EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CC0542

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2019.


Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:977

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑12 ta’ Settembru 2019 ( 1 )

Kawżi C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II

Erik Simpson

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

HG

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Eżami mill-ġdid – It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea – Ħatra tal-Imħallfin – Motiv ta’ ordni pubbliku – Stħarriġ inċidentali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ xieraq – Qorti stabbilita bil-liġi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”

1.

X’għandu jiġri meta kandidati debitament ikkwalifikati sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Mħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewpropea (iktar ’il quddiem it-“TSP”) jinħatru wara proċedura li tirriżulta li hija irregolari? Din is-serje ta’ kawżi mingħajr preċedent tinkludi l-ingredjenti kollha sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija. Dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin fit-TSP mill-Kunsill, dwar il-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ din il-ħatra, dwar jekk dan l-istħarriġ jistax jitwettaq b’mod inċidentali, dwar l-ibbilanċjar tad-diversi prinċipji li jirregolawh u dwar l-effetti li jista’ jkollha irregolarità li tivvizzja l-ħatra ta’ Mħallef fuq il-proċeduri ġudizzjarji li fihom ikun ipparteċipa. Madankollu, qabelxejn, l-isfida prinċipali ta’ dawn il-konklużjonijiet tikkonsisti fil-formulazzjoni ta’ linji gwida li jippermettu li jiġu rrikonċiljati d-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi, minn naħa, u ċ-ċertezza legali neċessarja sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema ġudizzjarja, min-naħa l-oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

2.

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Dritt għal smigħ xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistabbilixxi li “kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi […]”.

It-TFUE

3.

L-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 257 TFUE jipprovdu li:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali, sabiex jieħdu konjizzjoni fil-Prim’Istanza ta’ ċerti kategoriji ta’ rikorsi f’oqsma speċifiċi.

[…]

Il-membri tal-qrati speċjalizzati jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kapaċità meħtieġa sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. Jiġu maħtura mill-Kunsill waqt li jaġixxi unanimament.”

L-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

4.

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat‑2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-TSP ( 2 ) (intitolat “It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea”), kien żied mal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Anness I ( 3 ), li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti, kien jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu:

“It-[TSP] għandu jkun kompost minn seba’ mħallfin. […]

L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għal perjodu ta’ sitt snin. L-imħallfin li jispiċċaw il-mandat tagħhom jistgħu jiġu maħtura mill-ġdid.

Kull post vakanti għandu jimtela bil-ħatra ta’ mħallef ġdid għal perjodu ta’ sitt snin.”

5.

L-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness I kien jistabbilixxi:

“1.   L-imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 257 tat-Trattat [FUE], wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst f’dan l-Artikolu [ ( 4 )]. Fil-ħatra ta’ l-imħallfin, il-Kunsill għandu jiżgura li jkun hemm komposizzjoni ekwilibrata tat-[TSP] fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta’ l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati.

2.   Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u li tissodisfa l-kondizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 257 tat-Trattat [FUE] tista’ tippreżenta l-kandidatura tagħha. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiffissa l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi.

3.   Kumitat [ta’ Selezzjoni] kompost minn seba’ persuni magħżula minn fost ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta għandu jiġi stabbilit. Il-ħatra tal-membri tal-[Kumitat ta’ Selezzjoni] u r-regoli tal-ħidma tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Il-[Kumitat ta’ Selezzjoni] għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-[Kumitat ta’ Selezzjoni] għandu jannetti ma’ din l-opinjoni lista tal-kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adegwata. Tali lista għandha tikkonsisti f’numru ta’ kandidati li jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta’ mħallfin li għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill.”

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 5 ), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

7.

L-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li “[s]afejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

Il-proċedura ta’ ħatra fit-TSP

8.

Fit‑3 ta’ Diċembru 2013, ġiet ippubblikata sejħa għal kandidaturi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal kandidaturi tal-2013”) ( 6 ) bil-għan li jinħatru żewġ Imħallfin fit-TSP għal perijodu ta’ sitt snin mill‑1 ta’ Ottubru 2014 sat‑30 ta’ Settembru 2020. Din is-sejħa għal kandidaturi tnediet b’antiċipazzjoni tal-iskadenza, fit‑30 ta’ Settembru 2014, tal-mandat ta’ żewġ Imħallfin tat-TSP, jiġifieri l-Imħallfin S. Van Raepenbusch u H. Kreppel.

9.

Il-paragrafu 2 ta’ din is-“sejħa għal kandidaturi tal-2013” kien jiddeskrivi l-proċedura li kellha tiġi segwita:

“[…] L-imħallfin jinħatru mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, wara konsultazzjoni ma’ [Kumitat ta’ Selezzjoni] ta’ seba’ persuni magħżula minn fost ex-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Il-[Kumitat ta’ Selezzjoni] jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex iwettqu d-dmirijiet ta’ mħallef fit-[TSP]. Huwa jehmeż ma’ din in-nota lista ta’ kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adattata. Il-lista tinkludi numru ta’ persuni li huwa mill-inqas id-doppju ta’ kemm għandhom jinħatru mħallfin.”

10.

Fil-paragrafu 4 hemm spjegat li “[b]illi ntemm il-mandat ta’ żewġ imħallfin fit-30 ta’ Settembru 2014, tnediet sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li jinħatru żewġ imħallfin ġodda għal perijodu ta’ sitt snin mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2020”.

11.

Il-Kumitat ta’ Selezzjoni ħejja debitament lista li kienet tinkludi l-ismijiet, mhux ta’ erba’, iżda ta’ sitt kandidati li kellhom l-esperjenza meħtieġa, filwaqt li dawn tal-aħħar ġew ikklassifikati f’ordni tal-mertu (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ kandidati inkwistjoni”) ( 7 ). Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kunsill ma meliex dawn iż-żewġ pożizzjonijiet. Għaldaqstant, l-Imħallfin Van Raepenbusch u Kreppel komplew fil-kariga lil hinn mit-tmiem tal-mandati rispettivi tagħhom, jiġifieri lil hinn mit‑30 ta’ Settembru 2014, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li kull Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness I tal-imsemmi statut għamel din id-dispożizzjoni applikabbli għall-Imħallfin tat-TSP.

12.

Fil‑31 ta’ Awwissu 2015, wasal fi tmiemu l-mandat ta’ tielet Imħallef fit-TSP, I. Rofes i Pujol ( 8 ). L-ebda sejħa pubblika għal kandidaturi ma kienet ġiet ippubblikata bil-għan li timtela din il-pożizzjoni. Minkejja dan, l-Imħallef Rofes i Pujol ukoll kompliet fil-kariga lil hinn minn tmiem il-mandat tagħha skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2016/454

13.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/454 tat‑22 ta’ Marzu 2016 li taħtar tliet Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ( 9 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ħatra”) tiddikjara fil-premessi 1 sa 6 tagħha:

“(1)

Il-mandat taż-żewġ Imħallfin tat-[TSP] […] intemm b’effett mit‑30 ta’ Settembru 2014, u l-mandat ta’ Mħallef ieħor intemm b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2015. Skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tal-Anness I [tal‑]Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […], jeħtieġ għalhekk li jinħatru tliet Imħallfin biex jimlew dawk il-pożizzjonijiet vakanti.

(2)

Wara s-sejħa pubblika għal applikazzjonijiet ippubblikata fl-2013 […] bil-ħsieb li jinħatru żewġ Imħallfin fit-[TSP], il-Kumitat [ta’ Selezzjoni] ta opinjoni dwar l-adegwatezza tal-kandidati biex iwettqu l-kompiti ta’ Mħallef fit-[TSP]. Mal-opinjoni tiegħu l-[Kumitat ta’ Selezzjoni] hemeż lista ta’ sitt kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adatta.

(3)

Wara l-ftehim politiku dwar ir-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […], il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] ppreżentat fis‑17 ta’ Novembru 2015 proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni ta’ prim’istanza f’każ ta’ tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2016.

(4)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, għal raġunijiet ta’ ħin, huwa xieraq li ma tiġix ippubblikata sejħa pubblika ġdida għal applikazzjonijiet, iżda li minflok tintuża l-lista tas-sitt kandidati li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adatta stabbilita mill-[Kumitat ta’ Selezzjoni] wara s-sejħa pubblika għal applikazzjonijiet ippubblikata fl-2013.

(5)

Għaldaqstant huwa xieraq li jinħatru tlieta mill-persuni inklużi f’dik il-lista bħala Mħallfin fit-[TSP], filwaqt li tiġi żgurata kompożizzjoni ekwilibrata tat-[TSP] fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali rappreżentati. It-tliet persuni f’dik il-lista li għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar idonea huma s-Sur Sean Van Raepenbusch, is-Sur João Sant’Anna u s-Sur Alexander Kornezov. Is-Sur João Sant’Anna u s-Sur Alexander Kornezov għandhom jinħatru b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Billi s-Sur Sean Van Raepenbusch diġà kien Mħallef fit-[TSP] sat-30 ta’ Settembru 2014 u baqa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu sakemm tittieħed id-Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 5 tal-[Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], huwa xieraq li hu jinħatar għal mandat ġdid b’effett mill-jum wara t-tmiem tal-mandat preċedenti tiegħu.

(6)

Mill-Artikolu 2 tal-Anness I [tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] jsegwi li kwalunkwe pożizzjoni vakanti għandha timtela permezz tal-ħatra ta’ Mħallef ġdid għal perijodu ta’ sitt snin. Madankollu, mal-applikazzjoni tar-Regolament propost dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni ta’ prim’istanza f’każ ta’ tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, it-[TSP] mhux ser jeżisti aktar, u b’hekk il-mandat tat-tliet Imħallfin maħtura b’din id-Deċiżjoni jintemm ipso facto fid-data ta’ qabel dik li fiha r-Regolament japplika.”

14.

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Dawn li ġejjin huma b’dan maħtura bħala Mħallfin fit-[TSP]:

Is-Sur Sean VAN RAEPENBUSCH, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2014,

Is-Sur João SANT’ANNA, b’effett mill‑1 ta’ April 2016,

Is-Sur Alexander KORNEZOV, b’effett mill‑1 ta’ April 2016.”

15.

J. Sant’Anna u A. Kornezov ħadu l-ġurament fit‑13 ta’ April 2016.

16.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2016 ( 10 ), it-[TSP] assenja l-Imħallfin Bradley, Sant’Anna u Kornezov lit-Tieni Awla tat-TSP għall-perijodu mill‑14 ta’ April sal‑31 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem il-“kulleġġ ġudikanti inkwistjoni”). Din l-awla tat, inter alia, sentenzi u digrieti fil-kawżi FV ( 11 ), Simpson ( 12 ) u HG ( 13 ).

Il-fatti li wasslu għall-kawżi Simpson u HG

Is-sentenza FV

17.

Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali f’dik il-kawża, FV sostniet li s-sentenza tat-TSP li ċaħdet ir-rikors tagħha kienet ingħatat minn kulleġġ ġudikanti li kien ġie kkostitwit b’mod irregolari, minħabba li l-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallef fil-pożizzjoni li qabel kienet okkupata mill-Imħallef Rofes i Pujol kienet ivvizzjata b’irregolarità.

18.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “fid-dawl tal-importanza tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ Mħallef għall-fiduċja tal-partijiet f’kawża u tal-pubbliku fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-qrati, l-Imħallef inkwistjoni ma jistax jitqies li huwa qorti legali fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 14 ) u annullat is-sentenza tat-TSP. Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV ( 15 ).

19.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx mill-ġdid is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża FV. Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Ewlieni kien qies li “s-sentenza [FV] ma tippreżentax […] riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”. Madankollu ppropona li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid dik is-sentenza (kif nifhem jien, minħabba fl-importanza kostituzzjonali tagħha). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet formali għal eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma kinux issodisfatti ( 16 ).

Is-sentenzi fil-kawżi Simpson u HG

20.

Dawn il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid jirrigwardaw żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill ( 17 ) u s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, HG vs Il‑Kummissjoni ( 18 ) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid”). Sa fejn l-eżami mill-ġdid ma jirrigwardax il-mertu ta’ dawn il-kawżi, ser sempliċement niddeskrivi dak li huwa essenzjali u nirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-qari tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali għal espożizzjoni iktar dettaljata tagħhom.

Il-Kawża C‑542/18 RX‑II Simpson

21.

Erik Simpson, inizjalment kien membru tal-persunal awżiljarju fi ħdan l-unità ta’ traduzzjoni tal-lingwa Estonjana tal-Kunsill. Eventwalment kien għadda minn kompetizzjoni ta’ tradutturi u kien ġie rreklutat bħala uffiċjal (inizjalment fil-grad AD 5, sussegwentement fil-grad AD 6) u sussegwentement kien reġa’ għadda minn kompetizzjoni oħra. Huwa talab il-benefiċċju ta’ avvanz fil-grad, AD 9, billi invoka l-fatt li kien għadda mill-kompetizzjoni li kienet tikkorrispondi għall-grad mixtieq, u l-fatt li, skontu, tliet uffiċjali ta’ unitajiet oħra ta’ traduzzjoni, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ tiegħu, kienu bbenefikaw minn tali avvanz fil-grad.

22.

Il-Kunsill ċaħad din it-talba kif ukoll l-ilment li E. Simpson kien ressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

23.

Ir-rikors addizzjonali ta’ E. Simpson (Kawża F‑142/11) intlaqa’ mit-TSP, li annulla d-deċiżjoni tal-Kunsill minħabba li dan tal-aħħar kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-appell ippreżentat mill-Kunsill minn dik is-sentenza (Kawża T‑130/14 P) u bagħtet il-kawża lura lit-TSP (sussegwentement Kawża F‑142/11 RENV). Sussegwentement, permezz ta’ digriet motivat tal‑24 ta’ Ġunju 2016, it-Tieni Awla tat-TSP (komposta mill-Imħallfin Bradley, Sant’Anna u Kornezov) ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

24.

Fis-6 ta’ Settembru 2016, E. Simpson ippreżenta appell minn dak id-digriet quddiem il-Qorti Ġenerali.

25.

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu fl-appell mis-sentenza FV. Bi tweġiba għal din l-istedina, iż-żewġ partijiet sostnew, minn naħa, li aggravju bbażat fuq irregolarità fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti (bħal dik li ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV), kien jikkostitwixxi aggravju ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-appell, u, min-naħa l-oħra, li d-digriet appellat kien ġie ffirmat mill-istess kulleġġ ġudikanti tas-sentenza FV. Għaldaqstant, huma kkonkludew li dan id-digriet kellu jiġi annullat għall-istess raġunijiet li ġew adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV.

26.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet tat-TSP u bagħtet il-kawża lura lil awla oħra tal-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq ir-rikors. Dik il-proċedura hija attwalment sospiża.

Il-Kawża C‑543/18 RX‑II HG

27.

HG, uffiċjal tal-Kummissjoni, ġie assenjat lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nazzjonijiet Uniti f’New York. Akkomodazzjoni għall-persunal tqegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu minħabba f’din l-assenjazzjoni. Skont HG, għal raġunijiet ta’ familja, huwa ma installax ruħu f’din l-akkomodazzjoni, iżda użaha okkażjonalment u ppermetta lil parti terza (ħabib) tokkupaha għal xi żmien bħala “gwardjan”. Ġiet imposta sanzjoni dixxiplinari fuq HG u huwa ġie kkundannat jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa ressaq ilment, li ġie miċħud, kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni meħuda fil-konfront tiegħu.

28.

Sussegwentement, HG ippreżenta rikors, irreġistrat mat-TSP (Kawża F‑149/15), intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ din is-sanzjoni dixxiplinari u sabiex tikkumpensa d-dannu allegatament imġarrab. Din il-kawża (F‑149/15) ġiet assenjata lit-Tieni Awla tat-TSP, li inizjalment kienet komposta mill-Imħallef Kreppel, mill-Imħallef Rofes i Pujol u mill-Imħallef Bradley. Sussegwentement, it-TSP assenja l-Imħallfin Bradley, Sant’Anna u Kornezov lit-Tieni Awla ( 19 ) li, komposta b’dan il-mod, ċaħdet dan ir-rikors b’sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016.

29.

Fit‑28 ta’ Settembru 2016, HG ippreżenta appella quddiem il-Qorti Ġenerali minn dik is-sentenza.

30.

Fil‑31 ta’ Jannar 2018, HG ressaq talba bil-miktub lill-Qorti Ġenerali jekk kellhiex l-intenzjoni tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar il-konsegwenzi tas-sentenza FV għall-appell. Fis‑26 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Bi tweġiba għal din l-istedina, iż-żewġ partijiet enfasizzaw li s-sentenza tat-TSP kienet ingħatat mill-istess kulleġġ ġudikanti li l-kompożizzjoni tiegħu kienet tqieset mill-Qorti Ġenerali li kienet irregolari mis-sentenza FV. HG sostna wkoll li aggravju bbażat fuq irregolarità fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti (bħal dik li ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza), kien jikkostitwixxi aggravju ta’ ordni pubbliku. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li s-sentenza tat-TSP kellha tiġi annullata għall-istess raġunjiiet li kienu ġew adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-sentenza tat-TSP setgħat tiġi annullata abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV u li l-kawża setgħat tintbagħat lura lil awla oħra tal-Qorti Ġenerali (hekk kif kien ukoll propost minn HG). Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din l-awla jkollha tibda l-proċedura mill-ġdid biss mill-ewwel att tal-Imħallef li l-ħatra tiegħu kienet irregolari jew tal-awla tat-TSP li lilha huwa kien ġie assenjat.

31.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza appellata tat-TSP u bagħtet il-kawża lura lil awla oħra tal-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq ir-rikors. Din il-proċedura hija attwalment sospiża.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.

Fl‑20 ta’ Awwissu 2018, l-Avukat Ġenerali Ewlieni, irrakkomanda l-eżami mill-ġdid tas-sentenzi mogħtija fil-Kawża T‑646/16 P, Simpson u fil-Kawża T‑693/16 P, HG. Sussegwentement, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid adottat, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, id-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Settembru 2018, Eżami mill-Ġdid Simpson vs Il‑Kunsill ( 20 ) u Eżami mill-Ġdid HG vs Il‑Kummissjoni ( 21 ). Hija qieset li kien hemm lok li jitwettaq l-eżami mill-ġdid ta’ dawn iż-żewġ sentenzi sabiex jiġi ddeterminat jekk jippreġudikawx l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

33.

B’mod iktar speċifiku, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid speċifikat l-għan ta’ dawn iż-żewġ eżamijiet mill-ġdid kif ġej:

“L-eżami mill-ġdid għandu jitratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, [is-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid] [jippreġudikawx] l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti li ta [s-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid], kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit [fl-ewwel sentenza tat-]tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […].

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk, bħal fil-każ tal-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.”

34.

Il-persuni kkonċernati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn il-kwistjonijiet. Għaldaqstant, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-appellanti fl-appelli quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Gvern Bulgaru. Il-kawżi ġew assenjati lill-Awla Manja, skont l-Artikolu 195(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.

Dawn il-partijiet kollha ippreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2019.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

36.

Ser nibda billi nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV kienx jippreżenta riskju serju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma wettqitx l-eżami mill-ġdid ta’ dik is-sentenza għal raġunijiet ta’ natura purament proċedurali, għaliex hija qieset li l-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni fir-rigward tal-eżami mill-ġdid ta’ dik is-sentenza ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma teżaminax mill-ġdid sentenza tal-Qorti Ġenerali għaliex din ma tippreżentax riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, il-formulazzjoni użata hija kompletament differenti u tindika biss li “ma hemmx lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza” ( 22 ).

37.

Il-problematika mqajma bis-sentenza FV għadha miftuħa u kulma jagħmlu s-sentenzi attwalment suġġetti għal eżami mill-ġdid huwa li jenfasizzaw ir-rilevanza tagħha. F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti Ġenerali sempliċement segwiet l-approċċ adottat preċedentement fis-sentenza FV u rriproduċiet ir-raġunament ifformulat f’din tal-aħħar. Għalhekk, huwa impossibbli li jitwettaq l-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-kawżi mingħajr ma wieħed jibda b’analiżi fid-dettall tas-sentenza FV.

38.

Is-sentenzi appellati jistgħu jippreġudikaw l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali (i) ddeċidiet li, f’din il-konfigurazzjoni fattwali, kien inkiser il-“prinċipju ta’ qorti legali” stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-analiżi tagħha u (ii) sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ inċidentali tal-legalità tal-ħatra ta’ Mħallef tat-TSP.

39.

Fl-analiżi li ġejja ser nuża l-kunċett ta’ “dritt għal qorti stabbilita bil-liġi” iktar milli dak ta’ “prinċipju ta’ qorti legali”. Din l-ewwel formulazzjoni hija dik użata kemm fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) f’dan ir-rigward. Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali qiegħda tirreferi għal dan l-aspett tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sentenza FV u fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid meta ssemmi l-“prinċipju ta’ qorti legali” – espressjoni rriprodotta mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-definizzjoni tagħha tal-parametri ta’ dan l-eżami mill-ġdid.

40.

Nenfasizza wkoll li t-tliet appelli quddiem il-Qorti Ġenerali (u dawn il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid) bl-ebda mod ma jqiegħdu fid-dubju l-kwalifiki tat-tliet persuni maħtura bħala mħallfin fit-TSP. It-tlieta li huma jinsabu fil-lista ta’ kandidati inkwistjoni. Għalhekk, it-tlieta li huma huma persuni li l-Kumitat ta’ Selezzjoni rrikonoxxa li “għandhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-aktar adatta” (enfasi miżjuda minni) sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ikkonċernati. Fi kliem ieħor, mhux biss it-tliet persuni kkonċernati għandhom il-kwalitajiet neċessarji sabiex jinħatru Mħallfin fit-TSP, iżda huma kienu wkoll l-aħjar fost il-kandidati kollha eżaminati mill-Kumitat ta’ Selezzjoni li, infakkar, kien ħejja l-lista tiegħu f’ordni tal-mertu. Infakkar ukoll li fl-ebda mument ma tqiegħdet fid-dubju l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ dawn l-Imħallfin jew tal-kulleġġ ġudikanti (it-Tieni Awla tat-TSP f’dak il-mument partikolari).

Fuq l-ewwel aspett tal-problematika identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja: id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi u l-ibbilanċjar tiegħu mal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza FV

41.

Fis-sentenza FV, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-proċedura ta’ ħatra u qieset li l-qafas ġuridiku impost mis-sejħa għal kandidaturi tal-2013 ma kienx ġie osservat għaliex il-Kunsill kien sussegwentement uża l-lista ta’ kandidati inkwistjoni sabiex jimtlew mhux biss iż-żewġ pożizzjonijiet koperti mis-sejħa għal kandidaturi tal-2013 iżda wkoll il-pożizzjoni okkupata mill-Imħallef Rofes i Pujol, li qatt ma kienet is-suġġett ta’ sejħa għal kandidaturi ( 23 ).

42.

Nixtieq qabelxejn nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-proċedura ta’ ħatra kienet korretta peress li din il-proċedura kienet, fil-fatt, ivvizzjata b’irregolarità.

43.

Billi uża l-lista ta’ kandidati inkwistjoni sabiex iwettaq tliet ħatriet, fosthom għall-pożizzjoni li qabel kienet okkupata mill-Imħallef Rofes i Pujol, il-Kunsill effettivament evita deliberatament il-proċedura li huwa stess kien speċifika fis-sejħa għal kandidaturi tal-2013, kif prevista fl-Artikolu 3(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tiegħi, il-motivazzjoni mqassra mogħtija mill-Kunsill fil-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni ta’ ħatra, jiġifieri r-raġunijiet ta’ ħin marbuta mar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni, ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill tal-qafas ġuridiku stabbilit għall-ħatra tal-Imħallfin fit-TSP.

44.

Għaldaqstant, qabel mal-mandat tal-Imħallef Rofes i Pujol wasal fi tmiemu, il-Kunsill messu nieda proċedura ġdida għas-sostituzzjoni tagħha, peress li, fil-paragrafu 4 tas-sejħa għal kandidaturi tal-2013, huwa kien illimita espressament din il-proċedura għas-sostituzzjoni taż-żewġ Imħallfin li l-mandati tagħhom kienu ser jiskadu fit-30 ta’ Settembru 2014 ( 24 ). Billi uża l-lista ta’ kandidati inkwistjoni għall-ħatra ta’ tliet Imħallfin, il-Kunsill ma applikax ir-regoli li jirregolaw il-proċedura li huwa stess kien iffissa.

45.

Huwa komprensibbli li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ħatra, il-Kunsill xtaq iħaffef l-iktar malajr possibbli l-proċedura ta’ ħatra għall-pożizzjonijiet vakanti fit-TSP. Permezz tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 ( 25 ) addottat parallelament ma’ dawn il-ħatriet, it-TSP ma kienx ser jeżisti iktar u l-kompetenzi tiegħu ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Settembru 2016. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan xorta waħda jfisser li l-Kunsill kien obbligat josserva l-proċedura li huwa stess kien iffissa. Jekk, f’Marzu 2016, il-Kunsill kien ikkunsidra li ma kien hemm l-ebda ħin sabiex jippubblika sejħa għal kandidaturi li timla l-pożizzjoni tal-Imħallef Rofes i Pujol, li kienet għadha ma saritx, kien ikun legalment possibbli għal dan l-Imħallef li sempliċement tibqa’ fil-kariga konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa tmiem l-eżistenza tat-TSP u li l-Kunsill jimla ż-żewġ pożizzjonijiet l-oħra (li kienu debitament is-suġġett ta’ sejħa għal kandidaturi).

46.

Għall-kumplament, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ħatra kienet perfettament konformi mal-qafas leġiżlattiv. Fil-fatt, il-Kumitat ta’ Selezzjoni, debitament kompost, kien ħejja lista ta’ kandidati li kellhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-iktar adatta. Din il-lista kienet tikkostitwixxi bażi valida għall-ħatra ta’ żewġ Imħallfin. Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din kienet tikkonsisti f’numru ta’ kandidati li kien jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta’ Mħallfin li kellhom jinħatru mill-Kunsill (jiġifieri sitt kandidati għal tliet Imħallfin finalment maħtura). Il-Kunsill illimita ruħu għall-lista ta’ kandidati inkwistjoni u silet minnha sabiex jaħtar it-tliet Imħallfin ikkonċernati. Minn qari tal-premessa 5 tad-deċiżjoni ta’ ħatra u hekk kif ikkonferma l-Kunsill waqt is-seduta, jidher li huwa ħatar it-tliet kandidati tal-lista inkwistjoni li kellhom l-esperjenza ta’ livell għoli l-iktar adatta, filwaqt li ġie żgurat li kien hemm kompożizzjoni ekwilibrata tat-TSP fuq bażi ġeografika l-iktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi ġuridiċi rrappreżentati.

47.

Għalkemm, fis-sentenza FV, il-Qorti Ġenerali identifikat korrettament l-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra, hija madankollu ma evalwatx korrettament il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ din l-irregolarità. Fil-fehma tiegħi, l-irregolarità identifikata kienet tista’ taffettwa d-deċiżjoni ta’ ħatra kollha kemm hi. Il-Qorti Ġenerali inqas u inqas ma indirizzat il-kwistjoni delikata tal-ibbilanċjar tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi, minn naħa, u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, min-naħa l-oħra.

48.

Minflok dan, il-Qorti Ġenerali għaddiet sabiex tidentifika l-“Imħallef inkwistjoni”, jiġifieri sabiex tidentifika l-Imħallef maħtur sabiex jokkupa t-“tielet pożizzjoni vakanti” ( 26 ). Minn qari tas-sentenza FV ( 27 ) jidher li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali segwiet l-ewwel aggravju mressaq mill-appellanti f’dik il-kawża.

49.

Jidhirli li dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat. Jekk il-ħatra tal‑2016 mill-Kunsill kienet irregolari, isegwi li huwa impossibbli li dawn it-tliet ħatriet fit-TSP jiġu sseparati sabiex jiġi identifikat it-“tielet Imħallef” li (skont il-Qorti Ġenerali) kien l-uniku wieħed li għandu jiġi affettwat minn din l-irregolarità.

50.

Anki li kieku kellu jitqies, quod non, li waħda biss mit-tliet ħatriet kienet irregolari, id-deċiżjoni ta’ ħatra, fil-premessa 5 tagħha, issemmi t-tliet kandidati maħtura skont l-ordni li fih huma ġew proposti mill-Kumitat ta’ Selezzjoni, mingħajr madankollu ma tispeċifika min kien l-Imħallef maħtur fit-“tielet pożizzjoni”.

51.

Billi wieħed jipprova jsegwi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, jista’ jkun possibbli, l-iktar l-iktar, li jitqies li S. Van Raepenbusch, ex President tat-TSP (maħtur b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2014, id-data ta’ skadenza tal-mandat preċedenti tiegħu) kien x’aktarx l-ewwel wieħed li ntgħażel sabiex jinżamm mill-Kunsill. Madankollu, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali matul is-sentenza FV, huwa impossibbli li jiġi identifikat min miż-żewġ kandidati l-oħra maħtura b’effett mill‑1 ta’ April 2016 kien is-suċċessur tal-Imħallef Rofes i Pujol, maħtur sabiex jokkupa din il-famuża “tielet pożizzjoni”. La l-premessa 5 u lanqas l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ ħatra ma jindikaw espressament liema kandidat inħatar f’liema pożizzjoni. Il-Kunsill qatt ma aċċetta li jkun marbut bl-ebda mod mal-ordni ta’ klassifikazzjoni fil-lista miżmuma mill-Kumitat ta’ Selezzjoni ( 28 ). Barra minn hekk, il-Kunsill bilfors jiddisponi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tiegħu fost il-kandidati li kienu jinsabu fil-lista ta’ kandidati inkwistjoni. L-Artikolu 3(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kien fil-fatt jobbligah “jiżgura li jkun hemm komposizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta’ l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati” ( 29 ). Għaldaqstant, il-Kunsill seta’ (pereżempju) jagħżel legalment l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames persuni fuq dik il-lista.

52.

Nirrileva li l-imħallef identifikat bħala l-“Imħallef inkwistjoni” ma kellu l-ebda possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet ulterjuri dwar il-legalità tal-ħatra tiegħu, li, fil-fehma tiegħi, x’aktarx iqajjem mistoqsijiet dwar ir-rispett għad-drittijiet tiegħu.

53.

Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għas-sitwazzjoni tal-kandidati potenzjali l-oħra għall-pożizzjoni okkupata mill-Imħallef Rofes i Pujol, li kienu jkunu jistgħu jippreżentaw il-kandidatura tagħhom li kieku saret sejħa għal kandidaturi ( 30 ). F’dan ir-rigward ukoll, jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma irrilevanti għall-appell ta’ FV. Ċertament, l-eżistenza ta’ kandidati potenzjali oħra u t-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tagħhom evidentement kienu jkunu ta’ importanza fundamentali fil-kuntest ta’ eventwali rikors dirett ippreżentat minn tali kandidat potenzjali diżappuntat kontra d-deċiżjoni ta’ ħatra. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma kinitx adita b’tali rikors meta tat is-sentenza FV.

54.

Ninterrompi ruħi hawnhekk sabiex nenfasizza li, minkejja li ma napprovax ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fit-totalità tiegħu, naħseb li din tal-aħħar kellha raġun tiċħad l-argumenti mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra ( 31 ). Fil-fehma tiegħi, dik il-parti tas-sentenza FV ma tqajjimx kwistjonijiet rilevanti għal dawn il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid.

55.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra fid-dawl tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi previst fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li teżiġi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin ( 32 ).

56.

Il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ġejja:

“78. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-importanza tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ Mħallef għall-fiduċja tal-partijiet f’kawża u tal-pubbliku fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-qrati, l-Imħallef inkwistjoni ma jistax jitqies li huwa qorti legali fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

79. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tat is-sentenza appellata ma kinitx ikkostitwita b’mod regolari, għandu jintlaqa’.

80. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravji.”

57.

Għandu jiġi kkonstatat li l-punti analizzati fit-tul fis-sentenza FV ma jinkludux il-kwistjoni ċentrali li tqum ladarba tkun stabbilita l-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra, jiġifieri jekk (u, skont il-każ, għaliex) din l-irregolarità kinitx ta’ natura li twassal direttament u awtomatikament għall-annullament tas-sentenza tat-TSP appellata. Fil-każ ta’ irregolarità li tivvizzja l-proċedura għall-ħatra ta’ mħallef, liema bilanċ għandu jinstab bejn żewġ prinċipji fundamentali daqstant importanti: id-dritt għal qorti (smigħ xieraq u imparzjali) stabbilit mil-liġi u r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali? Dawn il-punti ma kienu bl-ebda mod indirizzati mis-sentenza FV.

58.

Fil-fehma tiegħi, din il-lakuna fundamentali fis-sentenza FV tippreżenta riskju serju li tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Ir-raġunament ta’ din is-sentenza ġie rriprodott fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, l-analiżi li ġejja tirrigwarda t-totalità ta’ din il-ġurisprudenza.

L-iżbalji tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra

59.

Wara li kkonstatat l-irregolarità inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tiddisponi minn xi marġni ta’ diskrezzjoni, jew kienet obbligata tannulla s-sentenza tat-TSP adottata mill-kulleġġ ġudikanti inkwistjoni minħabba ksur tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi? Jekk l-annullament ma kienx il-konsegwenza awtomatika ta’ din il-konstatazzjoni, ta’ irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra, liema kien il-marġni ta’ diskrezzjoni li kienet tiddisponi minnu l-Qorti Ġenerali?

60.

Sabiex neżamina dawn il-mistoqsijiet, jidhirli li huwa neċessarju li nanalizza l-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra fid-dawl tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

– Id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi

61.

L-Artikolu 47 tal-Karta jirrikonoxxi, f’dispożizzjoni waħda, id-dritt għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 13 tal-KEDB. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 47 tal-Karta u dawn l-artikoli tal-KEDB tissemma espressament fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 33 ). Għaldaqstant, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta “huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB”, u t-tieni paragrafu tiegħu “jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB” Id-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi”, previst fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkostitwixxi aspett tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-qorti hekk definita hija r-riżultat ta’ proċess. Huwa biss jekk il-proċedura segwita fit-twaqqif tal-qorti (i) kienet prevista mil-liġi u (ii) ġiet segwita fil-kawża speċifika, li l-qorti li tirriżulta minn dan hija “qorti preċedentement stabbilita bil-liġi”.

62.

Peress li l-kontenut tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jirrikjedi li s-sens u l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq stabbiliti fl-Artikolu 47 ikunu l-istess bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB. Għaldaqstant, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni kemm l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 34 ). Hekk kif jindika b’mod ċar l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni jista’ jipprovdi wkoll protezzjoni iktar estensiva.

63.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, “bħala prinċipju, il-ksur minn qorti tar-regoli nazzjonali dwar l-istabbiliment u l-kompetenza tal-korpi ġudizzjarji jikser l-Artikolu 6(1). Huwa għalhekk li l-Qorti tista’ teżamina jekk id-dritt nazzjonali ġiex irrispettat f’dan ir-rigward. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali li huma fl-ewwel lok il-qrati nazzjonali stess li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tqis li ma tistax tikkontesta l-interpretazzjoni tagħhom sakemm ma kienx hemm ksur flagranti tad-dritt nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 35 ).

64.

Għaldaqstant, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi u li dan il-ksur (ikkunsidrat individwalment) wassal ukoll għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB teżiġi ksur “flagranti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 36 ) jew “materjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 37 ) tad-dritt nazzjonali applikabbli. Huwa biss meta kien hemm “ksur flagranti” tad-dritt nazzjonali li ma għadux meħtieġ li jitkompla l-eżami sabiex jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjoni ġudizzjarja li tirriżulta minnħa ma kinitx twassal għal smigħ xieraq ( 38 ).

65.

Konsegwentement, kull irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra ma tistax titqies li tippreġudika suffiċjentement l-aspett tad-dritt għal smigħ xieraq li jikkostitwixxi d-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” sabiex tikser id-dritt għal smigħ xieraq ( 39 ). Għaldaqstant, it-tifsira tal-espressjoni “qorti stabbilita bil-liġi” għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tagħha.

66.

Din l-espressjoni tkopri mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza ta’ “qorti”, iżda wkoll il-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża, li tinkludi r-regoli li jirrigwardaw il-ħatra tal-Imħallfin ( 40 ). It-terminu “bil-liġi” jinkludi l-leġiżlazzjoni dwar l-istabbiliment u l-kompetenza tal-korpi ġudizzjarji kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ Mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża ( 41 ).

67.

Ir-raġuni għal dan l-aspett tad-dritt għal smigħ xieraq hija li jiġi evitat li s-setgħa eżekuttiva teżerċita setgħa diskrezzjonali assoluta fuq it-twaqqif ta’ qorti jew il-ħatra ta’ mħallfin u sabiex jiġi żgurat li dawn il-kwistjonijiet ikunu rregolati minn liġijiet ( 42 ). Fil-fatt, il-kunċett ta’ separazzjoni tas-setgħa eżekuttiva u tal-awtorità ġudizzjarja għandu rwol li dejjem qiegħed jikber fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 43 ). Dan il-kunċett jirrifletti l-prinċipju ta’ Stat tad-dritt, li huwa inerenti fis-sistema tal-KEDB kollha kemm hi, għaliex korp li ma jkunx ġie stabbilit skont ir-rieda tal-leġiżlatur neċessarjament ma jkollux il-leġittimità meħtieġa f’soċjetà demokratika sabiex jisma’ l-kawżi tal-individwi ( 44 ).

68.

Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar meta ksur tar-regoli li jirregolaw il-ħatra tal-Imħallfin iwassal fih innifsu għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

69.

Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti EDB, b’mod partikolari s-sentenza Ástráðsson tagħha, toffri dettalji importanti f’dan ir-rigward.

70.

F’dik is-sentenza, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-parteċipazzjoni ta’ Mħallef, maħtur bi ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin, f’kulleġġ ġudikanti li kkonstata reati kriminali imputabbli lir-rikorrent kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 45 ).

71.

Qabel ma jiġi eżaminat ir-raġunament tal-Qorti EDB, għandhom jiġu rrilevati l-fatti tal-kawża. Dik il-kawża kienet tirrigwarda proċedura ta’ ħatra ta’ 15-il Imħallef fi ħdan Qorti tal-Appell li kienet għadha kemm ġiet stabbilita fl-Islanda. Bħala prinċipju, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, kumitat indipendenti ta’ evalwazzjoni kompost minn ħames esperti (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Evalwazzjoni”) kien jagħżel il-15-il kandidat li l-iktar li kienu kkwalifikati u l-Ministru għall-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) ma setax jaħtar xi kandidat ieħor għajr il-15-il kandidat propost. Madankollu, b’deroga minn din ir-regola, il-Parlament seta’ jaċċetta proposta tal-Ministru li jinħatar kandidat partikolari li, minkejja li ma kienx jinsab fost l-aħjar 15-il kandidat magħżula, kien madankollu jissodisfa l-kriterji minimi sabiex jinħatar ( 46 ).

72.

Sebgħa u tletin persuna ppreżentaw il-kandidatura tagħhom, li 33 tagħhom ġew eżaminati mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Għalkemm il-Ministru talbet li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha lista ta’, pereżempju, 20 persuna li minn fosthom hija tkun tista’ tagħmel l-għażla tagħha, il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni baqa’ fidil lejn it-test tal-liġi u ppreżentalha lista li kienet tinkludi l-ismijiet tal-aħjar 15-il kandidat, ikklassifikati f’ordni tal-mertu, flimkien ma’ analiżi dettaljata ħafna tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. Il-Ministru xtaqet taħtar ċerti kandidati oħra fil-pożizzjonijiet ikkonċernati. Peress li qieset li kellu jingħata iktar piż lill-esperjenza ġudizzjarja u filwaqt li invokat il-Liġi dwar l-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet (l-“Liġi dwar l-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet Nru 10/2008”), hija ppreżentat lill-Kumitat tal-Affarijiet Kostituzzjonali u ta’ Superviżjoni tal-Parlament (il-“Constitutional and Supervisory Committee” jew “CSC”) lista li kienet tinkludi 11 biss mill-kandidati magħżula mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ( 47 ), peress li l-erba’ persuni l-oħra kienu kandidati tabilħaqq ikkwalifikati, iżda li ma kinux kandidati li għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni ( 48 ). Hija astjeniet milli titlob lill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni jwettaq evalwazzjoni ġdida abbażi tal-kriterji hekk emendati ( 49 ).

73.

Il-membri tal-Parlament li jifformaw iċ-CSC ivvotaw skont l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom fuq il-proposta tal-Ministru. Maġġoranza sostniet din il-proposta, filwaqt li l-minoranza esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-aġir tal-Ministru mar-regoli tad-dritt amministrattiv. Sussegwentement, il-proposta hekk approvata mill-maġġoranza taċ-CSC intbagħtet quddiem il-Parlament. Il-Membri tal-Parlament, li vvotaw strettament skont l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom, ċaħdu l-opinjoni tal-minoranza fiċ-CSC li kienet tfittex li twarrab il-proposta tal-Ministru. Sussegwentement, il-Membri tal-Parlament, li vvotaw mill-ġdid skont l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom, approvaw b’maġġoranza l-lista ta’ kandidati proposta mill-Ministru (il-vot kien fuq il-lista kollha kemm hi u mhux fuq kandidati meqjusa individwalment, kif kienet tipprevedi l-liġi). Minkejja li l-President tar-Repubblika qajjem dubji tal-aħħar minuta dwar il-proċedura segwita fi ħdan il-Parlament, huwa spiċċa sabiex iffirma l-ħatriet fil-Qorti tal-Appell tal-15-il kandidat proposti mill-Ministru ( 50 ).

74.

F’dak li jirrigwarda l-fatti ta’ dik il-kawża, ir-rikorrent, G. A. Ástráðsson, instab ħati minn qorti kriminali li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u taħt l-influwenza ta’ drogi. Huwa ġie kkundannat għal piena ta’ 17-il xahar priġunerija u għar-revoka tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal għomru. Sussegwentement, l-avukat tiegħu kkontesta l-preżenza, fil-kulleġġ ġudikanti magħmul minn erba’ Mħallfin, ta’ wieħed li ismu ma kienx jinsab fil-lista tal-15-il kandidat magħżula ppreżentata mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, filwaqt li ċċita b’mod partikolari s-sentenza FV. Madankollu, l-argumenti ta’ G. A. Ástráðsson ġew miċħuda kemm mill-Qorti tal-Appell kif ukoll mill-Qorti Suprema. Għaldaqstant, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Qorti EDB ( 51 ).

75.

Għandu jiġi rrilevat li qabel ma bdiet twettaq l-analiżi tagħha, il-Qorti EDB semmiet kemm is-sentenza FV kif ukoll is-sentenza Pascal Nobile tal-Qorti tal-EFTA ( 52 ).

76.

Sabiex tasal għall-konklużjoni li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti EDB qieset diversi elementi. L-ewwel nett, hija tat importanza kunsiderevoli liż-żewġ sentenzi tal-Qorti Suprema Islandiża dwar il-proċedura għall-ħatra tal-Imħallfin. Din il-qorti kienet diġà ddeċidiet f’żewġ okkażjonijiet, fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati mill-kandidati li kienu ġew proposti mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni iżda li ma ġewx maħtura ( 53 ), li l-Ministru kienet kisret il-proċedura ta’ ħatra meta neħħiet erba’ kandidati mil-lista tal-15-il kandidat li l-iktar li kienu kkwalifikati proposta mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u żiedet erba’ kandidati oħra (li ġew inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kumitat u meqjusa suffiċjentement ikkwalifikati, iżda li kienu kklassifikati fi grad li kien jeskludi l-ħatra tagħhom), mingħajr ma bbażat ruħha fuq dokumenti ġodda jew mingħajr ma wettqet evalwazzjoni indipendenti tal-fatti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Suprema Islandiża kienet tat kumpens għad-dannu mhux pekunjarju mġarrab mill-kandidati l-oħra (it-talba għal kumpens għad-dannu pekunjarju kienet ġiet miċħuda minn dik il-qorti, bl-istess mod kif ġie miċħud ir-rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni tal-Ministru li ma tinkludix l-imsemmija kandidati fil-lista tal-persuni li kellhom jinħatru) ( 54 ).

77.

It-tieni nett, il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kien fundamentali peress li kien jirrigwarda parti essenzjali mill-proċedura ta’ ħatra u l-qofol tal-proċess għas-selezzjoni tal-kandidati. Barra minn hekk, il-Ministru kienet konxja tas-sitwazzjoni u kienet għaldaqstant uriet nuqqas ta’ osservanza manifesta tar-regoli applikabbli ( 55 ).

78.

It-tielet nett, is-sentenza Ástráðsson enfasizzat li l-Parlament Islandiż ma kienx segwa l-proċedura prevista għall-ħatra tal-Imħallfin billi ma vvotax b’mod separat għall-ħatra ta’ kull kandidat. Issa, l-għan ta’ dan l-istadju tal-proċedura kien li tiġi żgurata l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja fil-konfront tal-eżekuttiv. Il-fatt li l-Parlament ma wettaqx il-missjoni tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli kien jikkostitwixxi difett serju supplimentari li jivvizzja l-proċedura ta’ selezzjoni ( 56 ). Nirrileva f’dan ir-rigward li, għalkemm il-Qorti EDB ma tagħmilx riferiment espress għal dan fir-raġunament tagħha dwar il-ksur tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi (iżda dan tabilħaqq espressament issemmih meta tesponi l-kuntest fattwali nazzjonali), il-voti suċċessivi, kemm fi ħdan iċ-CSC kif ukoll fil-Parlament, li approvaw il-proposta tal-Ministru, li kienet tirrifletti fedelment l-affiljazzjonijiet politiċi rispettivi tal-Membri tal-Parlament mitluba jipparteċipaw fiha ( 57 ).

79.

Għaldaqstant, il-Qorti EDB ikkonkludiet li min-natura tagħhom stess, l-istanzi ta’ ksur tal-proċedura inkwistjoni jikkostitwixxu ksur flagranti tar-regoli applikabbli, kemm min-naħa tal-eżekuttiv, li kien eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u kien naqas manifestament milli josserva dawn ir-regoli kif ukoll min-naħa tal-Parlament li kien naqas milli jaqdi d-dmir tiegħu li jiżgura li l-proċedura għal ħatra tosserva l-ekwilibriju bejn is-setgħa leġiżlattiva u s-setgħa eżekuttiva. Għaldaqstant, il-Qorti EDB iddeċidiet li din il-proċedura kienet ta’ natura li topera għad-detriment tal-fiduċja li s-setgħa ġudizzjarja għandha tnissel fil-pubbliku f’soċjetà demokratika u li għaldaqstant kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 58 ).

80.

Il-kawża Ástráðsson manifestament għandha ċerti punti komuni mas-sitwazzjoni li wasslet għall-kawżi suġġetti għal eżami mill-ġdid. Fiż-żewġ każijiet, il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin kienet tinkludi l-opinjoni ta’ kumitat indipendenti. Dan il-kumitat ippreżenta lista tal-kandidati li l-iktar li kienu kkwalifikati lis-setgħa eżekuttiva. Il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin ġiet ivvizzjata minn irregolarità mwettqa mill-eżekuttiv, li kien konxju li kien qiegħed jitbiegħed mill-proċedura prevista ( 59 ).

81.

Madankollu, il-paralleli jieqfu hemm.

82.

Il-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin fit-TSP hija vvizzjata b’irregolarità proċedurali waħda biss: mingħajr ma għamel sejħa ġdida għal kandidaturi għat-tielet pożizzjoni fit-TSP li f’dan il-waqt saret vakanti, il-Kunsill ħatar tliet kandidati minflok tnejn abbażi ta’ lista eżistenti, stabbilita sabiex jimtlew żewġ pożizzjonijiet. Madankollu, minkejja dan, il-Kunsill għalhekk għażel kandidati li isimhom kien jinsab fil-lista proposta mill-Kumitat ta’ Selezzjoni, li kienet tinkludi numru ta’ kandidati li kien jikkorrispondi għad-doppju tan-numru ta’ Mħallfin li fl-aħħar mill-aħħar inħatru mill-Kunsill (sitt kandidati għal tliet pożizzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar imtlew). Minkejja li ma kienx obbligat li jagħmel dan, il-Kunsill fil-fatt ħatar l-ewwel tliet persuni fil-lista, li l-Kumitat ta’ Selezzjoni kien ikklassifika f’ordni tal-mertu. Il-Kunsill evita l-proċedura prevista għal raġunijiet li kienu marbuta biss mal-ħin (fi kliem ieħor forsi għal konvenjenza amministrattiva) ( 60 ), it-TSP kellu jagħlaq il-bibien tiegħu inqas minn ħames xhur wara d-dħul fil-kariga tal-Imħallfin li kienu għadhom kemm inħatru ( 61 ).

83.

Min-naħa l-oħra, fil-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin deskritta fil-kawża Ástráðsson, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kien ippropona lista ta’ 15-il kandidat li l-iktar li kienu kkwalifikati għall-istess numru ta’ pożizzjonijiet. Il-Ministru neħħiet erba’ ismijiet minn din il-lista u żiedet magħha kandidati oħra li kienu pparteċipaw fil-proċedura u kienu tqiesu li kienu suffiċjentement ikkwalifikati, iżda inqas mill-15-il kandidat proposti. Billi għamlet hekk, il-Ministru eskludiet deliberatament erbgħa mill-kandidati magħżula (jiġifieri, erbgħa mill-kandidati li tqiesu li kienu l-iktar ikkwalifikati mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni), sabiex tissostitwixxihom b’kandidati oħra tal-għażla tagħha.

84.

F’dan l-istadju, għandu jiġi eżaminat bir-reqqa r-raġunament preċiż adottat mill-Qorti EDB fil-punti 102, 103 u 123 tas-sentenza tagħha (li fil-fehma tiegħi tikkostitwixxi l-veru qofol tal-analiżi ta’ dik il-qorti), li qiegħda niċċita hawnhekk in extenso:

“102.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tirrileva li mill-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti fir-rigward ta’ ksur ‘flagranti’ tad-dritt nazzjonali, jirriżulta li huma biss l-istanzi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qorti li huma ta’ natura fundamentali u li jifformaw parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja li jistgħu jitqiesu li jissodisfaw dan il-kriterju. Għalhekk, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ ksur ‘flagranti’ tad-dritt nazzjonali huwa marbut man-natura u mal-gravità tal-ksur allegat. Barra minn hekk, meta l-Qorti teżamina l-kwistjoni jekk l-istabbiliment ta’ qorti huwiex ibbażat fuq ksur ‘flagranti’ tad-dritt nazzjonali, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-punt jekk il-fatti mressqa quddiemha jipprovawx li l-ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-ħatra tal-Imħallfin kien deliberat jew, tal-inqas, kien jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza manifesta tad-dritt nazzjonali applikabbli [ara wkoll f’dan il-kuntest, is-sentenza FV, punt 77].

103.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tfakkar ‘ir-rwol tal-kunċett ta’ separazzjoni tas-setgħa eżekuttiva u tal-awtorità ġudizzjarja li dejjem qiegħed jikber fil-ġurisprudenza tagħha’ […]. Dan japplika wkoll għan-‘neċessità li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-ġudikatura’ […]. Konsegwentement, abbażi tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-suġġett u l-iskop tar-rekwiżit li qorti għandha dejjem tkun stabbilita bil-liġi, kif ukoll ir-rabta stretta ta’ dan ir-rekwiżit mal-prinċipju fundamentali ta’ Stat tad-dritt, il-Qorti għandha tħares lil hinn mill-apparenzi u tivverifika jekk ksur tar-regoli nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-ħatra tal-Imħallfin ħoloqx riskju reali li fergħat oħra tal-Istat, b’mod partikolari l-eżekuttiv, eżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita, li tipperikola l-integrità tal-proċess ta’ ħatra sa grad li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien ikkonċernat.

[…]

123.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti ma tistax ma tikkonkludix li l-proċess li permezz tiegħu A.E. nħatar Imħallef fil-Qorti tal-appell, fid-dawl tan-natura tal-istanzi ta’ ksur proċedurali tad-dritt nazzjonali, kif ikkonfermati mill-Qorti Suprema tal-Islanda, kien jikkostitwixxi ksur flagranti tar-regoli applikabbli fiż-żmien inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti tqis li dan il-proċess kien jinvolvi l-eżerċizzju, mill-fergħa eżekuttiva, ta’ setgħa diskrezzjonali indebita, li ma kinitx prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, fuq l-għażla ta’ erba’ Mħallfin fi ħdan il-Qorti tal-Appell il-ġdida, fosthom A.E., flimkien mal-fatt li l-Parlament naqas milli josserva l-iskema leġiżlattiva stabbilita preċedentement sabiex tiżgura ekwilibriju adegwat bejn il-fergħa eżekuttiva u l-fergħa leġiżlattiva fil-proċess ta’ ħatra. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti Suprema, il-Ministru tal-Ġustizzja aġixxiet bi ksur manifest tar-regoli applikabbli meta ddeċidiet li tissostitwixxi erbgħa mill-15-il kandidat, meqjusa fost l-iktar ikkwalifikati mill-Kumitat, b’erba’ kandidati oħra, meqjusa inqas ikkwalifikati, fosthom A.E. Għalhekk, dan il-proċess kien għad-detriment tal-fiduċja li l-ġudikatura għandha tnissel fil-pubbliku f’soċjetà demokratika u kiser l-essenza nnifisha tal-prinċipju li qorti għandha tkun stabbilita bil-liġi, jiġifieri wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Istat tad-dritt. Il-Qorti tenfasizza li kieku kellha tingħata deċiżjoni opposta fuq il-fatti ta’ dan il-każ, dan ikun jammonta għal kunsiderazzjoni li din il-garanzija fundamentali, stabbilita mill-Artikolu 6(1) tal-[KEDB], ma għandhiex protezzjoni effettiva. Konsegwentement, il-Qorti tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-[KEDB] f’dan il-każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

85.

Fil-fehma tiegħi, mill-punti tas-sentenza Ástráðsson li għadni kemm iċċitajt jirriżulta li, minkejja li għandu “jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt jekk il-fatti jipprovawx li l-ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-ħatra tal-Imħallfin kien deliberat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan l-element fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef tikkostitwixxi ksur flagranti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Wieħed għandu jħares lil hinn minn dan l-element meħud għalih waħdu u jivverifika jekk il-ksur tar-regoli applikabbli għall-ħatra tal-Imħallfin ħoloqx riskju reali li s-setgħat l-oħra, b’mod partikolari s-setgħa eżekuttiva, użaw il-prerogattivi tagħhom b’mod li jikkompromettu l-integrità tal-proċedura ta’ ħatra ( 62 ). Jekk dan ikun il-każ – jekk kien hemm “eżerċizzju, mill-fergħa eżekuttiva, ta’ setgħa diskrezzjonali indebita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (jew, fi kliem ieħor, proċess li “kien għad-detriment tal-fiduċja li l-ġudikatura għandha tnissel fil-pubbliku f’soċjetà demokratika u kiser l-essenza nnifisha tal-prinċipju li qorti għandha tkun stabbilita bil-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) – allura jkun hemm ksur “flagranti” tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi li jwassal fih innifsu għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

86.

Jekk din l-analiżi tiġi applikata għall-irregolarità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni ta’ ħatra inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistax jiġi raġonevolment konkluż li din l-irregolarità setgħet tkun għad-detriment tal-“fiduċja li l-ġudikatura għandna tnissel fil-pubbliku f’soċjetà demokratika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’differenza mill-fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza Ástráðsson, ma kienx hemm manipulazzjoni, mill-eżekuttiv, ta’ lista sabiex jiġu esklużi ċerti kandidati magħżula u sabiex jiġu ssostitwiti b’kandidati oħra. Permezz tal-irregolarità identifikata, is-setgħa eżekuttiv ma eżerċitatx is-setgħa tagħha b’mod li xxejjen il-proċess ta’ ħatra kollu kemm hu.

87.

Billi napplika l-kriterji stabbiliti mill-Qorti EDB fis-sentenza Ástráðsson, nikkonkludi li l-irregolarità speċifika li kienet tivvizzja l-ħatra tat-tliet Imħallfin fit-TSP, kif deskritta fis-sentenza FV u fis-sentenzi eżaminati mill-ġdid, ma kinitx ta’ natura, fiha nnifisha, li twassal għal “ksur flagranti” tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi rilevanti kollha, id-dritt għal smigħ xieraq ġiex osservat f’dan il-każ, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx. Huwa evidenti li kemm l-appelli tal-appellanti fil-kawżi suġġetti għal eżami mill-ġdid kif ukoll l-appell tal-appellanti FV kellhom l-appelli tagħhom ittrattati minn awla tat-TSP komposta minn persuni li kienu kompletament u debitament ikkwalifikati sabiex joqogħdu fiha f’din il-qorti u li ġew magħżula minn lista stabbilita mill-Kumitat ta’ Selezzjoni u ma ġie identifikat ebda żball ta’ natura li tinvalida t-trattazzjoni ta’ dawk il-kawżi mill-kulleġġ ġudikanti.

– Il-prinċipju ta’ ċertezza legali

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u billi jitqies debitament il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ser ngħaddi issa sabiex neżamina l-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali rabtet mal-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra, jiġifieri l-annullament tas-sentenzi tat-TSP fil-kawżi FV, HG u Simpson.

89.

Sa fejn naf jien, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li ġie stabbilit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 63 ), deher għall-ewwel darba fil-ġurisprudenza tagħha fil-bidu tas-snin 1960. F’dik l-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà bbilanċjat dan il-prinċipju mal-prinċipju ta’ legalità, u enfasizzat li l-kwistjoni dwar liema minn dawn il-prinċipji għandu jipprevali f’kull każ inkwistjoni tiddependi minn paragun tal-interess pubbliku mal-interessi privati inkwistjoni ( 64 ).

90.

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi, u jfittex li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 65 ). Huwa jidher taħt diversi forom fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippreżerva ċ-ċertezza, l-istabbiltà, l-unità u l-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 66 ). Huwa jikkostitwixxi l-għerq u l-bażi ta’ żewġ prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni li huma l-korollarji tiegħu: dak ta’ aspettattivi leġittimi ( 67 ) u dak ta’ awtorità ta’ res judicata ( 68 ).

91.

Fir-rigward tal-punt ta’ kuntatt bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, naqbel ma’ dak li kiteb id-Dekan Carbonnier: “dak li jagħti lis-sentenza l-valur sħiħ tagħha, is-superjorità tagħha fuq il-kompromess bejn żewġ litiganti li jista’ jipprova jasal għalih xi ħadd ta’ rieda tajba li jkun għaddej mit-triq, ma huwiex il-fatt li tkun konformi mal-verità assoluta (fejn hija l-verità?) – huwa l-fatt li l-Istat jagħtiha saħħa partikolari li tipprojbixxi li hija titqiegħed fid-dubju, għaliex jeħtieġ li jkun hemm tmiem għat-tilwimiet […] u dan jiggarantixxi stabbiltà, ċertezza u paċi fost il-bnedmin” [traduzzjoni libera] ( 69 ).

92.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha sabiex tippreżerva ċ-ċertezza legali. F’dak li jirrigwarda r-rikors għal annullament, din il-possibbiltà hija prevista espliċitament mill-Artikolu 264(2) TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet ukoll għal tali limitazzjoni f’kawżi ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni kif ukoll il-validità. Pereżempju, fis-sentenza Defrenne, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jikkonċernaw l-interessi kollha in kwistjoni, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jimpedixxu bħala regola li terġa’ titqajjem id-diskussjoni fuq il-ħlas […] għal perijodi […] li seħħew qabel id-data ta’ din is-sentenza, ħlief f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema li preċedentement ressqu azzjoni legali jew għamlu talba ekwivalenti” ( 70 ). Madankollu, huwa biss “f’każijiet għal kollox eċċezzjonali” li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ “b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, [hija kellha] tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji” ( 71 ).

93.

Il-Qorti tal-Ġustizzja invokat ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta ddeċidiet dwar kwistjonijiet relatati mal-irtirar ta’ atti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-irtirar ta’ att illegali huwa permess jekk iseħħ f’terminu raġonevoli u jekk l-istituzzjoni li minnha joriġina ħadet suffiċjentement inkunsiderazzjoni sa fejn ir-rikorrenti setgħet eventwalment ikollha aspettattivi fil-legalità tal-att; jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux osservati, l-irtirar jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi u għandu jiġi annullat ( 72 ).

94.

Il-Qorti EDB ukoll irrikonoxxiet il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minkejja li dan ma jidhirx espliċitament fil-KEDB.

95.

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, hija ddeċidiet li “dritt għal qorti” ma huwiex assolut u huwa suġġett għal limitazzjonijiet impliċitament aċċettati, b’mod partikolari sabiex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u ma jistgħux jirrestrinġu l-aċċess disponibbli għal individwu b’mod jew sal-punt li tiġi ppreġudikata l-essenza nnifisha tad-dritt tiegħu għal qorti ( 73 ).

96.

Il-Qorti EDB tat ukoll lilha nnifisha l-possibbiltà li tillimita ratione temporis l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħha meta qieset li “il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa neċessarjament inerenti fid-dritt tal-[KEDB] bħalma huwa fid-dritt [tal-Unjoni], jiddispensa [lill-Istat inkwistjoni] milli jqiegħed fid-dubju atti jew sitwazzjonijiet ġuridiċi li jippreċedu l-għoti ta’ din is-sentenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 74 ). Dan il-prinċipju, kif implimentat mill-Qorti EDB ikopri l-aspetti ta’ stabbiltà u ta’ prevedibbiltà li huwa jimplika b’mod inerenti ( 75 ).

97.

Issa ser neżamina l-kwistjoni jekk meta tiġi kkonstatata irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra ta’ Imħallef, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludix l-annullament awtomatiku, minħabba din l-irregolarità, tas-sentenzi mogħtija minn dan l-Imħallef jew bil-parteċipazzjoni tiegħu.

98.

Minn eżami ta’ malajr u bilfors mhux komprensiv tal-ġurisprudenza rilevanti jirriżulta li tali konsegwenza awtomatika ma tirriżultax mit-tradizzjonijiet ġuridiċi komuni għall-Istati Membri. Għall-kuntrarju: fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ wħud minn dawn tal-aħħar jeżistu mekkaniżmi ta’ bbilanċjar tad-dritt għal qorti stabbilita b’liġi, minn naħa, u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, min-naħa l-oħra. Iktar ’il quddiem ser nagħti xi eżempji tas-soluzzjonijiet adottati li jidhirli li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni, filwaqt li jiena konxja tal-fatt li l-lista ma hijiex eżawrjenti u li s-soluzzjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn qasam tad-dritt għal ieħor, b’mod partikolari fid-dritt kriminali.

99.

Għaldaqstant, fi Franza, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ digrieti li jaħtru tliet Imħallfin, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda f’żewġ sentenzi ewlenin li l-annullament retroattiv immedjat tal-ħatra ta’ dawn l-Imħallfin jikkawża preġudizzju “manifestament eċċessiv” għall-funzjonament tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja. Konsegwentement, huwa ddeċieda li d-deċiżjoni li tannulla l-ħatra ta’ dawn l-Imħallfin tidħol fis-seħħ biss diversi ġimgħat wara. Sabiex iddeċieda b’dan il-mod, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li għalkemm “l-annullament ta’ att amministrattiv jimplika, bħala prinċipju, li dan l-att jitqies li qatt ma seħħ”, meta “ikun jidher li dan l-effett retroattiv tal-annullament huwa ta’ natura li jwassal għal konsegwenzi manifestament eċċessivi kemm minħabba l-effetti li pproduċa dan l-att u s-sitwazzjonijiet li setgħu nħolqu meta kien fis-seħħ kif ukoll minħabba l-interess ġenerali li jista’ jkun hemm fiż-żamma temporanja tal-effetti tiegħu, il-qorti amministrattiva għandha […] tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-konsegwenzi tar-retroattività tal-annullament għad-diversi interessi pubbliċi jew privati inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-inkonvenjenzi li tippreżenta limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-annullament fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità u tad-dritt tal-partijiet f’kawża għal rimedju effettiv” ( 76 ).

100.

Jidhirli wkoll li huwa interessanti l-approċċ segwit fl-Ingilterra u Wales (ma nqisx lili nnifsi kompetenti sabiex nitkellem dwar partijiet oħra tar-Renju Unit), tal-inqas minħabba l-prammatiżmu tiegħu. Dan l-ordinament ġuridiku jirrikonoxxi l-prinċipju ta’ “Imħallef de facto”, li bis-saħħa tiegħu l-atti ta’ Mħallef jistgħu jibqgħu validi fid-dawl tal-liġi, anki jekk il-ħatra ta’ dan tal-aħħar hija invalida u mingħajr ebda effett legali. Għaldaqstant, f’kawża inizjalment ittrattata mill-High Court of Justice, Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, Sezzjoni tal-Queen’s Bench, ir-Renju Unit) minn Imħallef li ma kellux il-kompetenza sabiex joqgħod fiha, ir-rikorrenti kienet ikkontestat (fl-ewwel istanza) il-kompetenza tal-Imħallef sabiex joqgħod fiha u talbet (fl-appell) jekk din is-sitwazzjoni kinitx konformi mad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ minn qorti “stabbilita bil-liġi”. Skont is-sentenza, ferm twila, tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit), il-prinċipju ta’ “Imħallef de facto” jista’ jirrendi validi kemm l-atti tal-Imħallef ikkonċernat kif ukoll l-istabbiliment innifsu tal-qorti b’mod li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Mir-raġunament tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) jirriżulta li dan il-prinċipju huwa intiż li jipproteġi kull persuna li tippreżenta rikors quddiem qorti billi jqis li din hija qorti debitament ikkostitwita. Il-loġika tal-prinċipju hija li jiġu ppreżervati l-ħeffa, iċ-ċertezza legali, l-istabbiltà u l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġuridika kif ukoll li jiġi evitat li jseħħu tilwimiet dwar il-formalitajiet tal-ħatra. Madankollu, il-prinċipju ta’ “Imħallef de facto” ma japplikax għall-persuni li jkunu pparteċipaw f’tali kulleġġ ġudikanti, filwaqt li jkunu konxji tal-assenza ta’ kompetenza tagħhom f’dan ir-rigward (persuni li jissejħu “użurpaturi”). Id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-persuni huma invalidi ( 77 ).

101.

Fil-Ġermanja, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) kellha l-opportunità tispeċifika li minkejja l-importanza fundamentali tiegħu għall-partijiet f’kawża, id-dritt għall-“qorti legali”, kif stabbilit mill-Kostituzzjoni Ġermaniża, bħala prinċipju jfittex biss li jiġi evitat ir-riskju ta’ manipulazzjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji. Billi ssostni dan l-approċċ, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) enfasizzat espressament li tali limitazzjoni tad-dritt “assolut” għall-“qorti legali” hija ġġustifikata fid-dawl taċ-ċertezza legali ( 78 ).

102.

Fir-Repubblika Ċeka, fil-kuntest tal-istħarriġ prinċipali tal-assenjazzjoni ta’ Mħallef fin-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) li wassal għall-annullament ta’ din l-assenjazzjoni minħabba difett proċedurali, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li żżomm id-deċiżjonijiet mogħtija mill-awla li fiha kien joqgħod l-Imħallef inkwistjoni, billi għalhekk tat preċedenza lill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini fid-dritt u ta’ protezzjoni tal-bona fides ( 79 ).

103.

Fi Spanja, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) iddeċidiet li l-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-ħatra jew l-għażla ta’ Mħallef la jwasslu għan-nullità tal-proċedura kollha kemm hi u lanqas ma jwasslu għan-nullità tas-sentenza mogħtija minn dan l-Imħallef ( 80 ). Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali ( 81 ). Madankollu, l-istess ġurisprudenza tagħmel distinzjoni ċara fil-każ ta’ dubji dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-Imħallef ikkonċernat ( 82 ). Fil-fatt, jekk dawn l-elementi jkunu neqsin, l-annullament tas-sentenza jista’ jkun iġġustifikat.

104.

Għaldaqstant, f’diversi Stati Membri, id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi ma jitqiesx li huwa assolut, b’mod li kull indħil fir-rigward ta’ dan id-dritt ma jwassalx awtomatikament għall-annullament ta’ kull sentenza li fiha jkun ipparteċipa l-Imħallef ikkonċernat. It-tendenza li tirriżulta pjuttost tikkonsisti fit-tentattiv li jinsab bilanċ xieraq bejn dan id-dritt, minn naħa, u taċ-ċertezza legali, min-naħa l-oħra.

105.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar kif għandu jsir dan l-ibbilanċjar meta tiġi kkonstatata irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef li jkun qagħad f’kawża partikolari.

106.

Fil-fehma tiegħi, kollox jiddependi min-natura tal-irregolarità inkwistjoni.

107.

Ma iniex ser nipprova nifformula lista eżawrjenti tal-irregolaritajiet possibbli. Fil-fatt, jidhirli li teżisti serje sħiħa ta’ irregolaritajiet, li jvarjaw mill-iżball proċedurali li huwa verament “de minimis” sal-ksur flagranti tal-kriterji essenzjali li jirregolaw il-ħatra tal-Imħallfin. L-ewwel kategorija ta’ irregolaritajiet tinkludi, pereżempju, iċ-ċirkustanza fejn l-ittra ta’ ħatra tal-Imħallef messha kellha fuqha, wara l-firma tal-Ministru responsabbli, timbru bil-linka ħadra, iżda, fl-għaġġla li kellu, assistent żbalja l-kontenitur tal-linka u l-linka użata ma kinitx ħadra iżda kienet blu. Eżempju tat-tieni kategorija ta’ irregolaritajiet huwa l-manipulazzjoni tal-proċedura minn politiċi inkarigati bil-għan li jiksbu l-ħatra, bħala Mħallef, ta’ xi persuna li tkun fidila lejhom, li ma jkollhiex il-lawrja fid-dritt meħtieġa mis-sejħa għal kandidaturi iżda li mingħajr ebda dubju tikkundanna lil kwalunkwe persuna opposta għall-Gvern għall-priġunerija għal għomorha.

108.

Jidhirli li l-kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB analizzata iktar ’il fuq għandu importanza partikolari ħafna hawnhekk.

109.

Meta jkun hemm ksur “flagranti” tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi li jkun għad-detriment tal-fiduċja li l-ġudikatura għandha tnissel fil-pubbliku f’soċjetà demokratika, huwa ċar li huwa neċessarju li s-sentenzi affettwati minn din l-irregolarità għandhom, purament u sempliċement, jiġu annullati. Min-naħa l-oħra, meta l-irregolarità inkwistjoni hija inqas gravi u ma tikkostitwixxix tali ksur, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jippermettix l-annullament awtomatiku ta’ dawn is-sentenzi. Minflok, is-sitwazzjoni għandha tiġi eżaminata iktar fil-fond, billi jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju importanti. F’ċerti każijiet speċifiċi, dan il-prinċipju jista’ jwarrab id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi ( 83 ). Madankollu, jekk jidher li s-sustanza stess tad-dritt għal smigħ xieraq huwa ppreġudikat, ikun imperattiv li dan id-dritt jingħata prijorità fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u jannulla s-sentenza inkwistjoni.

110.

Fil-fehma tiegħi, l-irregolarità inkwistjoni f’dawn il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, għalkemm bla dubju iktar serja minn sempliċi żball rigward il-kulur tal-linka użata, ma hijiex irregolarità li tista’ tkun ikkaratterizzata bħala “ksur flagranti tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi”.

111.

Konsegwentement, meta ddeċidiet li l-irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin tat-TSP kienet ta’ natura li tikser id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi, u li għaldaqstant, is-sentenzi inkwistjoni għandhom jiġu awtomatikament annullati, mingħajr ma tfittex li twettaq ibbilanċjar ta’ dan l-ewwel prinċipju mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi gravi fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid (bħalma għamlet fis-sentenza FV).

Fuq it-tieni aspett tal-problematika identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja: l-istħarriġ “inċidentali” tal-legalità tal-ħatra ta’ Mħallef

112.

Nirrileva qabelxejn li fis-sentenza Simpson, il-Qorti Ġenerali li aġixxiet ex officio staqsiet lill-partijiet x’kienu l-konsegwenzi li kellhom jinsiltu mis-sentenza FV ( 84 ); filwaqt li fil-kawża HG, kien l-appellant innifsu li qajjem il-kwistjoni tal-eventwali irregolarità fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti ( 85 ).

113.

Qabel ma nindirizza l-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta, bħala qorti tal-appell, wettqet stħarriġ ex officio tal-ħatra tal-Imħallfin fil-kulleġġ ġudikanti tal-ewwel istanza, ser neżamina jekk, f’dan il-kuntest, hija kinitx awtorizzata twettaq stħarriġ inċidentali abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, għaliex dan is-suġġett ġie ddibattut b’mod imqanqal waqt is-seduta.

Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 277 TFUE

114.

L-Artikolu 277 TFUE jipprevedi l-possibbiltà ta’ stħarriġ inċidentali tal-atti tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ iseħħ mhux permezz ta’ rikors awtonomu iżda ta’ proċedura inċidentali quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors prinċipali ( 86 ). Tali possibbiltà hija l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali li huwa intiż li jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta att tal-Unjoni li jservi bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwaha b’mod ħażin ( 87 ).

115.

Ma jiniex ser nidħol fil-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 277 TFUE jissuġġetta l-possibbiltà li titqajjem “eċċezzjoni ta’ illegalità”, bħal dik li teħtieġ li l-persuna li tqajjem tali eċċezzjoni tkun “parti” ( 88 )“parti” f’“tilwima” li tikkostitwixxi l-azzjoni prinċipali. Ngħaddi direttament għal dik li hija l-iktar waħda rilevanti għal dawn il-kawżi. Eċċezzjoni ta’ illegalità tista’ titqajjem biss sabiex jiġi kkontestat att ta’ “applikazzjoni ġenerali” adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni ( 89 ).

116.

Għaldaqstant, id-definizzjoni tan-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ ħatra ssir stadju neċessarju sabiex jiġu stabbiliti l-mezzi disponibbli għall-istħarriġ tagħha. Din in-natura ġuridika hija ddefinita fl-ewwel lok mill-awtur tal-att: il-Kunsill. Din hija għalhekk att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, kuntrarjament għall-ħatra tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li ssir bi qbil komuni bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 253 TFUE.

117.

Din in-natura ġuridika hija ddefinita sussegwentement mill-klassifikazzjoni li jagħtiha d-dritt primarju tal-Unjoni: “deċiżjoni”. Din hija għalhekk att tad-dritt sekondarju, adottat mhux skont il-proċedura leġiżlattiva “ordinarja”, iddefinita mill-Artikolu 289(1) TFUE, iżda skont il-proċedura speċjali prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE, flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

118.

Il-ġurisprudenza fasslet il-kunċett ta’ att ta’ portata ġenerali. Huwa jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-att inkwistjoni japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċi l-effetti legali tiegħu fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt ( 90 ). Min-naħa l-oħra, l-istess formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE teskludi l-atti li ma humiex ta’ portata ġenerali, jiġifieri d-deċiżjonijiet li d-destinatarju tagħhom huwa individwu ( 91 ). Huwa minnu li, f’kawżi li jirrigwardaw il-kontestazzjoni tal-elezzjonijiet jew tal-għażla ta’ persuni eletti fil-kumitat lokali tal-persunal tal-Lussemburgu ( 92 ) jew ta’ ċaħda ta’ kandidatura mill-Kunsill ( 93 ), il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ inċidentali. Iż-żewġ kawżi kienu jirrigwardaw atti ta’ portata ġenerali li kienu servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-atti kkontestati (l-istatut tal-kumitat lokali tal-persunal tal-Lussemburgu ( 94 ) jew avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jsejjaħ għal kandidaturi) ( 95 ).

119.

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li allegata illegalità tagħha hija eċċepita; l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ inkwistjoni li jkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni ( 96 ).

120.

Huwa possibbli li jitqies li d-deċiżjoni ta’ ħatra għandha natura doppja, in-natura ta’ att individwali (fir-rigward tal-persuni maħtura) u n-natura ta’ att ta’ portata ġenerali (minħabba l-effetti li hija tipproduċi fir-rigward tal-partijiet f’kawża fl-Unjoni), kif sostnew il-Kummissjoni u HG waqt is-seduta?

121.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li att tal-Kunsill jista’ jkollu natura doppja u jikkostitwixxi fl-istess ħin att ta’ portata ġenerali, sa fejn ikun indirizzat lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt (pereżempju, att li jipprojbixxi li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi inklużi fl-annessi tal-atti inkwistjoni), u sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali (fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet) ( 97 ). Dan it-tip ta’ att jikkorrispondi effettivament għad-definizzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali, sa fejn (i) jipproduċi l-effetti legali tiegħu fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt, (ii) huwa applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ inkwistjoni li huwa s-suġġett tar-rikors u (iii) għandu rabta legali diretta mad-deċiżjoni individwali kkontestata.

122.

Ma naħsibx li dan huwa l-każ tad-deċiżjoni ta’ ħatra.

123.

L-ewwel nett, id-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ Mħallef ma tistax tiġi kkaratterizzata b’mod ġeneriku bħala att applikabbli għall-każ inkwistjoni li huwa s-suġġett ta’ rikors. It-tieni nett, id-deċiżjoni ta’ ħatra ma għandha ebda rabta legali diretta (jew indiretta) mad-deċiżjonijiet individwali kkontestati mill-appellanti quddiem it-TSP (għall-kawża Simpson, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-avvanz għall-grad AD 9; u, għall-kawża HG, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tripartitika li imponiet sanzjoni dixxiplinari fuqu u kkundannatu jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-Kummissjoni). It-tielet nett, l-atti individwali kkontestati hawnhekk quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex deċiżjonijiet individwali li huma s-suġġett ta’ rikors, iżda huma sentenzi li huma s-suġġett ta’ appelli. Ir-raba’ nett, id-deċiżjoni ta’ ħatra ma tirrigwardax “kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt”; u l-partijiet f’kawża kollha fl-Unjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tat-TSP lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma tali kategorija ta’ persuni “meqjusa” mid-deċiżjoni ta’ ħatra. Il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-ĠU ma jistax jibdel in-natura ġuridika tagħha. Għaldaqstant, bħala eżempju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma wkoll ippubblikati fil-ĠU, iżda dan ma jfissirx li huma jikkostitwixxu atti ta’ portata ġenerali.

124.

Għaldaqstant, inqis li d-deċiżjoni ta’ ħatra ma tistax titqies li hija att ta’ portata ġenerali li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ inċidentali tal-legalità abbażi tal-Artikolu 277 TFUE.

125.

Madankollu, dan ma jfissirx li rikorrent ma jkunx jista’ jitlob stħarriġ ta’ eventwali irregolarità fil-ħatra ta’ membru f’kulleġġ ġudikanti li lilu tiġi assenjata l-kawża tiegħu. Ladarba r-rikors tiegħu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa jista’ jinvoka d-drittijiet iggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tagħha. F’din il-perspettiva, wieħed ma jkunx qiegħed fil-kuntest ta’ “stħarriġ inċidentali”stricto sensu. Dan ma huwiex il-każ ta’ stħarriġ tad-deċiżjoni ta’ ħatra, iżda pjuttost ta’ eżami ta’ jekk kienx hemm ksur tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Mħallef, fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti, li l-proċedura ta’ ħatra tiegħu tkun milquta minn irregolarità.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt fis-sentenza FV

126.

Sabiex twettaq l-eżami tar-regolarità tal-ħatra tal-Imħallfin fis-sentenza FV kif ukoll fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et ( 98 ).

127.

Għaldaqstant, hija qieset li “meta tqum kontestazzjoni fir-rigward tar-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza li ma tkunx manifestament nieqsa mis-serjetà, il-qorti tal-appell tkun obbligata tivverifika r-regolarità tiegħu. Fil-fatt, motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kulleġġ ġudikanti jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat ex officio, anki fil-każ li din l-irregolarità ma tkunx ġiet invokata fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-[sentenza Chronopost], punti 44 sa 50)” ( 99 ).

128.

Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid hija żbaljata peress li tonqos milli tosserva l-portata tas-sentenza Chronopost u l-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

129.

F’din il-kawża, sentenza inizjali tal-Qorti Ġenerali kienet ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, din tal-aħħar assenjat l-kawża lil kulleġġ ġudikanti li l-Imħallef Relatur tiegħu kien l-istess Imħallef li kien kiteb l-abbozz tas-sentenza inizjali appellata. Il-partijiet kienu sussegwentement esprimew dubji dwar ir-regolarità tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest tal-appell ulterjuri (ġdid), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-argumenti fuq il-mertu ( 100 ).

130.

Qabel ma tipproċedi għal dan l-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[…] kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, perezz tal-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxi tali tribunal indipendenti u imparzjali meta fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li fil-bidu ma tidhirx bħala waħda [manifestament] mhux serja. Din il-verifika hija neċessarja għall-aspettattivi li t-tribunali ta’ soċjetà demokratika għandhom jissollevaw lill-individwu […]. Minn dan jirriżulta li jekk, fil-kuntest ta’ appell, fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li mhijiex, bħal fil-kawża preżenti, manifestament mingħajr element serju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tivverifika r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jkun ta s-sentenza kkontestata” ( 101 ).

131.

Fil-fatt, l-approċċ fis-sentenza Chronopost huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq. Il-kontenut ta’ dan id-dritt, kif iddefinit mis-sentenza Chronopost, jikkorrispondi għall-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u għall-Artikolu 47(2) tal-Karta: “kull persuna għandha tkun tista’ tinstema’ b’mod xieraq, pubblikament u f’terminu raġonevoli, minn tribunal indipendenti u imparzjali, stabbilit mil-liġi” (enfasi miżjuda minni) ( 102 ).

132.

Fil-kuntest tas-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid, kif ukoll fis-sentenza FV, il-Qorti Ġenerali indirizzat l-eżami tar-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti tat-TSP li ta dawk is-sentenzi mill-perspettiva ta’ eventwali irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tiegħu, li tikkonċerna l-kundizzjoni li tirrikjedi qorti stabbilita bil-liġi ( 103 ).

133.

Issa, minn qari tas-sentenza Chronopost, jidher li l-obbligu ta’ kull qorti li teżamina ex officio, bħala motiv ta’ ordni pubbliku, ir-regolarità tal-kompożizzjoni tagħha “meta fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li fil-bidu ma tidhirx bħala waħda [manifestament] mhux serja” tikkonċerna l-aspetti tal-indipendenza u tal-imparzjalità ( 104 ). Għaldaqstant, meta qorti tal-Unjoni tibgħat kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti partikolari b’Imħallef Relatur partikolari ( 105 ), hija għandha tivverifika li, fid-dawl tal-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ, minn naħa, u tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni, min-naħa l-oħra, ma jista’ jqum l-ebda dubju raġonevoli dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawk li huma msejħa sabiex jagħtu deċiżjoni f’dik il-kawża.

134.

L-aspett tad-dritt għal smigħ xieraq li jikkorrispondi għad-dritt għal smigħ minn qorti stabbilita bil-liġi, invokat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tas-sentenza Chronopost, ma jissemmiex fil-punt 46 et seq. ta’ din is-sentenza. Ma naħsibx li l-Awla Manja fformulat ir-raġunament tagħha b’dan il-mod bi żball jew aċċidentalment.

135.

Il-punt 45 jirrepeti biss il-formulazzjoni sħiħa tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Sussegwentement, il-punti 46, 47 u 48 jeżaminaw il-kwistjoni importanti tal-istħarriġ ex officio tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti, imsejjaħ sabiex jaqta’ tilwima partikolari. Il-kwistjoni jekk qorti kinitx tabilħaqq “stabbilita bil-liġi” ma hijiex eżaminata iktar ’il quddiem. Jekk din il-kwistjoni hija rilevanti, hija tista’ evidentement titqajjem – bħal fil-kawża FV – minn parti li jkollha dubji f’dan ir-rigward.

136.

Għaldaqstant, jidhirli li meta bbażat ruħha fuq is-sentenza Chronopost sabiex tistħarreġ ir-regolarità tal-ħatra tal-Imħallfin li qagħdu fil-kulleġġ ġudikanti tal-ewwel istanza mill-perspettiva tal-garanzija tad-dritt ta’ qorti stabbilita bil-liġi, is-sentenza FV u, konsegwentement, is-sentenzi li qed jiġu eżaminati mill-ġdid, eċċedew il-portata tas-sentenza Chronopost.

Il-possibbiltà li jitwettaq stħarriġ tar-regolarità tal-ħatra ta’ Mħallef

137.

L-att tal-Kunsill li jaħtar l-Imħallfin fit-TSP huwa att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni bbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn l-atti jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità ( 106 ).

138.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ttrasponiet il-kriterju relatat mal-istħarriġ ex officio tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qrati (“meta fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li fil-bidu ma tidhirx bħala waħda [manifestament] mhux serja” ( 107 )) għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-ħatra ta’ Mħallef permezz ta’ att tal-Kunsill li jgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità kienx jew le vvizzjat b’irregolarità. Fil-fehma tiegħi, din il-preżunzjoni ta’ legalità tirrifletti wkoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jfittex li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 108 ).

139.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ provi li, mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru li jikkompromettu l-validità tad-deċiżjoni ta’ ħatra, qorti ma hijiex obbligata teżamina hija stess tali kwistjoni fuq inizjattiva tagħha stess ( 109 ). Sabiex ngħid dan b’mod saħansitra iktar ċar, fil-kuntest tal-qrati tal-Unjoni, wara l-udjenza solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li matulha jieħu l-ġurament kull Membru ġdid, il-qorti li fiha huwa jkun ser joqgħod ma hijiex obbligata ex officio li teżamina bl-ikbar reqqa l-proċedura kollha li tkun wasslet għall-ħatra tiegħu, inkluż ir-raġunament punt b’punt tad-deċiżjoni ta’ ħatra, sabiex tiżgura ruħha mill-validità tagħha.

140.

Parti f’tilwima tista’ tikkontesta l-validità tal-ħatra ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti adit bir-rikors tagħha, kif kien il-każ fil-kawża FV. Din il-kontestazzjoni għandha sseħħ malli l-parti tirrealizza li l-elementi meħtieġa għal dan il-għan huma ssodisfatti, jiġifieri (i) l-(allegata) irregolarità li tivvizzja l-proċedura tal-ħatra u (ii) il-fatt li l-imħallef (jew l-imħallfin) ikkonċernat minn din l-allegata irregolarità jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti adit bir-rikors tiegħu. Normalment, din il-kontestazzjoni għandha titressaq quddiem il-qorti inkwistjoni. Għalhekk, kontestazzjoni bħal din għandha titqajjem kemm jista’ jkun malajr u mhux biss jekk id-deċiżjoni fl-ewwel istanza tkun sfavorevoli. Madankollu, f’ċerti każijiet jista’ jkun iġġustifikat (fit-termini għat-tressiq ta’ appell previst mil-liġi) li tqajjem din il-problema biss quddiem il-qorti tal-appell (pereżempju, meta din tqum wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza). Madankollu, iktar ma dan il-pass iseħħ f’data mbiegħda minn dik tal-ħatra tal-Imħallef, iktar hemm ċans li jieħu preċedenza l-prinċipju ta’ ċertezza legali fuq il-prinċipju ta’ qorti stabbilita bil-liġi, fl-ibbilanċjar li għandu jitwettaq mill-qorti inkwistjoni. Sakemm l-irregolarità inkwistjoni ma tkunx suffiċjentement gravi sabiex tiġi kklassifikata bħala “ksur flagranti” jew sabiex tipperikola l-essenza nnifisha tad-dritt għal smigħ xieraq, huwa probabbli li jipprevalu n-neċessità li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-awtorità ta’ res judicata.

141.

Fis-sentenza FV, u għaldaqstant, fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali sempliċement naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha l-effett tal-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata.

142.

Għaldaqstant, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball serju meta stħarrġet ir-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti tat-TSP mill-perspettiva tar-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tiegħu u meta sussegwentement annulat awtomatikament is-sentenzi appellati, mingħajr ma qabel ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi importanti.

Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

143.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(2) TFUE, ma jinkludu ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “unità” u ta’ “koerenza” tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, jidhirli li għandu jiġi kkonstatat preġudizzju għall-unità tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, meta l-Qorti Ġenerali tkun naqset milli tosserva regoli jew prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari, filwaqt li għandu jitqies li jkun hemm preġudizzju għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni pjuttost meta l-Qorti Ġenerali tkun naqset milli tosserva ġurisprudenza eżistenti tal-qrati tal-Unjoni ( 110 ).

144.

Is-sentenzi ta’ eżami mill-ġdid mogħtija sal-lum mill-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu li jiġu identifikati erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni li huma utli għad-determinazzjoni ta’ eventwali preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni: l-ewwel nett, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni; it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja; it-tielet nett, l-iżbalji tal-Qorti Ġenerali jikkonċernaw kunċett li ma jaqax esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda li huwa applikabbli indipendentement mill-qasam inkwistjoni; u, ir-raba’ nett, ir-regoli jew il-prinċipji li tkun naqset milli tosserva l-Qorti Ġenerali għandhom post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 111 ). Dawn il-kriterji, li jistgħu jitqiesu “kollha f’daqqa” ( 112 ), ma humiex kumulattivi u għalhekk ma għandhomx bilfors jiġu ssodisfatti kollha kemm huma sabiex jiġi kkonstatat preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni ( 113 ).

Fuq l-ewwel kriterju

145.

Skont l-ewwel kriterju, sabiex jiġi kkonstatat preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni hemm bżonn li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tkun tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni.

146.

Għalkemm it-TSP ma għadux jeżisti u għalkemm id-deċiżjoni ta’ ħatra kienet l-aħħar waħda ta’ dan it-tip, l-evoluzzjoni tal-kawżi FV, Simpson u HG turi biċ-ċar il-mod kif din il-ġurisprudenza tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi fil-ġejjieni. Għaldaqstant, l-approċċ adottat fis-sentenza FV ġew adottati mis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid. Għalkemm is-sentenzi l-oħra mogħtija mill-kulleġġ ġudikanti inkwistjoni fis-sentenza FV, sa fejn naf jien, saru definittivi jew ġew appellati mingħajr ma tqajjem aggravju bbażat fuq l-irregolarità tad-deċiżjoni ta’ ħatra, il-preċedent stabbilit minn dawk il-kawżi jeċċedi l-portata ta’ dan il-kontenzjuż partikolari. Jidhirli li l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mis-sentenza Chronopost, fis-sens li r-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti hija suxxettibbli għal stħarriġ inċidentali, kif ukoll in-nuqqas ta’ osservanza totali tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn eventwali irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra ta’ Mħallef, jidhirli li f’kawżi fil-ġejjieni jistgħu jfixklu l-analiżi korretta tal-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi”, li din l-analiżi tiġi kkunsidrata konformement mal-approċċ tal-preċedent fil-common law jew, skont it-tradizzjoni tad-dritt ċivili, billi jintużaw kawżi solvuti preċedentement bħala għodod ta’ interpretazzjoni.

147.

Barra minn hekk, il-konsegwenzi tas-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid u tas-sentenza FV għal tali kawżi jistgħu jinxterdu kważi infinitament. Hawnhekk infakkar li diġà hemm appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkontesta r-regolarità tal-kompożizzjoni ta’ awla tal-Qorti Ġenerali li fiha qagħad wieħed mill-Imħallfin maħtura fit-TSP permezz tad-deċiżjoni ta’ ħatra ( 114 ). Barra minn hekk, nirrileva li dawn il-konsegwenzi jeċċedu l-limiti ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jidher li r-rikorrent fil-kawża Ástráðsson invoka s-sentenza FV quddiem il-qrati Islandiżi insostenn tal-argument tiegħu, li s-sentenzi mogħtija minn Imħallef li l-ħatra tiegħu ma hijiex konformi mal-qafas leġiżlattiv għandhom jiġu annullati ( 115 ).

Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ kriterji

148.

Fis-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva, l-ewwel nett, l-effett tal-irregolarità li taffettwa l-proċedura ta’ ħatra fuq id-dritt għal smigħ xieraq fid-dimensjoni tiegħu relatata mad-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, it-tieni nett, il-portata tal-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-effett tagħhom fuq il-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-ħatra ta’ Mħallef fil-kuntest ta’ proċedura li ma tirrigwardax il-validità tad-deċiżjoni ta’ ħatra.

149.

L-importanza ta’ dawn ir-regoli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija evidenti u kienet is-suġġett ta’ eżami ddettaljat. Għalkemm in-natura tal-kawżi ttrattati mill-Qorti Ġenerali u l-kwistjonijiet imqajma qatt ma kienu ġew ittrattati qabel u għalkemm ma kienx hemm ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ tar-regolarità tal-ħatra tal-Imħallfin fit-TSP, jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata tosserva l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-drittijiet u prinċipji, kif preċedentement esposta f’dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, huwa ċar li dawn ir-regoli, drittijiet u prinċipji ma jaqgħux esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda huma applikabbli, indipendentement mis-suġġet tal-kawża, għal kull relazzjoni ġuridika li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għaliex huma ta’ natura fundamentali u trażversali.

150.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minħabba l-iżbalji mwettqa fil-kuntest tal-appelli li bihom hija kienet adita u minħabba l-konsegwenzi li hija siltet minnhom fir-rigward tal-eżitu ta’ dawk l-appelli, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u kisret regoli li għandhom importanza partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma applikabbli indipendentement mis-suġġet tal-kawża.

151.

Għal dawn ir-raġunijiet esposti minni, inqis li l-kriterji kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-effetti tal-eżami mill-ġdid

152.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, meta tibgħat il-kawża lura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandhom jitqiesu li huma definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Eċċezzjonalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni definittiva hija stess, jekk, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tat-tilwima toħroġ mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

153.

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni fir-rigward taż-żewġ tilwimiet inkwistjoni f’dan il-każ ( 116 ).

L-effetti tal-eżami mill-ġdid fuq is-sentenza Simpson

154.

Permezz tas-sentenza Simpson, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet tat-TSP kollu kemm hu minħabba ksur tal-“prinċipju ta’ qorti legali” mingħajr ma eżaminat iktar ’il quddiem l-aggravji mqajma mill-appellant u bagħtet il-kawża lura lil awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li ddeċidiet fuq l-appell sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq ir-rikors ( 117 ).

155.

Il-konsegwenza diretta tal-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija li s-sentenza Simpson għandha tiġi annullata kollha kemm hi u l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq iż-żewġ aggravji invokati mill-appellant fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-appell.

L-effetti tal-eżami mill-ġdid fuq is-sentenza HG

156.

Permezz tas-sentenza HG, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza appellata kollha kemm hi minħabba ksur tal-“prinċipju ta’ qorti legali” mingħajr ma eżaminat l-aggravji mqajma mill-appellant u bagħtet il-kawża lura lil awla tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik li ddeċidiet fuq l-appell sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza fuq ir-rikors ( 118 ).

157.

Dik is-sentenza għandha wkoll tiġi annullata kollha kemm hi u l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-erba’ aggravji invokati mill-appellant fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-appell.

L-effetti tal-eżami mill-ġdid fuq is-sentenza FV

158.

Is-sentenza FV, li ma kinitx is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid għar-raġunijiet ta’ natura proċedurali li esponejt iktar ’il fuq fil-punt 36 wasslet għas-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid u, għalhekk, ikkostitwixxiet il-punt ta’ tluq tal-analiżi tiegħi. Peress li din ma ġietx eżaminata mill-ġdid, din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali saret definittiva.

159.

Minn din l-analiżi tiegħi jirriżulta li s-sentenza FV hija vvizzjata b’diversi żbalji li jistgħu jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Attwalment, dan ir-riskju ma huwiex teoretiku. Dan il-preġudizzju kkonkretizza ruħu meta l-Qorti Ġenerali tat is-sentenzi suġġetti għal eżami mill-ġdid billi kkonformat ruħha mal-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza FV. F’dan l-istadju, jidhirli li huwa impossibbli li dan l-eżami mill-ġdid jkollu konsegwenzi għat-tkomplija tal-kawża FV: f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali qed tipprepara sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza (Kawża pendenti T‑27/18 RENV). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi li għamilt f’dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li nenfasizza li s-sentenza FV hija żbaljata u ma tistax iktar tikkostitwixxi preċedent jew għodda ta’ interpretazzjoni għal kawżi fil-ġejjieni.

Fuq l-ispejjeż

160.

Skont l-Artikolu 195(6) tar-Regoli tal-Proċedura, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun is-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat taħt l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

161.

Issa, ma jeżistux regoli speċifiċi li jirregolaw it-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid ( 119 ). Minħabba n-natura ta’ tali proċedura, li tinfetaħ fuq inizjattiva tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li l-partijiet u l-persuni kkonċernati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jkunu pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess marbuta ma’ din il-proċedura ( 120 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ dejjem tiddeċiedi mod ieħor dwar dan, skont in-natura tal-kawża u l-konklużjoni li hija tasal għaliha ( 121 ).

162.

Fid-dawl tal-fatt li l-oriġini ta’ dawn il-kawżi tinsab f’irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra imputabbli biss lill-Kunsill, jidhirli li jkun raġonevoli, minkejja li l-Kunsill huwa parti biss għall-proċedura fil-kawża Simpson, li huwa jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk ta’ E. Simpson u HG. Il-Kummissjoni u l-Gvern Bulgaru għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Konklużjoni

163.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi:

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill (T‑646/16 P) u HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P) jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

L-imsemmija sentenzi huma annullati.

Il-kawżi huma mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati l-ispejjeż ta’ E. Simpson u HG marbuta mal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Bulgaru għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess marbuta mal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006, L 153M, p. 84, rettifika fil-ĠU 2006, L 251, p. 8.

( 3 ) Dan l-anness tħassar bl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200 p. 137).

( 4 ) Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għal dan il-kumitat, li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 3(3) tal-Anness I, bħala “Kumitat ta’ Selezzjoni”.

( 5 ) ĠU 2010, C 83, p. 389.

( 6 ) ĠU 2013, C 353, p. 11.

( 7 ) Il-Kunsill jidher li qatt ma aċċetta li l-Kumitat ta’ Selezzjoni seta’ jippreżenta l-lista tal-kandidati proposti f’ordni tal-mertu. Ara Sevón, L., “La procédure de sélection des membres du Tribunal de la fonction publique de l’Union européenne: une expérience pionnière”, Revue universelle des droits de l’homme, Vol. 20, Nru 1‑3, 30 ta’ Ġunju 2011, p. 7 sa 9.

( 8 ) I. Rofes i Pujol inħatret Imħallef fit-TSP għal perijodu ta’ sitt snin, mill‑1 ta’ Settembru 2009 sal‑31 ta’ Awwissu 2015, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/474/KE, Euratom tad‑9 ta’ Ġunju 2009 li taħtar Imħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 156, p. 56).

( 9 ) ĠU 2016, L 79, p. 30.

( 10 ) ĠU 2016, C 146, p. 11.

( 11 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il‑Kunsill, F‑40/15, EU:F:2016:137.

( 12 ) Digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il‑Kunsill, F‑142/11 RENV, EU:F:2016:136.

( 13 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni, F‑149/15, EU:F:2016:155.

( 14 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il‑Kunsill, T‑639/16 P, EU:T:2018:22 (iktar ’il quddiem is-“sentenza FV”), punt 78.

( 15 ) Ara l-punti 41 et seq u 126 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Marzu 2018, Eżami mill-Ġdid FV vs Il‑Kunsill, C‑141/18 RX, ECLI:EU:C:2018:218, punti 45.

( 17 ) T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493.

( 18 ) T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492.

( 19 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2018, C‑542/18 RX, EU:C:2018:763.

( 21 ) Deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2018, C‑543/18 RX, EU:C:2018:764.

( 22 ) Ara, bħala eżempju, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Frar 2011, Eżami mill-Ġdid Il‑Kummissjoni vs Petrilli, C‑17/11 RX, EU:C:2011:55 u tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Eżami mill-Ġdid Andres et vs BĊE, C‑312/16 RX, mhux ippubblikata, EU:C:2016:520.

( 23 ) Sentenza FV, punti 49 sa 51. Dwar il-fatti, ara wkoll il-punti 17 sa 19 iktar ’il fuq.

( 24 ) Jiġifieri l-Imħallfin Van Raepenbusch u Kreppel. Il-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ dawn iż-żewġ imħallfin tnediet f’Diċembru 2013, kważi disa’ xhur qabel it-tmiem tal-mandati tagħhom (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

( 25 ) Il-premessa 3 tad-deċiżjoni ta’ ħatra tirreferi għall-proposta tal-Kummissjoni dwar dan ir-regolament (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

( 26 ) Ara s-sentenza FV, punti 34 sa 38 u 51.

( 27 ) Sentenza FV, punt 29.

( 28 ) Ara l-punt 11 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar’il fuq.

( 29 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 5 tad-deċiżjoni ta’ ħatra.

( 30 ) Ara s-sentenza FV, punti 54 sa 57.

( 31 ) Sentenza FV, punti 59 sa 63.

( 32 ) Sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Lulju 2009, Ilatovskiy vs Ir‑Russja, Rikors Nru 6945/04, CE:ECHR:2009:0709JUD000694504, punti 40 u 41. Ara s-sentenza FV, punti 67 sa 76.

( 33 ) ĠU 2007, C 303, p. 17, p. 29 u 30.

( 34 ) Kif enfasizza l-kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2017:395, punt 71 u nota ta’ qiegħ il-paġna 77, “Il-fatt li għandu jsir riferiment unikament għall-Artikolu 47 tal-Karta meta s-sitwazzjoni inkwistjoni tkun koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) ma jeskludix [inżid, evidentement] il-possibbiltà li dan l-artikolu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB”.

( 35 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pasquini vs San Marino, Rikors Nru 50956/16, CE:ECHR:2019:0502JUD005095616, punt 102. Ara, preċedentement, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ April 2006, Fedotova vs Ir‑Russja, Rikors Nru 73225/01, CE:ECHR:2006:0413JUD007322501, punt 42.

( 36 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal‑31 ta’ Mejju 2011, Kontalexis vs Il‑Greċja, Rikors Nru 59000/08, CE:ECHR:2011:0531JUD005900008, punti 41 u 44 u tal-4 ta’ Marzu 2003, Posokhov vs Ir-Russja, Rikors Nru 63486/00, CE:ECHR:2003:0304JUD006348600, punti 39 u 43.

( 37 ) Sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Lulju 2009, Ilatovskiy vs Ir‑Russja, Rikors Nru 6945/04, CE:ECHR:2009:0709JUD000694504, punt 40.

( 38 ) Ara iktar ’il quddiem il-punti 68 sa 87.

( 39 ) Ara, ukoll, iktar ’il quddiem il-punti 68 sa 87.

( 40 ) Sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Lulju 2009, Ilatovskiy vs Ir‑Russja, Rikors Nru 6945/04, CE:ECHR:2009:0709JUD000694504, punt 36.

( 41 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Marzu 2019, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, Rikors Nru 26374/18, CE:ECHR:2019:0312JUD002637418 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Ástráðsson”), punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 42 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal‑20 ta’ Ottubru 2009, Gorguiladzé vs Il‑Ġeorġja, Rikors Nru 4313/04, ECLI:CE:ECHR:2009:1020JUD000431304, punt 69.

( 43 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, Rikorsi Nri 55391/13, 57728/13 u 74041/13, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Novembru 2002, Lavents vs Il‑Latvja, Rikors Nru 58442/00, CE:ECHR:2002:1128JUD005844200, punt 114.

( 45 ) Sentenza Ástráðsson, ara b’mod partikolari l-punti 107, 108 u 123.

( 46 ) Sentenza Ástráðsson, punt 6.

( 47 ) L-erba’ kandidati li tneħħew b’dan il-mod mil-lista kienu dawk li kienu ġew ikklassifikati s-seba’, il-11, it-12 u l-14, rispettivament, fit-tabella ta’ evalwazzjoni tal-Kumitat.

( 48 ) L-erba’ kandidati li l-ismijiet tagħhom ġew miżjuda mal-lista mill-Ministru kienu ġew ikklassifikati s-17, it-18, it-28 u t-30 mill-Kumitat. Peress li kien hemm 15-il pożizzjoni li kellhom jimtlew, u peress li l-Kumitat ħejja espressament lista f’ordni tal-mertu, kien isegwi li ebda wieħed minn dawn il-kandidati ma kellu normalment jinħatar fil-Qorti tal-Appell.

( 49 ) Għal iktar dettalji, ara s-sentenza Ástráðsson, punti 7 sa 18. Nirrileva li konsulent ġuridiku saħansitra kien avża lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru bl-eventwali nuqqasijiet fil-proċedura li l-Ministru kienet qiegħda tipproponi li ssegwi: ara l-punt 13 tas-sentenza.

( 50 ) Ara s-sentenza Ástráðsson, punti 19 sa 26.

( 51 ) Ara s-sentenza Ástráðsson, punti 36 sa 50.

( 52 ) Deċiżjoni tal-Qorti tal-EFTA tal‑14 ta’ Frar 2017, Pascal Nobile vs DAS Rechtsschutz-Versicherungs, E‑21/16. Ara s-sentenza Ástráðsson, punti 64 sa 69. Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għal dik is-sentenza fil-punt 75 tas-sentenza FV.

( 53 ) Inizjalment minn J. R. J. u Á. H. u sussegwentement minn E. J. u J. H.: ara s-sentenza Ástráðsson, fil-punti 27 sa 35 u 52 sa 54, rispettivament.

( 54 ) Sentenza Ástráðsson, punti 11, 16, 27 sa 35 u 105 sa 109.

( 55 ) Sentenza Ástráðsson, punti 115 sa 118.

( 56 ) Sentenza Ástráðsson, punti 119 sa 122.

( 57 ) Sentenza Ástráðsson, punti 18 sa 22.

( 58 ) Sentenza Ástráðsson, punt 123.

( 59 ) Fil-kawża Ástráðsson, il-Ministru kienet taf sew li ma kellhiex l-ebda marġni ta’ manuvra u li suppost kellha taċċetta l-lista ta’ ħmistax-il kandidat l-iktar ikkwalifikati ppreżentati lilha mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni (fil-fatt, hija talbet lil dan il-kumitat sabiex jipproponilha lista itwal, ħaġa li dan l-kumitat kien irrifjuta). Fis-sentenzi li qed jiġu eżminati mill-ġdid, il-Kunsill kien jaf sew li l-lista tal-kandidati inkwistjoni mfassla mill-Kumitat ta’ Selezzjoni kienet ġiet stabbilita abbażi tas-sejħiet għal kandidaturi tal‑2013, li kienu maħsuba sabiex jimlew żewġ pożizzjonijiet vakanti fit-TSP għal żmien qasir, u mhux tlieta.

( 60 ) Il-fatt li l-mandat tal-Imħallef Rofes i Pujol intemm fil‑31 ta ’Awwissu 2015 kien jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tal-ħatra tagħha. L-ebda wieħed mill-elementi li eżaminajt fit-tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet ma taw spjegazzjoni dwar għaliex ma ġietx ippubblikata sejħa għal kandidaturi separata sabiex tissostitwixxiha, la qabel dik id-data u lanqas matul il-perijodu ta’ kważi seba’ xhur bejn din id-data u dik tad-deċiżjoni li jinħatru tliet imħallfin għat-TSP (fit‑22 ta’ Marzu 2016). Madankollu, fid-dawl ta’ deċiżjoni li kellha tittieħed fit‑22 ta’ Marzu 2016, jista’ jkun jidher diffiċli li titlesta sejħa ġdida għal applikazzjonijiet u evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Selezzjoni sabiex l-Imħallef il-ġdid ikun jista’ effettivament jidħol fil-kariga fit-TSP qabel dan ma jibqax fis-seħħ. Jiena qed nipproponi iktar ’il fuq (punt 45) mod ieħor legali kif tista’ tittratta din il-problema.

( 61 ) Ara l-premessa 4 tad-deċiżjoni ta’ ħatra u l-punt 13 iktar ’il fuq. Il-ħatra ta’ S. Van Raepenbusch kienet retroattiva, filwaqt li J. Sant’Anna u A. Kornezov daħlu fil-kariga biss wara li ħadu l-ġurament fit‑13 ta’ April 2016. It-TSP waqaf jeżisti fl‑1 ta’ Settembru 2016.

( 62 ) Sentenza Ástráðsson, punt 103.

( 63 ) Sentenza tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 31.

( 64 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L‑Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 159.

( 65 ) Sentenza tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20.

( 66 ) Għal analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt ara Puissochet, J.‑P., u Legal, H., “Le principe de sécurité juridique dans la jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes”, Cahiers du Conseil Constitutionnel, Nru 11, Diċembru 2001.

( 67 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1973, Westzucker, 1/73, EU:C:1973:78, punt 6.

( 68 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 46.

( 69 ) Carbonnier, J., Droit civil, Introduction, Nru 46, iċċitat fir-rapport tal-Imħallef Relatur C. Charruault dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Seduta Plenarja), Nru 540 tas‑7 ta’ Lulju 2006.

( 70 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punti 7475.

( 71 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 56.

( 72 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni, 15/85, EU:C:1987:111, punti 1217.

( 73 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja, Rikors Nru 28090/95, CE:ECHR:1998:1028JUD002809095, punti 44 u 45. Dwar dan il-punt ara wkoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Eżami mill-Ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2012:733, punti 5960 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 74 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Ġunju 1979, Marckx vs Il‑Belġju, Rikors Nru 6833/74, CE:ECHR:1979:0613JUD000683374, punt 58.

( 75 ) Soulas de Russel, D., u Raimbault, P., “Nature et racines du principe de sécurité juridique: une mise au point”, Revue internationale de droit comparé, Vol. 55, Nru 1, Jannar-Marzu 2003, p. 85‑103, speċjalment p. 90‑91.

( 76 ) CE, 6e/1e SSR, deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Nru 296072, ECLI:FR:CESSR:2007:296072.20071212; CE, sect., deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2010, Nru 329513, ECLI:FR:CESEC:2010:329513.20101230.

( 77 ) Fawdry & Co (A Firm) vs Murfitt vs Lord Chancellor’s Department [2002] EWCA Civ 643.

( 78 ) Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), digriet tas‑27 ta’ Ottubru 1996, 2 BvR 1375/96; ara wkoll Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), digriet tas‑26 ta’ April 2005, X ZB 17/04.

( 79 ) Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Nru Pl. ÚS 17/06‑2.

( 80 ) Sentenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) 164/2008, tal‑15 ta’ Diċembru 2008 (ECLI:ES:TC:2008:164).

( 81 ) Sentenza tatTribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) 101/1984, tat‑28 ta’ Novembru 1984 (ECLI:ES:TC:1984:101).

( 82 ) Sentenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) 164/2008, tal‑15 ta’ Diċembru 2008 (ECLI:ES:TC:2008:164).

( 83 ) L-irregolaritajiet ta’ natura purament formali jaqgħu b’mod ċar f’din il-kategorija.

( 84 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill, T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493, punt 31, ara wkoll iktar ’il fuq, punt 25.

( 85 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, HG vs Il‑Kummissjoni, T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492, punt 32.

( 86 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 33/80, EU:C:1981:186, punt 17.

( 87 ) Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 88 ) Il-ġurisprudenza taċċetta li, minbarra l-individwi, ir-rikorrenti msejħa “privileġġati” jistgħu jqajmu l-eċċezzjoni ta’ illegalità. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395). L-Avukati Ġenerali kienu ilhom żmien twil li rrikonoxxew li r-rikorrenti msejħa “privileġġati” kellhom jingħataw din il-possibbiltà. Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni, 181/85, mhux ippubblikati, EU:C:1986:491, p. 702 u 703. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinvokaw l-illegalità ta’ deċiżjoni jew ta’ direttiva li huma d-destinatarji tagħha bħala motiv ta’ difiża kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑37/11, EU:C:2012:640, punt 46). L-istess raġunament japplika fil-każ ta’ deċiżjoni li l-Istat Membru ma kienx, formalment, id-destinatarju tagħha: inkwantu membru tal-Kunsill, awtur tal-imsemmija deċiżjoni, l-Istat Membru neċessarjament kellu għarfien tagħha – għalhekk, kien definittivament f’pożizzjoni li jippreżenta rikors għal annullament (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 90).

( 89 ) F’dan ir-rigward nosserva li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-eċċezzjoni ta’ illegalità kienet limitata mit-Trattati għar-regolamenti (ara l-Artikolu 184 KEE, li sar 244 KE, u llum huwa 277 TFUE). Issa, il-ġurisprudenza kienet fetħet dan ir-rimedju pjuttost malajr għal atti oħra tal-istituzzjonijiet li, għalkemm ma għandhomx il-forma ta’ regolament, “jipproduċu effetti analogi”, minkejja li ma humiex “atti regolatorji fis-sens strett” (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punti 35 et seq).

( 90 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2001, Sadam Zuccherifici et vs Il‑Kunsill, C‑41/99 P, EU:C:2001:302, punt 24.

( 91 ) Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 1987, Acciaierie e Ferriere di Porto Nogaro vs Il‑Kummissjoni, 340/85, EU:C:1987:384, punt 5. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikorrent ma jistax, fl-okkażjoni ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni individwali, jinvoka permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità deċiżjonijiet individwali oħra li huwa kien id-destinatarja tagħhom u li saru definittivi”.

( 92 ) Sentenza tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111.

( 93 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il‑Kunsill, T‑310/02, EU:T:2004:90.

( 94 ) Sentenza tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111, punt 25.

( 95 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il‑Kunsill, T‑310/02, EU:T:2004:90, punti 4849.

( 96 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din il-ġurisprudenza tapplika l-prinċipji diġà stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, L‑Italja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 32/65, EU:C:1966:42, p. 594.

( 97 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56.

( 98 ) C‑341/06 P u C‑342/06 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chronopost, EU:C:2008:375.

( 99 ) Sentenza FV, punt 66. Ara wkoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il‑Kunsill, T‑646/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:493, punt 38 u s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, HG vs Il‑Kummissjoni, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492, punt 39.

( 100 ) Sentenza Chronopost, punt 60.

( 101 ) Sentenza Chronopost, punti 46 u 47.

( 102 ) Sentenza Chronopost, punt 45.

( 103 ) Sentenza FV, punti 72 sa 76. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi billi torbot il-konstatazzjonijiet tagħha mal-fiduċja tal-partijiet f’kawża u tal-pubbliku fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-qrati fis-sens astratt tat-terminu (punt 78). Ħadd ma ssuġġerixxa li kien hemm xi raġuni għalfejn kellu jitqies li l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti inkwistjoni f’dik il-kawża kienet tqajjem l-iċken dubju. L-istess japplika għall-kawżi attwalment suġġetti għal eżami mill-ġdid (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 104 ) Sentenza Chronopost, punt 46 sa 48.

( 105 ) Jew, jekk ikun il-każ, tassenjaha lil Avukat Ġenerali partikolari. Għaldaqstant, bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm lura milli tassenja kawża li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li jirregolaw mandat ta’ arrest Ewropew, jew lill-Avukat Ġenerali propost mill-Istat Membru emittenti, jew lil dak propost mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

( 106 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 107 ) Sentenza Chronopost, punt 46.

( 108 ) Sentenza tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, EU:C:1996:51, punt 20.

( 109 ) Min-naħa l-oħra, jekk qorti tiddisponi minn provi li jqiegħdu fid-dubju l-validità ta’ tali deċiżjoni, hija għandha twettaq eżami fuq inizjattiva tagħha stess, mingħajr ma tistenna li parti f’tilwima quddiemha tqajjem il-problema.

( 110 ) Fuq dan il-punt, jiena naqbel mal-kollega tiegħi, l-Avukat Ġenerali Kokott, fl-opinjoni tagħha fil-kawża Eżami mill-Ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punt 75.

( 111 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-Ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punti 62 sa 65 u sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-Ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 50 sa 53.

( 112 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-Ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 66.

( 113 ) Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Eżami mill-Ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2012:733, punt 70.

( 114 ) Kawża Crocs vs EUIPO u Gifi Diffusion, C‑320/18 P.

( 115 ) Sentenza Ástráðsson, punt 42.

( 116 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-Ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 117 ) Din il-kawża hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara l-kawża Simpson vs Il‑Kummissjoni, T‑441/18 RENV (sospiża).

( 118 ) Din il-kawża hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara l-kawża HG vs Il‑Kummissjoni, T‑440/18 RENV (sospiża).

( 119 ) F’dan ir-rigward ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Eżami mill-Ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:593, punt 99.

( 120 ) Din hija s-soluzzjoni adottata fl-ewwel żewġ eżamijiet mill-ġdid (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-Ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 73 u tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-Ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 61) u fl-aħħar kawża ta’ eżami mill-ġdid (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-Ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 67).

( 121 ) Huwa għalhekk li fit-tielet eżami mill-ġdid (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-Ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 71) il-Kummissjoni Ewropea ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż ta’ Guido Strack.

Fuq