura bil-mutur tfisser kwalunkwe vettura maħsuba għall-ivvjaġġar fuq l-art u li taħdem b’magna, inklużi mopeds, vetturi bi skopijiet speċjali, trejlers u semitrejlers, […]. Huma eżentati mill-obbligu ta’ assigurazzjoni t-trejlers, is-semitrejlers u l-vetturi speċjali rmonkati li t-toqol massimu awtorizzat tagħhom ma jaqbiżx 750 kg […]”

    12

    L-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja tal-Vetturi bil-Mutur, intitolat “Pluralità tad-danni u tal-persuni li kkawżaw id-dannu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Jekk, wara l-istess inċident li jinvolvi żewġ vetturi jew iktar koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja rispettiva tagħhom, id-danni huma kkawżati lil terzi, kull assiguratur tal-vetturi responsabbli jikkontribwixxi għall-osservanza tal-obbligi legali, fid-dawl tar-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-vetturi involuti meta din tista’ tiġi stabbilita, jew inkella, fil-każ kuntrarju, konformement ma’ dak li ġie miftiehem fil-ftehimiet bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni; fin-nuqqas ta’ dan, kull assiguratur jikkontribwixxi proporzjonalment mas-saħħa tal-vetturi kkonċernati.

    Fejn iż-żewġ vetturi involuti jkunu vettura tal-irmonk u t-trejler jew is-semitrejler konness magħha, jew żewġ trejlers jew semitrejlers, u ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà individwali tagħhom, kull assiguratur għandu jikkontribwixxi għall-imsemmija responsabbiltà skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni; fin-nuqqas ta’ dan, il-kontribuzzjonijiet tal-assiguraturi għandhom ikunu proporzjonati mal-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni annwali għal kull vettura elenkata fil-polza tal-assigurazzjoni li tkun ittieħdet.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Fit-3 ta’ April 2014, seħħ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura artikolata komposta minn trakter tat-triq (iktar ’il quddiem it-“trakter tat-triq”) u minn semitreljer (iktar ’il quddiem is-“semitrejler”), li fih is-semitrejler ġie ddanneġġat. Huwa stabbilit li hija n-negliġenza tas-sewwieq tat-trakter tat-triq li pprovokat dan l-inċident u li d-danni kkawżati lis-semitrejler huma esklużivament imputabbli lil dan tal-aħħar.

    14

    It-trakter tat-triq kien il-proprjetà ta’ Doctrans Transportes Rodoviarios de Mercadería Lda, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Portugiż, u kien assigurat għar-responsabbiltà ċivili obbligatorja li tirriżulta mill-użu tiegħu mal-kumpannija Açoreana, stabbilita wkoll taħt id-dritt Portugiż, irrappreżentata fi Spanja minn Van Ameyde. Is-semitrejler kien proprjetà ta’ Caixarenting SAU, li kienet tatu b’kiri lil Primafrío SL taħt sistema ta’ lokazzjoni. Din tal-aħħar kienet kisbet, sabiex ikunu koperti d-danni materjali sostnuti mis-semitrejler, polza ta’ assigurazzjoni mingħand GES Seguros, filwaqt li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tas-semitrejler saret ma’ Seguros Bilbao SA, li ma hijiex parti fit-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15

    Peress li GES Seguros ħallset lil Primafrío ammont ta’ EUR 34 977.33 bħala kumpens għad-danni kkawżati lis-semitrejler, hija, fit-13 ta’ Marzu 2015, ressqet quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 1 de La Palma del Condado (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 tal-Palma del Condado, Spanja) azzjoni intiża sabiex Van Ameyde tiġi kkundannata tħallas, bħala kumpens, dan l-ammont, flimkien mal-interessi bir-rata legali. Insostenn ta’ din l-azzjoni, GES Seguros allegat inter alia li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, it-trakter tat-triq u s-semitrejler kienu vetturi indipendenti, li jappartjenu lil proprjetarji differenti u li kull wieħed minnhom kien kopert minn assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom, b’tali mod li s-semitrejler ma setax jitqies bħala t-tagħbija tal-vettura tal-irmonk u lanqas bħala oġġett ittrasportat minn din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur. Konsegwentement, skont GES Seguros, l-esklużjoni tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, prevista f’din id-dispożizzjoni, ma kinitx applikabbli. Van Ameyde opponiet l-imsemmija azzjoni.

    16

    Peress li l-istess azzjoni ġiet miċħuda b’sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, minħabba li s-semitrejler kellu jitqies bħala tagħbija jew oġġett ittrasportat mit-trakter tat-triq, GES Seguros ressqet appell quddiem l-Audiencia Provincial de Huelva (il-Qorti Provinċjali ta’ Huelva, Spanja), li laqgħet dan l-appell permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2016.

    17

    Din il-qorti kkunsidrat li l-esklużjoni tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur fir-rigward tad-danni materjali kkawżati lill-oġġetti ttrasportati fil-vettura assigurata ma kinitx applikabbli u li, konsegwentement, id-danni kkawżati lis-semitrejler kienu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tat-trakter tat-triq. Fil-fatt, għall-imsemmija qorti, is-semitrejler ma setax jitqies bħala t-tagħbija tat-trakter tat-triq peress li, b’mod partikolari, l-esklużjoni kkonċernata ma tirreferix għad-danni kkawżati lill-oġġetti ttrasportati “mill-”vettura assigurata, iżda lill-oġġetti ttrasportati “fil-”vettura assigurata.

    18

    Van Ameyde appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2016 quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li, skont dan l-Artikolu 5(2), id-danni kkawżati lis-semitrejler huma esklużi mill-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tat-trakter tat-triq. F’dan ir-rigward, Van Ameyde issostni b’mod partikolari li, meta seħħ l-inċident, it-trakter tat-triq u s-semitrejler kienu jifformaw “unità funzjonali”.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm it-trakter tat-triq u s-semitrejler jikkostitwixxu vetturi indipendenti, suġġetti separatament, bħala tali, għall-obbligu ta’ assigurazzjoni, id-Direttiva 2009/103 ma tinkludix dispożizzjoni espressa dwar il-mod kif għandha tiġi ddeterminata r-responsabbiltà, kemm fir-rigward ta’ terzi kif ukoll fir-rigward ta’ xulxin, fil-każ ta’ inċident li jinvolvi vettura artikolata, komposta minn dawn iż-żewġ elementi. Hija tippreċiża madankollu li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, ir-responsabbiltà għal elementi differenti ta’ vettura artikolata hija in solidum fil-konfront ta’ terzi leżi u li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja tal-Vetturi bil-Mutur jirregola t-tqassim intern tar-responsabbiltajiet. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax kif l-assiguraturi tal-vetturi differenti li jikkostitwixxu vettura artikolata għandhom jaqsmu r-responsabbiltà meta, bħal fil-kawża li għandha quddiemha, id-danni mġarrba minn waħda minnhom ikunu esklużivament imputabbli lill-oħra. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-danni materjali kkawżati lis-semitrejler għandhomx ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vettura tal-irmonk.

    20

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur u tindika li l-interpretazzjonijiet ikkontestati ta’ din id-dispożizzjoni, adottati f’dan il-każ fl-ewwel istanza u fl-appell, jinsabu wkoll fil-ġurisprudenza tal-Audiencias Provinciales (il-Qrati Provinċjali). Sabiex issolvi dan il-kunflitt, hija tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fis-sens li teskludi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ trakter tat-triq id-danni kkawżati lis-semitrejler konness miegħu f’ċirkustanzi bħal dawk pendenti quddiemha, minħabba li dan is-semitrejler huwa ekwiparabbli għat-tagħbija ta’ dan it-trakter tat-triq jew għall-oġġetti ttrasportati minnu, jew inkella minħabba li l-imsemmi trakter tat-triq u l-imsemmi semitrejler jikkostitwixxu vettura waħda li l-assigurazzjonijiet obbligatorji rispettivi tagħhom ikopru biss id-danni materjali kkawżati lil terzi li ma jinkludux il-proprjetarji ta’ xi waħda minn dawn il-vetturi, tikkompromettix jew tnaqqasx il-kopertura tad-danni materjali mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur prevista fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2009/103] moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 5(2) tal-[Liġi dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur]), li abbażi tagħha, f’każijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, jitqies li d-danni kkawżati [lis-semitrejler] huma esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja [tat-trakter tat-triq li miegħu dan huwa konness], għaliex [is-semitrejler] huwa assimilat mal-merkanzija ttrasportata [f’dan it-trakter tat-triq], jew ukoll għaliex, għall-finijiet tad-danni materjali, [is-semitrejler] jitqies bħala li jifforma vettura waħda mat-[trakter tat-triq]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    22

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, moqri flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-kopertura u, għaldaqstant, mill-kumpens, mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ trakter tat-triq, id-danni materjali kkawżati minnu lis-semitrejler li kien konness miegħu meta seħħ l-inċident, minħabba li, sabiex jingħata l-benefiċċju tal-kumpens għalihom, dan is-semitrejler huwa meqjus bħala oġġett ittrasportat minn dan it-trakter tat-triq jew bħala li jifforma vettura waħda ma’ dan tal-aħħar.

    23

    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2009/103 kkodifikat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-direttivi preċedenti dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal din ir-responsabbiltà, mingħajr ma emendathom fis-sustanza. Il-ġurisprudenza dwar dawn id-direttivi preċedenti tista’, konsegwentement, tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (sentenza tad-29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny, C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 35).

    24

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi li abitwalment jinsabu fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li d-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet ta’ din l-assigurazzjoni jkunu ddeterminati fl-ambitu tal-miżuri previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 3. L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva jippreċiża li l-assigurazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tiegħu tkopri b’mod obbligatorju id-danni materjali u d-danni fiżiċi. Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 5, dan jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, taħt il-kundizzjonijiet li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, kull Stat Membru jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 3 f’dak li jirrigwarda ċerti tipi ta’ vetturi.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ifformulat f’termini ġenerali ħafna, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni tal-vetturi (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    B’hekk, kull Stat Membru għandu jiżgura li, suġġett għad-derogi previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, “kull vettura” li normalment tinsab fit-territorju tiegħu tkun koperta b’kuntratt konkluż ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni sabiex tiġi ggarantita, fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-imsemmija vettura (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Il-kunċett ta’ “vettura” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”.

    28

    Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta mingħajr ambigwità li kemm trakter tat-triq kif ukoll trejler jew semitrejler jikkostitwixxu, kull wieħed meħud individwalment, “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u kull wieħed minnhom għandu, konsegwentement u bla ħsara għall-eżerċizzju mill-Istat Membru tal-post abitwali tagħhom tal-fakultà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ kuntratt konkluż ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni sabiex tiġi ggarantita, fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom.

    29

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk, meta trejler, jew semitrejler, ikun konness ma’ trakter tat-triq, dan jitlifx il-kwalità tiegħu bħala “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, jew jekk, meta dan ikun konness, l-għaqda fformata minn dan it-trakter tat-triq u dan it-trejler, jew semitrejler, tkunx tifforma biss vettura waħda u unika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-imsemmi trejler, jew semitrejler, jitlef ukoll din il-kwalità, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-punt 1 ta’ dan l-Artikolu 1 li jippermetti li tali ipoteżijiet jiġu sostnuti. Fil-fatt, il-preċiżazzjoni li t-trejlers “anki jekk mhux agganċjati” jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 1, u l-użu tal-konġunzjoni “kemm jekk” bejn iż-żewġ partijiet tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett jindikaw b’mod ċar li t-trejlers, bħas-semitrejlers, jikkostitwixxu kategorija awtonoma ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, distinta minn dik ta’ “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji”, li l-kwalità tagħha bħala tali hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk din tkunx jew le konnessa ma’ vettura oħra, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    30

    Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni li, meta jkun konness ma’ vettura tal-irmonk, trejler, jew semitrejler, jikkostitwixxi oġġett ittrasportat minn din il-vettura tal-irmonk jew jifforma vettura waħda ma’ din tal-aħħar u jitlef b’hekk il-kwalità tiegħu ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, hija inkonċiljabbli mal-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa indipendenti mill-użu li sar jew li jista’ jsir tal-vettura kkonċernata u, b’hekk, tmur kontra t-tifsira oġġettiva ta’ dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punti 3839 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din hija inkonċiljabbli wkoll mal-fatt li l-portata tal-obbligu li tinkiseb assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, tiġi ddeterminata minn qabel, jiġifieri qabel il-possibbiltà ta’ involviment tal-vettura kkonċernata f’inċident (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 40).

    31

    Fil-fatt, jekk trejler, jew semitrejler, jitlef il-kwalità tiegħu ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, meta dan ikun konness ma’ vettura tal-irmonk, jiġu ppreġudikati l-prevedibbiltà, l-istabbiltà u l-kontinwità tal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li l-osservanza tiegħu hija madankollu meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny, C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 52).

    32

    Minn dan isegwi li l-fatt li jiġi kkunsidrat li, meta jkun konness ma’ trakter tat-triq, trejler, jew semitrejler, jikkostitwixxi oġġett ittrasportat minn dan it-trakter tat-triq jew forma ta’ vettura waħda flimkien ma’ dan tal-aħħar u li b’hekk jitlef il-kwalità tiegħu ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, ma jistax ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, bla ħsara għall-eżerċizzju mill-Istat Membru ta’ fejn it-trejler, jew is-semitrejler, ikun jinsab abitwalment tal-fakultà mogħtija lilu fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103, kull trejler, jew semitrejler, jaqa’ taħt l-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kemm jekk ikun konness ma’ vettura oħra kif ukoll jekk ma jkunx.

    33

    Madankollu, f’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm il-kawża prinċipali hija marbuta mal-kwalità mogħtija lil semitrejler meta dan ikun konness ma’ trakter tat-triq, din il-kwalità ma għandhiex rabta mal-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kif dan l-obbligu ġie traspost fid-dritt Spanjol. Barra minn hekk, huwa paċifiku li kull waħda miż-żewġ vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet is-suġġett tal-kisba ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom. Min-naħa l-oħra, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-imsemmija kwalità, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha bħala effett li l-proprjetarju jew id-detentur ta’ semitrejler li jsofri danni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitħallasx kumpens għal dawn id-danni mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vettura li kienet qed tirmunkah meta seħħ l-inċident. Din l-interpretazzjoni tirrigwarda għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-portata tad-dritt tal-persuni leżi li jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata.

    34

    Konsegwentement, fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-premessi tad-Direttiva 2009/103 juru li din, bħad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li ppreċedewha, hija intiża, minn naħa, sabiex tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi bil-mutur li jkunu abitwalment fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li huma abbord tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi bil-mutur jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament mill-post fit-territorju tal-Unjoni fejn l-inċident ikun seħħ (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 35).

    35

    Id-Direttiva 2009/103 timponi għalhekk fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li jinsabu abitwalment fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tispeċifika, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 36).

    36

    Madankollu, l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-estent tal-kumpens ta’ dawn id-danni fuq il-bażi tar-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 46).

    37

    Fil-fatt, mill-għan tad-Direttiva 2009/103 u mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din, bħad-direttivi li hija tikkodifika, ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 47).

    38

    Konsegwentement, u fid-dawl b’mod partikolari tat-tieni punt tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, l-estent tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 32, u tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 30).

    39

    B’dan premess, għandu jingħad li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103 (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Petillo, C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Settembru 2017, Neto de Sousa, C‑506/16, EU:C:2017:642, punt 30).

    40

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lil din id-direttiva mill-effett utli tagħha (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 48).

    41

    Fir-rigward tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kkawżati mill-vetturi bil-mutur li għandhom jiġu kkumpensati skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, ċertament, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni obbligatorja, din il-libertà hija limitata minn din id-direttiva sa fejn din tirrendi obbligatorja l-kopertura ta’ ċerti danni sa ammonti minimi speċifiċi. Fost dawn id-danni li l-kopertura tagħhom hija obbligatorja jirriżultaw, inter alia, id-“danni materjali”, kif speċifikat mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punti 3437).

    42

    Madankollu, ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, li tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “danni materjali”, fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, iżda huwa biżżejjed li jitfakkar li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huma l-persuni li jistgħu jitolbu l-kumpens għad-danni materjali, minn naħa, jirriżulta minn qari flimkien tal-punt 2 tal-Artikolu 1 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva li l-protezzjoni li għandha tiġi assigurata skont l-imsemmija direttiva għandha tkun estiża għal kull persuna li jkollha dritt, skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn vetturi bil-mutur (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 42).

    43

    Min-naħa l-oħra, minkejja li, ċertament, id-Direttiva 2009/103 tidentifika, fl-Artikolu 12 tagħha, kategoriji speċifiċi ta’ vittmi u trendi obbligatorja l-kopertura tad-danni fiżiċi tal-kategoriji ta’ persuni identifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu kif ukoll il-kopertura tad-danni fiżiċi u materjali tal-kategoriji ta’ persuni identifikati fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jekk dawn tal-aħħar ikollhom dritt għal kumpens skont id-dritt ċivili nazzjonali, u minkejja li, ċertament, din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tillimita ċ-ċirku ta’ persuni protetti, iżda, għall-kuntrarju, rrendiet obbligatorja l-kopertura tad-danni sostnuti minn ċerti persuni kkunsidrati bħala li huma partikolarment vulnerabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 43), xorta waħda għandu jiġi kkonstatat li l-proprjetarju jew id-detentur ta’ semitrejler iddanneġġat f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinsabx fost dawn il-kategoriji ta’ vittmi li għalihom l-imsemmija direttiva tirrikjedi l-intervent mill-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vettura li kkawżat id-danni.

    44

    Barra minn hekk, minkejja li f’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja, qieset, sabiex tiżgura l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw dan l-effett utli, sa fejn, billi jeskludu ex officio jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, dawn jikkompromettu l-possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku, kontinwament imfittex u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punti 3849 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    45

    Fil-fatt, il-proprjetarju jew id-detentur ta’ semitrejler iddanneġġat f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jista’ jiġi assimilat ma’ dawn il-persuni kkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li huma partikolarment vulnerabbli, u lanqas ma jista’ jitqies li jixbah lill-vittmi li ġġustifikaw tali interpretazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel, it-tieni u l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, moqrija flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-kopertura u, għaldaqstant, mill-kumpens, mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ trakter tat-triq, id-danni materjali kkawżati minnu lis-semitrejler li kien konness miegħu meta seħħ l-inċident.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel, it-tieni u l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, moqrija flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-kopertura u, għaldaqstant, mill-kumpens, mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ trakter tat-triq, id-danni materjali kkawżati minnu lis-semitrejler li kien konness miegħu meta seħħ l-inċident.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq