Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CC0515

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2019.
    Uniwersytet Wrocławski u Ir-Repubblika tal-Polonja vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA).
    Appell – Rikors għal annullament – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawżi magħquda C-515/17 P u C-561/17 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:774

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fl‑24 ta’ Settembru 2019 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑515/17 P u C‑561/17 P

    Uniwersytet Wrocławski

    vs

    L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) (C‑515/17 P)

    u

    Ir-Repubblika tal-Polonja

    vs

    Uniwersytet Wrocławski,

    L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) (C‑561/17 P)

    “Appell – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati f’rikorsi diretti – Kunċett ta’ ‘avukat’ – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Possibbiltà li jiġi rrimedjat difett fir-rappreżentanza legali”

    Werrej

     

    I. Introduzzjoni

     

    II. Il-kuntest ġuridiku

     

    III. Id-digriet appellat

     

    IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    V. Evalwazzjoni

     

    A. Fuq il-ġenesi u l-problemi attwali

     

    1. L-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza dwar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

     

    a) L-oriġini mid-dritt tal-kompetizzjoni

     

    b) It-“trasferiment” tar-rekwiżit ta’ indipendenza għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

     

    2. L-aspetti problematiċi tat-“trasferiment” u l-konsegwenzi proċedurali tiegħu

     

    a) Il-kuntest

     

    b) In-natura mhux ċara tal-kriterju

     

    c) Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza

     

    B. L-għażliet u l-elementi varjabbli

     

    1. L-għażliet

     

    a) Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

     

    b) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

     

    2. L-għan tar-rappreżentanza legali

     

    C. Kriterju rrivedut

     

    1. Fuq id-dimensjoni sostantiva

     

    a) Awtorizzazzjoni sabiex wieħed jipprattika quddiem il-qrati nazzjonali

     

    b) L-istatus tal-avukat – terz indipendenti fir-rigward tar-rikorrent

     

    1) Il-kwalità ta’ terz

     

    2) Parti indipendenti

     

    2. Fuq id-dimensjoni proċedurali

     

    D. Il-kawża ineżami

     

    VI. Fuq l-ispejjeż

     

    VII. Konklużjoni

    I. Introduzzjoni

    1.

    Min huwa awtorizzat jirrappreżenta rikorrent mhux ipprivileġġat f’rikors dirett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea? Min huwa, kif deskritt mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “Avukat […] li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru”?

    2.

    Tradizzjonalment, il-proċess ta’ verifika tal-kwalifiki formali ta’ avukat, taċ-ċertifikati xierqa, u tas-setgħa tiegħu li jaġixxi f’isem rikorrent partikolari rari ġibed l-attenzjoni (ġurisprudenzjali). Il-proċess ta’ verifika seħħ bil-kwiet u mingħajr problemi, bħala inkarigu ta’ rutina tar-reġistri, b’diskussjonijiet iddedikati dwar il-kwistjoni limitati għall-esperti u għall-appassjonati tal-proċedura tal-qrati tal-Unjoni. Dan seta’ jkun il-każ li kieku l-proċess ta’ verifika, li normalment huwa formalità, ma evolviex gradwalment f’xi ħaġa pjuttost differenti.

    3.

    L-Uniwersytet Wrocławski (l-Università ta’ Wrocław, il-Polonja) ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Aġenżija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) fejn ordnat lill-università tħallas lura ċerti fondi li preċedentement ġew mogħtija lilha.

    4.

    Ir-rikors ġie ddikjarat inammissibbli minħabba nuqqas ta’ rappreżentanza legali xierqa ( 2 ). Skont il-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentant legali tal-Università ta’ Wrocław ma ssodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza li huwa marbut mal-kunċett ta’ “avukat” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”). Minkejja li huwa kkwalifikat bħala avukat skont id-dritt Pollakk u jipprattika f’uffiċċju tal-avukati, ir-rappreżentant kien ukoll qiegħed jgħallem klassijiet bħala lecturer estern fl-Università ta’ Wrocław u kkonkluda kuntratt ta’ dritt ċivili mal-università għal dan l-għan. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-eżistenza ta’ dan il-kuntratt fissret li r-rekwiżit ta’ rappreżentanza legali indipendenti ma ġiex issodisfatt.

    5.

    Fil-kuntest ta’ dan l-appell kontra dan id-digriet, ser nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni mill-ġdid doppja tal-ġurisprudenza u tal-prassi tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam. L-ewwel nett, fuq is-sustanza, l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandha titpoġġa lura fil-konfini ta’ dak li huwa raġonevoli u prevedibbli. It-tieni nett, u forsi b’mod iktar importanti, difett potenzjali fir-rappreżentanza legali għandu jitqies bħala nuqqas proċedurali ta’ rikors, li għandu jiġi indikat sew lir-rikorrent inkwistjoni, b’mod li jingħata l-opportunità li jirrimedjah.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    6.

    L-Artikolu 19 tal-Istatut jipprevedi s-segwenti:

    “L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jkunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

    Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

    Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

    Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.

    Dawn l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

    Fir-rigward ta’ dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandha jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.”

    7.

    Skont l-Artikolu 53 tal-Istatut, “[i]l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III […]”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 19 tal-Istatut.

    8.

    L-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“RPQĠ”) jikkonċerna l-“Obbligu ta’ rappreżentanza” f’rikorsi diretti u jgħid hekk:

    “1.   Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut.

    2.   L-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta jew jassisti parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE.

    3.   Meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.

    4.   Jekk id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 u 3 ma jiġux ippreżentati, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jiġu prodotti. Jekk dawn id-dokumenti ma jiġux prodotti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors jew tan-nota.”

    III. Id-digriet appellat

    9.

    Fil‑25 ta’ Marzu 2016, l-Università ta’ Wrocław ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tar-REA li tterminaw ftehim ta’ għotja u li obbligaw lill-Università ta’ Wrocław tħallas lura l-ammonti ta’ EUR 36 508.37, EUR 58 031.38 u EUR 6 286.68 u tħallas danni fl-ammont ta’ EUR 5 803.14, u, it-tieni nett, għall-ħlas lura mir-REA ta’ dawn l-ammonti flimkien mal-interessi dovuti.

    10.

    Fir-risposta tagħha, ir-REA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ħames motivi. L-ewwel motiv kien jirrigwarda l-fatt li r-rappreżentant legali tal-Università ta’ Wrocław ma ssodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa mill-Istatut u mir-RPQĠ. Skont ir-REA, dan kien minħabba li r-rappreżentant tal-Università ta’ Wrocław kien impjegat f’wieħed miċ-ċentri ta’ riċerka ta’ din tal-aħħar.

    11.

    Fid-digriet appellat ( 3 ), il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret li r-rappreżentanti ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li r-rappreżentant ikun “avukat”. It-tieni kundizzjoni tispeċifika li l-avukat għandu jkun “awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru […]”. Filwaqt li t-tieni kundizzjoni tagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali, l-ewwel waħda ma tagħmilx tali riferiment u għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod indipendenti u mingħajr riferiment għad-dritt nazzjonali ( 4 ).

    12.

    Il-Qorti Ġenerali kompliet tispjega li r-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni tal-Istati Membri li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut, jinftiehem bħala dak ta’ avukat li jikkollabora fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li huwa meħtieġ jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u għall-interessi prevalenti tal-kawża inkwistjoni, l-assistenza legali li jeħtieġ il-klijent ( 5 ). Il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukati huwa ddeterminat mhux biss b’mod pożittiv (b’riferiment għall-obbligi etiċi) iżda wkoll b’mod negattiv (bl-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg) ( 6 ).

    13.

    B’riferiment għal Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej ( 7 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li anki jekk l-assenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn l-Università ta’ Wrocław u r-rappreżentant legali tagħha tfisser li, b’mod formali, ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ impjieg, xorta hemm riskju li l-fehma professjonali tar-rappreżentant legali tista’ tiġi influwenzata, għall-inqas parzjalment, mill-ambjent professjonali tiegħu ( 8 ).

    14.

    Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors bħala manifestament inammissibbli, fejn ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut u fuq l-Artikolu 51(1) tar-RPQĠ ( 9 ).

    IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    15.

    Id-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali ġie appellat mill-Università ta’ Wrocław (C‑515/17 P) u mir-Repubblika tal-Polonja (C‑561/17 P).

    16.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad iż-żewġ appelli.

    17.

    L-appell tal-Università ta’ Wrocław jinvoka żewġ aggravji. Hija tallega, l-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 19 tal-Istatut u, it-tieni nett, ksur tal-Artikolu 119 tar-RPQĠ. Fir-rigward tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Wrocław ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut li tgħid li l-eżistenza ta’ kuntratt bejn l-Università ta’ Wrocław u r-rappreżentant legali tagħha tfisser li r-rekwiżit ta’ indipendenza ma jistax jiġi ssodisfatt. Hija ssostni li, anki jekk il-kunċett ta’ indipendenza għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat b’mod awtonomu, huwa neċessarju li jsir riferiment għad-dritt nazzjonali f’din il-kawża. Il-kuntratt inkwistjoni ma huwiex kuntratt ta’ xogħol u, skont id-dritt Pollakk, ma jistax jitqies ekwivalenti għal dan. Kuntratt ta’ dritt ċivili, bħal dak f’din il-kawża, huwa kkaratterizzat minn ugwaljanza bejn il-partijiet u l-assenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni. Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-Università ta’ Wrocław tikkritika n-natura astratta ta’ ċerti dikjarazzjonijiet fid-digriet appellat u n-nuqqas ta’ riferiment għall-fatti tal-kawża. L-Università ta’ Wrocław titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tiddikjara li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ppreżentat regolarment u tikkundanna lir-REA għall-ispejjeż.

    18.

    L-appell ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja jinkludi tliet aggravji. Dan l-Istat Membru jqis, l-ewwel nett, li d-digriet appellat jikser it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, it-tieni nett, li dan jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, it-tielet nett, li dan jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod iktar speċifiku, ir-Repubblika tal-Polonja tissuġġerixxi li l-ġurisprudenza li tgħid li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg tfisser li avukat ma jistax jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza hija fundamentalment żbaljata. Iktar minn hekk, id-digriet appellat imur lil hinn mil-limiti ta’ din il-ġurisprudenza meta japplikaha għall-kuntratt inkwistjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija titlob ukoll li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-partijiet fil-Kawża C‑561/17 P sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    19.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut, ir-Repubblika Ċeka intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-appellanti intiżi għall-annullament tad-digriet appellat.

    20.

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, il-Krajowa Izba Radców Prawnych (il-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, il-Polonja) ingħatat permess tintervjeni insostenn tat-talba tar-Repubblika tal-Polonja, jiġifieri l-annullament tad-digriet appellat.

    21.

    Fir-risposta tagħha, ir-REA tikkontesta ż-żewġ appelli. Hija toġġezzjona għan-natura fattwali, repetittiva, mhux preċiża jew ġdida ta’ wħud mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appellanti. Hija tfakkar in-natura awtonoma tal-kunċett ta’ avukat fid-dritt tal-Unjoni. Ir-rappreżentant legali li rrapreżenta l-Università ta’ Wrocław fil-proċeduri li wasslu għad-digriet appellat huwa dipendenti fuq din l-università, jekk mhux finanzjarjament, ċertament mill-perspettiva tal-istatus professjonali tiegħu.

    22.

    Fir-replika tagħha, l-Università ta’ Wrocław ma taqbilx mal-karatterizzazzjoni tal-argumenti tagħha bħala fattwali u tindika li l-argumenti tagħha jiffokaw fuq l-Artikolu 19 tal-Istatut. Hija terġa’ ssostni l-argument tagħha li l-ġurisprudenza preċedenti ġiet applikata b’mod eċċessivament wiesa’ f’din il-kawża. Il-fatt li r-rekwiżit ta’ indipendenza jintrabat mal-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jikser l-Artikolu 19 tal-Istatut. L-indipendenza tar-rappreżentant legali tagħha ġiet żgurata b’żewġ modi: bl-applikazzjoni tar-regoli etiċi u bl-istatus tiegħu ta’ lecturer tal-univeristà.

    23.

    Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ma taqbilx mal-allegazzjonijiet tar-REA li l-argumenti tagħha huma ta’ natura fattwali. Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta wkoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut ma tistax tinjora t-tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri li ma jeskludux li avukat impjegat jista’ jkun indipendenti. Il-kunċett ta’ avukat ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt nazzjonali biss, iżda d-drittijiet nazzjonali rispettivi u l-garanziji ta’ indipendenza previsti minnhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għaliex id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi l-ebda regola f’dan ir-rigward. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li r-rappreżentant legali kkonċernat ma kienx terz fil-konfront tar-rikorrenti. Hija kkonkludiet biss li huwa ma ssodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza. Fir-rigward tal-argument imressaq mir-REA dwar il-vantaġġ miksub mir-rappreżentant legali permezz tal-“istatus” tiegħu bħala lecturer tal-università, din l-allegazzjoni hija purament astratta u ma hijiex relatata mal-elementi fattwali jew legali tal-kawża.

    24.

    Fil-kontroreplika tagħha fir-rigward taż-żewġ repliki, ir-REA ssostni li ċerti fatti esposti fl-appell ippreżentat mill-Università ta’ Wrocław huma ġodda, bħad-dettalji dwar il-karriera preċedenti tar-rappreżentant legali, il-fatt li huwa qatt ma pprovda parir legali dwar il-finanzjament inkwistjoni u l-fatt li r-rappreżentanza legali ġiet ipprovduta lill-Università ta’ Wrocław skont kuntratt konkluż mal-uffiċċju tal-avukati li fih r-rappreżentant legali huwa soċju. Ir-REA tissottometti li l-Università ta’ Wrocław tissuġġerixxi, b’mod inkorrett, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut hija bbażata fuq regoli nazzjonali. Għal dak li jirrigwarda r-replika tar-Repubblika tal-Polonja, ir-REA ssostni li wħud mill-allegazzjonijiet huma ta’ natura fattwali u li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali immotivat b’mod korrett id-deċiżjoni tagħha. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 19 tal-Istatut, ir-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax kif it-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet nazzjonali rispettivi f’dan il-kuntest huwa differenti minn interpretazzjoni bbażata fuq dan id-dritt.

    25.

    Ir-REA tiddikjara wkoll fir-risposta għaż-żewġ interventi li l-argumenti inklużi fihom huma inammissibbli, ineffettivi jew infondati.

    26.

    Is-sottomissjonijiet orali tal-Università ta’ Wrocław, tar-REA, tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali u tar-Repubblika Ċeka nstemgħu fis-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2019.

    V. Evalwazzjoni

    27.

    L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑515/17 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑561/17 P jallegaw, essenzjalment, interpretazzjoni żbaljata tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    28.

    Għar-raġunijiet indikati f’dawn il-konklużjonijiet, naqbel li dawn l-aggravji huma manifestament fondati. Id-digriet appellat għandu għaldaqstant jiġi annullat.

    29.

    Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi dwar l-ewwel aggravju taż-żewġ appelli, ma nqisx li huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appell invokati mill-appellanti, li jallegaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u (fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja) tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fehma tiegħi, dawn l-aggravji essenzjalment jikkonċernaw l-istess problema li ġiet identifikata mill-ewwel aggravju taż-żewġ appelli. Huma sempliċement jiffukaw fuq elementi jew konsegwenzi partikolari ta’ din il-problema. Fil-fatt, jekk il-kriterju li jippermetti li tiġi evalwata l-indipendenza ta’ avukat huwa diffiċilment prevedibbli, l-evalwazzjoni ta’ din l-indipendenza f’każ partikolari ser tqajjem neċessarjament kwistjonijiet ta’ ċertezza legali. F’sens simili, jekk il-kriterju jkun ikkumplikat, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju fil-każ individwali x’aktarx li ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti r-rikorrent mhux ipprivileġġat jifhem għalfejn l-avukat tiegħu ma għandux indipendenza u għalhekk ma jistax jidher quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għalhekk, l-assenza allegata ta’ ċertezza fil-formulazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza hija diskussa ulterjorment taħt l-ewwel aggravju f’dawn il-konklużjonijiet.

    30.

    Id-diskussjoni tal-ewwel aggravju taż-żewġ appelli hija strutturata kif ġej: Ser nibda billi neżamina l-ġenesi tal-interpretazzjoni attwali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut u nidentifika l-problemi li jirriżultaw minn din l-interpretazzjoni (A). Imbagħad ser nistabbilixxi l-għażliet għal interpretazzjoni aġġustata mill-ġdid tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, filwaqt li nfakkar ir-raġuni fundamentali wara r-rappreżentanza legali, li għandha tispira din l-interpretazzjoni (B). Imbagħad ser inkompli billi nissuġġerixxi kriterju rrivedut skont it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, inkluż aġġustament mill-ġdid kemm tas-sustanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tal-konsegwenzi proċedurali marbuta ma’ nuqqas ta’ osservanza (C). Finalment, bl-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għal din il-kawża, jiena marbut nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali fil-fatt żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni (D).

    A. Fuq il-ġenesi u l-problemi attwali

    31.

    Il-kunċett ta’ avukat fil-ġurisprudenza dwar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ma ġiex stabbilit speċifikament għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Minflok, huwa riżultat ta’ “trasferiment” ta’ ġurisprudenza minn qasam differenti tad-dritt tal-Unjoni u kuntest differenti (1). Gradwalment, dan it-“trasferiment”, flimkien ma’ nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati u l-konsegwenzi pjuttost severi għal nuqqas ta’ osservanza, bdew jiġġeneraw numru ta’ problemi (2).

    1.   L-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza dwar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

    32.

    L-Artikolu 19 tal-Istatut jipprevedi li rikorrenti mhux ipprivileġġati għandhom jiġu rrappreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni minn “avukat” (it-tielet paragrafu) u li “[a]vukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru […] jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti” (ir-raba’ paragrafu).

    33.

    It-tifsira tar-raba’ paragrafu ma rriżultatx fi problemi partikolari. Kif wieħed jista’ jimmaġina, ġie deċiż li rappreżentanti legali li ma kinux membri tal-kamra tal-avukati nazzjonali, u li għaldaqstant ma kinux awtorizzati jipprattikaw fi Stat Membru, ma kinux jissodisfaw din il-kundizzjoni ( 10 ).

    34.

    Madankollu, fl-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-ġurisprudenza ssir kumplessa.

    35.

    Il-kunċett ta’ “avukat” inkluż fih ġie meqjus li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-fattur ċentrali u determinanti tiegħu huwa, skont il-ġurisprudenza, l-“indipendenza”. Għaldaqstant, l-“indipendenza” tfaċċat bħala kundizzjoni li, minkejja li forsi tikkorrispondi għall-karatterizzazzjoni tradizzjoni tal-professjoni ta’ avukat ( 11 ), ma hijiex iddikjarata, wisq inqas spjegata, fir-regoli proċedurali tal-qrati tal-Unjoni.

    36.

    Madankollu, il-kontenut tal-kunċett ta’ indipendenza ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizja l-ewwel darba sabiex jiddefinixxi d-dokumenti li huma protetti mis-sigriet professjonali f’investigazzjonijiet imwettqa fil-qasam tal-kompetizzjoni (a). Kien biss iktar tard li sussegwentement ġie “ttrasferit” sabiex isostni interpretazzjoni partikolari tal-kunċett ta’ “avukat” għall-finijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Din l-interpretazzjoni sussegwentement ġiet applikata għal firxa pjuttost vasta ta’ xenarji fattwali. Fil-proċess, ir-rabta mar-raġuni fundamentali u mal-għan oriġinali tal-kunċett tal-indipendenza ntilef (b).

    a)   L-oriġini mid-dritt tal-kompetizzjoni

    37.

    F’AM & S Europe ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nullità tad-dispożizzjoni rilevanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din kienet teħtieġ ir-rikorrent jipproduċi ċerti dokumenti meqjusa li huma koperti mis-sigriet professjonali. Fl-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa investigattiva tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 17 ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub bejn avukat u l-klijent tiegħu, “bil-kundizzjoni li, minn naħa, tali komunikazzjonijiet isiru għall-għanijiet u fl-interessi tad-drittijiet għal difiża tal-klijent u, min-naħa l-oħra, jirriżultaw minn avukati indipendenti, jiġifieri, avukati li ma humiex marbuta mal-klijent b’relazzjoni ta’ impjieg” ( 14 ).

    38.

    It-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u d-distinzjoni li tirriżulta bejn avukat intern (impjegat) u estern (“indipendenti”) “hija bbażata fuq il-kunċett tar-rwol tal-avukat li jikkollabora fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja mill-qrati u li jkun meħtieġ jipprovdi, b’indipendenza sħiħa, u fl-interessi prevalenti tal-kawża, tali assistenza legali li l-klijent jeħtieġ. Il-kontroparti ta’ din il-protezzjoni huma r-regoli tal-etika u d-dixxiplina professjonali li huma stabbiliti u inforzati fl-interess ġenerali mill-istituzzjonijiet li għandhom is-setgħa meħtieġa għal dan l-għan”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li tali kunċett “jirrifletti t-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u jinsab ukoll fl-ordinament ġuridiku tal-Komunità, kif muri mill-Artikolu 17 tal-Protokolli tal-Istatuti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KEE u tal-KEEA, u wkoll mill-Artikolu 20 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KEFA” ( 15 ).

    39.

    L-istess motivazzjoni ġiet applikata iktar tard f’Akzo Nobel, kawża oħra dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li kienet tirrigwarda, fost kwistjonijiet oħra, jekk is-sigriet professjonali għandux japplika għal żewġ ittri elettroniċi skambjati bejn l-impriża kkonċernata u l-avukat intern tagħha ( 16 ). Għal darba oħra fl-eżaminazzjoni tal-indipendenza tal-avukati sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sigriet professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ħolqot distinzjoni bejn l-aspetti pożittivi u negattivi tal-indipendenza ta’ avukat, u ddikjarat li l-kunċett “huwa definit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ referenza għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Avukat intern, minkejja l-fatt li huwa membru tal-Kamra tal-Avukati u minkejja li huwa suġġett għar-regoli professjonali li jirriżultaw minn dan, ma għandux l-istess grad ta’ indipendenza minn min jimpjegah bħal avukat li jkun jaħdem f’ditta ta’ avukati esterna fil-konfront tal-klijenti tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar diffiċli għal avukat intern milli għal avukat estern li jsib rimedju għal tensjonijiet eventwali bejn l-obbligi professjonali u l-għanijiet mixtieqa mill-klijent tiegħu” ( 17 ).

    40.

    Għalhekk, meta deher l-ewwel darba fil-kawżi AM & S Europe u Akzo Nobel, ir-rekwiżit dwar l-indipendenza tal-avukat ntuża sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokumenti koperti mis-sigriet professjonali. Għal dan l-għan, id-distinzjoni bejn avukati interni u esterni ġiet introdotta, u b’hekk iffokat fuq il-kwistjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol u s-subordinazzjoni inerenti fihom. L-għan ta’ din il-ġurisprudenza kien li jiġu stabbiliti l-limiti għas-setgħa investigattiva tal-Kummissjoni u li din is-setgħa tiġi bbilanċjata fil-konfront tal-bżonn li d-drittijiet tal-impriżi fil-kuntest ta’ proċeduri tad-dritt tal-kompetizzjoni jiġu protetti.

    b)   It-“trasferiment” tar-rekwiżit ta’ indipendenza għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

    41.

    Gradwalment, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza ta’ AM & S Europe u Akzo Novel bdew jiġu msemmija u invokati għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Il-ġurisprudenza fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut hija pjuttost każistika, iżda tista’ forsi b’mod ġenerali taqa’ f’waħda mit-tliet kategoriji segwenti.

    42.

    L-ewwel nett, l-obbligu li rikorrenti mhux ipprivileġġati jiġu rrappreżentati jipprekludi lil dawn ir-rikorrenti milli jirrappreżentaw lilhom innifishom ( 18 ).

    43.

    It-tieni nett, il-projbizzjoni ta’ awtorappreżentanza ġiet ikkonfermata wkoll fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi f’diversi sitwazzjonijiet li fihom ir-rappreżentant legali kellu rabtiet speċifiċi mar-rikorrent. Minħabba dawn ir-rabtiet, ir-rappreżentanti legali kkonċernati kienu meqjusa li ma jissodisfawx il-kundizzjoni li jkunu terz fir-rigward tar-rikorrent. Dawn ir-rabtiet kienu jirrigwardaw il-pożizzjonijiet ta’ amministratur ( 19 ); direttur ( 20 ); fiduċjarju ( 21 ); president tal-kumitat eżekuttiv ( 22 ); funzjonijiet oħra f’“livell eżekuttiv ogħli” ( 23 ); u s-sehem ta’ 10 % ( 24 ) fil-kumpannija rikorrenti.

    44.

    It-tielet nett, rappreżentanza legali nstabet li kienet insuffiċjenti f’kawżi fejn ir-rappreżentanti legali kienu impjegati mir-rikorrent.

    45.

    B’mod iktar speċifiku, f’Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, fejn sar riferiment, fost kawżi oħra, għall-ġurisprudenza ta’ AM & S Europe u Akzo Nobel, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni” bejn ir-rappreżentant legali u parti marbuta mar-rikorrent “timplika grad ta’ indipendenza inqas minn dik li għandu konsulent legali jew avukat li jeżerċita l-attività tiegħu f’uffiċċju estern fir-rigward tal-klijent tiegħu” ( 25 ).

    46.

    Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, qamet diskussjoni dwar jekk il-kunċett ta’ avukat għandux jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jew b’riferiment għad-dritt nazzjonali (minħabba r-riferiment għad-dritt nazzjonali fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din tal-aħħar u spjegat li, meta jipprevedi li huwa biss avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru li jista’ jirrappreżenta parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jimponi kundizzjoni neċessarja li, madankollu, ma hijiex waħda suffiċjenti. Ma hemm l-ebda korrelazzjoni awtomatika bejn li wieħed ikun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru u quddiem il-Qrati tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ avukat skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut “huwa s-suġġett ta’ implementazzjoni oġġettiva, li hija neċessarjament indipendenti mis-sistemi legali nazzjonali” ( 26 ).

    47.

    B’mod simili għal dak li ġie deċiż fis-sentenza Akzo Nobel, f’Prezes Urzędu Komunikacji Elektroniczne, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-inkompatibbiltà bejn relazzjoni ta’ impjieg u l-possibbiltà li rappreżentant legali jaġixxi quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ indipendenza ( 27 ).

    48.

    F’kawża sussegwenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li avukat u kofundatur ta’ uffiċċju tal-avukati ma setax jiġi rrappreżentat minn avukat ieħor tal-istess uffiċċju ( 28 ). Il-Qorti Ġenerali espliċitament ċaħdet allegazzjoni li dan jammonta għal awtorappreżentanza minħabba li r-rikorrent sempliċement kien differenti mir-rappreżentant legali tiegħu ( 29 ). Il-fatt li l-avukat ma setax jidher quddiem il-Qorti Ġenerali min-naħa l-oħra kien riżultat tan-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu u, b’mod iktar speċifiku, mill-kontroll effettiv tar-rikorrent fuq l-uffiċċju tal-avukati li tiegħu l-avukat kien membru.

    49.

    Finalment, din il-kawża tidher li tinsab primarjament fit-tielet sett ta’ kawżi li jikkonċernaw avukati impjegati mir-rikorrent. Madankollu, hija b’mod ċar tieħu l-loġika li ssostni dawn il-kawżi pass ’il quddiem.

    50.

    Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rappreżentant legali ma kienx qiegħed jipprovdi pariri legali lill-Università ta’ Wrocław bħala l-impjegat tagħha. Il-kuntratt tar-rappreżentant legali mal-università kellu għan differenti, speċifikament it-tagħlim. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li eżista r-riskju li l-fehma tar-rappreżentant legali tista’ tiġi influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk ma kien hemm l-ebda kuntratt ta’ xogħol li jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi legali ( 30 ).

    2.   L-aspetti problematiċi tat-“trasferiment” u l-konsegwenzi proċedurali tiegħu

    51.

    Huwa veru li kemm il-ġurisprudenza dwar is-sigriet professjonali u l-ġurisprudenza dwar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jeżaminaw il-kunċett ta’ “indipendenza”. Il-problema hija li, f’kull wieħed minn dawn l-oqsma tal-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ indipendenza huwa użat f’kuntest pjuttost differenti, u b’għan u bi skop differenti. Għaldaqstant, isir diffiċli li wieħed sempliċement jagħmel trasferiment testwali ta’ dan il-kunċett minn fergħa għall-oħra (a). Il-kriterju li jippermetti l-evalwazzjoni tal-indipendenza ta’ avukat u l-kundizzjonijiet ta’ rappreżentanza legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati li rriżultaw minn dan it-trasferiment ma humiex, fil-fehma tiegħi, xempju taċ-ċarezza (b). Dan in-nuqqas ta’ ċarezza huwa saħanstira iktar serju fid-dawl tal-konsegwenzi severi li jista’ jkollu n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kriterji (mhux ċari) għal rikorrenti mhux ipprivileġġati (c).

    a)   Il-kuntest

    52.

    Id-dritt tal-Unjoni ma huwiex waħdu fl-iżvilupp ta’ “trasferimenti ġurisprudenzjali”. Idea jew kunċett oriġinarjament interpretat f’kuntest leġiżlattiv jew legali speċifiku tista’ tiġi trapjantata f’kuntest ieħor. Ma hemm xejn ħażin b’tali trasferiment, pjuttost l-oppost: din tħeġġeġ l-prevedibbiltà u l-koerenza ta’ sistema legali bħala xi ħaġa sħiħa.

    53.

    Madankollu, kwalunkwe trasferiment bħal dan għandu jagħmel sens fl-ambjent il-ġdid. Li ma jkunx suffiċjenti huwa “kkopjar testwali” awtomatiku, fejn it-test jittieħed b’ċitazzjonijiet sħaħ minn każ għall-ieħor, mingħajr ma jingħata ħafna ħsieb għall-kuntest jew għall-għan il-ġdid. Tali eżerċizzju x’aktarx li joħloq iktar problemi milli soluzzjonijiet.

    54.

    F’dan l-isfond, ikolli nammetti li jidher problematiku li wieħed jibbaża fuq il-ġurisprudenza ta’ AM & S Europe u Akzo Nobel bħala l-element ċentrali għall-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    55.

    Kif diġà ġie indikat ( 31 ), il-ġurisprudenza ta’ AM & S Europe u Akzo Nobel kienet tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sigriet professjonali fl-investigazzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest speċifiku, qamet il-kwistjoni ta’ pariri legali interni versus dawk esterni, li wasslet għall-kwistjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ avukati u l-indipendenza tagħhom, dejjem bl-għan li jiġi ppreżervat b’mod pożittiv ċertu spazju għall-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet fil-konfront tal-Kummissjoni. Intlaħaq bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet ta’ impriżi fil-konfront tal-Kummissjoni u s-setgħa investigattiva tagħha, u min-naħa l-oħra, il-bżonn li l-Kumissjoni tkun kapaċi tipproteġi u ttejjeb il-kompetizzjoni fl-Unjoni. Dan wassal sabiex tiġi mħaddna definizzjoni partikolari tal-“indipendenza” tal-avukat, adattata għal dan il-kuntest u għan leġiżlattiv.

    56.

    Madankollu, jista’ l-bilanċ milħuq f’dan il-kuntest speċifiku sussegwentement jittieħed u jiġi mibdul fi kriterju ġenerali għall-indipendenza tal-avukat f’kuntest differenti, fejn hemm atturi differenti b’interessi differenti, u finalment jintuża, mhux sabiex jiġi stabbilit spazju għall-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet, iżda sabiex effettivament rikorrenti mhux ipprivileġġati jiġu mċaħħda mill-aċċess tagħhom għall-qrati tal-Unjoni?

    57.

    Ma naħsibx li huwa hekk. Sabiex nibda bi kwistjoni pjuttost ovvja, il-kelma “indipendenza” lanqas biss tirriżulta fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Madankollu, hemm problema strutturali, li hija saħansitra iktar profonda: il-kunċett ta’ “indipendenza” fil-ġurisprudenza ta’ AM & S Europe u Akzo Nobel sempliċement jirrigwarda suġġett differenti mit-tielet u mir-raba’ pragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Il-portata tal-kwistjonijiet li jirrelataw mar-rappreżentanza legali f’dan l-aħħar każ hija inkomparabbilment iktar wiesgħa mis-sempliċi kwistjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ avukat intern. L-interpretazzjoni tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandha ssegwi loġikament mill-għan li fuqu hija bbażata r-rappreżentanza legali bħala tali, u l-kunsiderazzjonijiet iktar wisgħin li jikkaratterizzaw il-professjoni ta’ avukat. Il-kondotta ta’ avukat, inkluża d-deċiżjoni jekk jirrappreżentax parti minkejja li jkollu rabtiet speċifiċi ma’ din il-parti, ma għandhiex tikkunfliġġi ma’ xi obbligi ta’ dan l-avukat fil-konfront tal-parti rrappreżentata li huwa jaqdi l-interessi tagħha, iżda wkoll lejn il-qrati li quddiemhom huwa jidher, u lejn il-kollegi tiegħu ( 32 ).

    58.

    Iktar minn hekk, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ma tantx jistgħu jiġu interpretati b’mod iżolat. Huma kkomplimentati minn regoli professjonali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mill-korpi professjonali awtoregolati. Minkejja li tali regoli ma jeżistux fuq il-livell tal-Unjoni, kif ir-Repubblika tal-Polonja enfasizzat tajjeb, il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi jiżguraw (kif kwalunkwe qorti għandha tagħmel) li l-livell neċessarju jiġi osservat fil-proċeduri quddiemhom, fil-każ li tinqala’ kwistjoni f’dan ir-rigward.

    b)   In-natura mhux ċara tal-kriterju

    59.

    In-nuqqas ta’ ċarezza f’dan il-kriterju kif applikat mill-Qorti Ġenerali joriġina parzjalment min-nuqqas ta’ qbil kunċettwali li rriżulta minn dan it-trasferiment ta’ ġurisprudenza minn kuntest għall-ieħor. Huwa diffiċli li jiġu ttrapjantati d-dikjarazzjonijiet preċiżi magħmula fir-rigward tal-konsulent legali intern fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni għat-tielet u għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, li għandhom portata iktar wiesgħa u għandhom għan differenti.

    60.

    Biex nibda, il-ġurisprudenza eżistenti tinterpreta t-terminu “avukat” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut mill-perspettiva tal-kunċett ta’ indipendenza. Iżda t-tifsira ta’ dan il-kunċett u l-kriterji sabiex jiġi evalwat jibqgħu mhux ċari. Dan huwa partikolarment minnu minħabba li jidhru li ġew inklużi diversi kwistjonijiet taħt it-titolu ta’ “indipendenza”, inkluż l-istatus ta’ terz fil-konfront tar-rikorrent ( 33 ). B’kuntrast, kwistjoni li konvenzjonalment tkun tinftiehem li taqa’ taħt il-kunċett ta’ indipendenza, jiġifieri l-assenza ta’ pressjoni esterna, hija virtwalment assenti mill-ġurisprudenza.

    61.

    Hemm ukoll nuqqas ta’ ċarezza fid-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji. Pereżempju, f’każijiet fejn ir-rappreżentanti legali okkupaw diversi pożizzjonijiet fil-kumpannija kkonċernata ġew iddikjarati li jirrigwardaw il-kwistjoni ta’ awtorappreżentanza, filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ avukati impjegati kienet sa ċertu punt, jew saħansitra kompletament, isseparata mill-kwistjoni ta’ awtorappreżentanza u meqjusa li taqa’ taħt it-titolu ta’ indipendenza, liema indipendenza ma ġietx irrikonoxxuta lil tali avukat minħabba l-influwenza tal-ambjent professjonali tiegħu fuq il-fehma professjonali tiegħu.

    62.

    Anki jekk wieħed kellu jaċċetta li, f’termini kunċettwali, dawn il-kwistjonijiet kollha jistgħu jiġu indirizzati sew taħt it-titolu ta’ “indipendenza”, huwa pjuttost diffiċli li wieħed jifhem preċiżament x’inhuma r-regoli bħalissa billi jiġu eżaminati każijiet individwali. Jibqa’ mhux ċar, pereżempju, jekk, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, l-esklużjoni mill-istatus ta’ “avukat” tistax tirriżulta minn kwalunkwe parteċipazzjoni fl-istruttura tal-kumpannija rikorrenti jew biss minn parteċipazzjoni fil-korpi li jeżerċitaw il-kontroll (jew influwenza oħra) fuq ir-rikorrent. Iktar minn hekk, għal dak li jirrigwarda relazzjonijiet ta’ impjieg, ma huwiex ċar liema prinċipji bażiċi jservu sabiex jiddifferenzjaw ir-relazzjoni bejn avukat impjegat u l-persuna li timpjegah mir-relazzjoni bejn avukat u l-klijent (potenzjalment uniku jew prinċipali) tiegħu.

    63.

    L-assenza ta’ kriterji ċari għall-evalwazzjoni ta’ jekk rappreżentant legali josservax it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut twassal għal nuqqas ta’ prevedibbiltà għal rikorrenti mhux ipprivileġġati (u r-rappreżentanti legali tagħhom ( 34 )) dwar kif din id-dispożizzjoni ser tiġi interpretata meta jkunu jeżistu xi rabtiet bejn ir-rikorrent u l-avukat tiegħu.

    64.

    Nammetti mingħajr eżitazzjoni li l-qrati tal-Unjoni inevitabbilment jaffaċċjaw varjetà kbira ta’ sitwazzjonijiet fattwali fir-rigward ta’ rabtiet speċifiċi li jistgħu jeżistu bejn rappreżentant legali u rikorrent. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali korrettament tinsisti fuq il-fatt li l-indipendenza tar-rappreżentanti legali għandha tiġi evalwata każ b’każ ( 35 ).

    65.

    Madankollu, ma jistax jingħad li, minħabba l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet fattwali potenzjali, huwa impossibbli li jiġi fformulat kriterju li jiggarantixxi lir-rikorrenti l-prevedibbiltà tal-konsegwenzi potenzjali tal-għażla tar-rappreżentant legali speċifiku.

    66.

    Il-fatt li l-kriterju u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu bħalissa ma humiex prevedibbli mill-perspettiva tar-rikorrenti huwa ulterjorment sostnut mill-fatt li la l-Artikolu 19 tal-Istatut, la id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Istatut u lanqas ir-RPQĠ ma jistabbilixxu kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “avukat”. A fortiori, dawn ir-regoli proċedurali ma jgħidu xejn dwar il-kundizzjonijiet għall-indipendenza. Kif ir-Repubblika tal-Polonja innotat sewwa fis-seduta, l-ebda minn dawn ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ma jissemmew fl-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet dwar kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ).

    67.

    Li kieku f’dan l-istadju nagħlqu biss bis-suġġeriment li kwalunkwe avukat li jixtieq jirrappreżenta klijent quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa obbligat li l-ewwel jinnaviga fil-ġabriet ta’ digrieti proċedurali mhux ippubblikati, disponibbli biss b’numru limitat ta’ lingwi, sabiex jaċċerta x’tista’ tkun il-fehma attwali ta’ “indipendenza”, mela jien marbut li naqbel mar-Repubblika tal-Polonja li fil-fatt hemm kwistjoni ta’ prevedibbiltà.

    c)   Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza

    68.

    Finalment, u forsi l-iktar lampanti, għall-inqas fil-fehma tiegħi, hemm il-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali tattribwixxi għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ rappreżentanza legali indipendenti skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Il-Qorti Ġenerali tqis, kif għamlet f’din il-kawża, li l-problema identifikata bir-rappreżentanza legali tar-rikorrenti hija difett sostantiv fir-rikors li ma jistax jiġi rrimedjat u li jista’ biss iwassal għaċ-ċaħda tar-rikors bħala manifestament inammissibbli.

    69.

    L-Artikolu 51(2) tar-RPQĠ jipprevedi li l-“avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta jew jassisti parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE”.

    70.

    Jekk ir-rikorrent jonqos milli jippreżenta dan id-dokument, l-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ jipprevedi l-possibbiltà ta’ rettifika għal dan in-nuqqas. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tiddikjara li “[r]-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex [jiġi prodott dan id-dokument]. Jekk [dan id-dokument ma jiġix prodott] fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors jew tan-nota”.

    71.

    Jidher li l-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ jinftiehem mill-Qorti Ġenerali bħala li jippermetti biss ir-rettifika tar-rekwiżit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-avukat li jipprattika quddiem il-qrati nazzjonali ( 37 ). Fi kliem ieħor, jidher li jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lir-rikorrent jipproduċi prova li l-avukat tiegħu fil-fatt huwa rreġistrat ma’ kamra tal-avukati nazzjonali fejn iċ-ċertifikat rilevanti ma jkunx ġie ipprovdut. Ma jidhirx li jinftiehem fis-sens li jawtorizza lir-rikorrent li jiġi informat li hemm kwistjoni bir-rappreżentanza legali tiegħu jew sabiex jibdel ir-rappreżentant legali tiegħu, jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-rappreżentant legali ma jistax jitqies bħala “avukat” skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    72.

    Ikolli nammetti li jiena kemxejn konfuż b’formulazzjoni bħal din. Għalissa ser ninjora l-kwistjoni dwar jekk problema bir-rappreżentanza legali ta’ parti tistax qatt titqies bħala difett sostantiv f’rikors li ma jistax jiġi rrimedjat ( 38 ) li awtomatikament ikun iwassal għal sanzjoni effettiva kontra r-rikorrent innifsu (minflok, iktar tard, kontra l-avukat li potenzjalment ikun kiser ir-regoli tal-etika). Madankollu, il-kwistjoni ta’ tali interpretazzjoni tar-RPQĠ “favur ir-rikorrent” jistħoqqilha tissemma.

    73.

    B’mod ġenerali, kodiċi ta’ proċedura (ġudizzjarja) jinkludu lista ta’ difetti sostantivi serji f’rikors (bħal fil-każ tar-rikors li jkun kompletament inkomprensibbli; li ma jsemmix is-suġġett tiegħu; li ma jindikax it-talbiet; li ma jkollux provi bażiċi insostenn tat-talba; eċċ.) li ma jistgħux jiġu rrimedjati u li fil-fatt jagħmlu r-rikors inammissibbli. B’kuntrast ma’ dan, kwalunkwe kwistjoni oħra dwar rikors li ma hijiex ta’ tali gravità li jistħoqqilha titqiegħed f’din il-lista, tipikament dawk relatati ma’ kwistjonijiet proċedurali (it-test prinċipali tar-rikors jew l-annessi ma jiġux ippreżentati f’forma jew format partikolari; l-ebda prova prodotta tal-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti; aspetti relatati mar-rappreżentanza legali; eċċ.) imbagħad titqies proċedurali u li tista’ tiġi rrimedjata wara li jinħareġ avviż lill-parti mill-qorti inkwistjoni.

    74.

    Jekk l-aċċess għall-qrati għandu jkun dritt u mhux sempliċement slogan, ir-regola ta’ interpretazzjoni sabiex wieħed jinnaviga bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ difetti x’aktarx tkun is-segwenti: jekk ma huwiex difett sostantiv li huwa fuq il-lista ta’ “nuqqasijiet li ma jistgħux jiġu rrimedjati”, għandu jkun jista’ jiġi rrimedjat. Jekk ma jkunx hemm tali lista, dak li jikkostitwixxi difett sostantiv li ma jistax jiġi rrimedjat għandu jiġi interpretat restrittivament, bħala li jinkludi biss problemi serji li fil-fatt jipprojbixxu li r-rikors jinftiehem jew jiġi ttrattat b’mod korrett.

    75.

    L-interpretazzjoni mħaddna mill-Qorti Ġenerali tidher li effettivament titlaq mis-suppożizzjoni opposta: huma biss dawk l-elementi espressament imsemmija fl-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ u interpretati b’mod strett li jistgħu jiġu rrimedjati, kwalunkwe ħaġa oħra relatata mar-rappreżentanza milli jidher ma hijiex. Iktar interessanti minn hekk, l-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ jirrigwarda r-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, li huma stabbiliti b’mod ċar fl-Istatut. Dan ifisser li nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti li huma stabbiliti b’mod ċar jista’ jiġi rrimedjat. B’kuntrast, nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit li ma huwiex espliċitament stabbilit fir-regoli proċedurali, jiġifieri r-rekwiżit tal-avukat “indipendenti” skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, iwassal sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, fejn il-Qorti Ġenerali tinsisti fuq il-fatt li nuqqas ta’ indipendenza tar-rappreżentant legali jikkostitwixxi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku ( 39 ).

    76.

    Dan ir-riżultat interpretattiv iħalli l-kwistjoni xi mkien bejn rumanz ta’ Franz Kafka u parafrażi stramba ta’ talba ta’ Game of Thrones lid-Drowned God. Ir-rekwiżiti (proċedurali) li huma stabbiliti b’mod ċar (u li wieħed jista’ għaldaqstant jistenna li avukat raġonevolment diliġenti josserva) jistgħu jiġu rrimedjati, filwaqt li r-rekwiżiti (ugwalment proċedurali) li ma humiex stabbiliti b’mod ċar (u għalhekk huma iktar diffiċli li wieħed jistenna li anki avukati raġonevolment diliġenti josserva), ma jistgħux jiġu rrimedjati. Fil-fatt, dak li huwa moħbi ma jista’ qatt jiġi rrimedjat.

    77.

    Sabiex nikkonkludi nżid li, f’dawn l-aħħar każijiet, l-ebda avviż jew twissija ma nħarġu lir-rikorrent qabel ma r-rikors tiegħu ġie ddikjarat inammissibbli. Ir-rikorrent għalhekk ma għandu l-ebda opportunità jirrimedja s-sitwazzjoni. F’termini prattiċi, ir-rikorrent – li l-avukat tiegħu, billi bbaża ruħu fuq is-sett ta’ regoli nazzjonali dwar rappreżentanza xierqa fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, ftit kellu raġuni ma jassumix li kien awtorizzat jirrappreżenta l-klijent tiegħu – jirċievi biss, xhur jew anki snin wara li t-termini kollha jkunu skadew, digriet li jiddikjara r-rikors manifestament inammissibbli, li naturalment iċaħħad lir-rikorrent milli qatt ifittex it-talbiet tiegħu fuq il-mertu.

    78.

    Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, ma nistax ħlief naqbel maż-żewġ intervenjenti li jissuġġerixxu li x-xenarju li jirriżulta huwa f’kontradizzjoni mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-dritt ta’ aċċess għall-qrati stabbilit fiha. Jiena għalhekk tal-fehma li għandha ssir reviżjoni fid-dettall tal-mod li bih it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jinftiehem u jiġi interpretat.

    B. L-għażliet u l-elementi varjabbli

    79.

    Qabel ma nissuġġerixxi kif, fil-fehma tiegħi, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandhom jiġu interpretati (mill-ġdid), għandhom jiġu ċċarati żewġ kwistjonijiet preliminari. L-ewwel nett, minn fejn għandhom jiġu r-rekwiżiti fir-rigward tal-istatus ta’ avukat li jirrappreżenta rikorrent mhux ipprivileġġat quddiem il-qrati tal-Unjoni: mid-dritt nazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni, jew miż-żewġ sistemi legali? (1) Sussegwentement, sabiex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-interessi involuti fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li titfakkar ir-raġuni fundamentali għar-regoli u għar-rekwiżiti ta’ rappreżentanza legali (2).

    1.   L-għażliet

    80.

    Żewġ tipi ta’ kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati mill-qrati tal-Unjoni meta jiġu affaċċjati bid-domanda jekk rappreżentant legali speċifiku jissodisfax l-istandards tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    81.

    L-ewwel nett, huma għandhom jivverifikaw ir-rekwiżit kemxejn formali u ġenerali skont ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru (jew ta’ Stat parti fil-Ftehim ŻEE). Ir-rappreżentant legali inkwistjoni huwa awtorizzat jirrappreżenta klijenti f’dawn it-tipi ta’ kawżi skont id-dritt nazzjonali?

    82.

    It-tieni nett, hemm il-bżonn li jiġi vverifikat li r-rappreżentant, li huwa awtorizzat b’mod ġenerali jirrappreżenta klijenti skont id-dritt nazzjonali, huwa awtorizzat ukoll jirrappreżenta l-klijent individwali fil-kawża partikolari. Din hija tip differenti ta’ evalwazzjoni, li tiffoka fuq iċ-ċirkustanzi tal-kawża individwali. Hemm kwistjonijiet problematiċi li jirriżultaw fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni fid-dawl mhux biss tal-identitajiet tar-rappreżentant u tal-klijent, u tar-relazzjoni reċiproka tagħhom, iżda wkoll tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet oħra jew is-suġġett tat-tilwima?

    83.

    Fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ evalwazzjoni, liema digrieti legali għandhom jipprevedu r-regoli applikabbli? Hemm, għall-inqas teoretikament, tliet għażliet possibbli.

    84.

    L-ewwel nett, jista’ jiġi ssuġġerit li r-regoli li jirrigwardaw l-aspetti ġenerali u speċifiċi tal-awtorizzazzjoni ta’ avukat li jirrappreżenta rikorrent għandhom jirriżultaw mir-regoli tal-Istat Membru inkwistjoni. F’tali xenarju, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, fejn ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fir-raba’ paragrafu għandu jiġi mifhum bħala li jiċċara l-kunċett tal-“avukat” li jidher fit-tielet paragrafu.

    85.

    It-tieni nett, jista’ jiġi ssuġġerit li ż-żewġ settijiet ta’ regoli jkunu bbażati fuq kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Wara kollox, f’rikorsi diretti, huma jikkonċernaw proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, mhux quddiem dawk nazzjonali. F’dan il-każ, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ikun interpretat b’mod strett ħafna, bħala li jirreferi biss għaċ-ċertifikati xierqa u prova li għandha tiġi prodotta sabiex turi li rappreżentant legali partikolari jista’ jipprattika quddiem il-qrati nazzjonali. Iżda r-regoli l-oħra applikabbli kollha, inklużi r-regoli professjonali, ikunu biss ta’ oriġini awtonoma tal-Unjoni.

    86.

    It-tielet nett, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jistgħu jiġu interpretati fid-dawl ta’ regoli kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 ikun jinftiehem bħala riferiment għad-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, it-tielet paragrafu ikun jikkostitwixxi garanzija awtonoma tal-Unjoni, iżda pjuttost minimalista, tal-evalwazzjoni ta’ kemm hija xierqa r-rappreżentanza legali fil-kawża partikolari.

    a)   Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

    87.

    Ħlief fil-każ li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, li jinkludi riferiment univokali għall-awtorizzazzjoni li persuna tipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru, jiġi mċaħħad minn kwalunkwe kontenut, it-tieni għażla li għadni kif indikajt sempliċement ma tistax titħaddan. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 jagħmel riferiment b’mod ċar għad-dritt nazzjonali, liema fatt ma huwiex ikkontestat f’dawn il-proċeduri. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ġenerali ta’ rappreżentant legali li jirrappreżenta parti quddiem il-qrati għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tar-regoli applikabbli fuq il-livell tal-Istat Membru rilevanti.

    88.

    Dan immedjatament jwassal sabiex wieħed jistaqsi lil nnifsu dwar ir-regoli professjonali applikabbli.

    89.

    Jiena tal-fehma li r-regoli nazzjonali u professjonali rispettivi naturalment ikomplu japplikaw anki fil-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni. Avukati ammessi fil-kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ma jaħarbux l-applikazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali sempliċement għaliex jipprattikaw quddiem il-qrati tal-Unjoni. Madankollu, (nuqqas ta’) osservanza ta’ dawn ir-regoli hija kwistjoni li finalment u sussegwentement għandha tiġi evalwata mill-korpi kompetenti nazzjonali (professjonali), fil-każ li tirriżulta kwistjoni f’dan ir-rigward.

    90.

    Ladarba t-tieni għażla ġiet eliminata, xi ngħidu għall-ewwel u għat-tielet għażla? Ir-risposta teħtieġ li nduru lejn it-test u l-loġika tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, li hija kwistjoni iktar kumplessa.

    b)   It-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut

    91.

    Skont l-ewwel għażla, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jwassal wkoll għall-applikazzjoni tar-regoli professjonali nazzjonali rispettivi, li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jissostitwixxi, jew għall-inqas, li mingħajrhom ma jistgħu jiġu interpretati l-ebda limiti tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, deċiżjoni dwar min għandu jkun awtorizzat jirrappreżenta rikorrenti mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża b’riferiment għar-regoli nazzjonali.

    92.

    Jekk wieħed jasal għall-konklużjoni loġika sħiħa ta’ dan is-suġġeriment, ikun ifisser li kemm it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ikunu interpretati fis-sens li jirreferu esklużivament għar-regoli u għall-prassi nazzjonali. Jiena naqbel li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din is-soluzzjoni hija eleganti u sempliċi. Madankollu, fuq eżaminazzjoni iktar mill-viċin, hija tqajjem numru ta’ problemi strutturali.

    93.

    L-ewwel nett, l-obbligu li wieħed għandu jiġi rappreżentat huwa rregolat b’mod differenti fl-Istati Membri differenti. Iktar minn hekk, anki fi Stat Membru wieħed, ir-regoli jistgħu jvarjaw skont il-livell tal-istanza ġudizzjarja speċifika. Iktar minn hekk, il-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali jistgħu jipprevedu derogi. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jagħmel riferiment biss għal “qorti ta’ Stat Membru”, mingħajr ma jistabbilixxi liema “istanza” għandha tikkostitwixxi l-kriterju korrett: il-qorti suprema nazzjonali? Jew kwalunkwe qorti, inklużi l-qrati tal-ewwel istanza, fejn il-partijiet forsi lanqas biss għandhom għalfejn jiġu rrappreżentati ( 40 )?

    94.

    Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni dwar dak li huwa mfisser b’“qorti ta’ Stat Membru” ma tqajjem l-ebda problema fil-qasam tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, fejn, skont l-Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-livell tal-qorti u r-regoli applikabbli huma stabbiliti mill-qorti tar-rinviju inkwistjoni. Bl-istess mod, b’kuntrast ukoll mal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, fid-deċiżjoni dwar rikors dirett ta’ rikorrent mhux ipprivileġġat, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx il-possibbiltà jivverifikaw, ma’ qorti nazzjonali partikolari, jekk ir-regoli professjonali applikabbli għal avukat partikolari humiex issodisfatti. Lanqas ma teżisti xi proċedura ta’ kooperazzjoni li tkun tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jikkonsultaw l-kamra tal-avukati nazzjonali rilevanti.

    95.

    It-tieni nett, riferiment pur u sempliċi għar-regoli nazzjonali f’rikorsi diretti jkun ifisser ukoll li r-regoli nazzjonali jkunu japplikaw fir-rigward tar-rappreżentanza ta’ diversi korpi u entitajiet tal-Istati Membri meqjusa bħala rikorrenti mhux ipprivileġġati. Madankollu, tali sitwazzjoni tista’ tkun kunfliġġenti mal-loġika ġenerali tal-Artikolu 19 tal-Istatut, u b’mod partikolari mal-ewwel paragrafu tiegħu. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, huwa pjuttost ċar li kien hemm intenzjoni li ssir distinzjoni bejn rikorrenti pprivileġġati (l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni) li jistgħu jaħtru aġent tal-għażla tagħhom, u r-rikorrenti mhux ipprivileġġti l-oħra kollha, li ma jistgħux jagħmlu hekk u li għandhom jiġu rrappreżentati minn terz. Jekk isir riferiment ġenerali, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, għar-regoli tal-Istati Membri dwar ir-rappreżentanza, ikun aċċettabbli li r-rikorrenti mhux ipprivileġġati l-oħra kollha li huma persuni ġuridiċi u li jistgħu, skont ir-regoli nazzjonali, jirrappreżentaw lilhom innifishom, jagħmlu dan f’rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni?

    96.

    Ir-risposta hija b’mod ċar le, peress li dan ikollu l-effett li jneħħi d-distinzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel bejn rikorrenti pprivileġġati u mhux ipprivileġġati. Minn din il-perspettiva, fil-każ ta’ rikorrent mhux ipprivileġġat, jekk ir-rappreżentant legali magħżul huwiex terz jew le fir-rigward tar-rikorrent tibqa’ rilevanti. Din id-distinzjoni ma tirriżultax mis-sentenzi AM & S Europe u Akzo Nobel ( 41 ), iżda mill-kuntrast bejn l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    97.

    It-tielet nett, l-applikazzjoni ta’ standards differenti fir-rigward ta’ rikorrenti li jippreżentaw rikorsi identiċi jew simili skont l-“oriġini” nazzjonali tal-avukati tagħhom tkun tissuġġetta lil dawn ir-rikorrenti għal kundizzjonijiet u għal trattament differenti. Il-ġestjoni ta’ sistema ta’ 28 sistema differenti (jew fil-fatt iktar, fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi kmamar tal-avukati u regoli f’numru ta’ Stati Membri) għalhekk tkun mhux biss ta’ sfida għall-qrati tal-Unjoni, iżda fuq kollox tkun toħloq problemi għall-ugwaljanza tar-rikorrenti.

    98.

    Ir-raba’ nett, riferiment pur u sempliċi għar-regoli u għall-prassi nazzjonali jkun ifisser li, il-qrati tal-Unjoni mhux biss ikunu meħtieġa jkunu jafu u jeżaminaw ir-regoli tas-sistemi nazzjonali kollha, iżda jkunu wkoll marbuta bil-kontenut tagħhom. Dan iċaħħad ukoll lill-qrati tal-Unjoni minn kwalunkwe stħarriġ, anki residwu, tal-kontenut ta’ dawn ir-regoli u ta’ kif jiġu applikati, inkluż fil-kuntest ta’ rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni, fejn il-kawża fil-fatt ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali? X’għandu jsir fil-każ li r-regoli nazzjonali applikabbli jkunu eżiġenti żżejjed (pereżempju, billi jagħmluha impossibbli għal xi raġuni li avukat li, skont interpretazzjoni raġonevoli tar-regoli professjonali, għandu normalment ikun awtorizzat jipprattika jkun jista’ jirrappreżenta parti fi Stat Membru partikolari), jew għall-kuntrarju ma jkunux eżiġenti biżżejjed?

    99.

    Il-ħames nett, u finalment, dan iwassalni għall-(inadegwatezza tal-)analoġija mar-regoli applikabbli għar-rappreżentanza fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Huwa veru li l-Artikolu 19 tal-Istatut japplika għal kwalunkwe proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa veru wkoll li l-Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi sistema li hija bbażata b’mod ċar fuq riferiment ġenerali għar-regoli ta’ rappreżentanza fil-proċeduri nazzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju.

    100.

    Madankollu, minkejja dan, minħabba d-differenzi ċari strutturali u sistemiċi bejn il-proċedura għal deċiżjoni preliminari u r-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet speċjali għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari huma, jekk xejn, rilevanti iktar bħala kuntrast milli bħala analoġija. Għall-kuntrarju tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, fejn ir-regoli u l-prassi dwar ir-rappreżentanza huma f’idejn il-qorti nazzjonali, f’rikors dirett, qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ teżerċita stħarriġ residwu tal-adegwatezza tar-rappreżentanza legali fil-kawża individwali mressqa quddiemha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interessi potenzjali.

    101.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni sabiex nikkonkludi li l-interpretazzjoni xierqa tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandha tinvolvi taħlita taż-żewġ livelli regolatorji: l-awtorizzazzjoni ġenerali li wieħed jipprattika għandha fil-fatt tiġi vverifikata skont ir-regoli u l-prassi nazzjonali, filwaqt li l-assenza ta’ kwalunkwe kwistjoni li tikkomprometti l-kwalità tar-rappreżentanza legali fil-kuntest tal-kawża individwali għandha tiġi vverifikata fid-dawl tal-kunċett awtonomu tal-Unjoni ta’ xi jfisser li tiġi rrappreżentat minn avukat.

    102.

    Qabel ma ndur għall-kontenut speċifiku ta’ tali kriterju, huwa importanti li nfakkar b’mod konċiż l-għanijiet tal-“kontroll ta’ kwalità” residwu tar-rappreżentanza legali u l-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    2.   L-għan tar-rappreżentanza legali

    103.

    Huwa veru li, b’mod ġenerali, ir-rappreżentanza legali taqdi rwol kruċjali fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Mingħajr rappreżentanza legali xierqa, ir-rikorrent jaf ma jkunx kapaċi jressaq, u l-imħallef jieħu konjizzjoni ta’, l-argumenti neċessarji kollha favur ir-rikorrent ( 42 ).

    104.

    Madankollu, dan ma huwiex l-unika għan u interess tar-rappreżentanza legali ta’ klijent. L-għan primarju tar-rappreżentanza legali huwa li tipproteġi u tiddefendi l-interessi tal-klijent, filwaqt li naturalment tibqa’ fil-limiti ta’ dak li huwa legalment u etikament permissibbli. Għalhekk, l-għan tar-rappreżentanza legali huwa li tiżgura li l-interessi tar-rikorrenti jiġu mfittxija sal-ogħla punt possibbli, u b’hekk ir-rikorrenti jiġu permessi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv ( 43 ).

    105.

    Fil-fehma tiegħi għalhekk, l-interess primarju mfittex mir-rappreżentanza legali huwa naturalment wieħed privat. Fil-protezzjoni tal-interessi ta’ klijenti privati, l-interess pubbliku fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jkun qiegħed jinqeda wkoll.

    106.

    Id-digriet appellat, b’mod partikolari fil-punt 18, jidher li jitlaq minn preżunzjoni differenti. Ir-rwol tal-avukat huwa deskritt bħala dak ta’ kollaboratur tal-qorti, li jintalab jipprovdi, fl-interessi prevalenti tal-ġustizzja, tali assistenza legali kif ikun jeħtieġ il-klijent ( 44 ). Fl-istabbiliment ta’ din il-viżjoni tal-funzjonijiet tar-rappreżentanza legali, il-Qorti Ġenerali tinvoka tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri. Għalhekk, avukat jintwera li qiegħed jaġixxi primarjament fl-interess pubbliku, ġenerali, tal-ġustizzja, fejn dan l-interess jipprevali fuq dak privat.

    107.

    Kif ir-Repubblika Ċeka ssostni korrettement, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali kkaratterizzat ir-rwol tal-avukat huwa bbażat fuq separazzjoni bejn l-interessi tal-avukat u dawk tal-klijent, liema fatt ma jikkorrispondix għar-realtà. Iktar minn hekk, minn dak li naf dwar il-prassi fl-Istati Membri, niddubita serjament li tali viżjoni tirrifletti xi tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri.

    108.

    Minkejja li wieħed jista’ biss jittama li l-avukati jkunu eroj romantiċi u altruwisti li jfittxu l-ogħla interessi tal-ġustizzja, jekk hemm bżonn anki kontra x-xewqat tal-klijenti tagħhom kif ukoll kontra l-bqija tad-dinja, ir-realtà hija li r-rappreżentanza legali hija primarjament servizz. Il-povvista ta’ dan is-servizz irregolat għandha fil-fatt tosserva numru ta’ kundizzjonijiet u ta’ standards, iżda dan is-servizz ma jingħatax primarjament fl-interessi prevalenti tal-ġustizzja, iżda fl-interessi ta’ klijent partikolari.

    109.

    Barra minn hekk, analiżi komparattiva tidher li tikkonferma żewġ affarijiet. L-ewwel nett, jidher li diversi kundizzjonijiet jiġġustifikaw intervent fir-relazzjoni ta’ bejn avukat u l-klijent tiegħu fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Iżda, fuq livell iktar teoretiku, żewġ sitwazzjonijiet jidhru li huma ta’ rilevanza partikolari f’dan il-kuntest: l-assenza ta’ kwalunkwe pressjoni esterna eżerċitata fuq ir-rappreżentant legali u l-assenza ta’ fatturi interni li jistgħu jirriżultaw f’kunflitt ta’ interessi bejn l-avukat u l-klijent ( 45 ). Li kieku jqum tali kunflitt, l-avukat jiġi prekluż milli jipprovdi s-servizzi tiegħu f’dik il-kawża partikolari ( 46 ).

    110.

    It-tieni nett, madankollu, il-prassi fl-Istati Membri tindika li, anki f’każijiet bħal dawn, l-intervent ġudizzjarju jidher li jkun minimu u sekondarju biss ( 47 ). Dan għaliex, l-ewwel nett, kull avukat għandu responsabbiltà sabiex jevalwa jekk ir-rappreżentanza ta’ parti speċifika tistax twassal għal dubju dwar l-indipendenza tiegħu. Hija r-responsabbiltà tiegħu li joqgħod lura milli jipprovdi parir legali jekk dan ikun il-każ. It-tieni nett, il-professjoni legali hija fil-parti l-kbira awtoregolata u nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-professjoni hija kwistjoni li jindirizzawha l-korpi dixxiplinari rilevanti.

    111.

    Għalhekk, jekk tirriżulta xi tema komuni mill-għarfien (naturalment limitat) tiegħi tal-prassi fl-Istati Membri, din hija li r-rappreżentanza legali hija primarjament kwistjoni ta’ għażla privata u ta’ libertà kuntrattwali (miż-żewġ naħat). Il-klijent huwa liberu li jagħżel lill-avukat tiegħu, u l-avukat huwa liberu, bħala prinċipju, li jagħżel lill-klijenti tiegħu ( 48 ). Ir-relazzjoni hija bbażata fuq il-fiduċja. Kwalunkwe intervent f’din ir-relazzjoni għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet serji li juru neċessità ċara u imperattiva li “jiġi protett ir-rikorrent mill-avukat tiegħu”. Iktar minn hekk, jekk xi kwistjonijiet problematiċi jiġu identifikati, dawn ikunu indirizzati b’mod iktar xieraq mill-korpi regolatorji rispettivi fi proċeduri dixxiplinari jew fi proċeduri oħra.

    112.

    Essenzjalment, is-suġġeriment f’din it-taqsima huwa li r-raġuni fundamentali u l-bilanċ tal-interessi li għandhom jiddeterminaw l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mit-tielet u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut huma pjuttost differenti minn dak imħaddan mill-Qorti Ġenerali. Ir-rappreżentanza legali ma hijiex primarjament magħżula u sussegwentement imwettqa fl-ogħla interess tal-ġustizzja u għall-benefiċċju u għall-assistenza ta’ qorti, iżda fl-interess ta’ u skont l-għażliet magħmula mill-klijent. Għalhekk awtomatikament din l-għażla, anki għażla ħażina, trid tiġi rrispettata. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-interess pubbliku għandu jitħalla jegħleb l-interess privat awtomatiku.

    113.

    Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju li normalment ikun minimalista f’dawn il-kwistjonijiet – normalment irriżervat għal ċirkustanzi fejn difetti ovvji fir-rappreżentanza legali jidhru b’mod ċar u huma preżunti li jilħqu gravità li tiskredita l-proċess ġudizzjarju kollu – jiġi ssostitwit minn paternaliżmu ġudizzjarju li bilkemm ikun prevedibbli jew ġustifikabbli. Dan ikun iwassal għal żieda ta’ interferenza f’dik li suppost tkun għażla primarjament privata, mingħajr ma jiġu kkunsidrati interessi ugwalment validi u valuri li huma wkoll parti mill-istampa sħiħa, bħal-libertà li wieħed jagħżel l-avukat tiegħu, il-kontinwità fir-rappreżentanza legali, jew l-ispejjeż neċessarjament involuti fil-bidla ta’ avukat peress li l-avukat il-ġdid ikun jeħtieġ iktar żmien sabiex jiffamiljarizza ruħu ma’ kawża li tkun pendenti.

    C. Kriterju rrivedut

    114.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet iktar ġenerali li ser nissuġġerixxi aġġustament mill-ġdid tal-mod kif it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ġew interpretati u applikati, kif jirriżulta mid-digriet appellat. L-interpretazzjoni mill-ġdid għandha żewġ dimensjonijiet: waħda sostantiva (1) u waħda proċedurali (2).

    1.   Fuq id-dimensjoni sostantiva

    115.

    Id-dimensjoni sostantiva tirrigwarda l-kundizzjonijiet għar-rappreżentanza ta’ partijiet quddiem qorti ta’ Stat Membru (a), kif ukoll il-kundizzjoni doppja li avukat għandu jkun indipendenti u terz, fit-tifsira tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut (b).

    a)   Awtorizzazzjoni sabiex wieħed jipprattika quddiem il-qrati nazzjonali

    116.

    L-ewwel stadju tal-eżami jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk ir-rappreżentant legali huwiex ikkwalifikat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru (jew Stat parti fil-Ftehim ŻEE), jiġifieri, effettivament, jekk huwiex membru tal-kamra tal-avukati nazzjonali jew ta’ korp professjonali rilevanti ieħor, u jekk huwiex awtorizzat jipprattika. Kif osservajt iktar ’il fuq ( 49 ), din il-verifika ssir b’riferiment għal-liġijiet nazzjonali rispettivi u tibqa’ fuq il-livell formali (verifika taċ-ċertifikat).

    117.

    Kif osservajt ukoll, il-verifika ta’ osservanza tad-dritt nazzjonali mill-qrati tal-Unjoni għandha tieqaf hemm. Ma għandhiex tirrigwarda osservanza tar-regoli professjonali nazzjonali. Dan l-inkarigu għandu jitħalla għall-awtoritajiet (professjonali) nazzjonali, jekk jinqalgħu xi kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza.

    b)   L-istatus tal-avukat – terz indipendenti fir-rigward tar-rikorrent

    118.

    Bħala t-tieni stadju, il-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw jekk ir-rappreżentant legali jikkostitwixxix terz fir-rigward tar-rikorrent (1) u jekk jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza, jiġifieri, li ma jidhirx li hemm xi pressjoni esterna fuq ir-rappreżentant jew il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi (2).

    1) Il-kwalità ta’ terz

    119.

    Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-kwalità ta’ terz tar-rappreżentant fir-rigward tar-rikorrent, li tirriżulta kemm mit-tielet kif ukoll mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, din għandha tinftiehem fis-sens li teskludi rappreżentanti legali li huma identiċi għar-rikorrent.

    120.

    Fil-każ ta’ persuni naturali, din il-kundizzjoni tidher li tispjega ruħha weħidha. Hija tipprekludi wkoll awtorappreżentanza minn avukati debitament ikkwalifikati u ammessi f’kamra tal-avukati nazzjonali.

    121.

    L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni hija inqas ovvja fir-rigward tar-rappreżentanza ta’ persuni ġuridiċi. Jekk il-kundizzjoni dwar l-kwalità ta’ terz għandha jkollha kwalunkwe tifsira f’dan il-kuntest, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni unifikata tar-regoli dwar ir-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni, jidhirli li din għandha tinftiehem fis-sens li tipprekludi entitajiet li ma humiex koperti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut milli jiġu rrappreżentati mill-avukati impjegati minnhom f’kawża partikolari ( 50 ).

    122.

    Din il-kwistjoni hija, madankollu, distinta mill-kwistjoni ta’ indipendenza, kif speċifikata fil-kawża Akzo Nobel jew, iktar reċentement, fil-kawża Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej. Minflok, fid-dawl tas-sistema speċifika ta’ rappreżentanza legali quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar l-kwalità ta’ terz għandha tinftiehem bħala kundizzjoni a contrario li tirriżulta mill-possibbiltà espliċitament irrikonoxxuta għal rikorrenti pprivileġġati sabiex jirrappreżentaw lilhom innifishom skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ( 51 ).

    123.

    Nirrikonoxxi li l-kwistjoni ta’ avukati impjegati tista’ tiġi analizzata wkoll mill-perspettiva tal-indipendenza tal-avukat. Fil-fatt, jista’ jingħad li avukat impjegat huwa f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni, li taffettwa l-libertà ta’ deċiżjoni tiegħu u għalhekk il-parir legali tiegħu ( 52 ). Ir-relazzjoni ta’ avukat impjegat mal-parti rappreżentata ma hijiex ibbażata fuq kuntratt konkluż għall-għan tal-proċeduri, iżda fuq kuntratt ta’ xogħol (jew xi ħaġa simili) li ikopri wkoll ir-rappreżentanza legali. Ir-relazzjoni għalhekk ma hijiex ir-riżultat ta’ għażla tal-avukat li jirrappreżenta lil din il-parti fil-proċeduri, iżda konsegwenza tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

    124.

    Hemm, madankollu, almenu żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw għaliex il-kwistjoni ta’ avukati impjegati minn persuna ġuridika għandha tinżamm taħt it-titolu ta’ status ta’ terz u mhux ta’ indipendenza.

    125.

    L-ewwel nett, l-evalwazzjoni ta’ jekk persuna fiżika hijiex impjegata u għalhekk parti minn persuna ġuridika jew terz li qiegħed jaġixxi f’isem din tal-aħħar hija primarjament kwistjoni strutturali u formali. Li kieku kienet mod ieħor, u l-istatus ta’ terz kien dipendenti fuq il-grad ta’ indipendenza effettiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, din tieqaf tkun kwistjoni formali u minflok tinvolvi eżami sostantiv ta’ (in)dipendenza. Din tieqaf ukoll tkun prevedibbli għal terzi esterni, minħabba li jkun improbabbli għalihom li jkunu jafu l-arranġamenti (interni) kollha bejn l-avukat u l-klijent, biex ma nsemmix il-prassi attwali f’dawn l-arranġamenti. Għalhekk, filwaqt li ċerti avukati impjegati jistgħu jgawdu livell kunsiderevoli ta’ indipendenza, tant li jikkwalifikaw bħala terzi f’termini sostantivi, xi persuni (formalment) terzi li huma effettivament dipendenti fuq il-persuna ġuridika f’termini ekonomiċi jew f’termini oħra jiġu ttrattati bħala parti minn din il-persuna ġuridika.

    126.

    Bl-applikazzjoni ta’ din il-loġika, avukati impjegati minn korporazzjoni li tagħtihom libertà sħiħa fir-rigward ta’ kif jagħtu pariri u kif jirrappreżentaw din il-korporazzjoni f’salt wieħed isiru “avukati indipendenti”? Avukat individwali, debitament ammess f’kamra tal-avukati u li jipprattika f’ismu, iżda li għandu biss klijent wieħed prinċipali li fuqu huwa effettivament dipendenti ekonomikament, jieqaf milli jkun “avukat indipendenti” u jibda jitqies li huwa “impjegat”?

    127.

    Hija preċiżament din it-tip ta’ konfużjoni bejn l-evalwazzjoni formali ta’ status organizzazzjonali (terz) u l-eżami sostantiv ta’ subordinazzjoni ta’ xogħol (indipendenza) li tirriżulta fin-nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-kriterji li fil-fatt huma applikati skont il-kriterju attwali ( 53 ).

    128.

    It-tieni nett, dan huwa forsi wkoll għalfejn, fuq livell nazzjonali, il-kwistjoni ta’ avukati impjegati hija ġeneralment (u, milli jidher, prinċipalment) indirizzata taħt it-titolu ta’ inkompatibbiltajiet strutturali mal-professjoni legali, minflok nuqqas ta’ indipendenza f’kawża speċifika.

    129.

    Jeżistu diversi sistemi f’dan ir-rigward fl-Istati Membri differenti. L-evalwazzjoni tal-inkompatibbiltà bejn l-eżerċizzju tal-professjoni legali u l-impjieg tista’ tiġi kkunsidrata minn żewġ perspettivi. L-ewwel nett, din tista’ tirrigwarda jekk huwiex possibbli jew le li jiġi kkombinat l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat (bħala membru ta’ kamra tal-avukati) ma’ kwalunkwe professjoni jew funzjoni pubblika oħra (bħala persuna impjegata). It-tieni nett, tista’ tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk avukat jistax jeżerċita l-professjoni tiegħu (bħala membru ta’ kamra tal-avukati) biss fuq bażi “indipendenti” (ħaddiem li jaħdem għal rasu) jew jekk jistax jiġi impjegat bħala avukat (minn avukati oħra, minn uffiċċju jew assoċjazzjoni oħra ta’ avukati, jew minn kwalunkwe entità oħra) mingħajr ma jkollu jtemm l-isħubija tiegħu mal-kamra tal-avukati ( 54 ).

    130.

    Biex nagħti eżempju minn din l-aħħar perspettiva, fil-Polonja, il-professjoni ta’ konsulent legali (radca prawny) inkwistjoni f’din il-kawża tista’ tiġi eżerċitata kemm f’relazzjoni ta’ impjieg ( 55 ) kif ukoll lil hinn minn tali relazzjoni ( 56 ). Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, ir-rwoli rispettivi tal-avukati impjegati u dawk “indipendenti” jidhru li qegħdin jevolvu u huma s-suġġett ta’ diskussjoni ( 57 ).

    131.

    Nosserva li fir-rigward ta’ avukati impjegati minn Stati Membri fejn l-istatus ta’ “indipendenza” u ta’ impjegat huma meqjusa bħala strutturalment inkompatibbli, dawn l-avukati ma jissodisfawx ir-rekwiżit tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Fir-rigward ta’ avukati impjegati minn Stati Membri fejn ma teżistix tali inkompatibbiltà, l-istatus tagħhom bħala impjegati ma huwiex meqjus, loġikament, bħala problema quddiem il-qrati tagħhom.

    132.

    Madankollu, sabiex tiġi evitata konfużjoni dwar il-kwistjoni, kif ukoll interferenza bla ħtieġa mal-kunċett nazzjonali tal-professjoni legali ( 58 ), u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali quddiem il-qrati tal-Unjoni, nissuġġerixxi li l-kwistjoni ta’ avukati impjegati tiġi kkunsidrata taħt it-titolu ta’ “terz”. Avukati impjegati huma esklużi milli jirrappreżentaw rikorrenti mhux ipprivileġġati għaliex ma jissodisfawx il-kundizzjoni awtonoma tal-Unjoni li tirrikjedi li jkunu terz fir-rigward tal-klijent u għalhekk ma jistgħux “jirrappreżentaw” lil din il-parti fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

    133.

    Għaldaqstant, avukat impjegat, li jipprovdi rappreżentanza legali lill-persuna li timpjegah fuq il-bażi ta’ kuntratt tax-xogħol u għalhekk isib ruħu f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward tal-provvista ta’ tali servizzi legali, ma jistax jitqies, għall-għanijiet tal-interpretazzjoni awtonoma tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, bħala “terz” fir-rigward tal-klijent tiegħu.

    2) Parti indipendenti

    134.

    Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ indipendenza, l-aspett estern tiegħu, speċifikament l-assenza ta’ kwalunkwe sinjal ta’ pressjoni esterna minn kwalunkwe parti oħra li tiġi eżerċitata fuq l-avukat, jidher li la ġie diskuss f’din il-kawża u lanqas fi kwalunkwe kawża preċedenti.

    135.

    Għalhekk ser indur direttament għall-kwistjoni tal-assenza ta’ pressjoni interna, jiġifieri, l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi.

    136.

    Dan ir-rekwiżit ma għandux jiġi interpretat, fil-fehma tiegħi, u nerġa’ nfakkar il-varjetà ta’ għażliet li jeżistu fuq livell nazzjonali, fis-sens li jipprojbixxi l-avukati milli jkollhom kwalunkwe rabta mar-rikorrent, iżda biss tali rabtiet li manifestament iqajmu dubju dwar il-kapaċità tal-avukat li jipprovdi parir esklużivament fl-aqwa interessi tal-klijent.

    137.

    Dawn ir-rabtiet ta’ “skwalifika” għandhom għalhekk ikunu ta’ tali natura u grad li jagħmluha ovvja li l-avukat, anki jekk formalment ikun terz fil-konfront tar-rikorrent, għandu rabtiet ekonomiċi jew personali jew mas-suġġett tat-tilwima jew ma’ waħda mill-partijiet li jirriżultaw f’dubju raġonevoli dwar il-kapaċità tiegħu li ġenwinament jiddefendi l-interessi tal-klijent tiegħu u mhux dawk tiegħu nnifsu jew ta’ persuna oħra.

    138.

    Nammetti immedjatament li jeżistu varjetà kbira ta’ xenarji fattwali potenzjali, li jagħmluha impossibbli li tiġi pprovduta lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jinqalgħu tali kunflitti fformulati b’mod astratt. Madankollu, dak li huwa importanti f’dan l-istadju ma huwiex x’jistgħu jkunu dawn is-sitwazzjonijiet, iżda kif tali kunflitti ta’ interessi potenzjali għandhom jiġu identifikati.

    139.

    L-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jammontaw għal kunflitt ta’ interessi għandha sseħħ fil-livell ta’ ipoteżi raġonevoli, iżda għandha tkun limitata għal każijiet ta’ kunflitti ovvji jew manifesti.

    140.

    Il-kunflitt ta’ interessi għandu jkun dixxernibbli bħala ipoteżi raġonevoli (iżda debitament motivata), ibbażata fuq it-tip partikolari ta’ relazzjoni (fil-passat jew fil-preżent). Fl-istess ħin, għandu jkun ovvju jew manifest fir-rigward tat-tip ta’ relazzjoni, jiġifieri li x’aktarx ikun hemm qbil li, meta tali tip ta’ relazzjoni jew rabta hija preżenti, l-interessi tal-klijent u tal-avukat huma mistennija li jkunu opposti.

    141.

    Madankollu, konformement mal-argument ġenerali espost iktar ’il fuq ( 59 ), li jwissi kontra interferenza eċċessiva minn qorti fir-relazzjoni primarjament privata ta’ bejn klijent u l-avukat tiegħu, ma huwiex ir-rwol ta’ qorti li tidħol fi spekulazzjoni preventiva fir-rigward ta’ min forsi jista’ jiġi influwenzat minn min u f’liema ċirkustanzi. Jew il-kunflitt ikun apparenti u ta’ tali gravità li jwassal lil kwalunkwe qorti sabiex twarrab, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għażla privata ta’ avukat, jew ma jkunx, f’liema każ, kwalunkwe nuqqasijiet potenzjali għandhom jiġu indirizzati iktar tard jew fi proċeduri dixxiplinari kontra l-avukat li jkun kiser il-kodiċi tal-etika, jew fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili għad-danni mressqa mill-klijent kontra l-avukat tiegħu.

    142.

    Hemm ukoll argumenti prattiċi favur din l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Approċċ espansjonist u preventiv għar-rekwiżit ta’ indipendenza jiġġenera biss inċentivi żbaljati għat-tilwim li ftit li xejn iservi għanijiet prattiċi ( 60 ). Iktar minn hekk, dan iqiegħed lir-rappreżentanti legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati f’pożizzjoni pjuttost diffiċli: kif jista’ rappreżentant legali jew ir-rikorrent-klijent tiegħu jistabbilixxi li ma hemm l-ebda perikolu li tqum xi kwistjoni minħabba l-għażla tar-rappreżentant legali tiegħu? Kif għandu tintwera, f’termini prattiċi, l-assenza ta’ avveniment futur?

    143.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni sabiex nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tekwilibra mill-ġdid il-kunċett ta’ “indipendenza ta’ avukat” taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. L-ewwel nett, din l-indipendenza, kemm esterna u interna, hija differenti mill-kunċett ta’ status ta’ terz. It-tieni nett, id-dimensjoni interna ta’ din l-indipendenza, jiġifieri, l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kawża partikolari, għandha tibqa’ limitata għal każijiet ta’ kunflitti ovvji u dixxernibbli b’mod ċar, li għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-esperjenza ta’ ċerti tipi ta’ relazzjonijiet fejn huma mistennija li jirriżultaw il-kunflitti, iżda mingħajr ma jiġu preventivament preżunti jew eċċessivament investigati minn qorti.

    144.

    Fil-qosor, sabiex jikkonforma ruħu mat-tielet u mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn avukat li huwa debitament awtorizzat jipprattika quddiem qorti nazzjonali ta’ Stat Membru, kif muri miċ-ċertifikat(i) rilevanti, u li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent. Barra minn hekk, l-avukat ma jistax jiġi prekluż milli jaġixxi fil-kuntest tal-kawża individwali la minħabba l-eżistenza ta’ pressjoni esterna u lanqas minħabba kwalunkwe kunflitt ta’ interessi ieħor li huwa ovvjament dixxernibbli fuq il-livell ta’ ipoteżi raġonevoli bbażata fuq it-tip partikolari ta’ relazzjoni (fil-passat jew fil-preżent) bejn l-avukat u l-parti rrappreżentata.

    2.   Fuq id-dimensjoni proċedurali

    145.

    Fl-aħħar nett, ser indur għall-konsegwenzi proċedurali ta’ kwalunkwe nuqqasijiet potenzjali fir-rappreżentanza legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati skont l-Artikolu 19 tal-Istatut.

    146.

    Kif diġà ġie deskritt iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tqis li nuqqas ta’ indipendenza min-naħa tar-rappreżentant legali skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jikkostitwixxi difett sostantiv fir-rikors li ma jistax jiġi rrimedjat u li jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors bħala manifestament inammissibbli ( 61 ).

    147.

    Ikolli nammetti li mill-aspetti kollha ta’ dan l-appell, inqis din id-dikjarazzjoni bħala l-iktar waħda problematika, b’mod partikolari għal żewġ raġunijiet.

    148.

    L-ewwel nett, fil-ġurisprudenza li tinterpreta l-Artikolu 19 tal-Istatut (inkluż id-digriet appellat ( 62 )), hemm numru ta’ riferimenti għall-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rappreżentanza legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati, li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri. Madankollu, fir-rigward tal-konsegwenzi proċedurali ta’ nuqqas ta’ avukat li josserva r-regoli professjonali jew etiċi tiegħu, b’mod partikolari dawk relatati mal-kunflitti ta’ interessi, ir-regoli u l-prassi nazzjonali (almenu dawk li jien konxju dwarhom) jidhru li jikkuntrastaw b’mod ċar ma’ dak li huwa ddikjarat bħala li jirriżulta minnhom fuq il-livell tal-Unjoni.

    149.

    Minn naħa waħda, difetti fir-rappreżentanza legali normalment jitqiesu bħala difetti proċedurali fl-Istati Membri, li jistgħu jiġu rrimedjati b’mod ċar ( 63 ). Għalhekk, jekk problema bħal din tiġi identifikata mill-qorti rilevanti, din il-qorti tinnotifika lir-rikorrent inkwistjoni, u titolbu jirrimedja s-sitwazzjoni, u tagħtih parir dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw jekk huwa ma josservax dan.

    150.

    Min-naħa l-oħra, jidher ukoll li hemm tendenza ċara fl-Istati Membri sabiex ma jiddubitawx, għad-detriment tal-klijent, mill-validità tal-atti proċedurali sottomessi quddiem qorti meta jkun hemm kunflitt ta’ interessi bejn l-avukat u l-klijent. Għal darba oħra, wara avviż mill-qorti, l-avukat jista’ jiġi mitlub jieqaf jaġixxi, jew ir-rikorrent jista’ jintalab jaħtar avukat differenti ( 64 ). Madankollu, ma nistax insib ispirazzjoni fid-digrieti legali tal-Istati Membri għal prassi li permezz tagħha, f’każijiet ta’ nuqqasijiet perċepiti jew effettivi f’termini ta’ etika professjonali, qorti mhux biss tassumi r-rwol ta’ “awla dixxiplinari” li tadotta sanzjonijiet immedjati, iżda sussegwentement timponi dawn is-sanzjonijiet mhux fuq l-avukat, iżda fuq ir-rikorrent, billi tiddikjara li r-rikors tiegħu huwa manifestament inammissibbli.

    151.

    It-tieni nett, tali interpretazzjoni u prassi ġudizzjarja ma josservawx b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, il-garanziji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u, b’mod iktar speċifiku, l-aċċess għall-ġustizzja u rimedju ġudizzjarju effettiv ( 65 ).

    152.

    Għaldaqstant, ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni u mal-prassi tal-Qorti Ġenerali, li fil-fatt ġiet imħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 66 ), li skonthom difett fir-rappreżentanza legali indipendenti ta’ rikorrent jitqies li huwa difett fir-rikors li ma jistax jiġi rrimedjat.

    153.

    Minflok ser nissuġġerixxi li difetti potenzjali fir-rappreżentanza legali għandhom jitqiesu li huma nuqqasijiet proċedurali tar-rikors li jistgħu jiġu rrimedjati. Barra minn hekk, fejn qorti tal-Unjoni tidentifika difett fir-rappreżentanza legali, hija għandha tinforma lir-rikorrent b’dan sabiex tipprovdih b’opportunità li jirrimedja l-kwistjoni. Ma nistax inħaddan il-pożizzjoni li tgħid li, f’tali sitwazzjoni, il-qrati tal-Unjoni jistgħu sempliċement jiddikjaraw ir-rikors manifestament inammissibbli, li jġib il-kawża għal tmiem definittiv.

    154.

    Dan ikun ifisser, f’termini prattiċi, li kull darba li l-Qorti Ġenerali tidentifika nuqqas ta’ osservanza potenzjali tar-rekwiżiti li japplikaw għall-istatus ta’ “avukati” fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, hija għandha l-obbligu tinforma lir-rikorrent b’dan, skont l-Artikolu 51(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ( 67 ).

    155.

    Il-produzzjoni ta’ “dawn id-dokumenti […] fit-terminu mogħti” msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod riġidu li tirreferi biss għal dokumenti li jikkonċernaw l-isħubija ta’ avukat f’kamra tal-avukati nazzjonali, filwaqt li dik li tidher li hija l-vera problema sottostanti tar-rappreżentanza legali ta’ parti, u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw jekk din ma tiġix irrimedjata, ma hijiex identifikata u kkomunikata lill-parti kkonċernata, u b’hekk tħalli lil din il-parti tipprova taqta’ x’inhi effettivament il-problema perċepita. Tali interpretazzjoni tkun mhux biss formali ħafna, biex ma ngħidx formalistika, iżda tkun tinjora wkoll il-loġika tal-evoluzzjoni inkrimentali tar-regoli tal-proċedura tal-qrati tal-Unjoni ( 68 ) u, fuq kollox, il-garanzija bażika ta’ dritt effettiv ta’ aċċess għall-qrati ( 69 ).

    156.

    Għalhekk, it-talba indirizzata lil parti skont l-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ għandha tinforma lir-rikorrent mhux biss dwar kwalunkwe dokumenti ulterjuri li huma meħtieġa, iżda wkoll dwar ir-raġunijiet għalfejn dawn id-dokument qegħdin jiġu mitluba, u tistabbilixxi kwalunkwe dubju potenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha fir-rigward tar-rappreżentanza legali ta’ din il-parti. Hija għandha tinforma lir-rikorrent jekk talba fir-rappreżentanza legali hija meħtieġa u għal liema raġuni, filwaqt li b’mod ċar tiddikjara x’konsegwenzi proċedurali ser jirriżultaw jekk l-avviż ma jiġix segwit. Barra minn hekk, kif tippreċiża wkoll din id-dispożizzjoni, ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġonevoli li fih ir-rikorrent jista’ jirrettifika s-sitwazzjoni. Naturalment, kwalunkwe terminu bħal dan stabbilit mir-Reġistratur skont l-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ jibda jiddekorri u jiskadi indipendentement mit-terminu inizjali sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors.

    157.

    Huwa biss jekk il-parti ma tirreaġixxix fit-terminu stabbilit li l-Qorti Ġenerali tista’ tipproċedi sabiex tiddeċiedi jekk dan jagħmilx ir-rikors inammissibbli skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ ( 70 ).

    158.

    Finalment, għall-finijiet ta’ kompletezza jista’ jitfakkar li kwalunkwe tibdil potenzjali fir-rappreżentanza legali ma jawtorizzax lir-rikorrent jippreżenta sottomissjonijiet ġodda. Simili għall-ħatra ta’ avukat ġdid wara l-esklużjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat minn proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali ( 71 ), l-avukat il-ġdid maħtur għandu jassumi l-inkarigu kif ikun jinsab fl-istadju partikolari tal-proċeduri.

    D. Il-kawża ineżami

    159.

    Bl-applikazzjoni tal-kriterju li għadni kif issuġġerejt iktar ’il fuq ( 72 ) għal din il-kawża ninnota, l-ewwel nett, li l-osservanza tar-rekwiżit skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut ma jidhirx li hija kkontestata. Ir-rappreżentant legali tal-Università ta’ Wrocław fil-proċeduri li wasslu għad-digriet appellat jidher li huwa debitament awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati Pollakki.

    160.

    It-tieni nett, peress li r-rikorrenti hija persuna ġuridika, lanqas huwa kkontestat li r-rappreżentant legali ma aġixxiex, fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, bħala avukat impjegat tal-Università ta’ Wrocław. Huwa kien għalhekk b’mod ċar terz fir-rigward tal-klijent tiegħu. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-kuntratt inkwistjoni bejn l-avukat u l-Università ta’ Wrocław jirrigwarda t-tagħlim, mhux il-provvista ta’ servizzi legali quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, b’mod indipendenti minn jekk il-kuntratt ta’ tagħlim qigħedx lir-rappreżentant legali f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni jew dipendenza fil-konfront tal-università, dak li huwa importanti huwa li s-suġġett ta’ dan il-kuntratt sempliċement ma għandu xejn x’jaqsam mar-rappreżentanza legali fil-proċeduri inkwistjoni.

    161.

    It-tielet nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza, ninnota li ma ġiex issuġġerit li r-rappreżentant legali kien ġie suġġett għal xi forma ta’ pressjoni esterna. Fir-rigward ta’ kunflitt ta’ interessi possibbli, jista’ jiġi mifhum li l-Qorti Ġenerali assumiet li tali kunflitt eżista meta hija ddikjarat li l-kuntratt ta’ dritt ċivili bejn ir-rappreżentant legali u l-Università ta’ Wrocław ipproduċa riskju li l-fehma professjonali tiegħu tista’ għall-inqas parzjalment tiġi influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu ( 73 ).

    162.

    Fid-dawl tas-suġġerimenti tiegħi fil-punti 139 u 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar kif għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ kunflitti ta’ interessi, ma nistax naqbel ma’ din l-analiżi. Il-kuntratt inkwistjoni kkonċerna tagħlim (apparentament part-time) ta’ klassijiet fid-dritt internazzjonali privat. Lil hinn mill-eżistenza ta’ dan il-kuntratt, kif ukoll rabta preċedenti mal-università (kemm bħala student u iktar tard bħala lecturer), l-ebda rabta finanzjarja jew rabtiet oħra bejn l-Università ta’ Wrocław u r-rappreżentant legali ma ġew żvelati li jistgħu jirriżultaw f’dubji raġonevoli dwar jekk ir-rappreżentant legali kellux interessi oħra għajr dawk tal-Università ta’ Wrocław.

    163.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta hija interpretat il-kunċett ta’ avukat skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut u, konsegwentement, skont l-Artikolu 51(1) tar-RPQĠ, fis-sens li tali rabta tista’ tqiegħed f’dubju l-indipendenza tal-avukat.

    164.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑515/17 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑561/17 P huma fondati. Id-digriet appellat għandu jiġi annullat.

    VI. Fuq l-ispejjeż

    165.

    Minħabba li qiegħed nissuġġerixxi li l-kawża appellata fil-Kawża C‑515/17 P tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-partijiet għandha tiġi rriżervata.

    166.

    Fir-rigward tal-kawża appellata fil-Kawża C‑561/17 P, u fid-dawl tal-Artikolu 184(3) tar-Regoli tal-Proċedura, nissuġġerixi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-partijiet fil-proċeduri jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    167.

    Skont l-Artikolu 140(1) u 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien mal-Artikolu 184(1) tagħhom, ir-Repubblika Ċeka u l-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom stess.

    VII. Konklużjoni

    168.

    Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla d-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:407);

    tibgħat lura l-Kawża C‑515/17 P quddiem il-Qorti Ġenerali u tordna li l-ispejjeż tal-partijiet f’din il-kawża jiġu rriżervati;

    tikkundanna lill-partijiet fil-Kawża C‑561/17 P ibatu l-ispejjeż tagħhom stess;

    tikkundanna lir-Repubblika Ċeka u lill-Krajowa Izba Radców Prawnych (il-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, il-Polonja) ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:407).

    ( 3 ) Digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:407).

    ( 4 ) Punti 16 u 17 tad-digriet appellat.

    ( 5 ) Punt 18 tad-digriet appellat.

    ( 6 ) Punt 19 tad-digriet appellat.

    ( 7 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553).

    ( 8 ) Punt 20 tad-digriet appellat.

    ( 9 ) Punti 21 u 22 tad-digriet appellat.

    ( 10 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia – Generalidad Valenciana vs Il‑Kummissjoni (C‑363/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:99), u d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Settembru 2004, Alto de Casablanca vs OHIM – Bodegas Chivite (VERAMONTE) (T‑14/04, EU:T:2004:258, punt 11), u tal‑5 ta’ Lulju 2006, Comunidad Autónoma de Valencia – Generalidad Valenciana vs Il‑Kummissjoni (T‑357/05, EU:T:2006:188). Ara wkoll id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Diċembru 2013, Brown Brothers Harriman vs OHIM (TRUST IN PARTNERSHIP) (T‑389/13, mhux ippubblikat, EU:T:2013:691, punt 14), u tal‑14 ta’ Novembru 2016, Neonart svetlobni in reklamni napisi Krevh vs EUIPO (neonart) (T‑221/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:673, punt 8).

    ( 11 ) Ara, pereżempju, iċ-Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, tal-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati, 2019. L-Artikolu 2 jirrigwarda prinċipji ġenerali li huma “komuni għar-regoli nazzjonali u internazzjonali li jirregolaw il-professjoni legali” (ara p. 1 u 6). L-indipendenza hija elenkata bħala l-ewwel waħda fosthom.

    ( 12 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157).

    ( 13 ) Regolament Nru 17 tal-Kunsill tas‑6 ta’ Frar 1962: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

    ( 14 ) Sentenza f’AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punti 2122).

    ( 15 ) Ibidem, punt 24. Dawn id-dispożizzjonijiet huma l-predeċessuri legali tal-Artikolu 19 attwali tal-Istatut. Huma kienu jinkludu formulazzjoni ftit differenti u kienu jiddefinixxu r-rappreżentant legali li għandu l-permess jirrappreżenta rikorrenti mhux ipprivileġġati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement bħala “avukat membru tal-kamra tal-avukati ta’ wieħed mill-Istati Membri”.

    ( 16 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals and Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 28).

    ( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 42, 4345). Enfasi miżjuda minni.

    ( 18 ) Ara pereżempju, id-digrieti tal‑5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (C‑174/96 P, EU:C:1996:473); tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Martínez Ferríz vs Spanja (T‑564/13, mhux ippubblikat, EU:T:2013:650); u tat‑8 ta’ Mejju 2018, Spieker vs EUIPO (Science for a better skin)T‑92/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:289), bħalissa appellat fil-Kawża C‑455/18 P u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Sógor vs Il‑Kunsill et (T‑302/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:621).

    ( 19 ) Digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2017, Nap Innova Hoteles vs SRB (T‑522/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:881, punt 8).

    ( 20 ) Digrieti tat‑8 ta’ Diċembru 1999, Euro-Lex vs OHIM (EU-LEX) (T‑79/99, EU:T:1999:312, punti 2829); tad‑19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il‑Kummissjoni (T‑94/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:451, punt 17); u tal‑21 ta’ Marzu 2011, Milux vs OHIM (REFLUXCONTROL) (T‑139/10, T‑280/10 sa T‑285/10 u T‑349/10 sa T‑352/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:98, punt 22).

    ( 21 ) Digrieti tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564) u tas‑6 ta’ Settembru 2011, ClientEarth vs Il‑Kunsill (T‑452/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:420).

    ( 22 ) Digriet tal‑31 ta’ Mejju 2013, Codacons vs Il‑Kummissjoni (T‑120/13, mhux ippubblikat, EU:T:2013:287, punt 11).

    ( 23 ) Digriet tat‑18 ta’ Novembru 2014, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni (T‑221/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1002, punti 10 sa 14).

    ( 24 ) Digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, BikeWorld vs Il‑Kummissjoni (T‑702/15, EU:T:2017:834).

    ( 25 ) Digriet tat‑23 ta’ Mejju 2011, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (T‑226/10, EU:T:2011:234, punt 21).

    ( 26 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punti 33 sa 34). Ara b’mod simili digrieti tat‑18 ta’ Novembru 2014, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni (T‑221/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1002); tal‑14 ta’ Novembru 2016, Dimos Athinaion vs Il‑Kummissjoni (T‑360/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:694); u tat‑8 ta’ April 2019, Electroquimica Onubense vs ECHA (T‑481/18, EU:T:2019:227).

    ( 27 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punti 2425 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, madankollu, id-digriet tat‑23 ta’ Mejju 2011, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (T‑226/10, EU:T:2011:234, punti 16, 1721).

    ( 28 ) Digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, PJ vs EUIPO – Erdmann & Rossi (Erdmann & Rossi) (T‑664/16, EU:T:2018:517), bħalissa suġġett għal żewġ appelli pendenti f’PJ vs EUIPO (C‑529/18 P) u PC vs EUIPO (C‑531/18 P).

    ( 29 ) Ibidem, punt 59.

    ( 30 ) Digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:407, punt 20).

    ( 31 ) Ara l-punti 37 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara, pereżempju, iċ-Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 7 (punt 6) u p. 9 (prinċipji (h) u (i)) fuq ir-rispett lejn il-kollegi professjonali u għall-istat tad-dritt u għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja).

    ( 33 ) Qabbel speċjalment is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punti 2425 u l-ġurisprudenza ċċitata) mad-digrieti tat‑23 ta’ Mejju 2011, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (T‑226/10, EU:T:2011:234, punti 16, 1721), u tat‑30 ta’ Mejju 2018, PJ vs EUIPO – Erdmann & Rossi (Erdmann & Rossi) (T‑664/16, EU:T:2018:517).

    ( 34 ) Kif innotajt iktar kmieni (punt 29), din il-problema hija relatata mal-aggravji l-oħra taż-żewġ appelli, b’mod partikolari mat-tieni aggravju tal-appell tal-Università ta’ Wrocław u mat-tieni u mat-tielet aggravji tar-Repubblika tal-Polonja.

    ( 35 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, BikeWorld vs Il‑Kummissjoni (T‑702/15, EU:T:2017:834, punt 35).

    ( 36 ) Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2014, L 31, p. 1). Ara, b’mod partikolari, fit-Taqsima I, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, il-punt 2 intitolat “Ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”. Billi jirriproduċi essenzjalment it-test tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-punt 2 ta’ dawn l-istruzzjonijiet sempliċement jiddikjara li rikorrenti mhux ipprivileġġati għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat jipprattika f’qorti ta’ Stat Membru u li “[l]-prova ta’ din il-kwalità għandha tkun tista’ tiġi prodotta, fuq sempliċi talba, f’kull stadju tal-proċedura”.

    ( 37 ) Ara, pereżempju, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Varga u Haliu vs Il‑Kunsill (T‑296/10, mhux ippubblikat, EU:T:2010:435), u tat‑13 ta’ Novembru 2012, Hârsulescu vs Ir‑Rumanija (T‑400/2, mhux ippubblikat, EU:T:2012:595).

    ( 38 ) Kwistjoni li ser nirritorna għaliha iktar ’l isfel, fil-punti 149 sa 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Ara pereżempju, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, BikeWorld vs Il‑Kummissjoni (T‑702/15, EU:T:2017:834, punt 30). Għalhekk, il-prassi tidher li tippermetti ċerti eċċezzjonijiet, kif indikat mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punti 2122). Il-Qorti Ġenerali preċedentement iddikjarat li r-rikors ippreżentat f’din il-kawża huwa inammissibbli għaliex ir-rappreżentant legali tar-rikorrenti kien wieħed mis-seba’ “fiduċjarji” tagħha. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat din il-konklużjoni, filwaqt li nnotat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-fatt li r-rappreżentant legali kien informa lill-Qorti Ġenerali b’tibdil fir-rappreżentanza legali. Madankollu, din l-omissjoni ma affettwatx il-konklużjoni prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja, “minkejja li tali bidla apparentament kienet tqieset impliċitament, fid-digrieti tad‑9 ta’ Novembru fil-Kawża T‑120/10 ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni u l-Kawża T‑449/10 ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, li tirrimedja difett fis-sens tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”, fejn l-Artikolu 44 jikkostitwixxi l-predeċessur legali tal-Artikolu 51 tar-RPQĠ attwali.

    ( 40 ) Iktar minn hekk, jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandu jittieħed letteralment, bħala renvoi pur u sempliċi għar-regoli u għall-prassi nazzjonali, mingħajr ir-riferiment għall-kunċett ta’ “rappreżentanza” minn terz artikolat aħjar fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, il-fatt li, pereżempju, avukat jista’ jirrappreżenta lilu nnifsu fi Stat Membru jkun suffiċjenti wkoll sabiex jippermetti awtorappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni?

    ( 41 ) Ara l-punti 37 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Ara, f’dan is-sens, iċ-Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 7, punt 6, fejn l-avukat huwa deskritt bħala, fost affarijiet oħra, “parteċipant indispensabbli fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll p. 9, prinċipju (i), “Ir-Rispett għall-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 43 ) Ara wkoll it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. “Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata”.

    ( 44 ) Fuq il-bażi tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157) u l-ġurisprudenza sussegwenti.

    ( 45 ) Jew fil-fatt kunflitt bejn diversi klijenti tal-istess avukat. Ara l-eżempju Pollakk ikkwotat mill-Università ta’ Wrocław, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kamra Nazzjonali tal-Konsulenti Legali, speċifikament l-Artikolu 7(2) tal-Kodeks Etyki Radcy Prawnego (il-Kodiċi tal-Etika għall-Konsulenti Legali): “Il-konsulent legali, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu, għandu jkun liberu minn kwalunkwe influwenza li tirriżulta mill-interessi personali tiegħu, minn pressjoni esterna, u minn interferenza ta’ kwalunkwe parti jew għal kwalunkwe raġuni. Istruzzjonijiet espressi minn kwalunkwe persuna, suġġerimenti jew direzzjonijiet li jillimitaw l-indipendenza tiegħu ma jistgħux jinfluwenzaw il-fehma li jkollu f’kawża”. Ara wkoll, pereżempju, iċ-Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, speċjalment l-Artikolu 2.1. Ara wkoll Thomas de Carranza Méndez de Vigo, S., “Principios fundamentales en el ejercicio de la profesión de abogado”, Vila Ramos, B. (Koord.), Deontología profesional del abogado, Dickinson, Madrid, 2013, p. 35 sa 50, p. 37 u 38, jew Sánchez Stewart, N., Manual de Deontología para Abogados, La Ley, Madrid, 2012.

    ( 46 ) L-Artikolu 30(1) tal-Kodiċi tal-Etika għall-Konsulenti Legali jiddikjara li: “Konsulent Legali ma jistax jipprovdi assistenza legali lil klijent meta, fil-kawża inkwistjoni jew f’kawża relatata, ikun hemm kunflitt ta’ interess bejn il-klijent u l-konsulent legali jew riskju li jirriżulta tali kunflitt, jew meta l-attivitajiet professjonali jikkonċernaw il-persuna jew il-proprjetà tal-konsulent legali jew ta’ xi ħadd viċin tiegħu, sakemm dawn l-attivitajiet ma jikkonċernawx talbiet, rikorsi jew interessi li huma komuni mal-klijent.”

    ( 47 ) Pereżempju fi Franza, fejn l-ebda proċedura dixxiplinari ma nbdiet fir-rigward ta’ avukat speċifiku, l-imħallef jista’ jintalab jordna lill-avukat sabiex jieqaf jirrappreżenta klijent f’kawża partikolari (Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2001, Nru 98-16.508). Fi Spanja, l-imħallef jista’ jwissi lill-avukat li jista’ jkun xieraq għalih li jieqaf jirrappreżenta l-klijent (Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2013, Nru 841/2013, RJ 2014/3061).

    ( 48 ) Ara wkoll iċ-Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, speċjalment p. 8.

    ( 49 ) Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 50 ) Minkejja li b’mod ċar dan ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża, qiegħed ninnota li ttieħdet fehma pjuttost restrittiva dwar liema entitajiet nazzjonali huma koperti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal “Stati Membri” mingħajr kwalifika jew definizzjoni ulterjuri. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali, sostnut ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li jinterpreta l-kunċett ta’ “Stat Membru” b’mod strett ħafna, effettivament b’esklużjoni ta’ entitajiet pubbliċi, bħal korpi ċentrali indipendenti, iżda wkoll muniċipalitajiet jew reġjuni, mill-possibbiltà li jappuntaw aġent f’kawża. Ara, pereżempju, id-digrieti tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia – Generalidad Valenciana vs Il‑Kummissjoni (C‑363/06 P, mhux ippublikat, EU:C:2008:99) u tal‑5 ta’ Lulju 2006, Comunidad Autónoma de Valencia – Generalidad Valenciana vs Il‑Kummissjoni (T‑357/05, EU:T:2006:188). Ara wkoll, id-digrieti tat‑18 ta’ Novembru 2014, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni (T‑221/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1002), u tal‑14 ta’ Novembru 2016, Dimos Athinaion vs Il‑Kummissjoni (T‑360/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:694). Ikolli nammetti li ftit li xejn nara għan prattiku f’interpretazzjoni tant stretta. Numru ta’ korpi pubbliċi x’aktarx ikollhom persunal amministrattiv ikkwalifikat jew dipartimenti legali li jistgħu, bħall-ministeri rispettivi, jirrappreżentaw lil din l-awtorità pubblika, mingħajr ma jiġġeneraw spejjeż ulterjuri bla bżonn għall-finanzi pubbliċi minħabba li jkollhom iqabbdu avukati esterni. Iktar minn hekk, hemm ukoll il-kwistjoni ġenerali iktar wiesgħa: Id-dritt tal-Unjoni ma joqgħodx lura milli jħaddan definizzjoni pjuttost wiesgħa ta’ “Stat Membru” f’dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ dmirijiet u obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta, pereżempju, minn dak li jikkostitwixxi “emanazzjoni tal-istat” (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punti 17 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 24 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata)), jew minn liema korpi, apparti l-Istati fis-sens strett tal-kelma, jistgħu jkunu responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punti 27 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata)), iżda jħaddan approċċ ta’ definizzjoni sorprendentement dejjaq fir-rigward ta’ benefiċċji u ta’ privileġġi potenzjali mogħtija taħt id-dritt tal-Unjoni lil “Stati Membri”. Naturalment, oqsma sostantivi jew istituzzjonali tad-dritt tal-Unjoni huma differenti mill-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Iżda hemm xi għan speċifiku wara tali differenza? Kif juri dan l-appell kollu, approċċi u definizzjonijiet ta’ ġurisprudenza jistgħu min-naħa l-oħra jiċċaqalqu bejn oqsma u setturi ta’ dritt tal-Unjoni b’mod relattivament faċli.

    ( 51 ) Ara, ukoll, il-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 47 sa 48).

    ( 53 ) Ara l-punti 59 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 54 ) Jidher li l-prassi fl-Istati Membri tvarja ħafna f’termini ta’ jekk avukati impjegati humiex awtorizzati jeżerċitaw prattika legali rregolata, jirrappreżentaw il-persuna li timpjegahom fil-proċeduri, jibqgħu membri tal-kamra tal-avukati nazzjonali, jew igawdu mis-sigriet professjonali. Ara, pereżempju, Marchandise, P., Jammaers, C., Macours, K. u Vandoorne, L., Déontologie et organisation générale de la profession de juriste d’entreprise. Théorie et cas pratiques de réflexion, Institut de Juristes d’Entreprise, Brussell, Ġunju 2018, p. 85, b’ħarsa lejn kull wieħed mit-tmienja u għoxrin Stat Membru f’p. 86 sa 94.

    ( 55 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punti 10 sa 12).

    ( 56 ) Din, jidher, li kienet is-sitwazzjoni tar-rappreżentant legali li rrappreżenta l-Università ta’ Wrocław fil-proċeduri li wasslu għad-digriet appellat. Possibbiltà doppja simili tidher li teżisti, pereżempju, fl-Irlanda fir-rigward ta’ avukati, li għandhom isegwu l-Guide to Good Professional Conduct for Solicitors u li l-professjoni tagħhom hija rregolata mis-Solicitors Acts 1954‑2015 (il-Liġi dwar s-Solicitors).

    ( 57 ) Ara, pereżempju, fir-rigward ta’ Franza, is-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) Nru 1497 tas‑16 ta’ Settembru 2015 (14‑17.842), jew, fl-Irlanda, it-Taqsima 212 tal-Legal Services Regulation Act 2015 (il-Liġi li Tirregola s-Servizzi Legali) li, meta jibda japplika, ser jippermetti avukat impjegat li ismu jkun ġie inkluż fil-lista ta’ barristers prattikanti li jipprovdi servizzi legali lill-persuna li timpjegah, inkluż billi jidher f’isem din tal-aħħar f’qorti, tribunal jew forum ta’ arbitraġġ.

    ( 58 ) Ma nistax ħlief nirrikonoxxi l-kumplessità tad-diskussjoni dwar in-natura tar-rwol u l-professjoni ta’ avukati esterni minn naħa waħda, u ta’ konsulent impjegat intern min-naħa l-oħra. Ara, pereżempju, Haeri, K., L’avenir de la profession d’avocat, Rapport confié par Monsieur Jean-Jacques Urvoas, Garde des Sceaux, Ministre de la Justice à Monsieur Kami Haeri, Avocat au Barreau de Paris, Frar 2017, p. 72 sa 73.

    ( 59 ) Ara l-punti 103 sa 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 60 ) Awtomatikament, istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni li tikkalkula b’mod razzjonali x’aktarx li tibda d-difiża tagħha billi tqiegħed inkwistjoni kull fejn ikun possibbli u bi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinkiseb l-“indipendenza” tal-avukat tar-rikorrent mhux ipprivileġġat. B’dan il-mod, iktar u iktar kawżi x’aktarx ser jiġu evalwati fuq dan il-punt, u l-kawżi ta’ “nuqqas ta’ indipendenza” jkomplu jespandu għal xenarji fattwali ġodda, li naturalment dan jiġġenera iktar u iktar oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li sussegwentement iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidħol f’diskussjonijiet iddettaljati ta’ fatti u fi kwistjonijiet li ma tantx huma parti mill-qofol tax-xogħol tagħha, sakemm gradwalment tiġi ssostitwita kwalunkwe sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’Ouroboros ta’ inammissibbiltà veru u proprju.

    ( 61 ) Ara il-punti 68 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Punt 18 tad-digriet appellat.

    ( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) 199/2001 tal‑4 ta’ Ottubru (ECLI:ES:TC:2001:199), u 213/1990, tal‑20 ta’ Diċembru (ECLI:ES:TC:1990:213), u d-deċiżjoni tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) P1. ÚS-st. 42/15 tat‑8 ta’ Ottubru 2015 (ECLI:CZ:US:2015:Pl.US-st.42.15.1). Ara wkoll IV. ÚS 3638/15 tat‑28 ta’ Frar 2018 (ECLI:CZ:US:2017:4.US.3638.15.1).

    ( 64 ) Ara, b’mod partikolari, l-eżempji ċċitata iktar ’il fuq fi Franza jew fi Spanja, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.

    ( 65 ) Ara wkoll il-punti 72 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan il-kuntest, ma nqisx neċessarju li nidħol f’analiżi ta’ kwalunkwe limitazzjoni potenzjali skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, minħabba li tali prassi sempliċement telimina l-essenza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Qiegħed ninnota wkoll li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iddeċidiet li interpretazzjoni stretta żżejjed ta’ regoli proċedurali nazzjonali dwar rappreżentanza mandatorja kkostitwixxiet ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u, b’mod iktar speċifiku, tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati meta talba mressqa minn rikorrent – avukat prattikanti – ġiet miċħuda, u b’hekk ir-rikorrent iċċaħħad minn eżami sħiħ tal-merti tal-allegazzjonijiet tiegħu. Ara l-Qorti EDB, 11 ta’ Frar 2014, Maširević vs Is‑Serbja, (CE:ECHR:2014:0211JUD003067108, punti 47 sa 51.)

    ( 66 ) Ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEearth vs Il‑Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564), li dwaru sar kumment iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.

    ( 67 ) Obbligu simili japplika mutatis mutandis għall-Qorti tal-Ġustizzja bbażat fuq l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

    ( 68 ) Din tagħmel il-loġika interpretattiva diġà identifikata iktar ’il fuq (fil-punti 72 sa 78) dejjem iktar lampanti u perikoluża. Għal darba oħra, ma huwiex pjuttost loġiku li r-regoli proċedurali ma jipprevedu l-ebda possibbiltà li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterji li sempliċiment ma humiex speċifikati fir-regoli applikabbli?

    ( 69 ) Filwaqt li titbiegħed ukoll mill-approċċ tal-prijoritizzazzjoni tas-sustanza fuq il-forma li l-Qorti tal-Ġustizzja normalment tħaddan meta l-kwistjoni tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta jew il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif applikat għall-qrati tal-Istati Membri, fejn dawn il-qrati jintalbu jinterpretaw regoli proċedurali nazzjonali b’mod li jipproteġi minflok ma jċaħħad l-aċċess. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Peftiev et (C‑314/13, EU:C:2014:1645, punt 29); is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49 sa 63); u s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 76). Min-naħa tagħha, il-Qorti EDB tfakkar li “‘formaliżmu eċċessiv’ jista’ jmur kontra r-rekwiżit li jiżgura dritt prattiku u effettiv ta’ aċċess għall-qrati skont l‑Artikolu 6§1 tal-[KEDB]. Dan naturalment jirriżulta f’każijiet ta’ kostruzzjoni partikolarment stretta ta’ regola proċedurali, li jipprevjenu rikors ta’ rikorrent milli jiġi eżaminat fuq il-merti, bir-riskju konsegwenti li d-dritt tiegħu għall-protezzjoni effettiva tal-qrati jiġi miksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti EDB, 5 ta’ April 2018, Zubac vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2018:0405JUD004016012, punti 97 sa 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 70 ) Ara, b’mod simili, l-Artikolu 119(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 71 ) Skont l-Artikolu 55(3) tar-RPQĠ. Jista’ jiġi miżjud biss li l-Artikolu 55 tar-RPQĠ kollu, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat mill-proċeduri, joffri konferma oħra li l-interpretazzjoni attwali tal-Artikolu 51(4) tar-RPQĠ hija dubjuża. Jekk huwa possibbli li jiġi ssostitwit avukat eskluż, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri, għalfejn għandu jkun kunċettwalment impossibbli li jiġi ssostitwit rappreżentant legali meta jsir ċar li huwa ma ssodisfax il-kriterji tal-Artikolu 19 tal-Istatut ab initio (speċifikament, meta r-rikors ġie ppreżentat)?

    ( 72 ) Ara l-punt 144 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 73 ) Punt 20 tad-digriet appellat.

    Fuq