Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0427

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-26 ta’ Frar 2020.
    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) vs Ruben Alba Aguilera et.
    Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali u membri tal-persunal – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) – Remunerazzjonijiet – Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 110 – Persunal tal-Unjoni Ewropea li jservu f’pajjiż terz – Anness X – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10 – Kumpens għall-kundizzjonijiet tal-ħajja – Evalwazzjoni u reviżjoni annwali – Tnaqqis għall-persunal li jservu f’Etjopja – Ħtieġa li jiġu adottati minn qabel dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni – Portata.
    Kawża C-427/18 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:109

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    26 ta’ Frar 2020 ( *1 )

    “Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali u membri tal-persunal –Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) – Remunerazzjonijiet – Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 110 – Persunal tal-Unjoni Ewropea li jservu f’pajjiż terz – Anness X – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10 – Kumpens għall-kundizzjonijiet tal-ħajja – Evalwazzjoni u reviżjoni annwali – Tnaqqis għall-persunal li jservu f’Etjopja – Ħtieġa li jiġu adottati minn qabel dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni– Portata”

    Fil-Kawża C‑427/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2018,

    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spac, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer u S. Moya Izquierdo, abogados, kif ukoll minn F. -M. Hislaire, avukat,

    rikorrent

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Ruben Alba Aguilera, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa (l-Etjopja),

    Simone Barenghi, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Massimo Bonannini, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Antonio Capone, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Lomé (it-Togo),

    Stéphanie Carette, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Alejo Carrasco Garcia, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa

    Francisco Carreras Sequeros, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Carl Daspect, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Nathalie Devos, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti fi Brussell (il-Belġju),

    Jean-Baptiste Fauvel, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa

    Paula Cristina Fernandes, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti fir-Rabat (Marokk),

    Stephan Fox, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Gesves (il-Belġju),

    Birgitte Hagelund, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Chantal Hebberecht, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

    Karin Kaup-Lapõnin, membru tal-persunal temporanju fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Terhi Lehtinen, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Lahti (il-Finlandja),

    Sandrine Marot,, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Saint-Lary (Franza),

    David Mogollon, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Clara Molera Gui, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Daniele Morbin, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Charlotte Onraet, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Dakar (is-Senegal),

    Augusto Piccagli, uffiċjal fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Woluwé-Saint-Pierre (il-Belġju),

    Gary Quince, uffiċjal irtirat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Woking (ir-Renju Unit),

    Pierre-Luc Vanhaeverbeke, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Tamara Vleminckx, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Birgit Vleugels, membru tal-persunal bil-kuntratt fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    Robert Wade, membru tal-persunal temporanju fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti fi Frome (ir-Renju Unit),

    Luca Zampetti, membru tal-persunal temporanju fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Addis Ababa,

    irrappreżentati minn T. Martin u S. Orlandi, avukati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    Komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2019,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2018, Alba Aguilera etvs SEAE (T-119/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:183), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-baġit u l-amministrazzjoni tas-SEAE, tad-19 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontenzjuża”), dwar l-iffissar tal-kumpens għall-kundizzjonijiet tal-ħajja msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal - Eżerċizzju 2016 [ADMIN(2016)7] sa fejn tnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2016, il-kumpens għall-kundizzjonijiet tal-ħajja (iktar ’il quddiem l-“ACL”) imħallas lill-persunal tal-Unjoni Ewropea li jservu fl-Etjopja minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ referenza.

    Il-kuntest legali

    Ir-Regolamenti tal-Persunal

    2

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jispeċifikaw fl-Artikolu 1b(a) tagħhom, li sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE għandu, għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni.

    3

    L-Artikolu 101a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi l-uniku artikolu tat-Titolu VIIIb tagħhom. Dan l-artikolu jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness X iniżżel id-dispożizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservi f’pajjiż terz.

    4

    L-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fit-Titolu IX tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali, jipprovdi:

    “1.   Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplimentaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal.

    2.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni biex jiddaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, fosthom id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw ukoll għall-aġenziji. […]

    […]

    3.   Għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli bil-ftehim bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji m’għandhomx jitqiesu bħala istituzzjonijiet. […]

    4.   Ir-regoli jdaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u r-regoli adottati permezz tal-ftehim bejn l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet għandhom jitressqu għall-informazzjoni tal-persunal.

    […]”

    5

    L-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Disposizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz”, jinkludi, fil-Kapitolu 1 tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikoli 1 sa 3 ta’ dan l-anness.

    6

    L-Artikolu 1 tal-imsemmi anness jipprovdi:

    “Dan l-Anness iniżżel id-disposizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall- uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jservi f’pajjiż terz.

    […]

    Disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skond l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

    7

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-istess anness jippreċiża:

    “L-Awtorità tal-Ħatra għandha tagħmel it-tali trasferimenti bi proċedura speċifika riferuta bħala ‘l-proċedura tal-mobilità’, li tniżżel regoli dettaljati ta’ l-implimentazzjoni tagħha, wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal.”

    8

    Skont l-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “Taħt il-proċedura tal-mobilità, bid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, uffiċjal assenjat f’pajjiż terz jista’ jerġa’ jkun assenjat temporanjament bil-posizzjoni tiegħu għal siġġu ta’ l-istituzzjoni jew xi post ieħor ta’ mpieg fl-Unjoni; […] B’mod ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1, l-l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi, fuq il-bażi tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, li l-uffiċjal għandu jibqa’ suġġett għal ċerti disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness għat-tul ta’ dan l-assenjament temporanju, esklużi l-Artikoli 5, 10 u 12 tiegħu.”

    9

    L-Artikolu 5(2) ta’ dan l-anness jipprevedi:

    “Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom jitniżżlu mill-Awtorità tal-Ħatra, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. […]”

    10

    L-Artikolu 10 tal-imsemmi anness jistabbilixxi:

    “1.   Għandha tiġi ffissata allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien, skont il-post tax-xogħol tal-uffiċjal, bħala perċentwal ta’ ammont ta’ referenza. Dak l-ammont ta’ referenza għandu jkun magħmul mis-salarju bażiku totali, bl-addizzjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-allowance tal-familja u l-allowance tat-tfal dipendenti, mingħajr it-tnaqqis obbligatorju msemmi fir-Regolamenti tal-Persunal jew fir-regolamenti adottati biex jimplimentawhom.

    Meta uffiċjal ikun impjegat f’pajjiż li fih il-kondizzjonijiet tal-għajxien jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk normalment misjuba fl-Unjoni Ewopea, l-ebda allowance minn dawn ma għandha titħallas.

    Fil-każ ta’ postijiet oħra ta’ impjieg, l-allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien għandha tkun stabbilita billi jitqiesu, inter alia, il-parametri li ġejjin:

    l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet,

    is-sigurtà,

    il-klima,

    il-livell ta’ iżolament

    kondizzjonijiet tal-għajxien lokali oħra.

    L-allowance għall-kondizzjoniet tal-għajxien stabbilita għal kull post tal-impjieg għandha tkun riveduta u, fejn xieraq, aġġustata kull sena mill-awtorità tal-ħatra wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal.

    […]

    3.   Għandha ssir deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mill-awtorità tal-ħatra.”

    11

    L-Artikolu 15 tal-istess anness jipprovdi:

    “Fuq il-kondizzjonijiet imniżżla mill-awtorità tal-ħatra, l-uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni […]”

    12

    Skont l-Artikolu 21 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “Meta uffiċjal huwa obbligat jibdel il-post tar-residenza tiegħu sabiex jimxi m’ l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal […] l-istituzzjoni, suġġetta għall-kondizzjonijiet imniżżla mill-Awtorità tal-Ħatra u skond it-tip ta’ akkomodazzjoni li tista’ tkun ipprovduta lilu fil-post ta’ l-impieg, għandha [ta’ ċerti spejjeż].”

    13

    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 23 ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej:

    “Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mill-awtorità tal-ħatra. L-allowance tal-akkomodazzjoni fl-ebda każ m’għandha taqbeż l-ispejjeż imġarrba mill-uffiċjal.”

    Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg

    14

    Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jippreċiżaw, fl-Artikolu 10(5) tagħhom, li t-Titolu VIIIb tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija għall-persunal temporanju li jservi f’pajjiż terz.

    15

    L-Artikolu 118 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija għall-persunal kuntrattwali li jservu f’pajjiżi terzi, bla ħsara, f’ċerti ċirkustanzi, għall-Artikolu 21 tagħhom.

    Id-deċiżjonijiet tas-SEAE

    16

    Id-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u dwar l-allowance addizzjonali msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal [HR DEC (2013) 013] (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013”) tirrigwarda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari, dan l-Artikolu 10, u tindika li hija ġiet adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. Skont l-unika premessa tagħha, hija għandha l-għan li tistabbilixxi direttivi interni dwar b’mod partikolari l-ALC.

    17

    L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

    “Il-parametri previsti fl-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huma evalwati mill-[Awtorità tal-Ħatra] li tista’ tibbaża, fost l-oħrajn, fuq l-informazzjoni pprovduta minn sorsi internazzjonali, pubbliċi jew privati affidabbli, mill-Istati Membri, kif ukoll mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni:

    “Wara konsultazzjoni mal-Kumitati tal-Persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tiddetermina l-perċentwali tal-[ALC] għall-postijiet differenti ta’ impjieg. Dawn il-perċentwali huma mqassma fi tmien kategoriji […], skont il-parametri, […]”

    19

    L-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni jelenka b’mod illustrattiv il-parametri li jittieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, għall-istabbiliment tal-ALC, li jikkorrispondu għall-parametri indikati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa jipprevedi wkoll, essenzjalment, li, sabiex jippreċiża l-metodoloġija użata, is-SEAE għandu jadotta linji gwida bi qbil mad-dipartimenti responsabbli tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni ma’ grupp tekniku ad hoc li jinkludi membri tal-amministrazzjoni kif ukoll rappreżentanti tas-SEAE u tal-Kummissjoni, maħtura mill-Kumitat tal-Persunal tal-istituzzjoni tagħhom.

    20

    L-Artikolu 12 tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju kif ukoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt u li din tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.

    21

    Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari tal-Artikoli 2 u 7 tagħha, kif ukoll tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 10 tiegħu, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tas-SEAE u mal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni, ġiet adottata d-Deċiżjoni EEAS DEC(2014) 049 tad-Direttur Ġenerali Amministrattiv ad interim tas-SEAE tat-3 ta’ Diċembru 2014 dwar il-linji gwida li jistabbilixxu l-metodoloġija sabiex jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, l-ALC (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014”).

    22

    Id-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014 u tindika li din ġiet adottata wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal tas-SEAE u tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal, taqsima barra mill-Unjoni, tal-Kummissjoni. L-ewwel premessa ta’ din id-deċiżjoni tindika b’mod partikolari li “[r] -reviżjoni u, jekk ikun il-każ, l-aġġustament annwali tal- [ALC] huma sena finanzjarja li tkopri l-postijiet kollha ta’ xogħol sabiex jittieħed kont tal-bidliet tal-kuntest” u li dan l-eżerċizzju “jinkludi analiżi tal-kundizzjonijiet tal-ħajja li jipprevalu fil-postijiet ta’ impjieg, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk humiex jew jibqgħux ekwivalenti għal dawk abitwali fl-Unjoni”.

    23

    Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra awtorizzata sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ipproċediet bis-sena finanzjarja ta’ reviżjoni tal-ACL għas-sena 2016. Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp tekniku, hija naqqset b’mod partikolari, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, ir-rata tal-ALC imħallsa lill-persunal assenjat fl-Etjopja, peress li din ir-rata għaddiet minn 30 għal 25 %.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    24

    Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Alba Aguilera et, huma uffiċjali jew membri tal-persunal, temporanji jew kuntrattwali, tal-Unjoni li kienu assenjati fl-Etjopja meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontenzjuża. Peress li din naqqset ir-rata tal-ALC imħallsa lill-persunal tal-Unjoni assenjat f’dan il-pajjiż, Alba Aguilera et ressqu, kull wieħed, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju 2016, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra jew quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, ilment kontra d-deċiżjoni kkontenzjuża, fejn ikkontestaw dan it-tnaqqis.

    25

    Permezz ta’ deċiżjoni unika tad-9 ta’ Novembru 2016, dawn l-ilmenti ġew miċħuda.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    26

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2017, Alba Aguilera et ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-ALC imħallsa lill-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ referenza, għall-kundanna tas-SEAE għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, sabiex jiġi ddeterminat ex aequo et bono mill-Qorti Ġenerali, id-dannu morali mġarrab, u għall-kundanna tas-SEAE għall-ispejjeż.

    27

    Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, Alba Aguilera et qajmu tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (iktar’ il quddiem id-“DĠI”) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn il-metodu użat mis-SEAE, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-ALC f’post ta’ assenjazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-“koerenza reġjonali” u t-tielet motiv kien ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fl-iffissar tal-ALC inkwistjoni.

    28

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv imqajjem quddiemha, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet mitluba, ċaħdet it-talbiet għad-danni li kienu tressqu quddiemha u kkundannat lis-SEAE għall-ispejjeż.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Is-SEAE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, u

    tikkundanna lil Alba Aguilera et għall-ispejjeż.

    30

    Alba Aguilera et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tiċħad l-appell u tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż, u

    sussidjarjament, jekk l-appell jintlaqa’, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-appell

    31

    Insostenn tal-appell tiegħu, is-SEAE jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn l-obbligu li jinkludi li jiġu adottati DĠI skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi obbligu li jiġu adottati DĠI għal dan l-anness kollu. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmi anness, sa fejn jikkostitwixxi dispożizzjoni li ma hijiex ċara u preċiża sa tali punt li tippermetti applikazzjoni arbitrarja li trendi l-adozzjoni ta’ DĠI neċessarja.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, permezz ta’ dawn l-aggravji, is-SEAE jirreferi biss għall-motivi tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr madankollu ma ssemmi l-motivi ta’ din is-sentenza li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għad-danni li kienu tressqu quddiemha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-appell tiegħu, is-SEAE jitlob l-annullament tas-sentenza appellata mhux fl-intier tagħha, iżda biss sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet mitluba lilu u, konsegwentement, ikkundannat lis-SEAE għall-ispejjeż.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    33

    Is-SEAE jsostni li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li l-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġu adottati DĠI konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi obbligu li jiġu adottati DĠI għal dan l-anness kollu, għar-raġuni li dan l-Artikolu 1 jinsab fost id-dispożizzjonijiet ġenerali tiegħu, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 1.

    34

    Il-portata tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi mill-fatt jekk proċeduri speċifiċi ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness humiex previsti jew le fid-dispożizzjonijiet tiegħu u, fin-nuqqas ta’ tali previżjonijiet, mil-livell ta’ preċiżjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew fuq il-ħtieġa li dawn ikunu akkumpanjati u żviluppati minn DĠI. Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha l-effett li tibdel il-proċeduri stabbiliti mill-imsemmi anness għall-adozzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni konkreti, li tneħħi s-sens tad-dispożizzjonijiet tiegħu li huma awtosuffiċjenti u li tagħtihom b’mod ġudizzjarju natura inkompleta, li mhux neċessarjament għandhom.

    35

    Eżami tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li huwa biss l-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar li jipprevedi espressament li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi “fuq il-bażi ta’ [DĠI]”. L-Artikolu 10 ta’ dan l-anness jagħmel użu minn terminoloġija distinta, li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeżiġi proċedura identika. Ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li l-ALC għandha tiġi evalwata kull sena u, jekk ikun il-każ, reviżjoni “mill-awtorità tal-ħatra wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal” u l-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi li “ssir deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni” ta’ dan l-Artikolu 10. Huwa f’din il-perspettiva li ġew adottati d-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014, wara konsultazzjonijiet rispettivi, għall-ewwel waħda, mal-Kumitat tal-Persunal u, għat-tieni, mal-Kumitati tal-Persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni.

    36

    Analiżi globali tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tistabbilixxi li dan jipprevedi tipi differenti ta’ deċiżjonijiet u proċeduri differenti għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, jiġifieri dawk li jikkostitwixxu DĠI, li jeħtieġu konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, dawk li jikkostitwixxu modalitajiet ta’ applikazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Awtorità tal-Ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tal-Persunal u dawk li jikkostitwixxu modalitajiet jew kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra mingħajr obbligu li jiġi kkonsultat il-Kumitat tal-Persunal. Kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jwettaq l-obbligu li jadotta DĠI applikabbli għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien jindika dan espressament, kien jadotta terminoloġija uniformi f’dan l-anness kollu u ma kienx jipprevedi proċeduri speċifiċi u distinti għal ċerti dispożizzjonijiet tiegħu.

    37

    L-interpretazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali għandha bħala konsegwenza paradossali li l-implimentazzjoni tal-Artikoli 2, 5 u 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal timplika l-ewwel nett li jiġu adottati DĠI, li jeħtieġu l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, u, sussegwentement, li tittieħed mill-ġdid l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ applikazzjoni partikolari. Għalhekk, dan il-kumitat huwa mistieden jesprimi ruħu darbtejn fuq l-istess suġġett. Din ma setgħetx kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ċċaħħad id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-anness, li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda b’mod ċar mekkaniżmi distinti minn dak tal-adozzjoni ta’ DĠI, minn kull effett utli.

    38

    L-unika interpretazzjoni possibbli tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal hija li, meta dispożizzjoni rilevanti ta’ dan l-anness teżiġi l-adozzjoni ta’ DĠI, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    39

    Barra minn hekk, is-SEAE jsostni li l-ewwel aggravju ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma jikkostitwixxi aggravju ġdid. Għalhekk huwa inammissibbli. Il-portata tal-obbligu li jiġu adottati DĠI kienet ġiet diskussa bejn il-partijiet fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li, f’din il-kwalità, barra minn hekk iffissaw is-suġġett tal-kawża. Is-SEAE jżid li, fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid, ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt li jikkontesta r-raġunament li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li DĠI huma neċessarji għall-intier tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, liema raġunament irriżulta għall-ewwel darba fis-sentenza appellata.

    40

    Alba Aguilera et isostnu, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. L-obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, imfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punti 30 sa 33 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq ġurisprudenza stabbilita li ma ġietx ikkontestata mis-SEAE fl-ewwel istanza, kif jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza appellata u mill-punt 16 tar-risposta ppreżentata mis-SEAE quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-punt 27 tas-sentenza appellata jistabbilixxi li s-SEAE kien sostna biss li d-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014 kienu jikkostitwixxu DĠI tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness jew setgħu minn tal-inqas jiġu assimilati miegħu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali assimilazzjoni ma kinitx possibbli, peress li s-SEAE naqas milli jikseb l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, ħaġa li s-SEAE ma jikkontestax fil-kuntest ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, is-SEAE ma jsostnix li, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha.

    41

    Is-SEAE jikkontesta għalhekk għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien obbligat jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu. Issa, is-SEAE ma huwiex awtorizzat ibiddel is-suġġett tal-kawża, taħt piena li titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima iktar wiesgħa minn dik li l-Qorti Ġenerali tkun ħadet konjizzjoni tagħha. Barra minn hekk, dan ma huwiex element li ħareġ għall-ewwel darba fis-sentenza appellata, peress li dan l-obbligu ġie impost mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Osorio et vs SEAE (F-101/13, EU:F:2014:223), u kkonfermat fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156). Barra minn hekk, matul il-fażi prekontenzjuża, il-fatt li s-SEAE ma kienx eżegwixxa dawn is-sentenzi billi adotta DĠI qabel ma ħa deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-ALC inkwistjoni ġie enfasizzat. Għalhekk, is-sentenza appellata ma “żvelat” xejn.

    42

    Fi kwalunkwe każ, l-ewwel aggravju huwa infondat. L-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jaqa’ taħt il-kapitolu tagħha dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali u t-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa redatt f’termini ġenerali. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jimponi l-adozzjoni ta’ DĠI għal dan l-anness kollu. Dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 għalhekk jipprekludi lis-SEAE milli jnaqqas l-ammont tal-ALC irċevut mir-rikorrenti fl-ewwel istanza mingħajr ma jadotta, minn qabel, DĠI li jorganizzaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmi anness, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    43

    L-argument li s-SEAE jibbaża fuq il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kultant ippreċiża li l-adozzjoni ta’ DĠI kienet meħtieġa għal dispożizzjoni speċifikament identifikata ma jsostnix il-pożizzjoni tiegħu. Fil-fatt, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried realment jillimita l-obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness, huwa kien jippreċiża dan.

    44

    L-argumenti l-oħra mressqa mis-SEAE lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. L-ewwel nett, il-fatt li l-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi speċifikament l-adozzjoni ta’ DĠI ta’ dan l-artikolu huwa irrilevanti, kif diġà kkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 24 u 25 tas-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Osorio et vs SEAE (F-101/13, EU:F:2014:223). Fil-fatt, peress li l-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan l-anness, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness, id-DĠI msemmija f’dan l-Artikolu 3 ma jistgħux jirreferu għad-DĠI previsti f’dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 lanqas, konsegwentement, jostakolaw l-obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal li jirriżulta mill-imsemmi tielet paragrafu tal-Artikolu 1. It-tieni nett, il-fatt li l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness jimponi l-adozzjoni ta’ “dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni” ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprojbixxix li dawn jieħdu l-forma ta’ DĠI fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien diġà ddeċieda wkoll fil-punt 26 ta’ dik is-sentenza. It-tielet nett, ma jkunx paradossali li jiġu previsti kemm l-adozzjoni ta’ DĠI tal-imsemmi anness kollu u, barra minn hekk, li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal qabel ma ssir ir-reviżjoni annwali tal-ammont tal-ALC f’kull post ta’ impjieg.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    – Fuq l-ammissibbiltà

    45

    Peress li Alba Aguilera et jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju minħabba li huwa ġdid u jbiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma kienx jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-SEAE kienx marbut li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal bl-implimentazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, iżda biss dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-SEAE kienx ikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu u jekk id-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014 kinux jikkostitwixxu tali DĠI jew setgħux jiġu assimilati miegħu, hemm lok li jitfakkar li fil-kuntest tal-appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi diskussi quddiem l-ewwel qorti. Għalhekk parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li hija ma qajmitx, peress li dan ikun ifisser li hija tkun tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59, kif ukoll tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C-176/13 P, EU:C:2016:96, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’dan il-każ, ċertament, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li “[i]s-SEAE ma jpoġġix f’dubju l-fatt li mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), jirriżulta li huwa kien obbligat jadotta DĠI relattivi għall-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-obbligu naxxenti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 [ta’ dan] anness ikopri wkoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw [l-ALC].” Barra minn hekk, kif jirrilevaw Alba Aguilera et, is-SEAE ma jallegax li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha.

    47

    Madankollu, minn naħa, mill-punti 26 u 27 tas-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, is-SEAE kien jikkontesta, essenzjalment, li s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), hija applikabbli għal dan il-każ. Issa, dan ma huwiex ta’ natura li jipprekludi lil din il-parti milli tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata abbażi, b’mod partikolari, ta’ din is-sentenza.

    48

    Min-naħa l-oħra, fil-punt 26 tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Alba Aguilera et sostnew, insostenn tal-ewwel motiv tagħhom, li “huwa t-tielet paragrafu tal-Artikolu [1] tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi espressament l-obbligu għall-istituzzjoni kkonċernata li tadotta DĠI li jikkonċernaw l-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal”, peress li l-kliem “kollu tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal” huwa, barra minn hekk, enfasizzat [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huma tennew dan l-argument fil-punt 33 ta’ dan ir-rikors, li jgħid li “xejn ma jista’ jiġġustifika d-dewmien tas-SEAE sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li jadotta DĠI tal-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal”.

    49

    Il-Qorti Ġenerali rrepetiet dan l-argument fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li fih esponiet li “[ir-rikorrenti fl-ewwel istanza]jsostnu li s-SEAE ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-fatt li s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), ingħatat biss […] ftit iktar minn xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kkontenzjuża], peress, […] li, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa inkluż fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 [ta’ dan l-]anness.”

    50

    Issa, fis-sistema tal-kontenzjuż tal-legalità quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma l-partijiet li għandhom l-inizjattiva tal-proċess u li jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861, punt 87). Għalhekk, Alba Aguilera et ma jistgħux isostnu b’mod utli li, permezz tal-ewwel aggravju, is-SEAE jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima iktar estiża minn dik li ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali.

    51

    Barra minn hekk, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, imsemmi mill-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “għalkemm l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni [kkontenzjuża], ma jinkludu l-ebda stipulazzjoni espressa li tipprevedi l-adozzjoni ta’ DĠI, għall-kuntrarju, tali obbligu huwa previst espressament fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jaqa’ taħt l-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, li huwa ddedikat għal ‘Dispożizzjonijiet Ġenerali’ tad-dispożizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz.”

    52

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, imsemmi wkoll mill-ewwel aggravju, li “id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom portata ġenerali u d-DĠI, li l-adozzjoni tagħhom hija prevista minn dawn ir-regoli, jikkonċernaw l-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal- l-għoti tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien [ALC] [hekk kif previsti fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal]”. F’dan l-istess punt, huwa żied li, “[k]onsegwentement, korp tal-Unjoni li jimplementa dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-obbligu li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 [ta’ dan l-]anness”, peress li dan “l-obbligu tiegħu li jadotta DĠI tal-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal” huwa mfakkar ukoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza.

    53

    Barra minn hekk, minn qari globali ta’ din l-istess sentenza jirriżulta li huwa billi bbażat ruħha prinċipalment fuq din l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv li kien tqajjem quddiemha.

    54

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka, quddiemha, aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C-4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24).

    55

    Minn dak li ntqal preċedentement ir-rikors huwa ammissibbli.

    – Fuq il-mertu

    56

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, “[i] d-[DĠI] għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Dan l-Artikolu 110 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i] d-[DĠI] ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-[Awtorità tal-Ħatra] ta’ kull istituzzjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal”.

    57

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra, essenzjalment, mill-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza appellata, l-espressjoni “[DĠI]” fis-sens tal-Artikolu 110(1), tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu fl-ewwel lok id-DĠI previsti espressament minn ċerti dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-assenza ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI suġġetti għall-kundizzjonijiet formali ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ammess biss eċċezzjonalment, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tant ma jkunux ċari u preċiżi li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod arbitrarju (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1965, Willame vs Il‑Kummissjoni, 110/63, EU:C:1965:71, paġna 815).

    58

    F’dan il-każ, kif diġà ġie espost fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu espress li jiġu adottati DĠI għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż hemm l-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, u li dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 kien jimponi għalhekk, qabel l-adozzjoni ta’deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-ALC applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni li jservu f’pajjiż terz, bħad-deċiżjoni kkontenzjuża, l-adozzjoni ta’ DĠI ta’ dan l-Artikolu 10 skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Persunal.

    59

    Kif irrileva s-SEAE u kif jirriżulta minn dawn il-punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tiegħu.

    60

    Madankollu, minn dan il-fatt ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni għandha l-portata li l-Qorti Ġenerali tatha.

    61

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness jagħmel ukoll, b’mod speċifiku, riferiment għall-adozzjoni ta’ DĠI, filwaqt li l-Artikolu 10(3) tiegħu jillimita ruħu sabiex jipprevedi li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 10 għandhom jiġu stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra u li r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 10 jipprovdi li, kull sena, l-evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, ir-reviżjoni tal-ALC stabbilita għal kull post ta’ impjieg għandhom jitwettqu mill-Awtorità tal-Ħatra, wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal. Bl-istess mod, l-Artikolu 2 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-modalitajiet tal-proċedura ta’ mobbiltà huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal, l-Artikolu 5(2) ta’ dan l-anness jindika li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 23 tal-imsemmi anness jippreċiża li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra. Fir-rigward tal-Artikoli 15 u 21 tiegħu, dawn jipprevedu li l-benefiċċji li huma jipprevedu għandhom jingħataw lill-persunal ikkonċernat fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra.

    62

    Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għall-adozzjoni mhux biss ta’ DĠI, iżda wkoll ta’ “modalitajiet ta’ applikazzjoni”, jew ukoll ta’ tipi oħra ta’ atti, li dwarhom xi kultant huwa ppreċiżat li dawn jistgħu jiġu adottati biss wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal. Issa, il-kliem tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, kif ukoll tal-paragrafi 3 u 4 tiegħu, juri li d-“DĠI” msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni li tikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal u li tikseb l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija distinta mir-regoli adottati bi ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet u li hija wkoll distinta mir-regoli jew mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom.

    63

    Minn dan isegwi li s-sistema stabbilita mid-diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness X tagħhom tipprevedi li d-DĠI għandhom jiġu distinti minn regoli oħra ta’ implemintazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-modalitajiet ta’ applikazzjoni previsti fl-Artikolu 10(3) ta’ dan l-anness.

    64

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li d-DĠI jistgħu jiġu adottati biss wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandha l-konsegwenza li twassal għal duplikazzjoni tar-rekwiżiti proċedurali li jsegwu għan identiku.

    65

    Din l-interpretazzjoni għalhekk iċċaħħad minn tal-inqas parti mill-effett utli tiegħu l-Artikolu 10(3) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi rekwiżiti proċedurali inqas għoljin għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    66

    Bl-istess mod, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippreġudika l-effett utli tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-anness li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li tiġi segwita proċedura partikolari ta’ adozzjoni ta’ regoli ta’ implimentazzjoni, minbarra dik indikata fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    67

    Min-naħa l-oħra, l-elementi rrilevati fil-punti 61 sa 66 ta’ din is-sentenza huma intiżi li juru li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-adozzjoni ta’ DĠI ta’ dispożizzjoni ta’ dan l-anness tkun meħtieġa konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 jippreċiża l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tagħhom, jiġifieri dik stabbilita fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    68

    F’dan is-sens, qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, “fuq il-bażi tad- [DĠI]”, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi li, b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan l-anness, l-uffiċjal assenjat f’pajjiż terz li jiġi assenjat mill-ġdid temporanjament mal-impjieg tiegħu fis-sede jew f’post ieħor ta’ impjieg fl-Unjoni jibqa’, matul il-perijodu ta’ din l-assenjazzjoni temporanja, suġġett għal ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness.

    69

    Issa, jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-obbligu li jiġu adottati DĠI għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kien diġà jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tiegħu, kien ikun inutli li tiġi inkluża din il-preċiżazzjoni espressa f’dan l-Artikolu 3. F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 3 magħmula minn Alba Aguilera et, esposta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ma tistax tintlaqa’. Ċertament, l-aħħar sentenza tal-istess Artikolu 3 tistabbilixxi deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan l-anness. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 jipprovdi li l-imsemmi anness jiddetermina d-dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni assenjati f’pajjiż terz. Huwa jistabbilixxi għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-istess anness.

    70

    Għalhekk, din id-deroga ma hijiex intiża għal deroga mid- “dispożizzjonijiet” tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, li jkollha l-effett li teskludi l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, kif isostnu, iżda biss sabiex tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra testendi, f’ċerti ċirkustanzi, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi anness lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni li jirriżulta biss mill-Artikolu 1(1) tiegħu.

    71

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li l-portata tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal hija limitata għal dik tar-riferiment proċedurali ma jċaħħadx lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha. B’mod partikolari, minn naħa, dan ir-riferiment jibqa’ fi kwalunkwe każ utli fir-rigward tal-Artikolu 3 ta’ dan l-anness. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi riferiment huwa rilevanti wkoll għall-ipoteżi li fiha għandu jiġi kkonstatat li waħda mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness ma hijiex ċara u preċiża sa tali punt li ma tistax tiġi applikata b’mod arbitrarju u li l-adozzjoni ta’ DĠI ta’ din id-dispożizzjoni hija konsegwentement meħtieġa.

    72

    Fl-aħħar nett, il-fatt li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi biss riferiment proċedurali intiż sabiex tiġi ppreċiżata l-metodoloġija li skontha eventwali DĠI għandhom jiġu adottati huwa kkonfermat mix-xogħol preparatorju li wassal għall-inklużjoni, fir-Regolamenti tal-Persunal, ta’ dan l-anness.

    73

    Inizjalment, il-proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, assenjati fi Stat li ma jagħmilx parti mill-Komunitajiet Ewropej [COM (86) 83 finali] (ĠU 1986, C 74, p. 11), ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fis-6 ta’ Marzu 1986, kienet tinkludi, fl-Artikolu 1, paragrafu uniku li issa jikkorrispondi, essenzjalment, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, u diversi dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta kienu jipprevedu espressament l-adozzjoni ta’ DĠI. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3 tagħha, li jikkorrispondi essenzjalment għall-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll għall-Artikolu 10, li kien jirrigwarda, bħall-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ALC. B’hekk, din il-proposta tal-Artikolu 10 kienet tipprovdi li “[i] d-[DĠI] msemmija [f’dan l-artikolu u li skonthom l-ALC kellha tiġi ffissata] għandhom jiddefinixxu l-parametri użati sabiex tiġi ddeterminata l-perċentwali tal-kumpens kif ukoll il-lista tal-postijiet u r-rati korrispondenti li għalihom tali kumpens jingħata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    74

    Madankollu, ir-riżoluzzjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt preċedenti, tat-12 ta’ Settembru 1986 (doc. A2–83/86), mehmuż mal-minuti tas-seduta tal-Ġimgħa 12 ta’ Settembru 1986 (ĠU 1986, C 255, p. 213 u 245), u t-test emendat propost f’dan il-kuntest mill-Parlament jistabbilixxi li din l-istituzzjoni tal-aħħar pproponiet li tiġi inkluża l-preċiżazzjoni li issa tikkostitwixxi t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali emenda hija, fil-fehma tagħha, neċessarja “sabiex […] jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li fihom id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jistgħu jiġu adottati”.

    75

    Billi ppreżentat lill-Kunsill, fit-23 ta’ Ottubru 1986, proposta emendata tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, assenjati fi Stat li ma jagħmilx parti mill-Komunitajiet Ewropej [COM(86) 565 finali] (ĠU 1986, C 284, p. 8), li essenzjalment irriproduċa din il-proposta tal-Parlament, il-Kummissjoni segwiet l-emendi proposti mill-Parlament.

    76

    Issa, fil-verżjoni ta’ dan ir-regolament finalment adottat mill-Kunsill, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 3019/87 tal-5 ta’ Ottubru 1987 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej assenjati f’pajjiż terz (ĠU 1987, L 286, p. 3), li permezz tiegħu l-Anness X, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta minn dan ir-regolament, ġie miżjud mar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, il-proposta tal-Parlament li issa tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan l-anness inżammet fil-formulazzjoni li kienet proposta minn din l-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, kull riferiment għall-adozzjoni ta’ DĠI fl-Artikolu 10 tal-imsemmi anness tneħħa, fejn l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-proposta emendata tar-regolament imsemmija fil-punt preċedenti, ġie madankollu miktub mill-ġdid u ppreċiżat sabiex jinkludi kemm il-lista tal-parametri meħuda inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ALC kif ukoll il-koeffiċjenti li dawn il-parametri tagħhom kienu ġew allokati, il-valur tagħhom kif ukoll l-iskala li skontha l-kumpens kien stabbilit, f’perċentwali tal-ammont ta’ referenza, li jvarja minn 10 % meta l-valur totali tal-parametri differenti kien żero, sa 35 % meta dan il-valur kien ogħla minn tmienja. Kien previst ukoll, bħal fil-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni attwalment fis-seħħ, li l-ALC stabbilita għal kull post ta’ impjieg għandha tiġi evalwata kull sena u, jekk ikun il-każ, reviżjoni min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal.

    77

    B’hekk mix-xogħol preparatorju li wassal għall-inklużjoni tal-Anness X fir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li, minn naħa, id-dispożizzjoni li issa tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, li ma nbidlitx mir-Regolament Nru 3019/87, iddaħħlet fl-uniku għan li tiġi ppreċiżata l-proċedura li għandha tiġi segwita meta d-DĠI ta’ dan l-anness għandhom jiġu adottati u li, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi b’mod ċar li l-adozzjoni ta’ DĠI hija neċessarja f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tal-imsemmi anness.

    78

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, sal-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15), l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 3019/87, baqa’, essenzjalment, l-istess. Madankollu, dan ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Jannar 2014, bil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, skont l-Artikolu 1(70)(e) tar-Regolament Nru 1023/2013, u dan, skont il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament, sabiex “jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u, biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż. […] u għandha tiġi prevista l-possibbiltà li tiddaħħal firxa usa’ ta’ parametri għall-iffissar tal-[ALC] mingħajr ma jintlaqat l-għan ġenerali ta’ ġenerazzjoni ta’ ffrankar tal-ispejjeż”.

    79

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 3019/87, ġie ssemplifikat. Essenzjalment, il-lista tal-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ffissata l-ALC saret eżemplattiva, il-preċiżazzjonijiet relatati mal-koeffiċjenti, mal-valuri ta’ dawn il-parametri u mal-perċentwali tal-ammont ta’ referenza tneħħew u l-paragrafu 3, li jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ġie miżjud.

    80

    Din is-sostituzzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, barra minn hekk, daħlet fis-seħħ fl-istess jum bħas-sostituzzjoni tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, imwettqa mill-Artikolu 1(59) tar-Regolament Nru 1023/2013, li l-verżjoni l-ġdida tiegħu tispeċifika d-diversi tipi ta’ regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li jistgħu jiġu adottati.

    81

    Għaldaqstant, minn din l-evoluzzjoni leġiżlattiva tal-aħħar jirriżulta wkoll b’mod ċar li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi l-adozzjoni ta’ DĠI, u mhux ta’ modalitajiet ta’ applikazzjoni, tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal meta ssemplifika l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, huwa kien jindika dan espressament.

    82

    L-argument imressaq minn Alba Aguilera et insostenn tas-sentenza appellata, espost fil-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, għandu għalhekk jiġi miċħud, peress li dan huwa f’kontradizzjoni diretta mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    83

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu espress li jiġu adottati DĠI għal dan l-anness kollu u billi ddeduċiet li s-SEAE kien obbligat jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-imsemmi anness qabel ma seta’ legalment jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    84

    L-ewwel aggravju huwa konsegwentement fondat. Madankollu, sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jiġu adottati DĠI fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’, fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni espressa f’dan is-sens, madankollu jiġi ammess meta d-dispożizzjoni kkonċernata tar-Regolamenti tal-Persunal tkun nieqsa minn ċarezza u preċiżjoni sa tali punt li ma tistax tiġi applikata b’mod arbitrarju, u sa fejn, permezz tat-tieni aggravju, is-SEAE jallega li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 10 tal-Anness X kien jissodisfa din il-kundizzjoni, b’hekk wettqet it-tieni żball fil-liġi, qabel ma jiġi ddeterminat jekk hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn mitlub, li jiġi eżaminat it-tieni aggravju.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    85

    Is-SEAE, filwaqt li jirreferi għall-punti 28, 29 u 38 tas-sentenza appellata, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dispożizzjoni ta’ natura li teħtieġ l-adozzjoni ta’ DĠI, fis-sens li din ma hijiex ċara u preċiża sa tali punt li ma tistax tiġi applikata b’mod arbitrarju. Fil-kuntest tal-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni dwar l-ALC, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan l-anness jimponi espliċitament u unikament li tittieħed l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal, li kien il-każ meta ġew adottati d-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014. Dan l-istadju waħdu jippermetti li jiġi eskluż kull riskju li l-kriterji li jiddeterminaw ir-rata tal-ALC jiġu imposti mill-amministrazzjoni sabiex jinkiseb riżultat imfittex minnha. Il-livell ta’ dettall ta’ dan l-Artikolu 10, li jistabbilixxi l-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ALC u jistabbilixxi evalwazzjoni annwali tagħhom, juri barra minn hekk waħdu li ma jistax iħalli lok għal applikazzjoni arbitrarja.

    86

    Barra minn hekk, it-tieni aggravju huwa effettiv. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprevedix espressament l-obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u peress li n-natura ta’ din id-dispożizzjoni ma timponix l-adozzjoni ta’ DĠI, għandu jintwera li ma hemmx obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness fis-sens allegat minn Alba Aguilera et. It-tieni aggravju ma jirrigwardax il-kwistjoni tal-opportunità li jiġi kkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jew dwar ir-rilevanza tal-opinjoni tiegħu, u lanqas ma jwassal sabiex tiġi rikjesta minn Alba Aguilera et il-prova ta’ fatt negattiv.

    87

    Alba Aguilera et isostnu, prinċipalment, li t-tieni aggravju huwa ineffettiv. Peress li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi espressament l-obbligu li s-SEAE jadotta DĠI tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, l-allegata ċarezza ta’ dan l-Artikolu 10 hija irrilevanti.

    88

    Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju ma huwiex fondat. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ DĠI timplika li l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Li tintalab il-produzzjoni ta’ prova negattiva, jiġifieri l-prova li d-deċiżjoni kkontenzjuża setgħet kellha kontenut differenti li kieku ġew adottati DĠI, ma jistax jiġi aċċettat u jċaħħad l-obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat mill-effett utli tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    89

    Billi Alba Aguilera et jikkontestaw, prinċipalment, in-natura effettiva tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-argument tagħhom f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu espress li jiġu adottati DĠI għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-anness, inkluż l-Artikolu 10 tiegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Madankollu, mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta li din il-premessa hija żbaljata.

    90

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni aggravju, is-SEAE jsostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, indipendentement mill-obbligu li jiġu adottati DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li kien jirriżulta, fil-fehma tiegħu, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, in-natura ta’ dan l-Artikolu 10 kienet teżiġi wkoll li, qabel ma deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-ALC ma tkunx tista’ tittieħed legalment, mill-imsemmi Artikolu 10 jiġu adottati DĠI.

    91

    Ċertament, fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt 38, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-opinjoni ta’ korp estern u interistituzzjonali, bħall-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-kriterji li skonthom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-għajxien prevalenti fil-pajjiżi terzi jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura intiża sabiex tirrevedi l-ammont tal-[ALC], bil-ħsieb li jiġi evitat ir-riskju li l-għażla tal-kriterji tkun influwenzata minn riżultat eventwalment mixtieq mill-awtorità”.

    92

    Madankollu, minn qari tas-sentenza appellata kollha, u b’mod partikolari tal-punti 30, 31, 33 u 40 tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mhux fuq it-tieni waħda mill-ipoteżijiet imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, iżda fuq il-fatt li, skont l-interpretazzjoni tagħha, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi obbligu espress li jiġu adottati DĠI għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-anness, inkluż hemmhekk l-Artikolu 10 tiegħu.

    93

    Barra minn hekk, kif il-punt 34, il-punt 35, it-tieni sentenza tal-punt 38 u l-punt 39 tas-sentenza appellata jistabbilixxu dan, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt 38 jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tat-3 ta’ Diċembru 2014 jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu DĠI fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, dawn ma humiex marbuta man-natura tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, iżda mal-interpretazzjoni li huwa għamel ta’ dan it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-ewwel motiv għal annullament ippreżentat lill-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda biss l-ewwel waħda miż-żewġ ipoteżijiet imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

    94

    It-tieni aggravju tal-appell huwa bbażat, konsegwentement, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

    95

    Madankollu, peress li l-ewwel aggravju tal-appell huwa fondat u l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, li dan l-aggravju jikkonstata n-natura żbaljata tagħha, tikkostitwixxi, kif ġie rrilevat b’mod partikolari fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, il-bażi tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, hemm lok li jiġu annullati l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    96

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    97

    F’dan il-każ, mill-eżami tal-appell jirriżulta li l-ewwel motiv imressaq minn Alba Aguilera et fl-ewwel istanza, li jipprovdi li s-SEAE kien, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, obbligat jadotta DĠI tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness qabel ma jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, ma huwiex fondat.

    98

    Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn kienet ġiet mitluba mingħandha mingħajr ma eżaminat it-tieni u t-tielet motivi invokati quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-ispejjeż

    99

    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2018, Alba Aguilera et vs SEAE (T‑119/17, EU:T:2018:183) huma annullati.

     

    2)

    Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq