EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0018

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020.
WM vs Stadt Frankfurt am Main.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Artikolu 16(1) – Detenzjoni f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija – Ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.
Kawża C-18/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:511

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Artikolu 16(1) – Detenzjoni f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija – Ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika”

Fil-Kawża C‑18/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

WM

vs

Stadt Frankfurt am Main,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WM, minn S. Basay-Yildiz, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, inizzjalment minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, sussegwentement minn M. Olof Simonsson kif ukoll minn C. Meyer-Seitz, H. Shev u H. Eklinder, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WM, ċittadin Tuneżin, u l-iStadt Frankfurt am Main (il-Belt ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija adottata kontrih.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tar-[Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”.

6

L-Artikolu 7(4) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju [perikolu] għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115 jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

4.   Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.

[…].”

8

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

9

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kundizzjonijiet tad-detenzjoni”, jistipula:

“1.   Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom jitħallew - fuq talba - jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.   Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta’ detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmumin f’detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma’ l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4”.

10

L-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Familji miżmumin f’detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.”

11

L-Artikolu 18(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi li jippermetti perijodi għar-reviżjoni ġudizzjarja itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) u li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).”

Id-dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 58a(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), jipprevedi:

“Abbażi ta’ previżjonijiet ibbażati fuq fatti, l-awtorità suprema ta’ Land tista’ tieħu deċiżjoni ta’ tneħħija, mingħajr miżuri ta’ tkeċċija minn qabel, fil-konfront ta’ barrani sabiex teskludi periklu partikolari għas-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew theddida terroristika. Id-deċiżjoni ta’ tneħħija hija immedjatament eżekuttiva, mingħajr il-bżonn ta’ avviż ta’ tneħħija”.

13

L-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG jipprevedi:

“Id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija għandha bħala prinċipju ssir f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. F’każ li ma jkun jeżisti ebda ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-barrani jkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ ssir f’faċilitajiet korrettivi oħra; f’dan il-każ, id-detenuti għall-finijiet ta’ tneħħija għandhom jinżammu separatament mill-priġunieri ordinarji […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

WM huwa ċittadin Tuneżin li kien jirrisjedi fil-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2017, il-Ministeru kompetenti tal-Land ta’ Hesse (il-Ġermanja) ordna t-tneħħija tiegħu lejn it-Tuneżija abbażi tal-Artikolu 58a(1) tal-AufenthG, għar-raġuni li kien jirrappreżenta periklu partikolari għas-sigurtà nazzjonali, b’mod partikolari, fid-dawl tal-personalità tiegħu, tal-aġir tiegħu, tal-fehmiet Iżlamiċi radikali tiegħu, tal-kwalifika tiegħu bħala “trasportatur u reklutatur tal-organizzazzjoni terroristika tal-Istat Iżlamiku” mis-servizzi tal-intelligence kif ukoll f’dak tal-attività tiegħu għal din l-istess organizzazzjoni fis-Sirja.

15

WM, quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), minn naħa, ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2017 u, min-naħa l-oħra, ippreżenta talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2017, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji għar-raġuni li kienet teżisti probabbiltà suffiċjenti li WM iwettaq attakk terroristiku fil-Ġermanja.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2017, fuq talba tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni kompetenti, l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ordnat li WM jiġi detenut, għall-finijiet ta’ tneħħija, f’faċilità korrettiva sat-23 ta’ Ottubru 2017, konformement mal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG.

17

WM ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2017. WM ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-detenzjoni tiegħu fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Awwissu 2017 u t-23 ta’ Ottubru 2017.

18

Fid-9 ta’ Mejju 2018, WM tneħħa lejn it-Tuneżija.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jippermettix li Stat Membru jqiegħed lil ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedi irregolarment f’detenzjoni f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija, isseparat mill-priġunjieri ordinarji, mhux minħabba l-assenza ta’ ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni f’dan l-Istat Membru, iżda minħabba li dan iċ-ċittadin jirrapreżenta perikolu serju għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għas-sigurtà nazzjonali.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu tat-tilwima li hija adita biha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija tista’ ssir f’faċilità korrettiva ordinarja jekk il-barrani jkun ta’ perikolu serju għall-integrità fiżika u l-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, u d-detenut għall-finijiet tat-tneħħija jkollu, anki f’dan il-każ, jinżamm separatament mill-priġunieri ordinarji?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedi irregolarment jiġi detenut f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija, separatament mill-priġunjieri ordinarji, għar-raġuni li huwa jirrappreżenta perikolu serju għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għas-sigurtà nazzjonali.

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2008/115

23

Il-Gvern Svediż jikkuntesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dan il-gvern jenfasizza li, skont l-Artikolu 72 TFUE, il-politika komuni tal-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li taħtha taqa’ d-Direttiva 2008/115, ma għandhiex tippreġudika l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, b’tali mod li dawn tal-aħħar jibqgħu kompetenti sabiex jieħdu miżuri ta’ sigurtà effettivi fil-kuntest tad-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi irregolarment. Madankollu, fl-opinjoni tal-imsemmi gvern, l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG jikkostitwixxi miżura neċessarja għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà intena tal-Ġermanja.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar li kienet adottata b’mod partikolari abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE li jinsab fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE dwar l-“ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

25

Konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2008/115 tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx din id-direttiva. Madankollu, l-ebda element tal-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li s-sitwazzjoni tar-rikkorent fil-kawża prinċipali taqa’ taħt waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva.

26

Jidher li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva adottata abbażi tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG; li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż; taqa’ tabilħaqq taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 16(1) tagħha.

27

F’dan il-każ, is-sempliċi invokazzjoni tal-Artikolu 72 TFUE ma tistax tkun biżżejjed sabiex titwarrab l-applikazzoni tad-Direttiva 2008/115, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ perikolu serju għall-integrità fiżika u għall-ħajja tat-terzi u għall-interessi ġuridiċi maġġuri ta’ sigurtà interna sabiex tkun tista’ titwettaq l-eżekuzzjoni ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva.

28

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom kif ukoll is-sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li tali miżuri jaqgħu kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja et (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 143).

29

L-Artikolu 72 TFUE, li jipprevedi li t-Titolu V tat-Trattat FUE ma jippreġudikax l-eżerċizzju mill-Istati Membri tar-responsabbiltajiet li huma għandhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li ma japplikawx dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, billi jinvokaw biss dawn ir-responsabbiltajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja et (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 145152).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 u li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.

Fuq il-mertu

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-prinċipju li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment għandha ssir f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga minn dan il-prinċipju li, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate, C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 25).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 ma hijiex ifformulata b’mod identiku fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Fil-fatt, fil-verżjoni tagħha bil-Ġermaniż, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, “meta Stat Membru ma jkollux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni u meta d-detenzjoni jkollha ssir f’faċilità korrettiva, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”. Fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għall-fatt li ma jeżistux ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni, iżda għaċ-ċirkustanza li Stat Membru “ma jistax” iżomm lill-imsemmija ċittadini f’tali ċentri (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate, C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 26).

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva teżiġi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jinżammu, “bħala regola”, f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni. L-użu ta’ dan il-kliem jenfasizza li d-Direttiva 2008/115 tippermetti eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali.

35

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, f’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jieħu miżuri urġenti dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2) tad-Direttiva 2008/115.

36

Għalkemm dawn il-miżuri urġenti japplikaw biss fis-sitwazzjonijiet eċċezzjonali stipulati fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li la minn kliem din id-direttiva u lanqas mill-istruttura tagħha ma jirriżulta li dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali jikkostitwixxu l-uniċi raġunijiet li Stat Membru jista’ jinvoka sabiex jidderoga mill-prinċipju ta’ detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ tneħħija f’ċentri speċjalizzati previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

37

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-iskop tad-Direttiva 2008/115, din hija intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kull detenzjoni ordnata li taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115 hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva b’mod li jiġu żgurati, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 55). Skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115, id-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ din id-direttiva għandhom jittieħdu każ b’każ u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 70).

39

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri, b’mod eċċezzjonali u lil hinn mis-sitwazzjonijiet espliċitament previsti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, jqegħdu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment f’detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, f’faċilità korrettiva meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huma ma jistgħux josservaw l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva billi jiżguraw id-detenzjoni tagħhom f’ċentri speċjalizzati.

40

F’dan il-każ, l-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG jipprevedi li d-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha titwettaq, bħala prinċipju, f’ċentri speċjalizzati ta’ detenzjoni u, b’mod eċċezzjonali, f’faċilità korrettiva meta l-barrani jirrapreżenta theddida serja għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għall-interessi ġuridiċi maġġuri ta’ sigurtà interna. F’dan il-każ, il-barranin detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jinżammu separatament mill-priġunjieri ordinarji.

41

Għalhekk, ir-raġunijiet magħżula minn din il-leġiżlazzjoni bħala ġustifikazzjoni għall-eżekuzzjoni tad-detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, f’faċilità korrettiva jaqgħu taħt l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika. Tali theddida hija ta’ natura li tiġġustifika, b’mod eċċezzjonali, l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiżi terzi f’faċilità korrettiva, separatament mill-priġunjieri ordinarji, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, għall-finijiet li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ tneħħija, konformement mal-għanijiet imfittxija minnha.

42

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga minn obbligi maħsuba bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz meta jitneħħew mill-Unjoni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 48).

43

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serju, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 60).

44

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu, u li, għalhekk, it-theddida għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, kif ukoll ir-riskju ta’ perturbazzjoni serja tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew anki t-theddida għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 66).

45

Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, bħala bażi għat-tnaqqis jew għat-tneħħija tat-terminu ta’ tluq volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, huwa impost a fortiori sabiex tiġi ġġustifikata l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, f’faċilità korrettiva, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

46

Għalhekk, preġudizzju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jista’ jiġġustifika d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ tneħħija f’faċilità korrettiva b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, biss jekk l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

47

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedi irregolarment jiġi detenut f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija, separatament mill-priġunjieri ordinarji, għar-raġuni li huwa jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedi irregolarment jiġi detenut f’faċilità korrettiva għal finijiet ta’ tneħħija, separatament mill-priġunjieri ordinarji, għar-raġuni li huwa jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq