Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62018CJ0128
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 October 2019.#Dumitru-Tudor Dorobantu.#Request for a preliminary ruling from the Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.#Reference for a preliminary ruling — Police and judicial cooperation in criminal matters — Framework Decision 2002/584/JHA — European arrest warrant — Grounds for refusal of execution — Article 4 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union — Prohibition of inhuman or degrading treatment — Conditions of detention in the issuing Member State — Assessment by the executing judicial authority — Criteria.#Case C-128/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ottubru 2019.
Dumitru-Tudor Dorobantu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kriterji.
Kawża C-128/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ottubru 2019.
Dumitru-Tudor Dorobantu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kriterji.
Kawża C-128/18.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:857
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti– Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kriterji”
Fil-Kawża C-128/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra
Dumitru-Tudor Dorobantu
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Safjan (relatur) u P. G. Xuereb, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal D-T Dorobantu, minn G. Strate, J. Rauwald u O.‑S. Lucke, Rechtsanwälte, |
– |
għal Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, minn G. Janson u B. von Laffert, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, M. Hellmann kif ukoll minn A. Berg, sussegwentement minn M. Hellmann u A. Berg, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul, A. Honhon kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. S. Wolff, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Mullan, BL, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino u S. Faraci, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós, G. Tornyai kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr kif ukoll minn C.-M. Florescu, A. Wellman u O.‑C. Ichim, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, Rettifika ĠU L 17, 22.01.2009, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-12 ta’ Awwissu 2016 mill-Judecătoria Medgidia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Medgidia, ir-Rumanija) kontra Dumitru-Tudor Dorobantu, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali fir-Rumanija. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-KEDB
3 |
Taħt it-titolu “Projbizzjoni tat-tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jistipula: “Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
4 |
L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprovdi li: “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattament inumani jew degradanti.” |
5 |
L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”) jippreċiżaw, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tal-Karta, li “d-dritt fl-[imsemmi] Artikolu [...] jikkorispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandu l-istess kliem” u li, “[b]is-saħħa ta’ l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu għalhekk l-istess sens u l-istess ambitu bħall-Artikolu tal-KEDB”. |
6 |
L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.” |
7 |
L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jispeċifikaw, fir-rigward tal-Artikolu 52(3) tagħha, li “[i]r-referenza għall-KEDB tkopri kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokolli tagħha”, li “[l]-aħħar sentenza tal-paragrafu ġiet imfassla sabiex tippermetti lill-Unjoni [Ewropea] tiggarantixxi protezzjoni aktar estensiva” u li “[f]i kwalunkwe każ, il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Karta qatt ma jista’ jkun inqas minn dak li huwa ggarantit mill-KEDB”. |
8 |
Skont l-Artikolu 53 tal-Karta, intitolat “Il-livell ta’ protezzjoni”: “Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-“KEDB”, u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
9 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].” |
10 |
L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
11 |
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari. |
12 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”: “1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 2. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. [...]”. |
13 |
L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.” |
14 |
L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprovdi: “1. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata. 2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17. 3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.” |
15 |
Skont l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”: “1. Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza. 2. F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens 3. F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta. 4. Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor. [...]”. |
Id-dritt Ġermaniż
Il-liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja
16 |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 101(1) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl. 1949, p. 1), tipprevedi: “Ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mill-qorti legali tiegħu.” |
Il-liġi dwar l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali reċiproka f’materji kriminali
17 |
L-Artikoli 78 sa 83k tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali Reċiproka f’Materji Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Europäisches Haftbefehlsgesetz (il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), tal-20 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1721), ittrasponew id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż. |
18 |
L-Artikolu 73 ta’ din il-liġi, kif emendata bil-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, jistipula: “L-assistenza legali, u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel, huma illegali jekk jiksru prinċipji essenzjali tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż. F’każ ta’ talba skont il-parti tmienja, disa’ jew għaxra, l-assistenza legali hija illegali jekk tikser il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
Fit-12 ta’ Awwissu 2016, il-Judecătoria Medgidia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Medgidia) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra D-T. Dorobantu, ċittadin Rumen, sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali għal fatti li jikkostitwixxu delitti kontra l-proprjetà kif ukoll għal falz jew l-użu ta’ falz (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew tat-12 ta’ Awwissu 2016”). |
20 |
Permezz ta’ digrieti tat-3 u tad-19 ta’ Jannar 2017, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddikjarat li l-konsenja, b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tat-12 ta’ Awwissu 2016, ta’ D-T. Dorobantu lill-awtoritajiet Rumeni kienet leċita. |
21 |
L-imsemmija qorti fakkret, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198), li jipprovdu li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-ewwel lok, tevalwa jekk fl-Istat Membru emittenti jeżistux, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, nuqqasijiet li huma jew sistematiċi u ġġeneralizzati, jew inkella li jirrigwardaw ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti ċentri ta’ detenzjoni, u tistħarreġ, fit-tieni lok, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm riskju reali li l-persuna kkonċernata ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha previsti f’dan l-Istat. |
22 |
Fil-kuntest tal-ewwel stadju ta’ dan l-istħarriġ, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) ikkonstatat, abbażi, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tar-Rumanija kif ukoll abbażi ta’ rapport tal-Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz (il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, il-Ġermanja), l-eżistenza ta’ indizji konkreti ta’ nuqqasijiet sistematiċi u ġġeneralizzati fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija. |
23 |
Wara din il-konstatazzjoni, l-imsemmija qorti evalwat, fil-kuntest tat-tieni fażi tal-imsemmi stħarriġ, l-elementi kkomunikati, b’mod partikolari, mill-qorti li ħarġet il-mandat ta’ arrest ikkonċernat kif ukoll mill-Ministerul Justiției (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Rumanija), dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ D-T. Dorobantu fil-każ tal-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Rumeni. |
24 |
F’dan ir-rigward, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li D-T. Dorobantu, fil-kuntest ta’ detenzjoni provviżorja matul il-proċess tiegħu, ser jinżamm taħt detenzjoni f’ċellel għal erba’ persuni li d-daqs tagħhom huwa, rispettivament, ta’ 12.30 m2, ta’ 12.67 m2 jew ta’ 13.50 m2, jew f’ċellel għal għaxar persuni ta’ superfiċji ta’ 36.25 m2. Jekk D-T. Dorobantu jiġi kkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà, huwa jinżamm, għall-ewwel, f’faċilita korrettiva li fi ħdanha kull detenut għandu għad-dispożizzjoni tiegħu superfiċji ta’ 3 m2 u, wara dan, taħt l-istess kundizzjonijiet jekk jiġi suġġett għas-sistema stretta ta’ ċaħda tal-libertà jew, jekk fil-konfront tiegħu tiġi applikata s-sistema miftuħa jew parzjalment miftuħa, f’ċella li tipprovdi superfiċji ta’ 2 m2 għal kull persuna. |
25 |
Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta’ Ottubru 2009, Orchowski vs Il-Polonja (CE:ECHR:2009:1022JUD001788504), tad-19 ta’ Marzu 2013, Blejuşcă vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2013:0319JUD000791010), u tal-10 ta’ Ġunju 2014, Mihai Laurenţiu Marin vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2014:0610JUD007985712), il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) wettqet evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li mis-sena 2014 kien hemm titjib fl-imsemmija kundizzjonijiet, anki jekk superfiċji ta’ 2 m2 għal kull persuna ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-insuffiċjenza ta’ spazju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni miżmuma hija, madankollu, ampjament ikkumpensata mill-kundizzjonijiet l-oħra ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti rrilevat li r-Rumanija stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kontroll effikaċi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni. |
26 |
Il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) ikkonstatat, barra minn hekk, li, fil-każ li l-konsenja ta’ D-T. Dorobantu lill-awtoritajiet Rumeni tiġi rrifjutata, ir-reati allegati fil-konfront tiegħu jibqgħu mingħajr sanzjoni, u dan imur kontra l-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-ġustizzja kriminali fi ħdan l-Unjoni. |
27 |
Abbażi tad-digrieti tat-3 u tad-19 ta’ Jannar 2017 tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), il-Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (il-Prosekutur ta’ Hamburg, il-Ġermanja) awtorizza l-konsenja ta’ D-T. Dorobantu lill-awtoritajiet Rumeni, wara li dan tal-aħħar jiskonta l-piena ta’ priġunerija li kien ġie kkundannat għaliha għal reati oħra mwettqa fil-Ġermanja. |
28 |
D-T. Dorobantu skonta, sal-24 ta’ Settembru 2017, il-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija għal dawn ir-reati mwettqa fil-Ġermanja. |
29 |
D-T. Dorobantu ppreżenta rikors quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) kontra dawn id-digrieti tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg). |
30 |
B’digriet tad-19 ta’ Diċembru 2017, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) annullat l-imsemmija digrieti, għar-raġuni li dawn kienu jiksru d-dritt ta’ D-T. Dorobantu għal qorti legali, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 101(1) tal-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg). |
31 |
Fid-digriet tagħha, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) ikkonstatat li, fis-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2016:1020JUD000733413), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-fatt li l-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ detenut huwa ta’ inqas minn 3 m2 f’ċella kollettiva jnissel “preżunzjoni qawwijja” ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk il-perijodi ta’ spazju personali mnaqqas meta mqabbel mill-minimu meħtieġ ta’ 3 m2 jkunu qosra, okkażjonali u minuri, jekk f’dawn il-perijodi jkun hemm libertà ta’ moviment suffiċjenti barra miċ-ċella u attivitajiet xierqa barra miċ-ċella, jekk id-detenut jinżamm fi stabbiliment li joffri, b’mod ġenerali, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni deċenti u jekk dan ma jiġix suġġett għal elementi oħra li jitqiesu li jkunu ċirkustanzi aggravanti ta’ kundizzjonijiet ħżiena ta’ detenzjoni. |
32 |
Barra minn hekk, skont il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), ċerti kriterji adottati mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija għadhom, sal-ġurnata tal-lum, ma ġewx aċċettati espressament mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala elementi li jistgħu jikkumpensaw għal tnaqqis tal-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna detenuta. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn leave, li jilqa’ viżitaturi, li jkollu ħwejjġu personali maħsulin u li jwettaq xiri ta’ prodotti. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li t-titjib tas-sistema ta’ tisħin, tal-installazzjonijiet sanitarji u tal-kundizzjonijiet ta’ iġjene jista’ jikkumpensa, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għal tali tnaqqis ta’ dan l-ispazju personali. |
33 |
Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) enfasizzat ukoll li sa issa la l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma ddeċidew dwar ir-rilevanza, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ kriterji relatati mal-kooperazzjoni tal-qrati kriminali fi ħdan l-Unjoni kif ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi evitat li l-awturi ta’ reati ma jiġux issanzjonati u l-ħolqien ta’ “safe havens” għalihom. |
34 |
Il-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) għall-finijiet tal-konsenja ta’ D-T. Dorobantu ġie eżegwit sas-sospensjoni tad-detenzjoni provviżorja tal-persuna kkonċernata permezz ta’ digriet tal-istess qorti tal-20 ta’ Diċembru 2017. |
35 |
Sabiex tagħti deċiżjoni wara li l-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) bagħtet lura l-kawża, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) tistaqsi liema huma r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Karta f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti u l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tiġi evalwata b’applikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198). |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
37 |
Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Settembru 2018, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2018, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara l-ħruġ, kontra D-T. Dorobantu, tal-mandat ta’ arrest Ewropew tat-12 ta’ Awwissu 2016, dan tal-aħħar ġie kkundannat in absentia, fir-Rumanija, għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn u erba’ xhur. Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja Rumena annullat l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew u ħarġet, fl-1 ta’ Awwissu 2018, mandat ta’ arrest Ewropew ġdid għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew tal-1 ta’ Awwissu 2018”). Il-qorti tar-rinviju żammet id-domandi preliminari tagħha wara din is-sostituzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
38 |
Fl-14 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal kjarifiki lill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), b’mod konformi mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn stednitha tispeċifika, b’mod partikolari, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tal-1 ta’ Awwissu 2018 setgħux jitqiesu li huma ċerti u mhux ipotetiċi. |
39 |
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) wieġbet li, bla ħsara għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari, l-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tal-1 ta’ Awwissu 2018 kienu ċerti. |
40 |
Mill-informazzjoni li tinstab fid-digriet tal-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) tal-25 ta’ Settembru 2018 u f’din l-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2018 jirriżulta, għalhekk, li l-qorti tar-rinviju hija msejħa tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew validu (ara, a contrario, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2017, Aranyosi, C-496/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:866, punti 26 u 27). Għaldaqstant, hemm lok li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jingħataw risposta. |
Fuq id-domandi preliminari
41 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-intensita u l-firxa tal-istħarriġ li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li għandha elementi li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi u ġġeneralizzati fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan il-faċilitajiet korrettivi tal-Istat Membru emittenti, għandha, fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta, twettaq sabiex tevalwa jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm riskju reali li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun, wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, suġġetta għal trattament inuman u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dan l-istħarriġ għandux ikun komplet jew, bil-kontra ta’ dan, jekk għandux ikun limitat biss għall-każijiet ta’ insuffiċjenzi manifesti ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni. |
42 |
Fit-tieni lok, hija tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni rekwiżit ta’ spazju minimu għal kull persuna miżmuma f’ċella ta’ tali faċilità. Hija tistaqsi wkoll dwar il-metodi ta’ kalkolu ta’ dan l-ispazju meta fiċ-ċella jkun hemm għamara u infrastrutturi sanitarji, kif ukoll dwar ir-rilevanza, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ detenzjoni, bħalma huma l-kundizzjonijiet sanitarji jew il-portata tal-libertà ta’ moviment tal-persuna f’detenzjoni fi ħdan il-faċilità korrettiva. |
43 |
Fit-tielet lok, hija tistaqsi jekk l-eżistenza ta’ miżuri leġiżlattivi u strutturali li jtejbu l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din l-istess evalwazzjoni. |
44 |
Fir-raba’ lok, hija tistaqsi jekk l-eventwali nuqqas ta’ osservanza, minn dan l-Istat Membru, tar-rekwiżiti minimi dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jistax ikun kontrobilanċjat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi. |
Osservazzjonijiet preliminari
45 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula għandu preliminarjament jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 48). |
46 |
Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa nnifsu huwa msejjes fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 49). |
47 |
Għalhekk, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, abbażi ta’ dan l-istess dritt, li jippreżumu li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-drittijiet fundamentali, b’tali mod li mhux biss ma huwiex possibbli li jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, iżda talli lanqas ma huwa possibbli, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor effettivament osservax, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 50). |
48 |
Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jissanċixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-deċiżjoni qafas u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas. Filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni, li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistipula b’mod espliċitu r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 41 u 42, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 54 u 55). |
49 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet oħra għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi bejn l-Istati Membri (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 56). |
50 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-obbligu li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta jkun hemm ir-riskju li tali konsenja twassal sabiex il-persuna li kontriha nħareġ il-mandat tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84; tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 44, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 57). |
51 |
Għalhekk, meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li juru li hemm riskju reali li l-persuna detenuta tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ma għandhiex twassal għal trattament inuman jew degradanti ta’ din il-persuna (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 59). |
52 |
Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, qabel kollox, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fl-Istat Membru emittenti u li juru r-realtà ta’ nuqqasijiet li huma jew sistematiċi u ġġeneralizzati, jew inkella li jirrigwardaw ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti ċentri ta’ detenzjoni. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 60). |
53 |
F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess fil-pusess tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, abbażi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tar-Rumanija, ta’ deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi kif ukoll ta’ rapport tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-eżistenza ta’ indizji konkreti ta’ nuqqasijiet sistematiċi u ġeneralizzati fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, id-domandi tagħha huma bbażati fuq il-premessa li tali nuqqasijiet jeżistu, fatt li l-eżattezza tiegħu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni data debitament attwalizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 71). |
54 |
F’kull każ, is-sempliċi fatt li jeżistu elementi li juru nuqqasijiet li huma jew sistematiċi u ġġeneralizzati, jew inkella li jirrigwardaw ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ma jimplikax neċessarjament li, f’każ konkret, il-persuna kkonċernata tkun ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 91 u 93, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 61). |
55 |
Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ partikolari ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li juru l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet hija marbuta, wara dan, li tevalwa b’mod konkret u preċiż jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm ir-riskju reali li din il-persuna ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, suġġetta, f’dan l-aħħar imsemmi Stat, għal trattament inuman u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet li fihom ser tinżamm detenuta f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 92 u 94, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 62). |
56 |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta mfakkra fil-punti 50 sa 55 ta’ din is-sentenza tikkorrispondi, essenzjalment, mas-sens li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat lill-Artikolu 3 tal-KEDB. |
57 |
Din tal-aħħar iddeċidiet li qorti ta’ Stat parti għall-KEDB ma setgħetx tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, għar-raġuni li hemm ir-riskju li l-persuna li kontriha nħareġ il-mandat tkun suġġetta, fl-Istat ta’ emmissjoni, għal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jimplikaw trattament inuman u degradanti, meta l-imsemmija qorti ma tkunx wettqet, minn qabel, eżami attwalizzat u ddettaljat tas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta adottat id-deċiżjoni tagħha u ma kinitx ippruvat tidentifika n-nuqqasijiet strutturali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni kif ukoll riskju reali u individwalizzabbli ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB f’dan l-Istat (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs Il-Belġju, CE:ECHR:2019:0709JUD000835117, § 86). |
Fuq l-intensità u l-firxa tal-istħarriġ, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti
58 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-intensità u tal-firxa tal-istħarriġ, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn id-dritt previst fl-Artikolu 4 tagħha jikkorrispondi għad-dritt iggarantit permezz tal-Artikolu 3 tal-KEDB, is-sens u l-portata tiegħu huma l-istess bħal dawk li tagħtih din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jispeċifikaw, f’dak li jirrigwarda dan l-Artikolu 52(3), li s-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB ma humiex iddeterminati biss mit-test ta’ din il-konvenzjoni, iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
59 |
Ladarba din il-preċiżazzjoni preliminari ġiet esposta, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, sabiex ikun kopert mill-Artikolu 3 tal-KEDB, trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ gravità, li għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha tal-kawża, b’mod partikolari t-tul tat-trattament u l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu kif ukoll, xi kultant, is-sess, l-età u l-istat tas-saħħa tal-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
L-Artikolu 3 tal-KEDB huwa intiż sabiex jiżgura li kull priġunier jinżamm f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-osservanza tad-dinjità tal-bniedem, li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ma jissuġġettawx lill-persuna kkonċernata għal tbatija jew għal prova ta’ tali intensità li taqbeż il-livell inevitabbli ta’ sofferenza inerenti għad-detenzjoni u li, fid-dawl tal-ħtiġijiet prattiċi tal-priġunerija, is-saħħa u l-benesseri tal-priġunier jiġu ggarantiti b’mod adegwat (sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 90, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
F’dan il-kuntest, l-istħarriġ li, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali mfakkra fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm ir-riskju reali li l-persuna li kontriha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, suġġetta, f’dan l-aħħar imsemmi Stat, għal trattament inuman u degradanti, għandu jkun imsejjes fuq evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni rilevanti. |
62 |
Fid-dawl tal-fatt li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija ta’ natura assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 sa 87, u tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C-163/17, EU:C:2019:218, punt 78), ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, li għandu jiġi żgurat abbażi ta’ dan l-artikolu, ma jkunx iggarantit fil-każ fejn l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti mwettaq mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkun limitat biss għan-nuqqasijiet manifesti. |
63 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-firxa ta’ dan l-istħarriġ f’dak li jirrigwarda l-faċilitajiet korrettivi tal-Istat Membru emittenti, għandu jitfakkar li din l-awtorità, li għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li kontriha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, għandha tevalwa konkretament u preċiżament jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, jeżistix riskju reali li din il-persuna tiġi suġġetta, f’dak l-Istat Membru, għal trattament inuman u degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 77). |
64 |
Minn dan isegwi li l-eżami li għandu jitwettaq mill-imsemmija awtorità ma jistax, fid-dawl tan-natura konkreta u preċiża tiegħu, ikun jirrigwarda l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni li jeżistu fi ħdan il-faċilitajiet korrettivi kollha tal-Istat Membru emittenti li fihom tista’ tinżamm il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 78). |
65 |
Barra minn hekk, l-obbligu li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni għandhom li jeżaminaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fi ħdan il-faċilitajiet korrettivi kollha li fihom il-persuna kkonċernata tista’ tinżamm fl-Istat Membru emittenti huwa manifestament eċċessiv. Barra minn hekk, huwa impossibbli li dan l-eżami jitwettaq fit-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas. Tali eżami jkun għalhekk ta’ natura li jiddifferixxi b’mod sostanzjali l-konsenja ta’ din il-persuna u, għaldaqstant, iċaħħad il-funzjonament tas-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew minn kull effett utli. Minn dan jirriżulta riskju li l-persuna li kontriha nħareġ il-mandat ma tiġix issanzjonata (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 84 u 85]. |
66 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejn l-Istati Membri, li fuqha hija msejjsa s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u fid-dawl, b’mod partikolari, tat-termini imposti fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat, dawn l-awtoritajiet huma obbligati biss li jeżaminaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-faċilitajiet korrettivi li fihom, skont l-informazzjoni li hija għandha, ikun konkretament previst li l-imsemmija persuna tkun ser tinżamm, anki jekk b’mod temporanju jew b’mod tranżitorju (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 87). |
67 |
Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti tipprovdilha b’urġenza kull informazzjoni komplementari neċessarja f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom ikun konkretament previst li l-persuna kkonċernata tkun ser tinżamm f’dan l-Istat Membru (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Meta l-garanzija li l-persuna kkonċernata mhux ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi ta’ detenzjoni tagħha, irrispettivament mill-faċilità korrettiva li fiha ser tinżamm fl-Istat Membru emittenti tkun ingħatat jew, minn tal-inqas, tkun ġiet approvata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, jekk meħtieġ, wara li tkun intalbet l-assistenza tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tafda lil din tal-aħħar, minn tal-anqas fl-assenza ta’ kull element preċiż li jagħtiha x’tifhem li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fi ħdan ċentru ta’ detenzjoni speċifiku jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 112). |
69 |
Konsegwentement, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u fuq il-bażi ta’ elementi preċiżi, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikkonstata li, minkejja garanzija bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, jeżisti riskju reali li l-persuna kkonċernata tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru emittenti. |
Fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-rigward tal-ispazju personali li għandha l-persuna f’detenzjoni
70 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-rigward tal-ispazju personali disponibbli għal kull detenut fi ħdan ċella ta’ faċilità korrettiva, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li D-T. Dorobantu ser, fil-każ ta’ konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Rumeni, jinżamm f’ċella kollettiva u mhux f’ċella individwali. Għaldaqstant, u minkejja l-formulazzjoni tal-ewwel domanda magħmula, hemm lok, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li r-rekwiżiti minimi f’termini ta’ spazju personali għal kull detenut, jiġu ddeterminati biss f’dak li jirrigwarda l-inkarċerazzjoni f’ċellula kollettiva. |
71 |
F’din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, u fl-assenza, attwalment, ta’ regoli minimi f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni, ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB u, b’mod iktar preċiż, fuq is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2016:1020JUD000733413). |
72 |
Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza tal-fattur spazjali fl-evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, il-fatt li l-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ detenut ikun ta’ inqas minn 3 m2 f’ċella kollettiva joħloq preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Din il-preżunzjoni qawwija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB tista’ normalment tiġi rrifjutata biss jekk, l-ewwel nett, il-perijodi ta’ spazju personali mnaqqas meta mqabbel mal-minimu meħtieġ ta’ 3 m2 jkunu qosra, okkażjonali u minuri, it-tieni nett, jekk dawn ikunu fl-istess ħin akkumpanjati minn libertà ta’ moviment suffiċjenti barra miċ-ċella u attivitajiet adegwati barra miċ-ċella u, it-tielet nett, jekk il-faċilità toffri b’mod ġenerali kundizzjonijiet ta’ detenzjoni deċenti u jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx suġġetta għal elementi oħra li jitqiesu li jkunu ċirkustanzi aggravanti ta’ kundizzjonijiet ħżiena ta’ detenzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, ċertament, it-tul ta’ perijodu ta’ detenzjoni jista’ jkun fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tat-tbatija jew tal-umiljazzjoni mġarrba minn detenut minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tad-detenzjoni tagħha. Madankollu, il-qosor relattiv ta’ perijodu ta’ detenzjoni waħdu ma jeskludix awtomatikament it-trattament inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB, meta elementi oħra jkunu suffiċjenti sabiex dan jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 97 u 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem essenzjalment jirriżulta li meta detenut ikollu, f’ċella kollettiva, spazju personali ta’ bejn 3 u 4 m2, il-fattur ta’ spazju jibqa’ element importanti fl-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni. F’tali każ, jista’ jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB jekk in-nuqqas ta’ spazju jkun akkumpanjat minn kundizzjonijiet materjali ħżiena oħra ta’ detenzjoni, b’mod partikolari, min-nuqqas ta’ aċċess għall-bitħa jew għall-arja u għad-dawl naturali, minn ventilazzjoni ħażina, minn temperatura insuffiċjenti jew għolja wisq fil-bini, min-nuqqas ta’ intimità fil-kmamar tal-banju jew minn kundizzjonijiet sanitarji u ta’ iġjene ħżiena (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il-Kroazja CE:ECHR:2016:1020JUD000733413, § 139). |
76 |
Meta detenut ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu spazju personali ta’ iktar minn 4 m2 f’ċella kollettiva u meta, konsegwentement, dan l-aspett tal-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni tiegħu ma jagħti lok għal ebda problema, l-aspetti l-oħra ta’ dawn il-kundizzjonijiet, kif imsemmija fil-punt preċedenti, jibqgħu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2016:1020JUD000733413, § 140). |
77 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix riskju reali li l-persuna kkonċernata tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-ispazju minimu li għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha persuna f’ċella kollettiva li fiha jinsabu għamara u infrastrutturi sanitarji, huwa xieraq ukoll, fl-assenza, attwalment, ta’ regoli minimi f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Dik il-qorti tqis li għalkemm, għall-kalkolu tas-superfiċji disponibbli f’tali ċella, is-superfiċi ta’ faċilitajiet sanitarji ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, dan il-kalkolu għandu jinkludi l-ispazju okkupat mill-għamara, fejn madankollu għandu jiġi speċifikat li d-detenuti għandhom iżommu l-possibbiltà li jiċċaqilqu normalment fiċ-ċella (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2016:1020JUD000733413, § 75 u 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Rumen waqt is-seduta jirriżulta li D-T. Dorobantu għandu, wara l-konsenja tiegħu, ikun detenut fil-kuntest ta’ sistema li tippermettilu jibbenefika minn libertà ta’ moviment kunsiderevoli u, barra minn hekk, li jaħdem, u dan jillimita l-ħin mgħoddi f’ċella kollettiva tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn l-elementi u tevalwa kull ċirkustanza oħra rilevanti għall-finijiet tal-analiżi li hija mitluba twettaq konformement mal-indikazzjonijiet esposti fil-punti 71 sa 77 ta’ din is-sentenza, jekk ikun il-każ billi titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa jekk hija tqis li l-informazzjoni diġà kkomunikata minn din tal-aħħar ma hijiex suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-konsenja. |
79 |
Għandu, fl-aħħar nett jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa possibbli li l-Istati Membri jipprevedu, għas-sistema karċerarja rispettiva tagħhom, rekwiżiti minimi, f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, iktar għoljin minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Karta u mill-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, madankollu Stat Membru jista’, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, jissuġġetta l-konsenja, lill-Istat Membru emittenti, tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tal-aħħar, u mhux għall-osservanza ta’ dawk li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, soluzzjoni opposta tkun ta’ ħsara, billi tqiegħed f’dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, għall-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan li ssaħħaħ u, għalhekk, tikkomprometti l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, EU:C:2013:107, punt 63). |
Fuq ir-rilevanza tal-miżuri ġenerali intiżi sabiex itejbu l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti
80 |
F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-adozzjoni, fl-Istat Membru emittenti, ta’ miżuri li, bħall-istabbiliment ta’ sistema ta’ medjazzjoni jew l-istabbiliment ta’ qrati għall-eżekuzzjoni ta’ pieni, huma intiżi li jsaħħu l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm stħarriġ, b’mod partikolari, ġudizzjarju ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni mwettaq a posteriori jikkostitwixxi element importanti li jista’ jikkontribwixxi sabiex iħajjar lill-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar itejjeb l-imsemmija kundizzjonijiet u li, għaldaqstant, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet li fihom ikun maħsub li ser tinżamm persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li tali stħarriġ ma huwiex, waħdu, ta’ natura li jelimina r-riskju li dik il-persuna, wara l-konsenja tagħha, tkun suġġetta għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 74). |
81 |
Għalhekk, anki jekk l-Istat Membru emittenti jipprovdi rimedji li jippermettu li l-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tiġi mistħarrġa fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jibqgħu marbuta li jagħmlu eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata, sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni tagħhom dwar il-konsenja ta’ din il-persuna ma tkunx ser tesponiha, minħabba l-imsemmija kundizzjonijiet, għal riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C-220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 75). |
Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll dwar il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi
82 |
Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti minħabba li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru emittenti jonqsu milli jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tistax tiġi bbilanċjata, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar din il-konsenja, ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi, għandu jiġi osservat li n-natura assoluta, imfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tipprekludi li d-dritt fundamentali li wieħed ma jkunx suġġett għal tali trattamenti jista’ jkun b’xi mod limitat minn tali kunsiderazzjonijiet. |
83 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-neċessità li jiġi ggarantit li l-persuna kkonċernata ma tiġix, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, suġġetta għal xi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tiġġustifika, eċċezzjonalment, limitazzjoni tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 82, 98 sa 102 u 104). |
84 |
Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-eżistenza ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm ir-riskju li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, suġġetta għal tali trattament minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fil-faċilità korrettiva li fiha jkun konkretament previst li din il-persuna tkun ser tinżamm ma tistax tiġi bbilanċjata, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar l-imsemmija konsenja, ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi. |
85 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun is-segwenti:
|
Fuq l-ispejjeż
86 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi u ġġeneralizzati fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan il-faċilitajiet korrettivi tal-Istat Membru emittenti, hija għandha, sabiex tevalwa jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li hemm riskju reali li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-imsemmi Stat Membru, suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti materjali rilevanti kollha tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-faċilità korrettiva li fiha jkun konkretament previst li din il-persuna tinżamm, bħall-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull detenut f’ċella ta’ din il-faċilità, il-kundizzjonijiet sanitarji kif ukoll il-portata tal-libertà ta’ moviment li d-detenut għandu fi ħdan l-imsemmija faċilità. Din l-evalwazzjoni ma hijiex limitata għall-istħarriġ tal-insuffiċjenzi manifesti. Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha titlob mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti l-informazzjoni li hija tqis neċessarja u għandha tafda, bħala prinċipju, fuq il-garanziji mogħtija minn din l-awtorità tal-aħħar, fl-assenza ta’ elementi preċiżi li jippermettu li jitqies li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jiksru l-Artikolu 4 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ispazju personali mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna detenuta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-assenza, attwalment, ta’ regoli minimi f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni, tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalkemm, għall-kalkolu ta’ dan l-ispazju disponibbli, is-superfiċi ta’ faċilitajiet sanitarji ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, dan il-kalkolu għandu jinkludi l-ispazju okkupat mill-għamara. Madankollu, id-detenuti għandhom iżommu l-possibbiltà li jiċċaqilqu normalment fiċ-ċella. |
L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax teskludi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata għandha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-Istat Membru emittenti, rimedju li jippermettilha tikkontesta l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha jew li jeżistu, f’dan l-Istat Membru, miżuri leġiżlattivi jew strutturali, intiżi li jsaħħu l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni. |
Il-konstatazzjoni, mill-imsemmija awtorità, tal-eżistenza ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, suġġetta għal tali riskju minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jeżistu fil-faċilità korrettiva li fiha jkun konkretament previst li din il-persuna tkun ser tinżamm ma tistax tiġi bbilanċjata, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar l-imsemmija konsenja, ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.