Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0003

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2020.
Asmel societá consortile a r.l. vs Autorità Nazionale Anticorruzione (ANAC).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Korpi ċentrali ta’ xiri – Muniċipalitajiet żgħar – Limitazzjoni għal żewġ mudelli organizzattivi biss ta’ korpi ċentrali ta’ xiri – Projbizzjoni li jintuża korp ċentrali ta’ xiri rregolat mid-dritt privat u bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati – Limitazzjoni territorjali tal-attività tal-korpi ċentrali ta’ xiri.
Kawża C-3/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:423

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Korpi ċentrali ta’ xiri – Muniċipalitajiet żgħar – Limitazzjoni għal żewġ mudelli organizzattivi biss ta’ korpi ċentrali ta’ xiri – Projbizzjoni li jintuża korp ċentrali ta’ xiri rregolat mid-dritt privat u bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati – Limitazzjoni territorjali tal-attività tal-korpi ċentrali ta’ xiri”

Fil-Kawża C‑3/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Asmel Soc. cons. a r.l.

vs

Autorità Nazionale Anticorruzione (ANAC),

fil-preżenza ta’:

Associazione Nazionale Aziende Concessionarie Servizi entrate (Anacap),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Asmel Soc. cons. a r.l., minn M. Chiti, A. Sandulli, L. Lentini u B. Cimino, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u C. Pluchino, avvocatesse dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(10) u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 335, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ ikbar għall-kompetizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi. Id-Direttiva 2004/18 tħassret bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Asmel Soc. cons. a r.l. (iktar ’il quddiem “Asmel”) u l-Autorità Nazionale Anticorruzione (ANAC) (l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (ANAC), l-Italja) dwar id-deċiżjoni Nru 32, adottata mill-ANAC, fit-30 ta’ April 2015, li permezz tagħha din l-awtorità ppronunzjat fil-konfront ta’ Asmel projbizzjoni milli teżerċita l-attività ta’ intermedjarja fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u ddikjarat illegali s-sejħiet għal offerti li saru minn din il-kumpannija, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn din tal-aħħar tal-mudelli ta’ organizzazzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri previsti mid-dritt Taljan (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18, applikabbli għad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni għandhom għalhekk ikunu interpretati konformement kemm mar-regoli u l-prinċipji msemmija qabel kif ukoll mar-regoli l-oħra tat-Trattat.”

4

Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Sabiex tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi differenti miksuba fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jitħallew li jagħżlu jekk l-awtoritajiet kuntrattwali jużawx il-qafas ta’ ftehim, korpi ta’ xiri ċentrali, sistemi dinamiċi ta’ xiri, irkanti ta’ l-elettronika jew il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv kif definit u rregolat b’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 1(8) sa (10) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“8.   It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

[…]

9.   Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

(a)

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

li għandhom personalità legali, u;

(c)

ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

[…]

10.   ‘Korp ċentrali ta’ xiri’ hija awtorità kuntrattwali li:

takkwista provvisti u/jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali, jew

tassenja kuntratti pubbliċi jew tikkonkludi qafas ta’ ftehim għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma intenzzjonati għall-awtoritajiet kuntrattwali.”

6

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

7

Skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, din hija applikabbli inter alia għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi ta’ valur (mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud) ta’ EUR 207000 jew iktar mogħtija minn awtoritajiet kontraenti minbarra dawk elenkati fl-Anness IV ta’ din id-direttiva. Fir-rigward tal-kuntratti għal xogħlijiet, l-Artikolu 7(c) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi dan il-limitu minimu fl-ammont ta’ EUR 5186000.

8

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi u kwadru ta’ ftehim mogħtija minn korpi ta’ xiri ċentrali”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Stati Membri jistgħu jistipulaw li awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jixtru xogħlijiet, fornimenti u/jew servizzi minn jew permezz ta’ korp ta’ xiri ċentrali.

2.   Awtoritajiet kontrattwanti li jixtru xogħlijiet, fornimenti u/jew servizzi minn jew permezz ta’ korp ta’ xiri ċentrali fil-każi mniżżlin fl-Artikolu 1(10) għandhom jkunu meqjusa li ikkonformaw ma’ din id-Direttiva safejn il-korp ta’ xiri ċentrali ikun ikkonforma magħha.”

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000

9

L-Artikolu 30 tad-decreto legislativo n. 267 – Testo unico delle leggi sull’ordinamento degli enti locali (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 dwar Test Uniku tal-Liġijiet Dwar l-Organizzazzjoni tal-Entitajiet Lokali) tat-18 ta’ Awwissu 2000 (GURI Nru 227 tat-28 ta’ Settembru 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000”), jipprovdi:

“L-entitajiet lokali jistgħu jidħlu għal ftehimiet meħtieġa bejniethom, sabiex iwettqu funzjonijiet u servizzi ddeterminati b’mod ikkordinat.”

10

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Konsorzji”:

“Għal ġestjoni konġunta ta’ servizz wieħed jew aktar u l-eżerċizzju konġunt ta’ funzjonijiet, l-entitajiet lokali jistgħu jikkostitwixxu konsorzju b’konformità mar-regoli maħsuba għall-impriżi speċjali inklużi fl-Artikolu 114, sa fejn ikunu kompatibbli. Entitajiet pubbliċi oħrajn jistgħu jipparteċipaw fil-konsorzju dejjem sakemm ikunu awtorizzati jagħmlu dan, skont il-liġijiet li għalihom huma suġġetti”.

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jiddefinixxi l-“unjoni ta’ muniċipalitajiet” bħala “entità lokali kkostitwita minn żewġ muniċipalitajiet jew iktar, ġeneralment dawk tal-madwar, sabiex jeżerċitaw funzjonijiet u servizzi b’mod konġunt”.

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006

12

L-Artikolu 3(25) tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 li Jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti li Jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE) tat-12 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 100 tat-2 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”), jiddefinixxi l-“awtorità kontraenti” bħala “l-amministrazzjonijiet tal-Istat, l-entitajiet pubbliċi territorjali; entitajiet pubbliċi oħrajn ta’ natura mhux ekonomika, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, l-unjonijiet, il-konsorzji, irrispettivament mill-isem tagħhom, ikkostitwiti mill-imsemmija entitajiet”.

13

Skont l-Artikolu 3(34) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, “korp ċentrali ta’ xiri” għandu jfisser:

“L-awtorità kontraenti li:

takkwista provvisti jew servizzi ddestinati għal awtoritatijiet kontraenti jew għal entitajiet kontraenti oħrajn, jew

tassenja kuntratti pubbliċi jew tidħol għal ftehim qafas ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi ddestinati għal awtoritajiet kontraenti jew għal entitajiet kontraenti oħrajn;

14

L-Artikolu 33(3a) ta’ dan l-istess digriet leġiżlattiv, inkluż mid-decreto-legge n. 201, Disposizioni urgenti per la crescita, l’equità e il consolidamento dei conti pubblici (id-Digriet Liġi Nru 201 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għat-Tkabbir, l-Ekwità u l-Konsolidazzjoni tal-Kontijiet Pubbliċi) tas-6 ta’ Diċembru 2011 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 284 tas-6 ta’ Diċembru 2011), ikkonvertit, b’emendi, f’liġi permezz tal-legge n. 214 (il-Liġi Nru 214) tat-22 ta’ Diċembru 2011 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 300, tas-27 ta’ Diċembru 2011), jistipula:

“Il-muniċipalitajiet li l-popolazzjoni tagħhom ma taqbiżx il-5 000 abitant u li huma inklużi fit-territorju ta’ kull provinċja huma obbligati li jassenjaw lil korp ċentrali ta’ xiri wieħed biss l-akkwist ta’ xogħlijiet, servizzi u provvisti fl-ambitu ta’ unjonijiet ta’ muniċipalitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 tat-Test uniku rrikonoxxut fid-Digriet Legiżlattiv Nru 267 tat-18 ta’ Awwissu 2000, meta jeżistu, jew jidħlu għal ftehim korrispondenti ta’ konsorzju bejn muniċipalitajiet, billi jagħmlu użu mill-uffiċċji kompetenti”.

15

L-Artikolu 9(4) tad-decreto-legge no 66 – Misure urgenti per la competitività e la giustizia sociale (Digriet Liġi Nru 66, dwar Miżuri Urġenti għall-Kompetittività u l-Ġustizzja Soċjali), tal-24 ta’ April 2014, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 89 tat-23 ta’ Ġunju 2014 (GURI Nru 143, tat-23 ta’ Ġunju 2014), emenda l-imsemmi Artikolu 33(3a) kif ġej:

“Il-muniċipalitajiet li ma humiex kapitali ta’ provinċja jwettqu l-akkwist ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi fl-ambitu ta’ unjonijiet ta’ muniċipalitajiet inklużi fl-Artikolu 32 tad-Digriet Legiżlattiv [Nru 267/200] meta jeżistu, jew jistabbilixxu ftehim speċifiku ta’ konsorzju bejn l-istess muniċipalitajiet billi jagħmlu użu mill-uffiċċji kompetenti anki tal-provinċji, jew jużaw entità kollettiva jew il-provinċji, b’konformità mal-Liġi Nru 56, tas-7 ta’ April 2014. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Asmel, kumpannija ta’ impriżi b’responsabbiltà limitata, stabbilita fit-23 ta’ Jannar 2013, hija miżmuma 51 % mill-muniċipalità ta’ Caggiano (l-Italja), 25 % mill-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat Asmel, li tinkludi, fost il-membri tagħha, l-Associazione nazionale piccoli comuni italiani (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet Żgħar Taljani), u 24 % mill-Consorzio Asmel, konsorzju ta’ impriżi privati u ta’ muniċipalitajiet.

17

Asmel eżerċitat, fil-passat, attivitajiet bħala korp ċentrali ta’ xiri għal diversi entitajiet lokali. B’mod partikolari, hija organizzat sejħa għal offerti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas sabiex jingħata s-servizz ta’ kontroll tat-taxxa muniċipali fuq beni immobbli u ta’ rkupru forzat tad-djun fiskali, kif ukoll 152 proċedura ta’ sejħa għal offerti telematika għall-għoti ta’ kuntratti ta’ diversi tipi.

18

Skont il-proċeduri operattivi ta’ Asmel, l-entitajiet lokali jissieħbu, b’deċiżjoni tal-kunsill muniċipali, fl-assoċjazzjoni Asmel, u, sussegwentement, skont deċiżjoni tal-kumitat konġunt muniċipali, jgħaddu l-funzjonijiet ta’ xiri tagħhom lil Asmel. Din tal-aħħar hija rremunerata għas-servizzi pprovduti permezz ta’ pjattaforma telematika fl-ammont ta’ 1.5 % mill-ammont tal-kuntratt, li jitħallas mill-offerent rebbieħ tal-kuntratt.

19

Wara diversi lmenti, l-ANAC fetħet investigazzjoni, li fi tmiemha hija kkonkludiet li Asmel ma osservatx il-mudelli ta’ organizzazzjoni għall-korpi ċentrali ta’ xiri preskritti fl-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

20

Skont l-ANAC, Asmel kienet entità rregolata mid-dritt privat filwaqt li, għal korp ċentrali ta’ xiri, id-dritt Taljan jimponi forom pubbliċi ta’ azzjoni permezz ta’ entitajiet pubbliċi jew ta’ assoċjazzjonijiet bejn l-entitajiet lokali, bħall-unjonijiet tal-muniċipalitajiet jew tal-gruppi ta’ muniċipalitajiet stabbiliti permezz ta’ ftehimiet konklużi fuq il-bażi tal-Artikolu 30 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000. Hija rrilevat ukoll li, jekk huwa possibbli li jintużaw entitajiet privati, dawn għandhom ikunu, fi kwalunkwe każ, organi interni (in house), li l-attività tagħhom tkun limitata għat-territorju tal-muniċipalitajiet fundatriċi, filwaqt li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet relatati mal-kontroll analogu u mad-delimitazzjoni territorjali tal-attività eżerċitata ma kinux issodisfatti.

21

Barra minn hekk, l-ANAC ikkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-entitajiet lokali fil-korp ċentrali ta’ xiri kienet biss indiretta, sa fejn dawn kienu l-ewwel nett imsieħba fl-assoċjazzjoni Asmel u, it-tieni nett, skont deċiżjoni tal-kumitat konġunt muniċipali, inkarigaw lil Asmel twettaq akkwisti.

22

Dwar in-natura ġuridika ta’ Asmel, billi din il-kumpannija teżerċita biss indirettament l-attività tagħha għall-ħtiġijiet tal-entitajiet lokali membri tagħha, u ma tipprovdix għalhekk direttament għall-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali li dawn l-entitajiet huma marbuta jissodisfaw, l-ANAC eskludiet li din tista’ tiġi kklassifikata bħala “organu ta’ dritt pubbliku”.

23

Konsegwentement, l-ANAC adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

24

Asmel ikkontestat id-deċiżjoni kontenzjuża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Hija sostniet li, anki jekk hija entità rregolata mid-dritt komuni, hija għandha personalità ġuridika, tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali, hija ffinanzjata mill-entitajiet lokali membri tagħha u topera taħt l-influwenza dominanti tagħhom. Konsegwentement, hija organu ta’ dritt pubbliku u, għaldaqstant, awtorità kontraenti li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala “korp ċentrali ta’ xiri”.

25

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Frar 2016, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) ċaħdet l-azzjoni mressqa minn Asmel. Hija eskludiet, fid-dawl tal-mod ta’ finanzjament u tal-kontroll tal-amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija, li din tista’ tiġi kklassifikata bħala “organu ta’ dritt pubbliku”, fin-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ influwenza dominanti. Barra minn hekk, hija kkonstatat li Asmel ma kinitx konformi mal-mudelli organizzattivi tal-korpi ċentrali ta’ xiri imposti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 u li l-kamp ta’ azzjoni tagħha kellu jiġi limitat għat-territorju tal-muniċipalitajiet fundatriċi.

26

Asmel appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), billi sostniet, b’mod partikolari, minn naħa, li huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-mudell organizzattiv li jikkonsisti f’konsorzju regolat mid-dritt privat fil-forma ta’ kumpannija huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri u, min-naħa l-oħra, li dan id-digriet leġiżlattiv ma jimponi ebda limitazzjoni territorjali tal-attivitajiet tal-korpi ċentrali ta’ xiri.

27

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li, għalkemm, skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri, kull awtorità kontraenti tista’ tassumi l-funzjoni ta’ korp ċentrali ta’ xiri, l-Artikolu 33(3a) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jidderoga minn din ir-regola sa fejn jipprovdi li l-muniċipalitajiet iż-żgħar jistgħu jirrikorru biss għal korpi ċentrali ta’ xiri komposti skont żewġ mudelli ta’ organizzazzjoni preċiżi, jiġifieri dak tal-unjoni tal-muniċipalitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 jew dak tal-konsorzju bejn l-entitajiet lokali msemmi fl-Artikolu 31 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. Fil-fehma tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), jidher li dan l-obbligu impost fuq il-muniċipalitajiet iż-żgħar imur kontra l-possibbiltà li dawn jirrikorru għal korpi ċentrali ta’ xiri mingħajr limitazzjoni fir-rigward tal-forom ta’ kooperazzjoni prevista mid-Direttiva 2004/18.

28

Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubji, fir-rigward tal-konsorzji ta’ muniċipalitajiet, dwar l-obbligu impost fuq il-muniċipalitajiet iż-żgħar li jirrikorru għal mudelli ta’ organizzazzjoni tad-dritt pubbliku, filwaqt li jeskludi l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet privati. Tali esklużjoni tista’ tkun kuntrarja għall-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ l-iktar wiesa’ possibbli tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għall-kompetizzjoni, stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, billi tirriżerva biss għall-entitajiet tad-dritt pubbliku Taljan, elenkati b’mod eżawrjenti, l-eżerċizzju ta’ provvista ta’ servizzi li tista’ tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, u li, f’din il-perspettiva, toqgħod aħjar għall-eżerċizzju tal-kompetizzjoni libera fis-suq intern.

29

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jesponi, barra minn hekk, li, għalkemm id-dritt intern ma jiddefinixxix il-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri, huwa jistabbilixxi korrispondenza bejn it-territorju tal-muniċipalitajiet iż-żgħar li jirrikorru għall-korpi ċentrali ta’ xiri u l-kamp ta’ azzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Dan il-kamp ta’ azzjoni huwa għalhekk limitat għat-territorju tal-muniċipalitajiet membri tal-unjoni ta’ munipalitajiet jew tal-konsorzju. Din id-delimitazzjoni tista’, fil-fehma tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), tmur kontra l-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ l-iktar wiesa’ possibbli tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti għall-kompetizzjoni, peress li toħloq żoni ta’ esklużività għall-attività tal-korpi ċentrali ta’ xiri.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv tat-12 ta’ April 2006, Nru 163/2006 li jillimita l-awtonomija tal-muniċipalitajiet fl-għoti lil korp ċentrali ta’ xiri għal żewġ mudelli organizzattivi biss, jiġifieri l-unjoni tal-muniċipalitajiet jekk din l-unjoni diġà teżisti jew il-konsorzju bejn il-muniċipalitajiet li għad irid jitwaqqaf, tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni]?

2)

Fi kwalunkwe każ, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv tat-12 ta’ April 2016, Nru 163/2006 li, moqri flimkien mal-Artikolu 3(25) tad-Digriet Leġiżlattiv tat-12 ta’ April 2006, Nru 163/2006 fir-rigward tal-mudell organizzattiv tal-konsorzji tal-muniċipalitajiet, jeskludi l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti persuni rregolati mid-dritt privat, bħal konsorzju rregolat mid-dritt komuni li fih jistgħu jiffurmaw parti persuni rregolati mid-dritt privat, tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu tas-servizzi u tal-iktar ftuħ possibbli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi?

3)

Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 li, jekk jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-konsorzji tal-muniċipalitajiet li huma korpi ċentrali ta’ xiri joperaw f’territorju li jikkorrispondi għal dak tal-muniċipalitajiet li huma membri ta’ dan il-konsorzju, ikkunsidrat globalment u, għaldaqstant, f’territorju limitat għat-territorju tal-provinċja, jillimita l-kamp ta’ azzjoni ta’ dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri, tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu tas-servizzi u tal-iktar ftuħ possibbli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi?”

Fuq l-ammissibbiltà

31

Fl-ewwel lok, il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li hija ipotetika.

32

Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa doppja li, minn naħa, l-attività ta’ akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi f’isem awtorità kontraenti tikkostitwixxi attività ekonomika, jiġifieri servizz, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, u, min-naħa l-oħra, Asmel, li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt Taljan sabiex tiġi kklassifikata bħala “korp ċentrali ta’ xiri”, għandha neċessarjament tiġi kklassifikata bħala “operatur ekonomiku”. Issa, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tirrispondi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-risposta ma tippermettix li jintlaqa’ l-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li s-servizzi ta’ akkwist inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ngħatawx lil Asmel fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti konformi mad-dritt tal-Unjoni.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2019, Tedeschi u Consorzio Stabile Istant Service, C‑402/18, EU:C:2019:1023, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali, li biha l-qorti tar-rinviju hija adita, tirrigwarda l-kwistjoni tal-legalità tal-esklużjoni ta’ Asmel min-numru ta’ entitajiet li jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni ta’ korp ċentrali ta’ xiri favur entitajiet lokali żgħar. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din l-esklużjoni hija motivata mil-limitazzjonijiet imposti mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi preċiżament fuq il-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali limitazzjonijiet.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li d-domandi preliminari jirrigwardaw problema ta’ natura ipotetika.

37

Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari ma tistax tiġi kkonfutata, f’dan il-każ, bl-argument tal-Gvern Taljan li jgħid li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix lill-qorti tar-rinviju tilqa’ l-appell ippreżentat minn Asmel, peress li l-attività ta’ akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi ma ġietx fdata lil din il-kumpannija fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża tipprojbixxi lil Asmel, b’mod ġenerali, u mhux fir-rigward ta’ kuntratt partikolari, milli teżerċita attività ta’ korp ċentrali ta’ xiri għall-entitajiet lokali filwaqt li, skont din il-kumpannija, tali projbizzjoni tikser id-dritt tal-Unjoni.

38

Fit-tieni lok, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, minħabba li l-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, imsemmi fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari, ġie sussegwentement imħassar mil-leġiżlatur Taljan, b’tali mod li l-kawża prinċipali jista’ ma jkollhiex iktar skop.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti applikabbli għall-kawża prinċipali. Tali prerogattiva hija biss tal-qorti tar-rinviju li, filwaqt li tiddeskrivi l-kuntest ġuridiku intern, tħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tagħti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari ma tistax titqiegħed f’dubju minħabba t-tħassir sussegwenti tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li l-qorti tar-rinviju indikat li hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

41

Barra minn hekk, mistoqsi dwar il-perspettiva espressa mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan speċifika, fis-seduta, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-korpi ċentrali ta’ xiri, li tħassar u tissostitwixxi l-Artikolu 33(3a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, ma hijiex se jkollha effett qabel il-31 ta’ Diċembru 2020, b’mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali se tibqa’ rregolata minn din id-dispożizzjoni, punt li anki l-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

43

Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni kellhom ukoll dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda preliminari, minħabba li l-limitazzjoni territorjali tal-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minn entitajiet lokali li dwarha qiegħda tistaqsi l-qorti tar-rinviju tista’ tikkostitwixxi vantaġġ għal korp ċentrali ta’ xiri, skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju. B’mod partikolari, dan il-gvern jirrileva li hemm kontradizzjoni f’din id-deċiżjoni dwar il-punt ta’ jekk din il-limitazzjoni territorjali tikkostitwixxix żvantaġġ jew vantaġġ għal dan il-korp ċentrali. Huwa opportun li dawn l-elementi jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

44

Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod ġenerali, għad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-ikbar ftuħ għall-kompetizzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dik il-qorti qiegħda tistaqsi speċifikament dwar l-Artikolu 56 TFUE li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dwar l-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18, dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri.

45

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew tad-dritt sekondarju li għandhom jiġu interpretati sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-domandi preliminari huma intiżi li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 mad-dritt tal-Unjoni. Issa, mit-titolu stess ta’ dan id-digriet jirriżulta li dan jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

46

It-tieni nett, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kunċett ta’ “korp ċentrali ta’ xiri”, previst fl-Artikolu 1(10) u fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 jinsab fiċ-ċentru tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

47

Finalment, it-tielet nett, il-limiti minimi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18 huma milħuqa. Minn naħa, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward ta’ ċertu numru mill-152 proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija minn Asmel matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Mejju 2013 u dak ta’ Frar 2014, milquta minn illegalità skont id-deċiżjoni kontenzjuża, il-valur tal-kuntratt jaqbeż il-limiti minimi rilevanti tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kontezjuża tipprojbixxi lil Asmel milli teżerċita kull attività ta’ intermedjarju fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi indipendentement mill-valur tagħhom.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tad-Direttiva 2004/18 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(10) u tal-Artikolu 11 tagħha.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

49

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-awtonomija tal-organizzazzjoni tal-entitajiet lokali żgħar sabiex jirrikorru għal korp ċentrali ta’ xiri biss għal żewġ mudelli ta’ organizzazzjoni esklużivament pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ persuni jew ta’ impriżi privati.

50

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “korp ċentrali ta’ xiri” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(10) tad-Direttiva 2004/18 u jindika awtorità kontraenti li takkwista provvisti u/jew servizzi intiżi għal awtoritajiet kontraenti, jew tagħti kuntratti pubbliċi, jew tikkonkludi ftehimiet qafas għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi intiżi għal awtoritajiet kontraenti.

51

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “korp ċentrali ta’ xiri” huwa ddefinit fid-Direttiva 2004/18 b’riferiment għall-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”.

52

Dan il-kunċett tal-aħħar huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 u, konformement mal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jindika l-Istat, l-entitajiet territorjali, l-organi rregolati mid-dritt pubbliku u l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-entitajiet jew wieħed jew iktar minn dawn l-organi rregolati mid-dritt pubbliku.

53

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, il-kunċett ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku” għandu jinftiehem bħala kull organu li ġie stabbilit speċifikament sabiex jaqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, li għandu personalità ġuridika, u li l-attivitajiet tiegħu huma ffinanzjati prinċipalment mill-Istat, mill-entitajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, jew inkella li l-amministrazzjoni tiegħu hija suġġetta għal kontroll minn dawn tal-aħħar, jew li l-bord amministrattiv, tad-diretturi jew ta’ sorveljanza tiegħu huwa kompost minn membri li iktar minn nofshom huma maħtura mill-Istat, mill-entitajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li l-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” f’sens wiesa’ u funzjonali, sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet tal-imsemmija direttiva li teskludi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew kandidati nazzjonali meta jingħata xi kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-possibbiltà li xi organu ffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-entitajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jippermetti li jkun iggwidat minn kunsiderazzjonijiet oħra għajr dawk ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2017, LitSpecMet, C‑567/15, EU:C:2017:736, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma timponi ebda obbligu sabiex jiġu osservati mudelli ta’ organizzazzjoni speċifikament sabiex jiġi rifless il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”.

55

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2004/18, “[s]abiex tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi differenti miksuba fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jitħallew li jagħżlu jekk l-awtoritajiet kuntrattwali jużawx […] korpi ta’ xiri ċentrali […] kif definit u rregolat b’din id-Direttiva”. Għalhekk, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2004/18, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jakkwistaw xogħlijiet, provvisti u/jew servizzi billi jirrikorru għal ċentrali ta’ xiri. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kontraenti li jakkwistaw xogħlijiet, provvisti u/jew servizzi billi jirrikorru għal korpi ċentrali ta’ xiri fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(10) tal-istess direttiva, jitqiesu li jkunu osservaw id-Direttiva 2004/18, sakemm dan il-korp ċentrali ta’ xiri jkun osservaha.

56

Mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 1(9) u (10) tad-Direttiva 2004/18 u mal-premessa 16 tagħha, jirriżulta li l-uniku limitu li din id-direttiva timponi fuq l-għażla ta’ korp ċentrali ta’ xiri huwa dak li dan il-korp ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ “awtorità kontraenti”. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jestendi wkoll għad-definizzjoni tal-mudelli ta’ organizzazzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri, sakemm il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 josservaw il-limitu impost minn din id-direttiva, marbut mal-kwalità ta’ awtorità kontraenti tal-entità li l-awtoritajiet kontraenti jkunu intiżi li jużaw bħala korpi ċentrali ta’ xiri. Għalhekk, entità li ma għandhiex il-kwalità ta’ awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, ma tistax tiġi rrikonoxxuta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala li għandha l-kwalità ta’ “korp ċentrali ta’ xiri”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

57

Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 hija, barra minn hekk, konformi mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata, jiġifieri l-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha, stabbiliti fil-premessa 2 ta’ din id-direttiva.

58

Għalkemm l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/18 jeżenta lill-awtoritajiet kontraenti stess li rrikorrew għal korp ċentrali ta’ xiri, fil-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, mill-applikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mill-imsemmija direttiva, huwa jimponi fl-istess ħin fuq dan il-korp ċentrali ta’ xiri l-obbligu li għandhom l-awtoritajiet kontraenti li josservaw il-proċeduri previsti minn din l-istess direttiva. B’dan il-mod, l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi, C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa ggarantit.

59

Din il-konklużjoni ma hijiex prekluża mis-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005Il-Kummissjoni vs Franza (C‑264/03, EU:C:2005:620), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza, irregolat mil-leġiżlazzjoni Franċiża fil-qasam tal-ippjanar urban, li jirriżerva r-rwol tal-mandatarju għal kategoriji ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt Franċiż elenkati b’mod eżawrjenti, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi għall-finijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU 1992, L 209, p. 1), u, sa fejn ma jipprevedi l-ebda proċedura ta’ kompetizzjoni għall-għażla tal-mandatarju, imur kontra din id-direttiva.

60

Fil-fatt, din is-sentenza ma tirrigwardax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li jipprevedu espressament il-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jirrikorru għal korpi ċentrali ta’ xiri. Fi kwalunkwe każ, minn din is-sentenza jirriżulta li l-attribuzzjonijiet tal-mandatarju kienu jinkludu diversi missjonijiet li jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi li kienu ġew attribwiti mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti prevista mid-Direttiva 92/50 (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑264/03, EU:C:2005:620, punti 46, 5155).

61

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri, imsemmi fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, ma hemm xejn fid-Direttiva 2004/18 u lanqas fil-prinċipji sottostanti li jipprekludi lill-Istati Membri milli jadattaw il-mudelli ta’ organizzazzjoni ta’ dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri skont il-bżonnijiet tagħhom stess u fiċ-ċirkustanzi partikolari prevalenti fi Stat Membru, billi jippreskrivu, għal dan il-għan, mudelli ta’ organizzazzjoni esklużivament pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ persuni jew ta’ impriżi privati.

62

F’dan il-kuntest, il-Gvern Taljan ippreċiża li l-leġiżlatur Taljan, l-ewwel billi ħeġġeġ lill-entitajiet lokali jirrikorru għal korpi ċentrali ta’ xiri, maħluqa skont mudelli ta’ organizzazzjoni ddefiniti, imbagħad billi impona fuq l-entitajiet lokali żgħar l-obbligu li jirrikorru għal tali korpi ċentrali, ipprova mhux biss jipprevjeni r-riskju ta’ infiltrazzjonijiet mafjużi, iżda wkoll li jipprevedi strument ta’ kontroll tal-ispejjeż.

63

Fi kwalunkwe każ, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tar-rabta stretta li teżisti bejn il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” u dak ta’ “korp ċentrali ta’ xiri”, esposta fil-punti 51 sa 58 ta’ din is-sentenza, il-korpi ċentrali ta’ xiri ma jistgħux jitqiesu li joffru servizzi f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni minn impriżi privati.

64

Fil-fatt, korp ċentrali ta’ xiri jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti, sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tagħha, u mhux bħala operatur ekonomiku, fl-interess kummerċjali tiegħu stess.

65

B’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-libertà tal-għażla tal-entitajiet lokali żgħar li jirrikorru għal korp ċentrali ta’ xiri, billi tippreskrivi għal dan il-għan żewġ mudelli ta’ organizzazzjoni esklużivament pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ persuni jew ta’ impriżi privati, ma tiksirx l-għan tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha, imfittex mid-Direttiva 2004/18, peress li hija ma tqiegħed l-ebda impriża privata f’sitwazzjoni privileġġata fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

66

Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħti l-ebda preferenza lil impriża offerenti nazzjonali. Għall-kuntrarju, hija tikkontribwixxi għall-għan imsemmi fil-punt preċedenti, sa fejn din tqiegħed lill-entitajiet lokali żgħar ’il bogħod mir-riskju ta’ akkordju bejn korp ċentrali ta’ xiri u impriża privata li għandha sehem f’dan il-korp ċentrali ta’ xiri.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-awtonomija tal-organizzazzjoni tal-entitajiet lokali żgħar sabiex jirrikorru għal korp ċentrali ta’ xiri biss għal żewġ mudelli ta’ organizzazzjoni esklużivament pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ persuni jew ta’ impriżi privati.

Fuq it-tielet domanda

68

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minn entitajiet lokali għat-territorju ta’ dawn l-entitajiet lokali.

69

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa tad-Direttiva 2004/18 li tirregola l-limiti territorjali tal-kamp ta’ azzjoni ta’ korp ċentrali ta’ xiri, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-korpi ċentrali ta’ xiri, li fir-rigward tagħha, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.

70

Miżura li permezz tagħha Stat Membru jillimita l-kamp ta’ azzjoni territorjali tal-korpi ċentrali ta’ xiri għat-territorji rispettivi tal-entitajiet lokali li stabbilixxewhom, sabiex jiżgura li dawn il-korpi ċentrali ta’ xiri jaġixxu fl-interess pubbliku ta’ dawn l-entitajiet, u mhux fl-interess kummerċjali tagħhom stess, lil hinn minn dawn it-territorji, għandha titqies li hija koerenti mal-Artikolu 1(10) tad-Direttiva 2004/18, li jipprevedi li korp ċentrali ta’ xiri għandu jkollu l-kwalità ta’ awtorità kontraenti u għandu, f’dan ir-rigward, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva. Kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, awtorità kontraenti hija entità li tissodisfa funzjoni ta’ interess ġenerali li ma hijiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali. Tali organu ma jeżerċitax, b’mod prinċipali, attività lukrattiva fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa, C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 38). Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, għaldaqstant, titqies li tosserva l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

71

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-limitazzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għal żoni ta’ azzjoni esklużivi għall-korpi ċentrali ta’ xiri, mal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ ftuħ ikbar għall-kompetizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2004/18, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-motivi esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda, li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri għat-territorji rispettivi tal-entitajiet lokali li stabbilixxewhom, ma tqiegħed, minħabba f’hekk, ebda impriża privata f’sitwazzjoni privileġġjata b’paragun mal-kompetituri tagħha, bi ksur ta’ dawn il-prinċipji.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minn entitajiet lokali għat-territorju ta’ dawn l-entitajiet lokali.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(10) u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-awtonomija tal-organizzazzjoni tal-entitajiet lokali żgħar sabiex jirrikorru għal korp ċentrali ta’ xiri biss għal żewġ mudelli ta’ organizzazzjoni esklużivament pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ persuni jew ta’ impriżi privati.

 

2)

L-Artikolu 1(10) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-korpi ċentrali ta’ xiri stabbiliti minn entitajiet lokali għat-territorju ta’ dawn l-entitajiet lokali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq