EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0370

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ April 2020.
Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l'aéronautique civile (CRPNPAC) vs Vueling Airlines SA u Vueling Airlines SA vs Jean-Luc Poignant.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Bobigny u mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 – Ħaddiema kkollokati – Il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 – Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew ta’ iktar u hija impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li l-impriża għandha fit-territorju ta’ Stat Membru barra minn dak li fih għandha s-sede tagħha – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Artikolu 12a(1a) – Ċertifikat E 101 – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tikkonstata l-frodi u tinjora ċ-ċertifikat – Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 – Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti – Awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawżi magħquda C-370/17 u C-37/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:260

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ April 2020 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali –Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 – Ħaddiema kkollokati – Il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 – Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew ta’ iktar u hija impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li l-impriża għandha fit-territorju ta’ Stat Membru barra minn dak li fih għandha s-sede tagħha – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Artikolu 12a(1a) – Ċertifikat E 101 – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tikkonstata l-frodi u tinjora ċ-ċertifikat – Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 – Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti – Awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑370/17 u C‑37/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2017 (C‑370/17), u mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2018 (C‑37/18), li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2017 u d‑19 ta’ Jannar 2018, rispettivament, fil-proċeduri

Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC)

vs

Vueling Airlines SA (C‑370/17),

u

Vueling Airlines SA

vs

Jean-Luc Poignant (C‑37/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan (Relatur), M. Safjan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, C. Toader, D. Šváby u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC), minn A. Lyon-Caen u S. Guedes, avocats,

għal Vueling Airlines SA, minn D. Calciu, B. Le Bret, F. de Rostolan u E. Logeais, avocats,

għal J.‑L. Poignant, minn A. Lyon-Caen u S. Guedes, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, A. Alidière, A. Daly u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, K. Skelly, N. Donnelly u A. Joyce, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 14 u tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71), kif ukoll tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, l-ewwel waħda, il-Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC) u Vueling Airlines SA (iktar ’il quddiem “Vueling”) u, it-tieni waħda, Vueling u Jean-Luc Poignant, dwar ċertifikati E 101 maħruġa mill-istituzzjoni Spanjola kompetenti dwar l-ekwipaġġ tal-ajru ta’ Vueling li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle (Franza).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli” kien jinkludi l-Artikoli 13 sa 17a tiegħu.

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, kien jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, kien jistipula:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1)

(a)

Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata [ikkollokata] minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha;

[…]

2)

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

(a)

Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni [rappreżentanza] permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu rinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti;

[…]”

6

Taħt it-Titolu IV tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Kummissjoni Amministrattiva fuq is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti”, hemm l-Artikolu 80 tiegħu, min-naħa tiegħu intitolat “Kompożizzjoni u metodi tat-tħaddim”, li kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ikun hemm marbuta mal-Kummissjoni Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti (hawn taħt imsejħa ‘Il-Kummissjoni Amministrattiva) magħmula minn rappreżentant tal-gvern ta’’ kull Stat Membru, assistit, fejn meħtieġ, minn kunsillieri esperti. Rappreżentant tal-Kummissjoni jattendi l-laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva f’kapaċità ta’ kunsillier.”

7

Taħt it-Tiolu VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Oħra”, hemm l-Artikolu 84a tiegħu, min-naħa tiegħu intitolat “Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament”, li kien jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni.”

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

8

Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill‑1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4). It-titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, li jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan tal-aħħar, jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li l-Artikolu 71 u l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 80 u għall-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71.

Ir-Regolament Nru 574/72

9

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Formalitajiet fil-każ ta’ ppostjar [kollokament] f’post ieħor ta’ persuna impjegata insegwitu ta’ l-[punt 1 tal-Artikolu 14] u [l-punt 1 tal-Artikolu 14b] tar-Regolament u fil-każ tal-ftehim konklużi taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament”, kien jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istituzzjonijiet nnominati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu trid tibqa’ applikabbli joħroġ ċertifikat li jgħid li persuna impjegata tibqa’ suġġetta għal dik il-leġislazzjoni sa data speċifika:

(a)

fuq it-talba ta’ persuna impjegata jew ta’ min jimpjegaha fil-każijiet li hemm riferenza għalihom [fil-punt 1 tal-Artikolu 14] u [fil-punt 1 tal-Artikolu 14b] tar-Regolament;

[…]”

10

L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fir-rigward ta’ persuni msemmija [fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 14], [il-punti 2 sa 4 tal-Artikolu 14] u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament li normalment iwettqu attività ta’ impjegati jew impjegati għal-rashom fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar”, kien jistipula, fil-paragrafu 1a tiegħu:

“Meta, skond [il-punt 2(a) tal-Artikolu 14] tar-Regolament, persuna li tkun fost il-persunal li jivvjaġġa, inkluż bl-ajru, ta’ impriża tat-trasport internazzjonali tkun suġġetta għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-impriża jew il-fergħa jew l-istabbiliment permanenti li jimpjegaha, jew fejn hija tirrisjedi u hi prevalentement impjegata, l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha toħroġ lill-persuna kkonċernata ċertifikat li jgħid li hi suġġetta għal-liġi tiegħu.”

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

11

Ir-Regolament Nru 574/72 tħassar u ġie ssostitwit, mill‑1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1).

12

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009:

“1.   Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

2.   F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

3.   Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

4.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

Id-dritt Franċiż

Il-Kodiċi tax-Xogħol

13

L-Artikolu L 1262-3 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“Persuna li timpjega ma tistax tibbenefika mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament tal-impjegati meta l-attività tagħha hija kompletament orjentata lejn it-territorju nazzjonali jew meta titwettaq f’postijiet jew b’infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali li minnu din l-attività titwettaq b’mod abitwali, stabbli u kontinwu. Hija ma tistax b’mod partikolari tibbenefika minn dawn id-dispożizzjonijiet meta l-attività tagħha tkun tinvolvi t-tiftix u l-prospettiva ta’ klijentela jew ir-reklutaġġ ta’ impjegati fuq dan it-territorju.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-persuna li timpjega hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol applikabbli għall-impriżi stabbiliti fit-territorju Franċiż.”

14

L-Artikolu L 8221-3 ta’ dan il-kodiċi kien jiddisponi:

“Huwa meqjus xogħol mhux iddikjarat minħabba l-ħabi tal-attività, l-eżerċizzju bi skop ta’ lukru ta’ attività ta’ produzzjoni, ta’ trasformazzjoni, ta’ tiswija jew ta’ provvista ta’ servizzi jew it-twettiq ta’ atti ta’ kummerċ minn kull persuna li, biex tevadi intenzjonalment l-obbligi tagħha:

[…]

jew ma pproċedietx biex tagħmel id-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru lill-organi għal protezzjoni soċjali jew lill-awtoritajiet fiskali skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.”

Il-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili

15

L-Artikolu R. 330-2-1 tal-code de l’aviation civile (il-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili) jipprevedi:

“L-Artikolu [L. 1262-3] tal-Kodiċi tax-Xogħol japplika għall-impriżi ta’ trasport bl-ajru skont il-bażijiet tal-operat tagħhom li jinsabu fit-territorju Franċiż.

Il-bażi tal-operat hija numru ta’ postijiet jew ta’ infrastrutturi li minnhom l-impriża twettaq b’mod stabbli, abitwali u kontinwu attività ta’ trasport bl-ajru permezz ta’ impjegati li għandhom hemmhekk iċ-ċentru effettiv tal-attività professjonali tagħhom. Fis-sens tad-dispożizzjonijiet preċedenti, iċ-ċentru tal-attività professjonali ta’ impjegat huwa l-post fejn, b’mod abitwali, huwa jaħdem jew dak li fih jieħu s-servizz tiegħu u jirritorna wara t-twettiq ta’ xogħlu”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑370/17

16

Vueling hija kumpannija tal-ajru li għandha s-sede tagħha f’Barcelona (Spanja), irreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji ta’ Bobigny (Franza) minħabba l-ħolqien ta’ negozju ta’ trasport bl-ajru u self-handling waqt il-waqfa, stabbilit fit-Terminal I tal-ajruport Roissy – Charles de Gaulle. Fil‑21 ta’ Mejju 2007, hija bdiet topera titjiriet regolari bejn diversi bliet Spanjoli u dan l-ajruport.

17

Fit‑28 ta’ Mejju 2008, wara stħarriġ li kien sar mix-xahar ta’ Jannar ta’ din l-istess sena, l-ispettorat tax-xogħol tat-trasport tal-ajruport Roissy III (Franza) (iktar ’il quddiem l-“ispettorat tax-xogħol”) indirizza proċess verbali fir-rigward tax-xogħol mhux iddikjarat kontra Vueling.

18

F’dan il-proċess verbali, huwa kkonstata li Vueling kienet tokkupa, fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle, postijiet għal skopijiet ta’ operar u tmexxija kummerċjali, swali ta’ mistrieħ u għall-preparazzjoni tat-titjiriet tal-ekwipaġġ tal-ajru, kif ukoll uffiċċju għas-superviżjoni tal-bank tal-biljetti u għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri, u li hija kienet timpjega, minn naħa, 50 persuna bħala ekwipaġġ tal-ajru kummerċjali u 25 persuna bħala ekwipaġġ tal-ajru tekniku, li l-kuntratti tagħhom kienu suġġetti għad-dritt Spanjol, u, min-naħa l-oħra, xi persunal fuq l-art, inkluż direttur kummerċjali, li l-kuntratti tagħhom kienu suġġetti għad-dritt Franċiż.

19

L-ispettorat tax-xogħol irrileva li kien biss il-persunal fuq l-art li kien iddikjarat mal-organi tas-sigurtà soċjali Franċiżi u li l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, min-naħa tagħhom, kellhom fil-pussess tagħhom ċertifikati E 101 maħruġa mit-Tesorería general de la seguridad social de Cornellà de Llobregat (it-Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Cornellà de Llobregat, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni emittenti Spanjola”) li juri l-kollokament temporanju fi Franza taħt il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa kkonstata li 48 persuna impjegata kienu ġew irreklutati inqas minn 30 jum qabel id-data effettiva tal-kollokament tagħhom fi Franza, uħud minnhom lejliet jew fl-istess jum, u kkonkluda minn dan li dawn kienu ġew irreklutati biex jiġu kkollokati. Huwa rrileva wkoll li, għal 21 minn dawn l-impjegati, ir-rendikont tal-paga kien isemmi indirizz fi Franza u enfasizza li numru sinjifikattiv ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kollokament kien fihom dikjarazzjonijiet ta’ residenza foloz li jaħbu l-fatt li l-maġġoranza tal-ħaddiema kkollokati ma kellhomx il-kwalità ta’ residenti Spanjoli, u wħud minnhom lanqas biss kienu qatt għexu fi Spanja.

20

Barra minn hekk, l-ispettorat tax-xogħol irrileva li Vueling kellha fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle bażi tal-operat, fis-sens tal-Artikolu R. 330-2-1 tal-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili, peress li l-ekwipaġġ tal-ajru ta’ din il-kumpannija kien jibda u jieqaf mis-servizz tiegħu minn dan l-ajruport. Huwa ddeduċa minn dan li, skont l-Artikolu L 1262-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, Vueling ma setgħetx tipprevalixxi mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kollokament ta’ ħaddiema.

21

L-ispettorat tax-xogħol kkonkluda wkoll minn dan li l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għall-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż u ma setax ikollhom l-istatus ta’ ħaddiema kkollokati. Barra minn hekk, huwa qies dan kien kollokament bi frodi u li kien hemm dannu kemm għal dawn il-ħaddiema, li ġew imċaħħda, b’mod partikolari, mill-aċċess għad-drittijiet tal-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża, kif ukoll għall-kollettività, peress li l-persuna li timpjega ma ħallsitx l-ammonti dovuti lil din l-iskema. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-imsemmija ħaddiema kellhom ċertifikat E 101, l-ispettorat tax-xogħol qies li, għalkemm tali dokument kien validu bħala preżunzjoni ta’ affiljazzjoni, dan ma kienx jikkostitwixxi prova tal-validità tal-użu tal-kollokament.

22

Abbażi ta’ dan il-proċess verbali, iċ-CRPNPAC, fil‑11 ta’ Awwissu 2008, adixxiet lit-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza), b’talba għad-danni bħala kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ affiljazzjoni, mal-iskema tal-irtirar supplimentari li huwa jamministra, tal-ekwipaġġ tal-ajru impjegat minn Vueling fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle.

23

Barra minn hekk, Vueling ġiet imfittxija kriminalment quddiem it-tribunal correctionnel de Bobigny (il-Qorti Kriminali ta’ Bobigny, Franza), minħabba r-reat ta’ xogħol mhux iddikjarat, fis-sens tal-Artikolu L 8221‑3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, talli, fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle, bejn il-21 ta’ Mejju 2007 u s‑16 ta’ Mejju 2008, eżerċitat intenzjonalment l-attività ta’ trasportatur bl-ajru ta’ passiġġieri mingħajr ma għamlet id-dikjarazzjonijiet meħtieġa lill-organi għall-protezzjoni soċjali jew lill-awtoritajiet fiskali, b’mod partikolari billi ħbiet l-attività eżerċitata fi Franza u billi assimilatha b’mod irregolari bħala kollokament ta’ ħaddiema, minkejja li dawn tal-aħħar kienu ġew irreklutati bl-għan uniku li jaħdmu fit-territorju Franċiż, minn bażijiet tal-operat li jinsabu fi Franza.

24

Fid-dawl tal-eżistenza ta’ din il-proċedura kriminali u fl-istennija li tingħata deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema fil-proċedura ċivili mibdija miċ-CRPNPAC kontra Vueling.

25

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, it-tribunal correctionnel de Bobigny (il-Qorti Kriminali ta’ Bobigny) ħelset lil Vueling.

26

Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2012, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat din is-sentenza, iddikjarat lil Vueling ħatja ta’ xogħol mhux iddikjarat u kkundannat lil din il-kumpannija għal multa ta’ EUR 100000.

27

Insostenn ta’ din il-kundanna, dik il-qorti, wara li rrilevat li l-ekwipaġġ tal-ajru tekniku u kummerċjali ta’ Vueling kien ġie rreklutat fi Spanja u li l-ħaddiema inkwistjoni kienu ngħataw ċertifikati E 101 mill-istituzzjoni emittenti Spanjola abbażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, madankollu qieset li l-imsemmija kumpannija kienet qiegħda teżerċita l-attività tagħha fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle fil-kuntest ta’ fergħa jew, mill-inqas, ta’ bażi tal-operat, fis-sens tal-Artikolu R. 330-2-1 tal-Kodiċi tal-Avjazzjoni Ċivili. Hija rrilevat li din l-entità kienet tiffunzjona b’mod awtonomu u li, konsegwentement, Vueling ma setgħetx turi li kienet inżammet rabta organika bejnha u l-ekwipaġġ tal-ajru inkwistjoni.

28

Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet ukoll li Vueling kienet intenzjonalment kisret ir-regoli applikabbli, b’mod partikolari billi tat ir-residenza lil 41 mill-ħaddiema kkonċernati fl-indirizz tas-sede tagħha stess mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li tagħti spjegazzjoni serja li tista’ tneħħi s-suspett ta’ frodi, b’tali mod li din il-kumpannija ma setgħetx tinvoka żball ta’ liġi inevitabbli marbut mat-twemmin fil-leġittimità tal-azzjoni tagħha. Barra minn hekk, dik il-qorti qieset li, għalkemm iċ-ċertifikati E 101 kienu jgħoddu bħala preżunzjoni ta’ affiljazzjoni mal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola, li jorbtu lill-istituzzjonijiet Franċiżi kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali, dawn iċ-ċertifikati ma setgħux jipprekludu lill-qorti kriminali Franċiża milli tikkonstata l-ksur intenzjonat tad-dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-validità tal-kollokament tal-ħaddiema fi Franza.

29

Fl‑4 ta’ April 2012, l-Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales de Seine-et-Marne (l-Unjoni għall-Irkupru ta’ Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u ta’ Allowance tal-Familja ta’ Seine-et-Marne, Franza) (iktar ’il quddiem Urssaf”) ġabet il-fatti għall-konjizzjoni tal-istituzzjoni Spanjola li kienet ħarġet iċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni u talbet l-annullament tagħhom.

30

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2014, l-Awla Kriminali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Vueling mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tal‑31 ta’ Jannar 2012. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) irrilevat li l-attività eżerċitata minn Vueling fl-ajruport Roissy – Charles de Gaulle twettqet b’mod abitwali, stabbli u kontinwu fil-postijiet jew b’infrastrutturi li jinsabu fi Franza u li, għaldaqstant, Vueling kellha fit-territorju nazzjonali fergħa jew, għall-inqas, bażi tal-operat. Hija ddeduċiet minn dan li Vueling ma setgħetx tibbenefika miċ-ċertifikati E 101 sabiex tistabbilixxi l-legalità tal-kollokamenti inkwistjoni u twaqqaf qorti nazzjonali milli tikkonstata l-ksur intenzjonat tad-dispożizzjonijiet legali Franċiżi.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2014, l-istituzzjoni emittenti Spanjola, wara t-talba tal-Urssaf tal‑4 ta’ April 2012, annullat l-imsemmija ċertifikati E 101.

32

Fid‑29 ta’ Mejju 2014, Vueling ressqet appell quddiem awtorità amministrattiva superjuri minn din id-deċiżjoni.

33

Wara li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2014, hija ċaħdet dan l-appell, l-awtorità amministrattiva superjuri kompetenti madankollu qieset, permezz ta’ deċiżjoni ta’ emenda tal‑5 ta’ Diċembru 2014, li l-annullament taċ-ċertifikati E 101 kellu jitħalla mingħajr effett. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li, fid-dawl taż-żmien li ddekorra minn meta seħħew il-fatti u l-impossibbiltà li jiġu rrimborsati l-kontribuzzjonijiet imħallsa preċedentement minħabba l-preskrizzjoni, ma kienx xieraq li l-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mas-sigurtà soċjali Spanjola tiġi ddikjarata indebita. Hija enfasizzat ukoll li l-ħaddiema kkonċernati setgħu jibbenefikaw minn benefiċċji tas-sigurtà soċjali abbażi ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u li, fil-każ ta’ annullament tal-affiljazzjoni tagħhom, huma jkunu jistgħu jsibu ruħhom mingħajr protezzjoni soċjali. Fl-aħħar nett, skont din l-awtorità, l-annullament effettiv taċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx iġġustifikat għaliex il-ħruġ tagħhom kien is-sempliċi konsegwenza tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola.

34

Wara li ngħatat is-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑11 ta’ Marzu 2014, tkompliet il-proċedura ċivili mibdija miċ-CRPNPAC quddiem it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny).

35

F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk iċ-ċertifikati E 101 għandhomx jingħataw effett vinkolanti meta l-qrati kriminali tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema kkonċernati tkun ikkundannat lill-persuna li timpjega għal xogħol mhux iddikjarat. B’mod partikolari, hemm dubju dwar il-portata tal-Artikolu 11(1)(a) u tal-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 u dwar l-implikazzjonijiet ta’ użu abbużiv jew frawdolenti ta’ tali ċertifikati.

36

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-effett marbut maċ-ċertifikat E 101 maħruġ, konformement mal-Artikoli 11(1) u 12a(1a) tar-Regolament [Nru 574/72], mill-istituzzjoni maħtura mill-awtorità tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tiegħu tibqa’ applikabbli għas-sitwazzjoni tal-impjegat, għandu jinżamm minkejja li ċ-ċertifikat E 101 ikun inkiseb bħala riżultat ta’ frodi jew ta’ abbuż ta’ dritt, ikkonstatat b’mod definittiv minn qorti tal-Istat Membru fejn l-impjegat jeżerċita jew għandu jeżerċita l-attività tiegħu?

2)

Fil-każ fejn ir-risposta għal din id-domanda tkun pożittiva, il-ħruġ ta’ ċertifikati E 101 jipprekludi li persuni li jkunu vittmi tad-dannu li jkunu sostnew minħabba l-aġir tal-persuna li timpjega, li hija l-awtriċi tal-frodi, jiksbu kumpens għalih, mingħajr ma s-sħubija tal-impjegati għas-sistemi indikati miċ-ċertifikat E 101 tiġi kkontestata permezz tal-azzjoni għad-danni eżerċitata kontra l-persuna li timpjega?”

Kawża C‑37/18

37

Fil‑21 ta’ April 2007, J.‑L. Poignant ġie rreklutat minn Vueling bħala kopilota, taħt kuntratt imfassal bil-lingwa Ingliża u rregolat mid-dritt Spanjol. Sussegwentement, fl‑14 ta’ Ġunju 2007, permezz ta’ emenda għall-kuntratt, huwa ġie kkollokat għall-ajruport Roissy – Charles de Gaulle. Dan il-kollokament, previst inizjalment għal sitt xhur, ġie mġedded darba għall-istess żmien sas‑16 ta’ Ġunju 2008.

38

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Mejju 2008, J.‑L. Poignant irriżenja, wara li invoka b’mod partikolari l-illegalità tas-sitwazzjoni kuntrattwali tiegħu fir-rigward tad-dritt Franċiż, u mbagħad irtiraha permezz ta’ posta elettronika tat‑2 ta’ Ġunju 2008. Fid‑9 ta’ Ġunju 2008, huwa sar jaf bit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, u reġa’ invoka din l-illegalità.

39

Fil‑11 ta’ Ġunju 2008, J.‑L. Poignant adixxa lill-conseil des prud’hommes de Bobigny (il-Qorti Industrijali ta’ Bobigny, Franza) billi talab, minn naħa, li r-riżenja tiegħu tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala notifika ta’ terminazzjoni li tipproduċi l-effetti ta’ tkeċċija mingħajr kawża reali u serja u, min-naħa l-oħra, li jitħallas somma f’daqqa għax-xogħol mhux iddikjarat u kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fis-sigurtà soċjali Franċiża għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2007 u l‑31 ta’ Lulju 2008.

40

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ April 2011, dik il-qorti ċaħdet dawn it-talbiet kollha. Hija qieset li Vueling kienet wettqet, b’mod regolari, il-formalitajiet amministrattivi applikabbli, b’mod partikolari billi talbet mingħand l-organi tas-sigurtà soċjali Spanjoli ċ-ċertifikati E 101 għall-ħaddiema tagħha. L-imsemmija qorti rrilevat ukoll li l-kollokament ta’ J.‑L. Poignant ma kienx qabeż il-perijodu ta’ sena u li dan ma kienx intbagħat Franza biex jissostwixxi persuna oħra.

41

Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑11 ta’ Marzu 2014 imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, annullat is-sentenza tal-conseil des prud’hommes de Bobigny (il-Qorti Industrijali ta’ Bobigny) u kkundannat lil Vueling biex tħallas lil J.‑L. Poignant, b’mod partikolari, somma f’daqqa għal xogħol mhux iddikjarat kif ukoll danni minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fis-sigurtà soċjali Franċiża.

42

Skont dik il-qorti, J. –L. Poignant kien ġab biżżejjed provi sabiex jistabbilixxi l-illegalità tas-sitwazzjoni kuntrattwali tiegħu fir-rigward tad-dritt Franċiż. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti rrilevat li l-indirizz personali ta’ J. –L. Poignant kien għadu stabbilit fi Franza minkejja li l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu u l-emenda għall-kuntratt dwar il-kollokament tiegħu kienu ddomiċiljawh b’mod fittizju b’Barcelona. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tas-salarju nħarġu bl-indikazzjoni ta’ indirizz fittizju b’Barcelona.

43

Vueling appellat mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tal‑4 ta’ Marzu 2016 quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

44

Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell, dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:309), li kienet tirrigwarda tilwima li fil-kuntest tagħha ċertifikati E 101 kienu nħarġu skont il-punt 2(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, tapplikax ukoll fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-ksur ta’ xogħol mhux iddikjarat u dwar ċertifikati maħruġa skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, fil-konfront ta’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu u li fit-territorju tiegħu l-impriża ta’ trasport bl-ajru li timpjegahom għandha fergħa, meta s-sempliċi qari tal-imsemmija ċertifikati jippermetti li jiġi dedott li dawn ġew miksuba jew invokati b’mod frawdolenti.

45

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tesprimi xi dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix li qorti nazzjonali, marbuta b’applikazzjoni tad-dritt intern tagħha bl-awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tislet il-konsegwenzi minn deċiżjoni ta’ qorti kriminali mogħtija b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni billi tikkundanna ċivilment lil persuna li timpjega tħallas danni lil persuna impjegata minħabba s-sempliċi fatt li din il-persuna li timpjega ġiet ikkundannata kriminalment għal xogħol mhux iddikjarat.

46

F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-chambre sociale de la Cour de cassation (l-Awla Industrijali tal-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-interpretazzjoni mogħtija mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha [tas‑27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309], lill-[punt 2(a) tal-Artikolu 14] tar-Regolament [Nru 1408/71], tapplika għal tilwima dwar il-ksur ta’ xogħol mhux iddikjarat li fih iċ-ċertifikati E101 inħarġu skont [il-punt 1(a) tal-Artikolu 14], b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament [Nru 574/72], filwaqt li s-sitwazzjoni kienet taqa’ taħt [il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71] għall-persuni impjegati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu u li fih l-impriża ta’ trasport bl-ajru stabbilita fi Stat Membru ieħor għandha fergħa u s-sempliċi qari taċ-ċertifikat E101 li jsemmi ajruport bħala l-post ta’ attività tal-persuna impjegata u impriża tal-ajru bħala l-persuna li timpjega kien jippermetti li jiġi dedott li dan kien inkiseb b’mod frawdolenti?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-[Unjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali, marbuta b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha bl-awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tislet il-konsegwenzi minn deċiżjoni ta’ qorti kriminali mogħtija b’mod inkompatibbli mar-regoli tad-dritt tal-[Unjoni] billi tikkundanna ċivilment lil persuna li timpjega tħallas danni lil persuna impjegata minħabba s-sempliċi fatt li din il-persuna li timpjega ġiet ikkundannata kriminalment għal xogħol mhux iddikjarat?”

47

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Frar 2018, il-Kawżi C‑370/17 u C‑37/18 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi C‑370/17 u C‑37/18

48

Permezz tal-ewwel domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru, aditi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnehdija kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li juru kisba jew użu frawdolenti ta’ ċertifikati E 101 maħruġa skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-konfront ta’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru, jistgħu jinjoraw dawn iċ-ċertifikati.

49

Mill-punti fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li din id-domanda hija magħmula fil-kuntest ta’ tilwimiet li fihom qrati kriminali Franċiżi qiesu li ċertifikati E 101 dwar l-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru stabbilita fi Spanja, f’dan il-każ Vueling, u li kienu nħarġu mill-istituzzjoni emittenti Spanjola abbażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, dwar il-kollokament ta’ ħaddiema, kien imisshom inħarġu skont il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, dwar, b’mod partikolari, il-ħaddiema li, bħala membri tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ impriża li twettaq trasport internazzjonali ta’ passiġġieri, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew ta’ diversi u huma impjegati minn fergħa li din l-impriża stabbilixxiet fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tas-sede prinċipali tagħha. Dawn il-qrati nazzjonali qiesu li l-ħaddiema kkonċernati kien imisshom kienu affiljati, skont din it-tieni dispożizzjoni, mas-sigurtà soċjali Franċiża, u mhux mas-sigurtà soċjali Spanjola. Barra minn hekk, huma ddeċidew li din il-kumpannija tal-ajru kienet instabet ħatja ta’ azzjonijiet frawdolenti intiżi li jevitaw jew jevadu l-kundizzjonijiet legali ta’ ħruġ tal-imsemmija ċertifikati.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux igawdu mir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1408/71, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi li tivvizzja l-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 hija bbażata fuq ġabra konkordanti ta’ evidenza li tistabbilixxi l-unjoni, minn naħa, ta’ element oġġettiv, li jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-kisba u tal-invokazzjoni ta’ tali ċertifikat, previsti fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, ma humiex issodisfatti, u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv, li jikkorrispondi għall-intenzjoni tal-persuni kkonċernati li jevitaw jew jevadu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ marbut miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 50 sa 52).

52

Il-kisba frawdolenti ta’ ċertifikat E 101 tista’ għalhekk tirriżulta jew minn azzjoni volontarja, bħal ma hija l-preżentazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem jew tal-impriża li timpjega lil dan il-ħaddiem, jew ta’ ommissjoni volontarja, bħal ma huwa l-ħabi ta’ informazzjoni rilevanti bl-intenzjoni li tevadi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 53).

53

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-element oġġettiv meħtieġ għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġu mill-istituzzjoni emittenti Spanjola skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, u din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li l-ħaddiema kkollokati jibqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-persuna li timpjega hija stabbilita fih.

54

Issa, skont il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, imsemmi mill-qrati tar-rinviju, persuna li tagħmel parti mill-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru li twettaq titjiriet internazzjonali u impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li din il-kumpannija għandha fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha s-sede tagħha hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab tali fergħa jew rappreżentanza permanenti.

55

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi għaldaqstant li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-kumpannija tal-ajru kkonċernata jkollha fergħa jew rappreżentanza permanenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikollha s-sede tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-persuna inkwistjoni tkun impjegata minn din l-entità.

56

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 139 sa 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċetti ta’ “fergħa” u ta’ “rappreżentanza permanenti” ma humiex iddefiniti mir-Regolament Nru 1408/71, li lanqas ma jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt tal-Istati Membri, u, għaldaqstant, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma. Bħall-kunċetti identiċi jew simili li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw forma ta’ stabbiliment sekondarju li għandu natura ta’ stabbiltà u ta’ kontinwità sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika effettiva u li għandha, għal dan l-għan, mezzi materjali u umani organizzati, kif ukoll ċerta awtonomija meta mqabbel mal-istabbiliment prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 28, u tal‑11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 33).

57

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), isegwi li r-relazzjoni tal-impjieg tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru għandha rabta sinjifikattiva mal-post li minnu din il-persuna prinċipalment taqdi l-obbligi tagħha fil-konfront tal-persuna li timpjegaha. Dan il-post jikkorrispondi ma’ dak li minnu l-imsemmija persuna twettaq il-missjonijiet ta’ trasport tagħha, jew tirritorna wara l-kompiti tagħha, li fih hija tirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-kompiti tagħha u torganizza xogħlha, kif ukoll il-post li fih jinsabu l-għodod tax-xogħol, li jistgħu jikkoinċidu ma’ dak tal-“bażi ta’ residenza” tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punti 60, 63, 69, 7377).

58

Issa, f’dan il-każ, mill-punti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja donnu jsegwi li, minn naħa, Vueling kellha, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fl-ajruport ta’ Roissy – Charles de Gaulle, bażi tal-operat, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li tista’ tikkostitwixxi fergħa jew rappreżentanza permanenti, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, peress li din il-kumpannija kienet teżerċita b’mod stabbli u kontinwu l-attività ta’ trasport bl-ajru tagħha minn postijiet u infrastruttura li tikkostitwixxi tali bażi tal-operat, li, peress li kienu mpoġġija taħt ir-responsabbiltà ta’ direttur kummerċjali, kienet tidher b’dan il-mod li tgawdi minn ċertu livell ta’ awtonomija. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess punti jissuġġerixxu wkoll li l-ekwipaġġ tal-ajru kkonċernat kien impjegat minn din l-entità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex din kienet tikkorrispondi mal-post li minnu dan il-persunal kienu jissodisfaw il-maġġoranza tal-obbligi tagħhom fil-konfront tal-persuna li timpjegahom, fis-sens ippreċiżat fil-punt preċedenti.

59

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-element suġġettiv tal-frodi, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li Vueling innifisha pproduċiet quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) dokument ta’ informazzjoni li jesponi b’mod ċar li ħaddiema assenjati fi stabbiliment miżmum mill-persuna li timpjegahom fi Franza għandhom ikunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Franċiża. Barra minn hekk, dan l-istess proċess donnu jindika li Vueling iddomiċiljat parti sinjifikattiva tal-ħaddiema kkonċernati fl-indirizz tas-sede rispettiv tagħha fi Spanja, minkejja li, fil-maġġoranza tagħhom, dawn qatt ma kienu għexu f’dan l-Istat Membru u kienu jirrisjedu fi Franza.

60

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-istituzzjonijiet u l-qrati Franċiżi kompetenti setgħu raġonevolment iqisu li huma kellhom indizji konkreti li jagħtuhom x’jifhmu li ċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, maħruġa mill-istituzzjoni emittenti Spanjola abbażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, kienu inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti minn Vueling, peress li l-ekwipaġġ tal-ajru kkonċernat minnha kien jaqa’, fir-realtà, taħt ir-regoli partikolari prevista fil-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament u li, sussegwentement, kien imissu kien suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Franċiża.

61

Madankollu, il-preżenza ta’ tali indizji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, bħala tali, tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema kkonċernati jew il-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jikkonstataw b’mod definittiv l-eżistenza ta’ frodi u jinjoraw iċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika wkoll dak ta’ fiduċja reċiproka, iċ-ċertifikat E 101, sa fejn dan huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jorbot, bħala prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn dan joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih l-istituzzjoni kompetenti ħarġet dan iċ-ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 35 sa 40, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et, C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 47).

63

Għaldaqstant, sakemm iċ-ċertifikat E 101 ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat huwa diġà suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li l-istituzzjoni kompetenti tiegħu ħarġet dan iċ-ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 41).

64

Madankollu, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jsegwi li, meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha xi dubji, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 u, għaldaqstant, tal-indikazzjonijiet li jissemmaew fih, hija l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat E 101 li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza ta’ dan il-ħruġ u, jekk ikun il-każ, tirtira l-imsemmi ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 4243).

65

Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jiftiehmux, b’mod partikolari, fuq l-evalwazzjoni tal-fatti partikolari għal sitwazzjoni speċifika u, konsegwentement, fuq l-għażla tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni Amministrattiva msemmija fl-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament sabiex jirrikonċiljaw il-perspettivi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 44).

66

Issa, preċiżament fil-kuntest ta’ suspett ta’ frodi, l-implimentazzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, qabel konstatazzjoni potenzjali definittiva ta’ frodi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha importanza partikolari, peress li din hija ta’ natura li tippermetti lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti u dik tal-Istat Membru ospitanti li jniedu djalogu u li jikkollaboraw mill-qrib sabiex jivverifikaw u jiġbru, billi jużaw is-setgħat ta’ investigazzjoni li huma għandhom skont id-dritt nazzjonali tagħhom, rispettivament, kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li jista’ jxejjen jew, għall-kuntrarju, jikkonferma r-realtà tad-dubji espressi mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar iċ-ċirkustanzi relatati mal-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati.

67

Bl-istess mod, tali proċedura, sa fejn din tippermetti li tiġi involuta fi stadju bikri l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti, tiftaħ lil din tal-aħħar il-possibbiltà li targumenta, b’mod oppost, il-perspettiva tagħha dwar l-indizji konkreti potenzjali tal-eżistenza ta’ frodi ppreżentati mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u b’dan il-mod twassalha, skont il-każ, li tannulla jew tirtira ċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati jekk hija tasal għall-konstatazzjoni li dawn l-indizji jistabbilixxu li dawn effettivament inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti.

68

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat li, li kieku l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti setgħet, minħabba s-sempliċi preżenza ta’ indizji konkreti tal-eżistenza ta’ frodi, tinjora unilateralment ċertifikati E 101 maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li, f’dan l-istadju, ma setgħetx validament issir konstatazzjoni definittiva ta’ frodi minħabba l-assenza ta’ involviment tal-istituzzjoni emittenti u ta’ verifika fid-dettall taċ-ċirkustanzi rilevanti relatati mal-ħruġ tagħhom, jiżdied ir-riskju li jkunu dovuti kontribuzzjonijiet, bi ksur tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli stabbilit mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 29), għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti minkejja l-fatt li jkunu diġà tħallsu kontribuzzjonijiet, għall-istess ħaddiema, għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li dawn iċ-ċertifikati jiċċertifikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu hija applikabbli.

69

Barra minn hekk, jekk kellu jirriżulta sussegwentement li xi kontribuzzjonijiet ġew indebitament imħallsa fl-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, ir-riskju jeżisti li dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu rrimborsati, minħabba, pereżempju, bħal f’dan il-każ, regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli fl-imsemmi Stat Membru, minkejja li ma tkun ġiet ikkonstatata ebda frodi b’mod definittiv.

70

B’mod korrispondenti, l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 tkun ta’ natura li tkabbar ir-riskju li l-ħaddiema kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali ta’ diversi Stati Membri, bil-kumplikazzjonijiet kollha li tali kumulu jista’ jimplika, li jista’ jippreġudika l-affiljazzjoni tal-persuni impjegati, konformement mal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għal skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll għall-prevedibbiltà tal-iskema applikabbli u, għalhekk, għaċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 25).

71

Din il-proċedura tikkostitwixxi għalhekk prekundizzjoni obbligatorja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ frodi humiex issodisfatti u, għaldaqstant, li tinsilet kull konsegwenza utli f’dak li jirrigwarda l-validità taċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni u l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati.

72

Minn dan jirriżulta li l-preżenza ta’ indizji konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li ċertifikati E 101 inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti, għandha twassal lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, mhux li tikkonstata unilateralment l-eżistenza ta’ frodi u tinjora dawn iċ-ċertifikati, iżda li tniedi malajr il-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex l-istituzzjoni emittenti ta’ dawn iċ-ċertifikati, li tkun ġiet adita mill-istituzzjoni tal-Istat Membru ospitanti, twettaq, fi żmien raġonevoli, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, fid-dawl ta’ dawn l-indizji u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi li tannullahom jew li tirtirahom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 54).

73

F’dan il-kuntest, meta qorti tal-Istat Membru ospitanti hija adita fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnedija konta persuna li timpjega ssusspettata li kisbet jew invokat b’mod frawdolenti ċertifikati E 101, hija lanqas ma tista’ tinjora l-proċedura istitwita fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-eżitu tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punti 96 sa 105).

74

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament, bħar-Regolament Nru 1408/71, huwa obbligatorju fl-elementi tiegħu kollha u direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri, jeħtieġ li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 5354 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Li kieku kellu jiġi aċċettat li qorti tal-Istat Membru ospitanti, adita fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnedija minn awtorità kriminali, mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jew minn kull persuna oħra, tista’ tiddikjara ċertifikat E 101 invalidu, għas-sempliċi raġuni li jeżistu indizji konkreti ta’ natura li jistabbilixxu li dan iċ-ċertifikat inkiseb jew ġie invokat b’mod frawdolenti, indipendentement mit-tnedija u mill-iżvolġiment tal-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sistema implimentata minnu, ibbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri, tkun kompromessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 47, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et, C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 46). L-importanza partikolari, enfasizzata fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, li għandha l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura fil-kuntest ta’ suspett ta’ frodi, b’dan il-mod tkun miksura.

76

Barra minn hekk, peress li t-tnedija tal-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 tista’ twassal lill-istituzzjoni emittenti li tannulla jew tirtira ċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati, din il-proċedura hija ta’ natura li tippermetti, jekk ikun il-każ, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, ekonomija tal-ġudizzju, peress li, konsegwentement, jista’ jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu aditi qrati tal-Istat Membru ospitanti.

77

Għaldaqstant, huwa biss jekk din il-proċedura ġiet imnedija mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u li l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikati E 101 naqset milli tipproċedi għall-eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq it-talba f’dan is-sens ippreżentata mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li l-indizji konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li l-imsemmija ċertifikati inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti għandhom ikunu jistgħu jiġu enfasizzati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, sabiex il-qorti tal-Istat Membru ospitanti tinjora ċ-ċertifikati, bil-kundizzjoni madankollu li l-persuni li huma akkużati, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li kisbu jew invokaw dawn iċ-ċertifikati b’mod frawdolenti jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-provi li fuqhom hija bbażata din il-proċedura, bl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 54 sa 56).

78

Għaldaqstant, qorti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tinjora ċertifikati E 101 fil-kuntest ta’ tali proċedura ġudizzjarja biss meta żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, li l-istituzzjoni emittenti, li tkun ġiet adita fil-pront mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru b’talba għall-eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati, naqset milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid fid-dawl tal-punti kkomunikati minn din l-istituzzjoni tal-aħħar u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq din it-talba, jekk ikun il-każ, billi tannulla jew tirtira dawn l-istess ċertifikati u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija punti jippermettu lil din il-qorti tikkonstata, b’osservanza tal-garanziji inerenti fid-dritt għal smigħ xieraq, li ċ-ċertifikati inkwistjoni nkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 61).

79

Minn dan isegwi li qorti tal-Istat Membru ospitanti, adita bil-kwistjoni dwar il-validità ta’ ċertifikati E 101, għandha tfittex, qabelxejn, jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, qabel ġiet adita, kinitx ġiet imnedija mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti permezz ta’ talba għall-eżami mill-ġdid u għall-irtirar ta’ dawn iċ-ċertifikati ppreżentata lill-istituzzjoni emittenti tagħhom u, jekk dan ma kienx il-każ, li timplimenta l-mezzi ta’ dritt kollha fid-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tnedi din il-proċedura.

80

Konsegwentement, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti adita fil-kuntest ta’ proċedura mnedija kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li jiżvelaw li ċertifikati E 101 inkisbu jew intużaw b’mod frawdolenti tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eżistenza ta’ tali frodi u tinjora dawn iċ-ċertifikati biss jekk hija tikkonstata, wara li, sa fejn meħtieġ, tissospendi l-proċedura ġudizzjarja skont id-dritt nazzjonali tagħha, li, wara li l-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ġiet imnedija fil-pront, l-istituzzjoni emittenti taċ-ċertifikati E 101 naqset milli tipproċedi għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn iċ-ċertifikati u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq l-elementi ppreżentati mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jekk ikun il-każ billi tannulla jew tirtira l-imsemmija ċertifikati.

81

Hija biss tali interpretazzjoni li hija ta’ natura li tiżgura l-effett utli tal-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, billi tiżgura li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jniedu fil-pront id-djalogu kopert fiha sabiex, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Istat Membru ospitanti, fil-kuntest tal-proċedura ppreżentata quddiemha, ikollha d-data neċessarja kollha għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ frodi potenzjali, filwaqt li l-istituzzjonijiet emittenti ta’ ċertifikati E 101 jintalbu jwieġbu, f’terminu raġonevoli, għal talba għall-eżami mill-ġdid u għall-irtirar ta’ dawn iċ-ċertifikati, taħt piena li, wara li jiskadi dan it-terminu, dawn jiġu injorati minn dik il-qorti.

82

F’dan il-każ, madankollu mill-proċessi fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), permezz tas-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Jannar 2012, ikkonstatat l-eżistenza ta’ frodi u injorat iċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali qabel ma kienet ġiet imnedija l-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, sussegwentement, mill‑1 ta’ Mejju 2010, fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha huma ppreċiżati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, u anki mingħajr ma stħarrġet, qabelxejn, jekk dan kienx il-każ sabiex l-istituzzjoni emittenti Spanjola tkun f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, li tannulla jew tirtira dawn iċ-ċertifikati.

83

Fil-fatt, huwa stabbilit li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema kkonċernati, jiġifieri l-Urssaf, ikkomunikat lill-istituzzjoni emittenti Spanjola l-punti dwar il-frodi miġbura mill-ispettorat tax-xogħol, sabiex tikseb minn din l-istituzzjoni l-annullament jew l-irtirar taċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biss permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2012, wara li kienet ingħatat din is-sentenza mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) u mibgħuta kważi erba’ snin wara li l-ispettorat tax-xogħol, fit‑28 ta’ Mejju 2008, indirizza proċess verbali dwar xogħol mhux iddikjarat fil-konfront ta’ Vueling.

84

Barra minn hekk, minkejja li l-proċedura prevista fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, dak iż-żmien fis-seħħ, kienet diġà ġiet imnedija meta, fil‑11 ta’ Marzu 2014, l-appell ippreżentat mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ġie miċħud mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), huwa stabbilit li din tal-aħħar tat deċiżjoni mingħajr ma fittxet li tinforma ruħha dwar l-istat tad-djalogu mibdi bejn l-istituzzjoni emittenti Spanjola u l-istituzzjoni Franċiża kompetenti jew li tistenna l-eżitu ta’ din il-proċedura.

85

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-istituzzjoni emittenti Spanjola ma ttrattatx it-talba għal eżami mill-ġdid u għall-irtirar ippreżentata mill-istituzzjoni Franċiża kompetenti bil-ħeffa meħtieġa, bir-reazzjoni tagħha għal din it-talba iktar minn sentejn wara l-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tistax titqies bħala li saret f’terminu raġonevoli, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tagħha għall-persuni kkonċernati u tan-natura tal-kwistjonijiet li kellhom jiġu eżaminati. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, l-istituzzjoni emittenti Spanjola hija stess ġiet adita tard mill-istituzzjoni Franċiża kompetenti, jiġifieri madwar erba’ snin wara li l-istituzzjoni Franċiża kompetenti kellha fil-pussess tagħha elementi ta’ natura li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ frodi.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑370/17 u C‑37/18 għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru, aditi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnedija kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li jiżvelaw kisba jew użu frawdolenti ta’ ċertifikati E 101 maħruġa skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 fil-konfront ta’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru, jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement jinjoraw dawn iċ-ċertifikati biss wara li jkunu żguraw:

minn naħa, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) ta’ dan ir-regolament ġiet imnedija fil-pront u li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti għaldaqstant kienet f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati fid-dawl tal-punti konkreti sottomessi mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jagħtuhom x’jaħsbu li l-istess ċertifikati inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti, u

min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti naqset milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq dawn il-punti, skont il-każ, billi tannulla jew billi tirtira ċ-ċertifikati inkwistjoni.

Fuq it-tieni domanda f’kull waħda mill-Kawżi C‑370/17 u C‑37/18

87

Permezz tat-tieni domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72 u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-każ li persuna li timpjega kienet is-suġġett, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ kundanna kriminali bbażata fuq konstatazzjoni definittiva ta’ frodi magħmula bi ksur ta’ dan id-dritt, li qorti ċivili ta’ dan l-Istat Membru, marbuta bil-prinċipju ta’ dritt nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata, minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tikkundanna lil din il-persuna li timpjega, minħabba l-fatt biss ta’ din il-kundanna kriminali, tħallas danni intiżi li jikkumpensaw lill-ħaddiema jew lil organizzazzjoni tal-irtirar ta’ dan l-istess Stat Membru vittmi ta’ din il-frodi.

88

Preliminarjament, għandha titfakkar, f’dan ir-rigward, l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jiġu kkontestati iktar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkun skada t-terminu previst għal dawn ir-rimedji (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28; tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 52, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 26).

89

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29; tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 53, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 27).

90

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, jirriforma d-deċiżjoni tiegħu li għandha l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 38; tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 54, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 28).

91

Fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni dwar dan is-suġġett, il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tal-interpretazzjoni, fid-dritt nazzjonali kkonċernat, tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni kriminali fuq deċiżjoni ċivili, skont liema l-qorti ċivili, li tiddeċiedi fuq l-istess fatti bħal dawk li l-qorti kriminali ddeċidiet fuqhom, la tista’ tikkontesta l-kundanna kriminali tal-persuna li timpjega kkonċernata bħala tali, u lanqas il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet u interpretazzjonijiet legali mogħtija mill-qorti kriminali, u dan anki meta dawn saru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li fir-realtà din il-qorti ma stħarrġitx, qabel ikkonstatat definittivament fuq l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement injorat iċ-ċertifikati E 101 ikkonċernati, fuq it-tnedija u l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ djalogu prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71.

93

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibili jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

F’dawn il-kawżi, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata msemmi fil-punt 92 ta’ din is-sentenza tipprekludi li tiġi kkontestata mhux biss deċiżjoni ġudizzjarja ta’ natura kriminali li għandha l-awtorità ta’ res judicata, anki jekk din id-deċiżjoni tirriżulta fi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll, fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ natura ċivili dwar l-istess fatti, kull konstatazzjoni li tirrigwarda punt fundamentali komuni li jinsab f’sentenza ġudizzjarja ta’ natura kriminali li għandha l-awtorità ta’ res judicata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 29).

95

Tali interpretazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għalhekk għandha bħala konsegwenza li, meta d-deċiżjoni ta’ qorti kriminali li saret definittiva hija bbażata fuq konstatazzjoni ta’ frodi li ngħatat minn din il-qorti li injorat il-proċedura ta’ djalogu prevista fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101 li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni skorretta ta’ dan id-dritt tirriżulta f’kull deċiżjoni mogħtija minn qrati ċivili dwar l-istess fatti, mingħajr ma jkun possibbli li din il-konstatazzjoni u din l-interpretazzjoni, magħmula bi ksur tal-imsemmi dritt, jiġu kkorreġuti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 30).

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li tali ostakoli għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar din il-proċedura kif ukoll l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101 ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod raġonevoli bil-prinċipju ta’ ċertezza legali u għalhekk għandhom jitqiesu bħala li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 31).

97

Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li, minkejja li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza, il-kundanna, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li ngħatat mill-qrati kriminali tal-Istat Membru ospitanti fil-konfront ta’ Vueling ma tistax tiġi kkontestata minkejja l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni, la din il-kundanna u lanqas il-konstatazzjoni definittiva ta’ frodi u l-interpretazzjonijiet legali, magħmula bi ksur ta’ dan id-dritt, li l-imsemmija kundanna hija bbażata fuqhom, ma jistgħu, min-naħa l-oħra, jippermettu lill-qrati ċivili ta’ dan l-Istat Membru jilqgħu dawn it-talbiet għal danni ppreżentati mill-ħaddiema jew minn organizzazzjoni tal-irtirar tal-imsemmi Stat Membru vittmi tal-aġir ta’ din il-kumpannija.

98

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda f’kull waħda mill-Kawżi C‑370/17 u C‑37/18 għandha tkun li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72 u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu, fil-każ li persuna li timpjega kienet is-suġġett, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ kundanna kriminali bbażata fuq konstatazzjoni definittiva ta’ frodi magħmula bi ksur ta’ dan id-dritt, li qorti ċivili ta’ dan l-Istat Membru, marbuta bil-prinċipju ta’ dritt nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata, minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tikkundanna lil din il-persuna li timpjega, minħabba l-fatt biss ta’ din il-kundanna kriminali, tħallas danni intiżi li jikkumpensaw lill-ħaddiema jew lil organizzazzjoni tal-irtirar ta’ dan l-istess Stat Membru vittmi ta’ din il-frodi.

Fuq l-ispejjeż

99

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru, aditi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnedija kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li jiżvelaw kisba jew użu frawdolenti ta’ ċertifikati E 101 maħruġa skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004, fil-konfront ta’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru, jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement jinjoraw dawn iċ-ċertifkati biss wara li jkunu żguraw:

minn naħa, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) ta’ dan ir-regolament ġiet imnedija fil-pront u li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti għaldaqstant kienet f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati fid-dawl tal-punti konkreti sottomessi mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jagħtuhom x’jaħsbu li l-istess ċertifikati inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti, u

min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti naqset milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq dawn il-punti, skont il-każ, billi tannulla jew billi tirtira ċ-ċertifikati inkwistjoni.

 

2)

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu, fil-każ li persuna li timpjega kienet is-suġġett, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ kundanna kriminali bbażata fuq konstatazzjoni definittiva ta’ frodi magħmula bi ksur ta’ dan id-dritt, li qorti ċivili ta’ dan l-Istat Membru, marbuta bil-prinċipju ta’ dritt nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata, minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tikkundanna lil din il-persuna li timpjega, minħabba l-fatt biss ta’ din il-kundanna kriminali, tħallas danni intiżi li jikkumpensaw lill-ħaddiema jew lil organizzazzjoni tal-irtirar ta’ dan l-istess Stat Membru vittmi ta’ din il-frodi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) Fil-kliem prinċipali ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

Fuq