Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0216

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020.
    WQ vs Land Berlin.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Regoli dwar il-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ – Skema ta’ pagament bażiku – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) – Kunċett ta’ ‘ettaru eliġibbli għad-dispożizzjoni tal-bidwi’ – Użu illegali taż-żona kkonċernata minn terz – Artikolu 32(2)(b)(ii) – Applikazzjoni għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għal żona afforestata – Kunċett ta’ ‘żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008’ – Skema ta’ pagament uniku jew skema ta’ pagament uniku skont l-erja.
    Kawża C-216/19.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:1046

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Regoli dwar il-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ – Skema ta’ pagament bażiku – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) – Kunċett ta’ ‘ettaru eliġibbli għad-dispożizzjoni tal-bidwi’ – Użu illegali taż-żona kkonċernata minn terz – Artikolu 32(2)(b)(ii) – Applikazzjoni għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għal żona afforestata – Kunċett ta’ ‘żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008’ – Skema ta’ pagament uniku jew skema ta’ pagament uniku skont l-erja”

    Fil-Kawża C‑216/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

    WQ

    vs

    Land Berlin,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal WQ, minnu nnifsu,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, J. Ruiz Sánchez u A. Rubio González, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn C. Mosser, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, J. Langer u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u A. Sauka, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn WQ u l-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja) dwar ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ applikazzjoni doppja għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għall-istess żona eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna agrikola prevista fil-kuntest ta’ skemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK), kif ukoll dawk applikabbli għall-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli” għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għal żona afforestata.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999

    3

    L-Artikolu 31(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kien jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tiegħu:

    “Sostenn għandu jingħata għall-afforestazzjoni ta’ art agrikola basta li dak it-tħawwil ikun adattat għall-kondizzjonijiet lokali u jkun kumpatibbli ma’ l-ambjent.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

    4

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad‑29 ta’ April 2008 (ĠU 2008, L 148, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 220, p. 35) kien jipprovdi fl-Artikolu 2(a) tiegħu:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    ‘bidwi’ ifisser persuna naturali jew legali, jew grupp ta’ persuni naturali jew legali, hu x’inhu l-istatus legali mogħti lil dan il-grupp u lill-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, li l-ażjenda tiegħu tinsab f’territorju tal-Komunità [Ewropea], kif imsemmi fl-Artikolu [299 KE], u li jeserċita attività agrikola”.

    5

    L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Applikazzjonijiet għall-għajnuna”, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, huwa stess intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, kien jipprevedi:

    “1.   Kull sena, bidwi għandu jissottometti applikazzjoni għall-pagamenti diretti suġġetti għas-sistema integrata, li tindika, fejn hu applikabbli:

    il-biċċiet kollha ta’ art agrikoli ta’ l-ażjenda,

    […]

    in-numru u l-ammont tad-drittjiet ta’ pagament,

    xi informazzjoni oħra pprovduta minn dan ir-Regolament jew mill-Istat Membru konċernat.

    2.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun tinħtieġ biss l-inklużjoni ta’ tibdiliet rigward l-applikazzjoni għall-għajnuna li tkun ġiet sottomessa is-sena ta’ qabel. Stat Membru għandu jqassam formoli stampati minn qabel li jkunu ibbażati fuq iż-żoni stabbiliti fis-sena ta’ qabel u jforni materjal grafiku li jindika l-lok ta’ dawk iż-żoni u, fejn xieraq, il-pożizzjoni tas-siġar taż-żebbuġ.

    […]”

    6

    L‑Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Kondizzjonijiet ta’ eliġibilità”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna inkluża verifikazzjoni taż-żona eliġibbli u tad-drittijiet għall-pagament korrispondenti.

    2.   Il-kontrolli amministrattivi għandhom ikunu msaħħa b’sistema ta’ kontrolli fuq il-post biex tkun ivverifikata ż-żona eliġibbli għall-għajnuna. […]”

    7

    L-Artikolu 25 tal-istess regolament, bit-titolu “Kontrolli fuq ‘cross compliance’”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post biex jivverifikaw jekk il-bidwi hux qiegħed joqgħod għall-obbligi msemmija fil-Kapitolu 1.”

    8

    L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003, bit-titolu “Eliġibilità”, li jinsab fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tiegħu, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-bdiewa għandu jkollhom aċċess għall-iskema ta’ pagament uniku jekk:

    (a)

    ingħataw pagament fil-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38 mill-inqas taħt waħda mill-iskemi ta’ appoġġ imsemmijin fl-Anness VI […]

    (b)

    irċevew l-azjenda jew parti mill-azjenda, permezz ta’ wirt jew wirt antiċipat, minn bidwi li ssodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), jew

    (ċ)

    irċevew dritt għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew permezz ta’ trasferiment.”

    9

    L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Applikazzjoni”, kien jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “Ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ u ċirkostanzi eċċezzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 40(4), l-ebda drittijiet m’għandhom jiġu allokati lill-bdiewa msemmija fl-Artikolu 33(1)(a) u (b) u lil dawk li jirċievu drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali, jekk ma japplikawx għall-iskema ta’ pagament uniku sal‑15 ta’ Mejju ta’ l-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku.

    […]”

    10

    L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Użu ta’ drittijet għall-pagament”, kien jipprovdi:

    “1.   Kull dritt għall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għall-pagament ta’ l-ammont iffissat mid-dritt ta’ pagament.

    2.   ‘Ettaru eliġibbli’ għandha tfisser kwalunkwe żona agrikola ta’ l-azjenda minbarra ż-żoni ta’ foresti jew użati għal attivitajiet mhux agrikoli.’

    3.   Il-bidwi għandu jiddikjara l-biċċiet ta’ art li jikkorrispondu ma’ l-ettaru eliġibbli li jakkumpanja kull dritt għall-pagament. Ħlief fil-każ ta’ force majeure jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn il-biċċiet ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi fid-data stabbilita mill-Istat Membru li m’għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita f’dak l-Istat Membru għall-emenda ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna.

    […]”

    11

    L-Artikolu 54 tal-istess regolament, bit-titolu “Użu ta’ drittijiet ta’ l-art imwarrba”, kien jipprevedi:

    “1.   Kull dritt ta’ l-art imwarrba akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għad-dritt ta’ art imwarrba għandu dritt għall-pagament ta’ ammont iffissat mid-dritt ta’ l-art imwarrba.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 44(2), ‘ettaru eliġibbli għal dritt ta’ l-art imwarrba’ ifisser kull żona agrikola meħuda minn art li tinħarat, ħlief għal żoni li fid-data pprovduta għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għaż-żona għall‑2003 kienu kkultivati bi prodotti permanenti, imsaġar, użati għal attivitajiet mhux agrikoli jew b’mergħa permanenti. […]

    Madankollu, iż-żoni li ġejjin jistgħu jingħaddu bħala mwarrba, bħala riżultat ta’ applikazzjoni magħmula wara t‑28 ta’ Ġunju 1995:

    […]

    żoni ta’ tisġir skond l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1257/1999].

    […]”

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

    12

    L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġislazzjoni li tirregola skemi ta’ għajnuna mill-Unjoni bil-għan li jitnaqqas għall-minimu r-riskju ta’ ħsara finanzjarja lill-Unjoni [Ewropea].”

    13

    L-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Is-sistema stabbilita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 58(2) għandha tinkludi, ħlief fejn ikun ipprovdut xorta oħra, verifiki amministrattivi sistematiċi tal-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna u talbiet għal pagamenti. Dik is-sistema għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post.”

    14

    Skont l-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament:

    “Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament [Nru 1307/2013] ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati.”

    Ir-Regolament Nru 1307/2013

    15

    Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1307/2013 tipprovdi:

    “Wieħed mill-objettivi ċentrali, u wieħed mir-rekwiżiti ewlenin, tar-riforma tal-PAK huwa t-tnaqqis fil-piż amministrattiv. Dan għandu jitqies sew meta jitfasslu d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-iskema ta’ appoġġ dirett.”

    16

    L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013, bit-titolu “L-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lill-bdiewa li huma intitolati għal pagamenti diretti skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament dment li:

    (a)

    japplikaw għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku sad-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet fl‑2015 li għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolament [Nru 1306/2013] b’eċċezzjoni fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali; u

    […]

    2.   Ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament allokati għal kull bidwi fl‑2015 għandu jkun ugwali għan-numru ta’ ettari eliġibbli, li l-bidwi jiddikjara fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament [Nru 1306/2013] għall‑2015 u li huma għad-dispożizzjoni tiegħu f’data stabbilita mill-Istat Membru. Dik id-data ma għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita f’dak l-Istat Membru għall-emendar ta’ tali applikazzjoni għall-għajnuna.”

    17

    L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013, bit-titolu “Attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   L-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 33(1), mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli fl-Istat Membru fejn ikun ġie allokat. Id-drittijiet għall-pagament attivati għandhom jagħtu dritt għall-pagament annwali tal-ammonti ffissati hemmhekk […]

    2.   Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

    […]

    (b)

    kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVA tar-Regolament [Nru 1782/2003], u li:

    […]

    (ii)

    għat-tul iż-żmien li jdum l-impenn rilevanti tal-bidwi individwali, tkun saret foresta skont l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1257/1999] […]”

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014

    18

    Il-premessa 16 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), tipprovdi:

    “F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja […] [li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 50 et seq)], id-drittijiet għall-pagament għandhom jingħataw lill-persuna li għandha s-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji marbuta mal-attività agrikola fuq l-art li għaliha qed tintalab din l-allokazzjoni. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li dan il-prinċipju japplika b’mod partikolari meta ettaru eliġibbli huwa soġġett għal applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn aktar minn bidwi wieħed.”

    19

    L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament ta’ delega, bit-titolu “Stabbiliment ta’ ettari eliġibbli għall-finijiet tal-Artikoli 24(2) u 39(2) tar-Regolament [Nru 1307/2013]”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Meta ettaru eliġibbli msemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn żewġ applikanti jew aktar, id-deċiżjoni lil min għandu jiġi allokat id-dritt għall-pagament għandha tkun ibbażata fuq il-kriterju ta’ min ikollu s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli eżerċitati fuq dak l-ettaru u min igawdi mill-benefiċċji u jġorr ir-riskji finanzjarji marbutin ma’ dawn l-attivitajiet.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    Matul is-sena 2006, l-Amt für Landwirtschaft und Forsten (l-Uffiċċju tal-Agrikoltura u tal-Foresti, il-Ġermanja) ta lil WQ pagamenti diretti taħt it-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003. Madankollu, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament, iż-żoni afforestati tal-persuna kkonċernata, peress li dawn tal-aħħar huma meqjusa bħala żoni mwarrba.

    21

    Fil-kuntest tal-applikazzjonijiet tiegħu ppreżentati ulterjorment b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003, b’mod partikolari dik ippreżentata għas-sena 2008, WQ ma ddikjarax iktar dawn iż-żoni afforestati, peress li, skont kliemu, l-amministrazzjoni kienet indikatlu fl‑2007 li ż-żoni afforestati ma kinux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna kkonċernata.

    22

    Fis‑6 ta’ Mejju 2014, WQ akkwista żewġ artijiet li jinsabu f’Gräningen (il-Ġermanja). Fl-att ta’ bejgħ ġie stipulat li dawn l-artijiet kienu ħielsa minn kull kiri. Fid‑19 ta’ Diċembru 2014, id-dritt ta’ proprjetà fuq l-imsemmija artijiet ġie rreġistrat fil-katast favur WQ.

    23

    Fit‑8 ta’ Mejju 2015, WQ ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għas-sena 2015. Din l-applikazzjoni kienet tkopri, b’mod partikolari, il-biċċiet ta’ art li jinsabu f’Gräningen kif ukoll parti minn biċċa ta’ art li tinsab fiż-żona katastali ta’ Bernau (il-Ġermanja). L-użu indikat minn WQ fir-rigward ta’ dawn il-biċċiet ta’ art kien “artijiet li jinħartu mhux użati għall-kultivazzjoni”.

    24

    Fir-rigward tal-biċċiet ta’ art li jinsabu f’Gräningen, ġie kkonstatat, fl‑10 ta’ Lulju 2015, li l-artijiet inkwistjoni kienu użati minn terz. Dan it-terz ukoll ippreżenta applikazzjoni għal għajnuna għas-sena 2015, liema applikazzjoni ġiet miċħuda. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma ġietx ikkontestata. F’dak li jirrigwarda l-biċċa ta’ art li tinsab fiż-żona katastali ta’ Bernau, li parti minnha wkoll tat lok għal applikazzjoni għal għajnuna minn terz, huwa lil dan tal-aħħar li d-drittijiet għall-pagament li kienu relatati magħha ġew allokati.

    25

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Landesamt für ländliche Entwicklung, Landwirtschaft und Flurneuordnung (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Iżvilupp Rurali, tal-Agrikoltura u tal-Konsolidazzjoni tal-Art, il-Ġermanja), tas‑17 ta’ Diċembru 2015, il-Land ta’ Berlin alloka lil WQ drittijiet għall-pagament għas-sena 2015 fir-rigward tal-pagament bażiku msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013. Madankollu, huwa rrifjuta li jalloka tali drittijiet għall-biċċiet ta’ art li taw lok għal applikazzjonijiet doppji u li kienu użati minn terzi li kienu jinsabu fiż-żoni katastali ta’ Gräningen u ta’ Bernau, kif ukoll għaż-żoni afforestati, peress li dawn tal-aħħar huma meqjusa bħala żoni mwarrba.

    26

    WQ appella minn din id-deċiżjoni u talab l-allokazzjoni ta’ drittijiet supplimentari għall-pagament. Fil-fehma tiegħu, huwa żbaljat li ma ngħatalu l-ebda dritt għall-pagament fir-rigward tal-biċċiet ta’ art li jinsabu f’Gräningen u f’Bernau kif ukoll fir-rigward taż-żoni afforestati li huwa kien il-proprjetarju tagħhom.

    27

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Iżvilupp Rurali, tal-Agrikoltura u tal-Konsolidazzjoni tal-Art, tal‑15 ta’ Settembru 2016, il-Land ta’ Berlin ċaħad dan l-appell, minħabba li dan kien infondat, filwaqt li ddikjara li, fir-rigward tal-biċċiet ta’ art li jinsabu f’Gräningen u f’Bernau, iż-żoni agrikoli kkonċernati kienu s-suġġett ta’ użu minn terz, li wkoll kien applika għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament. Konsegwentement, dawn il-biċċiet ta’ art ma kinux, fil-fatt, “għad-dispożizzjoni” ta’ WQ, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Sabiex l-imsemmija biċċiet ta’ art ikunu “għad-dispożizzjoni tiegħu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, WQ kien imissu effettivament użahom. Fir-rigward taż-żoni afforestati, il-Land ta’ Berlin ikkonstata li ma kienx hemm applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata għas-sena 2008, hekk kif kienet teħtieġ il-leġiżlazzjoni.

    28

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2016, WQ ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja). Fir-rikors tiegħu, huwa sostna li, fir-rigward tal-biċċiet ta’ art agrikoli li jinsabu f’Gräningen u f’Bernau, l-użu ta’ dawn il-biċċiet ta’ art minn terzi jsir b’mod illegali u li l-imsemmija biċċiet ta’ art kienu konsegwentement “għad-dispożizzjoni tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fir-rigward taż-żoni afforestati, huwa indika li l-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru1307/2013 kien jeżiġi biss li ż-żoni jkunu eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna, fejn il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni u l-kisba ta’ għajnuna fil-passat huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

    29

    Il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) tqis, minn naħa, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu minħabba s-sempliċi fatt li terz jinvoka drittijiet mingħajr bażi fuq din tal-aħħar. B’mod partikolari, hija tiddubita li artijiet agrikoli jistgħu’ jitqiesu bħala li ma humiex għad-dispożizzjoni tal-proprjetarju tagħhom meta terz jużahom mingħajr ma jkollu titolu li jawtorizzah jagħmel dan. Il-qorti tar-rinviju żżid li dan jista’ jkun differenti minn dritt ta’ użu validu allegat minn terz.

    30

    Din il-qorti tqis, min-naħa l-oħra, li l-eliġibbiltà ta’ żona għall-benefiċċju tal-għajnuna, b’applikazzjoni tal-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, hija suġġetta għall-preżentazzjoni fi żmien xieraq ta’ applikazzjoni skont ir-Regolament Nru 1782/2003. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti, hekk kif jallega r-rikorrent, li ż-żona tqieset bħala eliġibbli fl‑2007 indipendentement mill-preżentazzjoni ta’ kull applikazzjoni.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.

    ‘Ettaru eliġibbli’ ikun għad-dispożizzjoni tal-proprjetarju tiegħu, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [Nru 1307/2013], f’sitwazzjoni fejn ebda terz ma jkollu dritt ta’ użu fir-rigward tal-art inkwistjoni u, b’mod partikolari, ebda terz ma jkollu dritt ta’ użu mogħti mill-proprjetarju, jew inkella, f’sitwazzjoni fejn terz juża de facto l-art inkwistjoni għal finijiet agrikoli mingħajr ma jkollu dritt ta’ użu, dan l-‘ettaru eliġibbli’ ikun għad-dispożizzjoni tat-terz jew ma jkun għad-dispożizzjoni ta’ ħadd?

    2.

    L-espressjoni ‘kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament [Nru 1782/2003]’, li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex tkun eliġibbli għall-pagamenti skont l-iskema ta’ pagament uniku jew skont l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, iż-żona għandha tkun issodisfatt, fl‑2008, il-kundizzjonijiet meħtieġa, rispettivament, mit-Titoli III u IVa tar-Regolament Nru 1782/2003?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: L-espressjoni ‘kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament [Nru 1782/2003]’, li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex żona afforestata konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1257/1999] tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ettaru eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, huwa meħtieġ li jkun hemm użu ta’ dritt ta’ art imwarrba jew ta’ dritt ieħor għall-pagament fir-rigward ta’ din iż-żona, fis-sens tal-Artikolu 44(1) jew tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1782/2003?

    4.

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda: L-espressjoni ‘kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVa tar-Regolament [Nru 1782/2003]’, li tinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex żona afforestata konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1257/1999] tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ettaru eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-bidwi għandu jkun ippreżenta, fl‑2008, applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 22(1) jew tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u għandu jkun issodisfa, fl-istess sena, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex jibbenefika minn pagament dirett taħt it-Titolu III jew taħt it-Titolu IVa?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    32

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk meta applikazzjoni għal għajnuna tiġi ppreżentata kemm mill-proprjetarju ta’ żoni agrikoli kif ukoll minn terz li juża, de facto, dawn iż-żoni mingħajr ma jkollu l-ebda dritt ta’ użu fir-rigward tagħhom, l-ettari eliġibbli li jikkorrispondu għall-imsemmija żoni humiex “għad-dispożizzjoni”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, ta’ wieħed jew tal-ieħor minn dawn l-applikanti jew ta’ ebda wieħed minnhom.

    33

    F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tipprovdi li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament allokati għal kull bidwi fl‑2015 għandu jkun ugwali għan-numru ta’ ettari eliġibbli li l-bidwi jiddikjara fl-applikazzjoni għal għajnuna tiegħu għall‑2015 u li jkunu għad-dispożizzjoni tiegħu f’data stabbilita mill-Istat Membru.

    34

    Filwaqt li jiġi kkonstatat li l-kliem “għad-dispożizzjoni tiegħu” ma huwiex iddefinit f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1307/2013 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jeżiġu li titolu ta’ proprjetà jew kwalunkwe prova ta’ dritt ta’ użu jiġu ppreżentati insostenn ta’ applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament sabiex jiġi stabbilit li l-ettari eliġibbli ddikjarati huma għad-dispożizzjoni tal-applikant.

    35

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li l-Istat Membri għandhom marġni diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda d-dokumenti ta’ sostenn u l-provi li għandhom jiġu mitluba mingħand applikant għal għajnuna fir-rigward taż-żoni li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni diskrezzjonali tagħhom relatata mal-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal għajnuna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li applikant għal għajnuna jiġi obbligat jippreżenta titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tiegħu li juża ż-żoni li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu, għandu josserva l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punti 8286).

    36

    Għalhekk, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jippreżumu li l-ettari eliġibbli marbuta mal-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament ippreżentata huma “għad-dispożizzjoni” tal-bidwi li jippreżenta din l-applikazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    37

    Tali approċċ huwa konformi ma’ wieħed mir-rekwiżiti ewlenin tar-riforma tal-PAK implimentata bir-Regolament Nru 1307/2013, li huwa deskritt fil-premessa 2 ta’ dan ir-regolament u li huwa intiż li jnaqqas il-piż amministrattiv.

    38

    Madankollu, il-marġni diskrezzjonali tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament huwa kkumpensat, hekk kif irrileva l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, bl-istabbiliment mill-Istati Membri ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll amministrattiv sistematiku tal-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna u tal-applikazzjonijiet kollha għal ħlas, konformement mal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 59(1) tiegħu, sabiex jiġu identifikati l-applikazzjonijiet abbużivi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 63(3) ta’ dan ir-regolament, meta pagamenti indebiti jsiru fil-kuntest tal-għoti ta’ għajnuna, l-ammont tal-għajnuna mħallsa indebitament għandu jiġi rkuprat.

    39

    Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri għandhom id-dritt li jippreżumu li l-ettari eliġibbli marbuta mal-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament huma għad-dispożizzjoni tal-bidwi li jippreżenta l-applikazzjoni, huma għandhom l-obbligu li jistabbilixxu kontroll sistematiku tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament u tal-applikazzjonijiet għal pagament korrispondenti sabiex jipprevjenu u, jekk ikun il-każ, jikkoreġu l-irregolaritajiet imwettqa kif ukoll jirkupraw il-pagamenti indebiti.

    40

    Fil-każ li jiġu ppreżentati żewġ jew iktar applikazzjonijiet simultanji għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament, hekk kif ġara fil-kawża prinċipali, il-preżunzjoni li l-ettari eliġibbli marbuta mal-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament huma għad-dispożizzjoni tal-bidwi li jippreżenta l-applikazzjoni hija madankollu kkontestata.

    41

    F’tali każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom l-obbligu jivverifikaw liema miż-żewġ applikanti għandu l-ettari eliġibbli għad-dispożizzjoni tiegħu.

    42

    Huwa minnu li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jipprovdi li, meta ettaru eliġibbli jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn diversi applikanti, id-deċiżjoni dwar il-benefiċjarju li lilu jiġu allokati d-drittijiet għall-pagament għandha tittieħed skont min għandu l-kompetenza deċiżjonali fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli eżerċitati kif ukoll min jikseb benefiċċji minn dawn l-attivitajiet u jassumi r-riskji finanzjarji tagħhom.

    43

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif huwa rifless fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament ta’ delega, dawn il-kriterji jirriżultaw mill-punti 50 et seq tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606). Issa, dik is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fattwali kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ relazzjonijiet u ta’ rabtiet ġuridiċi bejn id-diversi persuni li setgħu jsostnu li kellhom l-artijiet differenti kkonċernati għad-dispożizzjoni tagħhom.

    44

    Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel domanda magħmula hija bbażata fuq sitwazzjoni differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606). F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, it-terzi ma jinvokaw ebda bażi legali fuq iż-żoni agrikoli kkonċernati. Għaldaqstant, f’tali ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu applikati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għal għajnuna tiġi ppreżentata kemm mill-proprjetarju ta’ żoni agrikoli kif ukoll minn terz li juża, de facto, dawn iż-żoni mingħajr l-ebda bażi legali, l-ettari eliġibbli li jikkorrispondu għall-imsemmija żoni huma “għad-dispożizzjoni” tal-proprjetarju biss ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

    46

    Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kliem “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVA tar-Regolament [Nru 1782/2003]”, li jinsab fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, jirrikjedix biss li ż-żona afforestata kkonċernata kellha tissodisfa formalment il-kundizzjonijiet meħtieġa mit-Titoli III u IVa tar-Regolament Nru 1782/2003, jew inkella jirrikjedix li kellu jkun intuża wkoll dritt ta’ art imwarrba jew dritt ieħor għall-pagament fir-rigward ta’ din iż-żona, fis-sens tal-Artikolu 44(1) jew tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, u/jew li kellha tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 fl‑2008 u li matul dik is-sena jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-ibbenefikar minn pagament dirett skont it-Titolu III jew it-Titolu IVa.

    47

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li t-tieni sar-raba’ domanda magħmula jaqgħu fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-ewwel allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għal żona afforestata ppreżentata taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament allokati għal kull bidwi fl‑2015 għandu jkun ugwali għan-numru ta’ ettari eliġibbli li l-bidwi jiddikjara fl-applikazzjoni għal għajnuna tiegħu għall‑2015.

    48

    Il-kunċett ta’ ettaru eliġibbli huwa ddefinit b’mod partikolari fl‑Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jipprevedi li kull żona afforestata skont id-dritt tal-Unjoni jew taħt skema nazzjonali, li tkun tat dritt għal pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, tibqa’ eliġibbli, sakemm l-impenn ta’ afforestazzjoni jinżamm.

    49

    F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk il-kliem “tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandux jiġi interpretat bħala li jfisser “tkun tat lok għal” jew bħala li jfisser “tkun eliġibbli għal” tali pagamenti.

    50

    Fid-dawl tal-fatt li analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi solvuta din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari għar-Regolament Nru 1782/2003 li implimenta l-iskema tal-pagament uniku u l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja f’din id-data.

    51

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003, huma biss il-bdiewa, iddefiniti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li kellhom aċċess għall-iskema tal-pagament uniku.

    52

    Sussegwentement, skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, il-bdiewa msemmija fl-Artikolu 33(1)(a) ta’ dan ir-regolament kellhom jippreżentaw applikazzjoni għal parteċipazzjoni fl-iskema ta’ pagament uniku sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Mejju tal-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema, taħt piena li ma jingħataw l-ebda dritt għall-pagament jew l-ebda dritt ta’ art imwarrba.

    53

    Għalhekk, l-allokazzjoni ta’ dritt għall-pagament jew ta’ dritt ta’ art imwarrba taħt l-iskema tal-pagament uniku jew l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja implimentata mir-Regolament Nru 1782/2003 kienet suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-parteċipazzjoni f’waħda minn dawn l-iskemi minn persuna li għandha l-istatus ta’ bidwi. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li s-sempliċi eżistenza ta’ żona agrikola ma setgħetx, waħedha, fl-assenza ta’ applikazzjoni għall-parteċipazzjoni f’waħda mill-imsemmija skemi ppreżentata minn bidwi, tikkostitwixxi l-bażi ta’ dritt għall-pagament jew ta’ dritt ta’ art imwarrba taħt waħda mill-istess skemi.

    54

    Fl-aħħar, il-fatt li drittijiet għall-pagament jew drittijiet ta’ art imwarrba kienu ġew allokati għal żona partikolari ma kienx madankollu jfisser li din iż-żona kienet tat dritt għal pagamenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, dawn id-drittijiet għall-pagament kien għad kellhom jintużaw sabiex jista’ jkun hemm l-eliġibbiltà għall-pagament tal-ammont stabbilit mid-dritt għall-pagament jew mid-dritt ta’ art imwarrba.

    55

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku d-drittijiet ta’ art imwarrba relatati mal-pagament għaż-żoni afforestati, drittijiet li għalihom ċerti regoli derogatorji kienu previsti fl-Artikoli 53 sa 56 tar-Regolament Nru 1782/2003, għandu jitfakkar li, skont it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, sussegwentement għal applikazzjoni ppreżentata wara t‑28 ta’ Ġunju 1995, iż-żoni afforestati b’applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1257/1999 kienu meqjusa bħala mwarrba.

    56

    Għandu jiġi nnotat li la l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1782/2003, u lanqas l-Artikolu 54 tiegħu ma kienu jippreċiżaw il-kunċett ta’ “użu” ta’ dritt għall-pagament jew ta’ dritt ta’ art imwarrba. Dawn iż-żewġ artikoli kienu jipprevedu biss, fil-paragrafi 1 tagħhom, li d-drittijiet għall-pagament jew id-drittijiet ta’ art imwarrba marbuta ma’ ettaru eliġibbli “[kellhom] jagħt[u] dritt”, jiġifieri, f’dan il-każ, kellhom iwasslu għall-eliġibbiltà għall-pagament tal-ammont stabbilit mid-dritt.

    57

    Sabiex jintużaw id-drittijiet għall-pagament jew id-drittijiet ta’ art imwarrba marbuta ma’ ettaru eliġibbli, kien neċessarju, skont l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, li jiġu ddikjarati l-biċċiet ta’ art li jikkorrispondu għaż-żona eliġibbli marbuta ma’ dritt għall-pagament jew ma’ dritt ta’ art imwarrba. Din id-dikjarazzjoni kienet issir fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal pagamenti diretti ppreżentata taħt l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

    58

    Issa, minbarra l-fatt li jippreċiża li l-informazzjoni kellha tiġi mehmuża mal-applikazzjoni għal għajnuna, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jipprovdi li l-bidwi kellu jippreżenta kull sena applikazzjoni għal pagamenti diretti. Konformement mal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, din l-applikazzjoni kellha tkun is-suġġett ta’ kontroll amministrattiv ta’ eliġibbiltà u, f’ċerti każijiet, ta’ kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament.

    59

    Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li għandha l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni annwali għal pagamenti, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat b’mod effikaċi jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-għajnuna humiex osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Pusts, C‑454/11, EU:C:2013:64, punt 33).

    60

    Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitqies li żona, afforestata jew le, “tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku”, huwa neċessarju li applikazzjoni għal pagamenti diretti tkun ġiet ippreżentata b’rabta ma’ din iż-żona fl‑2008, konformement mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1782/2003, fatt li għalhekk jinvolvi użu tad-drittijiet għal pagament u tad-drittijiet ta’ art imwarrba msemmija fl-Artikoli 44 u 54 ta’ dan ir-regolament. Din l-applikazzjoni kellha tkun is-suġġett ta’ kontroll amministrattiv ta’ eliġibbiltà, skont l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, u, jekk ikun il-każ, ta’ kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 25 tal-istess regolament.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, b’mod partikolari l-kliem “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVA tar-Regolament [Nru 1782/2003]”, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-attivazzjoni ta’ drittijiet ta’ art imwarrba għal żona afforestata taħt din id-dispożizzjoni, iż-żona kkonċernata kellha tkun is-suġġett, fl‑2008, ta’ applikazzjoni għal għajnuna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1782/2003, segwita minn kontroll amministrattiv ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, u, jekk ikun il-każ, minn kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament. Il-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa fit-Titoli III u IVa tal-istess regolament għall-ibbenefikar minn pagament dirett għandhom barra minn hekk ikunu ġew issodisfatti.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta applikazzjoni għal għajnuna tiġi ppreżentata kemm mill-proprjetarju ta’ żoni agrikoli kif ukoll minn terz li juża, de facto, dawn iż-żoni mingħajr l-ebda bażi legali, l-ettari eliġibbli li jikkorrispondu għall-imsemmija żoni huma “għad-dispożizzjoni” tal-proprjetarju biss ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 32(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1307/2013, b’mod partikolari l-kliem “kull żona li tkun tat dritt għall-pagamenti fl‑2008 skont l-iskema ta’ pagament uniku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbiliti, rispettivament, fit-Titoli III u IVA tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad‑29 ta’ April 2008]”, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-attivazzjoni ta’ drittijiet ta’ art imwarrba għal żona afforestata taħt din id-dispożizzjoni, iż-żona kkonċernata kellha tkun is-suġġett, fl‑2008, ta’ applikazzjoni għal għajnuna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 479/2008, segwita minn kontroll amministrattiv ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, u, jekk ikun il-każ, minn kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament. Il-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa fit-Titoli III u IVa tal-istess regolament għall-ibbenefikar minn pagament dirett għandhom barra minn hekk ikunu ġew issodisfatti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq