Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0511
Judgment of the Court (Third Chamber) of 15 April 2021.#AB v Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis.#Request for a preliminary ruling from the Areios Pagos.#Reference for a preliminary ruling – Social policy – Directive 2000/78/EC – Principle of equal treatment in employment and occupation – Prohibition of discrimination on grounds of age – Workers placed under a labour reserve system until termination of their contract of employment – Wage reduction and reduction or loss of severance pay – System applicable to public-sector workers close to full-time retirement – Reduction of public-sector wage costs – Article 6(1) – Legitimate social policy objective – Economic crisis.#Case C-511/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ April 2021.
AB vs Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Areios Pagos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Ħaddiema mqiegħda f’riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom – Tnaqqis fis-salarju u tnaqqis jew telf ta’ allowance ta’ tkeċċija – Sistema applikabbli għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li jinsabu qrib l-irtirar b’rata sħiħa – Tnaqqis tal-ispejjeż tal‑pagi tas-settur pubbliku – Artikolu 6(1) – Għan leġittimu ta’ politika soċjali – Sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika.
Kawża C-511/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ April 2021.
AB vs Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Areios Pagos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Ħaddiema mqiegħda f’riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom – Tnaqqis fis-salarju u tnaqqis jew telf ta’ allowance ta’ tkeċċija – Sistema applikabbli għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li jinsabu qrib l-irtirar b’rata sħiħa – Tnaqqis tal-ispejjeż tal‑pagi tas-settur pubbliku – Artikolu 6(1) – Għan leġittimu ta’ politika soċjali – Sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika.
Kawża C-511/19.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:274
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ April 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Ħaddiema mqiegħda f’riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom – Tnaqqis fis-salarju u tnaqqis jew telf ta’ allowance ta’ tkeċċija – Sistema applikabbli għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li jinsabu qrib l-irtirar b’rata sħiħa – Tnaqqis tal-ispejjeż tal‑pagi tas-settur pubbliku – Artikolu 6(1) – Għan leġittimu ta’ politika soċjali – Sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika”
Fil-Kawża C‑511/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura
AB
vs
Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen (Relatur), L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal AB, minn D. Vervesos u D. Vasileiou, dikigoroi, |
– |
għal Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis, minn V. Kounelis, dikigoros, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn E.‑M. Mamouna, G. Papadaki, A. Dimitrakopoulou u K. Georgiadis, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Triantafyllou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AB u Olympiako Athlitiko Kentro Athinon – Spyros Louis (iktar ’il quddiem “OAKA”) dwar it-tqegħid tiegħu, qabel l-irtirar tiegħu, taħt is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema prevista mid-dritt nazzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi li din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġġieled diskriminazzjoni bbażata fuq, b’mod partikolari, l-età, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
4 |
L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jiddisponi: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[…]” |
Id-dritt Elleniku
7 |
L-Artikolu 34, intitolat “Tneħħija ta’ pożizzjonijiet vakanti rregolati mid-dritt privat u riżerva ta’ ħaddiema”, tan-Nómos 4024/2011: Syntaxiodotikés rythmíseis, eniaío misthológio – vathmológio, ergasiakí efedreía kai álles diatáxeis efarmogís tou mesopróthesmou plaisíou dimosionomikís stratigikís 2012‑2015 (il-Liġi 4024/2011 dwar Dispożizzjonijiet dwar Skemi ta’ Rtirar, l-Iskala Unitarja tas-Salarji u tal-Gradi, ir-Riżerva ta’ Ħaddiema u Dispożizzjonijiet Oħra li Jimplimentaw il-Qafas ta’ Strateġija Baġitarja fuq Terminu Medju 2012‑2015) tas‑27 ta’ Ottubru 2011 (FEK A’ 226), kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv tas‑16 ta’ Diċembru 2011 mibdul f’liġi permezz tal-Artikolu 1 tan-Nómos 4047/2012 (il-Liġi 4047/2012) tat‑23 ta’ Frar 2012 (FEK A’ 31) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4024/2011”), jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 u 8 tiegħu: “1. L-Artikolu 37(7) tal-Liġi 3986/2011 (FEK A’ 152) għandu jiġi ssostitwit kif ġej: […]
[…]
[…] 2. Il-pożizzjonijiet tal-ħaddiema marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat għal żmien indeterminat fl-amministrazzjoni, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, l-awtoritajiet territorjali tal-ewwel u t-tieni grad u l-istabbilimenti tagħhom, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat li jappartjenu lill-Istat jew lil persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew lil awtoritajiet territorjali, fis-sens li huma inkarigati minn missjoni afdata mill-Istat, l-amministrazzjoni jew l-awtoritajiet territorjali li huma suġġetti għal sorveljanza mill-Istat, l-amministrazzjoni jew l-awtoritajiet territorjali li l-maġġoranza tal-bord tad-diretturi tagħhom huma maħtura jew ikkontrollati mill-Istat, l-amministrazzjoni jew l-awtoritajiet territorjali li mhux inqas minn 50 % tal-baġit annwali tagħhom huwa ssussidjat b’mod permanenti skont ir-regoli rilevanti permezz ta’ fondi tal-organi msemmija hawn fuq, kif ukoll l-impriżi, organi u kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I tal-Liġi 3429/2005 (A’ 314), kif emendati [bl-Artikolu 1(1)(a)] tal-Liġi 3899/2010 (FEK A’ 212), li jkunu vakanti fid-data tad-dħul ta’ din il-liġi, għandhom jitneħħew. […] 3. Il-kuntratt ta’ xogħol irregolat mid-dritt privat għal żmien indeterminat tal-impjegati fi pożizzjonijiet fi ħdan l-organi msemmija hawn fuq […] għandu jiġi tterminat bis-saħħa tal-liġi u ipso jure meta dawn l-impjegati jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jintitolawhom għall-irtirar b’pensjoni b’rata sħiħa, li tkun tikkorrispondi għal sħubija fis-sistema ta’ sigurtà soċjali wara 35 sena, bil-kundizzjoni li dan id-dritt ikun miksub, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti, sal‑31 ta’ Diċembru 2013 inkluż […] 4. Il-ħaddiema msemmija fis-subparagrafu preċedenti għandhom jitqiegħdu ipso jure taħt is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012 u sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol skont il-modalitajiet tal-paragrafu preċedenti. […] […] 8. Il-perijodu tar-riżerva ta’ ħaddiema ma għandux jeċċedi 24 xahar f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema msemmija fis-subparagrafu 4 […]” |
8 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tan-Nómos 3198/1955: Perí tropopoiíseos kai sympliróseos ton perí katangelías tis schéseos ergasías diatáxeon (il-Liġi 3198/1955 li Temenda u Tikkompleta d-Dispożizzjonijiet dwar it-Terminazzjoni tar-Relazzjoni ta’ Xogħol) tat‑23 ta’ April 1955 (FEK A’ 98), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 3198/1955”): “Il-ħaddiema affiljati ma’ organu ta’ assigurazzjoni għall-irtirar, li jkunu laħqu jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija b’rata sħiħa, jistgħu, […] jekk ikollhom l-istatus ta’ impjegat, jew jitilqu mill-impjieg tagħhom, jew jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom mill-persuna li timpjegahom, billi jirċievu, f’dawn il-każijiet kollha, rispettivament, jekk huma koperti minn assigurazzjoni komplementari, 40 % tal-allowance ta’ tkeċċija li għandhom dritt għalih skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg mill-persuna li timpjegahom, u 50 % tal-imsemmija allowance ta’ tkeċċija.” |
9 |
L-Artikolu 10(1) tan-Nómos 825/1978: Perí antikatastáseos, tropopoiíseos kai sympliróseos diatáxeon tis diepoúsis to IKA Nomothesías kai rythmíseos synafón themáton (il-Liġi 825/1978 li Tissostitwixxi, Temenda u Tikkompleta d-Dispożizzjonijiet tal-Leġiżlazzjoni li Tirregola l-IKA u Tinkludi Dispożizzjonijiet Konnessi) tat‑13 ta’ Novembru 1978 (FEK A’ 189), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 825/1978”), jipprevedi li sabiex ħaddiem impjegat affiljat mal-Idryma Koinonikon Asfaliseon – Eniaio Tameio Asfalissis Misthoton (IKA-ETAM) (l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali – Fond Ġenerali ta’ Assigurazzjoni ta’ Ħaddiema, il-Greċja) jista’ jkollu d-dritt li jitlob pensjoni tax-xjuħija b’rata sħiħa, huwa għandu jkun wettaq 10500 jum (35 sena) ta’ xogħol bi ħlas u jkun laħaq l-età ta’ 58 sena fid-data tas-sottomissjoni tat-talba lill-organu tal-assigurazzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li AB ġie rreklutat matul is-sena 1982 minn OAKA, persuna ġuridika irregolata mid-dritt privat li tappartjeni lis-settur pubbliku f’sens wiesa’, bis-saħħa ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u li mis-sena 1998 ingħata l-funzjonijiet ta’ kunsillier tekniku fi ħdanu. |
11 |
B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012, AB ġie ssuġġettat ipso jure għas-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1)(c)(3), kif ukoll tal-paragrafi 4 u 8 tal-Liġi 4024/2011, li wassal għal tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu għal 60 % tas-salarju bażiku tiegħu. |
12 |
Fit‑30 ta’ April 2013, OAKA xoljiet il-kuntratt ta’ xogħol ta’ AB mingħajr ma ħallsitu l-allowance ta’ tkeċċija prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Liġi 3198/1955 f’każ ta’ tkeċċija jew ta’ tluq mill-impjegat meta l-kundizzjonijiet huma ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-irtirar bir-rata sħiħa. Dan ir-rifjut ta’ kumpens kien ibbażat fuq l-Artikolu 34(1)(e) tal-Liġi 4024/2011, li jipprevedi kumpens bejn l-allowance ta’ tkeċċija dovut u r-remunerazzjoni mħallsa lill-impjegat matul it-trasferiment tiegħu fir-riżerva ta’ ħaddiema. |
13 |
Permezz tar-rikors imressaq quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), AB ikkontesta b’mod partikolari l-validità tat-trasferiment tiegħu lejn is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tal-Liġi 4024/2011 li jintroduċu differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bi ksur tad-Direttiva 2000/78, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament kienet oġġettivament iġġustifikata minn xi għan leġittimu jew li l-mezzi sabiex jitwettaq dak l-għan kienu xierqa u neċessarji. F’dan ir-rigward, huwa talab li OAKA tiġi kkundannata tħallsu d-differenza bejn is-salarju li huwa kien jirċievi qabel l-imsemmi trasferiment u dak li kien jirċievi wara dan it-trasferiment. AB invoka wkoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Liġi 3198/1955 sabiex jitlob mingħand OAKA l-ħlas ta’ somma bħala allowance ta’ tkeċċija, flimkien mal-interessi legali. |
14 |
Billi dik il-qorti laqgħet dak ir-rikors parzjalment, OAKA appellat quddiem il-Monomeles Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja) li annullat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza billi ċaħdet il-parti tar-rikors ta’ AB li kienet intlaqgħet f’dik is-sentenza. |
15 |
AB appella fil-kassazzjoni quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja). Din teskludi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tal-Liġi 4024/2011 ma jipprevedux limitu ta’ età speċifika għall-persunal suġġett għas-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema. Madankollu, hija tistaqsi jekk din is-sistema tinvolvix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, sa fejn hija rriżervata għall-impjegati li huma qrib l-irtirar b’rata sħiħa, li jippreżupponi li għandhom 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet, b’dawn il-kundizzjonijiet kellhom jintlaħqu matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2013. |
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li impjegat bħal AB, li huwa affiljat mal-IKA-ETAM, seta’ jistenna rtirar b’rata sħiħa taħt il-kundizzjoni doppja li jkun wettaq 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet u li jkun laħaq l-età ta’ 58 sena, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-Liġi 825/1978. |
17 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, ir-raġunijiet indikati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi 4024/2011 jistgħux jikkostitwixxu għan oġġettivament u raġonevolment leġittimu li jiġġustifika tali differenza fit-trattament. F’dan il-kuntest, hija ssemmi li l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 ta’ din il-liġi kien dak li jirrispondi għan-neċessità immedjata li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi konformement mal-ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Ellenika u l-kredituri tagħha kif ukoll dak li jissana l-finanzi tal-Istat u tas-settur pubbliku fis-sens wiesa’, sabiex tiġi affaċċjata l-kriżi ekonomika li laqtet lil dan l-Istat Membru. |
18 |
Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-aħħar nett, jekk, minn naħa, it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-persunal imqiegħed taħt is-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema, fid-dawl tal-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti mill-imsemmija liġi dwar dan il-persunal, u, min-naħa l-oħra, it-tneħħija parzjali jew totali tal-allowance ta’ tkeċċija prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Liġi 3198/1955 għal dan l-istess persunal jikkostitwixxux mezzi xierqa u neċessarji għall-finijiet tat-twettiq tal-imsemmi għan. |
19 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
20 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema tas-settur pubbliku li jissodisfaw matul perijodu partikolari l-kundizzjonijiet sabiex jirċievu pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa għandhom jitqiegħdu taħt sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, li jwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom, telf tal-avvanz eventwali tagħhom kif ukoll tnaqqis, jew anki t-tneħħija, tal-allowance ta’ tkeċċija li huma kienu jkunu intitolati għaliha fil-mument tal-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. |
21 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, fl-affermattiv, jekk hija tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u jekk din tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
22 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan ta’ din id-direttiva, li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol”, billi toffrilu protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom tidher l-età (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda “[l]-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”. |
24 |
Issa, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiema marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat għal żmien indeterminat ma’ persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur pubbliku fis-sens wiesa’ u li kienu jissodisfaw, matul perijodu partikolari, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievu pensjoni b’rata sħiħa tqiegħdu taħt sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom. Dan it-tqegħid kien jaffettwa r-remunerazzjoni tal-imsemmija ħaddiema u l-allowance ta’ tkeċċija li huma setgħu jistennew fil-mument tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. |
25 |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
26 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni toħloqx differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, għandu jiġi rrilevat li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 34(3) u (4) tal-Liġi 4024/2011 jirriżulta li t-tqegħid taħt is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema kien previst għall-ħaddiema tal-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur pubbliku fis-sens wiesa’ li kienu jissodisfaw, matul il-perijodu kkonċernat, il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa. Issa, għalkemm l-imsemmi paragrafu 3 isemmi, bħala kundizzjoni għall-pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa, l-affiljazzjoni mal-iskema ta’ sigurtà soċjali għal 35 sena, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-Liġi 825/1978, ħaddiem bħal AB, li kien affiljat mal-IKA-ETAM, seta’ jitlob pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa taħt il-kundizzjoni doppja li jkun wettaq l-imsemmija 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet u li jkun laħaq l-età minima ta’ 58 sena. |
27 |
Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, il-fatt li l-ħaddiem jilħaq l-età minima ta’ 58 sena jikkostitwixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, kundizzjoni indispensabbli għall-eliġibbiltà tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa u, konsegwentement, għat-tqegħid tiegħu taħt is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema matul il-perijodu rilevanti. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema hija bbażata fuq kriterju li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-età tal-ħaddiema kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 23). |
28 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li l-kundizzjoni kumulattiva l-oħra sabiex tkun tista’ tintalab pensjoni tal-irtirar sħiħa, jiġifieri dik li jkunu twettqu 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet, għandha titqies bħala kriterju apparentement newtrali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 48 u 51). |
29 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 6 jiddikjara li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji. |
30 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod repetut iddeċidiet li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner, C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi 4024/2011, li għaliha tirreferi kemm id-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Gvern Grieg, jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kriżi ekonomika gravi li kellha quddiemha r-Repubblika Ellenika, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-impenji meħuda minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-kredituri tiegħu u li jikkonsistu fit-tnaqqis immedjat tal-ispejjeż pubbliċi tal-pagi sabiex titwettaq ekonomija ta’ EUR 300 miljun għas-sena 2012, peress li s-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema għandha tkun applikata għal 30000 ħaddiema tas-settur pubbliku f’sens wiesa’. |
32 |
Il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li dan l-għan ma huwiex ta’ natura purament baġitarja, iżda jirrigwarda wkoll ir-razzjonalizzazzjoni u t-tnaqqis tas-settur pubbliku f’sens wiesa’ kif ukoll ir-ristrutturazzjoni tas-servizzi ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-miżuri meħuda f’dan il-kuntest ta’ kriżi ekonomika gravi kienu intiżi sabiex jevitaw il-falliment tar-Repubblika Ellenika u, b’dan il-mod, sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà taż-żona euro permezz taż-żamma tal-ekwilibriju ekonomiku u, għaldaqstant, soċjali. |
33 |
Barra minn hekk, skont il-Gvern Elleniku, is-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema tikkontribwixxi, fi-rigward tar-rekwiżiti marbuta mat-tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi, għal għanijiet ta’ politika tal-impjieg. Għalhekk, minn naħa, fid-dawl tal-fatt li l-ħaddiema kkonċernati setgħu jitkeċċew fi kwalunkwe mument, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema żgurat iż-żamma ta’ livell għoli ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, l-issuġġettar għall-imsemmija sistema ta’ ħaddiema li huma qrib l-irtirar ippermetta li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali żgħażagħ u uffiċjali ikbar fl-età fi ħdan is-settur pubbliku f’sens wiesa’. |
34 |
F’dan ir-rigward, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ ordni baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjieg li jixtieq jadotta, huma ma jistgħux madankollu jikkostitwixxu huma stess għan segwit minn din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Universitatea Lucian Blaga Sibiu et, C‑644/19, EU:C:2020:810, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-kriżi ekonomika gravi li kellha r-Repubblika Ellenika kienet thedded li tikkawża konsegwenzi serji, jiġifieri, b’mod partikolari, il-falliment ta’ dan l-Istat Membru u telf ta’ stabbiltà taż-żona euro, ma jistax jaffettwa n-natura baġitarja tal-għan tal-miżuri meħuda, li jikkonsisti fit-twettiq ta’ ekonomija ta’ EUR 300 miljun għas-sena 2012, sabiex tiġi affaċċjata din is-sitwazzjoni ta’ kriżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 35). |
36 |
Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi b’mod konformi mal-impenji meħuda mir-Repubblika Ellenika fil-konfront tal-kredituri tagħha, sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, permezz tal-istabbiliment tas-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema, tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati kif ukoll tnaqqis, jew anki t-tneħħija, tal-allowance ta’ tkeċċija li huma kienu jkunu intitolati għaliha, jista’ jinfluwenza n-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni tax-xogħol, iżda ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu għan leġittimu, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
37 |
Fil-fatt, kuntest nazzjonali kkaratterizzat minn kriżi ekonomika gravi ma jistax jawtorizza lil Stat Membru jneħħi l-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni billi jibbaża ruħu esklużivament fuq għan differenti minn dak fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg intiż minnha sabiex jiġġustifika tali differenza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 106). |
38 |
Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li l-istabbiliment, permezz tal-Liġi 4024/2011, tas-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema, implimentata fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji li r-Repubblika Ellenika kienet suġġetta għalihom, tissodisfa għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
39 |
Għalhekk, minn naħa, l-għażla li l-ħaddiema kkonċernati jitqiegħdu taħt tali sistema pjuttost milli t-tkeċċija tagħhom għandha l-għan li tippromwovi livell għoli ta’ impjieg, li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikolu 9 TFUE, jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 64, u tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 36). |
40 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali żgħażagħ u uffiċjali ta’ età ikbar sabiex, b’mod partikolari, jiġi ffavorit ir-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ żgħażagħ jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 50, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 38). |
41 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-programm ta’ tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi ma huwiex intiż li jiffavorixxi l-impjieg fis-settur pubbliku fis-sens wiesa’, xorta jibqa’ l-fatt li s-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema intiża għall-ħaddiema qrib l-irtirar, fil-kuntest ta’ dan il-programm, setgħet b’mod partikolari tevita t-tkeċċija eventwali ta’ ħaddiema iżgħar f’dan is-settur. |
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm is-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema tagħmel parti minn politika ta’ natura baġitarja, hija ssegwi wkoll għanijiet li jaqgħu taħt il-politika tal-impjieg imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li bħala prinċipju jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament u raġonevolment differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
43 |
Għad irid jiġi vverifikat, konformement mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-mezzi implimentati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex “xierqa u neċessarji”. |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema għandha titqies li tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg identifikati. Fil-fatt, minn naħa, l-għażla li ma jitkeċċiex iżda li jinżammu ħaddiema qrib l-irtirar fi ħdan il-persuna li timpjegahom fis-settur pubbliku fis-sens wiesa’ tikkontribwixxi manifestament għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-introduzzjoni ta’ din is-sistema ppermettiet b’mod partikolari li tiġi evitata t-tkeċċija mhux biss ta’ ħaddiema li huma qrib l-irtirar, iżda wkoll ta’ ħaddiema iżgħar fl-età, hija kkontribwixxiet sabiex tiżgura struttura ta’ età globalment bbilanċjata fi ħdan l-imsemmi settur. |
45 |
Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżura meħuda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg imsemmija, għandu jitfakkar li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom isibu bilanċ ġust bejn id-diversi interessi involuti (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan b’mod partikolari jimplika li din il-miżura għandha tippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet mingħajr ma tippreġudika eċċessivament l-interessi leġittimi tal-ħaddiema affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 32). |
46 |
Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-età għandha tinqara fid-dawl tad-dritt għax-xogħol irrikonoxxut fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn dan jirriżulta li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-ħaddiema anzjani fil-ħajja professjonali u, b’hekk, fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali. Iż-żamma ta’ dawn il-persuni fil-ħajja attiva tiffavorixxi b’mod partikolari d-diversità fl-impjieg. Madankollu, l-interess li dawn il-persuni jinżammu attivi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-osservanza ta’ interessi oħra eventwalment diverġenti (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur nazzjonali, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, fittex li jilħaq l-għanijiet imsemmija, li minnhom jibbenefikaw b’mod partikolari l-ħaddiema iżgħar fl-età kif ukoll, permezz taż-żamma ta’ livell għoli ta’ impjieg, l-organi tas-settur pubbliku li, f’kuntest ta’ limitazzjonijiet baġitarji, jistgħu jkomplu jiżguraw il-missjoni u l-effikaċja tagħhom, mingħajr ma jippreġudikaw eċċessivament l-interessi tal-ħaddiema li kienu suġġetti għas-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm it-tqegħid taħt din is-sistema jwassal għal tnaqqis sinjifikattiv ta’ remunerazzjoni u t-telf ta’ opportunità ta’ avvanz għall-ħaddiema assenjati, dawn tal-aħħar huma suġġetti għaliha matul perijodu relattivament qasir, jiġifieri massimu ta’ 24 xahar, li fi tmiemu huma jibbenefikaw minn pensjoni b’rata sħiħa, peress li din l-aħħar ċirkustanza tikkostitwixxi l-kundizzjoni fundamentali għall-eliġibbiltà għall-imsemmija sistema. |
49 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġbir imminenti ta’ din il-pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa, it-tnaqqis, jew anki t-tneħħija, tal-allowance ta’ tkeċċija li l-imsemmija ħaddiema setgħu jkunu intitolati għaliha fil-mument tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma jidhirx irraġonevoli fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li ta lok għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑515/13, EU:C:2015:115, punt 27). |
50 |
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impjieg tal-ħaddiema kkonċernati taħt is-sistema tar-riżerva tal-ħaddiema huwa akkumpanjat minn miżuri ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar li għandhom l-effett li jtaffu l-effetti sfavorevoli ta’ din is-sistema. Dawn il-miżuri huma elenkati fil-parti (a) tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju u jinkludu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ssib impjieg ieħor, fis-settur privat, jew li teżerċita attività indipendenti mingħajr ma titlef id-dritt li tirċievi r-remunerazzjoni relatata mal-imsemmija sistema, l-obbligu għall-organu pubbliku li jimpjega jew, fin-nuqqas ta’ dan, għall-aġenzija nazzjonali għall-impjieg li jħallas lill-organu assiguratur kompetenti sal-irtirar il-kontribuzzjonijiet soċjali dovuti mill-persuna li timpjega u mill-ħaddiem fuq il-bażi tar-remunerazzjoni preċedenti ta’ dan tal-aħħar, l-eżenzjoni mis-sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema għall-gruppi soċjali vulnerabbli li għandhom bżonn protezzjoni, il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-persunal inkwistjoni lejn pożizzjonijiet vakanti oħra fi ħdan l-organi tas-settur pubbliku kif ukoll it-teħid ta’ miżuri li jikkonċernaw ir-rimbors ta’ self fuq immobbli meħud mill-persunal inkwistjoni. |
51 |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tippreġudika b’mod eċċessiv l-interessi leġittimi tal-ħaddiema affettwati. Għaldaqstant, f’kuntest ikkaratterizzat minn kriżi ekonomika gravi, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali. |
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema tas-settur pubbliku li jissodisfaw matul perijodu partikolari l-kundizzjonijiet sabiex jirċievu pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa jitqiegħdu taħt sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, li jwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom, telf tal-avvanz eventwali tagħhom kif ukoll tnaqqis, jew anki t-tneħħija, tal-allowance ta’ tkeċċija li huma kienu jkunu intitolati għaliha fil-mument tal-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, sakemm din il-leġiżlazzjoni tfittex għan leġittimu ta’ politika dwar l-impjiegi u li l-mezzi sabiex dan l-għan jinkiseb ikunu xierqa u neċessarji. |
Fuq l-ispejjeż
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema tas-settur pubbliku li jissodisfaw matul perijodu partikolari l-kundizzjonijiet sabiex jirċievu pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa jitqiegħdu taħt sistema tar-riżerva ta’ ħaddiema sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, li jwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom, telf tal-avvanz eventwali tagħhom kif ukoll tnaqqis, jew anki t-tneħħija, tal-allowance ta’ tkeċċija li huma kienu jkunu intitolati għaliha fil-mument tal-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, sakemm din il-leġiżlazzjoni tfittex għan leġittimu ta’ politika dwar l-impjiegi u li l-mezzi sabiex dan l-għan jinkiseb ikunu xierqa u neċessarji. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.