Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0398
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 17 December 2020.#Proceedings relating to the extradition of BY.#Request for a preliminary ruling from the Kammergericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Articles 18 and 21 TFEU – Extradition of a Union citizen to a third State – Person acquiring Union citizenship after transferring the centre of his or her interests to the Member State from which extradition is requested – Scope of EU law – Prohibition on extradition applied solely to own nationals – Restriction on freedom of movement – Justification based on the prevention of impunity – Proportionality – Information to the Member State of which the requested person is a national – Obligation on the Member State from which extradition is requested and the Member State of origin to ask the third State requesting extradition to send the criminal investigation file – No obligation.#Case C-398/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020.
Proċedura relatata mal-estradizzjoni ta' BY.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin tal-Unjoni – Persuna li kisbet iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wara li ttrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-Istat Membru rikjest – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità – Obbligu tal-Istati Membri rikjesti u ta’ oriġini li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali – Assenza.
Kawża C-398/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020.
Proċedura relatata mal-estradizzjoni ta' BY.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin tal-Unjoni – Persuna li kisbet iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wara li ttrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-Istat Membru rikjest – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità – Obbligu tal-Istati Membri rikjesti u ta’ oriġini li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali – Assenza.
Kawża C-398/19.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:1032
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin tal-Unjoni – Persuna li kisbet iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wara li ttrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-Istat Membru rikjest – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità – Obbligu tal-Istati Membri rikjesti u ta’ oriġini li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali – Assenza”
Fil-Kawża C‑398/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura dwar l-estradizzjoni ta’
BY
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft Berlin,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal BY, minn K. Peters, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, R. Kanitz, F. Halabi u A. Berg, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, SC, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, A. Magrippi u E. Tsaousi, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina, V. Soņeca u L. Juškeviča, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u M. Augustin, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn L. Liţu, S.-A. Purza u C.-R. Canţăr, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, kif ukoll tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni magħmula mill-awtoritajiet Ukraini lill-awtoritajiet Ġermaniżi, fir-rigward ta’ BY, ċittadin Ukrain u Rumen, għal finijiet ta’ proċeduri kriminali. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni
3 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”), jistipula: “Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
4 |
L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Estradizzjoni ta’ ċittadini”, jipprovdi: “1.
2. Jekk il-parti rikjesta ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-parti rikjedenti, tissottometti l-kawża lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm lok ikunu jistgħu jitressqu proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-proċessi, informazzjoni u oġġetti relatati mar-reat jintbagħtu gratwitament skont kif previst fl-Artikolu 12(1). Il-parti rikjedenti għandha tiġi informata bl-eżitu li jkun ingħata lit-talba tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
Skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija konvenzjoni: “It-talba għandha tkun akkumpanjata b’dawn id-dokumenti:
|
6 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, bil-kliem li ġej: “Estradizzjoni ta’ Ġermaniżi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn pajjiż barrani ma hijiex permissibbli skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) [tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl 1949 I, p. 1)] u konsegwentement għandha tiġi rrifjutata fil-każijiet kollha. Il-kelma “ċittadini”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tinkludi l-Ġermaniżi kollha fis-sens tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI
7 |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.” |
Id-dritt Ġermaniż
Il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja
8 |
L-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprovdi: “Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit lejn pajjiż barrani. Regola derogatorja tista’ tiġi stabbilita b’liġi għall-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn qorti internazzjonali sakemm il-prinċipji tal-Istat tad-dritt ikunu ggarantiti.” |
Il-Kodiċi Kriminali
9 |
L-Artikolu 7 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “(1) Id-dritt kriminali Ġermaniż huwa applikabbli għal reati mwettqa barra l-Ġermanja kontra ċittadin Ġermaniż, meta dawn ir-reati huma ssanzjonati kriminalment fl-Istat fejn ikunu twettqu jew meta l-post tat-twettiq tar-reat ma jkun jaqa’ taħt ebda qorti kriminali. (2) Id-dritt kriminali Ġermaniż huwa applikabbli għal atti mwettqa barra l-Ġermanja meta l-att ikun prekluż fl-Istat fejn twettaq jew meta l-post fejn twettaq l-att ma jkun jaqa’ taħt ebda ġurisdizzjoni kriminali, u meta l-awtur tiegħu
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
BY huwa ċittadin Ukrain u Rumen. Huwa twieled fl-Ukraina u għex f’dan l-Istat sa meta mar jgħix fil-Ġermanja, matul is-sena 2012. Fl‑2014, huwa kiseb ukoll, fuq talba tiegħu, iċ-ċittadinanza Rumena abbażi tal-fatt li hu kien dixxendent ta’ ċittadini Rumeni li kienu jgħixu f’Bukovina li preċedentement kienet tappartjeni lir-Rumanija. Huwa qatt ma għex fir-Rumanija. |
11 |
Fil-15 ta’ Marzu 2016, abbażi ta’ mandat ta’ arrest maħruġ minn qorti tal-Ukraina, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina ressaq talba formali għall-estradizzjoni ta’ BY, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għal atti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ impriża pubblika Ukraina. Din it-talba ntbagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja Ukrain. |
12 |
Fis-26 ta’ Lulju 2016, BY tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja. Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Awwissu 2016 tal-qorti tar-rinviju, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), BY tqiegħed taħt detenzjoni għall-estradizzjoni. Fit-2 ta’ Diċembru 2016, wara li ppreżenta garanzija, BY ibbenefika minn miżura ta’ libertà kundizzjonali, konformement ma’ digriet ta’ din il-qorti tat-28 ta’ Novembru 2016. |
13 |
Fil-frattemp, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2016, flimkien mad-digriet tal-1 ta’ Awwissu 2016 imsemmi fil-punt preċedenti, il-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja) informa lill-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen bit-talba għal estradizzjoni u staqsa jekk l-awtoritajiet Rumeni kellhomx l-intenzjoni li jeżerċitaw huma stess il-proċeduri kriminali kontra BY, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin Rumen li wettaq atti kriminalment kundannabbli barra mill-pajjiż. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2016, dan il-ministeru wieġeb li l-awtoritajiet Rumeni setgħu jiddeċiedu li jeżerċitaw il-proċeduri kriminali biss fuq talba tal-awtoritajiet Ukraini. Wara talba addizzjonali, bid-data tat-2 ta’ Jannar 2017, li permezz tagħha l-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin fittex li jsir jaf jekk id-dritt kriminali Rumen kienx jippermetti li jiġu eżerċitati tali proċeduri għall-fatti inkwistjoni, l-imsemmi ministeru wieġeb, fil-15 ta’ Marzu 2017, li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kien suġġett għal prova suffiċjenti tal-ħtija tal-individwu mitlub u talab lill-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin jipprovdilu dokumenti u kopji tal-provi relatati mal-fatti allegati kontra BY li ġew mgħoddija lilu mill-awtoritajiet Ukraini. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li minn din ir-risposta tiddeduċi li d-dritt Rumen, bħala prinċipju, jippermetti li jsiru proċeduri kriminali kontra ċittadin Rumen għal fatti mwettqa barra mill-pajjiż. |
15 |
Skont din il-qorti, l-estradizzjoni ta’ BY lejn l-Ukraina hija leċita, iżda tista’ tmur kontra s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), peress li l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni ma ddeċidewx formalment dwar l-eventwali ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-imsemmija qorti tippreċiża li, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta li testradixxi ċ-ċittadini tagħha stess, ma teżisti ebda projbizzjoni ta’ estradizzjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza għall-eżitu tal-kawża li tressqet quddiemha, minħabba ċirkustanzi partikolari għaliha li huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza. |
16 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li BY stabbilixxa ruħu fil-Ġermanja f’mument meta kellu biss in-nazzjonalità Ukraina u li huwa kiseb in-nazzjonalità Rumena biss f’data sussegwenti. Ir-residenza ta’ BY fil-Ġermanja għalhekk ma taqax taħt l-eżerċizzju tad-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 21(1) TFUE. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), humiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ BY. |
17 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata diffikultà prattika fl-implimentazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza. Hija tosserva li l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni jistgħu jiddeċiedu dwar il-possibbiltà li jressqu proċeduri kontra BY biss jekk huma jkollhom provi miġjuba kontrih. Issa, dawn il-provi ma jaqgħux taħt elementi li jakkumpanjaw talba għal estradizzjoni, skont l-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, b’tali mod li l-Istat Membru rikjest ma jistax jittrażmettihom lil dawn l-awtoritajiet. Fi kwalunkwe każ, it-trażmissjoni tal-imsemmija provi lill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità tista’, bħal dik tat-talba għal estradizzjoni kompleta, taqa’ biss taħt id-deċiżjoni sovrana tal-Istat terz rikjedenti. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, informati bl-eżistenza ta’ talba għal estradizzjoni mill-Istat Membru rikjest, humiex obbligati li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-possibbiltà li jeżerċitaw huma stess il-proċeduri kriminali. Tali talba tista’ twassal għal dewmien kunsiderevoli, li diffiċilment jista’ jiġi ġġustifikat. Fil-prattika huwa diffiċli wkoll li wieħed jeżiġi li l-Istat Membru rikjest jitlob lill-Istat terz sabiex jibgħat lill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità talba intiża sabiex dan tal-aħħar jeżerċita dawn il-proċeduri. |
19 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dritt kriminali Ġermaniż jipprevedi, fl-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali, ġurisdizzjoni sussidjarja għall-prosekuzzjoni ta’ reati mwettqa barra mill-pajjiż f’każ ta’ nuqqas ta’ estradizzjoni, inklużi ċittadini barranin. Hija tistaqsi jekk, sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, għandhiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni u tiġi ddikjarata illegali l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, fil-fehma tagħha, tali approċċ jikkomprometti l-effettività tal-proċeduri kriminali. |
20 |
Fil-fatt, minn naħa, jekk, abbażi ta’ din il-ġurisdizzjoni sussidjarja, l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni tkun mill-bidu nett illegali, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għall-finijiet ta’ estradizzjoni, u għalhekk it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt detenzjoni għall-estradizzjoni, ma jkunx possibbli, skont dispożizzjoni oħra tad-dritt Ġermaniż. Min-naħa l-oħra, mandat ta’ arrest nazzjonali jista’ jinħareġ fil-Ġermanja biss abbażi ta’ indizji gravi ta’ ħtija li l-eżistenza tagħhom tista’ tiġi kkonfermata biss wara l-analiżi tal-provi li jinkriminaw lill-individwu mitlub. Sabiex jinkisbu dawn il-provi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jkollhom jipproponu lill-Istat terz rikjedenti sabiex jeżerċitaw huma stess il-proċeduri jew sabiex iressaq tali talba, b’mod li jiġi kkawżat iktar dewmien. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
22 |
L-Irlanda teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tirrileva li s-sitwazzjoni ġuridika ta’ ċittadin tal-Unjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss jekk dan iċ-ċittadin ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fil-mument meta huwa kellu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Issa, fir-rigward ta’ BY, dan ma kienx il-każ fil-mument li huwa ttrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu mill-Ukraina lejn il-Ġermanja. Għaldaqstant, BY ma bbażax ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja fuq l-eżerċizzju ta’ dritt li jirriżulta mill-Artikolu 21 TFUE u ma aġixxiex fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li ma jistax jinvoka l-Artikolu 18 TFUE. |
23 |
Għandu jiġi kkonstatat li din l-argumentazzjoni tikkoinċidi mal-eżami tal-ewwel domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), humiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal BY, ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu lejn Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità f’mument meta huwa kien għadu ma kellux l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
24 |
Issa, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi ta’ interpretazzjoni rilevanti li jippermettulha tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex applikabbli għal tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punti 43 u 56). |
25 |
Din il-ġurisdizzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-fatt li, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, fis-sens li l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma jkunux applikabbli għal din is-sitwazzjoni, ma jkunx għad hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domandi. |
26 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li huwa s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata lil dan tal-aħħar minn Stat terz, anki meta dan iċ-ċittadin ikun ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu lejn dan l-Istat Membru l-ieħor f’mument meta huwa ma kienx għad għandu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
28 |
Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 30), dwar, bħall-kawża ineżami, talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ estradizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fl-assenza ta’ tali ftehim, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jinkludu b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbiliti mill-Artikolu 21 TFUE. |
29 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru, li għandu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, EU:C:2003:539, punti 26 u 27, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 34). |
30 |
Għaldaqstant, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru b’residenza fi Stat Membru ieħor għandu d-dritt jinvoka l-Artikolu 2l(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26, u tat-2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 27). |
31 |
Il-fatt li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni kiseb iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, biss fil-mument meta kien jirrisjedi diġà fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa sussegwentement kiseb in-nazzjonalità ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni kuntrarja, sa fejn tipprekludi lil tali ċittadin milli jinvoka d-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, tippreġudika l-effett utli ta’ dan l-istatus, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31). |
32 |
L-istess japplika għall-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni li tintalab l-estradizzjoni tiegħu għandu wkoll in-nazzjonalità tal-Istat terz awtur ta’ din it-talba. Fil-fatt, in-nazzjonalità doppja ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz ma tistax iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mil-libertajiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni bħala ċittadina ta’ Stat Membru (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li BY, ċittadin Rumen, jeżerċita, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, id-dritt tiegħu, previst fl-Artikolu 21 TFUE, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, minkejja l-fatt, minn naħa, li huwa ttrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu f’dan l-Istat Membru tal-aħħar f’mument li fih huwa kien għadu ma kisibx in-nazzjonalità Rumena u, min-naħa l-oħra, li huwa wkoll ċittadin tal-Istat terz rikjedenti. |
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li huwa s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata lil dan tal-aħħar minn Stat terz, anki meta dan iċ-ċittadin ikun ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu lejn dan l-Istat Membru l-ieħor f’mument meta kien għadu ma kellux l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
Fuq it-tieni domanda
35 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi mressqa quddiemha (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 33, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 29). |
36 |
F’dan il-każ, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligi li jistgħu, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), jaqgħu fuq l-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina l-persuna mitluba, ċittadina tal-Unjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata, minn Stat terz, lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din il-persuna tirrisjedi. Kif ifformulata minn din il-qorti, din id-domanda tirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ obbligu, impost fuq l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, li jitlob lill-Istat terz rikjedenti jibgħatlu l-fajl marbut mar-reat kriminali allegat fil-konfront ta’ din il-persuna. |
37 |
Madankollu, peress li dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri u li, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza l-obbligi imposti fuq wieħed jew ieħor mill-imsemmija Stati Membri, hemm lok, sabiex tingħata risposta kompleta lil din il-qorti, li jiġi kkunsidrat li t-tieni domanda hija intiża wkoll sabiex tiddetermina l-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjest fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina l-persuna mitluba, ċittadina tal-Unjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata, minn Stat terz, lil Stat Membru ieħor, ikun ġie informat minn dan tal-aħħar bl-eżistenza ta’ din it-talba, wieħed jew ieħor minn dawn l-Istati Membri jkunu obbligati li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti jibagħtilhom kopja tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali sabiex l-Istat Membru li tiegħu din il-persuna għandha n-nazzjonalità jkun jista’ jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali. |
39 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni ta’ Stat Membru li jintroduċu, bħal fil-kawża prinċipali, differenza fit-trattament skont jekk il-persuna mitluba tkunx ċittadina ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat rikjest il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni li minnha jgawdu iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jistgħu jaffettwaw id-dritt tal-ewwel ċittadini għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 32, u tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 44) |
40 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru rikjest, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 33, u tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 45)). |
41 |
Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 34). |
42 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat għandu jitqies li huwa leġittimu u jippermetti li tiġi ġġustifikata miżura restrittiva ta’ libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li tixtieq tiggarantixxi u biss sa fejn dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 37 u 38, tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punti 47 u 48, kif ukoll tat-2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 60). |
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità bl-għan, jekk ikun meħtieġ, li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Għalhekk, meta Stat Membru ieħor, li fih din il-persuna tirrisjedi legalment, jirċievi talba għal estradizzjoni minn Stat terz, huwa obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmija persuna għandha n-nazzjonalità u, jekk ikun meħtieġ, fuq talba tiegħu, jikkonsenjalu l-istess persuna, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bil-kundizzjoni li dan l-Istat Membru tal-aħħar ikollu ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jressaq proċeduri kriminali kontra l-persuna mitluba għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 48 u 50, tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 51, kif ukoll tat-2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 70). |
44 |
Barra minn hekk, sabiex jitħares l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna mitluba għall-fatti li hija akkużata bihom fit-talba għal estradizzjoni, il-mandat ta’ arrest Ewropew eventwalment maħruġ mill-Istat Membru li tiegħu din il-persuna għandha n-nazzjonalità għandu jirrigwarda tal-inqas l-istess fatti bħal dawk li l-imsemmija persuna hija akkużata bihom fit-talba għal estradizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 54). |
45 |
Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, l-Istat Membru rikjest jista’ jipproċedi għall-estradizzjoni tagħha, bil-kundizzjoni li jkun ivverifika, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-estradizzjoni ma tkunx ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 60). |
46 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fit-tieni lok, għandhom isiru, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, preċiżazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. |
47 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 55 u 56 tas-sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222) jirriżulta, essenzjalment, li l-Istat Membru rikjest jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni, imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, billi jqiegħed lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jitolbu lil din il-persuna fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
48 |
Għal dan l-għan, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li skontu l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom reċiprokament jirrispettaw u jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 42), huwa l-Istat Membru rikjest li għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità mhux biss bl-eżistenza ta’ talba għal estradizzjoni li tikkonċernaha, iżda wkoll bil-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt ikkomunikati mill-Istat terz rikjedenti fil-kuntest ta’ din it-talba għal estradizzjoni, filwaqt li dawn l-awtoritajiet ikunu madankollu obbligati josservaw il-kunfidenzjalità ta’ tali elementi meta din tkun ġiet mitluba mill-imsemmi Stat terz, debitament informat f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa wkoll l-Istat Membru rikjest li għandu jżomm l-imsemmija awtoritajiet informati dwar kull bidla fis-sitwazzjoni li fiha tinsab il-persuna mitluba, rilevanti għall-finijiet tal-ħruġ eventwali kontriha ta’ mandat ta’ arrest Ewropew konformement ma’ dak li ġie espost fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza. |
49 |
Min-naħa l-oħra, la l-Istat Membru rikjest u lanqas l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità ma huma obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni, jitolbu mingħand l-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali. |
50 |
Minbarra l-fatt li tali obbligu ma għandu, fl-istat attwali tiegħu, ebda bażi legali fid-dritt tal-Unjoni, dan huwa wkoll irrikonċiljabbli mal-għanijiet li fuqhom huwa bbażat l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-iskambju ta’ informazzjoni jaqa’ taħt l-għan li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu mħarsa minn miżuri li jistgħu jċaħħduhom mid-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 21 TFUE filwaqt li tissokta l-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward ta’ reati kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 47). |
51 |
Fil-fatt, jekk l-Istat Membru rikjest jew l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità jkunu obbligati li jitolbu t-trażmissjoni, mill-Istat terz rikjedenti, tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali, il-proċedura ta’ estradizzjoni tista’ ssir sostanzjalment iktar kumplessa u t-tul tagħha jista’ jiġi sostanzjalment estiż, bir-riskju li jiġi ppreġudikat, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan li tiġi evitata tali impunità. |
52 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità jevalwa huwa stess l-opportunità li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew meta jkun informat, mill-Istat Membru rikjest, bl-eżistenza ta’ talba għal estradizzjoni intiża għal wieħed miċ-ċittadini tiegħu. Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat li huwa fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, li taqa’ taħt is-sovranità tiegħu fil-qasam kriminali u skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali tiegħu, li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità jista’ jiddeċiedi li jitlob lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali sabiex jevalwa l-possibbiltà ta’ eventwali proċeduri. |
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li, bil-kundizzjoni li jkunu debitament informaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità konformement ma’ dak li ġie ppreċiżat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jistgħu jkomplu l-proċedura ta’ estradizzjoni u, jekk ikun meħtieġ, jipproċedu bl-estradizzjoni ta’ din il-persuna fl-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Istat Membru li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità fi żmien raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. |
54 |
F’tali ipoteżi, l-Istat Membru mitlub jista’ għalhekk jipproċedi għal din l-estradizzjoni mingħajr ma jkun obbligat jistenna, lil hinn minn tali żmien raġonevoli, li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità jadotta deċiżjoni formali li permezz tagħha huwa jirrinunzja għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra din il-persuna. L-approċċ kuntrarju jmur, fil-fatt, lil hinn minn dak li timplika l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ għajnuna reċiproka eżistenti fil-qasam kriminali skont id-dritt tal-Unjoni u jista’ jdewwem indebitament il-proċedura ta’ estradizzjoni. |
55 |
F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru rikjest li, fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jindika, lill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, terminu raġonevoli li fi tmiemu, fl-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn dan l-Istat Membru tal-aħħar, għandha titwettaq, jekk ikun meħtieġ, l-estradizzjoni ta’ din il-persuna. Tali terminu għandu jiġi ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, b’mod partikolari l-eventwali tqegħid f’detenzjoni tal-imsemmija persuna fuq il-bażi tal-proċedura ta’ estradizzjoni u l-kumplessità tal-kawża. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina l-persuna mitluba, ċittadina tal-Unjoni li tkun is-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata, minn Stat terz, lil Stat Membru ieħor, ikun ġie informat minn dan tal-aħħar bl-eżistenza ta’ din it-talba, la wieħed u lanqas l-ieħor minn dawn l-Istati Membri ma huma obbligati li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti jagħtihom kopja tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali sabiex l-Istat Membru li tiegħu l-istess persuna għandha n-nazzjonalità jkun jista’ jevalwa l-possibbiltà li jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali kontra l-imsemmija persuna. Sa fejn ikun debitament informa lill-Istat Membru li tiegħu l-istess persuna għandha n-nazzjonalità bl-eżistenza tat-talba għal estradizzjoni, bil-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha kkomunikati mill-Istat terz rikjedenti fil-kuntest ta’ din it-talba, kif ukoll b’kull bidla fis-sitwazzjoni li fiha l-persuna mitluba tkun tinsab, rilevanti għall-finijiet tal-eventwali ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tagħha, l-Istat Membru rikjest jista’ jestradixxi lil din il-persuna mingħajr ma jkun marbut li jistenna li l-Istat Membru li tiegħu għandha n-nazzjonalità jirrinunzja, b’deċiżjoni formali, għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest, fir-rigward tal-inqas tal-istess fatti previsti fit-talba għal estradizzjoni, meta dan l-Istat Membru tal-aħħar jastjeni milli jipproċedi b’tali ħruġ f’terminu raġonevoli lilu mogħti għal dan l-għan mill-Istat Membru rikjest, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. |
Fuq it-tielet domanda
57 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru adit, minn Stat terz, b’talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, huwa obbligat jirrifjuta l-estradizzjoni u li jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali meta d-dritt nazzjonali tiegħu jippermettilu jagħmel dan. |
58 |
Għandu jitfakkar li l-estradizzjoni hija proċedura intiża sabiex tiġġieled l-impunità ta’ persuna li tkun tinsab f’territorju li ma huwiex dak li fih hija allegatament wettqet reat. Fil-fatt, jekk, fid-dawl tal-massima aut dedere, aut judiciare (estradizzjoni jew prosekuzzjoni), in-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa ġeneralment ikkumpensat mill-possibbiltà għall-Istat Membru rikjest li jipproċedi bil-prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għal reati serji mwettqa barra mit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru ma għandux, bħala regola ġenerali, ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru. Għaldaqstant, l-estradizzjoni tippermetti li jiġi evitat li reati mwettqa fit-territorju ta’ Stat minn persuni li ħarbu minn dan it-territorju jibqgħu impuniti (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 39). |
59 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li regoli nazzjonali li jippermettu li tingħata risposta favorevoli għal talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u ta’ sentenza fl-Istat terz fejn ir-reat allegatament twettaq jidhru li huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, sakemm ma jkunx hemm miżura alternattiva li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 40 u 41). |
60 |
F’dan il-każ, madankollu, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tidħol f’kuntest li fih, b’differenza minn dak li huwa espost fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest jippermetti lil dan l-Istat Membru li jressaq proċeduri kriminali kontra ċittadin barrani għal reati mwettqa barra mit-territorju tiegħu. Għalhekk, din il-qorti tindika li l-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali jipprevedi ġurisdizzjoni sussidjarja tal-awtoritajiet Ġermaniżi responsabbli għall-proċeduri kriminali għall-prosekuzzjoni ta’ fatti mwettqa barra mill-pajjiż fil-każ ta’ nuqqas ta’ estradizzjoni, inkluż meta dawn il-fatti jkunu twettqu minn ċittadin barrani. |
61 |
Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali magħmula mill-qorti tar-rinviju. Skont dan il-gvern, il-ġurisdizzjoni sussidjarja prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk l-Istat terz rikjedenti ma jkunx jista’ jew ma jkunx jixtieq jipproċedi bil-proċeduri kriminali. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix li jiġu eżerċitati l-proċeduri kriminali kontra BY fil-Ġermanja. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tibbaża ruħha fuq id-deskrizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet domanda tiġi eżaminata abbażi tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali kif tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Jekk ikun meħtieġ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni. |
64 |
Dan premess, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru rikjest huwa obbligat jirrifjuta l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, u li jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali kontra tiegħu għal fatti mwettqa fi Stat terz, meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest jawtorizza lil dan tal-aħħar jipproċedi bi proċeduri kriminali kontra dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għal ċerti reati mwettqa fi Stat terz. |
65 |
Fil-fatt, f’tali każ, obbligu li tiġi rrifjutata l-estradizzjoni u li jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali jkollu l-effett li jċaħħad lill-Istat Membru rikjest mill-possibbiltà li jiddeċiedi huwa stess dwar il-possibbiltà li jipproċedi bi proċeduri kriminali kontra l-imsemmi ċittadin abbażi tad-dritt nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, fosthom il-possibbiltajiet li tali proċeduri jwasslu għal kundanna kriminali fid-dawl tal-provi disponibbli. Għalhekk, tali obbligu jmur lil hinn mil-limiti li d-dritt tal-Unjoni jista’ jimponi fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdi minnha dan l-Istat Membru fir-rigward tal-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali f’qasam li, bħal-leġiżlazzjoni kriminali, jaqa’, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, anki jekk dawn tal-aħħar huma marbuta li jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BCE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57). |
66 |
Minn dan isegwi li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru rikjest ikun ġie indirizzat, minn Stat terz, b’talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, fid-dritt tal-Unjoni, tqum biss il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru rikjest jistax jaġixxi, fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza billi jipprevedi li jikkonsenja lil dan iċ-ċittadin lill-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità minflok ma jestradixxih lejn l-Istat terz rikjedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 50). |
67 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru adit, minn Stat terz, b’talba għall-estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ma huwiex obbligat li jirrifjuta l-estradizzjoni u li jeżerċita huwa stess il-proċeduri kriminali meta d-dritt nazzjonali jippermettilu jagħmel dan. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.