EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0857

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Frar 2021.
Slovak Telekom a.s. vs Protimonopolný úrad Slovenskej republiky.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 11(6) – Astensjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-ġurisdizzjoni tagħhom – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-857/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:139

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 11(6) – Astensjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-ġurisdizzjoni tagħhom – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑857/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Slovak Telekom a.s.

kontra

Protimonopolný úrad Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Slovak Telekom a.s., minn J. Hajdúch, advokát,

għal Protimonopolný úrad Slovenskej republiky, minn T. Menyhart, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġenta, u assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Farley u R. Lindenthal kif ukoll minn L. Wildpanner, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Slovak Telekom a.s. (iktar ’il quddiem “ST”) u l-Protimonopolný úrad Slovenskej republiky (l-Uffiċċju kontra l-monopolju tar-Repubblika Slovakka) iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li timponi fuq ST multa talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, billi pprattikat tariffi fuq swieq bl-imnut tat-telekomunikazzjonijiet u s-suq tal-interkonnessjoni bl-ingrossa li jwasslu għal kompressjoni tal-marġni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1/2003

3

Il-premessi 6, 8 u 17 tar-Regolament Nru 1/2003 huma fformulati kif ġej:

“(6)

Sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib ma l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom is-saħħa li japplikaw il-liġijiet [tal-Unjoni].

[…]

(8)

Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet [tal-kompetizzjoni tal-Unjoni] u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri […]

[…]

(17)

Jekk il-liġijiet tal-kompetizzjoni huma applikati b’mod konsistenti u, fl-istess ħin, in-networks huma ħa jkunu maniġjati fl-aqwa mod possibli, huwa essenzali li tinżam ir-regola li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu awtomatikament il-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda il-proċeduri propji tagħha. Fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed jagixxi diġa fuq każ u l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibda l-proċeduri, hi għandha tagħmel hekk mil aktar fis possibli. Qabel ma tibda l-proċeduri, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil awtoritajiet nazzjonali konċernati.”

4

L-Artikolu 11(1) u (6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] f’koperazzjoni qariba.

[…]

6.   L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101 u 102]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.”

5

Skont l-Artikolu 35(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003:

“3.   L-effetti ta’ l-Artikolu 11(6) japplika għall-awtoritajiet nominati mil-Istati Membri inklużi l-qrati li jeserċitaw funzjonijiet rigward il-preparazzjoni u l-adozzjoni tat-tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti mil-Artikolu 5. L-eefetti ta’ l-Artikolu 11(6) mhux ser jiġi estiż għall-qrati sakemm jagixxu bħala qrati ta’ reviżjoni b’rispett għat-tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti fl-Artikolu 5.

4.   Minkejja paragrafu 3, fl-Istati Membri fejn, għal adozzjoni ta’ ċertu tipi ta’ deċiżjonijiet preveduti mil-Artikolu 5, awtorità iġġib azzjoni qabel l-awtorità ġudizzjarja li hi seperata u differenti mil-awtorità tal-prosekuzzjoni u provdut li it-termini ta’ dan il-paragrafu jiġu mħarsa, l-effetti ta’ l-Artikolu 11(6) ikunu limitati għal awtorità li qed tieħu ħsieb il-prosekuzzjoni il-każ li tirtira il-pretensjoni tagħha qabel ma l-awtorità ġudizzjarja meta il-Kummissjoni tiftaħ il-proċeduri u dan l-irtirar iġib il-proċeduri nazzjonali fit-tmiem effetiv tagħhom.”

Ir-Regolament Nru 773/2004

6

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat‑30 ta’ Ġunju 2008, (ĠU 2008, L 171, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 773/2004”) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda proċeduri bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skond il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fi kwalunkwe żmien, imma mhux iktar tard mid-data li fiha hija toħroġ stima preliminari kif jirreferi għaliha l-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament jew dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jew id-data li fiha avviż skond l-Artikolu 27(4) ta’ dak ir-Regolament ikun ippubblikat, skond liema tkun id-data l-iktar kmieni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Fis‑26 ta’ Settembru 2005, l-awtorità Slovakka tal-kompetizzjoni bdiet proċedura kontra ST għal abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE. Il-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet l-oħra tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fix-xahar ta’ Ottubru 2005. Fix-xahar ta’ Ottubru 2007, l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka ppreżentat lill-Kummissjoni abbozz ta’ deċiżjoni li tiddikjara li ST kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha.

8

Fil‑21 ta’ Diċembru 2007, l-awtorità Slovakka tal-kompetizzjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha kkonstatat li ST kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha.

9

Fit‑13 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni mingħand kompetituri ta’ ST dwar ċerti prattiki kummerċjali tagħha.

10

Mit‑13 sal‑15 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni mingħajr avviż fil-bini ta’ ST b’kooperazzjoni mal-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka.

11

Fit‑8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura kontra ST, fis-sens tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ April 2009”). Il-Kummissjoni tippreċiża, f’din id-deċiżjoni, li l-proċedura inkwistjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, rifjut possibbli ta’ ST li tipprovdi aċċess separat għan-netwerks lokali tagħha u għal servizzi oħra ta’ aċċess bl-ingrossa għall-high speed broadband kif ukoll prattika ta’ kompressjoni tal-marġni fir-rigward tal-aċċess bl-ingrossa għan-netwerk lokali, ta’ servizzi oħra ta’ aċċess bl-ingrossa għall-high speed broadband u tas-servizzi ta’ aċċess bl-imnut fis-Slovakkja.

12

Fid‑9 ta’ April 2009, ir-Rada Protimonopolného úradu Slovenskej republiky (il-Kunsill tal-Uffiċċju kontra l-monopolju tar-Repubblika Slovakka) biddel id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2007 tal-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2009”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, huwa impona fuq ST multa fl-ammont ta’ 525800000 koruni Slovakki (SKK) (EUR 17 453 362.54) minħabba li ST kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi adottat strateġija ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tagħha bejn il-prezzijiet ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bl-imnut u dawk tal-interkonnessjoni bl-ingrossa. L-imsemmi kunsill jqis li dan il-ksur twettaq, skont is-servizzi bl-imnut inkwistjoni, matul perijodi li jmorru, għall-itwal perijodu, mill‑1 ta’ Mejju 2001 sad‑9 ta’ April 2009, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu.

13

Id-deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2009 kienet is-suġġett ta’ appell minn ST quddiem il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, ir-Repubblika Slovakka), fejn invokat, b’mod partikolari, li l-awtorità kompetenti sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni kienet it-Telekomunikačný úrad Slovenskej republiky (l-Uffiċċju tat-Telekomunikazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka) u mhux l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka. Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2012, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) annullat id-deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2009. L-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka). Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Frar 2014, il-qorti tar-rinviju annullat is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2012 tal-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) u rrinvijat il-kawża quddiem din tal-aħħar.

14

Fis‑7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni adottat u bagħtet lil ST dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

15

Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom). Fid-deċiżjoni C(2014) 7465, il-Kummissjoni qieset li, mit-12 ta’ Awwissu 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-impriża komposta minn Deutsche Telekom AG u minn ST kienet wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE, li jikkonsisti, essenzjalment, f’kompressjoni tal-marġni u fl-adozzjoni ta’ strateġija ta’ rifjut li jiġi pprovdut aċċess għan-networks lokali tagħha.

16

Fil-21 ta’ Ġunju 2017, wara d-digriet tar-rinviju tal‑11 ta’ Frar 2014, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) adottat it-tieni sentenza li tiċħad l-appell ta’ ST. ST appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Din stiednet lil ST u lill-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dawl tal-kundanna ta’ ST mill-imsemmija awtorità u mill-Kummissjoni għal abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni għall-perijodu mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑21 ta’ Diċembru 2007.

18

Dawn l-osservazzjonijiet wrew diverġenza ta’ opinjoni bejn ST u l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-fatt li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ma kinitx taqbel mal-pożizzjoni li, fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom, l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka u l-Kummissjoni kienu eżaminaw prodotti differenti u l-fatt li din il-qorti kkunsidrat li l-kawża inkwistjoni kienet differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-espressjoni ‘jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE’ li tidher fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003] tfisser li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jitilfu s-setgħa li japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE]?

2)

L-Artikolu 50 (Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat) tal-Karta għandu japplika wkoll għal ksur ta’ natura amministrattiva bħall-abbuż minn pożizzjoni dominanti msemmi fl-Artikolu 102 TFUE, meta dan il-ksur jiġi ssanzjonat b’mod separat u indipendenti mill-Kummissjoni u minn awtorità ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom konformement mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura sabiex tadotta waħda mid-deċiżjonijiet iddefiniti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament li huma intiżi sabiex jikkonstataw ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li jobbligaw lill-impriżi inkwistjoni jtemmu l-imsemmi ksur, jordnaw miżuri provviżorji wara konstatazzjoni prima facie ta’ tali ksur, li jagħmlu impenji meħuda minn impriżi obbligatorji jew li jikkonstataw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

23

Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003, it-termini “l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferu għall-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji maħtura mill-Istati Membri li jippreparaw u jadottaw deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jordnaw il-waqfien ta’ ksur jew ta’ miżuri provviżorji, li jaċċettaw impenji jew jimponu multi, pagamenti ta’ penalità jew kull sanzjoni oħra prevista mid-dritt nazzjonali tagħhom.

24

Madankollu, it-telf ta’ kompetenza previst fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma japplikax għall-qrati tal-Istati Membri meta huma jiddeċiedu bħala istanza ta’ appell kontra l-imsemmija deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, din tapplika fil-każijiet fejn, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, awtorità tadixxi awtorità ġudizzjarja distinta mill-awtorità inkarigata mill-prosekuzzjoni. F’każ bħal dan u meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huma ssodisfatti, l-imsemmija awtorità għandha tirtira t-talba tagħha quddiem l-awtorità ġudizzjarja u ttemm il-proċedura nazzjonali.

25

Il-kliem “[l]-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri”, li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex, min-naħa tagħhom, iddefiniti minn dan ir-regolament u lanqas mir-Regolament Nru 773/2004.

26

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-kunċett ta’ “bdiet xi proċedura” stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) u warajh ġie r-Regolament Nru 1/2003, li dan il-kunċett jirreferi għal att ta’ awtorità tal-Kummissjoni li juri r-rieda tagħha li tieħu deċiżjoni skont l-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 1973, Brasserie de Haecht,48/72, EU:C:1973:11, punt 16).

27

B’analoġija għal dan il-kunċett, il-kliem “[l]-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri” li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru, minn perspettiva formali, att tal-Kummissjoni li permezz tiegħu din tal-aħħar tinforma lill-impriża dwar il-volontà tagħha li tibda proċedura sabiex tadotta waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. Dan l-att għandu jseħħ fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

28

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem “[l]-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri” jiddelimita, minn perspettiva materjali, il-portata tal-astensjoni mill-Kummissjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li l-astensjoni msemmija fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 tirrigwarda l-fatti li huma s-suġġett tal-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il‑Kummissjoni, C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punti 7375).

29

Għalhekk, l-att li bih il-Kummissjoni tinforma lil impriża bl-intenzjoni tagħha li tiftaħ proċedura sabiex tadotta waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament għandu jispeċifika l-ksur preżunt tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, imwettaq minn impriża waħda jew iktar matul perijodu wieħed jew iktar fuq suq wieħed jew iktar ta’ prodotti u suq wieħed jew iktar ġeografiċi, li dan l-att jirrigwarda.

30

Minn dan isegwi li, peress li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tiftaħ proċedura kontra impriża waħda jew iktar minħabba ksur preżunt tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-kompetenza tagħhom li jippersekwixxu l-istess impriżi għall-istess aġir allegatament antikompetittiv, li jseħħ fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u ġeografiċi matul l-istess perijodu jew fl-istess perijodi.

31

Tali interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 hija ssostanzjata mill-kuntest li taqa’ taħtu din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din taqa’ taħt il-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib. Issa, huwa għal dan il-għan li, l-Artikolu 11(6) tal-istess regolament jipprevedi mhux biss li l-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 jneħħi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex japplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE, iżda wkoll li, jekk awtorità nazzjonali tkun diġà qed tittratta każ, il-Kummissjoni tibda l-proċedura biss wara li tkun ikkonsultat lil din l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

32

Fl-aħħar nett, l-imsemmija interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 hija kkorroborata mill-għan imfittex minn dan ir-regolament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 8 tal-imsemmi regolament, dan huwa intiż sabiex jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jawtorizza lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw dan id-dritt b’mod parallel mal-Kummissjoni. L-applikazzjoni parallela ta’ dawn ir-regoli għandha, madankollu, issir ukoll b’mod koerenti u billi tiġi żgurata l-aħjar ġestjoni tan-network tal-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Issa, kif tiddikjara l-premessa 17 tal-istess regolament, huwa sabiex jiġu ggarantiti dawn l-għanijiet tal-aħħar li l-astensjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali favur il-Kummissjoni, meta din tiftaħ proċedura, hija prevista. Barra minn hekk, l-applikazzjoni parallela tal-imsemmija regoli ma tistax issir għall-ispejjeż tal-impriżi. Issa, ir-rinunzja tal-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tippermetti li l-impriżi jiġu protetti minn proċeduri paralleli min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet u tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 18, kif ukoll id-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il‑Kummissjoni, C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 73).

33

Minn dan jirriżulta, f’dan il-każ, li, peress li l-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka, fis‑26 ta’ Settembru 2005, kontra ST kienet saret minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ April 2009 li tagħti bidu għal proċeduri kontra ST, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ma astjenietx lil din l-awtorità, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda l-istess prattiki ta’ antikompetizzjoni allegatament imwettqa minn ST fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u fl-istess suq jew swieq ġeografiċi matul l-istess perijodi bħal dawk li huma diġa’ s-suġġett ta’ proċedura mibdija minn din l-awtorità.

34

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandu jitfakkar li, filwaqt li l-interpretazzjoni tal-portata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ April 2009 hija tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-portata ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bħal dik ikkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lilha, b’tali mod li din l-istess qorti tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża konkreta quddiemha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża ta’ persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 58).

35

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni bdiet proċedura kontra ST għal abbużi allegati ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa għall-high speed broadband bħall-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess għan-network lokali ddiżassoċjat. Il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-prattiki allegatament abbużivi li għandhom jiġu eżaminati kienu jirrigwardaw kompressjonijiet ta’ marġni fir-rigward tal-aċċess bl-ingrossa għan-network lokali ddiżassoċjat u għal servizzi oħra ta’ aċċess għall-high speed broadband u s-servizzi bl-imnut tagħhom korrispondenti fis-Slovakkja.

36

Min-naħa l-oħra, abbażi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-proċedura quddiem l-awtorità Slovakka tal-kompetizzjoni kienet tirrigwarda abbużi allegati minn pożizzjoni dominanti mwettqa minn ST fis-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tas-servizzi telefoniċi u tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet bi prezz baxx bl-aċċess dial-up.

37

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi li jippreċedu, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni u mill-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka kontra ST kellhom bħala suġġett abbużi allegati tal-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-swieq ta’ prodotti distinti.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm dan l-att formali jirrigwarda l-istess ksur preżunt tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, imwettaq mill-istess impriża jew impriżi fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u fl-istess suq jew swieq ġeografiċi, matul l-istess perijodi, bħal dawk intiżi mill-proċeduri miftuħa minn qabel minn dawn l-awtoritajiet.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-abbuż minn pożizzjoni dominanti msemmi fl-Artikolu 102 TFUE, meta dan il-ksur jiġi ssanzjonat separatament u indipendentement mill-Kummissjoni u minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59). Dan il-prinċipju ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta fir-rigward ta’ proċeduri u sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

41

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-kuntest tal-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka mill-ġdid minħabba aġir antikompetittiv li għalih hija tkun ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija tkun ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tal-proċeduri li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess aġir antikompetittiv ikun kopert mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”).

43

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-twettiq tal-kundizzjoni “idem” huwa, min-naħa tiegħu, suġġett għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ unità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 97). Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi għalhekk li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338)

44

Madankollu, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax.

45

Fil-fatt, jekk, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-proċeduri mmexxija mill-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka u mill-Kummissjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda wara dawn, jirrigwardaw prattiki antikompetittivi mwettqa fi swieq ta’ prodotti distinti, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax, peress li s-sottokundizzjoni tal-identiċità tal-fatti ma hijiex issodisfatta u li konsegwentement il-kundizzjoni “idem” hija nieqsa.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ikkonstatat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ ST li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni fuq is-suq bl-ingrossa għall-aċċess separat għan-network lokali u fis-suq bl-imnut tal-massa għas-servizzi broadband li jikkonsistu f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja, filwaqt li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka kkonstatat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, minn naħa, imwettaq minn ST, li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni fuq, minn naħa, swieq ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ telefon bil-vuċi u fuq dak tal-interkonnessjoni bl-ingrossa fuq is-swieq tat-tluq u fuq terminazzjoni ta’ telefonati fin-network pubbliku f’pożizzjoni determinata ta’ ST u, min-naħa l-oħra, fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet b’veloċità baxxa u fuq dak tal-interkonnessjoni bl-ingrossa rilevanti, jiġifieri tal-provvista ta’ aċċess dial-up bl-ingrossa permezz ta’ linja analogu u b’linja ta’ network numeriku għall-integrazzjoni tas-servizzi permezz tan-network telefoniku pubbliku f’pożizzjoni dominanti ta’ ST. Għaldaqstant, jidher li l-imsemmija abbużi ma jirrigwardawx l-istess swieq ta’ prodotti.

47

Madankollu, jekk il-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju turi li l-proċedura mmexxija mill-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka u d-deċiżjoni li tirriżulta minnha, għandhom bħala suġġett l-istess prattiki antikompetittivi mwettqa minn ST fl-istess swieq ta’ prodotti u fl-istess swieq ġeografiċi matul l-istess perijodu bħal dawk koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-kundizzjoni “idem” tkun ssodisfatta, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax iktar peress li l-kundizzjoni “bis” hija nieqsa. Fil-fatt, f’każ bħal dan, kif ġie rrilevat, fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-awtorità tal-kompetizzjoni Slovakka tneħħiet mill-kompetenza tagħha, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tapplika, f’dan il-każ, l-Artikolu 102 TFUE.

48

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-abbuż minn pożizzjoni dominanti msemmi fl-Artikolu 102 TFUE, u jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka għal darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma japplikax meta impriża titħarrek u tiġi ssanzjonata separatament u indipendentement minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru u mill-Kummissjoni għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jirrigwarda swieq ta’ prodotti jew swieq ġeografiċi distinti jew meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tinħeles mill-kompetenza tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu l-ġurisdizzjoni tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm dan l-att formali jirrigwarda l-istess ksur preżunt tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, imwettaq mill-istess impriża jew impriżi fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u fl-istess suq jew swieq ġeografiċi, matul l-istess perijodi, bħal dawk intiżi mill-proċeduri miftuħa minn qabel minn dawn l-awtoritajiet.

 

2)

Il-prinċipju ta ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-abbuż minn pożizzjoni dominanti msemmi fl-Artikolu 102 TFUE, u jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka għal darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma japplikax meta impriża titħarrek u tiġi ssanzjonata separatament u indipendentement minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru u mill-Kummissjoni Ewropea għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jirrigwarda swieq ta’ prodotti jew swieq ġeografiċi distinti jew meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tinħeles mill-ġurisdizzjoni tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

Fuq