EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0367

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Settembru 2020.
Tax-Fin-Lex d.o.o. vs Ministrstvo za notranje zadeve.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt 5 tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Kunċett ta’‘kuntratt b’titolu oneruż’ – Offerta ta’ offerent ta’ ammont ta’ EUR 0.00 – Ċaħda tal-offerta – Artikolu 69 – Offerta baxxa wisq.
Kawża C-367/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:685

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt 5 tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Kunċett ta’‘kuntratt b’titolu oneruż’ – Offerta ta’ offerent ta’ ammont ta’ EUR 0.00 – Ċaħda tal-offerta – Artikolu 69 – Offerta baxxa wisq”

Fil-Kawża C‑367/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal‑Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Tax-Fin-Lex d.o.o.

vs

Ministrstvo za notranje zadeve,

fil-preżenza ta’:

LEXPERA d.o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tax-Fin-Lex d.o.o., minn Z. Tavčar, Direttur,

għall-Ministrstvo za notranje zadeve, minn M. Bregar Hasanagić u M. Urek, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek, B. Rous Demiri u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil‑ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat-18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tax-Fin-Lex d.o.o., kumpannija stabbilita fis-Slovenja, u l-Ministrstvo za notranje zadeve (il-Ministeru tal-Intern, is-Slovenja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-offerta ppreżentata minn din il-kumpannija fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li:

“[Il-kuntratt pubbliku huwa] wieħed mill-istrumenti bbażati fuq is-suq li għandu jintuża sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv filwaqt li jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Għal dak il-għan, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku […] għandhom jiġu riveduti u modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika […]”.

4

Fil-qafas tat-Titolu I tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni, Definizzjonijiet u Prinċipji Ġenerali”, l-Artikolu 1(1) u (2) jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

2.   Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.”

5

Skont l-Artikolu 2(1) u (5) tad-Direttiva 2014/24:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5.

‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limiti Stabbiliti”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

[…]

b)

EUR [144000] għall-kuntratti ta’ provvisti u ta’ servizzi pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet tal-gvern ċentrali u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn awtoritajiet bħal dawn;

[…]”

7

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti]” jipprevedi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

8

It-Titolu II tad-Direttiva 2014/24, dwar ir-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi, jinkludi l-Kapitolu III dwar il-Kondotta tal-proċedura, li t-Taqsima 3 tiegħu hija intitolata “L-għażla ta’ parteċipanti u l-għoti ta’ kuntratti”. L-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva, iddedikat għall-“[o]fferti baxxi wisq”, li jinsab fit-Taqsima 3, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.

2.   L-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:

(a)

l-ekonomija tal-metodu ta’ kostruzzjoni, tal-proċess ta’ manifattura jew tas-servizzi pprovduti jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;

b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għall-forniment tal-prodotti jew servizzi jew għall-eżekuzzjoni tax-xogħol;

c)

l-oriġinalità tax-xogħol, provvisti jew servizzi proposti mill-offerent;

[…]

f)

il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent. Din tista’ tiċħad l-offerta biss fejn il-provi pprovduti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti, b’kont meħud tal-elementi msemmija fil-paragrafu 2.

[…]”

Id-dritt Sloven

9

L-Artikolu 2 taż-Zakon o javnem naročanju (il-Liġi dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) tat-30 ta’ Mejju 2015 (Uradni list RS, Nru 91/2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZJN”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kunċetti użati f’din il-liġi għandhom it-tifsira segwenti:

“kuntratti pubbliċi” tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-Ministeru ppubblika avviż ta’ kuntratt, maqsum f’żewġ lottijiet, għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar l-aċċess għal sistema tal-informatika legali għal perijodu ta’ 24 xahar. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt, kif iddeterminat mill-Ministeru, kien jammonta għal EUR 39 959.01.

11

Il-Ministeru rċieva biss żewġ offerti għall-ewwel lott fit-terminu previst, fosthom dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Tax-Fin-Lex, li pproponiet prezz ta’ EUR 0.00.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2019, Tax-Fin-Lex ġiet informata, minn naħa, biċ-ċaħda tal-offerta tagħha, minħabba li l-prezz finali tal-offerta tagħha huwa ta’ EUR 0.00, li, fil-fehma tal-Ministeru, huwa kuntrarju għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, bl-għoti tal-kuntratt pubbliku għall-ewwel lott lit-tieni offerent.

13

Fis-17 ta’ Jannar 2019, Tax-Fin-Lex ressqet quddiem il-Ministeru talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni tiegħu li tiċħad l-offerta tagħha. Filwaqt li ċaħad din it-talba fil-5 ta’ Frar 2019, il-Ministeru rrinvija l-kawża, fil-11 ta’ Frar 2019, quddiem il-qorti tar-rinviju, u b’hekk fetaħ il-proċedura quddiemha.

14

Il-qorti tar-rinviju tosserva, preliminarjament, li, minkejja li d-Direttiva 2014/24 ma tirregolax direttament is-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali, il-leġiżlatur Sloven iddeċieda, waqt it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li l-espressjoni “kuntratt pubbliku” tirreferi kemm għall-kuntratti li l-valur tagħhom huwa ogħla mil-limitu ddefinit fl-imsemmija direttiva kif ukoll dawk li l-valur tagħhom huwa inqas minnu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

15

Fuq il-mertu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-deċiżjoni tal-Ministeru li tiċħad l-offerta ta’ Tax-Fin-Lex kienet ibbażata fuq raġuni waħda, relatata mal-ammont tal-offerta proposta. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, l-ewwel nett, jekk kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt b’titolu oneruż”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, meta l-awtorità kontraenti ma tkun obbligata tipprovdi ebda korrispettiv lill-parti kontraenti tagħha, iżda din tal-aħħar, skont dan il-kuntratt, tikseb l-aċċess għal kuntratt ġdid jew għal utenti ġodda u, konsegwentement, referenzi, li jista’ jirrappreżenta għaliha vantaġġ ekonomiku futur. Hija tixtieq għalhekk tkun taf jekk is-sempliċi fatt li l-kisba tal-kuntratt pubbliku tippreżenta, fiha nnifisha, valur ekonomiku għall-operatur ekonomiku, anki jekk ma huwiex possibbli li dan il-valur jiġi espress f’forma monetarja waqt l-għoti tal-kuntratt jew meta jiġi konkluż il-kuntratt, jistax ikun biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-kuntratt li għandu bħala suġġett dan l-appalt, ta’ kuntratt b’titolu oneruż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

16

Fit-tieni lok jekk jitqies li ma jkunx hemm, f’tali ipoteżi, “kuntratt b’titolu oneruż”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tistax tikkostitwixxi bażi legali awtonoma li tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ offerta li fiha l-prezz huwa ffissat għal EUR 0.00.

17

Hija tesponi li, billi jaċċetta tali offerta, il-kuntratt konkluż jista’ ma jiġix ikkunsidrat bħala kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti fetħet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li r-riżultat finali tiegħu ma jkunx il-kisba ta’ tali kuntratt pubbliku, iżda, pereżempju, donazzjoni.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” sabiex jiġu ddeterminati l-każijiet li fihom dan japplika, mingħajr ma jirregola l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Hija tesponi li, billi fetħet, fil-kawża prinċipali, tali proċedura, l-awtorità kontraenti qieset li hija kellha tipprovdi korrispettiv għall-kisba tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt. L-aġir tal-offerenti u l-kontenut tal-offerti tagħhom ma jistax ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni preċedenti tal-awtorità kontraenti. Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u wara li jiġu rċevuti l-offerti, l-awtorità kontraenti hija obbligata li teħodhom inkunsiderazzjoni u teżaminahom biss fid-dawl tar-rekwiżiti ddefiniti minn qabel. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jorganizzaw proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti mhux bil-għan li jikkonkludu kuntratt b’titolu oneruż, iżda bil-għan li jinkisbu oġġetti jew servizzi. Issa, f’dan il-każ, anki kieku hi tkun aċċettat l-offerta bi prezz ta’ EUR 0.00, l-awtorità kontraenti xorta tkun kisbet is-servizzi li għalihom il-kuntratt pubbliku kien is-suġġett ta’ sejħa għall-offerti.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ikun hemm ‘kuntratt b’titolu oneruż’, bħala element ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 meta l-awtorità kontraenti ma hija meħtieġa tipprovdi ebda korrispettiv iżda, bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, l-operatur ekonomiku jikseb aċċess għal suq ġdid u referenzi?

2)

Huwa possibbli jew neċessarju li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24 jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi bażi legali għal ċaħda ta’ offerta bi prezz ta’ EUR 0.00?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inqas mil-limitu ta’ EUR 144000, previst fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li dan il-kuntratt ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, kif tindika l-qorti tar-rinviju, fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur Sloven irriproduċa, fl-Artikolu 2(1) taż-ZJN, id-definizzjoni tat-terminu “kuntratt pubbliku” li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva, b’tali mod li din id-definizzjoni hija applikabbli għal kull kuntratt pubbliku rregolat miż-ZJN, indipendentement mill-ammont tiegħu.

21

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36, 3741, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat, C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punt 23).

22

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

23

Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi bażi legali ta’ ċaħda tal-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għas-sempliċi raġuni li l-prezz propost fl-offerta huwa ta’ EUR 0.00, bl-awtorità kontraenti ma tipprovdi ebda korrispettiv finanzjarju, anki jekk dan l-offerent jikseb biss, permezz tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, l-aċċess għal suq ġdid u referenzi li jista’ juża f’sejħiet għall-offerti sussegwenti.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, il-“kuntratti pubbliċi” huma ddefiniti bħala “kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax‑xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi”.

25

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mis-sens ġuridiku abitwali tal-kliem “titolu oneruż” jirriżulta li dan jirreferi għal kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet tintrabat li tiżgura prestazzjoni bħala korrispettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy, C-606/17, EU:C:2018:843, punt 28). In-natura sinallagmatika tal-kuntratt għalhekk hija karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis, C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43; tat-28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung, C‑796/18, EU:C:2020:395, punt 40; u tat-18 ta’ Ġunju 2020, Porin kaupunki, C‑328/19, EU:C:2020:483, punt 47).

26

B’hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk dan il-korrispettiv ma għandux jikkonsisti neċessarjament fil-ħlas ta’ somma flus, b’tali mod li l-prestazzjoni tista’ titħallas permezz ta’ forom oħra ta’ kontropartijiet, bħar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 29; tat-13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock, C‑386/11, EU:C:2013:385, punt 31; kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy, C‑606/17, EU:C:2018:843, punt 29), xorta jibqa’ l-fatt li n-natura sinallagmatika ta’ kuntratt pubbliku tittraduċi ruħha b’mod obbligatorju fil-ħolqien ta’ obbligi legalment vinkolanti għal kull waħda mill-partijiet fil-kuntratt, li l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tkun tista’ tintalab ġudizzjarjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller, C‑451/08, EU:C:2010:168, punti 60 sa 62).

27

Minn dan isegwi li kuntratt li permezz tiegħu awtorità kontraenti ma hija legalment obbligata tipprovdi ebda prestazzjoni bħala korrispettiv għal dik li l-parti kontraenti tagħha tkun impenjat ruħha li twettaq ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.

28

Il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju u inerenti għal kull proċedura ta’ kuntratt pubbliku, li l-kisba ta’ dan il-kuntratt jista’ jkollha valur ekonomiku għall-offerent, sa fejn dan jagħtih l-aċċess għal kuntratt ġdid jew jippermettilu li jikseb referenzi huwa inċert wisq u ma jistax, konsegwentement, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 sa 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun biżżejjed sabiex dan il-kuntratt jiġi kklassifikat bħala “kuntratt b’titolu oneruż”.

29

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jillimita ruħu sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi” sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika biss għall-“kuntratti pubbliċi”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1), li l-valur stmat tagħhom jilħaq jew jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar.

30

Minn dan isegwi li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 ma jistax jikkostitwixxi bażi legali li tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ offerta li tipproponi prezz ta’ EUR 0.00. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi eskluża awtomatikament offerta sottomessa fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, bħal offerta bil-prezz ta’ EUR 0.00, li permezz tagħha operatur jipproponi li jipprovdi lill-awtorità kontraenti x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li din tixtieq tikseb mingħajr ma jitlob korrispettiv.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif offerta bil-prezz ta’ EUR 0.00 tista’ tiġi kklassifikata bħala offerta baxxa wisq, fis-sens tal-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24, meta awtorità kontraenti tkun ikkonfrontata b’tali offerta, hija għandha ssegwi l-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni, billi titlob lill-offerent spjegazzjonijiet fir-rigward tal-ammont tal-offerta. Fil-fatt, mil-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li offerta ma tistax tiġi awtomatikament miċħuda għas-sempliċi raġuni li l-prezz propost huwa ta’ EUR 0.00.

32

B’hekk, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, meta offerta tidher baxxa wisq, l-awtoritajiet kontraenti jeżiġu li l-offerent jispjega l-prezz jew l-ispejjeż proposti fiha, liema spjegazzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, jikkonċernaw l-elementi msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. L-imsemmija spjegazzjonijiet b’hekk jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-offerta u jippermettu li jiġi stabbilit li, minkejja li l-offerent joffri prezz ta’ EUR 0.00, l-offerta inkwistjoni ma taffettwax l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt.

33

Fil-fatt, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent u tista’ tiċħad tali offerta biss jekk il-provi prodotti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti.

34

L-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni għandha, barra minn hekk, issir b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-offerenti, kif ukoll ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, li huma imposti fuq l-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

35

Għaldaqstant, huwa fil-kuntest ta’ eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 li għandu jiġi evalwat l-argument ta’ offerent li jkun ippreżenta offerta bil-prezz ta’ EUR 0.00, li jgħid li l-prezz propost fl-offerta tiegħu huwa spjegat mill-fatt li għandu l-intenzjoni li jikseb l-aċċess għal kuntratt ġdid jew għal referenzi, jekk din l-offerta tiġi aċċettata.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix bażi legali ta’ ċaħda tal-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għas-sempliċi raġuni li l-prezz propost fl-offerta huwa ta’ EUR 0.00.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat-18 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix bażi legali ta’ ċaħda tal-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għas-sempliċi raġuni li l-prezz propost fl-offerta huwa ta’ EUR 0.00.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.

Fuq