Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0275

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2020.
Sportingbet PLC u Internet Opportunity Entertainment Ltd vs Santa Casa da Misericórdia de Lisboa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Inopponibbiltà għall-individwi tar-regolament tekniku mhux innotifikat – Inapplikabbiltà għall-fornituri ta’ servizzi.
Kawża C-275/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:856

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Inopponibbiltà għall-individwi tar-regolament tekniku mhux innotifikat – Inapplikabbiltà għall-fornituri ta’ servizzi”

Fil-Kawża C‑275/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2019, fil-proċedura

Sportingbet PLC,

Internet Opportunity Entertainment Ltd

vs

Santa Casa da Misericórdia de Lisboa,

fil-preżenza ta’:

Sporting Clube de Braga,

Sporting Clube de Braga – Futebol, SAD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sportingbet PLC, minn B. Mendes u S. Ribeiro Mendes, advogados,

għal Internet Opportunity Entertainment Ltd, minn L. Marçal u M. Mendes Pereira, advogados,

għal Santa Casa da Misericórdia de Lisboa, minn S. Estima Martins, T. Alexandre u P. Faria, advogados,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, J. Gomes de Almeida, A. Pimenta, P. Barros da Costa u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, advocaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz u M. Jáuregui Gómez, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Sportingbet PLC u Internet Opportunity Entertainment Ltd (iktar ’il quddiem “IOE”) u, min-naħa l-oħra, Santa Casa da Misericórdia de Lisboa (iktar ’il quddiem “Santa Casa”) dwar il-legalità tal-operat online, minn Sportingbet u minn IOE, tal-logħob tal-ażżard u tal-flus, kif ukoll tal-promozzjoni ta’ din l-attività fil-Portugall.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 83/189/KEE

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU 1983, L 109, p. 8), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/182/KEE tat-22 ta’ Marzu 1988 (ĠU 1988, L 81, p. 75) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/189”), jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘speċifikazzjoni teknika’ tfisser l-ispeċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi tal-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar u l-ittikkettjar, kif ukoll il-metodi u l-proċeduri ta’ produzzjoni għall-prodotti agrikoli skont l-Artikolu 38(1) tat-Trattat, għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali kif ukoll għall-prodotti mediċinali […];

[…]

(5)

‘regolament tekniku’ tfisser l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ ta’ marketing jew l-użu fi Stat Membru jew il-parti l-kbira tiegħu, ħlief dawk stipulati mill-awtoritajiet lokali;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, ħlief fil-każ ta’ sempliċi traspożizzjoni integrali ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ informazzjoni sempliċi dwar l-istandard ikkonċernat tkun biżżejjed; dawn għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni notifika qasira dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju li jiġi stabbilit dan ir-regolament tekniku sakemm dawn ir-raġunijiet ma jirriżultawx diġà mill-abbozz. […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id-Direttiva 98/34

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

(2)

‘servizz’; kull servizz tas‑Soċjetà ta’ l‑Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill‑bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[…]

(3)

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

(4)

‘ħtiġiet oħra’ tfisser ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

(5)

‘regola dwar is-servizzi’; ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

[…]

(11)

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]”

6

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard rilevanti tkun biżżejjed; Għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku.

[…]”

Id-Direttiva 98/48

7

Il-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 98/48 jipprovdu:

“(7)

Billi għandu jkun possibbli li jiġu adattati r-regoli u r-regolamenti nazzjonali eżistenti li japplikaw għas-servizzi disponibbli fil-preżent sabiex jitqiesu s-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jew bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interess ġenerali jiġi protett aħjar jew, mill-banda l-oħra, bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati dawn ir-regoli u regolamenti fejn l-applikazzjoni tagħhom hija sporporzjonata ma’ l-għanijiet immedjati li huma jsegwu;

(8)

Billi, mingħajr il-koordinament fil-livell Komunitarju, din l-attività regolatorja prevista fil-livell nazzjonali tista’ toħloq restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li b’hekk iwasslu għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern, ta’ regoli żejda u ta’ inkostistenzi regolatorji”.

Id-dritt Portugiż

8

Id-Decreto-Lei no 422/89 (id-Digriet-Liġi Nru 422/89), tat-2 ta’ Diċembru 1989 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 277, tat-2 ta’ Diċembru 1989), kif emendat bid-Decreto-Lei no 10/95 (id-Digriet-Liġi Nru 10/95), tad-19 ta’ Jannar 1995 (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 422/89”), jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Żoni tal-logħob”:

“1   – L-operat u l-prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus huma awtorizzati biss fil-każinojiet li jeżistu f’żoni ta’ logħob permanenti jew temporanji stabbiliti bid-Digriet-Liġi jew, lil hinn minn dawn, fil-każijiet elenkati fl-Artikoli 6 sa 8.

2   – Għall-operat u l-prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus jinħolqu żoni tal-logħob fl-Azores, fl-Algarve, f’Espinho, f’Estoril, f’Figueira da Foz, f’Funchal, f’Porto Santo, f’Póvoa de Varzim, fi Tróia u f’Vidago-Pedras Salgadas.

3   – Id-distanza minima ta’ protezzjoni kompetittiva bejn il-każinojiet fiż-żoni tal-logħob hija stabbilita, każ b’każ, fid-digriet ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kull konċessjoni.

4   – Fuq l-awtorizzazzjoni tal-membru kompetenti tal-Gvern, l-Inspeção-Geral de Jogos [l-Ispezzjoni Ġenerali tal-Logħob] mismugħa, il-konċessjonarji taż-żoni tal-logħob jistgħu jagħżlu li joperaw il-logħob tat-tombla fi swali konformi mar-rekwiżiti leġiżlattivi, taħt l-istess sistema bħal dik tal-każinojiet, iżda f’postijiet esterni għalihom, bil-kundizzjoni li dawn ikunu jinsabu fit-territorju tal-komun fejn jinsabu l-imsemmija każinojiet.”

9

L-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet-liġi, intitolat “Operat tal-logħob abbord bastimenti jew inġenji tal-ajru”, jipprovdi:

“1   – Il-membru tal-Gvern responsabbli għat-turiżmu jista’ jawtorizza, għal żmien determinat, l-Ispezzjoni Ġenerali tal-Logħob u d-Direcção-Geral do Turismo [id-Direttorat Ġenerali għat-Turiżmu] mismugħa, l-operat u l-prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus abbord inġenji tal-ajru jew ta’ bastimenti rreġistrati fil-Portugall meta dawn ikunu barra mit-territorju nazzjonali.

2   – L-operat imsemmi fil-paragrafu preċedenti jista’ jingħata biss lill-kumpanniji proprjetarji jew nolleġġaturi ta’ bastimenti jew inġenji tal-ajru nazzjonali jew lill-kumpanniji konċessjonarji taż-żoni tal-logħob, bl-awtorizzazzjoni tagħhom.

3   – L-operat u l-prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus li huma awtorizzati skont dan l-artikolu għandhom jissodisfaw ir-regoli stabbiliti għall-iżvolġiment tiegħu fil-każinojiet; il-kundizzjonijiet speċifiċi li għalihom huma suġġetti dan l-operat u din il-prattika huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-membru kompetenti tal-Gvern.”

10

L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet-liġi, intitolat “Operat barra mill-każinojiet tal-logħob minbarra l-logħob tal-mejda u tas-slot machines”, jipprovdi:

“1   – Fl-okkażjoni ta’ manifestazzjonijiet ta’ interess turistiku maġġuri, l-Ispezzjoni Ġenerali tal-Logħob u d-Direttorat Ġenerali għat-Turiżmu mismugħa, il-membru kompetenti tal-Gvern jista’ jawtorizza l-operat u l-prattika ta’ logħob minbarra l-logħob tal-mejda barra mill-każinojiet.

2   – Fil-postijiet fejn l-attività turistika hija predominanti, il-membru kompetenti tal-Gvern jista’, wara li jisma’ lill-Ispezzjoni Ġenerali tal-Logħob u lid-Direttorat Ġenerali għat-Turiżmu, jawtorizza l-operat u l-prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus fuq il-magni fi stabbilimenti tal-lukandi jew komplementari, li l-karatteristiċi u d-dimensjonijiet tagħhom huma stabbiliti permezz ta’ digriet ta’ implimentazzjoni.

3   – L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi preċedenti jistgħu jingħataw biss lill-konċessjonarju taż-żona tal-logħob fejn il-każinò jinsab l-iktar viċin, f’linja dritta, mill-post fejn isir l-operat, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3).

4   – L-operat u l-prattika tal-logħob fil-kundizzjonijiet indikati fil-paragrafi preċedenti għandhom josservaw ir-regoli stabbiliti għall-iżvolġiment tiegħu fil-każinojiet; il-kundizzjonijiet speċifiċi li għalihom dan l-użu u din il-prattika huma suġġetti huma stabbiliti permezz ta’ digriet.”

11

L-Artikolu 8 tal-istess digriet-liġi, intitolat “Logħob tat-tombla”, jipprovdi:

“Barra mit-territorju tal-komuni fejn jinsabu l-każinojiet u dak tal-komuni limitrofi, l-operat u l-prattika tal-logħob tat-tombla jistgħu wkoll iseħħu fi swali speċifiċi, skont il-leġiżlazzjoni speċjali applikabbli.”

12

L-Artikolu 9 tad-Digriet-Liġi Nru 422/89, intitolat “Sistema ta’ konċessjonijiet”, jipprovdi:

“Id-dritt li jiġi operat il-logħob tal-ażżard jew tal-flus huwa rriżervat għall-Istat u jista’ jiġi eżerċitat biss minn impriżi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, li lilhom il-Gvern jagħti l-konċessjoni korrispondenti permezz ta’ kuntratt amministrattiv, bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti fl-Artikolu 6(2).”

13

Id-Decreto-Lei no 282/2003 (id-Digriet-Liġi Nru 282/2003), tat-8 ta’ Novembru 2003 (Diário da República I, serje‑A, Nru 259, tat-8 ta’ Novembru 2003), jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“L-operat imsemmi fl-artikolu preċedenti għandu jitwettaq esklużivament, għat-territorju nazzjonali kollu, inkluż l-ispazju tar-radju, l-ispettru tar-radju terrestri analoġiku u diġitali, l-internet, kif ukoll kull network pubbliku ta’ telekomunikazzjoni ieħor, minn Santa Casa […], permezz tad-Departamento de Jogos [id-Dipartiment tal-Logħob] tagħha, skont ir-regoli li jirregolaw kull wieħed mil-logħob u skont id-Decreto-Lei no 322/91 (id-Digriet-Liġi Nru 322/91), tas-26 ta’ Awwissu 1991.”

14

L-Artikolu 3 tad-Digriet-Liġi Nru 282/2003, intitolat “Kuntratt tal-logħob”, jipprovdi:

“1   – Il-kuntratt tal-logħob huwa konkluż direttament bejn min jilgħab u d-Dipartiment tal-Logħob ta’ Santa Casa […], bl-intervent ta’ intermedjarji jew mingħajru.

2   – Il-kuntratt tal-logħob huwa dak li permezz tiegħu waħda mill-partijiet, bi ħlas ta’ ċerta somma, takkwista numri jew pronostiċi li abbażi tagħhom hija għandha dritt, inkambju għall-provvista, għal qligħ, ta’ ammont fiss jew varjabbli, li għandu jitħallas mill-parti l-oħra, skont ir-riżultat ta’ operazzjoni bbażata esklużivament jew essenzjalment fuq ix-xorti u skont regoli ddefiniti minn qabel.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Sportingbet hija kumpannija intiża għall-operat, permezz ta’ mezzi elettroniċi, ta’ logħob tal-ażżard, ta’ modalitajiet simili għal tali logħob, ta’ mħatri reċiproċi u ta’ lotteriji. Din il-kumpannija għandha s-sit internet “www.sportingbet.com” li joffri lill-utenti l-possibbiltà li jipparteċipaw f’dan it-tip ta’ logħob. Teżisti verżjoni Portugiża ta’ dan is-sit, li tidher awtomatikament għall-utenti kollha li jinsabu fil-Portugall.

16

IOE hija l-impriża li tiġġestixxi s-sit internet “www.sportingbet.com”, debitament awtorizzata minn Sportingbet.

17

Sportingbet tat lil IOE awtorizzazzjoni sabiex tirreġistra f’isimha u tuża favuriha s-siti “Sportingbet.com” u “sportingbetplc.com”, kif ukoll it-trade marks Global Sportsbook & Casino Sportingbet u Sportingbet.

18

Santa Casa hija persuna ġuridika ta’ utilità pubblika amministrattiva, mingħajr skop ta’ lukru, li twettaq attivitajiet ta’ interess pubbliku. Ir-Repubblika Portugiża tatha d-dritt esklużiv li topera logħob soċjali u torganizza mħatri reċiproċi, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi elettroniċi.

19

Sporting Clube de Braga (iktar ’il quddiem “SC Braga”) huwa klabb sportiv li jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi f’diversi oqsma, bħall-futbol.

20

Sporting Clube de Braga – Futebol SAD (iktar ’il quddiem “SC Braga SAD”) hija kumpannija maħluqa sabiex tamministra l-futbol professjonali ta’ SC Braga, li t-tim tagħha pparteċipa, matul l-istaġun 2006/2007, fil-kampjonat tal-premier league Portugiż tal-futbol professjonali.

21

IOE u SC Braga SAD ikkonkludew kuntratt ta’ sponsorizzazzjoni għall-istaġuni sportivi 2006/2007 u 2007/2008, li kellu bħala għan ir-reklamar u l-promozzjoni tal-attività ta’ Sportingbet. Din il-kampanja pubbliċitarja, imwettqa minn SC Braga u SC Braga SAD, kienet tipprevedi l-wiri tal-logo ta’ Sportingbet kif ukoll ta’ stampa bil-kliem “www.sportingbet.com”. Dawn l-istampi ntwerew fuq is-sit internet ta’ SC Braga, filwaqt li ġie inkluż link dirett lejn is-sit internet ta’ Sportingbet. Barra minn hekk, it-tim tal-futbol professjonali ta’ SC Braga wera l-logo ta’ Sportingbet fuq il-gear tiegħu f’logħba ta’ ħbiberija.

22

Santa Casa ppreżentat rikors kontra SC Braga, SC Braga SAD, Sportingbet u IOE, li permezz tiegħu talbet, b’mod partikolari, li l-imsemmi kuntratt ta’ sponsorizzazzjoni jiġi ddikjarat null, li l-attività ta’ Sportingbet fil-Portugall kif ukoll ir-reklamar ta’ din l-attività jiġu ddikjarati illegali, li din il-kumpannija tiġi kkundannata tastjeni milli topera logħob tal-lotteriji u mħatri reċiproċi fil-Portugall, li l-konvenuti jiġu pprojbiti milli jagħmlu kwalunkwe reklamar jew promozzjoni tas-sit internet “www.sportingbet.com” u li dawn jiġu kkundannati jħallsuha kumpens għad-danni li hija sostniet minħabba l-attivitajiet illegali tagħhom.

23

Fl-ewwel istanza, ingħatat sentenza li permezz tagħha r-rikors ta’ Santa Casa ntlaqa’ parzjalment. F’dan ir-rigward, ġie deċiż, b’mod partikolari, li jintlaqgħu fl-intier tagħhom l-ewwel tliet talbiet ta’ Santa Casa msemmija fil-punt preċedenti, li tintlaqa’ r-raba’ talba fformulata, iżda biss fir-rigward ta’ Sportingbet u ta’ IOE, u li ma tintlaqax it-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti.

24

Sportingbet u IOE appellaw mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem it-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães, il-Portugall). Madankollu, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ April 2016, dik il-qorti kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

25

Għalhekk, Sportingbet u IOE ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbu l-annullament ta’ dik is-sentenza. IOE talbet ukoll li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel għaxar domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tat-tmien sal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment staqsiet jekk ir-regolamenti tekniċi previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħad-Digriet-Liġi Nru 422/89 u d-Digriet-Liġi Nru 282/2003, li dan ma nnotifikax lill-Kummissjoni, humiex applikabbli għall-individwi.

27

Permezz tad-digriet tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2017, Sportingbet u Internet Opportunity Entertainment (C‑166/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:790), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala manifestament inammissibbli t-tmien sal-għaxar domanda minħabba li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi għal dawn id-domandi, minħabba l-assenza ta’ elementi neċessarji għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba.

28

IOE talbet li d-domandi li kienu s-suġġett tat-tmien sal-għaxar domanda magħmula fil-kawża li tat lok għall-imsemmi digriet jerġgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda bl-inklużjoni, din id-darba, tal-elementi neqsin fit-talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti. Santa Casa talbet li din it-talba ġdida tiġi miċħuda.

29

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija domandi jibqgħu indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li r-risposta għalihom għadha inċerta.

30

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li d-dritt esklużiv ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ lotteriji kif ukoll ta’ mħatri reċiproċi fit-territorju nazzjonali kollu ta’ dan l-Istat huwa estiż għall-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dik il-qorti, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tqis li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, minn risposta affermattiva għal din id-domanda joħroġ obbligu għall-Istat Membru inkwistjoni li jinnotifika lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, bħala regolamenti tekniċi, taħt piena li dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux applikabbli għall-individwi.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1])

Peress li [r-Repubblika Portugiża] ma [informatx] lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regoli tekniċi li jinsabu fid-[Digriet-Liġi Nru 422/89 […]; tali regoli – b’mod iktar speċifiku, l-Artikoli 3 […] u 9 [tiegħu] – għandhom jitqiesu li ma humiex applikabbli, inkwantu dan in-nuqqas ta’ applikabbiltà tista’ tiġi invokata mill-individwi?

[2])

Peress li [r-Repubblika tal-Portugall] ma [informatx] lill-Kummissjoni […] dwar ir-regoli tekniċi li jinsabu fid-Digriet-Liġi Nru 282/2003 […]; dawn ir-regoli – b’mod iktar speċifiku, l-Artikoli 2 u 3 [tiegħu] – ma għandhomx jiġu applikati għall-persuni li jipprovdu servizzi fil-Portugall?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

32

Santa Casa u l-Gvern Belġjan isostnu li d-domandi mressqa huma inammissibbli minħabba l-fatt li IOE hija kumpannija stabbilita fi Stat terz, jiġifieri f’Antigwa u Barbuda, u li, bħala tali, hija ma tistax tinvoka libertajiet fundamentali u lanqas, konsegwentement, id-Direttiva 98/34. Fil-fatt, din il-kumpannija hija l-unika waħda miż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali li tistrieħ fuq argumenti marbuta mad-domandi preliminari.

33

Għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34, hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha. Fil-fatt, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija f’dawn id-domandi, li jistabbilixxu d-dritt esklużiv li jiġu organizzati u operati l-lotteriji u l-imħatri reċiproċi fit-territorju nazzjonali kollu, li jkopru l-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-internet, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni b’mod partikolari ta’ din id-direttiva. Fl-affermattiv, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-argumenti mressqa minn Santa Casa u mill-Gvern Belġjan, li jirrigwardaw iktar l-applikabbiltà tal-istess direttiva għall-kawża prinċipali, u għalhekk il-mertu ta’ din il-kawża, huma għalhekk irrilevanti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

37

Konsegwentement, dawn id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Osservazzjonijiet preliminari

38

Għandu jiġi rrilevat li l-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, rispettivament, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 422/89 u dawk tad-Digriet-Liġi Nru 282/2003.

39

Fid-dawl tad-dati tad-dħul fis-seħħ, minn naħa, ta’ dawn id-digrieti-liġijiet u, min-naħa l-oħra, tad-Direttivi 83/189 u 98/34, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi interpretata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/189 u t-tieni waħda fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34.

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għall-operat tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat u jista’ jiġi eżerċitat biss minn impriżi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, li lilhom l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-konċessjoni korrispondenti, u li tipprevedi l-kundizzjonijiet u ż-żoni ta’ eżerċizzju ta’ din l-attività, tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk ikun il-każ, hija tistaqsi jekk il-fatt li din il-leġiżlazzjoni ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, jirrendix l-imsemmija leġiżlazzjoni inopponibbli għall-individwi.

41

Skont il-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189, regolament tekniku għandu jinftiehem bħala li jkopri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għalihom, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, għall-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti kbira ta’ dan l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ dawk stabbiliti mill-awtoritajiet lokali. Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe abbozz ta’ regolament tekniku.

42

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189, l-ispeċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott, bħal-livelli tal-kwalità jew tal-idoneità tal-użu, is-sigurtà, id-dimensjonijiet, inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott fir-rigward tat-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi tal-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar u l-ittikkettjar, tikkostitwixxi “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, van der Burg, C‑278/99, EU:C:2001:143, punt 20).

43

Issa, sa fejn l-Artikoli 3 u 9 tad-Digriet‑Liġi Nru 422/89 jipprevedu sistema ta’ konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus kif ukoll il-kundizzjonijiet u ż-żoni ta’ eżerċizzju ta’ din l-attività, ma jidhirx li l-imsemmija dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “regolamenti tekniċi”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għall-operat tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat u li dan jista’ jiġi eżerċitat biss minn impriżi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, li lilhom l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-konċessjoni korrispondenti, u li tipprevedi l-kundizzjonijiet u ż-żoni ta’ eżerċizzju ta’ din l-attività, ma tikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-operat esklużiv ta’ ċertu logħob tal-ażżard attribwit lil entità pubblika għat-territorju nazzjonali kollu jinkludi dak imwettaq fuq l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk ikun il-każ, hija tistaqsi jekk il-fatt li din il-leġiżlazzjoni ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, jirrendix l-imsemmija leġiżlazzjoni inopponibbli għall-individwi.

46

Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri, l-ewwel nett, l-“ispeċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tieni nett, il-“ħtiġiet oħra”, kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva, u, ir-raba’ nett, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et, C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 37).

47

Skont il-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, kull rekwiżit ta’ natura ġenerali li jirrigwarda l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li jinkludu “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”, jikkostitwixxi “regola dwar is-servizzi”.

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni li jiġi propost logħob tal-ażżard fuq l-internet, l-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni, il-limitazzjonijiet għall-possibbiltà li jiġu offruti mħatri sportivi fuq l-internet, kif ukoll il-projbizzjoni li jsir reklamar għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “regoli dwar is-servizzi”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, sa fejn dawn jikkonċernaw “servizz tas-soċjetà tal-informatika”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 75).

49

Issa, f’dan il-każ, ir-regoli previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet‑Liġi Nru 282/2003 jirrigwardaw speċifikament servizzi tas-soċjetà tal-informatika. Barra minn hekk, minħabba l-għoti lil Santa Casa tal-esklużività tal-operat tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu l-provvista ta’ dawn is-servizzi lill-operaturi ekonomiċi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ din l-entità pubblika.

50

Konsegwentement, tali dispożizzjonijiet jaqgħu taħt ir-raba’ kategorija koperta mill-kunċett ta’ “regolament tekniku” li jinsab fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, jiġifieri “il-liġijiet […] li jipprojbixxu l-forniment […] ta’ servizz”.

51

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 98/48, li permezz tagħha d-Direttiva 98/34 ġiet emendata, li tadatta l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali eżistenti għas-servizzi l-ġodda tas-soċjetà tal-informatika u li jiġu evitati r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment li jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et, C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 34).

52

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet-Liġi Nru 282/2003 kellhomx, qabel l-adozzjoni tagħhom, ikunu s-suġġett ta’ notifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, għandu jitfakkar li l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, kien diġà previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189 bħas-sanzjoni tal-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi mhux innotifikati (sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punti 3536).

53

Fil-fatt, l-obbligu ta’ notifika previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq tal-kontroll mill-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et, C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 34). In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi vizzju ta’ proċedura essenzjali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, issanzjonat bl-inapplikabbiltà ta’ dawn ir-regolamenti, b’mod li dawn ma jkunux jistgħu jkunu opponibbli fil-konfront tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 67, kif ukoll tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn jistgħu jiġu invokati quddiem il-qorti nazzjonali, li għandha tirrifjuta li tapplika regolament tekniku nazzjonali li ma jkunx ġie nnotifikat skont id-Direttiva 98/34 (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 48).

54

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34, ir-regolamenti tekniċi previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet-Liġi 282/2003 huma inapplikabbli u, konsegwentement, ma humiex opponibbli fil-konfront tal-individwi. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, kuntrarjament għal dak li jsostnu Santa Casa u l-Gvern Belġjan, li operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-libertajiet fundamentali jew din id-direttiva.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-operat esklużiv ta’ ċertu logħob tal-ażżard attribwit lil entità pubblika għat-territorju nazzjonali kollu jinkludi dak imwettaq fuq l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-assenza ta’ komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, irendi tali leġiżlazzjoni inopponibbli għall-individwi.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/182/KEE tat-22 ta’ Marzu 1988 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għall-operat tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat u li dan jista’ jiġi eżerċitat biss minn impriżi kkostitwiti fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, li lilhom l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-konċessjoni korrispondenti, u li tipprevedi l-kundizzjonijiet u ż-żoni ta’ eżerċizzju ta’ din l-attività, ma tikkostitwixxix “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Il-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-operat esklużiv ta’ ċertu logħob tal-ażżard attribwit lil entità pubblika għat-territorju nazzjonali kollu jinkludi dak imwettaq fuq l-internet, tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li fl-assenza ta’ komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, kif emendata, irendi lil din il-leġiżlazzjoni inopponibbli għall-individwi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Fuq