Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62021CO0186
Order of the Court (First Chamber) of 3 June 2021.#J.A. v Republika Slovenija.#Request for a preliminary ruling from the Upravno sodišče Republike Slovenije.#Reference for a preliminary ruling – Article 99 of the Rules of Procedure of the Court of Justice – Immigration and asylum policy – International protection – Directive 2013/33/EU – Point (d) of the first subparagraph of Article 8(3) – Detention of applicants for international protection – Applicant detained subject to a return procedure under Directive 2008/115/EC and in respect of whom there are reasonable grounds to believe that he or she is making the application for international protection merely in order to delay or frustrate the enforcement of the return decision – Objective criteria on which such grounds may be based – Applicant who has already had the opportunity to access the asylum procedure.#Case C-186/21 PPU.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2021.
J.A. vs Republika Slovenija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika ta’ immigrazzjoni u ta’ ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Applikant detenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115/KE u li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li huwa ppreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw tali raġunijiet – Applikant li diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil.
Kawża C-186/21 PPU.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2021.
J.A. vs Republika Slovenija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika ta’ immigrazzjoni u ta’ ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Applikant detenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115/KE u li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li huwa ppreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw tali raġunijiet – Applikant li diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil.
Kawża C-186/21 PPU.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:447
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika ta’ immigrazzjoni u ta’ ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Applikant detenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115/KE u li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li huwa ppreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw tali raġunijiet – Applikant li diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil”
Fil-Kawża C‑186/21 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
J.A.
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
Komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, konformament mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.A. u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja) dwar id-detenzjoni amministrattiva tiegħu fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2008/115/KE
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.” |
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.” |
5 |
Skont kliem l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva: “Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:
Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.” |
Id-Direttiva 2013/33
6 |
Il-premessi 15 u 20 tad-Direttiva 2013/33 jistipulaw:
[…]
|
7 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60)]. 2. Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv. 3. Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss: […]
[…] Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali. […]”. |
Id-dritt Sloven
8 |
Mit-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-Zakon o mednarodni zaščiti (il-Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali), tal-4 ta’ Marzu 2016 (Uradni list RS, Nru 16/17, iktar il quddiem iz-“ZMZ-1”), jirriżulta li l-awtorità kompetenti tista’ tadotta, kontra applikant għal protezzjoni internazzjonali, miżura ta’ detenzjoni obbligatorja fil-bini ta’ ċentru ta’ akkoljenza għal applikanti għall-ażil meta l-applikant ikun is-suġġett ta’ detenzjoni amministrattiva konformament maz-Zakon o tujcih (il-Liġi dwar il-Barranin), tas-16 ta’ Ġunju 2011 (Uradni list RS, Nru 1/18), għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-infurzar ta’ proċedura ta’ ritorn jew ta’ tneħħija, u hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li dan l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni t-tneħħija filwaqt li huwa diġà kellu, fi stadju preċedenti, il-possibbiltà ta’ preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
J.A. huwa ċittadin tal-Bosnja-Ħerzegovina li, f’data mhux speċifikata, ippreżenta, fis-Slovenja, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2020 li saret definittiva fil-11 ta’ Jannar 2021 u eżekutorja fil-11 ta’ Frar 2021. |
10 |
Matul il-proċedura dwar din l-applikazzjoni, J.A. ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018 tal-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana, is-Slovenja), għal-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena għal atti ta’ theddid, aggressjoni u degradazzjoni ta’ beni ta’ oħrajn. Fl-appell, il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja) ikkundannat, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, lil J.A. għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u tliet xhur kif ukoll għal piena anċillari ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali għal-perijodu ta’ tliet snin. J.A. kien għadu qed jiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuqu f’ħabs meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali saret eżekutorja fil-11 ta’ Frar 2021. |
11 |
Fi tmiem l-infurzar tal-piena li ċċaħħad il-libertà, J.A. ittieħed taħt il-kustodja tal-awtoritajiet tal-pulizija tas-Slovenja u esprimielhom ix-xewqa li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-formola ta’ reġistrazzjoni stabbilita minn dawn l-awtoritajiet fis-27 ta’ Frar 2021, J.A. invoka, f’dan il-kuntest, it-theddidiet ta’ mewt li għalihom huwa suġġett fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. |
12 |
J.A. ttieħed fiċ-ċentru ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana (is-Slovenja)u ġie verbalment innotifikat, wara t-tressiq tal-applikazzjoni l-ġdida tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, dwar id-detenzjoni amministrattiva tiegħu. |
13 |
Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Ministrstvo za notranje zadeve Republike Slovenije (il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tas-Slovenja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Intern”) adotta formalment, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1, deċiżjoni li tordna d-detenzjoni ta’ J.A. fil-bini taċ-ċentru ta’ detenzjoni għall-barranin ta’ Postojna (is-Slovenja) għall-perijodu mis-27 ta’ Frar 2021 sad-data ta’ meta ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għad-detenzjoni, fejn madankollu d-detenzjoni kellha tintemm fis-27 ta’ Mejju 2021, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ xahar. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li J.A. diġà kien is-suġġett, abbażi tal-Liġi dwar il-Barranin, ta’ detenzjoni minħabba l-proċedura ta’ ritorn mibdija kontrih u minħabba li kien hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet ippreżentata sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni t-tneħħija tiegħu filwaqt li J.A. kellu l-possibbiltà li jippreżenta tali talba fi stadju preċedenti. |
14 |
F’dan l-aħħar rigward, il-Ministeru għall-Intern qies li J.A. kien esprima l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali biss mill-mument li kien sar evidenti li kienet ser tinbeda l-proċedura intiża għat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven għall-finijiet tal-infurzar tal-piena anċillari ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali. Fil-fatt, J.A. diġà setgħa jesprimi, mal-aġenti preżenti fil-ħabs fejn huwa kien qiegħed jiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuqu, l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta tali applikazzjoni hekk kif id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet saret eżekutorja. Minn dan il-Ministeru għall-Intern ikkonkluda li J.A. kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-implimentazzjoni tat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven, fatt li huwa kkonfermat mill-fatt li J.A. ma indika, insostenn tal-applikazzjoni l-ġdida tiegħu, ebda fatt jew prova ġdida meta mqabbla ma dawk invokati fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
15 |
J.A. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Intern quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja). Huwa jqis li d-detenzjoni tiegħu ma tistax tkun fondata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1, għaliex din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kriterji oġġettivi li jippermettu li jiġi evalwat jekk huwa esprimiex l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal l-infurzar tat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven. |
16 |
Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-qorti tar-rinviju ħarġet, fuq talba ta’ J.A., digriet għal miżuri provviżorji li permezz tiegħu, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fuq il-mertu tar-rikors jew, l-iktar tard, sal-iskadenza tat-terminu previst fid-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern, id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata titwettaq fiċ-Ċentru ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana. |
17 |
Filwaqt li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-kwistjoni tar-rikors ta’ J.A. tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tat-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1. |
18 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi jipprevedi li persuna fis-sitwazzjoni ta’ JA diġà kellha l-possibbiltà li titlob il-protezzjoni internazzjonali, it-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1 jipprevedix “kriterju oġġettiv” fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. |
19 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-kelma “inkluż” użata fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, jista’ jiġi sostnut li l-fatt “li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil”, previst f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi “kriterju oġġettiv” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li jikkorrispondi għall-kriterju previst mit-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-leġiżlatur Sloven ma stabbilixxiex, fid-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, kriterji oġġettivi oħra ma jista’ jkollu l-ebda effett f’każ fejn, bħal f’din il-kawża, l-awtoritajiet nazzjonali invokaw esklużivament l-eżistenza ta’ dan il-kriterju oġġettiv sabiex jimmotivaw id-deċiżjoni ta’ detenzjoni. |
20 |
Jekk tali interpretazzjoni ma tiġix aċċettata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur nazzjonali kellux, għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà ġuridika u ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fid-dawl tal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi, fil-kuntest ta’ dispożizzjoni vinkolanti, ċara u ġenerali, il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom, minbarra l-konstatazzjoni minn qabel li tgħid li l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li jippermettu li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni d-deċiżjoni ta’ ritorn. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, konformement ma dan l-approċċ, id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi annullata minħabba l-fatt li z-ZMZ-1 ma tiddefinixxix speċifikament il-kriterji oġġettivi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni. |
21 |
F’dan il-kuntest, l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
22 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista mil-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
23 |
Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju ssostni li J.A. jinstab f’detenzjoni amministrattiva u li t-tkomplija tad-detenzjoni tiddependi fuq is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/33, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-Ispazju ta’ libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Dan ir-rinviju jista’, konsegwentement, jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
25 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din il-kundizzjoni hija sodisfatta b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tqegħid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’ċentru ta’ detenzjoni, kemm jekk matul l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali jew bil-għan tat-tneħħija tiegħu, jikkostitwixxi miżura li ċċaħħad il-libertà (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ilu mċaħħad mil-libertà sa mid-detenzjoni tiegħu ordnata b’rabta mal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Intern tista’ ttemm din id-detenzjoni. |
28 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li tiġi milqugħa t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
29 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
30 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
Fuq l-ewwel domanda
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
33 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-detenzjoni tista’ sseħħ biss meta dan jirriżulta neċessarju, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ u jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jżommu f’detenzjoni applikant għall-protezzjoni internazzjonali biss wara li jkunu vverifikaw, każ b’każ, jekk tali detenzjoni hijiex proporzjonata għall-finijiet imfittxija minnha, fejn din il-verifika tirrikjedi li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-użu tad-detenzjoni jkun l-aħħar għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 258 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw id-detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-raġuni ta’ detenzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, din id-dispożizzjoni tipprevedi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi detenut abbażi ta’ din id-direttiva meta huwa jkun diġà jinstab f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115, bil-għan tat-tħejjija tar-ritorn tiegħu u/jew it-twettiq tat-tneħħija tiegħu, u meta l-Istat Membru kkonċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li l-applikant diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil, li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn. |
36 |
Ir-raġuni ta’ detenzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 hija għalhekk suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi separati. Huwa neċessarju, minn naħa, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun diġà suġġett għal detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija abbażi tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, li hemm raġunijiet raġonevoli, ibbażati fuq kriterji oġġettivi, li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn. |
37 |
F’dak li jirrigwarda l-kriterji oġġettivi li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibbażaw ir-raġunijiet raġonevoli tagħhom abbażi tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, għalkemm ma tiddefinixxix il-kunċett ta “kriterji oġġettivi”, tipprovdi eżempju ta’ kriterju li jista’ jiġi invokat minn dawn l-awtoritajiet, jiġifieri l-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil. |
38 |
Fil-fatt, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-kelma “inkluż”, li fil-lingwaġġ komuni huwa sinonimu għal “bħal”, “per eżempju”, “fost l-oħrajn”, “b’mod partikolari”, “l-istess bħal” jew “bħal fil-każ ta’”, jindika mingħajr ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti eżempju ta’ kriterju oġġettiv li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinvokaw sabiex jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn. |
39 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterji oġġettivi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinvokaw sabiex jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ppreżentat l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex ittawwal jew tipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn. |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
41 |
Sa fejn it-tieni domanda saret fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din l-aħħar qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.