EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0725

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Jannar 2020.
Anton van Zantbeek VOF vs Ministerraad.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Grondwettelijk Hof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fi Stat Membru – Differenza fit-trattament għad-detriment tad-destinatarji ta’ servizzi li jirrikorru għal intermedjarji professjonisti mhux residenti – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-725/18.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:54

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fi Stat Membru – Differenza fit-trattament għad-detriment tad-destinatarji ta’ servizzi li jirrikorru għal intermedjarji professjonisti mhux residenti – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑725/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

Anton van Zantbeek VOF

vs

Ministerraad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, C. Vajda u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Anton van Zantbeek VOF, minn A. Maelfait u S. van Bree, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, kif ukoll minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn C. Decordier, avocate,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Pethke, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Anton van Zantbeek VOF u l-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar rikors għal annullament ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ taxxa fuq l-operazzjonijiet tal-Borża.

Id-dritt Belġjan

3

L-Artikoli 122 u 123 tal-Liġi-Qafas tal-25 ta’ Diċembru 2016 (Moniteur belge tad-29 ta’ Diċembru 2016, p. 90879, iktar ’il quddiem il-“Liġi-Qafas”) emendaw il-Kodiċi tad-Dazji u tat-Taxxi Diversi, billi inkludew, rispettivament, it-tieni paragrafu fl-Artikoli 120 u 126/2 ta’ dan il-kodiċi.

4

L-Artikolu 120 tal-Kodiċi tad-Dazji u tat-Taxxi Diversi, kif emendat bil-Liġi-Qafas (iktar ’il quddiem il-“KDTD”), jipprovdi:

“It-tranżazzjonijiet segwenti, konklużi jew eżegwiti fil-Belġju, huma suġġetti għat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża, meta dawn jikkonċernaw fondi pubbliċi Belġjani jew barranin:

1° kull tip ta’ bejgħ, xiri u, b’mod iktar ġenerali, kull tip ta’ ċessjoni jew ta’ akkwist taħt titolu oneruż;

[…]

3° kull xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha minn kumpannija ta’ investiment, meta t-tranżazzjoni tirrigwarda azzjonijiet ta’ kapitalizzazzjoni;

[…]

It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ukoll jitqiesu li ġew konklużi jew eżegwiti fil-Belġju meta l-ordni ta’ tranżazzjonijiet tingħata direttament jew indirettament lil intermedjarju stabbilit barra mill-pajjiż:

minn persuna fiżika li għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju;

jew minn persuna ġuridika f’isem uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment tagħha fil-Belġju.”

5

L-Artikolu 125(1) tat-KDTD jipprevedi:

“It-taxxa għandha titħallas mhux iktar tard mill-aħħar jum tax-xogħol:

1° tat-tieni xahar wara dak li fih it-tranżazzjoni ġiet konkluża jew eżegwita, meta l-persuna li tikkummissjona x-xogħol hija l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa;

2° tax-xahar ta’ wara dak li fih it-tranżazzjoni kienet konkluża jew eżegwita f’każijiet oħra.

It-taxxa titħallas permezz ta’ ħlas jew ta’ trasferiment fil-kont bankarju tal-uffiċċju kompetenti.

Fil-jum tal-ħlas, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tippreżenta lil dan l-uffiċċju dikjarazzjoni li turi l-bażi ta’ ġbir kif ukoll l-elementi kollha neċessarji għad-determinazzjoni tagħha.”

6

Skont l-Artikolu 126/2 tal-KDTD:

“L-intermedjarji professjonisti huma personalment marbuta bi drittijiet għat-tranżazzjonijiet li huma jagħmlu, jew għan-nom ta’ terzi, jew f’isimhom stess.

Madankollu, meta l-intermedjarju professjonist jkun stabbilit f’pajjiż barrani, il-persuna li tikkummissjona x-xogħol hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u hija suġġetta għall-obbligi msemmija fl-Artikolu 125, ħlief jekk jista’ jiġi stabbilit li t-taxxa tħallset.”

7

L-Artikolu 126/3 tal-KDTD huwa fformulat kif ġej:

“L-intermedjarji professjonisti mhux stabbiliti fil-Belġju jistgħu, qabel ma jeżegwixxu jew jikkonkludu tranżazzjonijiet tal-Borża fil-Belġju, jawtorizzaw lill-Ministru tal-Finanzi jew lid-delegat tiegħu rappreżentant responsabbli stabbilit fil-Belġju. Din il-persuna responsabbli timpenja ruħha in solidum, fil-konfront tal-Istat Belġjan, għall-ħlas tad-drittijiet fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-intermedjarju professjonisti, kemm f’isem terzi, kif ukoll f’ismu stess, u għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kollha li l-intermedjarju professjonist huwa marbut bihom skont dan it-titolu.

Fil-każ tal-mewt tar-rappreżentant responsabbli, tar-revoka tal-approvazzjoni tiegħu, jew ta’ avveniment li jillimita l-kapaċità tiegħu, għandha ssir immedjatament is-sostituzzjoni tiegħu.

Ir-Re jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ approvazzjoni tar-rappreżentant responsabbli.”

8

L-Artikolu 127 tal-KDTD jipprovdi:

“Mhux iktar tard mill-jum tax-xogħol ta’ wara dak li fih tiġi eżegwita t-tranżazzjoni, l-intermedjarju għandu jagħti lil kull min jikkummissjona x-xogħol nota li tindika l-ismijiet tal-benefiċjarju u tal-intermedjarju, l-ispeċifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet, l-ammont jew il-valur tagħhom u l-ammont ta’ taxxa dovuta.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Permezz ta’ rikors tal-20 ta’ Ġunju 2017, Anton van Zantbeek, kumpannija stabbilita fil-Belġju, ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 122 u 123 tal-Liġi-Qafas, li ppreżentat, rispettivament, it-tieni paragrafu fl-Artikoli 120 u 126/2 tal-KDTD.

10

Il-qorti tar-rinviju tesponi li dawn id-dispożizzjonijiet wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża (iktar ’il quddiem it- “TTB”), li għaliha huma suġġetti t-tranżazzjonijiet konklużi jew eżegwiti fil-Belġju u li jirrigwardaw fondi pubbliċi Belġjani jew barranin, sa fejn it-tranżazzjoni titwettaq permezz ta’ intermedjarju professjonist. Din il-qorti tippreċiża li, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, dawn it-tranżazzjonijiet ma għadhomx l-uniċi suġġetti għal din it-taxxa, peress li t-tranżazzjonijiet “meqjusa li ġew konklużi jew eżegwiti fil-Belġju” huma wkoll koperti, b’tali mod li l-imsemmija taxxa hija dovuta wkoll meta l-ordni ta’ xiri jew ta’ bejgħ tingħata lil intermedjarju professjonist mhux residenti minn persuna li tikkummissjona x-xogħol residenti, jiġifieri minn “persuna fiżika li għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju” jew “persuna ġuridika f’isem is-sede jew stabbiliment tagħha fil-Belġju”. L-imsemmija qorti żżid li, f’dan l-aħħar każ, il-persuna li tikkummissjona l-ordni ssir responsabbli għat-TTB minflok l-intermedjarju professjonist, peress li l-intermedjarji professjonisti mhux residenti ma jistgħux jiġu mġiegħla josservaw id-dispożizzjonijiet fiskali Belġjani. Din il-persuna li tikkummissjona x-xogħol hija obbligata tiddikjara u tħallas din it-taxxa fix-xahrejn ta’ wara t-tranżazzjoni inkwistjoni, sakemm ma tkunx tista’tjistabbilixxi li din diġà tħallset, permezz ta’ dan l-intermedjarju jew mir-rappreżentant tiegħu responsabbli.

11

Insostenn tar-rikors tagħha, Anton van Zantbeek issostni li l-Artikoli 122 u 123 tal-Liġi-Qafas, sa fejn jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn persuni Belġjani li jikkummissjonaw ix-xogħol, skont jekk dawn tal-aħħar ikunux irrikorrew għal intermedjarju professjonist stabbilit jew le fil-Belġju, imorru kontra, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza, iggarantit mill-Artikoli 10, 11 u 172 tal-Kostituzzjoni Belġjana u, min-naħa l-oħra, kontra dawn id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, moqrija flimkien mal-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE li jistabbilixxu libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew mal-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-moviment liberu tal-kapital.

12

F’dan ir-rigward, Anton van Zantbeek issostni li jekk persuna li tikkummissjona x-xogħol residenti fil-Belġju tirrikorri għal intermedjarju professjonist mhux stabbilit f’dan l-Istat Membru, din il-persuna li tikkummissjona x-xogħol ser tiġi ttrattata bħala intermedjarju professjonist, sa fejn tkun, minn naħa, marbuta bl-obbligi ta’ dikjarazzjoni kif ukoll ta’ ħlas tat-TTB u, min-naħa l-oħra, punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi kważi identiċi għal dawk imposti fuq l-intermedjarji professjonisti Belġjani. Għaldaqstant ikun ħafna iktar riskjuż, għoli u tqil fuq il-livell amministrattiv għal tali persuna li tikkummissjona x-xogħol residenti fil-Belġju li tirrikorri għal intermedjarju professjonist mhux residenti, u dan jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-moviment liberu tal-kapital, li ma tistax tiġi ġġustifikata minn għanijiet ta’ interess ġenerali.

13

Il-Kunsill tal-Ministri jikkontesta dan l-argument, billi jippreċiża li s-sistema fiskali li tirriżulta mill-Artikoli 120 u 126/2 tal-KDTD tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha ta’ tranżazzjonijiet tal-Borża, ikun xi jkun il-post ta’ residenza tagħhom, iżda li huma biss l-intermedjarji professjonisti stabbiliti fil-Belġju li huma obbligati jiġbru t-TTB fuq it-tranżazzjonijiet eżegwiti. Is-sitwazzjoni tal-persuna li tikkummissjona x-xogħol residenti li tirrikorri għal intermedjarju professjonist residenti ma hijiex għalhekk paragunabbli ma’ dik tal-istess persuna li tikkummissjona x-xogħol li tirrikorri għal intermedjarju professjonist mhux residenti. Sussidjarjament, id-differenza fit-trattament invokata hija bbażata fuq kriterju oġġettiv, issegwi għan leġittimu u ma hijiex sproporzjonata.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlatur Belġjan ried jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTB sa fejn, meta persuna li tikkummissjona x-xogħol stabbilit fil-Belġju kienet tindirizza lil intermedjarju professjonist mhux residenti, it-tranżazzjoni kienet ġeneralment titwettaq fuq post barrani, li ma jirrendix it-taxxa dovuta. Dan il-leġiżlatur ikkonstata wkoll kompetizzjoni żleali ta’ ċerti intermedjarji professjonisti mhux residenti meta mqabbla mal-intermedjarji professjonisti Belġjani, li jiġbru din it-taxxa. Din il-qorti żżid li l-Artikoli 120 u 126/2 tal-KDTD jista’ jkollhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà tar-residenti Belġjani li jagħżlu intermedjarju professjonist sabiex iwettqu t-tranżazzjonijiet tagħhom tal-Borża, fid-dawl b’mod partikolari tar-responsabbiltà li tirriżulta, għall-persuna li tikkummissjona x-xogħol, mill-użu ta’ intermedjarju professjonist mhux residenti fil-każ ta’ assenza jew ta’ dewmien ta’ dikjarazzjoni dwar it-TTB jew ta’ ħlas tagħha.

15

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-prova tal-ħlas ta’ din it-taxxa, li tippermetti li tiġi eżentata l-persuna li tikkummissjona x-xogħol, l-intermedjarji professjonisti mhux residenti jistgħu japprovaw rappreżentant responsabbli, li jkun inkarigat li jwettaq, f’isimhom, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ natura amministrattiva marbuta ma’ dan il-ħlas. Madankollu, il-ħatra ta’ tali rappreżentant ma tistax tiġi imposta fuq dawn l-intermedjarji. Barra minn hekk, jekk hija taħtar mandatarju sabiex jissodisfa l-obbligi tagħha dwar it-TTB, il-persuna li tikkummissjona x-xogħol tibqa’ responsabbli fir-rigward tal-Istat Belġjan. L-imsemmija persuna li tikkummissjona x-xogħol tista’ tistabbilixxi li din it-taxxa tħallset billi tiġi prodotta nota konformi mal-Artikolu 127 tal-KDTD, li tindika b’mod partikolari l-valur tat-tranżazzjoni fil-bażi tal-imsemmija taxxa, kif ukoll il-prova tal-ħlas lill-intermedjarju tiegħu, pereżempju permezz ta’ estratt mill-kont.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 56 [TFUE] u l-Artikolu 36 tal-[Ftehim ŻEE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 120 u 126/2 tal-[KDTD], u li għandha bħala konsegwenza li l-emittent Belġjan huwa suġġett għal din it-taxxa meta l-intermedjarju professjonist ikun stabbilit barra mill-pajjiż?

2)

L-Artikolu 63 [TFUE] u l-Artikolu 40 tal-[Ftehim ŻEE]għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 120 u 126/2 tal-[KDTD], u li għandha bħala konsegwenza li l-emittent Belġjan huwa suġġett għal din it-taxxa meta l-intermedjarju professjonist ikun stabbilit barra mill-pajjiż?

3)

Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) kellha tasal għall-konklużjoni li l-artikoli kkontestati jiksru wieħed jew iktar mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, l-effetti tal-Artikoli 120 u 126/2 tal-[KDTD] jistgħu jinżammu provviżorjament sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex il-leġiżlatur ikun jista’ jġibhom konformi ma’ dawn l-obbligi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

17

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 120 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 126/2 tal-KDTD, emendaw il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTB u l-kriterji ta’ ssuġġettar għal din it-taxxa. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, huma suġġetti għall-imsemmija taxxa, minbarra t-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fil-Belġju, sa fejn it-tranżazzjoni titwettaq permezz ta’ intermedjarju professjonist, it-tranżazzjonijiet li huma “meqjusa li ġew konklużi jew eżegwiti” f’dan l-Istat Membru, jiġifieri dawk li l-ordni tagħhom hija mogħtija minn resident Belġjan lil intermedjarju professjonist mhux residenti. Min-naħa l-oħra, meta l-intermedjarju professjonist ikun stabbilit barra mill-pajjiż, ma jkunx għadu l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-TTB sostnuta mill-klijent tiegħu kif ukoll għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni li huma l-korollarju tagħha, iżda l-persuna li tikkummissjona x-xogħol stess.

18

Minn dan jirriżulta li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fuq ordni ta’ resident ta’ dan l-Istat Membru minn intermedjarju professjonist mhux residenti, li għandha bħala konsegwenza li tali persuna li tikkummissjona x-xogħol hija suġġetta għal din it-taxxa u obbligi dikjarattivi li huma marbuta ma’ din it-taxxa.

19

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ taffettwa kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital.

20

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta miżura nazzjonali tkun tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, EU:C:2006:631, punt 34; tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 39; kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, Van der Weegen et, C‑580/15, EU:C:2017:429, punt 25).

21

Fil-kawża prinċipali, jidher li l-aspett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jipprevali fuq dak tal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, għalkemm taxxa bħat-TTB tista’ taffettwa l-moviment liberu tal-kapital sa fejn din tirrigwarda tranżazzjonijiet fil-Borża, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din it-taxxa tapplika biss jekk intermedjarju professjonist jintervjeni fit-tranżazzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar ir-restrizzjoni li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-persuna li tikkummissjona x-xogħol, meta tirrikorri għal fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja mhux residenti, issir responsabbli għall-imsemmija taxxa filwaqt li dan ma jkunx il-każ meta dan ikun indirizzat lil fornitur ta’ servizzi residenti. Issa, tali konsegwenza tikkonċerna b’mod predominanti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li l-effetti fuq il-moviment liberu tal-kapital huma biss konsegwenza inevitabbli tal-eventwali restrizzjoni imposta fuq il-provvista ta’ servizzi.

22

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

23

Fit-tieni lok, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi imposta minħabba li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jingħata s-servizz (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 34, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 28). Miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 35, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi (sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 10; tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 23; kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 26).

25

F’dan il-każ, Anton van Zantbeek issostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreġudika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn din tistabbilixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn il-persuni li jikkummissjonaw ix-xogħol residenti fil-Belġju skont jekk jagħmlux użu, sabiex iwettqu tranżazzjonijiet fil-Borża, minn intermedjarju professjonist stabbilit f’dan l-istess Stat Membru jew barra mill-pajjiż. Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett, għal persuna residenti li tikkummissjona x-xogħol, li żżid ir-riskju, l-ispiża u l-piż tal-użu ta’ intermedjarju mhux residenti u, għaldaqstant, li tirrendi tali użu inqas attraenti.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-persuni residenti li jikkummissjonaw ix-xogħol li, bħala destinatarji ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, jiddeċiedu li jużaw is-servizzi ta’ intermedjarju residenti sabiex iwettqu t-tranżazzjonijiet tagħhom tal-Borża jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jippreferu jirrikorru għas-servizzi ta’ intermedjarju mhux residenti.

27

Għalkemm, ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tissuġġetta għal taxxa identika lill-persuni residenti li jikkummissjonaw ix-xogħol indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti dawn l-intermedjarji, hija għandha wkoll il-konsegwenza li timponi responsabbiltà u obbligi addizzjonali fuq tali persuni li jikkummissjonaw ix-xogħol li jiddeċiedu li jqabbdu intermedjarju mhux residenti.

28

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-persuni residenti li jikkummissjonaw ix-xogħol isiru, f’dan l-aħħar każ, responsabbli għall-ħlas tat-TTB u għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni li huma marbuta ma’ din it-taxxa bis-saħħa tal-Artikolu 126/2 tal-KDTD, filwaqt li kieku kienu użaw intermedjarju residenti, huwa dan tal-aħħar li kien ikun marbut b’dawn l-obbligi u jiġbor l-imsemmija taxxa f’ras il-għajn. B’hekk, il-persuni residenti li jikkummissjonaw ix-xogħoli li jużaw is-servizzi ta’ intermedjarju mhux residenti huma obbligati, b’mod partikolari, jiddikjaraw huma stess l-istess taxxa permezz ta’ nota li tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 127 tal-KDTD u li jħallsuha f’terminu ta’ xahrejn, taħt piena ta’ multi, ħlief jekk jipproduċu l-prova li din diġà tħallset, minn dan l-intermedjarju jew mir-rappreżentant responsabbli tiegħu fil-Belġju.

29

Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi, għaldaqstant, differenza fit-trattament bejn destinatarji ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja residenti fil-Belġju b’tali mod li tiddisswadihom milli jirrikorru għas-servizzi ta’ fornituri mhux residenti, filwaqt li tirrendi iktar diffiċli, għal dawn tal-aħħar, li jipproponu s-servizzi tagħhom f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

30

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 40; tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 29; kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

32

F’dan il-każ, il-Gvern Belġjan jindika li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa kif ukoll tal-kontrolli fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

33

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa u tal-kontrolli fiskali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punti 5357 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), peress li dawn tal-aħħar huma intiżi li jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT, C‑318/10, EU:C:2012:415, punt 44, u tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiż terz), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 74), kif ukoll il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari u kkonfermati mill-Gvern Belġjan, mix-xogħol preparatorju dwar l-Artikoli 122 u 123 tal-liġi-qafas jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex tiġi evitata kull kompetizzjoni żleali bejn l-intermedjarji professjonisti residenti u dawk mhux residenti, sa fejn tal-ewwel huma obbligati jipproċedu għat-tnaqqis f’ras il-għajn tat-TTB f’isem il-klijent tagħhom fl-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-Borża, b’mod konformi mal-KDTD, filwaqt li tat-tieni ma humiex obbligati li jagħmlu dan fuq it-tranżazzjonijiet imwettqin għall-klijenti Belġjani, u jippermettu li jiżguraw l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa kif ukoll kontrolli fiskali.

35

Tali motivi, li, f’dan il-każ, huma marbuta mill-qrib, jissodisfaw il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

36

Sussegwentement, fir-rigward tal-kapaċità ta’ din il-leġiżlazzjoni li tilħaq l-għanijiet imfittxija, għandu jiġi rrilevat li l-issuġġettar għal TTB tal-persuna li tikkummissjona x-xogħol li tirrikorri għas-servizzi ta’ intermedjarju mhux residenti huwa ta’ natura li jiżgura li t-tranżazzjonijiet tal-Borża kkonċernati mhux ser jevitaw it-taxxa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), billi jagħmel iktar effikaċi l-kontrolli fiskali u iktar diffiċli l-evażjoni ta’ din it-taxxa, li l-piż tagħha huwa sostnut mill-persuna li tikkummissjona x-xogħol.

37

Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

38

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, għandu jiġi kkonstatat mill-bidu, kif innotat il-Kummissjoni Ewropea, li l-informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment u għall-kontroll ta’ taxxa bħalma hija t-TTB, li tirrigwarda kull tranżazzjoni tal-Borża, ma tistax tinkiseb biss permezz tal-kooperazzjoni amministrattiva u permezz tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali, prevista, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1).

39

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm għandha l-effett li tirrendi lill-persuna li tikkummissjona x-xogħol Belġjana responsabbli għat-TTB meta l-intermedjarju professjonist huwa stabbilit barra mill-pajjiż, tillimita madankollu l-piż li jirriżulta minn dan l-issuġġettar għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

40

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 126/2 tal-KDTD, il-persuna li tikkummissjona x-xogħol hija eżentata mill-ħlas ta’ din it-taxxa u mill-obbligi ta’ dikjarazzjoni li huma marbuta mal-imsemmija taxxa jekk hija tistabbilixxi li din diġà tħallset. Għal dan il-għan, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa biżżejjed għal din il-persuna li tikkummissjona x-xogħol li tipproduċi n-nota msemmija fl-Artikolu 127 tal-KDTD, li tindika l-isem tal-intermedjarju professjonist mhux residenti, it-tip u l-valur tat-tranżazzjoni kif ukoll il-valur tal-istess taxxa, flimkien ma’, pereżempju, estratt mill-kont li jipprova l-ħlas tagħha.

41

Barra minn hekk, jidher li l-persuna li tikkummissjona x-xogħol tista’ taqbel mal-intermedjarju professjonist mhux residenti li titlob li dan tal-aħħar jintrabat li jipprovdilha rendikont tat-tranżazzjonijiet li juru l-ħlas tat-TTB, bħalma l-intermedjarji stabbiliti fil-Belġju għandhom l-obbligu li jagħmlu dan. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-intermedjarju professjonist mhux residenti għandu l-possibbiltà li jaħtar mandatarju sabiex iwettaq dawn il-formalitajiet.

42

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li, permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 126/3 tal-KDTD, il-leġiżlatur Belġjan ipprova wkoll jissimplifika l-amministrazzjoni tal-prova fil-qasam tal-ħlas tat-TTB. Dan l-artikolu jippermetti, mingħajr ma jobbligahom, lill-intermedjarji mhux residenti li japprovaw rappreżentant stabbilit fil-Belġju sabiex iwettaq, f’isimhom, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni marbuta mal-ħlas ta’ din it-taxxa u li jkun responsabbli għalihom. Din il-fakultà hija b’mod partikolari ta’ natura li ttaffi d-diffikultà marbuta man-neċessità li timtela n-nota msemmija fl-Artikolu 127 tal-KDTD b’lingwa li ma hijiex dik tal-intermedjarju professjonist mhux residenti.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali firxa ta’ għażliet, għall-benefiċċju kemm tal-persuni residenti li jikkummissjonaw ix-xogħol kif ukoll tal-intermedjarji professjonisti mhux residenti, li tippermettilhom jadottaw, fost dawn l-għażliet, is-soluzzjoni li jidhrilhom li hija l-inqas restrittiva, tillimita r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, b’tali mod li l-imsemmija leġiżlazzjoni, li toffri għalhekk lil dawn il-persuni li jikkummissjonaw ix-xogħol u lill-imsemmija intermedjarji professjonisti faċilitajiet, kemm f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ dikjarazzjoni marbuta mat-TTB kif ukoll il-ħlas tagħha, ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

44

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet dwar dan tal-aħħar, mogħtija fil-punti 23 sa 43 ta’ din is-sentenza, japplikaw ukoll fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 36.

45

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fuq ordni ta’ resident ta’ dan l-Istat Membru minn intermedjarju professjonist mhux residenti, li għandha bħala konsegwenza restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn tali intermedjarji professjonisti, sakemm din il-leġiżlazzjoni toffri lil tali persuna li tikkummissjuna x-xogħol u lill-imsemmija intermedjarji professjonisti faċilitajiet, kemm f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ dikjarazzjoni marbutin ma’ din it-taxxa, kif ukoll il-ħlas tagħha, li jillimitaw din ir-restrizzjoni għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq it-tielet domanda

46

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża konklużi jew eżegwiti fuq ordni ta’ resident ta’ dan l-Istat Membru minn intermedjarju professjonist mhux residenti, li għandha bħala konsegwenza restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn tali intermedjarji professjonisti, sakemm din il-leġiżlazzjoni toffri lil tali persuna li tikkummissjona x-xogħol u lill-imsemmija intermedjarji professjonisti faċilitajiet, kemm f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ dikjarazzjoni marbutin ma’ din it-taxxa, kif ukoll il-ħlas tagħha, li jillimitaw din ir-restrizzjoni għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq