EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0949

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Marzu 2021.
M.A. vs Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-viżi – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Artikolu 21(2a) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Rifjut ta’ viża għal residenza għal żmien twil mill-Konslu – Obbligu għal Stat Membru li jiżgura rikors quddiem qorti kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali viża.
Kawża C-949/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:186

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-viżi – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Artikolu 21(2a) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Rifjut ta’ viża għal residenza għal żmien twil mill-Konslu – Obbligu għal Stat Membru li jiżgura rikors quddiem qorti kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali viża”

Fil-Kawża C‑949/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

M.A.

vs

Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M.A., minn B. Grohman, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Pagáčová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(2a) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ‘il quddiem il-“KFS”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M.A. u l-Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (il-Konslu tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ‘il quddiem il-“Konslu”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġ lil M.A. viża nazzjonali ta’ residenza għal żmien twil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-KFS

3

L-Artikolu 18 tal-KFS huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-viżi għal soġġorni li jeċċedu t-tliet xhur (‘viżi għal soġġorn fit-tul’) għandhom ikunu viżi nazzjonali maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu jew il-liġi tal-Unjoni. Dawn il-viżi għandhom jinħarġu fil-format uniformi għall-viżi kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13.] bl-intestatura li tispeċifika t-tip ta’ viża bl-ittra ‘D’. Dawn għandhom jiġu kompletati skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) [ĠU 2009, L 243, p. 1].

2.   Il-viżi għal soġġorn fit-tul għandu jkollhom validità ta’ mhux aktar minn sena. Jekk Stat Membru jippermetti persuna aljena toqgħod għal aktar minn sena, il-viża għal soġġorn fit-tul għandha tiġi sostitwita b’permess ta’ residenza qabel l-iskadenza tal-perijodu tagħha ta’ validità.”

4

L-Artikolu 21 tal-KFS jipprevedi:

“1.   Persuni aljeni detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu tal-ivvjaġġar, jiċċaqilqu liberament sa perijodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri l-oħra, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e) tar-Regolament 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑ 15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [ĠU 2006, L 105, p. 1] u li m’humiex fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]

2a.   Id-dritt tal-moviment ħieles stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika għal persuni aljeni detenturi ta’ viża valida għal soġġorn fit-tul maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 18.”

Id-Direttiva (UE) 2016/801

5

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21):

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal perijodu ta’ aktar minn 90 jum, fit-territorju tal-Istati Membri, u d-drittijiet, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familji tagħhom, għall-fini ta’ riċerka, studji, taħriġ jew servizz volontarju fis-Servizz Volontarju Ewropew, u fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, ta’ skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi, servizz volontarju għajr is-Servizz Volontarju Ewropew jew au pairing;

[…]”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex ikunu ammessi jew li ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-fini ta’ riċerka, studji, taħriġ jew servizz volontarju fis-Servizz Volontarju Ewropew. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi għall-fini ta’ skema ta’ skambju ta’ skulari jew proġett edukattiv, servizz volontarju għajr is-Servizz Volontarju Ewropew jew au pairing”.

7

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[…]

(3)

‘student’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u jkun ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex isegwi bħala attività prinċipali kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ edukazzjoni għolja rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali, f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, fejn jista’ jkopri kors preparatorju qabel it-tali edukazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, jew taħriġ obbligatorju;

[…]

(21)

‘awtorizzazzjoni’ tfisser permess ta’ residenza jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, viża għal permanenza twila maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva;

[…]

(23)

‘viża għal permanenza twila’ tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru kif hemm stipulat fl-Artikolu 18 tal-[KFS] jew maħruġa skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ.”

8

L-Artikolu 34(5) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni, li tirrifjuta t-tiġdid, jew li tirtira awtorizzazzjoni għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista’ jitressaq l-appell u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-appell.”

Il-Kodiċi dwar il-Viżi

9

L-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 810/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”), jipprovdi:

“L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.”

Id-dritt Pollakk

10

L-Artikolu 75 tal-ustawa o cudzoziemcach (il-Liġi dwar il-Barranin) tat‑12 ta’ Diċembru 2013 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2094), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprovdi:

“1.   Il-viża nazzjonali għandha tiġi miċħuda permezz ta’ deċiżjoni.

2.   Id-deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ viża nazzjonali għandha tieħu l-forma ta’ formola.”

11

L-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar il-Barranin jistipula:

“Deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ viża Schengen jew ta’ viża nazzjonali tagħti lok għal dritt:

1)

ta’ talba għal eżami mill-ġdid mill-konslu jekk din tkun ittieħdet minn din l-awtorità;

[…]”

12

L-Artikolu 5 tal-ustawa Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi) tat‑30 ta’ Awwissu 2002 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1302), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-qrati amministrattivi ma għandhomx kompetenza sabiex jisimgħu kawżi marbuta:

[…]

4)

mal-viżi maħruġa mill-konsli, bl-eċċezzjoni ta’:

a)

dawk imsemmija fil-punti 2 sa 5 tal-Artikolu 2 tal-[Kodiċi dwar il-Viżi],

b)

dawk maħruġa lill-barranin membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar id-dħul fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, is-soġġorn u l-ħruġ mill-imsemmi territorju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u membri tal-familja tagħhom) tal‑14 ta’ Lulju 2006 (Dz. U tal‑2017, pożizzjoni 900, u tal‑2018, pożizzjoni 650).

[…]”

13

Skont l-Artikolu 58(1)(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-qrati amministrattivi, “[i]l-qorti għandha tiċħad ir-rikors […] meta l-kawża ma taqax taħt il-kompetenza tal-qorti amministrattiva […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżenta quddiem il-konslu applikazzjoni għall-ħruġ ta’ viża nazzjonali ta’ residenza għal żmien twil sabiex iwettaq studji tat-tieni ċiklu fil-Polonja. Peress li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda, huwa talab lill-konslu għall-eżami mill-ġdid tagħha. Dan tal-aħħar irrepeta r-rifjut tiegħu tal-viża, minħabba n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-għan jew tal-kundizzjonijiet tar-residenza maħsuba.

15

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja) kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-konslu. Sabiex juri l-ammissibbiltà tar-rikors, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali bbaża ruħu fuq is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960), u sostna li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza seta’ jiġi applikat għall-kawża prinċipali, minħabba x-xebh taċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ din tal-aħħar u tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

16

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2019, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja) ċaħdet dan ir-rikors. Din il-qorti, billi bbażat ruħha fuq il-punt (4) tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi, qieset li l-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati amministrattivi. Hija qieset ukoll li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960), ma kinitx applikabbli għall-kawża prinċipali, minħabba li l-viża inkwistjoni f’dik is-sentenza kienet viża għal residenza qasira, jiġifieri viża Schengen, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien applika għal viża nazzjonali għal residenza għal żmien twil, maħruġa konformement mad-dritt nazzjonali.

17

Billi qies li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja) kienet iddeċidiet b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tal-Konslu li tirrifjuta l-ħruġ tal-viża nazzjonali ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u li din il-qorti kienet, konsegwentement, ċaħdet b’mod infondat ir-rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja).

18

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, wara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960), il-punt 4(a) tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi ġie emendat sabiex jistabbilixxi dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża Schengen. Hija tippreċiża li din l-emenda leġiżlattiva ma tapplikax madankollu għad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ viżi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, konformement mad-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni tal-Konslu li tirrifjuta l-ħruġ ta’ viża nazzjonali ta’ residenza għal żmien twil lil barrani ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

19

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li jiġi stabbilit, għall-viżi nazzjonali ta’ residenza għal żmien twil, l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li japplika għall-viżi Schengen u li jirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960).

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 21(2a) tal-KFS jagħti d-dritt għall-moviment liberu lill-barranin detenturi ta’ viża nazzjonali għal residenza għal żmien twil. Għalhekk, il-viża nazzjonali hija wieħed mill-mezzi li jippermettu lil barrani jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu u, bħala tali, ma hijiex distinta fundamentalment mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt skont il-viża Schengen mogħtija liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li l-viżi nazzjonali u l-viżi Schengen huma differenti fir-rigward tar-regoli, tar-rekwiżiti jew tal-modalitajiet ta’ ħruġ applikabbli għalihom, it-tnejn li huma jikkonċernaw l-eżerċizzju mill-barranin tal-istess dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. L-impossibbiltà li tiġi kkontestata quddiem qorti d-deċiżjoni definittiva ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża nazzjonali tista’ għalhekk tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 21(2a) tal-[KFS] b’rabta mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jinftiehem fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li ġie rrifjutat viża għal żmien twil u li ma jistax jeżerċita d-dritt għal moviment liberu fit-territorji ta’ Stati Membri oħra li jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tal-[KFS], għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Il-Gvern Pollakk iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, għar-raġuni li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

23

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

24

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 21(2a) tal-KFS, li jifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-Qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290).

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21(2a) tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża għal żmien twil għal finijiet ta’ studju.

27

L-Artikolu 21(2a) tal-KFS jipprevedi d-dritt għall-moviment ħieles, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tal-barranin detenturi ta’ viża valida għal residenza għal żmien twil maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 18 tal-istess konvenzjoni.

28

Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 21(2a) tal-KFS isegwi li din id-dispożizzjoni tirrigwarda esklużivament id-drittijiet ta’ moviment mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi, detenturi ta’ viża għal residenza għal żmien twil.

29

Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħti liċ-ċittadini ta’ Stati terzi li lilhom ikunu ġew irrifjutati tali viża ebda dritt jew libertà li jaqgħu taħt il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Konsegwentement, l-Artikolu 21(2a) tal-KFS ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri f’dan is-sens fil-konfront ta’ dawn iċ-ċittadini.

30

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tirrigwarda deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża għal residenza għal żmien twil kontra ċittadin ta’ Stat terz, b’mod iktar partikolari dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli kontra tali deċiżjoni, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2a) tal-KFS.

31

Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domanda tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, Ville d’Ottignies-Louvain-la-Neuve et, C‑225/13, EU:C:2014:245, punt 30).

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża għal residenza għal żmien twil għal finijiet ta’ studju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma hijiex l-Artikolu 21(2a) tal-KFS.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif isegwi mill-Artikolu 18(1) tal-KFS, il-viżi għal residenza għal żmien twil huma viżi nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom jew skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

34

Fir-rigward tal-viżi għal residenza għal żmien twil maħruġa mill-Istati Membri skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 79(2)(a) TFUE, ma adotta ebda att li jirregola l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali viżi, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-proċeduri, inklużi l-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża kontra d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw tali ħruġ, jaqgħu esklużivament taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-viżi għal residenza għal żmien twil għal raġunijiet umanitarji, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 44).

35

Peress li l-applikazzjonijiet għal tali viżi għal żmien twil ma humiex, għaldaqstant, irregolati mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 47, ma humiex applikabbli għar-rifjut ta’ dawn l-applikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-viżi għal residenza għal żmien twil għal raġunijiet umanitarji, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-Konslu għall-ħruġ ta’ viża għal residenza għal żmien twil sabiex iwettaq studji tat-tieni ċiklu fil-Polonja.

38

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, id-Direttiva 2016/801 tistabbilixxi b’mod partikolari, kif jipprevedi l-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza, għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, u li, min-naħa l-oħra, mill-punti (21) u (23) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-awtorizzazzjoni maħruġa għall-finijiet ta’ din id-direttiva tista’ tinħareġ mill-Istati Membri fil-forma ta’ permess ta’ residenza jew, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi dan, fil-forma ta’ viża għal residenza għal żmien twil.

39

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni għal viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

40

Fl-affermattiv, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors fl-Istat Membru kkonċernat, konformement mad-dritt nazzjonali.

41

Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża li taqa’ taħt id-Direttiva 2016/801, l-Artikolu 34(5) ta’ din tal-aħħar jagħti espressament lill-applikanti għal tali viża l-possibbiltà li jippreżentaw rikors konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ħa din id-deċiżjoni.

42

Għalhekk, bħall-viżi Schengen, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-għażla li jiddeċiedu dwar in-natura u l-modalitajiet konkreti tar-rimedji li għandhom l-applikanti għal viżi għal żmien twil li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/801.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-kawżi maħsuba sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni fil-kawża, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-karatteristiċi tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża msemmija fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 għandhom jiġu ddeterminati b’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta.

45

Issa, din id-dispożizzjoni tal-Karta timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw, f’ċertu stadju tal-imsemmija proċedura, rikors quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 41).

46

Konsegwentement, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża għal finijiet ta’ studju li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/801, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34(5) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu proċedura għat-tressiq ta’ kawża kontra tali deċiżjonijiet, li l-modalitajiet tagħha jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u din il-proċedura għandha tiżgura, f’ċertu stadju, rimedju ġudizzjarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 42).

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 21(2a) tal-KFS għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għaċ-ċittadin ta’ Stat terz li ġie rrifjutat viża għal residenza għal żmien twil.

48

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu proċedura għat-tressiq ta’ kawża kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża għal finijiet ta’ studju, fis-sens ta’ din id-direttiva, li l-modalitajiet tagħha jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u din il-proċedura għandha tiżgura, f’ċertu stadju, rimedju ġudizzjarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni għal viża nazzjonali għal residenza għal żmien twil għal finijiet ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 21(2a) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għaċ-ċittadin ta’ Stat terz li ġie rrifjutat viża għal residenza għal żmien twil.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu proċedura għat-tressiq ta’ kawża kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża għal finijiet ta’ studju, fis-sens ta’ din id-direttiva, li l-modalitajiet tagħha jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u din il-proċedura għandha tiżgura, f’ċertu stadju, rimedju ġudizzjarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni għal viża nazzjonali għal residenza għal żmien twil għal finijiet ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Fuq