EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0261

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Novembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 85/337/KEE – Awtorizzazzjoni u kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ – Proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent – Obbligu ta’ regolarizzazzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.
Kawża C-261/18.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:955

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 85/337/KEE – Awtorizzazzjoni u kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ – Proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent – Obbligu ta’ regolarizzazzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑261/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fit‑13 ta’ April 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Noll‑Ehlers u J. Tomkin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, BL, J. Connolly u G. Simons, SC,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ April 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

li tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), f’dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260 TFUE;

li tikkundanna lill-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 1 343.20 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn l-għoti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), u, jew id-data tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza mill-Irlanda, jew id-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża jekk din l-aħħar data tkun qabel id-data ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), b’somma f’daqqa minima ta’ EUR 1685000;

li tikkundanna lill-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 12264 għal kull jum mid-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża sad-data ta’ eżekuzzjoni mill-Irlanda tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380); u

li tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 85/337/KEE qabel l-emenda tagħha bid-Direttiva 97/11

2

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) kienet tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) u (2) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tagħha:

“1.   Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Stati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku kollu kemm hu jew parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

3

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi:

“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

bnedmin, fawna u flora,

ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni indent,

assi materjali u wirt kulturali.”

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   Bla ħsara għal Artikolu 2 (3), proġetti tal-klassijiet elenkati f’ l-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10.

2.   Proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10.”

5

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337:

“1.   Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata f’L-Anness III sakemm:

(a)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-informazzjoni hija relevanti għal stadju speċifikat tal-proċedura ta’ kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikulari jew tip ta’ proġett u għall-fatturi ambjentali li aktarx se jkunu milquta;

(b)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-iżviluppatur jista’ b’mod raġonevoli jkun mitlub jiġbor din l-informazzjoni filwaqt li jżomm quddiem għajnejh inter alia għarfien u metodi kurrenti ta’ stima.

2.   L-informazzjoni li l-iżviluppatur għandu jagħti skond il-paragrafu 1 għandha tinkludi għall-inqas:

deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-post, disinn u kobor tal-proġett,

deskrizzjoni tal-miżuri antiċipati biex jevitataw, inaqqsu u, jekk possibbli, jirrimedjaw l-effetti sinifikanti kuntrarji,

id-data mitluba biex ikunu identifikati u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett aktarx ikollu fuq l-ambjent,

sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni msemmija fl-indenti 1 sa 3.

3.   Fejn jikkunsidraw meħtieġ, Stati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kollha b’informazzjoni relevanti fil-pussess tagħhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-iżviluppatur.”

6

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet li aktarx ikunu konċernati bil-proġett minħabba r-responsabilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw opportunita li jesprimu l-opinjoni tagħhom wara t-talba għal kunsens fuq l-iżvilupp. Stati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li għandhom ikunu konsultati għal dan il-għan f’termini ġenerali jew f’kull każ meta ssir it-talba għal kunsens. L-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandha tintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Arranġamenti dettaljati għal konsultazzjoni għandhom ikunu preskritti mill-Istati Membri.

2.   Stati Membri għandhom jiżguraw li:

kull talba għal kunsens ta’ żvilupp u kull informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku,

il-pubbliku konċernat jingħata l-opportunita biex jesprimi opinjoni qabel ma l-proġett jibda.

– […]”

7

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi:

“Fejn Stat Membru jsir konxju li proġett aktarx ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew fejn Stat Membru li aktarx se jintlaqat b’mod sinifikanti hekk jitlob, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett huwa intenzjoant li jitwettaq għandu jibgħat l-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 lill-Istati Membri fl-istess ħin li jagħmilha disponibbli liċ-ċittadini tiegħu stess. Informazzjoni bħal din għandha sservi bħala bażi għal kull konsultazzjoni meħtieġa fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejn żewġ Stati Membri fuq bażi reċiproka u ekwivalenti.”

8

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva:

“Informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tittieħed in konsiderazzjoni fil-proċedura ta’ kunsens għal żvilupp.”

9

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva kien ifformulat kif ġej:

“Meta tittieħed deċiżjoni, l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku konċernat bi:

il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjonijiet mehmużin magħha,

ir-raġunijiet u konsiderazzjonijiet li fuqhom id-deċiżjoni hija bażata fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri hekk tipprovdi.

Arraġamenti dettaljati għal tali informazzjoni għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri.

Jekk Stat Membru ieħor kien infurmat skond l-Artikolu 7, għandu jkun ukoll infurmat bid-deċiżjoni in kwestjoni.”

10

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/337 kien jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx l-obbligazzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti mir-regolamenti nazzjonali u dispożizzjonijiet amministrattivi u prattiċi legali aċċettati fir-rigward ta’ segretezza industrijali u kummerċjali u l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

Fejn japplika l-Artikolu 7, it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lejn Stat Membru ieħor u r-riċeviment ta’ informazzjoni minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri li fihom huwa propost il-proġett.”

11

L-Anness II tad-Direttiva 85/337 kien jelenka l-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet meħtieġa biss fejn l-Istati Membri qiesu li l-karatteristiċi tagħhom kienu jirrikjedu hekk. Għalhekk, fil-punt 2(a) ta’ dan l-anness kienu jissemmew il-proġetti ta’ estrazzjoni tal-pit, u, fil-punt 2(ċ) tal-istess anness, il-proġetti ta’ estrazzjoni ta’ minerali barra minn minerali li fihom metalli u dawk li jipproduċu enerġija, bħall-irħam, ir-ramel, iż-żrar, ix-shale, il-melħ, il-fosfati u l-potassa.

Id-Direttiva 85/337 wara l-emenda tagħha bid-Direttiva 97/11

12

Id-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat‑3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151), tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) u (2) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tagħha:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

13

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

14

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil‑(a) u fil‑(b).

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”

15

Fil-punt 3(i) tal-Anness II tal-istess direttiva jissemmew l-installazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ).

16

Skont il-punt 13 ta’ dan l-istess anness, kull bidla jew estensjoni tal-proġetti li jinsabu fl-Anness I jew fl-Anness II, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent għandha titqies bħala proġett li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337.

17

Fl-Anness III tad-Direttiva 85/337, dwar il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, huwa speċifikat li l-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari, it-tniġġis u l-irritazzjonijiet kif ukoll ir-riskju ta’ inċidenti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-metodi ta’ teknika użati. L-istess anness jindika li trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali taż-żoni ġeografiċi li jistgħu jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità dwar kemm jiflaħ jassorbi l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti żoni, fosthom il-firxiet ta’ art muntanjuża u dawk miksija bil-foresti.

Is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380)

18

Fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li:

qabel l-eżekuzzjoni totali jew parzjali tagħhom, il-proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), ikunu suġġetti għal eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u, sussegwentement, jekk jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom, skont l-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva, u

l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway (l-Irlanda), kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337.

19

Fir-rigward tat-tieni lment dwar l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ u tal-attivitajiet konnessi f’Derrybrien (iktar ’il quddiem il-“qasam ta’ mtieħen tar-riħ”) fuq l-ambjent, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien jeżisti nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-motivi li jinsabu fil-punti 94 sa 111 tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

20

B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni tal-proġett ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 98 ta’ dik is-sentenza, li l-Irlanda kienet obbligata li tissuġġetta l-proġetti dwar din il-kostruzzjoni għal studju tal-effetti jekk dawn il-proġetti seta’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom.

21

F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, fil-punt 103 tal-istess sentenza, li l-lokalizzazzjoni u d-daqs tal-proġetti ta’ xogħlijiet ta’ estrazzjoni ta’ pit u ta’ minerali kif ukoll ta’ kostruzzjoni ta’ toroq u l-viċinanza tas-sit ma’ xmara kkostitwixxew karatteristiċi konkreti li jistabbilixxu li dawn il-proġetti, li huma indissoċjabbli mill-installazzjoni ta’ 46 turbina tar-riħ, seta’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, għaldaqstant, kellhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

22

Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fir-rigward tat-tielet fażi ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ u tal-modifika tal-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni inizjalment awtorizzati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 110 tal-imsemmija sentenza, li l-installazzjoni ta’ 25 turbina ġdida, il-kostruzzjoni ta’ mezzi ġodda ta’ servizz kif ukoll it-tibdil tat-tip ta’ turbini tar-riħ awtorizzati inizjalment u intiżi sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-elettriku, bħala proġetti li seta’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, kellhom, minħabba f’hekk u qabel ma ġew awtorizzati, ikunu suġġetti għal proċedura ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent li tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Wara l-għoti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2008, sabiex tipprovdilha, f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni dwar il-miżuri adottati għall-eżekuzzjoni tagħha. Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2008, l-Irlanda kkonfermat b’mod partikolari li hija kienet aċċettat din is-sentenza b’mod sħiħ u li evalwazzjoni aġġornata tal-effetti fuq l-ambjent, li kienet konformi mad-Direttiva 85/337, kellha ssir qabel l-aħħar tas-sena 2008.

24

Permezz ta’ ittri tal‑10 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ April 2009, l-Irlanda, wara laqgħa mal-Kummissjoni, informat lil din tal-aħħar li hija kienet qiegħda tipprepara abbozz leġiżlattiv sabiex tintroduċi proċedura ta’ regolarizzazzjoni li tippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, ir-regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tad-Direttiva 85/337 permezz tal-introduzzjoni ta’ “awtorizzazzjoni sostituttiva” u li, b’applikazzjoni ta’ din il-proċedura, l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ kien ser japplika għal tali awtorizzazzjoni.

25

Fis‑26 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, li fiha hija kkonstatat, minn naħa, li hija kienet irċeviet biss abbozz preliminari tal-leġiżlazzjoni li kellha tiġi adottata mill-Irlanda bl-għan li tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), u, min-naħa l-oħra, li hija kienet għadha qiegħda tistenna l-informazzjoni dwar l-evalwazzjoni prevista tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent. Fid‑9 ta’ Settembru 2009, l-Irlanda wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, u kkonfermat, minn naħa, li l-emenda leġiżlattiva li kienet ser tintroduċi l-proċedura ta’ sostituzzjoni kellha tiġi adottata ftit wara u, min-naħa l-oħra, li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ kien qabel fil-prinċipju li jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva.

26

Fit‑22 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni ġdida lill-Irlanda, fejn talbet lil dan l-Istat Membru jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din l-ittra. L-imsemmi Stat Membru wieġeb għaliha permezz ta’ ittri tat‑18 ta’ Mejju 2010, tat‑22 ta’ Lulju 2010 u tat‑13 ta’ Settembru 2010. Fl-aħħar ittra, l-awtoritajiet Irlandiżi informaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni, f’Lulju 2010, tal-Planning and Development (Amendment) Act 2010 (il-Liġi tal‑2010 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (Emenda)) (iktar ’il quddiem il-“PDAA”). Il-Parti XA tal-PDAA, b’mod partikolari l-Artikoli 177B u 177C tagħha, tipprevedi proċedura ta’ regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

27

Wara skambji ġodda bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u l-Kummissjoni u n-notifika, mill-Irlanda, ta’ miżuri leġiżlattivi addizzjonali adottati bejn l‑2010 u l‑2012, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Settembru 2012, talbet, inter alia, lil dan l-Istat Membru li jinformaha dwar jekk l-iżviluppatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ huwiex ser ikun suġġett għal din il-proċedura ta’ regolarizzazzjoni.

28

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2012, l-Irlanda indikat li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, li huwa 100 % proprjetà ta’ impriża semipubblika, irrifjuta li japplika l-proċedura ta’ regolarizzazzjoni prevista fil-Parti XA tal-PDAA u li la d-dritt nazzjonali u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma kienu jirrikjedu l-applikazzjoni tagħha. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li jiġu kkontestati l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ, li saru definittivi, u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri jipprekludu l-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

29

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Irlandiżi indikaw lill-Kummissjoni li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ kien indika li kien dispost li jwettaq evalwazzjoni “mhux uffiċjali” tal-effetti ta’ dan il-qasam fuq l-ambjent, li madankollu tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337.

30

Matul l‑2014, l-Irlanda bagħtet “dokument kunċettwali” lill-Kummissjoni li kien jirreferi għal “pjan direzzjonali” għall-proċedura ta’ evalwazzjoni “mhux uffiċjali” tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent. Dan l-Istat Membru impenja ruħu wkoll, matul laqgħa mal-Kummissjoni li nżammet fit‑13 ta’ Mejju 2014, li jikkomunikalha l-abbozz ta’ “protokoll ta’ ftehim” li kien ser jiġi konkluż bejn l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ u l-Ministru Irlandiż għall-Ambjent li jipprevedi ftehim dwar it-twettiq ta’ analiżi ambjentali mhux uffiċjali. Dan l-abbozz ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Marzu 2015, filwaqt li l-awtoritajiet Irlandiżi kkomunikaw verżjoni ġdida tiegħu fis‑7 ta’ Marzu 2016.

31

Il-Kummissjoni indikat diversi drabi li dawn id-dokumenti ma kinux jippermettu lill-Irlanda tissodisfa l-obbligi tagħha. Wara laqgħa li nżammet fid‑29 ta’ Novembru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑15 ta’ Diċembru 2016, indikaw lill-awtoritajiet Irlandiżi li t-test finali tal-protokoll ta’ ftehim iffirmat kellu jasal għand il-Kummissjoni qabel l-aħħar tal‑2016, u li, f’każ li ma jsirx hekk, din tal-aħħar setgħet tressaq mill-ġdid kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-bidu tal‑2017.

32

Fit‑22 ta’ Diċembru 2016, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tad-“dokument kunċettwali” kif ukoll “dokument qafas” tat‑2 ta’ Diċembru 2015. Fl-ittra ta’ motivazzjoni kien ġie indikat li l-firma ta’ dawn iż-żewġ dokumenti kienet prevista għall-aħħar tax-xahar ta’ Jannar 2017.

33

Wara skambji oħra mal-awtoritajiet Irlandiżi, il-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Jannar 2018, lill-Irlanda li, minkejja l-iffirmar tad-“dokument kunċettwali”, hija qieset li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li teżegwixxi b’mod sħiħ is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), kien għadu jippersisti. Disa’ snin wara li ngħatat din is-sentenza, ma sar l-ebda progress sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent.

34

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2018, l-Irlanda rrikonoxxiet li d-diskussjonijiet sabiex il-każ jiġi riżolt kienu ilhom għaddejjin għal diversi snin. F’din l-istess ittra, dan l-Istat Membru madankollu sostna li kien qiegħed jistenna, qabel ma jieħu l-azzjonijiet neċessarji għal din l-eżekuzzjoni, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti li huwa kien bagħtilha permezz tal-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Diċembru 2016.

35

Peress li qieset li ma kienx għad hemm konformità mat-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

36

Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tagħha fl‑1 ta’ April 2019, dwar ittra mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi li hija kienet irċeviet fid‑29 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tad‑29 ta’ Marzu 2019”), minn fejn jirriżulta li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ kien aċċetta li jikkoopera sabiex jimplimenta l-“proċedura ta’ sostituzzjoni” prevista mill-PDAA “malajr kemm jista’ jkun, b’tali mod li jiġi żgurat it-twettiq ta’ evalwazzjoni regolamentari tal-effetti fuq l-ambjent ex post”. Fl‑1 ta’ April 2019, l-awtoritajiet Irlandiżi wkoll bagħtu din l-ittra lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

37

Il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Irlanda kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 85/337 peress li ma kinitx adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent. Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda ma tikkontestax li hija għandha l-obbligu li tieħu miżuri konkreti sabiex tirrimedja dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

38

Il-Kummissjoni tqis li ma kienx il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina, f’din is-sentenza, il-miżuri speċifiċi li jippermettu li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 6465, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 424346) jirriżulta li l-Irlanda hija marbuta li tħassar il-konsegwenzi illegali li jirriżultaw mill-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent u li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirrimedja din l-ommissjoni. Fi kwalunkwe każ, sempliċi miżuri preparatorji, bħal dawk meħuda f’dan il-każ, ma humiex biżżejjed.

39

Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tinvoka wkoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35), kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 30), li jikkonfermaw li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, pereżempju billi jirtiraw jew jissospendu awtorizzazzjoni diġà mogħtija, sabiex titwettaq tali evalwazzjoni. Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issir bħala regolarizzazzjoni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

40

Matul il-proċedura prekontenzjuża, l-Irlanda għamlet żewġ proposti differenti, imsemmija fil-punti 24 u 29 ta’ din is-sentenza, sabiex tirrimedja l-ommissjoni li jiġu evalwati l-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, mingħajr madankollu ma implimentat ebda waħda minnhom konkretament.

41

Minn naħa, dan l-Istat Membru rrefera għall-possibbiltà li ssir evalwazzjoni mhux uffiċjali. Madankollu, ma ġiet adottata l-ebda miżura konkreta għall-implimentazzjoni tagħha.

42

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda emendat il-leġiżlazzjoni tagħha sabiex tiġi implimentata proċedura li tippermetti li jiġu rregolarizzati l-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan l-Istat Membru issa jsostni li din il-proċedura, li tinsab fil-Parti XA tal-PDAA, setgħet tiġi applikata biss għall-futur u li, minkejja l-fatt li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ huwa 100 % sussidjarja ta’ impriża semipubblika, huwa ma setax jiġi obbligat li japplikaha.

43

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda hija obbligata tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni u twettaq evalwazzjoni korrettiva ex post, anki jekk dawn il-miżuri jaffettwaw id-drittijiet kweżiti tal-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ. Il-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka, f’dan ir-rigward, il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali hija, konformement mas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 40), limitata mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

44

Barra minn hekk, mis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Medipac‑Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 43), jirriżulta li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ huwa suġġett għall-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni peress li huwa 100 % sussidjarja ta’ entità kkontrollata mill-awtoritajiet pubbliċi.

45

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), ma jistax jiġi ġġustifikat. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 21), għalkemm l-Artikolu 260 TFUE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni tas-sentenza, din l-eżekuzzjoni għandha tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli. F’dan il-każ, la l-kumplessità tal-problema inkwistjoni u lanqas l-allegat kollass ta’ komunikazzjoni bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena 2016 ma jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ azzjoni fuq perijodu twil ta’ dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni tfakkar, barra minn hekk, li hija kienet indikat li Diċembru 2016 kien jikkostitwixxi d-data finali għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

46

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda għadha ma wettqitx, bħala regolarizzazzjoni, evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent. Għalhekk, dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri minimi meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

47

L-Irlanda titlob li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

48

Dan l-Istat Membru jsostni li mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), u mid-dokumenti proċedurali relatati mal-kawża li tat lok għal din is-sentenza jirriżulta li ż-żewġ inċiżi tal-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza kienu jikkonċernaw biss, fir-realtà, l-istess nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri l-ommissjoni li tiġi trasposta b’mod sħiħ id-Direttiva 85/337. Konsegwentement, minbarra t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi f’dak li jikkonċerna l-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ma kinitx meħtieġa.

49

Barra minn hekk, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni naqset milli tidentifika l-miżuri speċifiċi li l-Irlanda hija rikjesta li tieħu sabiex teżegwixxi l-imsemmija sentenza f’dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha.

50

Barra minn hekk, din l-istess sentenza ma annullatx jew invalidat l-awtorizzazzjonijiet mogħtija bejn l‑1998 u l‑2003 għall-bini tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, li sar l-Artikolu 258 TFUE, ma jistax jaffettwa d-drittijiet miksuba minn terzi, b’mod partikolari meta dawn it-terzi ma jkunux instemgħu f’dan il-kuntest.

51

Fir-rigward tal-modalitajiet li jippermettu l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva nazzjonali, dawn jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 59), tikkonferma li l-obbligu li tiġi rrimedjata l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa limitat mill-kuntest proċedurali applikabbli fi ħdan kull Stat Membru. Issa, fl-Irlanda, awtorizzazzjoni ta’ kostruzzjoni tista’ tiġi annullata biss mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), adita b’rikors dirett għal dan l-għan.

52

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882), jirriżulta li, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini li japplikaw għar-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-urbaniżmu. Konformement mad-dritt proċedurali Irlandiż fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-PDAA, ġie previst terminu ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talbiet intiżi għall-annullament ta’ permess ta’ urbaniżmu. Il-PDAA min-naħa tagħha stabbilixxiet dan it-terminu għal tmien ġimgħat. Konsegwentement, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ saru definittivi.

53

L-Irlanda ssostni li, minħabba dan il-fatt, is-sitwazzjoni ta’ din il-kawża hija differenti minn dawk tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589), kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129), li tirreferi għalihom il-Kummissjoni. Mill-espożizzjoni tal-fatti f’dawn is-sentenzi jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni ġew effettivament annullati minn qorti nazzjonali. Kien fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti għal dawn l-annullamenti, li jirrigwardaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda għall-proġetti kkonċernati, li tqajmu kwistjonijiet dwar l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

54

Din il-kawża hija wkoll differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12), mogħtija rigward rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ tilwima li kienet tikkonċerna awtorizzazzjoni nazzjonali li kienet ġiet ikkontestata fit-termini stabbiliti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix li tiġi rtirata jew sospiża awtorizzazzjoni diġà mogħtija. Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fil-preżenza ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li awtorità nazzjonali tkun, bħala prinċipju, obbligata li tibdel din id-deċiżjoni.

55

Barra minn hekk, meta permessi ta’ urbaniżmu ma għadhomx jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, għandhom jiġu osservati l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-dritt għall-proprjetà tad-detenturi ta’ tali permessi.

56

Issa, f’din il-kawża, l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija, li saru definittivi, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, l-Irlanda ma hijiex obbligata li tannullahom jew li tirtirahom. A fortiori, hija lanqas ma hija obbligata li twettaq evalwazzjoni ex post tal-effetti fuq l-ambjent abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-PDAA.

57

Sussidjarjament, l-Irlanda ssostni li issa hija konformi mal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), peress li hija ħadet miżuri sabiex evalwazzjoni mhux uffiċjali, imwettqa barra mill-kuntest ġuridiku eżistenti, issir f’Derrybrien. L-elenku ta’ azzjonijiet preċedenti tal-kollaborazzjoni bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni, kif inhu ddettaljat fir-rikors, tixhed il-bona fide tal-Gvern Irlandiż f’dan ir-rigward.

58

Insostenn ta’ dan l-argument, l-Irlanda ssostni b’mod partikolari li l-Gvern Irlandiż stabbilixxa “dokument kunċettwali” bi ftehim mal-iżviluppatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ. Konformement ma’ dan id-dokument, l-iżviluppatur għandu jipprepara rapport ambjentali, li josserva d-dokument qafas, li għandu jinkludi miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli. Dan id-dokument jipprevedi wkoll li l-imsemmi rapport ser ikun suġġett għal forma ta’ konsultazzjoni pubblika.

59

Il-bidu ta’ tali proċess jikkostitwixxi eżekuzzjoni suffiċjenti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), peress li, għall-kuntrarju tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 85/337, li kienet taqa’ kompletament taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Irlandiżi, l-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent effettivament tirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ terzi.

60

Iktar sussidjarjament, l-Irlanda ssostni li hija ser tkun ikkonformat mal-obbligi tagħha mhux iktar tard mid-data li fiha tkun ġiet iffissata seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

61

Barra minn hekk, it-tul tal-proċedura neċessarja sabiex tiġi implimentata l-evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent huwa marbut mal-assenza ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni wara t-trażmissjoni, fit‑22 ta’ Diċembru 2016, ta’ verżjoni ġdida tad-“dokument kunċettwali” intiż sabiex jiġi ppreparat it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent. L-awtoritajiet Irlandiżi stennew l-approvazzjoni formali ta’ dan id-dokument. Fi kwalunkwe każ, Stat Membru ma jistax jiġi ppenalizzat minħabba li jkun ħa ż-żmien meħtieġ sabiex jidentifika l-miżuri adegwati għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew minħabba li ma jirnexxilux jidentifikahom.

62

Matul is-seduta, l-Irlanda kkonfermat li ma kienx għad għandha l-intenzjoni li twettaq evalwazzjoni mhux uffiċjali tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent. Kif jirriżulta mill-ittra tad‑29 ta’ Marzu 2019, hija issa ssostni li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta l-kunsens tiegħu sabiex jikkoopera sabiex tinbeda proċedura ta’ regolarizzazzjoni skont il-Parti XA tal-PDAA. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 85/337 għandha ssir malajr kemm jista’ jkun.

63

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, l-Irlanda ppreċiżat li kien għad ma hemmx kunsens formali tal-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ. Barra minn hekk, ma huwiex deċiż jekk huwiex dan tal-aħħar, huwa stess, li għandu jitlob awtorizzazzjoni sostituttiva skont l-Artikolu 177C tal-PDAA, jew jekk, skont l-Artikolu 177B tal-PDAA, humiex l-awtoritajiet kompetenti huma stess, ex officio, li għandhom jibdew il-proċedura ta’ regolarizzazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

64

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda ma kkonformatx ruħha mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), fir-rigward tat-tieni lment biss, li jinsab fit-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, peress li ma kinitx adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ dan il-qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi kif ukoll għat-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

65

Peress li l-Irlanda ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suġġett tar-rikors tagħha u milli tidentifika l-miżuri li huma neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), fir-rigward tat-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, hemm lok li jitqies li hija fir-realtà qiegħda tikkritika l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

66

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fir-rikors tagħha, li, sabiex teżegwixxi s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), fir-rigward tat-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, l-Irlanda għandha tħassar il-konsegwenzi illegali li jirriżultaw mill-ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent u tibda, għal dan l-għan, proċedura ta’ regolarizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni. Din tal-aħħar għandha tinkludi evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337.

67

Għaldaqstant, l-Irlanda hija żbaljata meta tikkritika lill-Kummissjoni li ma ddefinixxietx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), u, għal din ir-raġuni, li ma ppreċiżatx is-suġġett tar-rikors tagħha b’mod suffiċjenti.

68

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-allegazzjonijiet tal-Irlanda ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

Fuq il-mertu

69

L-Irlanda tikkontesta l-fondatezza ta’ dan ir-rikors billi ssostni li, lil hinn mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337, l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi f’dak li jikkonċerna l-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ma hijiex neċessarja u li, b’mod partikolari, l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-operatur ta’ dan il-qasam, li saru definittivi, ma huwiex possibbli taħt id-dritt intern tagħha.

70

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, li l-Irlanda hija obbligata, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li tħassar il-konsegwenzi illegali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u li twettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni, evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati l-obbligi ta’ Stat Membru meta proġett ikun ġie awtorizzat bi ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337, b’mod partikolari fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ma tkunx ġiet ikkontestata fit-terminu previst mil-liġi nazzjonali u għalhekk tkun saret definittiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Annessi I jew II ta’ din l-istess direttiva, għandhom ikunu suġġetti, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 42).

73

Il-fatt li tali evalwazzjoni għandha ssir minn qabel huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tqis kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex jiġi evitat, sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 33).

74

Madankollu, id-Direttiva 85/337 ma tipprevedix dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn ksur ta’ dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 34).

75

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma marbuta madankollu li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Huwa kull korp tal-Istat Membru kkonċernat u, b’mod partikolari, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, pereżempju billi jirtiraw jew jissospendu awtorizzazzjoni diġà mogħtija, sabiex titwettaq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35).

76

Fir-rigward tal-possibbiltà li tali ommissjoni tiġi rregolarizzata a posteriori, id-Direttiva 85/337 ma tipprekludix li regoli nazzjonali jippermettu, f’ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li tali possibbiltà ma toffrix lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jaħarbu milli japplikawhom u li din tibqa’ eċċezzjonali (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punti 3738).

77

Evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ regolarizzazzjoni, wara l-istabbiliment u t-tqegħid fis-servizz ta’ installazzjoni, ma tistax tkun limitata għall-effetti futuri tagħha fuq l-ambjent, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 41).

78

Madankollu, id-Direttiva 85/337 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, anki fin-nuqqas ta’ kull ċirkustanza eċċezzjonali pprovata, li joħorġu permess ta’ regolarizzazzjoni li għandu l-istess effetti bħal dawk marbuta ma’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija wara evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61; tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 37; kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 39).

79

L-imsemmija direttiva tipprekludi wkoll miżura leġiżlattiva li tippermetti, mingħajr ma timponi evalwazzjoni ulterjuri, u fin-nuqqas ta’ kull ċirkustanza eċċezzjonali partikolari, li proġett li kellu jkun issuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, jitqies li kien ġie ssuġġettat għal tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 38).

80

Bl-istess mod, id-Direttiva 85/337 tipprekludi li l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha suxxettibbli għal rikors kontenzjuż dirett, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikunu purament u sempliċement meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 43).

81

F’din il-kawża, huwa stabbilit li, matul riforma leġiżlattiva li saret f’Lulju 2010, l-Irlanda introduċiet fil-leġiżlazzjoni tagħha proċedura ta’ regolarizzazzjoni ta’ proġetti li ġew awtorizzati bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet ta’ din il-proċedura huma previsti fil-Parti XA tal-PDAA, li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew adottati bl-għan li jikkonformaw mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

82

Għalhekk, minn naħa, skont l-Artikolu 177B(1) u (2)(b) tal-Parti XA tal-PDAA, meta, b’mod partikolari permezz ta’ “sentenza definittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jiġi deċiż li awtorizzazzjoni relatata ma’ proġett li għalih evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet rikjesta tkun ingħatat illegalment, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat avviż bil-miktub lill-operatur tal-proġett li fih tordna lil dan tal-aħħar sabiex jippreżenta applikazzjoni sabiex jikseb awtorizzazzjoni sostituttiva. L-Artikolu 177B tal-Parti XA tal-PDAA jippreċiża, fil-paragrafu 2(c) tiegħu, li dan l-avviż għandu jordna lill-operatur tal-proġett sabiex iwettaq, fl-istess ħin li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, dikjarazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent (“remedial environmental impact statement”).

83

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 177C tal-Parti XA tal-PDAA jippermetti, fl-istess ċirkustanzi, lill-operatur ta’ proġett awtorizzat bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent li jitlob il-ftuħ tal-proċedura ta’ regolarizzazzjoni. Jekk l-applikazzjoni tiegħu tintlaqa’, l-operatur għandu jipprovdi, skont l-Artikolu 177D(7)(b) tal-Parti XA tal-PDAA, dikjarazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent.

84

Xorta jibqa’ l-fatt li, fid-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jiġifieri l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 67), jiġifieri, konformement mal-ittra ta’ intimazzjoni tat‑22 ta’ Marzu 2010 msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, fl-aħħar ta’ Mejju 2010, l-Irlanda kienet naqset milli twettaq evalwazzjoni ġdida tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni u għalhekk injorat l-awtorità marbuta mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), fir-rigward tat-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha.

85

L-Irlanda madankollu sostniet, matul is-seduta, li, f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, hija ma hijiex, finalment, f’pożizzjoni li tapplika l-proċedura ta’ regolarizzazzjoni ex officio. Fil-fatt, wara li bdiet din il-proċedura skont l-Artikolu 177B tal-Parti XA tal-PDAA, l-awtoritajiet komunali kompetenti f’dan ir-rigward kienu temmew din il-proċedura. Għalkemm dawn l-awtoritajiet huma emanazzjoni tal-Istat, dawn huma indipendenti u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Gvern Irlandiż.

86

Bl-istess mod, l-Irlanda tallega li hija ma setgħetx iġġiegħel lill-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ sabiex jitlob awtorizzazzjoni sostituttiva skont l-Artikolu 177C tal-Parti XA tal-PDAA. Ċertament, dan l-operatur huwa 100 % sussidjarja ta’ entità semipubblika li minnha 90 % tal-ishma huma miżmuma mill-Irlanda. Madankollu, dan huwa indipendenti fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tiegħu.

87

L-Irlanda ssostni wkoll li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-irtirar ta’ deċiżjoni amministrattiva, bħall-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża, li, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors dirett u li, konsegwentement, tkun saret definittiva.

88

Madankollu, dawn l-argumenti tal-Irlanda għandhom jiġu miċħuda.

89

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 29, u tal‑24 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑433/15, EU:C:2018:31, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-Irlanda, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), ma tistax tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ tnedija ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni, bħall-Artikolu 177B u l-Artikolu 177C tal-Parti XA tal-PDAA, li hija introduċiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha preċiżament bl-għan li tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

90

Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-allegata impossibbiltà għal dan l-Istat Membru li jobbliga lill-awtoritajiet komunali kompetenti li jibdew il-proċedura ta’ regolarizzazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Irlandiża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, kull korp tal-imsemmi Stat Membru u, b’mod partikolari, dawn l-awtoritajiet komunali huma obbligati li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ.

91

Fir-rigward, sussegwentement, tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, jiġifieri r-rifjut tiegħu li jibda l-proċedura ta’ regolarizzazzjoni skont l-Artikolu 177C tal-Parti XA tal-PDAA, huwa biżżejjed li jsir riferiment, mutatis mutandis, għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, peress li dan l-operatur huwa kkontrollat mill-Irlanda. Għalhekk, l-imsemmi operatur għandu jitqies bħala emanazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li fuqha, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, huma imposti l-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Medipac‑Kazantzidis, C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Fir-rigward tal-argument tal-Irlanda bbażat fuq il-fatt li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija illegalment lill-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ Stat Membru li josserva l-obbligi imposti fuqu mit-Trattat jew minn att ta’ dritt sekondarju u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm l-irtirar ta’ att illegali għandu jseħħ f’terminu raġonevoli u li għandu jitqies sa fejn il-persuna kkonċernata setgħet eventwalment toqgħod fuq il-legalità ta’ dan l-att, xorta jibqa’ l-fatt li tali rtirar huwa, bħala prinċipju, permess (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, EU:C:2006:287, punti 6768).

93

Għalhekk, l-Irlanda ma tistax tinvoka ċ-ċertezza legali kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tal-operatur ikkonċernat fi drittijiet miksuba sabiex topponi l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tagħha tal-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva 85/337 fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 69).

94

Fi kwalunkwe każ, l-Irlanda tafferma biss li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn jew, rispettivament, ta’ tmien ġimgħat, iffissat mill-PDAA, l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni ma setgħux jibqgħu s-suġġett ta’ rikors dirett u ma jistgħux jiġu kkontestati mill-awtoritajiet nazzjonali.

95

Issa, permezz ta’ dan l-argument, l-Irlanda injorat, madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma għadhiex esposta għal rikors kontenzjuż dirett, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jistgħux ikunu purament u sempliċement meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

96

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm ċertament ma huwiex eskluż li evalwazzjoni mwettqa wara l-istabbiliment u t-tqegħid fis-servizz tal-installazzjoni kkonċernata sabiex tiġi rrimedjata l-ommissjoni li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti tagħha fuq l-ambjent qabel ma ngħataw l-awtorizzazzjonijiet, tista’ twassal jew għall-irtirar tagħhom, jew għall-modifika tagħhom, din il-konstatazzjoni hija bla preġudizzju għall-possibbiltà eventwali ta’ operatur ekonomiku, li jkun aġixxa konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li rriżulta li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li jressaq kontra dan l-Istat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, talba għal kumpens għad-dannu mġarrab b’konsegwenza tal-azzjonijiet u tal-ommissjonijiet tal-imsemmi Stat.

97

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), f’dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

L-argumenti tal-partijiet

98

Peress li qieset li l-Irlanda kienet għadha ma kkonformatx ruħha mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), il-Kummissjoni titlob li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat iħallas somma f’daqqa ta’ EUR 1 343.20 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn id-data ta’ din is-sentenza u, jew id-data ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza mill-Irlanda, jew id-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża jekk din id-data tal-aħħar tiġi qabel id-data ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), filwaqt li huwa mifhum li s-somma f’daqqa minima għandha tkun ta’ EUR 1685000.

99

Hija titlob ukoll li l-Irlanda tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 12264 għal kull jum mid-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża sad-data ta’ eżekuzzjoni mill-Irlanda tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

100

Filwaqt li tirreferi għall-Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658 tat‑12 ta’ Diċembru 2005 intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]”, kif aġġornata mill-komunikazzjoni tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2017 intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-[Qorti tal-Ġustizzja] fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2017, C 431, p. 3), il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għal kull jum għandu jiġi ddeterminat billi ammont bażiku uniformi ta’ EUR 700 jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent tal-gravità ta’ 2 fuq skala minn 1 sa 20 kif ukoll b’koeffiċjent tad-dewmien ta’ 3, jiġifieri l-koeffiċjent massimu. Ir-riżultat miksub għandu jiġi mmultiplikat b’fattur “n”, iffissat għal 2.92 għall-Irlanda. Għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tas-somma f’daqqa, l-ammont bażiku b’rata fissa huwa ffissat għal EUR 230 għal kull jum u għandu jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 2 u l-fattur “n” iffissat għal 2.92. It-total miksub għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li fihom jibqa’ jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

101

F’dak li jirrigwarda l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kif prevista mid-Direttiva 85/337, tal-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 102 u 104 tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), kif ukoll taż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet, marbut mal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, li kkawża ħsara ambjentali sostanzjali.

102

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru li l-Irlanda diġà kisret id-Direttiva 85/337 diversi drabi. Għalkemm dan l-Istat Membru sadanittant wettaq it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-Kummissjoni, huwa ma wettaq l-ebda progress li seta’ jirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ilu jippersisti għal perijodu partikolarment twil.

103

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tenfasizza li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ regolarizzazzjoni taqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà tal-Irlanda u ma tiddependix mill-opinjoni tal-Kummissjoni. L-Irlanda kellha tadotta tali miżuri fl-iqsar żmien possibbli.

104

L-Irlanda tqis li, f’din il-kawża, hija diġà kkonformat ruħha mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), peress li hija ħadet il-miżuri li jaqgħu taħt il-kontroll tagħha billi stabbilixxiet “dokument kunċettwali” li jipprevedi evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent imwettqa mill-operatur ta’ dan il-qasam.

105

Il-fatt li kien meħtieġ jgħaddi ċertu żmien għat-tfassil ta’ dan id-dokument ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-kuntatti mal-Kummissjoni kienu indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-imsemmi dokument.

106

Barra minn hekk, ir-rikors tal-Kummissjoni ma jidentifikax il-miżuri li l-adozzjoni tagħhom hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), fir-rigward tat-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha. Issa, l-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità għandu preċiżament l-għan tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

107

Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma distinti, għar-raġuni mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, minn dawk li wasslu għas-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589), kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn is-sentenzi jikkorroboraw l-argument tal-Kummissjoni, huma jindikaw diverġenza mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam. Għaldaqstant, l-ebda sanzjoni ma għandha tiġi imposta minħabba kwalunkwe ksur imwettaq fil-perijodu ta’ qabel Lulju 2017.

108

L-Irlanda tfakkar, barra minn hekk, li l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja u li hija din tal-aħħar li għandha tiffissa sanzjoni xierqa u proporzjonata. Din il-kawża hija unika u anormali, li hija ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddetermina l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji.

109

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, l-Irlanda tqis li l-koeffiċjent minimu għandu japplika, b’mod partikolari fid-dawl tat-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 85/337, tal-bona fide tal-Irlanda u tad-diffikultajiet fattwali u legali ta’ din il-kawża. Għandhom jitqiesu wkoll il-progress magħmul mill-Irlanda f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha u l-fatt li ma ġietx prodotta l-prova li ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet f’Derrybrien kien marbut mal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ. Barra minn hekk, l-Irlanda kkooperat mal-Kummissjoni b’mod kostruttiv u wriet li kienet iddeterminata sabiex issolvi l-problemi inkwistjoni. Iż-żmien li għadda bejn Diċembru 2016 u Ottubru 2017 kien dovut għal sempliċi nuqqas ta’ ftehim bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni u ma jurix nuqqas ta’ kooperazzjoni.

110

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u tad-diffikultajiet li jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ regolarizzazzjoni li huwa konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, lanqas ma jkun xieraq li jiġi applikat koeffiċjent tad-dewmien.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq is-somma f’daqqa

112

Preliminarjament għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 153).

113

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu fuq l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar jekk tali sanzjoni tiġix imposta u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 154).

114

Barra minn hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’tali mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tal-ksur ikkonstatat u l-perijodu li matulu dan ippersista mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punti 117118, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 156, 157158).

115

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni u għandu natura kemm trażversali kif ukoll fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116

L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kif prevista mid-Direttiva 85/337, hija wieħed mill-mekkaniżmi fundamentali ta’ protezzjoni tal-ambjent peress li din tippermetti, kif tfakkar fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li jiġi evitat, mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli tittieħed azzjoni sussegwentement kontra l-effetti tagħhom.

117

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-Istati Membri tal-inqas iħassru l-konsegwenzi illegali li jirriżultaw minn dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35).

118

Kif jirriżulta mill-punti 23 sa 36 ta’ din is-sentenza, sa mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), li jikkonsisti fil-ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel l-awtorizzazzjoni u l-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, għaddew iktar minn ħdax‑il sena mingħajr ma l-Irlanda adottat il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza, f’dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha.

119

Ċertament, l-Irlanda adottat, f’Lulju 2010, il-PDAA, li l-Parti XA tagħha tipprevedi proċedura ta’ regolarizzazzjoni ta’ proġetti awtorizzati bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, ftit iktar minn sentejn iktar tard, dan l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni li ma kienx ser japplika l-proċedura ta’ regolarizzazzjoni, filwaqt li, minn April 2009, huwa kien sostna l-kuntrarju. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda pproponiet li timplimenta evalwazzjoni mhux uffiċjali, li ma kellha l-ebda bażi legali. Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Marzu 2019, u għalhekk jumejn qabel is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, l-Irlanda reġgħet biddlet il-pożizzjoni tagħha u issa tallega li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ser jitlob l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ regolarizzazzjoni prevista fil-Parti XA tal-PDAA. Madankollu, fis-seduta, l-Irlanda ma setgħetx tindika jekk din il-proċedura hijiex ser tinbeda, ex officio, mill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 177B tal-Parti XA tal-PDAA, jew fuq talba tal-imsemmi operatur, skont l-Artikolu 177C tal-Parti XA tal-PDAA. Hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tindika d-data tal-bidu ta’ din il-proċedura. Sal-lum, l-ebda informazzjoni oħra ma waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

120

Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġir tal-Irlanda juri li dan l-Istat Membru ma aġixxiex b’mod konformi mal-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fit-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), u dan jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti.

121

Peress li l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza għadha ma seħħitx, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ħlief tikkonstata ksur fuq perijodu partikolarment twil li, fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent imfittex mid-Direttiva 85/337, huwa ċertament gravi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 94).

122

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak li fih din tal-aħħar hija adita mill-Kummissjoni. Issa, fil-każ inkwistjoni, it-tul tal-ksur, jiġifieri iktar minn ħdax‑il sena mid-data tal-għoti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), huwa kunsiderevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 99).

123

Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess li huwa jagħti lil applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 100).

124

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru, kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101).

125

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, għall-prevenzjoni effettiva ta’ repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi imposta somma f’daqqa b’ammont li għandu jiġi ffissat għal EUR 5000000.

126

Konsegwentement, l-Irlanda għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 5000000.

Fuq il-pagamenti ta’ penalità

127

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kif ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 118 u 119 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda għadha ma wettqitx evalwazzjoni tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni, mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337. Fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, din ma għandha l-ebda informazzjoni li turi kwalunkwe bidla ta’ din is-sitwazzjoni.

129

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata l-Irlanda baqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

130

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tal-Irlanda għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex iġġiegħel lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

131

Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, hija ġurisprudenza stabbilita li din għandha tiġi stabbilita skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jibdel l-aġir tiegħu u jtemm il-ksur inkriminat. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità, b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 117118).

132

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lill-Istat Membru kkonċernat itemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 119).

133

Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jitqiesu, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 120).

134

F’din il-kawża, fid-dawl tal-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 115 sa 124 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15000 għal kull jum.

135

Għalhekk, l-Irlanda għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15000 għal kull jum ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni sħiħa tal-ewwel sentenza.

Fuq l-ispejjeż

136

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Irlanda tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

L-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 5000000.

 

3)

L-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15000 għal kull jum mill-għoti ta’ din is-sentenza sad-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).

 

4)

L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.

Fuq