EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0785

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-29 ta’ Jannar 2020.
GAEC Jeanningros vs Institut national de l’origine et de la qualité (INAO) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’ – Emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott – Applikazzjoni għal emenda kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali – Ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tipprovdi li r-rikors isir mingħajr skop meta l-Kummissjoni Ewropea tkun approvat l-emenda – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.
Kawża C-785/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:46

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’ – Emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott – Applikazzjoni għal emenda kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali – Ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tipprovdi li r-rikors isir mingħajr skop meta l-Kummissjoni Ewropea tkun approvat l-emenda – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors”

Fil-Kawża C‑785/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

GAEC Jeanningros

vs

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

Ministre de l’Économie et des Finances,

fil-preżenza ta’:

Comité interprofessionnel de gestion du Comté,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, A.-L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1), tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU 2014, L 179, p. 17), u tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU 2014, L 179, p. 36), moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-GAEC Jeanningros, grupp agrikolu ta’ operat b’mod konġunt, u, min-naħa l-oħra, l-Institut national de l’origine et de la qualité (INAO) (l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità, Franza), u l-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, Franza) u l-ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, Franza) dwar l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Comté”.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012 tipprovdi:

“Sabiex ikun żgurat li l-ismijiet irreġistrati ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet minimi komuni, li jinkludu proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-applikazzjonijiet biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti u li jkun ittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati barra l-Istat Membru tal-applikazzjoni.”

4

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Speċifikazzjoni tal-prodott”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, għandha tkun konformi ma’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas:

(a)

l-isem li għandu jiġi protett bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika, kif jintuża, kemm jekk fil-kummerċ kif ukoll jekk fil-lingwaġġ komuni, u bil-lingwi biss li huma jew li kienu storikament użati biex jiddeskrivu l-prodott speċifiku fiż-żona ġeografika ddefinita;

(b)

deskrizzjoni tal-prodott, inkluża materja prima, jekk ikun opportun, kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott;

(c)

id-definizzjoni taż-żona ġeografika delimitata fir-rigward tar-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii) ta’ dan il-paragrafu, u, fejn ikun opportun, id-dettalji li jindikaw konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3);

(d)

evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 5(1) jew (2);

(e)

deskrizzjoni tal-metodu kif jinkiseb il-prodott u, fejn ikun opportun, tal-metodi lokali awtentiċi u li ma jinbidlux kif ukoll informazzjoni dwar l-ippakkjar, jekk il-grupp applikant jiddetermina hekk u jagħti ġustifikazzjoni suffiċjenti speċifika għall-prodott għaliex l-ippakkjar ikun irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita biex tiġi salvagwardata l-kwalità, biex tkun żgurata l-oriġini jew ikun żgurat il-kontroll, b’kont meħud tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dik dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-forniment liberu tas-servizzi;

(f)

dettalji li jistabbilixxu dan li ġej:

(i)

ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 5(1); jew

(ii)

fejn ikun opportun, ir-rabta bejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra speċifika tal-prodott u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 5(2);

(g)

l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew, jekk disponibbli, l-isem u l-indirizz tal-korpi li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 37 u l-kompiti speċifiċi tagħhom;

(h)

kwalunkwe regola ta’ ttikkettar speċifika għall-prodott ikkonċernat.”

5

L-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.   […]

L-Istat Membru għandu jiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex jivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva.

3.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni.

[…]

4.   Jekk, wara li jivvaluta kull oppożizzjoni li jkun irċieva, l-Istat Membru jqis bħala li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. F’tali każ huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-oppożizzjonijiet ammissibbli riċevuti minn xi persuna naturali jew ġuridika li tkun legalment ikkummerċjalizzat il-prodotti inkwistjoni, bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati b’mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell.

[…]”

6

L-Artikolu 50(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva. […]”

7

L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Emenda fi speċifikazzjoni ta’ prodott”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Grupp li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda fi speċifikazzjoni ta’ prodott.

L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu raġunijiet għall-emendi mitlubin.

2.   Fejn l-emenda tkun tinvolvi emenda waħda jew aktar għall-ispeċifikazzjoni li ma jkunux minuri, l-applikazzjoni għall-emenda għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52.

Madankolllu, jekk l-emendi proposti jkunu minuri, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ approvazzjoni ta’ emendi li jimplikaw modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2), il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-elementi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Biex emenda titqies bħala waħda minuri fil-każ tal-iskema tal-kwalità deskritta fit-Titolu II, din ma għandhiex:

(a)

tkun marbuta mal-karatteristċi essenzjali tal-prodott;

(b)

tibdel ir-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii) tal-Artikolu 7(1);

(c)

tinkludi bidla fl-isem, jew f’xi parti tal-isem, tal-prodott;

(d)

taffettwa ż-żona ġeografika definita; jew

(e)

tirrappreżenta żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodott jew il-materja prima tiegħu.

[…]”

8

L-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014, intitolat “Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni ta’ prodott, kif imsemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma hijiex minuri, għandu jkun fiha deskrizzjoni eżawrjenti bir-raġunijiet speċifiċi għal kull emenda. Id-deskrizzjoni għandha tqabbel fid-dettall, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta.

Dik l-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti. Din għandha tinkludi l-emendi kollha fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u, fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalih tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni.

[…]

2.   L-applikazzjonijiet għal emenda minuri għal speċifikazzjoni ta’ prodott dwar denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom jitressqu quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ż-żona ġeografika tad-denominazzjoni jew indikazzjoni tirreferi għalih. […] Jekk l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu jkunu ġew issodisfati, jista’ jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni ta’ emenda minuri lill-Kummissjoni. […]

L-applikazzjoni għal emenda minuri għandha tipproponi biss emendi minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tiddeskrivi dawk l-emendi minuri, tesprimi fil-qosor ir-raġuni għaliex hija meħtieġa emenda, u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala minuri skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tqabbel, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta. L-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti u għandha tinkludi l-emendi kollha għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalihom tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni.

L-emendi minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitqiesu approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni għal emenda minuri li ma tikkonformax mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tkun ammissibbli. L-approvazzjoni taċita msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal applikazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni hix meqjusa bħala inammissibbli fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika l-emenda minuri approvata għal speċifikazzjoni ta’ prodott li ma timplikax modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.”

9

L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014, intitolat “Ir-rekwiżiti proċedurali għall-emendi għal speċifikazzjoni ta’ prodott”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li mhijiex minuri għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness V. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jimtlew skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Id-dokument uniku emendat għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta.

[…]

2.   L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness VII għal dan ir-Regolament.

L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri li tikkonċerna denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokument uniku aġġornat, jekk jiġi emendat, li għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta.

Għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinkludu dikjarazzjoni li huma tal-fehma li l-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati b’konformità miegħu, kif ukoll ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata. Għall-applikazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi, il-grupp ikkonċernat jew l-awtoritajiet tal-pajjiż terz għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata. L-applikazzjonijiet għal emenda minuri fil-każijiet imsemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 664/2014 għandhom jinkludu r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata, għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Membri, flimkien mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata għall-applikazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

[…]”

10

Applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” ġiet approvata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Ġunju 2018 (ĠU 2018, C 187, p. 7).

11

Skont il-punt 5.1.18. tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté”:

“It-taħlib irid isir darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, f’ħinijiet regolari u għalhekk it-taħlib liberu mhuwiex possibbli. Il-magna tat-taħlib hija projbita.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit-8 ta’ Settembru 2017, il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel u l-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi adottaw digriet għall-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté”, kif emendati fuq proposta tal-INAO, fid-dawl tat-trażmissjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1151/2012.

13

Din l-emenda tal-imsemmija speċifikazzjonijiet, ikkunsidrata bħala minuri, kellha bħala għan, b’żieda fil-punt 5.1.18 tagħhom, li jiġi pprojbit l-użu tal-magna tat-taħlib fil-produzzjoni tal-ħalib intiż għall-produzzjoni tal-Comté.

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2017 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), GAEC Jeanningros talab l-annullament tal-imsemmi digriet tal-8 ta’ Settembru 2017, sa fejn dan approva din il-projbizzjoni.

15

Filwaqt li din il-proċedura kienet għadha pendenti, il-Kummissjoni approvat, permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fl-1 ta’ Ġunju 2018 (ĠU 2018, C 187, p. 7), abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014, l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012.

16

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, ta’ applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħad mill-iskop tagħha l-azzjoni ppreżentata quddiemha kontra l-att li permezz tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu bagħtu l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda li jinkludu l-imsemmija emenda minuri lill-Kummissjoni, bl-għan tal-approvazzjoni tagħha.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din l-interpretazzjoni, li tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tagħha, timplika madankollu li ma ngħatatx deċiżjoni dwar il-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet ikkonċernati.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tagħha stess mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-impatt li jista’ jkollu l-annullament ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar applikazzjoni għal emenda tal-ispeċifikazzjoni ta’ DOP fuq il-validità tar-reġistrazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 53 tar-[Regolament Nru 1151/2012], l-Artikolu 6 tar-[Regolament ta’ Delega Nru 664/2014] flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-ipoteżi partikolari li fiha l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ talba tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru intiża għal bidla fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ isem u tar-reġistrazzjoni tad-[DOP], filwaqt li din it-talba tkun għadha s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma jkunx hemm iktar lok li tinqata’ l-kwistjoni pendenti quddiemhom jew, fid-dawl tal-effetti marbuta ma’ annullament eventwali tal-att ikkontestat dwar il-validità tar-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, huma jkollhom jagħtu deċiżjoni dwar il-legalità tal-att tal-awtoritajiet nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 53(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1151/2012, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Kummissjoni tilqa’ l-applikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru intiża għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, il-qrati nazzjonali aditi b’azzjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni meħuda minn dawn l-awtoritajiet dwar din l-applikazzjoni fid-dawl tat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, jistgħu jiddeċiedu li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima pendenti quddiemhom.

21

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li speċifikazzjonijiet li abbażi tagħhom tkun ġiet irreġistrata DOP, skont il-proċedura li hija prevista għal dan il-għan fl-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, jistgħu jkunu suġġetti għal emenda fl-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu jagħmel, fil-paragrafu 2 tiegħu, distinzjoni bejn emendi “li ma jkunux minuri”, li għalihom tapplika l-proċedura prevista għar-reġistrazzjoni ta’ DOP fl-Artikoli 49 sa 52 tal-imsemmi regolament, u emendi “minuri”, li huma ddefiniti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tal-istess regolament u li huma suġġetti għall-proċedura ssimplifikata li hija prevista fih.

22

F’dan il-każ, huwa paċifiku li inkwistjoni hemm deċiżjoni dwar applikazzjoni għal emenda minuri ta’ speċifikazzjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

23

Sabiex jiġi evalwat l-effett tal-approvazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ tali emenda fuq l-azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar din l-emenda, li hija pendenti quddiem qorti nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 50).

24

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), li kien jipprevedi proċedura ta’ reġistrazzjoni li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, stabbilixxa sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, fis-sens li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni bħala DOP setgħet tittieħed mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun issottomettielha applikazzjoni għal dan il-għan u li tali applikazzjoni setgħet issir biss jekk dan l-Istat Membru jkun ivverifika li din kienet iġġustifikata. Din is-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li r-reġistrazzjoni tippreżupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, u dan jirrikjedi, b’mod sinjifikattiv, għarfien iddettaljat ta’ elementi partikolari marbuta mal-Istat Membru kkonċernat, elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 53, u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 66).

25

Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa deċiżjonali li għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’din is-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu fuq il-legalità tal-atti adottati minn dawn l-awtoritajiet, bħalma huma dawk li jirrigwardaw applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni, li jikkostitwixxu stadju neċessarju tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom biss fir-rigward ta’ dawn l-atti marġni ta’ diskrezzjoni limitata jew ineżistenti, billi l-atti ta’ dawn l-istituzzjonijiet, bħad-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni, huma, min-naħa tagħhom, suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punti 5758, u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punti 7071).

26

Minn dan isegwi li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jirrikonoxxu l-irregolaritajiet li bih att nazzjonali, bħalma huwa att dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni, ikun possibbilment ivvizzjat, billi jadixxu, fejn meħtieġ, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ stħarriġ bħal dawk irriżervati għal kwalunkwe att definittiv li, adottat mill-istess awtorità nazzjonali, jista’ jippreġudika lil terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 11 sa 13; tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C-269/99, EU:C:2001:659, punt 58, u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 57).

27

Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali, u din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li l-att inkwistjoni jkun jifforma parti minn proċess deċiżjonali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 910).

28

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 51 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza, assoċjata mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ DOP, hija trasponibbli għall-proċeduri ta’ emenda kemm minuri kif ukoll mhux minuri deskritti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

29

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, ġie rrilevat fl-imsemmi punt 21 li dawn huma, bis-saħħa tar-riferiment magħmul mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, suġġetti għall-istess proċedura bħal dik applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ DOP.

30

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal emendi minuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) ta’ dan ir-regolament, dawn huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 u tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014, għal proċedura ssimplifikata, iżda essenzjalment simili għall-imsemmija proċedura ta’ reġistrazzjoni, sa fejn hija tistabbilixxi wkoll sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-verifika tal-konformità tal-applikazzjoni għal emenda mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti u mir-Regolament Nru 1151/2012 u, min-naħa l-oħra, l-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

31

Mill-premess jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jirrikonoxxu l-irregolaritajiet li bihom att nazzjonali li jirrigwarda applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, bħalma huwa d-digriet tat-8 ta’ Settembru 2017 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ possibbilment ikun ivvizzjat.

32

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jiddeduċu mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 50, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 29).

33

Dan l-obbligu tal-Istati Membri jikkorrispondi mad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti imparzjali stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 3031, u tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 54), u li huwa, barra minn hekk, invokat, fir-rigward tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, fl-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.

34

Huwa għalhekk, f’dan il-każ, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju li għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli għal qorti nazzjonali, adita b’azzjoni kontra att tal-awtoritajiet nazzjonali dwar applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, li tikkunsidra li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima pendenti quddiemha, minħabba li l-Kummissjoni laqgħet din l-applikazzjoni għal emenda.

35

F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar emendi minuri ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti tal-Unjoni, peress li dawn huma atti awtonomi li huma indispensabbli sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ sussegwentement tippronunzja ruħha fuqhom. Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni limitata ħafna li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, huma d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li effettivament ħadu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet.

36

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tapprova tali applikazzjoni għal emenda hija bbażata fuq id-deċiżjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat jieħdu fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni u, għaldaqstant, hija neċessarjament ikkundizzjonata minn din id-deċiżjoni tal-aħħar, u dan speċjalment minħabba l-fatt li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Kummissjoni matul din l-approvazzjoni huwa, essenzjalment, kif jirriżulta mill-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012, limitat għall-verifika li l-applikazzjoni tinkludi l-elementi meħtieġa u ma tidhirx li hija vvizzjata bi żbalji manifesti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 54, u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 67).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li qorti nazzjonali, adita b’azzjoni li tirrigwarda l-legalità ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar applikazzjoni għal emenda minuri ta’ speċifikazzjonijiet ta’ DOP, tikkunsidra li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar din l-azzjoni, għar-raġuni li l-Kummissjoni approvat din l-applikazzjoni, jikkomprometti l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li din il-qorti hija marbuta li tiżgura f’dak li jirrigwarda tali applikazzjonijiet għal emenda.

38

Dan huwa a fortiori l-każ fejn il-proċedura dwar applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, b’differenza minn dak li huwa previst fir-rigward ta’ emenda tal-ispeċifikazzjonijiet li ma hijiex minuri, ma tipprevedix il-possibbiltà li tiġi ppreżentata oppożizzjoni għall-emenda proposta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni li tirrigwarda l-legalità ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tapprova din l-applikazzjoni għal emenda minuri tikkostitwixxi l-unika possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi affettwati minn tali deċiżjoni li jopponuha.

39

L-eventwali annullament ta’ tali deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jċaħħad id-deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-bażi tagħha u jimplika, għaldaqstant, l-eżami mill-ġdid tal-każ minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑454/16 P sa C‑456/16 P u C‑458/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:818, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Kummissjoni tilqa’ l-applikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru intiża għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, il-qrati nazzjonali aditi b’azzjoni li tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni meħuda minn dawn l-awtoritajiet dwar din l-applikazzjoni fid-dawl tat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, ma jistgħux, għal din ir-raġuni biss, jiddeċiedu li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima pendenti quddiemhom.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-applikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru intiża għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta, il-qrati nazzjonali aditi b’azzjoni li tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni mogħtija minn dawn l-awtoritajiet dwar din l-applikazzjoni fid-dawl tat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, ma jistgħux, għal din ir-raġuni biss, jiddeċiedu li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima pendenti quddiemhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq