Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CO0256
Order of the Court (Tenth Chamber) of 2 July 2020.#S.A.D. Maler und Anstreicher OG v Magistrat der Stadt Wien and Bauarbeiter Urlaubs- und Abfertigungskasse.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgericht Wien.#Reference for a preliminary ruling – Article 53(2) of the Rules of Procedure of the Court – Second subparagraph of Article 19(1) TEU – Effective judicial protection in the areas covered by EU law – Principle of judicial independence – Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Jurisdiction of the Court – Article 267 TFEU – Admissibility – National provisions relating to the allocation of cases in a court or tribunal – Remedy – Interpretation necessary to enable the referring court to give judgment – Manifest inadmissibility.#Case C-256/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020.
Kawża mressqa minn S.A.D. Maler und Anstreicher OG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-attribuzzjoni tal-kawżi f’qorti – Rimedju ġudizzjarju – Interpretazzjoni neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-256/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020.
Kawża mressqa minn S.A.D. Maler und Anstreicher OG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-attribuzzjoni tal-kawżi f’qorti – Rimedju ġudizzjarju – Interpretazzjoni neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-256/19.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:523
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
2 ta’ Lulju 2020 ( *1 )
[Test irrettifikat permezz tad-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-attribuzzjoni tal-kawżi f’qorti – Rimedju ġudizzjarju – Interpretazzjoni neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża C‑256/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura mibdija minn
S.A.D. Maler und Anstreicher OG
fil-preżenza ta’:
Magistrat der Stadt Wien,
Bauarbeiter Urlaubs- und Abfertigungskasse
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
[Kif irrettifikat permezz tad-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020] wara li rat il-proċedura bil-miktub
[Kif irrettifikat permezz tad-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020] wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati għall-Gvern Awtrijaku, minn J. Schmoll, M. Augustin u C. Drexel, bħala aġenti,
għall-gvern Pollakk, minn M. B. Majczyna, bħala aġent,
għall-gvern Svediż, minn A. Falk uH. Shev, bħala aġenti,
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn S.A.D. Maler und Anstreicher OG (iktar ’il quddiem “Maler”), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li timponi fuqu l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet legali obbligatorji. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 83 tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali Awstrijaka, iktar ’il quddiem il-“B-VG”) jipprovdi li liġi federali tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati ġudizzjarji u li ħadd ma għandu jitneħħa mill-ġurisdizzjoni legali tiegħu. |
4 |
Skont l-Artikolu 87 tal-B-VG: “1. L-imħallfin huma indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom. 2. Qorti teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha meta twettaq il-kompiti ġudizzjarji tagħha taħt il-liġi u skont it-tqassim tal-kawżi fi ħdan il-qorti, bl-esklużjoni tal-kawżi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ġudizzjarja li l-liġi ma tirriżervax għal kmamar jew kummissjonijiet. 3. Il-kawżi għandhom jitqassmu minn qabel bejn l-imħallfin tal-qorti, għal perijodu determinat minn liġi federali. Kull kawża hekk attribwita lil imħallef tista’ tiġi rtirata biss permezz ta’ deċiżjoni tal-awla prevista għal dan il-għan minn liġi federali u biss f’każ ta’ impediment jew meta l-portata tal-kawżi li hija għandha tittratta tipprekludiha milli tirriżolvihom f’terminu raġonevoli.” |
5 |
Skont l-Artikolu 135(2) tal-B-VG, ordni predeterminata ta’ attribuzzjoni tal-kawżi tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) għandha tiġi stabbilita minn qabel għall-perijodu stabbilit mil-liġi. Skont l-Artikolu 18 tal-Gesetz über das Verwaltungsgericht Wien (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), dan il-perijodu huwa kkostitwit minn sena kalendarja. |
6 |
Skont l-Artikolu 135(3) tal-B-VG, kawża li taqa’ fuq membru tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) skont l-ordni predeterminata ta’ attribuzzjoni tal-kawżi tista’ tiġi rtirata biss mill-korp kompetenti għall-istabbiliment tal-ordni predeterminat ta’ attribuzzjoni, u dan biss jekk huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jassumi l-funzjonijiet tiegħu jew jekk ma jkunx f’pożizzjoni li jassumi l-funzjonijiet tiegħu f’terminu raġonevoli minħabba l-piż tax-xogħol tiegħu. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 |
Maler, impriża taż-żebgħa, ġiet imposta fuq Maler, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungskasse (il-Fond għal-Leave Imħallas u l-Kumpens għat-Terminazzjoni tal-Ħaddiema fis-Settur tal-Kostruzzjoni, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“BUAK”), il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet legali obbligatorji skont il-Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungsgesetz (il-Liġi li Tirregola l-Leave Mħallas u l-Kumpens għat-Terminazzjoni tal-Impjieg tal-Ħaddiema fis-Settur tal-Kostruzzjoni) (BGBl. 414/1972), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BUAG”). |
8 |
Din il-liġi stabbilixxiet lill-BUAK, korp kollettiv tad-dritt pubbliku li għandu l-għan li jiġbor ir-riżorsi intiżi għall-ħlas tal-benefiċċji koperti mill-BUAG. Dan il-korp huwa b’mod partikolari responsabbli għall-ġestjoni u l-ħlas tal-allowances għal-leave imħallas tal-ħaddiema tas-settur tal-kostruzzjoni. |
9 |
Peress li Maler ma ħallsitx dawn il-kontribuzzjonijiet, il-BUAK ħareġ kontra tiegħu żewġ titoli eżekuttivi. Din il-kumpannija sussegwentement ippreżentat rikors amministrattiv quddiem il-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-Belt ta’ Vjenna, l-Awstrija), li, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018, ikkonfermat dawn it-titoli. Għalhekk Maler ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna). Hija sostniet quddiem din il-qorti li l-persunal tagħha ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi u li, għalhekk, hija ma hijiex obbligata tħallas is-supplimenti tas-salarju u l-ħlasijiet anċillari stabbiliti mill-BUAK. |
10 |
Il-qorti tar-rinviju, li tispeċifika li tippresjedi bħala Imħallef uniku (iktar ’il quddiem il-“ġudikant fil-qorti tar-rinviju”), tindika li l-BUAK huwa l-korp ta’ garanzija previst mid-dritt Awstrijak sabiex jiżgura lill-ħaddiema l-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 4, p. 381), li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, skont il-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ għoti previsti mil-leġiżlazzjonijiet u/jew u l-prattiki nazzjonali. |
11 |
Fis-26 ta’ Lulju 2018, il-kawża prinċipali ġiet irreġistrata fil-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) taħt numru wieħed tal-kawża u ġiet assenjata lill-ġudikant fil-qorti tar-rinviju. |
12 |
Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju jirrileva li, permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018, l-Amministrazzjoni tal-Belt ta’ Vjenna ċaħdet iż-żewġ ilmenti mressqa minn Maler f’dati distinti, kontra t-titoli eżekuttivi maħruġa mill-BUAK u li kienu jirriżultaw minn krediti invokati mill-fond fil-konfront ta’ din il-kumpannija. |
13 |
Skont il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju, minkejja li hija adita formalment b’rikors wieħed biss kontra deċiżjoni waħda, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fir-realtà, ġew ippreżentati żewġ rikorsi kontra żewġ deċiżjonijiet differenti. Madankollu, huwa indika li r-Reġistru tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) irreġistra dak li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, żewġ rikorsi bħala rikors wieħed u uniku. Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-ordni predeterminata ta’ attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) inkisret, peress li, billi rreġistrat żewġ rikorsi differenti taħt numru wieħed tal-kawża, kien ikun hemm ksur tar-regola ta’ tqassim tal-kawżi li, kieku ġiet segwita b’mod korrett, kienet twassal għall-attribuzzjoni ta’ dawn ir-rikorsi lil żewġ maġistrati differenti. |
14 |
Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju jindika li huwa informa lir-Reġistru tal-qorti tiegħu b’dan l-“iżball”. |
15 |
Fil-31 ta’ Lulju 2018, ir-Reġistru rreġistra r-rikors ippreżentat minn Maler taħt it-tieni numru ta’ kawża, sa fejn dan ir-rikors kien dirett kontra punt ieħor tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018. Madankollu, din it-tieni kawża ġiet, mill-ġdid, attribwita lill-istess maġistrat, jiġifieri lill-ġudikant fil-qorti tar-rinviju. |
16 |
Dan tal-aħħar jesponi li, fit-3 ta’ Awwissu 2018, huwa ħareġ “ilment ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni” fir-rigward ta’ din l-attribuzzjoni quddiem il-President tal-qorti tiegħu. Skont il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju, ir-Reġistru kellu, skont l-ordni predeterminata ta’ assenjazzjoni tal-kawżi, jagħti l-kawża rreġistrata taħt dan it-tieni numru lil maġistrat ieħor. |
17 |
Skont din il-qorti, il-President tal-qorti, billi ta istruzzjoni orali lir-Reġistru sabiex ma jibdilx l-attribuzzjoni inizjali tal-ewwel kawża u jgħaqqadha t-tieni kawża, kiser id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ordni predeterminata ta’ attribuzzjoni tal-kawżi. |
18 |
Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju huwa tal-fehma li huwa biss il-Kumitat tal-ordni predeterminat ta’ attribuzzjoni tal-kawżi li, bħala korp kolleġġjali, jista’ jwettaq tali attribuzzjoni. |
19 |
Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju jindika li huwa qatt ma ġie informata b’dan l- “aġir” u lanqas b’din l-attribuzzjoni “moħbija” tat-tieni kawża. Huwa jżid li l-ordinament ġuridiku Awstrijak ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors sabiex jiġi kkontestat dan it-tip ta’ “aġir” min-naħa tal-President tal-qorti. |
20 |
Fil-5 ta’ Ottubru 2018, il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju ressaq, quddiem il-President tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), fil-kwalità tiegħu ta’ President tal-Kumitat tal-ordni tal-għoti tal-kawżi, talba intiża sabiex jiġi kkonstatat li ma huwiex awtorizzat jiddeċiedi fil-kawża prinċipali. Fit-talba tiegħu huwa rrefera espressament għall-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), li tgħid li d-deċiżjoni ta’ maġistrat li ġie awtorizzat jieħu konjizzjoni ta’ kawża bi ksur tal-ordni ta’ attribuzzjoni tal-kawżi interni tal-qorti li lilha jappartjeni għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni mogħtija minn korp ġudizzjarju li ma għandux ġurisdizzjoni. Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju jesponi li l-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tali deċiżjoni tippreġudika d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tal-Artikolu 83(2) tal-B-VG u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u hija, minħabba f’hekk, antikostituzzjonali. Dan il-ġudikant allega wkoll, insostenn ta’ din it-talba, li jekk huwa jagħti deċiżjoni antikostituzzjonali, huwa għandu jistenna li jiġi espost għal sanzjonijiet fis-servizz tiegħu, għal sanzjonijiet dixxiplinari u kriminali kif ukoll li jiġi kkundannat għad-danni. Barra minn hekk, huwa indika li, skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, huwa għandu l-obbligu li jimpedixxi li jingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tkun antikostituzzjonali. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-qorti li kien jappartjeni għaliha l-ġudikant fil-qorti tar-rinviju informah li kien awtorizzat jiddeċiedi fil-kawża prinċipali u li kien obbligat li jagħmel dan. F’din l-ittra, huwa espona li kien hemm deċiżjoni amministrattiva waħda biss fil-konfront tar-rikors, b’tali mod li kienet teżisti wkoll kawża waħda. |
22 |
Peress li qies li din l-ittra kienet tikkostitwixxi att ta’ awtorità pubblika, il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju ppreżenta rikors kontriha quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija). |
23 |
Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Novembru 2018, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli, għar-raġuni, essenzjalment, li huma biss il-partijiet fil-proċedura quddiem qorti amministrattiva li jistgħu jinvokaw dritt suġġettiv għall-protezzjoni tal-qorti stabbilita mil-liġi. Min-naħa l-oħra, membru ta’ qorti amministrattiv ma jistax jiġi ppreġudikat fi dritt suġġettiv minn attribuzzjoni żbaljata u lanqas ma huwa awtorizzat jippreżenta rikors kontra tali attribuzzjoni. |
24 |
Il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju jindika li, permezz ta’ dan id-digriet, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) madankollu rrikonoxxiet li, jekk il-pożizzjoni tal-ġudikant fil-qorti tar-rinviju kienet eżatta, id-deċiżjoni li huwa jiddeċiedi bħala maġistrat fil-kawża prinċipali tikser, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tiegħu li tirriżulta mill-fatt li din il-kawża ġiet attribwita lilu illegalment, il-garanzija tal-qorti legali inkluża fl-Artikolu 83(2) tal-B-VG u fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u li din id-deċiżjoni hija, konsegwentement, antikostituzzjonali. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li, fi ħdan il-qrati stabbiliti mil-liġi bħala istanza ta’ protezzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-kawżi mressqa għandhom, qabel kwalunkwe attribuzzjoni, jiġu identifikati skont ordni predeterminata ta’ għoti, taħt piena li tiġi ppreġudikata din id-dispożizzjoni. |
26 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, minn naħa, id-dritt Awstrijak ma jippermettix li tiġi kkontestata l-attribuzzjoni ta’ kawża lil ġudikant bi ksur tal-ordni predeterminat ta’ attribuzzjoni tal-kawżi, b’tali mod li dan ikun obbligat jew li jagħti, b’għarfien sħiħ tal-fatti, deċiżjoni li tikser id-drittijiet tal-partijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jew li jastjeni milli jiddeċiedi u li b’hekk jikser id-drittijiet tal-partijiet previsti mill-istess dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ għarfien tal-irregolaritajiet u tal-avvenimenti spiss purament interni li jikkostitwixxu ksur tal-ordni predeterminat ta’ attribuzzjoni tal-kawżi, id-dritt Awstrijak iċaħħad lill-partijiet minn garanzija effettiva mid-drittijiet tagħhom bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. |
27 |
Fil-fehma tiegħu, is-sistema ġuridika Awstrijaka inkwistjoni tqajjem dubji serji dwar il-garanzija ta’ imparzjalità tal-maġistrati. Fil-fatt, parti fil-proċedura ma tistax tinvoka l-inkompetenza ta’ maġistrat qabel ma l-qorti tkun iddeċidiet. Barra minn hekk, il-maġistrat li quddiemu titressaq kawża huwa obbligat li jiddeċiedi minkejja n-nuqqas ta’ kompetenza tiegħu. Għalhekk, is-sistema legali Awstrijaka tipprekludi kemm lill-maġistrat kif ukoll lill-partijiet fil-proċedura milli jqajmu, qabel l-għoti ta’ deċiżjoni, il-fatt li din tippreġudika l-Artikolu 6(1) tal-KEDB minħabba illegalità fl-ordni predeterminata ta’ attribuzzjoni tal-kawżi interni tal-qorti kkonċernata, bħalma huwa l-każ fil-kawża li għandha quddiemha. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
29 |
Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
30 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
31 |
Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ġurisdizzjoni li hija kkontestata mill-Gvern Awstrijak, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Karta, li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni din li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C-‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
F’dan il-każ, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 47 tal-Karta, imsemmi f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju tirrigwarda, essenzjalment, il-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata mill-BUAK, li, fil-fehma tal-ġudikant, huwa l-korp ta’ garanzija previst mid-dritt Awstrijak sabiex jiżgura lill-ħaddiema l-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. L-imsemmi ġudikant ma jqajjem, madankollu, l-ebda kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7 lanqas ma jesponi r-raġunijiet li għalihom din id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-kawża prinċipali. Is-sempliċi fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, il-BUAK “jirriżulta” mill-imsemmi Artikolu 7 ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ dan id-digriet. |
34 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tiġi implimentata fuq livell nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 47 tal-Karta f’din il-kawża. |
35 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li l-imsemmija dispożizzjoni tkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Issa, dan huwa l-każ tal-ġudikant fil-qorti tar-rinviju, li jista’, fil-fatt, jintalab, fil-kwalità tiegħu ta’ membru ta’ qorti rregolata mid-dritt komuni Awstrijak, jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, fis-sistema Awstrijaka ta’ rimedji fir-rigward tal- “oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C563/18, EU:C:2020:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
41 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imqajma mill-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex madankollu l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C563/18, EU:C:2020:234, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kawża prinċipali ma għandha, fir-rigward tal-mertu, ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, u li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma turix li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tapplika dan id-dritt, jew l-imsemmija dispożizzjoni, sabiex issib is-soluzzjoni fil-mertu li għandha tiġi rriżervata għal din il-kawża. F’dan ir-rigward, dawn il-kawżi magħquda huma differenti, b’mod partikolari, mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117), li fiha l-qorti tar-rinviju kienet adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li naqqsu r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali tnaqqis u li l-konformità tagħha mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kienet ikkontestata quddiem l-imsemmija qorti tar-rinviju (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fit-tieni lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet bħala li huma ammissibbli, domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju kkonċernata tkun obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 41 u 42), din ma hijiex il-portata tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 50). |
48 |
Fit-tielet lok, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawżi mressqa quddiemha. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti wkoll, pereżempju, mill-kawżi li taw lok għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), li fihom l-interpretazzjoni preliminari mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-punti 100, 112 u 113 ta’ din is-sentenza (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Fil-fatt, kif ġie deskritt fil-punti 14 sa 17 ta’ dan id-digriet, il-ġudikant fil-qorti tar-rinviju kkontesta, l-ewwel permezz ta’ “ilment” intern, u sussegwentement permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) kif ukoll, skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), l-attribuzzjoni tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda mingħajr suċċess. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-ġudikant fil-qorti tar-rinviju ma jistax, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiddeċiedi dwar jekk din il-kawża ġietx legalment attribwita lilu, peress li l-kwistjoni ta’ allegat ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan il-qorti tar-rinviju ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża u peress li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju tkun, fi kwalunkwe każ, ivverifikata mill-qorti superjuri, f’każ ta’ appell. |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li teżisti, bejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari u l-kawża prinċipali, rabta ta’ konnessjoni li tkun xierqa sabiex trendi l-interpretazzjoni mitluba neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’, b’applikazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta minn tali interpretazzjoni, tadotta deċiżjoni li tkun meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar din it-tilwima (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Għalhekk, l-imsemmija domandi ma jirrigwardawx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawżi, iżda huma ta’ natura ġenerali. |
52 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi osservat li għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, ma hemm ebda żvilupp fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u, minħabba f’hekk, ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tordna li: |
It-talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2019, hija inammissabbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.