Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0299

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020.
    Techbau SpA vs Azienda Sanitaria Locale AL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale ordinario di Torino.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2000/35/KE – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Kunċetti ta’ ‘provvista ta’ merkanzija’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ – Artikolu 1 u l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 – Kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.
    Kawża C-299/19.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:937

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    18 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2000/35/KE – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Kunċetti ta’ ‘provvista ta’ merkanzija’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ – Artikolu 1 u l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 – Kuntratt pubbliku għal xogħlijiet”

    Fil-Kawża C‑299/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Torino (il-Qorti Ordinarja ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2019, fil-proċedura

    Techbau SpA

    vs

    Azienda Sanitaria Locale AL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Azienda Sanitaria Locale AL, minn C. Castellotti, avvocato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Tricot, G. Gattinara u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Techbau SpA u l-Azienda Sanitaria Locale AL (organu pubbliku inkarigat mis-servizz tas-saħħa pubblika ta’ Alexandrie, l-Italja) (iktar ’il quddiem “ASL”) dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont dovut għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt intiż għall-kostruzzjoni ta’ blokk ta’ swali operatorji għal sptar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2000/35

    3

    Id-Direttiva 2000/35 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1), b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013.

    4

    Il-premessi 7, 9, 10, 13, 16, 19, 20 u 22 tad-Direttiva 2000/35 jistipulaw:

    “(7)

    Piżijiet tqal amministrattivi u finanzjarji huma mqiegħda fuq in-negozji, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, bħala riżultat tal-perjodi eċċessivi ta’ ħlas u ħlasijiet tard. Barra dan, dawn il-problemi huma l-kawża prinċipali għall-fallimenti li jheddu l-ħajja tan-negozji u jirriżultaw f’telf numeruż ta’ impjiegi.

    […]

    (9)

    Id-differenzi bejn ir-regoli u l-prattiċi tal-ħlas fl-Istati Membri jikkostitwixxu ostaklu għall-iffunzjonar xieraq tas-suq intern.

    (10)

    Dawn għandhom l-effett li jillimitaw konsiderevolment transazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri. Din hija f’kontradizzjoni ma’ l-Artikolu 14 tat-Trattat billi intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw mas-suq intern kollu taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li operazzjonijiet li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor ma jinvolvux riskji akbar mill-bejgħ domestiku. Tagħwwiġ fil-kompetizzjoni jsegwi jekk regoli sostanzjalment differenti japplikaw għall-operazzjonijiet domestiċi u dawk li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor.

    […]

    (13)

    Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali u m’għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, interess b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, eż. ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-ħsarat inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni.

    […]

    (16)

    Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Ċaqliqa deċiżiva, inkluż il-kumpens għall-kredituri għall-ispejjeż magħmula, huwa meħtieġ biex titreġġa’ lura din ix-xejra u biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi ta’ ħlasijiet tard ikun dawk li jiskoraġġixxu l-ħlas tard.

    […]

    (19)

    Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. […]

    (20)

    Il-konsegwenzi ta’ ħlas tard jistgħu jkunu disważivi biss jekk ikunu akkumpanjati minn proċeduri għal rimedji li huma rapidi u effettivi għall-kreditur. B’konformità mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 12 tat-Trattat, dawk il-proċeduri għandhom ikunu disponibbli għall-kredituri kollha li huma stabbiliti f[l-Unjoni Ewropea].

    […]

    (22)

    Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament ta’ jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, waqt li jingħata kont tal-fatt li dawn ta’ l-aħħar jimmaniġġjaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lin-negozju. Għandha għalhekk tirregola wkoll it-transazzjonijiet kummerċjali kollha bejn il-kuntratturi prinċipali u dawk li jipprovdulhom u s-sottokuntratturi.”

    5

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

    6

    Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsiriet”:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    1.

    ‘tranżazzjoni kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas,

    ‘awtorità pubblika’ tfisser kull awtorità jew entita li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku […]

    ‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda;

    […]”

    7

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/35, intitolat “Transposizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Awwissu 2002. Għandhom jinfurmaw bihom minnufih lill-Kummissjoni.

    […]

    3.   Fit-transposizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

    (a)

    djun li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment istitwiti kontra d-debitur;

    (b)

    kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002; u

    (ċ)

    talbiet għall-imgħax ta’ anqas minn EUR 5.”

    Id-Direttiva 2004/18/KE

    8

    Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), li ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-31 ta’ Jannar 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 41 tagħha, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), ġiet hija stess imħassra u ssostitwita, b’effett mit-18 ta’ April 2016, bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

    9

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 2, 8 u 9 tiegħu:

    “2.   

    (a)

    ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    (b)

    ‘Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali. Ix-‘xogħol’ ifisser l-andament tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija ċivili meħuda bħala ħaġa waħda li hija suffiċenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.

    (c)

    ‘Kuntratti għall-provvisti pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal provvisti] huma kuntratti pubbliċi barra dawk riferuti għaliha f’(b) li għandhom bħala objettiv tagħhom il-bejgħ, il-kera, flus li jdaħħlu mill-kera jew ħlas bin-nifs, bil jew mingħajr l-għażla li tixtri, tal-prodotti.

    […]

    (d)

    ‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal servizzi] huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

    […]

    8.   […]

    It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

    […]

    9.   Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

    ‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

    (a)

    stabbilit għall-għan speċifiku li jintlaħqu l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma għandux karattru industrijali jew kummerċjali;

    (b)

    li għandu personalità legali; u

    (c)

    ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

    […]”

    10

    Il-lista tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, li tinsab fl-Anness I tagħha, kienet issemmi, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili.

    Id-Direttiva 2011/7

    11

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/7 kien jeżiġi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jipproċedu għat-traspożizzjoni tagħha sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Marzu 2013 u, fil-paragrafu 4 tiegħu, kien jagħtihom il-possibbiltà li jeskludu, fit-traspożizzjoni, il-kuntratti konklużi qabel din id-data.

    12

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva:

    “Id-Direttiva [2000/35] hija mħassra b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, hija għandha tibqa’ applikabbli għal kuntratti konklużi qabel dik id-data li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva skont l-Artikolu 12(4).”

    Id-dritt Taljan

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231

    13

    Id-decreto legislativo n. 231 – Attuazione della direttiva relativa alla lotta contro i ritardi di pagamento nelle transazioni commerciali (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2002 li Jimplimenta d-Direttiva 2000/35/KE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali), tad-9 ta’ Ottubru 2002 (GURI Nru 249, tat-23 ta’ Ottubru 2002, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 231”), ittraspona d-Direttiva 2000/35 fl-ordinament ġuridiku Taljan.

    14

    L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet japplikaw għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali.”

    15

    L-Artikolu 2 tal-istess digriet leġiżlattiv, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:

    a)

    ‘tranżazzjoni kummerċjali’ tfisser kull tranżazzjoni taħt kwalunkwe denominazzjoni li tkun bejn impriżi jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li twassal, esklużivament jew prinċipalment, għall-provvista ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas;

    b)

    ‘awtoritajiet pubbliċi’ tfisser l-amministrazzjonijiet tal-Istat, tar-reġjuni, tal-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, l-awtoritajiet pubbliċi territorjali u l-għaqdiet tagħhom, l-organi pubbliċi mhux ekonomiċi, kull organu ieħor li għandu personalità ġuridika, stabbilit sabiex jissodisfa bżonnijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali, li l-attività tiegħu hija ffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat, mir-reġjuni, mill-awtoritajiet lokali, minn organi pubbliċi oħra jew organi rregolati mid-dritt pubbliku, jew li l-ġestjoni tagħhom hija suġġetta għal kontroll minn dawn tal-aħħar jew li l-organiżmi ta’ amministrazzjoni, ta’ direzzjoni jew ta’ sorveljanza tagħhom huma komposti, tal-inqas nofshom, minn membri maħtura minn dawn l-istess entitajiet pubbliċi.”

    16

    L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma japplikawx għall-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163

    17

    Id-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/KE e 2004/18/KE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 li Jistabbilixxi Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti li Jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163”), jiddefinixxi, fl-Artikolu 3(3) tiegħu, il-kunċetti ta’ “kuntratti” jew ta’ “kuntratti pubbliċi” bħala li jirreferu għall-“kuntratti ta’ konċessjoni intiżi għall-akkwist ta’ servizzi jew ta’ provvisti jew it-twettiq ta’ xogħlijiet, implimentati mill-awtoritajiet kontraenti, l-organi kontraenti jew l-entitajiet kontraenti”.

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192

    18

    Id-decreto legislativo n. 192 – Modifiche al decreto legislativo 9 ottobre 2002, n. 231, per l’integrale recepimento della direttiva 2011/7/UE relativa alla lotta contro i ritardi di pagamento nelle transazioni commerciali, a norma dell’articolo 10, comma 1, della legge 11 novembre 2011, n. 180 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192 li Jemenda d-Digriet Leġiżlattiv tad-9 ta’ Ottubru 2002, Nru°231, għall-Finijiet ta’ Traspożizzjoni Sħiħa tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, b’mod konformi mal-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal-11 ta’ Novembru 2011, Nru 180), tad-9 ta’ Novembru 2012 (GURI Nru 267, tal-15 ta’ Novembru 2012, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 192”), ittraspona d-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Taljan.

    19

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192 ħalla, essenzjalment, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” kif kienet tidher fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, fil-verżjoni inizjali tiegħu.

    20

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 192 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 231 emendat”), issa jiddefinixxi l-“awtoritajiet pubbliċi” bħala “l-amministrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(25) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 163], u kull entità oħra, meta teżerċita attività li għaliha hija marbuta li tosserva l-leġiżlazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv [Nru 163]”.

    21

    Skont l-Artikolu 3 tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 192 japplikaw għat-tranżazzjonijiet konklużi mill-1 ta’ Jannar 2013.

    Il-Liġi Nru 161

    22

    Wara l-ftuħ mill-Kummissjoni Ewropea ta’ proċedura EU PILOT (5216/13/ENTR. 1) kontra r-Repubblika Taljana, il-leġiżlatur Taljan adotta l-legge n. 161 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2013–bis. (il-Liġi Nru 161 li Tipprovdi Dispożizzjonijiet għall-Eżekuzzjoni tal-Obbligi li Jirriżultaw mill-Appartenanza tal-Italja għall-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2013 a), tat-30 ta’ Ottubru 2014 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 261, tal-10 ta’ Novembru 2014, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 161”).

    23

    L-Artikolu 24(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “L-Artikolu 2(1) (a) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 231], kif issostitwit bl-Artikolu 1(1)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 192], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjonijiet kummerċjali msemmija jinkludu wkoll il-kuntratti previsti mill-Artikolu 3(3) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 163].”

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24

    Fid-29 ta’ April 2010, ASL u Techbau kkonkludew kuntratt pubbliku b’valur ta’ EUR 7487 719.49, li kellu bħala suġġett il-provvista u l-istabbiliment “turnkey”, permezz ta’ sistema modulari mmanifatturata minn qabel, ta’ blokk ta’ swali operatorji għall-isptar Ospedale Santo Spirito di Casale Monferrato (Sptar Spirtu s-Santu ta’ Casale Monferrato, l-Italja). Il-kuntratt kien jirrigwarda sitt swali operatorji bi spazji anċillari u passaġġi ta’ komunikazzjoni, kif ukoll l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet kollha ta’ inġinerija ċivili u relatati mal-installazzjonijiet neċessarji.

    25

    Filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mal-kuntratt kienu jipprevedu terminu ta’ ħlas ta’ 90 jum wara r-riċezzjoni tal-fattura, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ASL ħallset, b’dewmien sostanzjali, l-ammont tar-remunerazzjoni stabbilita fil-kuntratt, b’tali mod li Techbau ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex ASL tiġi kkundannata tħallasha interessi moratorji fl-ammont ta’ EUR 197 008.65, ikkalkolati bir-rata prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 231.

    26

    ASL tikkontesta r-realtà ta’ dan id-dejn, billi ssostni li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jikkostitwixxi kuntratt ta’ kiri ta’ xogħlijiet li għandu bħala għan it-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

    27

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, abbażi ta’ eżami tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dan huwa kuntratt ta’ appalt, u mhux kuntratt ta’ provvista, peress li l-interess tal-awtorità kontraenti għall-kostruzzjoni tax-xogħol huwa predominanti meta mqabbel mat-tqegħid tat-tagħmir fih.

    28

    Hija tindika li, fid-dritt Taljan, kuntratt ta’ appalt li jirrigwarda t-twettiq ta’ xogħol, sa fejn għandu jiġi distint minn kuntratt li għandu bħala għan il-provvista ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi, għandu jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, kif interpretat mill-ġurisprudenza nazzjonali, u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. Konsegwentement, il-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, iżda minn dawk, inqas favorevoli għall-kredituri, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 u tal-leġiżlazzjoni adottata fl-implimentazzjoni tiegħu.

    29

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar dan l-approċċ, sa fejn hija tasal għall-interpretazzjoni tat-termini “provvista ta’ merkanzija” u “provvista ta’ servizzi”, li jinsabu fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” mogħtija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni t-tifsira li dawn it-termini għandhom fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    30

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li, ċertament, skont l-interpretazzjoni awtentika mogħtija mil-Liġi Nru 161 lill-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 emendat, il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” imsemmi fih issa jinkludi wkoll il-kuntratti li għandhom bħala għan it-twettiq ta’ xogħlijiet kif ukoll l-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi ta’ kostruzzjoni u ta’ inġinerija ċivili. Madankollu, hija tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji previsti mil-Liġi Nru 161, ma jirriżultax b’mod ċar minnha li din l-interpretazzjoni awtentika kellha l-effett li ddaħħal kuntratt ta’ appalt li jirrigwarda t-twettiq ta’ xogħol pubbliku, konkluż qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2013, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 192, fil-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali, huwa importanti li jsir magħruf jekk il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 ittraspona fid-dritt Taljan, ikoprix kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32

    Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunale ordinario di Torino (il-Qorti Ordinarja ta’ Torino, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35/KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 2(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv tad-9 ta’ Ottubru 2002 Nru 231, li jeskludi mill-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” — miftiehem bħala kuntratt “li jwassal, esklużivament jew prinċipalment, għall-provvista ta’ merkanziji jew servizzi bi ħlas” — u b’hekk mill-kamp ta’ applikazzjoni proprju tiegħu, il-kuntratt ta’ appalt li għandu bħala s-suġġett tiegħu, it-twettiq ta’ xogħol (contratto d’appalto d’opera), kemm jekk pubbliku kif ukoll jekk privat, u b’mod speċjali il-kuntratt pubbliku għal xogħolijiet fis-sens tad-Direttiva [2004/18]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    33

    Id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat preliminarjament li r-Repubblika Taljana għamlet użu mill-possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, li jeskludu, fit-traspożizzjoni tagħha, il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 3 tiegħu, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192, li ttraspona l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku Taljan, ġie ddikjarat applikabbli għat-tranżazzjonijiet konklużi mill-1 ta’ Jannar 2013.

    35

    F’dan il-każ, peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fid-29 ta’ April 2010, huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2000/35, peress li din tibqa’, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/7, bla ħsara għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35, applikabbli għall-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.

    36

    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatti fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tardiva minn ASL tal-obbligu ta’ ħlas previst fil-kuntratt ta’ appalt konkluż ma’ Techbau u li kellu bħala għan it-twettiq ta’ xogħol pubbliku. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-kuntratt b’titolu oneruż, li għall-konklużjoni tiegħu ASL aġixxiet fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti u Techbau fil-kwalità ta’ offerent rebbieħ u, għalhekk, ta’ operatur ekonomiku, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi” u, senjatament, dak ta’ “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet”, previsti mid-Direttiva 2004/18. L-Artikolu 1(2)(a) u (b) tagħha jiddefinixxi dawn il-kunċetti bħala, rispettivament, il-“kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva” u l-“kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali”.

    37

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2000/35, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxih bħala “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”, mingħajr ma jsemmi espressament il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, b’mod iktar ġenerali, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u mingħajr ma jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “provvista ta’ merkanzija” jew ta’ “provvista ta’ servizzi” imsemmija hemmhekk (ara, b’analoġija, dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27).

    38

    Peress li l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 ma jagħmel, barra minn hekk, ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu, din id-dispożizzjoni għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Tali interpretazzjoni simili għandha titfittex filwaqt li jitqiesu fl-istess ħin il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kuntest li taqa’ fih u l-għanijiet li hija tfittex (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27), kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47).

    39

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” li jissemma fiha. L-ewwel nett, din għandha ssir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi u, it-tieni nett, għandha twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 24).

    40

    F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, li l-interpretazzjoni tagħha ma toħloqx dubju lill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 bħala li jkopri “kull awtorità jew entità li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku”, filwaqt li dak ta’ “impriża” huwa ddefinit fit-tielet subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jkopri “kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda”.

    41

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li skontha t-tranżazzjoni inkwistjoni għandha “twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2000/35, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 13 u 22 tagħha, hija applikabbli għall-pagamenti kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, inklużi dawk bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet imwettqa mal-konsumaturi u ta’ tipi oħra ta’ pagamenti, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Issa, peress li t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ma jinsabux fost il-materji inklużi f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huma ma jistgħux għalhekk jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

    42

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva b’mod wiesa’ ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, KROL, C‑722/18, EU:C:2019:1028, punti 3132).

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35, kif iddeterminat fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha.

    44

    Barra minn hekk, l-użu, f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tal-kliem “li twassal għal”, sabiex tiġi deskritta r-rabta li għandha teżisti bejn, minn naħa, it-“tranżazzjoni” u, min-naħa l-oħra, il-“provvista ta’ merkanzija” jew il-“provvista ta’ servizzi” juri li tranżazzjoni li ma għandhiex bħala għan il-provvista ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi tista’ madankollu taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tranżazzjoni simili effettivament tagħti lok għal xi waħda minn dawn il-provvisti.

    45

    B’mod partikolari, jekk kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għandu bħala għan it-twettiq ta’ xogħol jew ta’ xogħlijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-impenji assunti mill-operatur ekonomiku fil-konfront tal-awtorità kontraenti fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt jistgħu jikkonkretizzaw ruħhom, bħal f’dan il-każ, permezz ta’ provvista ta’ servizzi, bħat-tħejjija ta’ proġett iddefinit fis-sejħa għal offerti jew it-twettiq tal-formalitajiet amministrattivi, jew inkella permezz ta’ provvista ta’ merkanzija, bħall-provvista ta’ materjali għat-twettiq tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    46

    Għaldaqstant, il-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 jimmilita favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    47

    Fit-tieni lok, il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni jikkorrobora tali interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” li jinsab fiha huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 bħala li jkopri “kull awtorità jew entità li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku”.

    48

    Issa, ir-riferiment espliċitu għall-kunċett korrispondenti ta’ “awtoritajiet kontraenti”, li jinsab b’mod partikolari fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, ikun mingħajr effett utli jekk il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet konklużi minn tali awtoritajiet, suġġetti għar-regoli u l-proċeduri previsti minn dawn id-direttivi, ma jkunux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, u, konsegwentement, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

    49

    Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva 2004/18 tagħmel distinzjoni, skont is-suġġett tal-kuntratt, bejn kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi, madankollu ma jidhirx li d-Direttiva 2000/35, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni f’dan is-sens, hija bbażata fuq tali distinzjoni, bl-effett li teskludi l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet mill-kunċetti ta’ “provvista ta’ merkanzija” u ta’ “provvista ta’ servizzi”, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

    50

    Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2000/35, adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), taqa’ fl-ambitu tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li l-għan tagħha huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha, il-kunċetti ta’ “merkanzija” u ta’ “servizzi”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta dawn il-libertajiet fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 30).

    51

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 28(1) TFUE, tfisser il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 67). Fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizzi”, l-Artikolu 57 TFUE, fl-ewwel paragrafu tiegħu, jiddefinixxih bħala li jindika s-servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn dawn ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni, u, fit-tieni paragrafu tiegħu, jelenka, bħala eżempju, ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt dan il-kunċett, fosthom l-attivitajiet kummerċjali.

    52

    Fid-dawl tad-definizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertajiet fundamentali, imsemmija fil-punt preċedenti, u tal-ġurisprudenza relatata magħhom, ma hemmx dubju li kuntratt ta’ appalt li għandu bħala għan it-twettiq ta’ xogħol jew ta’ xogħlijiet, b’mod ġenerali, u kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, b’mod partikolari, jimplika l-provvista ta’ “merkanzija” jew il-provvista ta’ “servizzi”, fis-sens tal-Artikoli 28 u 57 TFUE. F’din il-perspettiva, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jista’ jwassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35.

    53

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan tad-Direttiva 2000/35, għandu jitfakkar li din, kif jindikaw il-premessi 9, 10 u 20 tagħha, hija intiża sabiex tarmonizza l-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv sabiex tagħtihom effett dissważiv, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet kummerċjali fis-suq intern kollu ma jkunux ostakolati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, KROL, C‑722/18, EU:C:2019:1028, punt 35).

    54

    Issa, l-esklużjoni ta’ parti mhux negliġibbli tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, jiġifieri dawk relatati mal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, mill-benefiċċju tal-mekkaniżmi tal-ġlieda kontra l-ħlas tardiv previsti mid-Direttiva 2000/35, minn naħa, tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva, stabbilit fil-premessa 22 tagħha, li l-imsemmija direttiva għandha tirregola t-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha, kemm jekk dawn isiru bejn impriżi privati jew pubbliċi kif ukoll bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, tali esklużjoni jkollha neċessarjament il-konsegwenza li tnaqqas l-effett utli tal-imsemmija mekkaniżmi, inkluż fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jistgħu jinvolvu operaturi minn Stati Membri differenti.

    55

    Dan jgħodd iktar u iktar peress li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, il-ħlas tardiv jista’ joħloq problemi ħafna ikbar minn dawk f’oqsma oħra, minħabba l-ispejjeż ekonomiċi u r-riskji li dawn il-kuntratti joħolqu għall-operaturi ekonomiċi.

    56

    Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-oriġini tad-Direttiva 2000/35, għandu jiġi rrilevat li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali, tal-25 ta’ Marzu 1998 (ĠU 1998, C 168, p. 13), li minnha toriġina din id-direttiva, il-Kummissjoni enfasizzat, minn naħa, l-iżbilanċ kuntrattwali li jeżisti bejn numru kbir ta’ impriżi u ta’ awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari f’ċerti oqsma, bħall-kostruzzjoni, li minħabba fih il-kundizzjonijiet tal-ħlas jistgħu jiġu imposti fuq dawn l-impriżi mingħajr ma dawn ikollhom verament il-possibbiltà li jinnegozjaw l-istess u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li l-konsegwenzi tal-ħlas tardiv fis-settur pubbliku tal-kostruzzjoni jiġu rregolati.

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali li twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali li twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq