Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0823

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Novembru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs GEA Group AG.
Appell – Akkordji – Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi termiċi abbażi ta’ landa, żejt tas-sojja epossidizzat u esteri – Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-impriża – Annullament tad-deċiżjoni li temenda l-multa ffissata fid-deċiżjoni inizjali ta’ konstatazzjoni tal-ksur – Multi – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Data ta’ eżiġibbiltà tal-multa fil-każ ta’ emenda.
Kawża C-823/18 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:955

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Appell – Akkordji – Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi termiċi abbażi ta’ landa, żejt tas-sojja epossidizzat u esteri – Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-impriża – Annullament tad-deċiżjoni li temenda l-multa ffissata fid-deċiżjoni inizjali ta’ konstatazzjoni tal-ksur – Multi – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Data ta’ eżiġibbiltà tal-multa fil-każ ta’ emenda”

Fil-Kawża C‑823/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑27 ta’ Diċembru 2018,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn T. Christoforou, P. Rossi u V. Bottka, sussegwentement minn Rossi u Bottka bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Wagner u I. du Mont, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2018, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑640/16, iktar’ il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:700), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3920 final, tad‑29 ta’ Ġunju 2016, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 final, tal‑11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawża COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

I. Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE]; jew

b)

jikkontravenju deċiżjoni li tordna miżuri intermedjarji taħt l-Artikolu 8; jew

ċ)

jonqsu milli iħarsu rabta li ġiet vinkolanti b’deċiżjoni skond l-Artikolu 9.

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] fis-sena kummerċjali preċedenti.

Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3

Skont l-Artikolu 25(5) ta’ dan ir-regolament:

“Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri mill-ġdid wara kull interruzzjoni. Madankollu, il-perjodu tal-preskrizzjoni jagħlaq ma l-aħħar ġurnata li jkun ugwali għad-doppju tal-perjodu tal-preskrizzjoni jkun għadda mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet xi multa jew pagamenti ta’ pieni perjodiċi. Dak il-perjodu għandu jiġi mtawwal mal-perjodu li fih il-preskrizzjoni tkun sospiża skond il-paragrafu 6.”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

5

GEA Group AG (iktar ’il quddiem “GEA”) ġiet ikkostitwita mill-amalgamazzjoni, matul is-sena 2005, ta’ Metallgesellschaft AG (iktar ’il quddiem “MG”) u kumpannija oħra. MG kienet il-kumpannija holding li qabel l-2000, direttament jew permezz ta’ sussidjarji, kienet iżżomm il-kumpanniji Chemson Gesellschaft für Polymer‑Additive mbH (iktar ’il quddiem “OCG”) u Polymer‑Additive Produktions‑ und Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem “OCA”).

6

Fis‑17 ta’ Mejju 2000, MG ittrasferixxiet lil OGC, li ngħatat l-isem ġdid Aachener Chemische Werke Gesellschaft für glastechnische Produkte und Verfahren mbH (iktar ’il quddiem “ACW”).

7

Wara x-xoljiment ta’ OCA f’Mejju 2000, l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija ttieħdu minn kumpannija msemmija, mit‑30 ta’ Awwissu 2000, Chemson Polymer‑Additive AG (iktar ’il quddiem “CPA”), li, fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, ma kinitx tappartjeni iżjed lill-grupp li tiegħu GEA kienet il-kumpannija holding.

A. Id-Deċiżjoni tal-2009

8

Permezz tad-deċiżjoni C(2009) 8682 final, tagħha tal‑11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2009”), il-Kummissjoni kkunsidrat li numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi pparteċipaw f’żewġ settijiet ta’ ftehimiet u ta’ prattiċi miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi termiċi abbażi ta’ landa, u, min-naħa l-oħra, is-settur tal-istabilizzaturi termiċi abbażi taż-żejt tas-sojja epossidizzat u esteri (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esteri”).

9

Fl-Artikolu (2)(k) tad-Deċiżjoni tal-2009, il-Kummissjoni sabet lil GEA responsabbli għall-ksur imwettaq fis-suq tas-settur ESBO/esteri bejn il‑11 ta’ Settembru 1991 u s‑17 ta’ Mejju 2000.

10

Hija nżammet responsabbli għall-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, bħala s-suċċessur ta’ MG, għall-ksur imwettaq, mill‑11 ta’ Settembru 1991 sas‑17 ta’ Mejju 2000, minn OCG u, mit‑13 ta’ Marzu 1997 sas‑17 ta’ Mejju 2000, minn OCA.

11

Barra minn hekk, bħala suċċessur ta’ OCG, ACW ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCG matul il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, jiġifieri mill‑11 ta’ Settembru 1991 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCA mit‑30 ta’ Settembru 1999 sas‑17 ta’ Mejju 2000, filwaqt li 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar kienu miżmuma minn OCG.

12

Bħala suċċessur ta’ OCA, CPA ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCA mit‑13 ta’ Marzu 1997 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCG mit‑30 ta’ Settembru 1995 sat-30 ta’ Settembru 1999, filwaqt li OCA kellha 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar.

13

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009:

“[…]

Għall-ksur fis-[settur tal-ESBO/esteri] huma imposti l-multi segwenti:

[…]

(31) [GEA], [ACW] u [CPA] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1913971;

(32) [GEA] u [ACW] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1432 229”.

Il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

14

Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Jannar 2010, GEA ippreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal‑2009.

15

Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Din is-sentenza ma ġietx appellata.

B. Id-Deċiżjoni tal-2010

16

Fil‑15 ta’ Diċembru 2009, ACW ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-multa li kienet ġiet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni tal-2009 kienet taqbeż il-limitu massimu awtorizzat ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament 1/2003.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit‑8 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 727 final, li temenda d-Deċiżjoni tal-2009 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2010”).

18

Fid-Deċiżjoni tal-2010, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-multa li għaliha kienet ġiet ikkundannata ACW, in solidum, minn naħa, ma’ GEA u CPA u, min-naħa l-oħra, ma’ GEA, kienet teċċedi l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, b’tali mod li kien hemm lok li d-Deċiżjoni tal-2009 tiġi emendata.

19

Fiha l-Kummissjoni speċifikat ukoll li l-ammont tal-multa imposta fuq GEA u fuq CPA ma kienx qiegħed jinbidel iżda li l-ammont tal-multa imposta fuq ACW kellu jitnaqqas u li d-Deċiżjoni tal-2010 ma kellha ebda impatt fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni tal-2009.

20

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2010 emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 kif ġej:

“Il-punt 31 tat-[tieni paragrafu tal-]Artikolu 2 huwa ssostitwit bit-test segwenti:

‘31.a) [GEA], [ACW] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 1086129;

31.b) [GEA] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 827842.’

Il-punt 32 [tat-tieni paragrafu tal-]Artikolu 2 huwa ssostitwit bit-test segwenti:

‘[GEA] hija responsabbli għall-ammont ta’ [EUR] 1432229’. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

21

Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ April 2010, GEA ppreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-2010 u talbet lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tbiddel l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

22

Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑189/10, EU:T:2015:504), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2010 sa fejn din kienet tikkonċerna lil GEA. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi adottat id-Deċiżjoni tal-2010 mingħajr ma semgħetha minn qabel. Din is-sentenza ma ġietx appellata.

C. Id-deċiżjoni kontenzjuża

23

Fid‑29 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

24

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ipproduċa b’mod identiku l-kliem, iċċitati fil-punt 20 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2010, li emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009.

25

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża ffissa d-data tal-eżiġibbiltà tal-multi għall‑10 ta’ Mejju 2010.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

26

Permezz ta’ att sottomess quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2016, GEA ppreżentat appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

27

Insostenn ta’ dan ir-rikors, GEA invokat ħames motivi, ibbażati l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u, il-ħames wieħed, fuq eċċess ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

28

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ motiv kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames motiv u, billi qieset li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

IV. It-talbiet tal-partijiet

29

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u

tikkundanna lil GEA għall-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il‑Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30

GEA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appell

31

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-kunċett ta’ impriża u tar-regoli tar-responsabbiltà in solidum kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ ffissar tad-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

A. Fuq l-ammissibbiltà

1.   L-argumenti tal-partijiet

32

GEA tqis li l-appell tal-Kummissjoni huwa inammissibbli.

33

F’dan ir-rigward, GEA ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess tippreżenta appell peress li d-Deċiżjoni tal‑2009 ma tikkostitwixxix iktar bażi legali li tippermetti li jintalab il-ħlas tal-multa.

34

Fit-tieni lok, GEA tqis li l-Kummissjoni ma għandha ebda interess li tippreżenta l-appell peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex valida. Fil-fatt, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-iffissar ta’ multa kien skada qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li ddekorrew iktar minn għaxar snin, fis-sens tal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu ġiex interrott jew le.

35

Il-Kummissjoni tirribatti li hija għandha interess li tippreżenta l-appell mis-sentenza fl-ewwel istanza, peress li, fl-ewwel lok, hija tilfet quddiem il-Qorti Ġenerali u, fit-tieni lok, billi ssostni li din l-istituzzjoni ma għandha ebda interess li tippreżenta dan l-appell minħabba allegata skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multa, GEA tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, skont il-Kummissjoni, tali motiv la tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma ġie eżaminat minnha. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħlief fil-każ ta’ kawżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha, appell jista’ jiġi ppreżentat mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni anki jekk ma jkunux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Sew jekk kienu partijiet fil-kawża fl-ewwel istanza u sew jekk le, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhom għalhekk juru ebda interess sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 171).

37

Fil-fatt, il-Kummissjoni hija libera li tevalwa l-opportunità li tippreżenta appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ l-għażliet magħmula minnha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 172).

38

Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-oġġezzjonijiet ta’ GEA dwar allegat nuqqas ta’ interess min-naħa tal-Kummissjoni huma infondati, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-appell huwa ammissibbli.

B. Fuq il-mertu

1.   Fuq l-ewwel aggravju

39

L-ewwel aggravju jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-kunċett ta’ impriża u tar-regoli tar-responsabbiltà in solidum, billi kkunsidrat li hija setgħet tiddetermina b’mod differenti l-parti tal-multa li għaliha GEA u ACW kienu jibqgħu responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)   Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

1) L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li hija kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tistrieħ fuq motivazzjoni kontradittorja żviluppata fil-punti 108 sa 110 tal-imsemmija sentenza u, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjoni vaga, magħmula fil-punt 108 tal-istess sentenza, li “il-Kummissjoni setgħet ċertament tiddetermina b’mod differenti s-sehem tal-multa li għall-ħlas tiegħu ACW u [GEA] kienu responsabbli in solidum”.

41

GEA tikkontesta dawn l-argumenti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali bis-saħħa l-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jimponix li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha spjegati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41).

43

F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li r-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata huwa ta’ natura li jippermetti kemm lill-Kummissjoni li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ motiv imqajjem minn GEA fl-ewwel istanza kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

44

Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta, mingħajr ambigwità, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha, inizjalment, tiddefinixxi l-proporzjon eżistenti bejn il-parti tal-multa li għaliha ACW kienet responsabbli in solidum ma’ GEA u CPA kkunsidrati flimkien u l-parti li għaliha kienet responsabbli in solidum ma’ GEA kkunsidrata waħedha u, sussegwentement, tqassam it-tnaqqis tal-multa ta’ ACW bejn iż-żewġ relazzjonijiet ta’ responsabbiltà in solidum b’applikazzjoni tal-istess proporzjon.

45

Fid-dawl tal-punti preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)   Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

1) L-argumenti tal-partijiet

46

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li hija setgħet tiddetermina b’mod differenti s-sehem tal-multa li għaliha GEA u ACW baqgħu responsabbli in solidum, sabiex tillimita s-sehem tal-multa li għaliha GEA waħedha setgħet tkun responsabbli. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata, wettqet żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ impriża u dwar ir-responsabbiltà in solidum kif ukoll dik dwar il-konsegwenzi ta’ tnaqqis tal-multa mogħti lil sussidjarja fi ħdan impriża ekonomika waħda.

47

Skont il-Kummissjoni, ir-responsabbiltà in solidum hija biss manifestazzjoni tal-kunċett ta’ impriża u ma tistax tiġi ddissoċjata minnu.

48

F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, GEA, ACW u CPA kienu jifformaw, għat-tul kollu tal-ksur inkwistjoni, l-istess impriża waħda li fuqha hija imponiet multa waħda u li, f’dan il-kuntest, il-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, minn naħa, u l-punti 31.a), 31.b) u 32 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, min-naħa l-oħra, huma l-espressjoni tal-ammonti massimi differenti tal-multa li għaliha kull waħda mill-entitajiet ġuridiċi li jifformaw parti minn din l-impriża setgħet titqies li hija responsabbli konġuntament u in solidum.

49

Il-Kummissjoni tippreċiża li peress li GEA, ACW u CPA kienu jifformaw l-istess impriża waħda, ma kienx hemm lok li tiġi evalwata l-ugwaljanza fit-trattament bejn dawn it-tliet kumpanniji.

50

Il-Kummissjoni tqis li, minkejja l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati kienu jifformaw parti mill-istess impriża, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza appellata, għal separazzjoni artifiċjali bejn żewġ gruppi ta’ entitajiet responsabbli in solidum, b’tali mod li din il-qorti applikat teorija analoga għat-teorija tat-tqassim intern tar-responsabbiltà in solidum, approċċ li huwa pprojbit, fil-fehma tagħha, konformement mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256).

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li xejn ma jiġġustifika l-esklużjoni ta’ kumpannija jew oħra li tappartjeni lill-istess impriża waħda mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas ta’ kwalunkwe parti mill-multa imposta fuqhom u li dawn il-kumpanniji normalment jaqsmu ishma komuni ta’ multa imposta sa limitu individwali ta’ kull waħda minnhom.

52

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont massimu tal-multa li għall-ħlas tiegħu kull kumpannija li tifforma parti mill-impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE kienet responsabbli in solidum ma jikkorrispondix għal perijodu speċifiku ta’ parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni.

53

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-multa imposta fuq ACW tnaqqset għal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, applikabbli għal din il-kumpannija, mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ GEA ma għandhiex tiġi affettwata mit-tnaqqis mogħti lill-ex sussidjarja tagħha ACW peress li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, din l-aħħar kumpannija u GEA ma kinux jifformaw iktar l-istess impriża.

54

GEA twieġeb, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli biss għal impriżi differenti iżda wkoll fir-relazzjonijiet bejn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża.

55

Sussegwentement, GEA tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx multa waħda iżda żewġ multi distinti għal żewġ gruppi ta’ entitajiet distinti responsabbli konġuntament u in solidum bejniethom fi ħdan kull grupp u għal żewġ perijodi ta’ ksur differenti. Minn naħa, il-punt 31 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 kien jirreferi għall-perijodu mit‑30 ta’ Settembru 1995 sas‑17 ta’ Mejju 2000 u, min-naħa l-oħra, il-punt 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jirreferi għall-perijodu mill‑11 ta’ Settembru 1991 sad‑29 ta’ Settembru 1995. Tali tqassim huwa l-konsegwenza tal-fatt li CPA ma pparteċipatx fil-ksur inkwistjoni matul dan l-aħħar perijodu.

56

Barra minn hekk, GEA tqis li l-Qorti Ġenerali ma applikatx b’analoġija t-teorija tat-tqassim intern tar-responsabbiltà in solidum, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni. Is-sentenza appellata ma tikkonċernax ir-responsabbiltà minn perspettiva interna, iżda kemm il-kumpanniji tal-“grupp GEA” huma “esternament” responsabbli fil-fehma tal-Kummissjoni.

57

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ favur ACW, GEA ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), ma tistax tiġi interpretata fis-sens li ex kumpannija parent ma għandhiex tiġi affettwata mill-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal ex sussidjarja tagħha.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni, C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni hija marbuta tosserva dan il-prinċipju meta teżerċita s-setgħa li hija għandha bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li timponi multa fuq impriżi li jkunu wettqu ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tiddetermina l-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

B’danakollu, meta diversi persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli personalment mill-parteċipazzjoni fi ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minħabba l-appartenenza tagħhom għal waħda u l-istess impriża li lilha dan il-ksur jista’ jiġi attribwit il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, is-setgħa li timponi fuqhom multa in solidum (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 120).

60

Madankollu, meta hija tiddeċiedi li teżerċita din is-setgħa ta’ sanzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina liberament ir-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum u, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa li tagħha hija tista’ teħtieġ il-ħlas sħiħ ta’ minn wieħed mill-kodebituri in solidum (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 121).

61

Fil-fatt, peress li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso jure tal-kunċett ta’ impriża, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għall-ħlas sħiħ li għalih kull wieħed mill-kodebituri in solidum jista’ jitqies responsabbli mill-Kummissjoni tirriżulta mill-applikazzjoni, f’każ ineżami, ta’ dan il-kunċett ta’ impriża (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 122).

62

F’dan ir-rigward, l-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża l-kunċett ta’ impriża sabiex jiġi kopert l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat b’applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE, u mhux kunċetti oħra bħal dawk ta’ kumpannija jew ta’ persuna ġuridika (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 123).

63

Huwa wara kollox dan l-istess kunċett ta’ impriża li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiddefinixxi l-entità li lilha l-Kummissjoni tista’ timponi multa sabiex tissanzjona ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 124).

64

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jindika kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 125, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 4748).

65

Meta l-Kummissjoni jkollha, bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-possibbiltà li tikkundanna in solidum għall-ħlas ta’ multa lil diversi persuni ġuridiċi li jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża responsabbli mill-ksur, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni, tal-ammont ta’ din il-multa, sa fejn hija tapplika, f’każ ineżami, il-kunċett ta’ impriża, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hija suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet li jimponu li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, hekk kif kienet ikkostitwita matul il-perijodu meta twettaq il-ksur (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 51).

66

F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompożizzjoni tal-impriża kkonċernata tista’ tieħu diversi konfigurazzjonijiet matul il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fi ksur. Dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jseħħu, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-ksur jittawwal għal perijodu twil.

67

Sa fejn tali varjazzjonijiet ma jqiegħdux inkwistjoni l-uniċità tal-impriża bħala persuna li lilha huwa imputabbli l-ksur, dawn ma jaffettwawx is-setgħa tal-Kummissjoni, imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li timponi multa in solidum fuq diversi persuni ġuridiċi li jappartjenu lil waħda u l-istess impriża.

68

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 1 sa 3 u 6 sa 8 tas-sentenza appellata, l-istruttura tal-grupp GEA, matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur, kienet is-segwenti. Bejn is-sena 1991 u s‑17 ta’ Mejju 2000, OCG, li, wara din l-aħħar data, ġiet imsemmija ACW, kienet 100 % sussidjarja ta’ MG li min-naħa tagħha saret GEA mis-sena 2005. Matul dan l-istess perijodu, OCA, li mit‑30 ta’ Awwissu 2000 hija msemmija CPA, kienet miżmuma 100 % minn MG u, matul perijodi differenti, hija kienet jew is-sussidjarja jew il-kumpannija parent diretta ta’ OCG. OCA kienet il-kumpannija parent b’kontroll dirett ta’ 100 % ta’ OCG mit‑30 ta’ Settembru 1995 sat‑30 ta’ Settembru 1999. Mit‑30 ta’ Settembru 1999 sas‑17 ta’ Mejju 2000, OCG kienet il-kumpannija parent b’kontroll dirett ta’ 100 % ta’ OCA u eżerċitat kontroll dirett fuq din il-kumpannija tal-aħħar.

69

Fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536), il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonstata fid-Deċiżjoni tal-2009 li, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lill-kumpanniji kkonċernati, billi teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, MG, li saret GEA, kienet tagħmel parti, flimkien ma’ OCG u OCA, li saru ACW u CPA rispettivament, minn impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li GEA, ACW u CPA kienu jifformaw waħda u l-istess impriża li, taħt il-konfigurazzjonijiet suċċessivi tagħha, wettqet il-ksur inkwistjoni.

71

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li kien hemm, minn naħa, impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, komposta minn GEA, minn ACW u minn CPA mit‑30 ta’ Settembru 1995 sas‑17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, impriża, fis-sens ta’ dan id-dritt, komposta minn GEA u minn ACW mill‑11 ta’ Settembru 1991 sad‑29 ta’ Settembru 1995, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet l-eżistenza ta’ żewġ impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi billi marret kontra l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

72

Sa fejn ir-responsabbiltà in solidum hija biss manifestazzjoni ta’ effett ipso jure tal-kunċett ta’ impriża u li, f’dan il-każ, kien hemm waħda u l-istess impriża, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiddetermina, inizjalment fil-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, u, sussegwentement, fil-punti 31.a), 31.b) u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, l-ammonti massimi tal-multa li għaliha setgħu jinżammu responsabbli konġuntament u in solidum GEA, ACW u CPA għall-ħlas ta’ multa waħda bħala entitajiet li jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża li lilha huwa imputabbli l-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-iffissar ta’ tali ammonti massimi ma jirriflettix perijodi speċifiċi tal-parteċipazzjoni tal-entitajiet li jikkostitwixxu l-impriża unika fil-ksur inkwistjoni.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 106 u 109 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, kien hemm żewġ relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn GEA, ACW u CPA meta dawn kienu jagħmlu parti minn waħda u l-istess impriża, u żewġ multi imposti għal żewġ perijodi speċifiċi li jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tliet kumpanniji fil-ksur inkwistjoni u għalhekk kisret ir-regoli tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum kif jirriżultaw mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

74

Fir-rigward tal-fatt li, bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, GEA tibqa’ l-unika responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1432229, din iċ-ċirkustanza hija, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, konsegwenza purament awtomatika tat-tnaqqis applikat għall-multa imposta fuq ACW.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħal kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, ma jikkostitwixxux iżjed impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa, huma għandhom id-dritt li jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħhom il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 57).

76

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, GEA ma kinitx tikkostitwixxi iżjed entità ekonomika ma’ ACW u CPA fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

77

Din in-natura partikolari wasslet lill-Kummissjoni tikkalkola separatament l-imsemmi limitu massimu fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ hekk kif seħħ matul is-sena finanzjarja li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 67).

78

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 8 tas-sentenza appellata, l-ammont li l-Kummissjoni inizjalment qieset xieraq li tikkunsidra għar-responsabbiltà in solidum ta’ ACW minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien jikkorrispondi għal EUR 3346200, jiġifieri eżattament l-istess ammont bħal dak stabbilit għal GEA.

79

Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żammet, minn naħa, lil GEA responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ammont totali tal-multa, li jammonta għal EUR 3346200, u, min-naħa l-oħra, lil ACW responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 1086129 jirriżulta mill-applikazzjoni fil-konfront ta’ ACW tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

80

B’hekk, il-fatt li GEA tibqa’ l-unika responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1432229 miċ-ċirkustanza speċifika jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, din il-kumpannija ma kinitx tikkostitwixxi iżjed impriża waħda ma’ ACW u CPA fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

81

F’dan il-kuntest, GEA ma tistax utilment issostni li twettaq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi kkonstatat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn kumpannija sussidjarja, li, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa fuq l-impriża unika li minnha tagħmel parti, ma tibqax tifforma parti minn din l-impriża unika, għandha d-dritt li jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħha l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Din iċ-ċirkustanza speċifika ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji kkonċernati kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 68).

82

Fi kwalunkwe każ, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi invokat b’mod utli peress li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ din is-sentenza, ma hemmx żewġ relazzjonijiet ta’ solidarjetà li jirriflettu perijodi speċifiċi u, għaldaqstant, ma jista’ jsir ebda tqassim tar-responsabbiltà in solidum.

83

Għaldaqstant, il-punt 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata bid-deċiżjoni kontenzjuża, li jimponi l-ammont tal-multa ta’ EUR 1432229 fuq GEA, ma huwiex indirizzat lil CPA mhux għaliex dan il-punt jirrigwarda perijodu ta’ ksur speċifiku li matulu din ma pparteċipatx fil-ksur uniku kkonstatat mill-Kummissjoni, li ma huwiex il-każ, iżda sempliċement għaliex l-ammont tal-multa li għalih hija responsabbli CPA għall-parteċipazzjoni individwali tagħha f’dan il-ksur minħabba l-appartenenza tagħha lill-impriża li wettqitu, huwa totalment kopert mill-ammonti msemmija fil-punti 31.a) u 31.b) tal-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 2.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

2.   Fuq it-tieni aggravju

86

It-tieni aggravju jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball meta kkunsidrat li d-data tal-eżiġibbiltà tal-multa inkwistjoni setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)   Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

1) L-argumenti tal-partijiet

87

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement il-konstatazzjoni tagħha, magħmula fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ ħlas tal-multi jirriżulta biss mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u li t-terminu għall-eżiġibbiltà ta’ dawn il-multi seta’ jiġi stabbilit biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

88

GEA tirribatti li s-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jobbligaha tispjega b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

90

F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li r-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata huwa ta’ natura li jippermetti kemm lill-Kummissjoni ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ħames motiv imqajjem minn GEA fl-ewwel istanza kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

91

Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta, essenzjalment, li, minħabba l-fatt li r-redazzjoni inizjali tal-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 ġiet issostitwita b’dik li tirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punt 126 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni li l-obbligu ta’ ħlas tal-multi jirriżulta biss mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u li d-data tal-eżiġibbiltà ta’ dawn il-multi setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

92

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

1) L-argumenti tal-partijiet

93

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa f’dan il-każ setgħet tiġi ddeterminata biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża.

94

Il-Kummissjoni tippreċiża li l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010 kellu bħala effett li jattiva mill-ġdid mhux biss il-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, iżda wkoll id-data ta’ eżiġibbiltà inizjali stabbilita fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

95

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li hija kellha d-dritt li tbiddel l-ammont tal-multa imposta u r-responsabbiltà in solidum mingħajr ma neċessarjament tiffissa data ġdida ta’ eżiġibbiltà ta’ din il-multa. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija emendat il-partijiet tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni tal-2009 li kienu jiddeterminaw l-ammont tal-multa u r-responsabbiltà in solidum, hija ma kinitx obbligata tiffissa data ta’ eżiġibbiltà tal-multa imposta li tkun sussegwenti għad-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża.

96

Skont din l-istituzzjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma li hija għandha tiffissa data ta’ eżiġibbiltà tal-multi li tkun sussegwenti għal dik tan-notifika ta’ deċiżjoni li temenda bħad-deċiżjoni kontenzjuża, dan iwassal għat-telf tal-interessi inkorsi fuq il-parti residwa tal-multa mid-data ta’ eżiġibbiltà inizjalment stabbilita, liema ċirkustanza tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u jnaqqas l-effikaċja tal-multi imposti minnha.

97

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, sabiex GEA ma titqiegħedx f’pożizzjoni iktar żvantaġġjuża meta mqabbla ma’ ACW u ma’ CPA, hija kellha d-dritt li tiffissa d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi għall‑10 ta’ Mejju 2010.

98

GEA twieġeb li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddetermina d-data li fiha l-multi huma eżiġibbli u d-data li minnha jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, din is-setgħa ma testendix għall-iffissar ta’ data ta’ eżiġibbiltà tal-interessi moratorji li tkun tippreċedi d-data li fiha l-multi ġew iffissati. Ma huwiex possibbli li jiġi ġġustifikat bl-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni l-iffissar ta’ data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li tippreċedi n-notifika tad-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-multa.

99

Konsegwentement, skont GEA, sa fejn id-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa ma tistax tiġi ffissata f’data li tippreċedi n-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-interessi relatati mal-ħlas tal-multa jistgħu jibdew jiddekorru biss mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni konformement mal-prinċipju li l-aċċessorju jsegwi l-prinċipal.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom hija timponi multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiddeterminaw, b’mod partikolari, l-ammont tal-multi inkwistjoni u l-interessi moratorji kif ukoll id-dettalji tal-kont bankarju tal-Kummissjoni li fuqu l-impriżi kkonċernati għandhom iħallsu dawn il-multi. Dawn id-deċiżjonijiet jistabbilixxu wkoll it-terminu għall-ħlas tal-multi imposti. Sabiex jiġi evitat irkupru forzat, il-ħlas għandu jsir qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

101

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni minbarra l-Istati Membri jikkostitwixxu titolu eżekuttiv.

102

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bis-saħħa tal-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra tali tipi ta’ deċiżjonijiet ma għandhomx effett sospensiv.

103

Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom saħħa eżekuttiva fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 299 TFUE u li l-multi inklużi fihom huma, bħala prinċipju, eżiġibbli mal-iskadenza tat-terminu ffissat f’dawn id-deċiżjonijiet.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, id-debitur għandu jħallas il-ħlas dovut minnu qabel id-data ta’ eżiġibbiltà ta’ dan il-ħlas iffissata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha.

105

F’dan il-każ, il-Kummissjoni inizjalment ipprevediet, fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, data ta’ eżiġibbiltà tal-multi imposti, li ġiet stabbilita mal-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni għall-impriżi kollha destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

106

Kif jirriżulta mill-punt 124 tas-sentenza appellata, id-Deċiżjoni tal-2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li kien hemm lok li temenda d-Deċiżjoni tal-2009 peress li, minn naħa, il-multa imposta fuq ACW kienet taqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-multa li għaliha ACW kienet miżmuma responsabbli in solidum ma’ GEA u CPA kellu jitnaqqas, ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑189/10, EU:T:2015:504), sa fejn din kienet tikkonċerna lil GEA. Dan l-annullament kellu bħala effett ir-riattivazzjoni tar-redazzjoni inizjali tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata.

107

Madankollu, din ir-redazzjoni ġiet issostitwita mill-ġdid b’dik li tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ffissa data ġdida ta’ eżiġibbiltà tal-multi, jiġifieri l‑10 ta’ Mejju 2010.

108

Din id-data, minn naħa, tippreċedi d-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, wara d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-2009. Din tikkorrispondi għad-data ta’ eżiġibbiltà indikata f’ittra tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Frar 2010 li takkumpanja d-Deċiżjoni tal-2010.

109

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha setgħa li tinkludi l-possibbiltà li tiddetermina d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa deċiża minnha u dik ta’ meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi tirrikjedi, jekk ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi fuq il-multa imposta. Fl-assenza ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kompitu mogħti lilha li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

110

F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-emenda li saret fil-punti 31 u 32 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009, qabel kollox permezz tad-Deċiżjoni tal‑2010, li fil-frattemp ġiet annullata, u sussegwentement permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet tirrigwarda biss l-ammont tal-multa imposta fuq ACW u d-determinazzjoni ġdida tar-relazzjonijiet ta’ solidarjetà, iżda ma kinitx tirrigwarda l-impożizzjoni tal-multa bħala tali, u lanqas ma kienet tirrigwarda l-ammont globali tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2009 jikkostitwixxi l-bażi legali tal-obbligu għal GEA, ACW u CPA li jħallsu l-multa, u mhux l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ eżiġibbiltà tal-multi seta’ jiġi ddeterminat biss mid-data ta’ riċeviment tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni aggravju.

113

Konsegwentement, jeħtieġ li s-sentenza appellata tiġi annullata.

Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali

114

Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża definittivament meta din tkun fi stat li tiġi deċiża jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi.

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-motivi kollha invokati fl-ewwel istanza.

116

L-aspetti tat-tilwima mqajma minn dawn l-aggravji jimplikaw l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt fuq il-bażi ta’ elementi li, minn naħa, ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li din qieset, fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, li tali eżami kien superfluwu, peress li hija laqgħet ir-raba’ motiv u l-ewwel parti tal-ħames motiv imqajma minn GEA, u, min-naħa l-oħra, ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u minn dan jirriżulta li l-kawża ma hijiex, fuq dan il-punt, f’qagħda li tiġi deċiża.

117

Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Fuq l-ispejjeż

118

Peress li l-kawża qiegħda tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2018, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑640/16, EU:T:2018:700) hija annullata.

 

2)

Il-Kawża T‑640/16 hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq