Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0707

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Mejju 2021.
    K.S. vs A.B.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Obbligu ta’ kopertura tad-danni materjali – Portata – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-obbligu li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura ddanneġġjata għal dawk sostnuti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u l-ispejjeż ta’ parkeġġ għal dawk li saru neċessarji b’investigazzjoni kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra.
    Kawża C-707/19.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:405

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    20 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Obbligu ta’ kopertura tad-danni materjali – Portata – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-obbligu li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura ddanneġġjata għal dawk sostnuti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u l-ispejjeż ta’ parkeġġ għal dawk li saru neċessarji b’investigazzjoni kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra”

    Fil-Kawża C‑707/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź – iċ-ċentru tal-belt, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

    K.S.

    vs

    A.B.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A.B., minn M. Samocik, radca prawny,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Soņeca u K. Pommere, sussegwentement minn K. Pommere bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u M. Winkler-Unger, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u B. Sasinowska, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K.S. u A.B. dwar talba għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ parkeġġ fil-Latvja u ta’ rmonk lejn il-Polonja ta’ vettura u ta’ nofs-karru li ġarrbu ħsara wara inċident tat-traffiku li seħħ fil-Latvja.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jistipulaw:

    “(2)

    Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju tal-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja, konklużi [fl-Unjoni Ewropea]. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment ħieles ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-konsolidament tas-suq intern fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-[Unjoni] għandu jkun għan ewlieni.

    […]

    (20)

    Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn [fl-Unjoni] jseħħu l-inċidenti”.

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (1)

    ‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

    (2)

    ‘il-parti li tkun sofriet ħsara’ tfisser kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment ikkawżati minn vetturi;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi:

    “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

    Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri wkoll:

    (a)

    skont il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew korriment ikkawżat fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

    […]

    L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

    Id-dritt Latvjan

    6

    L-Artikolu 28 tas-Sauszemes transportlīdzekļu īpašnieku civiltiesiskās atbildības obligātās apdrošināšanas likums (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà Ċivili Obbligatorja tal-Vetturi bil-Mutur tal-Proprjetarji ta’ Vetturi tal-Art) tas‑7 ta’ April 2004 (Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 65), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Latvjana dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja tal-Vetturi bil-Mutur”), tipprevedi:

    “L-ispejjeż assoċjati mat-tneħħija tal-vettura jew tat-tifrik jirrappreżentaw l-ispejjeż għat-tneħħija tal-vettura jew tat-tifrik mill-post tal-inċident tat-traffiku lejn il-post tar-residenza tal-proprjetarju tagħha jew tal-utent awtorizzat li kien qiegħed isuq il-vettura fil-mument tal-inċident tat-traffiku jew lejn il-post ta’ tiswija li jinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja. Jekk, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra, huwa neċessarju li l-vettura jew it-tifrik jiġu pparkjati f’parkeġġ, id-danni koperti jinkludu wkoll l-ispejjeż għat-tneħħija tal-vettura jew tat-tifrik lejn parkeġġ xieraq, kif ukoll l-ispejjeż tas-servizzi ta’ parkeġġ.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Fit‑30 ta’ Ottubru 2014, seħħ inċident tat-traffiku fil-belt ta’ K. (il-Latvja), li matulha vettura u n-nofs-karru tagħha, li jappartjenu għal K.S. u rreġistrati fil-Polonja, ġarrbu ħsara. Il-vettura u n-nofs-karru, minħabba ħsarat imġarrba, tneħħew f’parkeġġ għall-ipparkjar u mbagħad irmonkati lejn il-Polonja.

    8

    L-ispejjeż għall-ipparkjar fil-Latvja telgħu għal PLN 6020 (madwar EUR 1292) u l-ispejjeż ta’ rmonk lejn il-Polonja għal PLN 32860 (madwar EUR 7054).

    9

    Wara talba għal rimbors imressqa minn K.S., A.B., kumpannija tal-assigurazzjoni li magħha kienet assigurata r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident, ħallsitu kumpens ta’ PLN 4492,44 (madwar EUR 964), bħala spejjeż ta’ rmonk fil-Latvja. Min-naħa l-oħra, A.B. irrifjutat li tħallas kull kumpens għall-ispejjeż ta’ parkeġġ fil-Latvja u ta’ rmonk barra mit-territorju Latvjan.

    10

    Fit‑23 ta’ Jannar 2017, K.S. adixxa lis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź – ċentru tal-belt, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex A.B. tiġi kkundannata tħallsu, bl-interessi moratorji, is-somma totali ta’ PLN 28 527.56 (madwar EUR 6124) bħala spejjeż ta’ rmonk barra mit-territorju Latvjan u s-somma ta’ PLN 6020 (madwar EUR 1292) bħala spejjeż ta’ parkeġġ fil-Latvja.

    11

    Fir-risposta, A.B. sostniet li, konformement mad-dritt Latvjan applikabbli, hija kienet obbligata biss tirrimborsa l-ispejjeż ta’ rmonk sostnuti fit-territorju Latvjan u l-ispejjeż ta’ parkeġġ relatati ma’ proċeduri kriminali jew ma’ proċeduri oħra.

    12

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, preliminarjament, li, konformement mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku, konkluża f’Den Haag fl‑4 ta’ Mejju 1971, il-liġi applikabbli għall-kawża li hija adita biha hija l-liġi tal-Istat li fit-territorju tiegħu seħħ l-inċident, jiġifieri l-liġi Latvjana.

    13

    Issa, peress li l-Artikolu 28 tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur ma jipprevedix l-obbligu li jiġu koperti la l-ispejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara, meta l-irmonk iseħħ barra mit-territorju Latvjan, u lanqas l-ispejjeż għall-ipparkjar tal-vettura immobilizzata, sakemm dawn ma jkunux iġġustifikati minn investigazzjoni kriminali jew minn kull raġuni oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ġenerali li jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi tkun koperta minn assigurazzjoni.

    14

    Hija tirrileva li dan l-Artikolu 3 ma jispeċifikax il-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja li kull Stat Membru għandu jipprevedi fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi, peress li t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża biss li d-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet ta’ din l-assigurazzjoni huma ddeterminati fil-kuntest “tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu”, li jipprevedi l-obbligu għal kull Stat Membru li jieħu “l-miżuri kollha xierqa”.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar jekk il-frażi “il-miżuri kollha xierqa” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li kull Stat Membru għandu jipprevedi l-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kollha.

    16

    F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-portata ta’ din il-frażi tidhrilha inqas restrittiva fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Pollakka milli fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża. Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza u d-duttrina Pollakka kieku jiddeċiedu, fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ta’ vetturi bil-mutur, favur il-prinċipju tal-kumpens sħiħ tad-dannu.

    17

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi tkopri b’mod obbligatorju kemm id-danni materjali kif ukoll id-danni personali. Issa, fil-fehma tagħha, ma hemm l-ebda dubju li l-ispejjeż ta’ rmonk u ta’ parkeġġ, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu danni materjali li jirriżultaw mill-inċident. Il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali hija għalhekk, mill-perspettiva tagħha, mingħajr dubju ssodisfatta u l-eżitu tal-kawża li hija adita biha jiddependi biss mill-interpretazzjoni tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur.

    18

    Issa, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 28 tagħha tista’ ma tkunx kompatibbli mal-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, peress li tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili ma tkoprix dannu materjali li jirriżulta minn inċident tat-traffiku.

    19

    Fil-fatt, persuna stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex il-Latvja u vittma ta’ inċident tat-traffiku f’dan l-aħħar Stat Membru tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal kumpens għad-dannu materjali kkostitwit mill-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura tagħha li ġarrbet ħsara lejn l-Istat ta’ oriġini tagħha u minn dawk marbuta man-neċessità li din il-vettura tiġi pparkjata fit-territorju Latvjan sakemm isir l-irmonk għall-finijiet ta’ tiswija.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź – ċentru tal-belt), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/103], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-‘miżuri kollha xierqa’, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li r-responsabbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tkun tkopri d-danni kollha, inkluż il-konsegwenzi tad-danni relatati mal-bżonnijiet ta’ rmork tal-vettura tal-vittma lejn il-pajjiż ta’ oriġni ta’ din u l-ispejjeż relatati mal-bżonn li jiġu pparkjati l-vetturi?

    (2)

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tista’ tillimita, bi kwalunkwe mod, din ir-responsabbiltà?”

    Fuq id-domandi preliminari

    21

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali skont liema l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur ma tkoprix b’mod obbligatorju d-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura li tkun ġarrbet ħsara u l-ispejjeż ta’ parkeġġ forzat ta’ din il-vettura biss sa fejn dan l-irmonk seħħ fi ħdan dan l-Istat Membru u dan il-parkeġġ huwa neċessarju fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk dan l-artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jillimita, bi kwalunkwe mod, din ir-responsabbiltà.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta b’assigurazzjoni. Barra minn hekk, dan l-istess Artikolu 3 jippreċiża, fit-tieni paragrafu tiegħu, li d-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni huma ddeterminati fil-kuntest tal-miżuri msemmija f’dan l-ewwel paragrafu, u jistipula, fl-aħħar paragrafu tiegħu, li l-assigurazzjoni msemmija fl-imsemmi l-ewwel paragrafu tkopri b’mod obbligatorju d-danni materjali u d-danni personali.

    23

    L-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tad-danni kkawżati lit-terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u żgurat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar għadhom, fil-prinċipju, liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 32).

    26

    Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi ma jistgħux iċaħħdu il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/103 hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur, għan li ġie mfittex u rrinforzat b’mod konsistenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana, C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 47) u li jsegwi wkoll mill-premessi 2 u 20 ta’ din id-direttiva li l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur għandha “impatt fuq il-moviment ħieles ta’ persuni u vetturi”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi, li tagħmel parti minnha d-Direttiva 2009/103, hija intiża, minn naħa, biex tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jkunu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, biex tiżgura li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament minn fejn iseħħ l-inċident fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora, C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jsegwi li, għalkemm l-Artikolu 28 tal-liġi Latvjana dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur jipprevedi l-obbligu għall-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili li jkopri l-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura li ġarrbet ħsara jew tat-tifrik mill-post tal-inċident sal-post ta’ residenza tal-proprjetarju tagħha jew tal-utent awtorizzat li kien qiegħed isuq il-vettura fil-mument tal-inċident tat-traffiku, jew sal-post ta’ tiswija ta’ din il-vettura, dan l-obbligu madankollu japplika biss meta l-irmonk iseħħ fuq it-territorju Latvjan. Barra minn hekk, għalkemm dan l-artikolu jobbliga lill-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ parkeġġ tal-vettura li tkun ġarrbet ħsara, dan huwa biss bil-kundizzjoni li dawn ikunu saru neċessarji “fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra”.

    29

    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-ispejjeż ta’ rmonk, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha persuna li l-vettura tagħha, normalment ipparkjata fi Stat Membru ieħor, tkun ġarrbet ħsara minħabba inċident li seħħ fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u li għalih tiskatta r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura normalment ibbażata f’dan l-ewwel Stat Membru, tikseb min-naħa tal-assiguratur ta’ din ir-responsabbiltà ċivili parti biss mill-kumpens għad-danni materjali previst għad-danni kkawżati għall-vetturi normalment ipparkjati fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

    30

    Fil-fatt, sa fejn tali leġiżlazzjoni tipprevedi biss il-kopertura tal-ispejjeż ta’ rmonk sostnuti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, minn dan jirriżulta li persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ K.S. ser jkollha dawn l-ispejjeż ta’ rmonk tal-inqas parzjalment esklużi mill-kopertura fil-każ fejn il-vettura tiġi rmunkata u msewwija fl-Istat Membru fejn hija tirrisjedi. Min-naħa l-oħra, għal inċident analogu li tiegħu hija vittma persuna li għandha l-post ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru fejn seħħ l-inċident, din il-persuna ser tibbenefika, min-naħa ta’ dan l-assiguratur, minn kopertura integrali tal-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura sal-post ta’ residenza tagħha jew mit-tiswija tal-vettura li tinsab f’dan l-Istat Membru.

    31

    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi distinzjoni bbażata fuq il-kriterju tar-residenza għandha r-riskju li topera, prinċipalment, għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti spiss ma jkollhomx in-nazzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Navileme u Nautizende, C‑509/12, EU:C:2014:54, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi diskriminazzjoni bejn il-persuni leżi skont l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

    33

    Għalkemm huwa minnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, sa fejn din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“miżuri kollha xierqa”, ma jipprevedix li kull Stat Membru għandu jiżgura li, fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili, l-impriżi tal-assigurazzjoni jkopru d-danni kollha, xorta jibqa’ l-fatt li limitazzjoni tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kkawżati mill-vetturi bil-mutur ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi biss tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna leża. Fil-fatt, il-fatt li r-residenza tal-persuna leża tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih seħħ l-inċident ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika trattament differenti fir-rigward tal-kopertura tad-dannu mill-assiguratur, fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni segwiti minn din id-direttiva, kif imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

    34

    Madankollu, din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jillimita, mingħajr ma jirrikorri għal kriterji relatati mat-territorju tiegħu, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ rmonk, b’mod partikolari fil-każ fejn il-mezzi tekniċi ta’ tiswija huma aċċessibbli f’post ferm iktar qrib minn dak li għalih qed jintalab l-irmonk u fejn l-ispejjeż ta’ rmonk fi Stat Membru ieħor jidhru, minħabba f’hekk, sproporzjonati.

    35

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ parkeġġ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tipprevedi l-kopertura tal-ispejjeż sostnuti għall-parkeġġ neċessarju “fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra”, tagħmel xi distinzjoni bejn il-persuni li għandhom il-post ta’ residenza tagħhom fil-Latvja u dawk li għandhom il-post ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux f’sitwazzjoni li fiha l-parkeġġ tal-vettura għandu jitqies li kien “neċessarju” għal “kwalunkwe raġuni oħra”, u jekk effettivament ma teżistix differenza fit-trattament f’dan ir-rigward skont il-post ta’ residenza tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura li tkun ġarrbet ħsara.

    36

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    huwa jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru skont liema l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur tkopri biss b’mod obbligatorju d-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura li ġarrbet ħsara biss sa fejn dan l-irmonk seħħ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Din il-konstatazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-imsemmi Stat Membru li jillimita, mingħajr ma jirrikorri għal kriterji dwar it-territorju tiegħu, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ rmonk;

    huwa ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ Stat Membru skont liema din l-assigurazzjoni tkopri biss b’mod obbligatorju d-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ parkeġġ tal-vettura li tkun ġarrbet ħsara jekk il-parkeġġ kien neċessarju fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra, bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni ta’ kopertura tapplika mingħajr differenza fit-trattament skont l-Istat Membru ta’ residenza tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura li ġarrbet ħsara.

    Fuq l-ispejjeż

    37

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    huwa jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru skont liema l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur tkopri biss b’mod obbligatorju d-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ rmonk tal-vettura li ġarrbet ħsara biss sa fejn dan l-irmonk seħħ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Din il-konstatazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-imsemmi Stat Membru li jillimita, mingħajr ma jirrikorri għal kriterji dwar it-territorju tiegħu, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ rmonk u

     

    huwa ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ Stat Membru skont liema din l-assigurazzjoni tkopri biss b’mod obbligatorju d-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ parkeġġ tal-vettura li tkun ġarrbet ħsara jekk il-parkeġġ kien neċessarju fil-kuntest ta’ investigazzjoni fi proċeduri kriminali jew għal kwalunkwe raġuni oħra, bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni ta’ kopertura tapplika mingħajr differenza fit-trattament skont l-Istat Membru ta’ residenza tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura li ġarrbet ħsara.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Fuq