EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0078

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Eżistenza ta’ restrizzjoni – Oneru tal-prova – Diskriminazzjoni indiretta marbuta mal-provenjenza tal-kapital – Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità, akkumpanjati minn sanzjonijiet, fuq assoċjazzjonijiet li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar persuni li jagħtu għajnuna finanzjarja lil assoċjazzjonijiet u dwar l-ammont ta’ din l-għajnuna – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv – Artikolu 65 TFUE – Ordni pubbliku – Sigurtà pubblika – Ġlieda kontra l-ħasil tal-kapital, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata – Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Kawża C-78/18.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:476

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Eżistenza ta’ restrizzjoni – Oneru tal-prova – Diskriminazzjoni indiretta marbuta mal-provenjenza tal-kapital – Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità, akkumpanjati minn sanzjonijiet, fuq assoċjazzjonijiet li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi –Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar persuni li jagħtu għajnuna finanzjarja lil assoċjazzjonijiet u dwar l-ammont ta’ din l-għajnuna – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv – Artikolu 65 TFUE – Ordni pubbliku – Sigurtà pubblika – Ġlieda kontra l-ħasil tal-kapital, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata – Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawża C‑78/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Di Bucci, L. Havas, L. Malferrari kif ukoll K. Talabér-Ritz, sussegwentement minn V. Di Bucci, L. Havas u L. Malferrari, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u H. Shev, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), D. Šváby u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat id-dispożizzjonijiet tal-külföldről támogatott szervezetek átláthatóságáról szóló 2017. évi LXXVI. törvény (il-Liġi Nru LXXVI tal-2017, dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Għajnuna minn Pajjiż Barrani, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trasparenza”) li jimponu obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fuq ċerti kategoriji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn għajnuna barranija li taqbeż ċertu limitu, u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet li ma josservawx dawn l-obbligi, l-Ungerija introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux iġġustifikati u mhux neċessarji fir-rigward tad-donazzjonijiet barranin mogħtija lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bi ksur tal-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

I. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

A.   Il-Liġi dwar it-Trasparenza

2

Il-preambolu tal-Liġi dwar it-Trasparenza jindika b’mod partikolari li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili “[jikkontribwixxu] għall-kontroll demokratiku u għad-dibattitu pubbliku dwar l-affarijiet pubbliċi”, li huma “għandhom irwol determinanti fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika” u li “t-trasparenza [tagħhom] hija ta’ interess pubbliku prinċipali”.

3

Dan il-preambolu jistipula wkoll li “s-sostenn mogħti minn sorsi barranin mhux magħrufa [lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili] jista’ jintuża minn gruppi ta’ interessi barranin sabiex jippromwovu, permezz tal-influwenza soċjali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, l-interessi proprji minflok l-għanijiet Komunitarji fil-ħajja soċjali u politika tal-Ungerija” u li dan is-sostenn “jista’ jipperikola l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż, kif ukoll il-funzjonament mingħajr indħil tal-istituzzjonijiet legali”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, titqies bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani kull assoċjazzjoni jew fondazzjoni li tibbenefika minn kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens iddefinit fil-paragrafu 2 (iktar ’il quddiem imsemmija flimkien “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani”).

2.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, kull kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħra li toriġina direttament jew indirettament minn pajjiż barrani, irrispettivament mit-titolu legali, titqies bħala għajnuna mill-mument li – hija nnifisha jew b’mod kumulattiv – f’sena fiskali partikolari, tilħaq id-doppju tal-ammont stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tal-pénzmosás és a terrorizmus finanszírozása megelőzéséről és megakadályozásáról szóló 2017. évi LIII. törvény ((il-Liġi Nru°LIII tal-2017, dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu)).

[…]

4.   Ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi:

a)

l-assoċjazzjonijet u l-fondazzjonijiet li ma humiex meqjusa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

b)

l-assoċjazzjonijiet koperti mill-isportról szóló 2004. évi I. törvény ((il-Liġi Nru°I tal-2004, dwar l-Isport));

c)

l-organizzazzjonijiet li jwettqu attività reliġjuża;

d)

l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet ta’ minoranzi nazzjonali koperti min-nemzetiségek jogairól szóló 2011. évi CLXXIX. törvény ((il-Liġi Nru° CLXXIX tal-2011, dwar id-Drittijiet tal-Minoranzi Nazzjonali)) kif ukoll il-fondazzjonijiet li jwettqu, konformement mal-att kostituttiv tagħhom, attività direttament marbuta mal-awtonomija kulturali ta’ minoranza nazzjonali, jew li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi ta’ minoranza nazzjonali partikolari.”

5

L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-Trasparenza jipprevedi:

“1.   Kull assoċjazzjoni jew fondazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(1) għandha tikkomunika, fi żmien ħmistax-il jum, it-trasformazzjoni tagħha f’organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani, ladarba l-ammont tal-għajnuna li tkun irċeviet matul is-sena inkwistjoni jilħaq id-doppju tal-ammont stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Liġi Nru°LIII tal-2017, dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

2.   L-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tibgħat id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-qorti kompetenti tal-uffiċċju rreġistrat tagħha (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ reġistrazzjoni”) u tipprovdi d-data speċifikata fl-Anness. Il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tinkludi d-dikjarazzjoni fir-reġistrazzjonijiet relatati mal-assoċjazzjoni jew mal-fondazzjoni li jidhru fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet ċivili u organizzazzjonijiet oħra mhux meqjusa bħala kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Reġistru”), u għandha tirreġistra l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani.

3.   Bl-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tikkomunika lill-qorti ta’ reġistrazzjoni, fl-istess żmien tal-likwidazzjoni tagħha, dikjarazzjoni bid-data speċifikata fl-Anness I dwar l-għajnuna rċevuta matul is-sena preċedenti. Fid-dikjarazzjoni għandha titniżżel, għas-sena inkwistjoni:

a)

fir-rigward ta’ għajnuna li ma taqbiżx [HUF] 500000 [madwar EUR 1500] għal kull donatur, l-informazzjoni indikata fil-punt A) tal-Parti II tal-Anness I,

b)

fir-rigward ta’ għajnuna li tilħaq jew li taqbeż [HUF] 500000 għal kull donatur, l-informazzjoni indikata fil-punt B) tal-Parti II tal-Anness I.

4.   Qabel il-15-il jum ta’ kull xahar, il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tibgħat lill-ministru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal ta’ informazzjoni ċivili, l-isem, l-uffiċċju rreġistrat u l-identifikatur fiskali tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li din tkun irreġistrat fir-reġistru bħala organizzazzjonijiet li rċevew għajnuna minn pajjiż barrani matul ix-xahar preċedenti. Il-ministeru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal tal-informazzjoni ċivili għandu jxandar mingħajr dewmien l-informazzjoni hekk ikkomunikata, bil-għan li jagħmilha aċċessibbli pubblikament u mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma elettronika stabbilita għal dan il-għan.

5.   Wara li tagħmel id-dikjarazzjoni tagħha fis-sens tal-paragrafu 1, l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tindika, mingħajr dewmien, fil-paġna ta’ aċċess tagħha u fil-pubblikazzjonijiet tagħha u prodotti oħra tal-istampa, fis-sens tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa u r-Regoli Fundamentali Applikabbli għall-Kontenut Imxandar mill-Mezzi tax-Xandir, li ġiet meqjusa bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani fis-sens ta’ din il-liġi.

6.   L-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tibqa’ marbuta bl-obbligu stabbilit fil-paragrafu 5, sakemm tibqa’ titqies bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani fis-sens ta’ din il-liġi.”

6

L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Trasparenza jipprovdi:

“1.   Jekk l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni ma twettaqx l-obbligi li jiġu imposti fuqha minn din il-liġi, il-prosekutur pubbliku għandu, kif isir jaf b’dan u b’applikazzjoni tar-regoli applikabbli għalih, jordna lill-assoċjazzjoni jew lill-fondazzjoni sabiex tikkonforma mal-imsemmija obbligi fi żmien 30 jum.

2.   Jekk l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani ma twettaqx l-obbligu indikat fl-ordni tal-prosekutur pubbliku, dan għandu jordnalha mill-ġdid li tikkonforma mal-obbligi imposti fuqha minn din il-liġi f’terminu ta’ 15-il jum. Fi żmien 15-il jum mill-iskadenza ta’ dan it-terminu mingħajr riżultat, il-prosekutur pubbliku għandu jitlob, quddiem il-qorti ta’ reġistrazzjoni, l-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 37(2) tas-civil szervezetek bírósági nyilvántartásáról és az ezzel összefüggő eljárási szabályokról szóló 2011. évi CLXXXI. törvény ((il-Liġi Nru CLXXXI tal-2011, dwar ir-Reġistrazzjoni fil-Qrati tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u r-Regoli Proċedurali Applikabbli)).

3.   Wara li jkun għamel ordni ġdida lill-organizzazzjoni skont il-paragrafu 2, il-prosekutur pubbliku għandu jaġixxi konformement mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, billi japplika b’analoġija r-regoli tal-egyesülési jogról, a közhasznú jogállásról, valamint a civil szervezetek működéséről és támogatásáról szóló 2011. évi CLXXV. törvény (il-Liġi Nru CLXXV tal-2011, dwar id-Dritt ta’ Assoċjazzjoni, l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni Mingħajr Skop ta’ Lukru, il-Funzjonament u l-Finanzjament tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili) u tal-Liġi Nru CLXXXI tal-2011, dwar ir-Reġistrazzjoni fil-Qrati tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u r-Regoli Proċedurali Applikabbli.”

7

L-Artikolu 4 tal-Liġi dwar it-Trasparenza jipprevedi:

“1.   Jekk il-kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħra li bbenefikat minnhom l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani ma jilħqux, matul is-sena segwenti għas-sena fiskali li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 2(3), id-doppju tal-ammont indikat fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru°LIII tal-2017, dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni ma għandhiex tibqa’ titqies bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani u għandha tikkomunika din l-informazzjoni, billi tapplika b’analoġija r-regoli dwar id-dikjarazzjoni, fi żmien 30 jum wara l-adozzjoni tar-rapport annwali tagħha tas-sena li fiha jiġri dan. Il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tikkomunika wkoll dan il-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(4), lill-ministeru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal tal-informazzjoni ċivili, li għandu jħassar mingħajr dewmien id-data tal-organizzazzjoni inkwistjoni mill-pjattaforma elettronika stabbilita għal dan il-għan.

2.   Wara d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tħassar minnufiħ mir-Reġistru l-indikazzjoni li l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni hija organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani.”

8

L-Anness I tal-Liġi dwar it-Trasparenza jispeċifika, fil-Parti I tiegħu, li d-dikjarazzjoni dwar it-trasformazzjoni ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili f’organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani, imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, għandha tindika s-sena li matulha sseħħ tali trasformazzjoni u l-isem, l-uffiċċju rreġistrat kif ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-organizzazzjoni kkonċernata.

9

Barra minn hekk, dan l-Anness I jipprevedi, fil-Punt A tal-Parti II tiegħu, li, fil-każ fejn it-total tal-għajnuna rċevuta minn pajjiż barrani ma jilħaqx il-limitu msemmi fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmija liġi, id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha ssemmi, l-ewwel nett, it-total tal-kontribuzzjonijiet fi flus irċevuti, it-tieni nett, it-total ta’ kontribuzzjonijiet f’assi oħra rċevuti u, it-tielet nett, in-numru totali ta’ donaturi li minnhom joriġinaw dawn il-kontribuzzjonijiet.

10

Fl-aħħar nett, l-imsemmi Anness I jistipula, fil-Punt B tal-Parti II tiegħu, li, fil-każ fejn it-total tal-għajnuna rċevuta minn pajjiż barrani tilħaq jew taqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 2(3) tal-istess liġi, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi indikazzjonijiet fid-dettall dwar l-ammont u s-sors ta’ kull għajnuna rċevuta, billi tindika, fil-każ fejn dan is-sors ikun persuna fiżika, l-isem, il-pajjiż u l-belt ta’ residenza tagħha, jew, fil-każ fejn din tkun persuna ġuridika, isem is-soċjetà ċivili u l-uffiċju rreġistrat ta’ din tal-aħħar.

B.   Il-Liġi Nru CLXXV tal-2011

11

Il-Liġi Nru°CLXXV tal-2011, dwar id-Dritt ta’ Assoċjazzjoni, l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni Mingħajr Skop ta’ Lukru, il-Funzjonament u l-Finanzjament tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Trasparenza, fl-Artikolu 3(3) tagħha tistipula:

“L-eżerċizzju tad-dritt ta’ assoċjazzjoni […] ma jistax jikkostitwixxi ksur jew inċitament għat-twettiq ta’ ksur […]”.

12

L-Artikolu 11(4) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-qorti għandha xxolji l-assoċjazzjoni, fuq talba tal-prosekutur, jekk il-funzjonament jew l-attività tagħha jiksru l-Artikolu 3(3) sa (5).”

C.   Il-Liġi Nru CLXXXI tal-2011

13

Il-Liġi Nru° CLXXXI tal-2011 dwar ir-Reġistrazzjoni fil-Qrati tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u r-Regoli Proċedurali Applikabbli, li jagħmel ukoll riferiment għaliha l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-Trasparenza, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 71/G(2) li jipprevedi li l-qorti kompetenti tista’ tadotta, fir-rigward ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-miżuri li ġejjin:

“a)

timponi multa ta’ HUF 10000 sa HUF 900000 [(madwar EUR 30 sa EUR 2700)] fuq l-organizzazzjoni jew fuq ir-rappreżentant […];

b)

tannulla d-deċiżjoni […] irregolari tal-organizzazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tordna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, filwaqt li tindika, ma din l-ordni, terminu xieraq;

c)

jekk ikun probabbli li l-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni jista’ jiġi stabbilit mill-ġdid, billi jiġi kkonvokat il-korp prinċipali tagħha, tikkonvoka lill-korp deċiżjonali tal-organizzazzjoni jew tattribwixxi dan il-kompitu lil persuna jew lil organizzazzjoni xierqa, għall-ispejjeż tal-organizzazzjoni;

d)

taħtar amministratur għal tul massimu ta’ 90 jum, jekk l-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni ma jkunx jista’ jiġi żgurat b’mod ieħor u jekk, fid-dawl tar-riżultat, dan jidher li jkun partikolarment iġġustifikat fid-dawl tal-funzjonament tal-organizzazzjoni jew ta’ ċirkustanzi oħra;

e)

ixxolji l-organizzazzjoni.”

D.   Il-Liġi Nru LIII tal-2017

14

L-ammont stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Liġi Nru°LIII tal-2017 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, li jagħmlu riferiment għalih l-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Liġi dwar it-Trasparenza, huwa ta’ HUF 7.2 miljuni (madwar EUR 20800).

II. Il-proċedura prekontenzjuża

15

Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija ittra ta’ intimazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni”) li fiha hija qieset li, billi adotta l-Liġi dwar it-Trasparenza, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta, u imponietlu terminu ta’ xahar sabiex jippreżenta kummenti.

16

Fis-17 ta’ Lulju 2017, l-Ungerija talbet estensjoni ta’ dan it-terminu, liema estensjoni ma ġietx aċċettata mill-Kummissjoni.

17

Fl-14 ta’ Awwissu u fis-7 ta’ Settembru 2017, l-Ungerija bagħtet lill-Kummissjoni żewġ sensiliet ta’ kummenti dwar l-ittra ta’ intimazzjoni, li fihom hija kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti esposti fiha.

18

Fil-5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata”), li fiha qieset li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta, billi introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux iġġustifikati u mhux neċessarji fir-rigward tad-donazzjonijiet barranin mogħtija lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza li jimponu obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fuq ċerti kategoriji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn għajnuna barranija li taqbeż ċertu limitu, u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet li ma josservawx dawn l-obbligi. Il-Kummissjoni imponiet ukoll terminu ta’ xahar fuq l-Ungerija sabiex tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata jew sabiex tippreżentalha kummenti.

19

Fit-12 ta’ Ottubru 2017, l-Ungerija talbet estensjoni ta’ dan it-terminu, liema estensjoni ma ġietx aċċettata mill-Kummissjoni.

20

Fil-5 ta’ Diċembru 2017, l-Ungerija bagħtet lill-Kummissjoni kummenti dwar l-opinjoni motivata, li fihom hija kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti esposti fiha.

21

Fis-7 ta’ Diċembru 2017, peress li ma kinitx konvinta minn dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Permezzz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2018, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni fit-tilwima, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2018, l-Ungerija ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar din it-talba.

24

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-78/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:790), dan tal-aħħar laqa’ l-imsemmija talba.

IV. Fuq l-ammissibbiltà

A.   L-argumenti tal-partijiet

25

Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ssostni li r-rikors għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli, minħabba l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u minħabba l-illegalitajiet li jirriżultaw minn dan l-aġir.

26

F’dan ir-rigward, l-Ungerija tesponi, minn naħa, li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, imponitilha li tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-ittra ta’ intimazzjoni, u sussegwentement dwar l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar, minflok it-terminu ta’ xahrejn li jiġi normalment applikat fil-kuntest tal-proċeduri prekontenzjużi, it-tieni nett, hija ċaħdet it-talbiet tagħha għal estensjoni ta’ dan it-terminu f’termini sommarji u sterjotipiċi li ma jiġġustifikawx l-eżistenza ta’ urġenza partikolari, u, it-tielet nett, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors biss jumejn wara li rċeviet il-kummenti tagħha dwar l-opinjoni motivata.

27

Min-naħa l-oħra, l-Ungerija ssostni li l-aġir tal-Kummissjoni vvizzja b’illegalità l-proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, dan l-aġir juri li din l-istituzzjoni ma ppruvatx tismagħha b’mod xieraq, bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Barra minn hekk, l-imsemmi aġir irrenda iktar diffiċli li jiġu rribattuti l-ilmenti mfassla mill-Kummissjoni u jikkostitwixxi, għalhekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża.

28

Fil-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tosserva, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika l-aġir tagħha billi tinvoka ċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Ungeriżi ma ridux iħassru l-Liġi dwar it-Trasparenza. Madankollu, tali ċirkustanza tista’ tippreżenta ruħha fil-proċeduri kollha ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u għalhekk ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari ta’ urġenza. Barra minn hekk, din ma tistax tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni ta’ tnaqqis tat-termini applikabbli għall-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma jkun hemm ksur tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

29

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

B.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-Kummissjoni tissuġġetta proċedura prekontenzjuża għal termini qosra ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 74/82, EU:C:1984:34, punti 1213). Fil-fatt, ikun hemm tali inammissibbiltà biss fil-każ fejn l-aġir tal-Kummissjoni rrenda iktar diffiċli li l-Istat Membru kkonċernat jirribatti l-ilmenti ta’ din l-istituzzjoni u kiser, għalhekk, id-drittijiet tad-difiża, u huwa l-imsemmi Stat Membru li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑287/03, EU:C:2005:282, punt 14, u tal-21 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 22).

31

F’din il-kawża, l-Ungerija ma tipproduċix il-prova li l-aġir tal-Kummissjoni rrenda iktar diffiċli li l-ilmenti ta’ din l-istituzzjoni jiġu rribattuti. Mill-bqija, mill-eżami tal-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża, hekk kif imfakkar fil-punti 15 sa 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, l-ewwel nett, li, wara li ppreżentat kummenti dwar l-ittra ta’ intimazzjoni fit-terminu ta’ xahar mogħti lilha mill-Kummissjoni, l-Ungerija ppreżentat, tliet xhur iktar tard, kummenti ġodda dwar dan is-suġġett, li ġew aċċettati minn din l-istituzzjoni. Wara dan, dan l-Istat Membru ppreżenta kummenti dwar l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn li jikkorrispondi għat-terminu normalment applikat fil-kuntest tal-proċeduri prekontenzjużi, minkejja li huwa kien ingħata terminu ta’ xahar biex jagħmel dan, u anki dawn il-kummenti ġew aċċettati mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, minn analiżi kemm tad-dokumenti skambjati matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll tar-rikors promotur jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-kummenti kollha magħmula mill-Ungerija fid-diversi fażijiet ta’ din il-proċedura.

32

Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-aġir tal-Kummissjoni rrenda iktar diffiċli li l-Ungerija tirribatti l-ilmenti ta’ din l-istituzzjoni u kiser, għalhekk, id-drittijiet tad-difiża.

33

Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli.

V. Fuq l-oneru tal-prova

A.   L-argumenti tal-partijiet

34

Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ssostni li r-rikors, jekk jitqies li huwa ammissibbli, għandu jiġi miċħud immedjatament għaliex dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni tal-prova. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kontrih ħadet azzjoni, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni. Madankollu, f’din il-kawża, din l-istituzzjoni ma tipproduċix provi li juru li l-Liġi dwar it-Trasparenza kellha effetti prattiċi fuq il-moviment liberu tal-kapital iggarantit fl-Artikolu 63 TFUE.

35

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

B.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 96/81, EU:C:1982:192, punt 6, u tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 60).

37

Madankollu, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi ppruvata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati, permezz ta analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, EU:C:2010:692, punti 5255, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 35).

38

Issa, f’din il-kawża, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni timputa lill-Ungerija joriġina mill-adozzjoni ta’ liġi li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħha ma humiex ikkontestati minn dan l-Istat Membru u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir-rikors promotur.

39

Għalhekk, l-Ungerija ma hijiex fondata meta tikkritika lill-Kummissjoni talli ma pproduċietx provi dwar l-effetti prattiċi tal-Liġi dwar it-Trasparenza fuq il-moviment liberu ggarantit fl-Artikolu 63 TFUE.

VI. Fuq il-mertu

A.   Fuq l-Artikolu 63 TFUE

1. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

a) L-argumenti tal-partijiet

40

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni, l-ewwel nett, li l-Liġi dwar it-Trasparenza tillimita l-moviment liberu tal-kapital, billi tissuġġetta għal trattament indirettament diskriminatorju għall-moviment tal-kapital bejn l-Ungerija, minn naħa, u l-Istati Membri l-oħra kif ukoll il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, filwaqt li ma tagħmel ebda riferiment għan-nazzjonalità, din il-liġi tapplika b’riferiment għal kriterju relatat mal-eżistenza ta’ moviment tal-kapital li ġej minn pajjiżi barranin, u b’mod iktar partikolari għajnuna finanzjarja mħallsa lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-post ta’ residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

41

Sussegwentement, l-Ungerija ma hijiex fondata meta ssostni li l-użu ta’ dan il-kriterju jirrifletti l-eżistenza ta’ differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ungeriżi u dik taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi, minħabba l-fatt li, għall-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti, huwa eħfef li jikkontrollaw l-għajnuna finanzjarja mogħtija minn dawn tal-ewwel, li l-post ta’ residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fit-territorju nazzjonali, milli l-għajnuna mogħtija minn tat-tieni. Fil-fatt, il-post ta’ stabbiliment ma jistax iservi ta’ parametru għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva taż-żewġ sitwazzjonijiet.

42

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja jsostnu, sussidjarjament, li, jekk il-Liġi dwar it-Trasparenza ma tiġix ikklassifikata bħala miżura indirettament diskriminatorja, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat li din tistabbilixxi sett ta’ obbligi li huma ta’ natura li jiddisswadu mhux biss lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija, iżda wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jagħtuhom għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, milli jeżerċitaw il-moviment liberu tal-kapital iggarantit lilhom mill-Artikolu 63 TFUE. Fil-fatt, l-obbligi imposti fuq l-organizzazzjonijiet ikkonċernati li jirreġistraw ruħhom bl-isem ta’ “organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani” u li jippreżentaw ruħhom sistematikament bħala tali jiddiswaduhom milli jkomplu jaċċettaw tali għajnuna. Barra minn hekk, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità, imposti flimkien mal-obbligi preċedenti, jiddiswadu lill-persuni li jagħtu l-imsemmija għajnuna milli jkomplu jagħmlu dan u jiskoraġġixxu lil persuni oħra milli jagħmlu dan.

43

Fir-risposta, l-Ungerija tenfasizza, minn naħa, li l-Liġi dwar it-Trasparenza ma tistax tiġi kklassifikata bħala miżura indirettament diskriminatorja. Fil-fatt, l-applikazzjoni tagħha tiddependi fuq kriterju marbut mas-sors tal-għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija u mhux man-nazzjonalità tal-persuni li jagħtu tali għajnuna. Barra minn hekk, l-użu ta’ dan il-kriterju huwa ġġustifikat miċ-ċirkustanza li l-għajnuna finanzjarja mogħtija minn persuni stabbiliti fl-Ungerija u dik mogħtija minn persuni stabbiliti f’pajjiż barrani jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, sa fejn huwa iktar faċli għall-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti li jikkontrollaw dawn tal-ewwel milli dawn tal-aħħar u sa fejn regoli dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u dwar it-trasparenza ma humiex neċessarjament applikabbli fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi li minnhom ġejjin dawn tal-aħħar.

44

Min-naħa l-oħra, l-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità imposti mil-Liġi dwar it-Trasparenza flimkien mas-sanzjonijiet li jakkumpanjawhom lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala li għandhom effett dissważiv fuq il-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, dawn l-obbligi huma fformulati f’termini oġġettivi u newtrali. Barra minn hekk, dawn jikkonċernaw esklużivament lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtu għajnuna finanzjarja li taqbeż ċerti limiti, li ma hijiex wisq.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

L-Artikolu 63 TFUE jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi hija pprojbita.

46

Hekk kif jirriżulta minn kliem din id-dispożizzjoni, il-ksur tagħha jippreżupponi kemm l-eżistenza ta’ moviment tal-kapital li għandu dimensjoni transkonfinali kif ukoll ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu ta’ dan tal-aħħar.

47

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ moviment tal-kapital, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ definizzjoni, fit-Trattat FUE, tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, dan il-kunċett għandu jinftiehem billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod indikattiv u mhux eżawrjenti, in-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [KE (artikolu li tħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam)] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10 Vol. 1, p. 10) (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, EU:C:2009:33, punt 24, u tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutti fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 54).

48

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-wirt u d-donazzjonijiet, li jaqgħu taħt it-Titolu XI ta’ dan l-Anness I, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, huma inklużi fil-kunċett ta’ moviment ta’ kapital, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu limitati internament għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 29, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑485/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:506, punt 22).

49

Barra minn hekk, dan il-kunċett jinkludi s-self jew il-krediti finanzjarji kif ukoll il-fideussjonijiet jew garanziji oħra mogħtija minn persuni mhux residenti lil residenti, kif elenkati fil punti VIII u IX tal-imsemmi Anness I.

50

Issa, f’din il-kawża, il-Liġi dwar it-Trasparenza tapplika, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, u bla ħsara għall-każijiet ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 1(4) tal-istess liġi, meta assoċjazzjoni jew fondazzjoni stabbilita fl-Ungerija tirċievi “kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħra li toriġina direttament jew indirettament minn pajjiż barrani, irrispettivament mit-titolu legali” u li jilħaq limitu speċifiku matul sena fiskali speċifika.

51

Minn dan jirriżulta li din il-liġi tapplika meta jkun hemm moviment tal-kapital li jkollu dimensjoni transkonfinali u li jista’, fid-dawl tal-indikazzjoni li dan huwa kopert “irrispettivament mit-titolu legali”, ikun fil-forma, b’mod partikolari, ta’ donazzjonijiet, ta’ għotjiet, ta’ wirt, ta’ self, ta’ krediti, ta’ garanziji jew ukoll ta’ fideussjonijiet mogħtija minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

52

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod ġenerali, kull ostakolu għall moviment tal-kapital li jseħħ kemm bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll bejn Stati Membri u pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2018, Jahin, C‑45/17, EU:C:2018:18, punti 19 sa 21, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 26).

53

B’mod partikolari, dan il-kunċett jinkludi l-miżuri tal-Istat li huma ta’ natura diskriminatorja sa fejn dawn jistabbilixxu, direttament jew indirettament, differenza fit-trattament bejn il-moviment nazzjonali ta’ kapital u l-moviment transkonfinali ta’ kapital li ma tikkorrispondix għal differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 46, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑485/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:506, punti 25 u 26), u li huma, għaldaqstant, ta’ natura li jiddiswadu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi milli jwettqu moviment transkonfinali ta’ kapital.

54

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Liġi dwar it-Trasparenza tissuġġetta lill-assoċjazzjonijiet jew lill-fondazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stat Membru li ma huwiex l-Ungerija jew minn pajjiżi terzi, għal numru ta’ obbligi speċifiċi li jikkonsistu f’li dawn jirreġistraw ruħhom, “bħala organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani”, quddiem il-qrati kompetenti (Artikolu 2(1)), f’li jibagħtu, kull sena, lil dawn tal-aħħar dikjarazzjoni li tinkludi sett ta’ data dwar l-identità tagħhom, dwar l-għajnuna finanzjarja li tilħaq jew li taqbeż ċerti ammonti li huma jirċievu mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-post ta’ residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiżi terzi kif ukoll l-identità ta’ dawn il-persuni (Artikolu 2(2) u (3)), u f’li jindikaw, kemm fis-sit tal-internet tagħhom u fil-pubblikazzjonijiet tagħhom; kif ukoll fi prodotti oħra tal-istampa, l-informazzjoni li tgħid li huma jikkostitwixxu organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani (Artikolu 2(5)).

55

Sussegwentement, din il-liġi timponi x-xandir, mill-ministeru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal tal-informazzjoni ċivili, ta’ informazzjoni dwar l-imsemmija assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet fuq pjattaforma elettronika maħsuba għal dan il-għan u aċċessibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku (Artikolu 2(4)).

56

Fl-aħħar nett, hija tipprevedi li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi applikabbli għall-assoċjazzjonijiet u għall-fondazzjonijiet inkwistjoni jesponihom għal numru ta’ sanzjonijiet li jinkludu l-adozzjoni, mill-prosekutur pubbliku kompetenti, ta’ ordnijiet ta’ konformizzazzjoni, l-impożizzjoni ta’ multi li jammontaw għal bejn HUF 10000 u HUF 900000 HUF (madwar EUR 30 u EUR 2700) mill-qorti kompetenti u l-possibbiltà li din il-qorti tordna xoljiment fuq talba tal-prosekutur pubbliku (Artikolu 3).

57

Dawn id-diversi miżuri, li ġew stabbiliti flimkien u li għandhom għan komuni, jistabbilixxu numru ta’ obbligi li huma, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tal-mod kif inhuma kkombinati, ta’ natura li jostakolaw il-moviment liberu tal-kapital li minnu jistgħu jibbenefikaw kemm l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija, inkwantu destinatarji ta’ moviment tal-kapital fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtuhom tali għajnuna finanzjarja u li għalhekk huma l-oriġini ta’ dan il-moviment tal-kapital.

58

B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 50 u 54 sa 56 ta’ din is-sentenza jistabbilixxu sistema li hija applikabbli, b’mod speċifiku u esklużiv, għall-assoċjazzjonijiet u għall-fondazzjonijiet li jirċievu, minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, għajnuna finanzjarja ta’ ammont li jilħaq il-limiti previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza. B’mod partikolari, dawn jindividwalizzawhom, bħala “organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani”, billi jimponulhom li jiddikjaraw ruħhom, li jirreġistraw ruħhom u li jippreżentaw ruħhom sistematikament lill-pubbliku b’dan l-isem, taħt piena ta’ sanzjonijiet li jistgħu jwasslu għax-xoljiment tagħhom. Billi jistigmatizzaw b’dan il-mod lil dawn l-assoċjazzjonijiet u lil dawn il-fondazzjonijiet, dawn huma ta’ natura li joħolqu klima ta’ sfiduċja fir-rigward tagħhom, li tista’ tiddiswadi lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi milli jagħtuhom għajnuna finanzjarja.

59

Barra minn hekk, din is-sistema timplika formalitajiet u oneri amministrattivi addizzjonali, li huma ta’ piż esklużivament fuq l-imsemmija assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, minħabba l-oriġini “barranija” tal-għajnuna finanzjarja mqiegħdha għad-dispożizzjoni tagħhom.

60

Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet huma mmirati lejn il-persuni li jagħtu għajnuna finanzjarja lil dawn l-istess assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, billi jipprevedu l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni dwar dawn il-persuni u din l-għajnuna finanzjarja, li huwa wkoll ta’ natura li jiddiswadi lill-imsemmija persuni milli jipprovdu tali għajnuna.

61

Billi jagħmlu dan, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, ikkunsidrati fil-globalità tagħhom, jirriżervaw trattament differenti mhux biss għall-assoċjazzjonijiet u għall-fondazzjonijiet stabbiliti fl-Ungerija li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, meta mqabbla ma’ dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja minn sorsi Ungeriżi, iżda wkoll għall-persuni li jagħtu lil dawn l-assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet għajnuna finanzjarja minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz, meta mqabbla ma’ dawk li jagħmlu dan minn post ta’ residenza jew uffiċċju rreġistrat li jinsab fl-Ungerija.

62

Issa, dawn id-differenzi fit-trattament skont il-provenjenza nazzjonali jew “barranija” tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, u għalhekk tal-post fejn tinsab ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtuha, jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità (ara b’analoġija, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑35/97, EU:C:1998:431, punti 3839, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑206/10, EU:C:2011:283, punti 3738).

63

Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, il-post ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtu l-imsemmija għajnuna finanzjarja ma jistax, per definizzjoni, jikkostitwixxi kriterju validu sabiex jiġi konkluż li teżisti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni u sabiex tiġi eskluża, konsegwentement, l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni indiretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C‑10/10, EU:C:2011:399, punt 35).

64

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu miżuri indirettament diskriminatorji, sa fejn dawn jistabbilixxu differenzi fit-trattament li ma jikkorrispondux għal differenzi oġġettivi ta’ sitwazzjonijiet.

65

Minn dan jirriżulta li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità imposti fuq l-“organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani”, abbażi tal-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi dwar it-Trasparenza, kif ukoll is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jikkostitwixxu, ikkunsidrati flimkien, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE sakemm ma tkunx iġġustifikata konformement mat-Trattat FUE u mal-ġurisprudenza.

2. Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet

a) L-argumenti tal-partijiet

66

Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-Liġi dwar it-Trasparenza la tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE u lanqas minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

67

F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni u dan l-Istat Membru jirrikonoxxu li l-għanijiet invokati mill-Ungerija, li jikkonsistu fiż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minn naħa, u fil-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika billi jiġu miġġielda l-ħasil tal-kapital, il-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod iktar wiesa’, il-kriminalità organizzata, min-naħa l-oħra, huma, bħala prinċipju, leġittimi.

68

Madankollu, jidher b’mod ċar, f’din il-kawża, li dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw obbligi bħal dawk implimentati mil-Liġi dwar it-Trasparenza.

69

Fil-fatt, l-Artikolu 65(1)(b) TFUE jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri ġġustifikati minn raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika, iżda dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jistgħux jiġġustifikaw leġiżlazzjoni li d-dispożizzjonijiet tagħha jistigmatizzaw, bħala prinċipju u mingħajr differenzjazzjoni, lill-“organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani”. Barra minn hekk, l-Ungerija ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika u ma turix li l-obbligi imposti mil-Liġi dwar it-Trasparenza jippermettu, b’mod effettiv, li jiġu miġġielda l-ħasil tal-kapital, il-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod iktar wiesa’, il-kriminalità organizzata.

70

Fir-rigward tal-għan ta’ trasparenza u, lil hinn minn dan, ta’ traċċabbiltà tal-moviment tal-kapital intiżi għall-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, dan jista’ jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, dan l-għan ma jistax jiġġustifika li, f’Unjoni Ewropea bbażata fuq valuri komuni u li tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tagħha fil-ħajja pubblika, inkluż fi Stat Membru li ma huwiex dak ta’ fejn huma stabbiliti, li leġiżlazzjoni nazzjonali titlaq mill-prinċipju li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja li ġejja minn persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra huma suspettużi.

71

F’kull każ, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju jew proporzjonat sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-Ungerija.

72

Fir-risposta, dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li din il-liġi hija ġġustifikata, prinċipalment, minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, sussidjarjament, minn ċerti raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE.

73

Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija liġi ġiet adottata f’kuntest ta’ żieda tal-ammont tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz ta’ kapital minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, li minn HUF 68.4 biljuni (madwar EUR 228 miljuni) għas-sena 2010 tela’ għal HUF 169.6 biljuni (madwar EUR 565 miljuni) għas-sena 2015, u ta’ xogħlijiet leġiżlattivi mwettqa kemm f’livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, intiżi sabiex tiġi żgurata traċċabbiltà ikbar tal-moviment tal-kapital. Din hija għalhekk iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tikkonsisti fiż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’kunsiderazzjoni għall-influwenza li dawn tal-aħħar għandhom fuq il-ħajja pubblika.

74

Min-naħa l-oħra, l-istess liġi hija ġġustifikata wkoll minn raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE, li jikkonsistu f’li jiġi miġġieled il-ħasil tal-kapital, il-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod iktar wiesa’, il-kriminalità organizzata, billi titkabbar it-trasparenza fir-rigward ta’ finanzjamenti li jistgħu jaħbu attivitajiet suspettużi.

75

Fit-tieni lok, il-Liġi dwar it-Trasparenza hija neċessarja u proporzjonata għal dawn id-diversi għanijiet.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura Statali li tillimita l-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata biss jekk, fl-ewwel lok, tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u jekk, fit-tieni lok, tkun tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa li tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u li din ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutti fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom ikunu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, dan l-Istat Membru għandu jipprova, b’mod konkret fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punti 66 sa 69, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑165/08, EU:C:2009:473, punti 53 u 57).

78

F’din il-kawża, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni invokata b’mod prinċipali mill-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li l-għan taż-żieda tat-trasparenza ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fuq fondi pubbliċi mogħtija mill-Unjoni, permezz ta’ obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità, jista’ jitqies, fid-dawl tal-prinċipji ta’ b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u ta’ trasparenza li għandhom jiggwidaw l-attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, mal-Artikolu 10(3) TUE u mal-Artikolu 15(1) u (3) TFUE, li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, tali għan huwa ta’ natura li jtejjeb l-informazzjoni taċ-ċittadini dwar dan is-suġġett kif ukoll li jippermettilhom jipparteċipaw b’mod aħjar fid-dibattitu pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 68 sa 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Sa fejn, hekk kif huwa paċifiku bejn il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja minn naħa u l-Ungerija min-naħa l-oħra, ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom, fid-dawl tal-għanijiet li huma għandhom u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, influwenza importanti fuq il-ħajja pubblika u fuq id-dibattitu pubbliku (il-Qorti EDB, 14 ta’ April 2009, Társaság a Szabadságjogokért vs L-Ungerija, CE:ECHR:2009:0414JUD003737405, punti 27, 36 u 38, kif ukoll il-Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:1108JUD001803011, punti 166 u 167), għandu jitqies li l-għan li tiżdied it-trasparenza tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lil tali organizzazzjonijiet jista’ wkoll jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

80

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, inkwantu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, dan l-għan ta’ tkabbir ta’ trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li ġej minn pajjiżi terzi li tkun ikbar minn dik imposta fuq kapital li ġej minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, il-moviment tal-kapital minn pajjiżi terzi huwa differenti mill-moviment tal-kapital minn Stati Membri oħra peress li dawn ma humiex suġġetti, fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva u ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali li japplikaw fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C‑101/05, EU:C:2007:804, punti 36 u 37, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 90).

81

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fik ukoll is-sanzjonijiet stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza japplikaw mingħajr differenzjazzjoni għall-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li jirċievu, minn kull Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Ungerija jew minn kull pajjiż terz, għajnuna finanzjarja ta’ ammont li jilħaq il-limiti previsti minn din il-liġi.

82

Madankollu, l-Ungerija ma tispjegax, minkejja l-oneru ta’ prova li hija għandha fil-qasam ta’ ġustifikazzjoni, ir-raġunijiet li għalihom l-għan taż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv li hija tinvoka jiġġustifika li l-imsemmija obbligi japplikaw mingħajr differenzjazzjoni fir-rigward ta’ kull għajnuna finanzjarja li ġejja minn Stati Membri oħra jew minn kull pajjiż terz, kemm il-darba l-ammont tagħha jilħaq il-limiti previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza. Barra minn hekk, hija lanqas ma tesponi r-raġunijiet li għalihom dan l-istess għan jiġġustifika li l-obbligi inkwistjoni japplikaw b’mod mhux iddifferenzjat fir-rigward tal-organizzazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, minflok ma jkun hemm iffukar fuq dawk li, fid-dawl tal-għanijiet li huma għandhom u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, jista’ realment ikollhom influwenza importanti fuq il-ħajja pubblika u fuq id-dibattitu pubbliku.

83

Fit-tieni lok, il-Liġi dwar it-Trasparenza timponi fuq kull waħda mill-imsemmija organizzazzjonijiet li tirreġistra ruħha u li tippreżenta ruħha, sistematikament, bl-isem speċifiku ta’ “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani”. Barra minn hekk, il-preambolu ta’ din il-liġi jistipula li s-sostenn mogħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn persuni stabbiliti “jista’ jintuża minn gruppi ta’ interessi barranin sabiex jippromwovu, permezz tal-influwenza soċjali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, l-interessi proprji minflok l-għanijiet Komunitarji fil-ħajja soċjali u politika tal-Ungerija” u li dan is-sostenn “jista’ jipperikola l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż, kif ukoll il-funzjonament mingħajr indħil tal-istituzzjonijiet legali”.

84

Minn dan jirriżulta li l-Ungerija xtaqet iżżid it-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv għaliex hija tqis li l-għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi tista’ tipperikola l-interessi importanti tagħha.

85

Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li ċerta għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi li tingħata lil organizzazzjonijiet li fir-rigward tagħhom tapplika l-Liġi dwar it-Trasparenza tista’ titqies bħala li tista’ tipperikola interessi importanti tal-Ungerija, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru sabiex tiżdied it-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv, kif esposti fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġġustifikaw l-obbligi msemmija f’dak il-punt.

86

Fil-fatt, l-għan ta’ żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv, irrispettivament minn kemm jista’ jkun leġittimu, ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija bbażata fuq preżunzjoni ta’ prinċipju u mingħajr differenzjazzjoni li tgħid li kull għajnuna finanzjarja mogħtija minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiżi terzi u kull organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li tirċievi tali għajnuna finanzjarja jistgħu, minnhom infushom, jipperikolaw l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri kif ukoll il-funzjonament mingħajr indħil tal-istituzzjonijiet tiegħu.

87

Għaldaqstant, l-għan ta’ żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv ma jidhirx li jista’, f’dan il-każ, jiġġustifika l-Liġi dwar it-Trasparenza, fid-dawl tal-kontenut jew tal-għan aħħari tad-dispożizzjonijiet tagħha.

88

F’dak li jirrigwarda r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE, invokati sussidjarjament mill-Ungerija, għandu jitfakkar li tali raġunijiet jistgħu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu invokati f’qasam partikolari sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx wettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-miżuri intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑112/05, EU:C:2007:623, punti 72 u 73, kif ukoll tal-25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 60).

89

Madankollu, kif diġà ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni parzjali tal-miżuri intiżi sabiex jiġu miġġielda l-ħasil tal-kapital u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’tali mod li l-Istati Membri għad fadlilhom id-dritt li jinvokaw il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jiġġustifikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital, bħala raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punti 61 sa 64, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 38).

90

Bl-istess mod, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni iktar ġenerali f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jinvokaw il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bħala raġuni marbuta mas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE.

91

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kemm il-darba r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE jippermettu deroga minn libertà fundamentali prevista mit-Trattat FUE, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett, u din hija r-raġuni għaliex il-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri, mingħajr kontroll min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġu invokati biss meta jkun hemm theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17).

92

Issa, f’din il-kawża, l-Ungerija tesponi ċifri aggregati fir-rigward taż-żieda, matul is-snin 2010 sa 2015, tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorju tiegħu permezz ta’ kapital minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, iżda ma tippreżenta l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi, b’mod konkret, li din iż-żieda f’ċifri implikat tali theddida.

93

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 83 u 86 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija donnha tibbaża l-Liġi dwar it-Trasparenza, iktar milli fuq l-eżistenza ta’ theddida reali, fuq preżunzjoni ta’ prinċipju u mingħajr differenzjazzjoni li tgħid li l-għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu tali għajnuna finanzjarja jistgħu jimplikaw tali theddida.

94

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, kien possibbli li tiġi ammessa theddida li, minkejja li ma hijiex reali u attwali, hija madankollu daqstant potenzjali, din it-theddida tkun tista’ biss tiġġustifika, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta mfakkar f’dan il-punt, l-adozzjoni ta’ miżuri li jikkorrispondu għan-natura u għall-gravità tagħha. Madankollu, f’dan il-każ, il-limiti finanzjarji li jixkattaw l-applikazzjoni tal-obbligi imposti mil-Liġi dwar it-Trasparenza ġew stabbiliti b’ammonti li ma jidhirx manifestament li jikkorrispondu għall-każ ta’ theddida suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, li dawn l-obbligi huma meqjusa li jipprevjenu.

95

Għalhekk, l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, li tippermetti li jiġu invokati r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE, ma hijiex stabbilita.

96

Għaldaqstant, il-Liġi dwar it-Trasparenza la tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali relatata maż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv u lanqas permezz tar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li, billi adottat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE.

B.   Fuq l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta

1. Fuq l-applikabbiltà tal-Karta

a) L-argumenti tal-partijiet

98

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni, fin-noti tagħha, li, peress li l-Liġi dwar it-Trasparenza tillimita libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, din għandha, barra minn hekk, tkun kompatibbli mal-Karta.

99

Mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dwar il-portata ta’ dan ir-rekwiżit, kif iċċarat fis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutti fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), li ngħatat wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża, il-Kummissjoni żiedet tgħid li dan ir-rekwiżit jimplika li jiġi ddeterminat jekk il-Liġi dwar it-Trasparenza tillimitax drittijiet jew libertajiet sanċiti mill-Karta, u sussegwentement, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, li jiġi evalwat, abbażi tal-argumenti invokati mill-Ungerija, jekk jidhirx madankollu li din il-liġi hija ġġustifikata.

100

Mistoqsija wkoll dwar dan is-suġġett mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-Ungerija ħadet nota tal-imsemmija sentenza.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta Stat Membru jsostni li miżura adottata minnu, u li tillimita libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, hija ġġustifikata abbażi ta’ dan it-trattat jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rrikonoxxuta mid-dritt tal-Unjoni, tali miżura għandha titqies bħala li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li din għandha tkun konformi mad-drittijiet fundamentali sanċiti minn din tal-aħħar (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 63 u 64, kif ukoll tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutti fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 64 u 65).

102

F’din il-kawża, kif ġie osservat fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija ssostni li l-obbligi imposti mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta din is-sentenza huma ġġustifikati kemm minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali kif ukoll minn raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE.

103

Hekk kif ġustament josservaw il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom għalhekk ikunu konformi mal-Karta, u dan ir-rekwiżit jimplika li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jimponux limiti fuq id-drittijiet u fuq il-libertajiet sanċiti mill-Karta jew, jekk dan ikun il-każ, li dawn il-limiti jkunu ġġustifikati fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 66 u 70, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 39 u 41).

104

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jillimitawx id-drittijiet li tagħmel riferiment għalihom il-Kummissjoni u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk dawn humiex madankollu ġġustifikati, kif targumenta l-Ungerija.

2. Fuq l-eżistenza ta’ limiti għad-drittijiet sanċiti mill-Karta

a) L-argumenti tal-partijiet

105

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni li l-Liġi dwar it-Trasparenza tillimita, fl-ewwel lok, id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta u, fit-tieni lok, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rispettivament imsemmija fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 8(1) tal-Karta.

106

Fir-rigward tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-Kummissjoni tesponi, qabelxejn, li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jinkludix biss il-possibbiltà ta’ ħolqien jew ta’ xoljiment ta’ assoċjazzjoni, iżda wkoll, fil-frattemp, il-possibbiltà li din teżisti u tiffunzjona mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat. Sussegwentement, hija ssostni li l-kapaċità li jiġu rċevuti riżorsi finanzjarji hija essenzjali għall-funzjonament tal-assoċjazzjonijiet. Fl-aħħar nett, hija tqis, f’din il-kawża, l-ewwel nett, li l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità imposti mil-Liġi dwar it-Trasparenza jistgħu jrendu b’mod sinjifikattiv iktar diffiċli l-azzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija, it-tieni nett, li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u użu tal-isem “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani” li jakkumpanjawhom jistgħu jistigmatizzaw lil dawn l-organizzazzjonijiet u, it-tielet nett, li s-sanzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-diversi obbligi jqiegħdu riskju ġuridiku fuq l-eżistenza nnifisha tagħhom sa fejn dawn jinkludu possibbiltà ta’ xoljiment.

107

F’dak li jirrigwarda d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-Kummissjoni tqis li l-Liġi dwar it-Trasparenza tillimita dawn id-drittijiet billi tipprevedi obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità li jinkludu l-komunikazzjoni lill-qrati kompetenti jew lill-ministeru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal tal-informazzjoni ċivili, kif ukoll l-iżvelar ulterjuri lill-pubbliku, ta’ informazzjoni li tinkludi, skont il-każ, l-isem, il-pajjiż u l-belt ta’ residenza tal-persuni fiżiċi jew isem is-soċjetà ċivili u l-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuni ġuridiċi li jkunu pprovdew, minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz, għajnuna finanzjarja ta’ ammont li jilħaq ċerti limiti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija.

108

Fir-risposta, l-Ungerija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Liġi dwar it-Trasparenza ma tillimitax id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni. Fil-fatt, din il-liġi tillimita ruħha li tiddetta regoli dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija u li takkumpanja n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom b’sanzjonijiet. Barra minn hekk, l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubbliċità li hija tipprevedi huma mfassla f’termini newtrali u jirrigwardaw għan speċifiku, relatat mal-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet jirċievu għajnuna finanzjarja minn sorsi barranin ta’ ċerta importanza. Fl-aħħar nett, la dawn l-obbligi u lanqas l-isem ta’ “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani” marbuta magħhom ma huma stigmatizzanti. Bil-kontra ta’ dan, mill-preambolu tal-Liġi dwar it-Trasparenza jirriżulta b’mod ċar li l-fatt li tiġi rċevuta għajnuna finanzjarja minn sorsi barranin ma huwiex, fih innifsu, oġġezzjonabbli.

109

Fit-tieni lok, id-data li din il-liġi tipprevedi li għandha tiġi kkomunikata lill-qrati kompetenti u l-iżvelar lill-pubbliku ma tistax tiġi kklassifikata, b’mod iżolat, bħala data personali koperta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta jew bħala data li l-komunikazzjoni u l-iżvelar tagħha jillimitaw id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, il-persuni li jagħtu għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitqiesu, sa fejn l-għan tagħhom huwa li jinfluwenzaw, billi jagħmlu dan, il-ħajja pubblika, bħala persuni pubbliċi li l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom hija inqas minn dik ta’ sempliċi individwi.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

110

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, dan huwa sanċit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, li jistipula li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni fuq il-livelli kollha, b’mod partikolari fl-oqsma pubbliċi, sindakali u ċiviċi.

111

Dan id-dritt jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Dan għandu għalhekk jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

112

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika, sa fejn dan jippermetti li ċ-ċittadini jaġixxu b’mod kollettiv f’oqsma ta’ interess komuni u li jikkontribwixxu, billi jagħmlu dan, għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika (il-Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92, kif ukoll il-Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L-Azerbajġan, CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punti 52 u 53).

113

Sussegwentement, dan id-dritt ma jinkludix biss il-possibbiltà li assoċjazzjoni tinħoloq jew li tiġi xolta (il-Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punt 52, kif ukoll il-Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L-Azerbajġan, CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punt 54), iżda jinkludi wkoll il-possibbiltà li fil-frattemp din l-assoċjazzjoni taġixxi, li jimplika, b’mod partikolari, li hija tkun tista’ tkompli l-attivitajiet tagħha u tiffunzjona mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat (il-Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Fergħa ta’ Moska tal-Armata tas-Salvazzjoni vs Ir-Russja, CE:ECHR:2006:1005JUD007288101, punti 73 u 74).

114

Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, għalkemm jistgħu jkunu eventwalment iġġustifikati, leġiżlazzjonijiet li jirrendu sinjifikattivament iktar diffiċli l-azzjoni jew il-funzjonament tal-assoċjazzjonijiet, kemm billi jsaħħu r-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni tagħhom (il-Qorti EDB, 12 ta’ April 2011, Partit Repubblikan Russu vs Ir-Russja, CE:ECHR:2011:0412JUD001297607, punti 79 sa 81), billi jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jirċievu riżorsi finanzjarji (il-Qorti EDB, 7 ta’ Ġunju 2007, Partit Nazzjonalista Bask – Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Iparralde vs Franza, CE:ECHR:2007:0607JUD007125101, punti 37 u 38), billi jissuġġettawhom għal obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità b’tali mod li jagħtuhom immaġni negattiva (il-Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 2001, Grande Oriente d’Italia di Palazzo Giustiniani vs L-Italja, CE:ECHR:2001:0802JUD003597297, punti 13 u 15) jew billi jesponuhom għal riskju ta’ sanzjoni, b’mod partikolari ta’ xoljiment (il-Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Fergħa ta’ Moska tal-Armata tas-salut vs Ir-Russja, CE:ECHR:2006:1005JUD007288101, punt 73), xorta waħda jistgħu jiġu kklassifikati bħala ndħil fid-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u, għaldaqstant, bħala limitazzjonijiet għal dan id-dritt, hekk kif sanċit fl-Artikolu 12 tal-Karta.

115

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-obbligi imposti mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxux limitazzjonijiet għad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, b’mod partikolari sa fejn dawn jirrendu sinjifikattivament iktar diffiċli l-azzjoni u l-funzjonament tal-assoċjazzjonijiet u tal-fondazzjonijiet li huma suġġetti għaliha, hekk kif issostni l-Kummissjoni.

116

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jillimitaw il-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet u tal-fondazzjonijiet inkwistjoni li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, meqjus l-effett dissważiv ta’ tali obbligi u tas-sanzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tagħhom.

117

Min-naħa l-oħra, l-obbligi sistematiċi imposti fuq l-assoċjazzjonijiet u fuq il-fondazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar it-Trasparenza li jirreġistraw ruħhom u li jippreżentaw ruħhom taħt l-isem “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani” għandhom, kif tirrikonoxxi l-Ungerija, jinftiehmu fid-dawl tal-preambolu ta’ din il-liġi, li l-kontenut tiegħu ġie mfakkar fil-punt 83 ta’ din is-sentenza.

118

F’dan il-kuntest, l-obbligi sistematiċi inkwistjoni jistgħu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 120 sa 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikollhom effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni ta’ donaturi residenti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar it-Trasparenza u, b’dan il-mod, ifixklu l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kif ukoll it-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnhom. Barra minn hekk, dawn huma ta’ natura li joħolqu, fl-Ungerija, klima ta’ sfiduċja ġġeneralizzata fil-konfront tal-assoċjazzjonijiet u tal-fondazzjonijiet inkwistjoni kif ukoll li jistigmatizzawhom.

119

Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jillimitaw id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni protett fl-Artikolu 12(1) tal-Karta.

120

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tinvoka, b’mod konġunt, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li huma limitati mill-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza.

121

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 8(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

122

Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u għandu, konsegwentement, jingħata l-istess sens u l-istess portata (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53, u tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild taħt tutela legali skont is-sistema tal-kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 65).

123

Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan id-dritt jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi minn kull indħil mhux iġġustifikat fil-ħajja privata u tal-familja tal-persuni kif ukoll fir-relazzjonijiet bejniethom. Dan għalhekk jimponi obbligu negattiv u mingħajr kundizzjonijiet fuq l-awtoritajiet pubbliċi, li ma jeħtieġx li jiġi implimentat permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, li miegħu madankollu jista’ jiżdied obbligu pożittiv li jiġu adottati miżuri ġuridiċi intiżi li jipproteġu l-ħajja privata u tal-familja (il-Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2004, Von Hannover vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2004:0624JUD005932000, punt 57, u l-Qorti EDB, 20 ta’ Marzu 2007, Tysiąc vs Il-Polonja, CE:ECHR:2007:0320JUD000541003, punti 109 u 110).

124

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet li jimponu jew jippermettu l-komunikazzjoni ta’ data personali bħal ma huwa l-isem, il-post ta’ residenza jew ir-riżorsi finanzjarji ta’ persuni fiżiċi lil awtorità pubblika għandhom jiġu kklassifikati, fl-assenza tal-kunsens ta’ dawn il-persuni fiżiċi u irrispettivament mill-użu ulterjuri tad-data inkwistjoni, bħala ndħil fil-ħajja privata tagħhom u, għaldaqstant, bħala limitazzjoni għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, bla ħsara għall-fatt li dawn ikunu eventwalment iġġustifikati. L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet li jipprevedu x-xandir ta’ tali data lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 73 sa 75 u 87 sa 89; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 56 sa 58 u 64, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 48 u 51).

125

Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni lil awtorità pubblika ta’ data nominattiva jew finanzjarja dwar persuni ġuridiċi u x-xandir ta’ din id-data lill-pubbliku huma ta’ natura li jillimitaw id-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta biss jekk l-isem legali ta’ dawn il-persuni ġuridiċi jinkludi l-isem ta’ persuna jew ta’ diversi persuni fiżiċi (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 53).

126

Minn naħa tiegħu, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali sanċit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, li huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 41), jipprekludi li informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli tixxandar lil terzi, kemm jekk lil awtorità pubblika jew lill-pubbliku inġenerali, sakemm dan ix-xandir ma jseħħx abbażi ta’ trattament leali li jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 49). Apparti dan il-każ, l-imsemmi xandir, li jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, għandu għalhekk jitqies bħala li jillimità d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 51).

127

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-informazzjoni li hija kkonċernata mill-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza tinkludi l-isem, il-pajjiż u l-belt ta’ residenza tal-persuni fiżiċi li jagħtu għajnuna finanzjarja li l-ammont tagħha jilħaq ċerti limiti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija kif ukoll l-ammont ta’ din l-għajnuna finanzjarja, hekk kif jirriżulta mill-punti 5 u 10 ta’ din is-sentenza. Din tinkludi wkoll, hekk kif huwa indikat fl-istess punti, minbarra l-isem legali u l-uffiċċju rreġistrat tal-persuni ġuridiċi li jagħtu tali għajnuna finanzjarja, l-isem tas-soċjetà ċivili ta’ dawn il-persuni ġuridiċi, li tista’ hija stess tinkludi l-isem ta’ persuni fiżiċi.

128

Issa, tali data hija koperta mid-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 124 u 125 ta’ din is-sentenza.

129

Sussegwentement, huwa minnu li, hekk kif tosserva l-Ungerija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li, sa fejn iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jiġu informati u sa fejn dan id-dritt jista’, f’ċirkustanzi partikolari, jirrigwarda saħansitra aspetti tal-ħajja privata ta’ persuna pubblika, bħal personalità politika, il-persuni pubbliċi ma jistgħux jippretendu li jingħataw l-istess protezzjoni tal-ħajja privata bħal dik mogħtija lill-persuni privati (il-Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2004, Von Hannover vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2004:0624JUD005932000, punt 64, u l-Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Von Hannover vs Il-Ġermanja (Nru 2), CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, punt 110).

130

Madankollu, il-kunċett ta’ “persuna pubblika” huwa ddefinit b’mod strett, fejn per eżempju l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eskludiet, hekk kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, li tqis bħala tali, persuna li ma teżerċitax funzjoni politika, minkejja n-notorjetà kbira tagħha.

131

Madankollu, il-fatt li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiżi terzi jagħtu lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fl-Ungerija għajnuna finanzjarja ta’ ammont li jilħaq il-limiti previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza ma jippermettix li dawn il-persuni jitqiesu li huma persuni pubbliċi. Fil-fatt, anki jekk jitqies li, fid-dawl tal-għanijiet konkreti tagħhom, uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet jew mill-imsemmija persuni għandhom jitqiesu bħala li jieħdu sehem fil-ħajja pubblika fl-Ungerija, xorta jibqa’ l-fatt li l-għoti ta’ tali għajnuna finanzjarja ma huwiex kopert mill-eżerċizzju ta’ funzjoni politika.

132

Konsegwentement, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità previsti mil-Liġi dwar it-Trasparenza jillimitaw id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

133

Fl-aħħar nett, għalkemm l-għan taż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv jista’ jitqies bħala li jissodisfa interess ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza, l-implimentazzjoni tiegħu għandha xorta waħda tosserva, meta din tagħti lok għal ipproċessar ta’ data personali, ir-rekwiżiti ta’ trattament leali previsti fl-Artikolu 8(2) tal-Karta. Madankollu, f’dan il-każ, l-Ungerija bl-ebda mod ma ssostni li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu dawn l-obbligi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

134

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 126 u 127 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija obbligi għandhom ukoll jitqiesu bħala li jillimitaw id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta.

3. Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet

a) L-argumenti tal-partijiet

135

Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li ma jidhirx li l-limitazzjonijiet li l-Liġi dwar it-Trasparenza timponi fuq id-drittijiet rispettivament sanċiti fl-Artikoli 12 u 7 kif ukoll fl-Artikolu 8(1) tal-Karta huma ġġustifikati fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

136

Fil-fatt, għalkemm l-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku kif ukoll tas-sigurtà pubblika invokati mill-Ungerija jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu li huma għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, għall-finijiet ta’ din dispożizzjoni, dan l-Istat Membru ma jurix, f’din il-kawża, li dawn l-għanijiet jiġġustifikaw li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jiġu limitati bil-mod kif isir fil-Liġi dwar it-Trasparenza.

137

F’kull każ, din il-liġi ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

138

Fir-risposta, l-Ungerija tqis li ż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament assoċjattiv għandha titqies li hija għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Barra minn hekk, il-miżuri implimentati mil-Liġi dwar it-Trasparenza jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra stipulati f’din id-dispożizzjoni.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139

Mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta, b’mod partikolari, li kull limitazzjoni imposta fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

140

Madankollu, fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza, imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn ebda wieħed mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni li ġew invokati mill-Ungerija.

141

Minn dan jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet, li minbarra restrizzjonijiet għal-libertà fundamentali protetta fl-Artikolu 63 TFUE jimponu limiti fuq id-drittijiet rispettivament sanċiti fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 7 kif ukoll fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, hekk kif ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 119, 132 u 134 ta’ din is-sentenza, ma jissodisfawx, f’kull każ, l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali.

142

Minn dan isegwi li, billi adottat l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta.

C.   Konklużjoni

143

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trasparenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li jimponu obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fuq ċerti kategoriji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn għajnuna minn pajjiż barrani li taqbeż ċertu limitu, u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet li ma josservawx dawn l-obbligi, l-Ungerija introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji u mhux iġġustifikati fir-rigward tad-donazzjonijiet barranin mogħtija lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bi ksur tal-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta.

VII. Fuq l-ispejjeż

144

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

145

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjez rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat id-dispożizzjonijiet tal-külföldről támogatott szervezetek átláthatóságáról szóló 2017. évi LXXVI. törvény (il-Liġi Nru LXXVI tal-2017 dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Għajnuna minn Pajjiż Barrani) li jimponu obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fuq ċerti kategoriji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn għajnuna minn pajjiż barrani li taqbeż ċertu limitu, u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet li ma josservawx dawn l-obbligi, l-Ungerija introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji u mhux iġġustifikati fir-rigward tad-donazzjonijiet barranin mogħtija lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bi ksur tal-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq