EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0753

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim) u Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI) vs Fleetmanager Sweden AB u Nordisk Biluthyrning AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” – Impriża ta’ kiri ta’ vetturi kollha mgħammra b’radju bħala apparat standard.
Kawża C-753/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:268

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” – Impriża ta’ kiri ta’ vetturi kollha mgħammra b’radju bħala apparat standard”

Fil-Kawża C‑753/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim),

Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI)

vs

Fleetmanager Sweden AB,

Nordisk Biluthyrning AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim) u l-iSvenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI), minn P. Sande u D. Eklöf, advokater,

għal Fleetmanager Sweden AB, minn S. Hallbäck, S. Wendén, J. Åberg u U. Dahlberg, advokater,

għal Nordisk Biluthyrning AB, minn J. Åberg, C. Nothnagel u M. Bruder, advokater,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson, J. Samnadda, E. Ljung Rasmussen u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l‑informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim) (organizzazzjoni Svediża ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal‑kompożituri ta’ xogħlijiet mużikali u tal-edituri tagħhom) u Fleetmanager Sweden AB (iktar ’il quddiem “Fleetmanager”), u bejn Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI) (organizzazzjoni Svediża ta’ ġestjoni tad-drittijiet relatati tal-artisti) u Nordisk Biluthyrning AB (iktar ’il quddiem “NB”), rispettivament, dwar il-klassifikazzjoni, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, tal-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”) li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħal fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 32, p. 1).

4

L-Artikolu 8 tad-TDA, intitolat “Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berni, awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.”

5

Il-konferenza diplomatika tal-20 ta’ Diċembru 1996 adottat dikjarazzjonijiet komuni fir-rigward tat-TDA.

6

Id-dikjarazzjoni komuni li tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-imsemmi trattat hija fformulata kif ġej:

“Huwa mifhum illi s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ sseħħ jew isseħħ komunikazzjoni ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dan it-trattat jew tal-Konvenzjoni ta’ Bern. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/29

7

Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 hija fformulata kif ġej:

“Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

8

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor [oġġetti protetti oħra]”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

Id-Direttiva 2006/115

9

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax‑xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill‑pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l‑produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il‑kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

Id-dritt Svediż

10

L-upphovrättslagen (1960:279) (il-Liġi Nru 279 tal-1960 dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1960”) ittrasponiet id-Direttiva 2001/29 fid-dritt Svediż. L-Artikolu 2 tagħha jirregola d-dritt esklużiv tal-awturi li jirriproduċu x-xogħlijiet tagħhom u li jqiegħduhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, wara l-“komunikazzjoni” tax-xogħol lill-pubbliku (il-punt 1 tat-tielet paragrafu) jew tar-rappreżentazzjoni tiegħu (il-punt 2 tat-tielet paragrafu).

11

L-Artikoli 45 u 46 tal-Liġi tal-1960 jirregolaw id-drittijiet relatati tal-artisti u tal-produtturi ta’ reġistrazzjonijiet awdjo u ta’ films.

12

Skont l-Artikolu 47 ta’ din il-liġi, li jimplimenta l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, reġistrazzjonijiet awdjo jistgħu jiġu rrappreżentati b’mod pubbliku jew jiġu kkomunikati lill-pubbliku, ħlief jekk din il-komunikazzjoni titwettaq b’tali mod li l-individwi jkollhom aċċess għar-reġistrazzjoni awdjo minn post u f’ħin li jagħżlu huma stess. Waqt tali użu, il-produtturi u l-artisti li r-rappreżentazzjoni tagħhom hija rreġistrata għandhom dritt għal remunerazzjoni ekwa.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fleetmanager u NB huma kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur stabbiliti fl-Isvezja. Huma jipprovdu, b’mod dirett jew permezz ta’ intermedjarji, vetturi għall-kiri, mgħammra b’settijiet tar-radju, b’mod partikolari għal perijodi li ma jaqbżux id-29 jum, liema kiri huwa kkunsidrat bħala kiri għal perijodu qasir skont id-dritt nazzjonali.

14

Fit-tilwima bejn Stim u Fleetmanager, imressqa quddiem it-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, l-Isvezja), Stim talbet li din il-kumpannija tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ 369450 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 34500), bl-interessi, għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha. Stim sostniet li, meta qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ terzi, jiġifieri kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur, vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju għal kirjiet għal żmien qasir lil klijenti li jkunu individwi, Fleetmanager ikkontribwixxiet għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minn dawn il-kumpanniji, li qiegħdu xogħlijiet mużikali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ma kellhom l-awtorizzazzjoni biex jagħmlu dan.

15

Il-qorti tal-ewwel istanza qieset li l-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju kien jimplika “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħlijiet mużikali, fis-sens tal-Liġi tal-1960, u li kien iġġustifikat li jingħata kumpens lill-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet. Madankollu, hija kkonstatat ukoll li Fleetmanager ma kinitx ipparteċipat f’dan il-ksur tad-drittijiet tal-awtur, b’tali mod li r-rikors ta’ Stim ġie miċħud. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell. Stim ressqet appell fil-kassazzjoni mis-sentenza tal-appell quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja).

16

Fit-tilwima bejn SAMI u NB, NB adixxiet il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja) b’rikors intiż sabiex jiġi deċiż li ma kinitx obbligata tħallas kontribuzzjonijiet lil SAMI għall-użu ta’ reġistrazzjonijiet awdjo bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2016 minħabba l-fatt li l-vetturi li hija tikri lil individwi u lil negozjanti huma mgħammra b’sett tar-radju u b’CD player.

17

Il-qorti adita qieset li l-Liġi tal-1960 kelha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2001/29 u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ta’ fonogramm imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 kien jikkorrispondi għal “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Hija kkonstatat ukoll li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn NB, ta’ settijiet tar-radju fil-vetturi tal-kiri kien jagħmilha possibbli li l-persuni li jużaw l-imsemmija vetturi jisimgħu r-reġistrazzjonijiet awdjo u għaldaqstant kellu jitqies bħala “komunikazzjoni”. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li l-kriterji l-oħra li jikkostitwixxu l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” kienu ssodisfatti wkoll. Konsegwentement hija qieset li NB kellha tikkumpensa lil SAMI u ċaħdet l-azzjoni mressqa minn NB. Din is-sentenza ġiet annullata fl‑appell mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja). SAMI ressqet appell fil-kassazzjoni mis-sentenza fl-appell quddiem il-Högsta domstolen (il‑Qorti Suprema).

18

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kiri ta’ vetturi mgħammra b’mod standard b’riċetturi tar-radju [b’settijiet tar-radju] għandu l-effett li l-persuna li tikri dawn il-vetturi lil persuni oħra hija utent li jwettaq ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’, fis-sens tal‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2006/115?

2)

Il-volum tal-attività ta’ kiri ta’ vetturi kif ukoll it-tul tal-kiri jista’ jkollhom xi effett?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

19

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2020 Stim u SAMI talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

20

Insostenn tat-talba tagħhom, huma jsostnu li, hekk kif jirriżulta mill-punti 39, 52 u 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ċerti elementi, relatati, essenzjalment, mad-distinzjoni bejn l-isfera privata u l-isfera pubblika għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, setgħu inftiehmu ħażin. Għaldaqstant huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni dwar dan.

21

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali mressqa minn Stim u SAMI hija intiża li tippermettilhom iwieġbu għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu.

24

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha rilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża ġew diskussi bejn il-partijiet.

25

Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

27

Din il-kwistjoni tqum fil-kuntest ta’ kawżi li jikkonċernaw, minn naħa, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għal organu ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet relatati tal-artisti li jitlob remunerazzjoni ekwa għal dawn il-kumpanniji meta l-kiri ta’ dawn il-vetturi jwassal għal komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

28

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex rieda differenti, l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku”, użata fiż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, għandha tiġi interpretata bħala li għandha l-istess tifsira (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punti 4950, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2017, Verwertungsgesellschaft Rundfunk, C‑641/15, EU:C:2017:131, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, l-imsemmija espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fit-test tad-dritt internazzjonali, u b’tali mod li hija tibqa’ kompatibbli magħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-kuntest li fih jinsabu tali kunċetti u tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet konvenzjonali rilevanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 189, u tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 51 sa 56).

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jinvolvi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM,C‑138/16, EU:C:2017:218, punt 22; tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju jikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115, għandha ssir evalwazzjoni individwalizzata, fir-rigward ta’ diversi kriterji komplementari, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti bejniethom. Barra minn hekk, dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin, sa fejn huma jistgħu, f’diversi sitwazzjonijiet konkreti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat repetutament ir-rwol indispensabbli tal-utent u n-natura intenzjonali tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq “att ta’ komunikazzjoni” meta huwa jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew ikunu jistgħu b’diffikultà, igawdu x-xogħol imxandar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 31, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, li essenzjalment għandha l-istess formulazzjoni tad-dikjarazzjoni komuni li tikkonċerna l-Artikolu 8 tat-TDA, jirriżulta li “s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva”.

34

L-istess jgħodd għall-provvista ta’ sett tar-radju integrat f’vettura bil-mutur tal-kiri, li tippermetti li, mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa tal-kumpannija tal-kiri, jinqabad ix-xandir terrestri fiż-żona li fiha tkun tinsab il-vettura, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu.

35

Provvista bħal dik imsemmija fil-punt ta’ qabel dan tiddistingwi ruħha mill-atti ta’ komunikazzjoni li permezz tagħhom fornituri ta’ servizzi jittrażmettu deliberatament xogħlijiet protetti lill-klijentela tagħhom, billi jiddistribwixxu sinjal permezz ta’ riċevituri li huma jkunu installaw fl-istabbiliment tagħhom (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 4754 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, meta jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju, il-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi ma jwettqux “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħlijiet protetti lill-pubbliku.

37

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonstestata mill-argument li l-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħhom spazji li Stim u SAMI jikklassifikaw bħala “pubbliċi”, jiġifieri l-parti interna tal-vetturi tal-kiri, li fihom huwa possibbli li fihom jistgħu jinstemgħu xogħlijiet protetti permezz tas-settijiet tar-radju li bihom huma mgħammra dawn il-vetturi. Fil-fatt, il-provvista ta’ tali spazju, bħall-provvista tas-settijiet tar-radju fihom infushom, ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju privat jew pubbliku tal-post fejn isseħħ il-komunikazzjoni huwa irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 50).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk tali tqegħid għad-dispożizzjoni għandux jitqies bħala komunikazzjoni lil “pubbliku”.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq it-tieni domanda

40

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l‑informazzjoni, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Fuq