EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0788

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Frar 2020.
Stanleyparma Sas di Cantarelli Pietro & C. u Stanleybet Malta Ltd vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli UM Emilia Romagna – SOT Parma.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Parma.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Tassazzjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Taxxa unika fuq l-imħatri.
Kawża C-788/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:110

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Tassazzjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Taxxa unika fuq l-imħatri”

Fil-Kawża C‑788/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Parma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Parma, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Stanleyparma Sas di Cantarelli Pietro & C.,

Stanleybet Malta Ltd

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli UM Emilia Romagna – SOT Parma,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stanleyparma Sas di Cantarelli Pietro & C., minn D. Agnello, V. Varzi u M. Mura, avvocati,

għal Stanleybet Malta Ltd, minn R. A. Jacchia, F. Ferraro, A. Terranova u D. Agnello, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, advocaten,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 52, 56 u 57 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam fiskali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stanleyparma Sas di Cantarelli Pietro & C. u Stanleybet Malta Ltd kontra l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli UM Emilia Romagna – SOT Parma (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, Emilia Romagna, sede operattiva ta’ Parma, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“ADM”), dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-obbligu li titħallas, fl-Italja, taxxa unika fuq l-imħatri (iktar ’il quddiem it-“taxxa unika”) li taqa’, prinċipalment, fuq iċ-Centri Trasmissione Dati (iċ-Ċentri ta’ Trażmissjoni tad-Data, iktar ’il quddiem iċ-“CTD”), bħal Stanleyparma, kif ukoll, sussidjarjament, Stanleybet Malta, bħala responsabbli in solidum.

Il-kuntest ġuridiku

3

Konformement mal-Artikolu 1 tad-decreto legislativo n. 504 – Riordino dell’imposta unica sui concorsi pronostici e sulle scommesse, a norma dell’articolo 1, comma 2, della legge 3 agosto 1998, n. 288 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 – Riorganizzazzjoni tat-Taxxa Unika fuq il-Logħob ta’ Tbassir u fuq l-Imħatri, konformement mal-Artikolu 1(2) tal-Liġi tat‑3 ta’ Awwissu 1998, Nru 288), tat‑23 ta’ Diċembru 1998 (GURI Nru 27, tat‑3 ta’ Frar 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1998”), it-taxxa unika hija dovuta fuq il-logħob ta’ tbassir u l-imħatri ta’ kull tip, dwar kwalunkwe avveniment ikun li jkun, inkluż jekk iseħħ barra mill-pajjiż.

4

L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa unika huma dawk li jamministraw, inkluż fil-kuntest ta’ konċessjonijiet, il-logħob ta’ tbassir u l-imħatri.”

5

Skont l-Artikolu 1(66) tal-legge n. 220 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2011) (il-Liġi Nru 220 – Dispożizzjonijiet dwar il-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat (Liġi ta’ Stabbiltà 2011), tat‑13 ta’ Diċembru 2010 (GURI Nru 297, tal‑21 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Stabbiltà 2011”):

“[…]

a) […] it-taxxa unika […] hija dovuta fi kwalunkwe każ, inkluż fil-każ fejn il-ġbir tal-imħatri jsir, anki mill-bogħod, fl-assenza jew fil-każ ta’ ineffettività tal-konċessjoni mogħtija mill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi – Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, jew fil-preżenza ta’ konċessjoni mhux regolari;

b) l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 504/1998] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija dik li, anki fl-assenza jew fil-każ ta’ ineffettività tal-konċessjoni mogħtija mill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi – Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat, tamministra b’kull mezz, inkluż dak telematiku, għaliha stess jew f’isem terzi, anki barra mill-pajjiż, logħob ta’ tbassir jew ta’ mħatri ta’ kull tip. Jekk l-attività hija eżerċitata f’isem terzi, dak li f’ismu titwettaq l-attività huwa marbut in solidum għall-ħlas tat-taxxa u tas-sanzjonijiet relatati.”

6

Id-decreto del Ministero dell’Economia e delle Finanze n. 111 – Norme concernenti la disciplina delle scommesse a quota fissa su eventi sportivi diversi dalle corse dei cavalli e su eventi non sportivi da adottare ai sensi dell’articolo 1, comma 286, della legge 30 dicembre 2004, n. 311 (id-Digriet tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi – Sistema applikabbli għall-imħatri bi kwota fissa fuq l-avvenimenti sportivi minbarra t-tiġrijiet taż-żwiemel u fuq l-avvenimenti mhux sportivi fis-sens tal-Artikolu 1(286) tal-Liġi tat‑30 ta’ Diċembru 2004, Nru 311), tal‑1 ta’ Marzu 2006 (GURI Nru 67, tal‑21 ta’ Marzu 2006), jipprevedi, fl-Artikolu 16 tiegħu, li l-konċessjonarju għandu jħallas is-somom dovuti bħala taxxa unika.

7

Skont l-Artikolu 1(644)(g) tal-legge n. 190 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2015) (il-Liġi Nru 190 – Dispożizzjonijiet dwar il-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat (Liġi ta’ Stabbiltà 2015), tat‑23 ta’ Diċembru 2014 (suppliment ordinarju GURI Nru 300, tad‑29 ta’ Diċembru 2014), it-taxxa unika tapplika “abbażi ta’ bażi taxxabbli b’rata fissa li hija ekwivalenti għat-triplu tal-medja tal-ġbir imwettaq fil-provinċja fejn jinsab in-negozju jew il-punt ta’ ġbir, kif miksuba mid-data rreġistrata mit-totalizzatur nazzjonali għall-perijodu taxxabbli preċedenti għall-perijodu ta’ riferiment”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Stanleybet Malta hija attiva fl-Italja fil-qasam tal-ġbir ta’ mħatri, permezz ta’ “CTD”, bħal Stanleyparma, abbażi ta’ relazzjoni li taqa’ taħt il-forma kuntrattwali tal-mandat. Iċ-CTD jinsabu f’postijiet miftuħa għall-pubbliku u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ħattarin konnessjoni telematika u jittrażmettu d-data ta’ kull imħatra lill-mandant tagħhom. Stanleybet Malta, li ilha teżerċita l-attività tagħha fl-Italja għal madwar għoxrin sena, la għandha konċessjoni u lanqas awtorizzazzjoni mill-pulizija.

9

Permezz ta’ deċiżjoni ta’ aġġustament tat-taxxa tal‑21 ta’ Settembru 2016, l-ADM bagħtet lil Stanleyparma u, sussidjarjament, lil Stanleybet Malta, bħala responsabbli in solidum, avviż ta’ rkupru, skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1998, kif interpretat fl-Artikolu 1(66) tal-Liġi ta’ Stabbiltà 2011, għall-ħlas tat-taxxa unika fuq l-imħatri miġbura fl-Italja matul is-sena taxxabbli 2011, li jammonta għal EUR 8 422.60. L-ADM ikkunsidrat li din it-taxxa kienet dovuta minħabba l-fatt li Stanleyparma kienet teżerċita, “f’isem terzi”, attività ta’ ġestjoni ta’ mħatri.

10

Stanleyparma u Stanleybet Malta adixxew lill-qorti tar-rinviju, il-Commissione tributaria provinciale di Parma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Parma, l-Italja), b’talba intiża għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, billi sostnew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintroduċi, fir-rigward tagħhom, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

11

Il-qorti tar-rinviju, li għandha l-istess dubji bħar-rikorrenti, tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 52, 56 u 57 TFUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

12

Din il-qorti tqis li l-fatt li ċ-CTD huma suġġetti għat-taxxa unika jikkostitwixxi restrizzjoni illegali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, minn żewġ perspettivi. Minn naħa, l-issuġġettar għal din it-taxxa taċ-CTD li joperaw f’isem il-konċessjonarji nazzjonali, minkejja li l-attività tagħhom hija komparabbli ma’ dik ta’ Stanleyparma, ma huwiex previst. Min-naħa l-oħra, Stanleyparma, li ntalbet tħallas l-imsemmija taxxa, hija assimilata ma’ dawn il-konċessjonarji, li l-attività tagħhom hija madankollu differenti.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, ma teżisti ebda ġustifikazzjoni għal eventwali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan ta’ natura purament ekonomika. Insostenn tal-opinjoni tagħha, din il-qorti tirreferi għal sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tat‑23 ta’ Jannar 2018, li fiha din tal-aħħar iddikjarat li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni għas-snin ta’ qabel is-sena 2011, sa fejn din kienet tipprevedi li ċ-CTD li joperaw f’isem terzi, li, bħal Stanleybet Malta, ma kinux detenturi ta’ konċessjoni, kienu suġġetti għat-taxxa unika.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Parma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Parma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 56, 57 u 52 [TFUE], il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizzi tal-logħob u tal-imħatri u, b’mod partikolari, is-sentenzi [tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597), tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133), tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80), kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2016Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60)], u fil-qasam tad-diskriminazzjoni fiskali, b’mod partikolari, is-sentenzi [tat‑13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, EU:C:2003:613), tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618), u tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti (C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311)], u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fid-dritt tal-Unjoni, anki fid-dawl tas-sentenza tal-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tat‑23 ta’ Jannar 2018, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana inkwistjoni, li tipprevedi li l-intermedjarji nazzjonali li jittrażmettu data ta’ logħob f’isem operaturi ta’ mħatri stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li għandhom, b’mod partikolari, il-karatteristiċi [ta’ Stanleybet Malta], u sussidjarjament, tal-istess operaturi ta’ mħatri in solidum mal-intermedjarji nazzjonali tagħhom għandhom ikunu suġġetti għat-Taxxa Unika[?]

2)

L-Artikoli 56, 57 u 52 [TFUE], il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizzi tal-logħob u tal-imħatri u, b’mod partikolari, is-sentenzi [tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597), tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133), tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80), kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2016Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60)], u fil-qasam tad-diskriminazzjoni fiskali, b’mod partikolari, is-sentenzi [tat‑13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, EU:C:2003:613), tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618), u tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti (C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311)], u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fid-dritt tal-Unjoni, anki fid-dawl tas-sentenza tal-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑23 ta’ Jannar 2018, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana inkwistjoni, li tipprevedi li huma biss l-intermedjarji nazzjonali li jittrażmettu data ta’ logħob f’isem operaturi ta’ mħatri stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li għandhom, b’mod partikolari, il-karatteristiċi [ta’ Stanleybet Malta], u mhux l-intermedjarji nazzjonali li jittrażmettu data ta’ logħob f’isem operaturi ta’ mħatri konċessjonarji tal-Istat li jwettqu l-istess attività, li għandhom ikunu suġġetti għat-Taxxa Unika[?]

3)

L-Artikoli 52, 56 et seq [TFUE], il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizzi tal-logħob u tal-imħatri u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, anki fid-dawl tas-sentenza tal-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑23 ta’ Jannar 2018, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik Taljana prevista fl-Artikolu 1(644)(g) tal-Liġi [Nru] 190/2014, li timponi fuq l-intermedjarji nazzjonali li jittrażmettu data ta’ logħob f’isem operaturi ta’ mħatri stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li għandhom, b’mod partikolari, il-karatteristiċi [ta’ Stanleybet Malta], u eventwalment, fuq l-istess operaturi ta’ mħatri in solidum mal-intermedjarji nazzjonali tagħhom, l-obbligu li jħallsu t-Taxxa Unika […] fuq bażi taxxabbli b’rata fissa li hija ekwivalenti għat-tripplu tal-medja tal-ġbir imwettaq fil-provinċja fejn jinsab in-negozju jew il-punt ta’ ġbir, kif miksuba mid-data rreġistrata mit-totalizzatur nazzjonali għal-perijodu taxxabbli preċedenti għal dak ta’ riferiment[?]”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

15

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa fuq l-imħatri ċ-CTD stabbiliti f’dan l-Istat Membru u sussidjarjament in solidum l-operaturi tal-imħatri, il-mandanti tagħhom, stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

16

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-logħob tal-ażżard huwa suġġett għar-regoli dwar il-provvista ta’ servizzi u, konsegwentement, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, sakemm mill-inqas wieħed mill-fornituri jkun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jiġi offrut is-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2003, Lindman, C‑42/02, EU:C:2003:613, punt 19, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti, C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311, punt 27). Għaldaqstant hemm lok li din il-kawża tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE teħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll is-soppressjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika indistintament għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tostakola jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jforni legalment servizzi simili (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti, C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311, punt 26).

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fis-settur tal-logħob tal-ażżard l-użu tas-sistema ta’ konċessjonijiet, peress li qieset li din tista’ tikkostitwixxi mekkaniżmu effikaċi sabiex jippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi f’dan is-settur bl-iskop li jiġi pprevenut l-isfruttament ta’ dawn l-attivitajiet għal finijiet kriminali jew frawdolenti (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 66).

19

Sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat li sitwazzjonijiet komparabbli ma humiex ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma humiex ittrattati bl-istess mod, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 28).

20

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess li huma għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxa unika hija marbuta mal-attività tal-ġbir tal-imħatri fl-Italja. Skont l-Artikolu 1(66)(a) u (b) tal-Liġi ta’ Stabbiltà 2011, il-persuni suġġetti għal din it-taxxa huma l-operaturi kollha, sakemm huma jamministraw imħatri, indipendentement mill-fatt li huma joperaw f’isimhom stess jew f’isem terz, mill-fatt jekk humiex jew le detenturi ta’ konċessjoni jew mill-post tas-sede tagħhom, anki barra mill-pajjiż.

21

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, jidher li t-taxxa unika tapplika għall-operaturi kollha li jamministraw l-imħatri li jinġabru fit-territorju Taljan, mingħajr ma ssir distinzjoni skont il-post ta’ stabbiliment ta’ dawn l-operaturi, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa għal Stanleybet Malta ma tistax titqies bħala diskriminatorja.

22

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix sistema fiskali differenti skont jekk il-provvista ta’ servizzi ssirx fl-Italja jew fi Stati Membri oħra.

23

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ta’ Stanleybet Malta bbażat fuq il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din hija suġġetta għal taxxa doppja, f’Malta u fl-Italja, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibbenefikaw, bla ħsara għall-osservanza ta’ dan id-dritt, minn ċerta awtonomija f’dan il-qasam u li, għaldaqstant, ma għandhomx l-obbligu li jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għad-diversi sistemi ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari, għat-tneħħija tat-taxxa doppja li tirriżulta mill-eżerċizzju parallel minn dawn l-Istati tal-poteri fiskali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑253/09, EU:C:2011:795, punt 83).

24

Minn dan isegwi li Stanleybet Malta ma ġġarrab, fir-rigward ta’ operatur nazzjonali li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal din il-kumpannija, ebda restrizzjoni diskriminatorja minħabba l-applikazzjoni li saret fil-konfront tagħha ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ kumpannija bħal Stanleybet Malta fl-Istat Membru kkonċernat.

25

Fir-rigward ta’ Stanleyparma, din teżerċita, bħala intermedjarju ta’ Stanleybet Malta u bħala korrispettiv għal remunerazzjoni, attività ta’ offerta u ta’ ġbir ta’ mħatri.

26

Din il-kumpannija teżerċita b’mod partikolari, bl-istess mod bħall-operaturi tal-imħatri nazzjonali, attività ta’ ġestjoni tal-imħatri, li tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa għat-tassazzjoni għall-finijiet tat-taxxa unika. Minħabba f’hekk, skont l-Artikolu 1(66)(b) tal-Liġi ta’ Stabbiltà 2011, Stanleyparma hija suġġetta, in solidum ma’ Stanleybet Malta, għall-ħlas ta’ din it-taxxa.

27

Barra minn hekk, mill-Artikolu 16 tad-Digriet tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Nru 111, tal‑1 ta’ Marzu 2006, jirriżulta li l-operaturi li għandhom konċessjoni għall-organizzazzjoni tal-imħatri fl-Italja jħallsu wkoll it-taxxa unika. Skont il-qorti tar-rinviju, iċ-CTD tagħhom madankollu ma humiex suġġetti għall-ħlas in solidum ta’ din it-taxxa, kuntrarjament għal Stanleyparma.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, b’differenza miċ-CTD li jittrażmettu d-data tal-logħob f’isem l-operaturi tal-imħatri nazzjonali, Stanleyparma tiġbor l-imħatri f’isem Stanleybet Malta, li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, hija ma tinsabx, fir-rigward tal-għanijiet tal-Liġi ta’ Stabbiltà 2011, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-operaturi nazzjonali.

29

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassal għal ebda restrizzjoni diskriminatorja fir-rigward ta’ Stanleybet Malta u ta’ Stanleyparma u ma tippreġudikax, fir-rigward tagħhom, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa fuq l-imħatri ċ-CTD stabbiliti f’dan l-Istat Membru u sussidjarjament in solidum l-operaturi tal-imħatri, il-mandanti tagħhom, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u dan indipendentement mill-post tas-sede ta’ dawn l-operaturi u mill-assenza ta’ konċessjoni għall-organizzazzjoni tal-imħatri.

Fuq it-tielet domanda

31

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żieda ta’ taxxa fuq l-imħatri, abbażi ta’ bażi taxxabbli b’rata fissa li hija ekwivalenti għat-triplu tal-medja tal-ġbir imwettaq fil-punt ta’ ġbir li jinsab fi Stat Membru, għaċ-CTD li jaġixxu f’isem operaturi ta’ mħatri stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li ma humiex detenturi ta’ konċessjoni, kif ukoll għall-operaturi tal-imħatri stess.

32

Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tielet domanda, peress li r-risposta għal din id-domanda ma hijiex, fil-fehma tagħhom, neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

33

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 1997, Grado u Bashir, C‑291/96, EU:C:1997:479, punt 12, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 98).

34

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta mil-Liġi Nru 190/2014, tat‑23 ta’ Diċembru 2014, ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjoni ta’ aġġustament fiskali kkontestata fil-kawża prinċipali tirrigwarda s-sena taxxabbli 2011. Konsegwentement, it-tielet domanda, li hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa fuq l-imħatri ċ-Ċentri ta’ Trażmissjoni tad-Data stabbiliti f’dan l-Istat Membru u sussidjarjament in solidum l-operaturi tal-imħatri, il-mandanti tagħhom, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u dan indipendentement mill-post tas-sede ta’ dawn l-operaturi u mill-assenza ta’ konċessjoni għall-organizzazzjoni tal-imħatri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq