EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0709

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Settembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd.
Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 13 – Evażjoni – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza u oriġini tal-komponenti tar-roti – Komponenti kkunsinnati miċ-Ċina lis-Sri Lanka, maħduma fis-Sri Lanka, sussegwentement ikkunsinnati lill-Pakistan għall-assemblaġġ.
Kawża C-709/17 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:717

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 13 – Evażjoni – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza u oriġini tal-komponenti tar-roti – Komponenti kkunsinnati miċ-Ċina lis-Sri Lanka, maħduma fis-Sri Lanka, sussegwentement ikkunsinnati lill-Pakistan għall-assemblaġġ”

Fil-Kawża C‑709/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-18 ta’ Diċembru 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u J.‑F. Brakeland kif ukoll minn A. Demeneix, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd, stabbilita f’Karachi (il-Pakistan), irrappreżentata minn P. Bentley, QC,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

European Bicycle Manufacturers Association (EBMA), irrappreżentata minn J. Beck, solicitor, u minn L. Ruessmann, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni (T‑435/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2017:712), li permezz tagħha din annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776 tat-18 ta’ Mejju 2015 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU 2015, L 122, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn dan jirrigwarda lil Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd (iktar ’il quddiem “Kolachi Raj”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għat-tilwima, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

3

Il-premessa 19 tar-Regolament bażiku kienet tipprovdi:

“[…] Minħabba l-falliment, sa issa, tan-negozjati multilaterali u sa kemm għadu pendenti r-riżultat tar-referenza lill-Kumitat Kontra Dumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), huwa meħtieġ li jkunu inklużi dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni [tal-Unjoni] li jindirizzaw prattiki, inkluż is-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija [fl-Unjoni] jew f’pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping.”

4

L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, intitolat “Evażjoni”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-[Unjoni] jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-[Unjoni], li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi; l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn [l-Unjoni] permezz ta’ produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti; u, fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ [fl-Unjoni] jew f’pajjiż terz.

2.   Operazzjoni ta’ assembleġġ [fl-Unjoni] jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

(a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; u

(b)

il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott mibni, ħlief li f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25 % ta’ l-ispiża tal-fabbrikazzjoni, u

(ċ)

l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ dumping fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jippreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta’ din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.

L-investigazzjonijiet għandhom isiru mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita mill-awtoritajiet doganali u l-investigazzjonijiet għandhom jitlestew fi żmien disa’ xhur.

Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3). L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha [tkun] ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha [jkunu] ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-importazzjonijiet ma jkunux suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn xiedha għandhom jiġu sottomessi fit-termini perentorji stabbiliti fir-regolament tal-Kummissjoni li jibda’ l-investigazzjoni. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir barra mill-[Unjoni], jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ xi produttur li hu suġġett għall-miżuri li li jinstabu li ma humiex iwettqu prattiċi ta’ ħelsien mir-restrizzjonijiet kif imfisser fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir ġewwa l-[Unjoni], jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b’deċiżjoni tal-Kummissjoni u għandhom jibqgħu validi għall-perjodu u skond il-kondizzjonijiet hemm stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri hekk kif tlesti l-analiżi tagħha.

Sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4), l-eżenzjonijiet jistgħu ukoll jingħataw wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

Sakemm tgħaddi għall-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta’ partijiet li jitolbu jew x’aktarx jitolbu eżenzjoni jkun sinifikattiv, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi tibda’ reviżjoni tal-estensjoni tal-miżuri. Kull reviżjoni bħal dik għandha titwettaq skond id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) kif applikabbli rigward reviżjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 11(3).

5.   Xejn f’dan l-Artikolu ma jipprekludi l-applikazzjoni normali tad-dispożizzjonijiet infurzati li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.”

5

L-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku kien jistabbilixxi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn tikkunsidra xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta’ l-importaturi, l-esportaturi, in-negozjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ u biex tivverifika l-informazzjoni mogħtija dwar dumping u l-ħsara. Fin-nuqqas ta’ risposta xierqa u f’waqtha, il-Kummissjoni tista’ tagħżel li ma tagħmilx żjara ta’ verifika.

[…]

3.   Il-kumpanniji konċernati għandhom jiġu mogħtija pariri dwar ix-xorta ta’ informazzjoni li għandha tiġi vverifikata matul iż-żjarat ta’ verifika u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha bżonn tiġi mogħtija matul żjarat bħal dawn, għalkemm dan ma għandux iħalli barra t-talbiet magħmula matul il-verifika għal iktar dettalji li għandhom jiġu mogħtija fid-dawl ta’ l-informazzjoni miksuba.

[…]”

6

L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kien jipprevedi:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3.   Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[…]

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament kontenzjuż

7

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8

Matul is-sena 1993, il-Kunsill stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 30.6 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina. Sussegwentement, dan id-dazju antidumping inżamm fl-istess livell. Matul is-sena 2005, l-imsemmi dazju ttella’ għal rata ta’ 48.5 %. Dan inżamm f’dan il-livell tal-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 153, p. 17).

9

Dan id-dazju antidumping ġie estiż, matul is-sena 2013, għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati, senjatament, mis-Sri Lanka, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u kemm jekk le, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni mwettqa skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

10

Adita bi lment ġdid matul is-sena 2014, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 502/2013 permezz ta’ importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini.

11

Kolachi Raj, kumpannija rregolata mid-dritt Pakistani, ipparteċipat f’din l-investigazzjoni. Mill-informazzjoni li tinsab fil-“Formola għall-kumpanniji li jitolbu eżenzjoni minn estensjoni eventwali tad-dazji”, mimlija minn din il-kumpannija, kien jirriżulta li din tal-aħħar kienet tixtri komponenti tar-roti ġejjin mis-Sri Lanka u miċ-Ċina, sabiex jiġu assemblati roti fil-Pakistan. Kolachi Raj ħatret ħames kumpanniji bħala l-fornituri tagħha, fosthom Great Cycles Pvt Ltd u Flying Horse Pvt Ltd. Kolachi Raj indikat li l-proprjetarju tagħha u dak ta’ Great Cycles kienu unikament l-istess persuna fiżika għaż-żewġ kumpanniji.

12

Fis-17 u fit-18 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Great Cycles f’Katunayake (is-Sri Lanka), sabiex tiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-proporzjon ta’ komponenti tar-roti li ġejjin miċ-Ċina kienx – kif allegat Kolachi Raj – inqas minn 60 % tal-valur tal-komponenti kollha użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa minn Kolachi Raj fil-Pakistan. Il-Kummissjoni kkonċentrat l-investigazzjoni tagħha fuq id-data dwar Flying Horse, li għaliha Kolachi Raj kienet tixtri 93 % tal-komponenti tar-roti użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħha. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Kolachi Raj, Flying Horse ma kinitx marbuta magħha u kienet intermedjarja, li kienet tixtri komponenti kważi ugwali – rispettivament sa 46 % u sa 47 % tal-komponenti kollha tar-roti użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ Kolachi Raj fil-Pakistan – miċ-Ċina u mis-Sri Lanka u tbigħhom mill-ġdid lil Kolachi Raj.

13

Ġie rrivelat li Flying Horse kienet tixtri volum kbir ta’ frejms, frieket, rimmijiet tal-liga u roti tal-plastik għal Great Cycles, manifattur ta’ komponenti tar-roti stabbilit fis-Sri Lanka u marbut ma’ Kolachi Raj. It-tajers u t-tejp tar-rimmijiet kienu, mill-banda l-oħra, jinxtraw mingħand Vechenson Limited, kumpannija li timmanifattura komponenti tar-roti stabbilita wkoll fis-Sri Lanka u li ma hijiex marbuta ma’ Kolachi Raj. Peress li kkonstatat numru ta’ anomaliji, il-Kummissjoni esprimiet dubju dwar ir-relazzjoni eżistenti bejn Kolachi Raj u Flying Horse.

14

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-komponenti tar-roti mixtrija, permezz ta’ Flying Horse, għal Vechenson kienu joriġinaw mis-Sri Lanka. Mill-banda l-oħra, hija eskludiet iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” maħruġa mill-Ministeru tal-Kummerċ tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka u prodotti minn Kolachi Raj dwar il-komponenti tar-roti mixtrija, permezz ta’ Flying Horse, għal Great Cycles (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati ta’ oriġini”).

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, abbażi tal-provi prodotti minn Kolachi Raj dwar l-ispejjeż tal-manifattura ta’ komponenti maħduma minn Great Cycles fis-Sri Lanka matul il-perijodu ta’ referenza, il-Kummissjoni kkalkolat li parti li tirrappreżenta iktar minn 65 % tat-total tal-materja prima użata għall-manifattura ta’ dawn il-komponenti tar-roti fis-Sri Lanka kienet ġejja miċ-Ċina, filwaqt li parti ugwali għal 31 % ta’ dan it-total kienet ġejja mis-Sri Lanka, u li l-valur miżjud għal din il-materja prima matul il-proċess ta’ manifattura tal-imsemmija komponenti fis-Sri Lanka kien jirrappreżenta inqas minn 25 %. Minn dan hija kkonkludiet li Kolachi Raj kienet tipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping u kkomunikatilha din il-konklużjoni fit-13 ta’ Marzu 2015.

16

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tas-27 ta’ Marzu 2015 dwar it-talbiet tal-Kummissjoni, Kolachi Raj sostniet li din tal-aħħar ma kinitx legalment fondata meta kkontestat l-oriġini mis-Sri Lanka tal-komponenti forniti lilha minn Great Cycles.

17

Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż.

18

Fil-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tirrileva, b’mod partikolari, li Kolachi Raj ġiet ikkunsidrata li kkooperat matul l-investigazzjoni.

19

Fil-punt 2.5.3 tal-motivi tal-imsemmi regolament, intitolat “Pakistan”, il-premessi 94 sa 106 ta’ dan ir-regolament huma ddedikati għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kolachi Raj. B’mod preliminari, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-premessa 94 tal-imsemmi regolament, ir-rabtiet eżistenti bejn Kolachi Raj u “kumpanija fis-Sri Lanka li kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni preċedenti kontra l-evażjoni u hija suġġetta għall-miżuri estiżi”, billi żiedet li l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija kienu ħolqu impriża fil-Kambodja involuta wkoll fl-esportazzjonijiet ta’ roti lejn l-Unjoni u “[peress li] ma kkooperatx fl-investigazzjoni attwali, minkejja li esportat il-prodott investigat [lil din tal-aħħar] lejn is-suq tal-Unjoni fl-2013”. Il-Kummissjoni żżid, fl-istess premessa, li l-kumpannija tal-Kambodja waqqfet l-attivitajiet tagħha fil-Kambodja matul il-perijodu ta’ referenza u ttrasferixxiet dawn tal-aħħar lejn il-kumpannija relatata stabbilita fil-Pakistan.

20

Fil-premessa 96 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni tenfasizza li l-investigazzjoni ma żvelatx prattiki ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża li għaddew mill-Pakistan u, fil-premessi 98 u 99 tal-imsemmi regolament, hija tesponi l-anomaliji li hija kkonstatat matul din l-istess investigazzjoni. Hija tiddedika l-premessi 100 u 101 tar-Regolament kontenzjuż għall-kwistjoni tal-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” kif ukoll għall-proporzjon tal-materja prima ġejja miċ-Ċina u li hija użata għall-manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka. Wara l-espożizzjoni, fil-premessa 100 ta’ dan ir-regolament, tal-argumenti ta’ Kolachi Raj, il-premessa 101 tal-imsemmi regolament hija redatta kif ġej:

“Kif spjegat fil-premessa 98, […] iċ-Ċertifikati ta’ oriġini ma ġewx ikkunsidrati bħala provi suffiċjenti li turi l-oriġini tal-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka minħabba li ma kinux maħruġa abbażi tal-ispejjeż reali tal-manifattura, iżda fuq previżjoni tal-ispejjeż tal-manifattura għall-futur, li ma tagħti l-ebda garanzija li l-komponenti tar-roti kienu tabilħaqq immanifatturati skont l-ispejjeż previsti. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li l-Kummissjoni mhix qed tikkuntesta l-metodoloġija inġenerali għall-ħruġ tal-Formoli A/taċ-Ċertifikati ta’ oriġini fis-Sri Lanka, li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni, iżda qed tivvaluta biss jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku jiġux issodisfati f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li jiġi nnutat li l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku mhuwiex bħala tali tabilħaqq regola dwar l-oriġini, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dawn il-komponenti kienu manifatturati b’aktar minn 60 % minn materja prima miċ-Ċina, u li l-valur miżjud kien inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura, u setgħet tikkonkludi li dawn il-komponenti nnifishom ġejjin miċ-Ċina. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq ġew miċħuda.”

21

Il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 104 tar-Regolament kontenzjuż, li l-investigazzjoni ma kienet żvelat “l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ għajr l-evitar tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat”.

22

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 147 tar-Regolament kontenzjuż, l-eżistenza, fir-rigward tal-Pakistan, ta’ “dumping kunsiderevoli” u eskludiet, fil-premessa 163 ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà li Kolachi Raj tiġi eżentata minn miżuri estiżi eventwali.

23

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament kontenzjuż, id-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina ġie estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati mill-Pakistan, kemm jekk dawn ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż kif ukoll jekk le.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

24

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2015, Kolachi Raj ressqet azzjoni għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan kien jikkonċernaha.

25

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2015, il-European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2016.

26

Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, Kolachi Raj invokat motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Permezz ta’ dan il-motiv, Kolachi Raj allegat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni, bħala regola ta’ oriġini, għal operazzjonijiet ta’ manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka, meta l-investigazzjoni kienet tirrigwarda possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping fil-Pakistan, u din l-istituzzjoni la kienet uriet in-natura insuffiċjentement probatorja taċ-ċertifikati ta’ oriġini u lanqas ma ħadet miżuri sabiex tapplika r-regoli ta’ oriġini previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

27

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku motiv ta’ Kolachi Raj sa fejn dan jikkritika lill-Kummissjoni li applikat b’mod żbaljat “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u ċaħditu sa fejn dan kien jikkonċerna l-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini.

28

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan kien jikkonċerna lil Kolachi Raj.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

29

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Kolachi Raj għall-ispejjeż; jew

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż marbuta mal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

30

Kolachi Raj titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

sussidjarjament, tikkorreġi s-sentenza appellata u tikkonferma d-dispożittiv tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess sostnuti fil-kuntest tal-appell kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti minn Kolachi Raj; u

tikkundanna lill-EBMA tbati l-ispejjeż tagħha stess sostnuti fil-kuntest tal-appell.

31

L-EBMA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Kolachi Raj għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell; jew

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u tikkundanna lil Kolachi Raj għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

32

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Dan l-aggravju, li huwa dirett kontra l-punti 83 sa 93 u 107 sa 119 tas-sentenza appellata, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

33

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq ir-regoli ta’ oriġini sabiex tinterpreta u tapplika l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

34

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li tipprovdi li, minn naħa, il-kunċett ta’ “provenjenza” huwa bbażat fuq ir-regoli tal-oriġini u, min-naħa l-oħra, il-provenjenza tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tista’ tiġi pprovata biss bl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma ssib ebda bażi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

35

Fil-fatt, dan it-test ma jagħmel ebda riferiment għar-regoli ta’ oriġini u jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi l-applikazzjoni tagħhom fl-evalwazzjoni ta’ operazzjoni ta’ assemblaġġ skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Din l-għażla tirriżulta mill-emendi suċċessivi tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni bażika dwar l-evażjoni. F’dan ir-rigward, peress li r-regoli ta’ oriġini rriżultaw dejjem iktar inadegwati sabiex jittrattaw il-każijiet ta’ evażjoni flagranti, il-kamp tar-regoli ta’ kontra l-evażjoni, inizjalment limitat għall-assemblaġġ ta’ komponenti “li joriġinaw mill-pajjiż ta’ esportazzjoni tal-prodott suġġett għad-dazju antidumping”, kien ġie estiż għall-assemblaġġ ta’ komponenti ġejjin mill-pajjiż suġġett għal tali dazju mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 1).

36

B’hekk, l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi, minn dakinhar, sistema legali distinta u indipendenti mir-regoli ta’ oriġini. Id-dritt doganali għandu rilevanza biss meta r-Regolament bażiku jirreferi espliċitament għalih.

37

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tnaqqas indebitament l-effettività tal-istrument kontra l-evażjoni. Mill-banda l-oħra, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku għall-komponenti użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ inkwistjoni tippermetti li din tiġi ppreżervata.

38

L-ewwel nett, filwaqt li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jippermetti li jiġi adottat approċċ globali għat-tranżazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-komponenti inkwistjoni u mwettqa matul is-sena ta’ referenza kkonċernata, il-kriterji stabbiliti mir-regoli ta’ oriġini għandhom jiġu vverifikati għal kull komponent individwali. Issa, din il-verifika hija impossibbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra l-evażjoni, fid-dawl tar-restrizzjonijiet inerenti għal tali investigazzjoni.

39

It-tieni nett, ir-regoli ta’ oriġini ma jinkludu ebda dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, li tippermetti lill-Kummissjoni tirrikorri għal sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex turi, f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-partijiet ikkonċernati, li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu imposti miżuri kontra l-evażjoni jkunu ssodisfatti.

40

It-tielet nett, l-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali tbiddel is-sistema legali applikabbli għall-komponenti użati għall-assemblaġġ, sa fejn livell addizzjonali ta’ evażjoni huwa miżjud bejn il-pajjiż suġġett għall-miżuri u dak li fih il-komponenti huma assemblati. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tissostitwixxi, f’każ bħal dan, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku bir-regoli ta’ oriġini li jirriżultaw mid-dritt doganali u trendi inapplikabbli l-istrument kontra l-evażjoni.

41

Ir-raba’ nett, is-sentenza appellata ma fiha ebda indikazzjoni fir-rigward tal-punt dwar jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-komponenti mixtrija, f’dan il-każ, fis-Sri Lanka, hemmx lok li jsir riferiment, b’analoġija, għar-regoli ta’ oriġini tal-Unjoni, jew għar-regoli ta’ oriġini tal-pajjiż fejn dawn il-komponenti huma esportati, jiġifieri dawk tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan.

42

Il-ħames nett, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali twassal, f’dan il-każ, għall-ħolqien ta’ lakuna ġuridika peress li l-komponenti inkwistjoni la joriġinaw mis-Sri Lanka u lanqas miċ-Ċina, filwaqt li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku tippermetti li tali lakuna timtela.

43

Is-sitt nett, din l-applikazzjoni b’analoġija għamlet parti mill-attivitajiet ta’ investigazzjoni mwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-roti assemblati minn Kolachi Raj kinux fil-fatt jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

44

L-EBMA, li ssostni l-argumentazzjoni mressqa mill-Kummissjoni, tqis li l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija fondata. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, li t-termini “huma mill-pajjiż”, użati fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw il-provenjenza tal-pajjiż ta’ esportazzjoni immedjat.

45

Fl-ewwel lok, peress li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma jimplimentax dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU 1994, L 336, p. 103), it-termini “huma mill-pajjiż”, li jinsabu fil-paragrafu 2(a) tiegħu, ma jistgħux jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, li, bħall-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 9(5) u (6) tiegħu, iċċitati mill-Qorti Ġenerali, jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Dan japplika a fortiori peress li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet ibbażati fuq regoli li jinsabu f’dan il-ftehim u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kienu jikkonċernaw importazzjonijiet tal-prodott finali fl-Unjoni, l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament kien jikkonċerna importazzjonijiet ta’ komponenti intiżi għall-assemblaġġ tal-prodott finali.

46

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni restrittiva tat-termini “huma mill-pajjiż” adottata mill-Qorti Ġenerali tmur kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri antidumping tal-Unjoni u li tiġi evitata l-evażjoni tagħhom. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tqiegħed inkwistjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet kontra l-evażjoni u tinjora r-realtajiet ekonomiċi attwali tal-katini tal-provvista mondjali.

47

Fil-fatt, ikun biżżejjed li l-operaturi jżidu operazzjoni ta’ trasformazzjoni, anki jekk limitata, tal-komponenti f’pajjiż terz supplimentari sabiex jevitaw il-miżuri kontra l-evażjoni. B’hekk, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali tippermetti lill-operaturi li “jaħslu” komponenti assemblati fis-Sri Lanka, b’mod li jirriżulta li dawn ikunu taw lok għal evażjoni tal-miżuri antidumping, billi jibagħtuhom minn dan il-pajjiż lejn il-Pakistan sabiex jitkompla hemmhekk l-assemblaġġ tagħhom, minflok ma jesportawhom direttament lejn l-Unjoni.

48

Sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tinkludi, fl-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, komponenti li jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri inizjali u li jkunu ttrasportati, billi jgħaddu minn pajjiż terz, lejn il-pajjiż terz li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni, b’mod partikolari, meta x-xogħol u t-trasformazzjoni ta’ dawn il-komponenti ma jkunux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

49

Kolachi Raj twieġeb li l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija infondata.

50

Fl-ewwel lok, Kolachi Raj tqis li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda deliberatament l-applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku hija żbaljata.

51

Fil-fatt, l-imsemmi leġiżlatur ma spjegax ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-użu u, wara, l-abbandun tal-kunċett ta’ “oriġini” fil-kuntest tar-regoli kontra l-evażjoni. Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “provenjenza” fir-Regolament bażiku, dan ma jistax jitqies li huwa kunċett awtonomu, iżda għandu jiġi interpretat skont it-tifsira normali tiegħu u skont kunċetti simili previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-kunċett doganali ta’ “oriġini”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan l-Artikolu 13 ma jipprekludix l-applikazzjoni normali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam doganali dwar l-oriġini mhux preferenzjali.

52

Fit-tieni lok, Kolachi Raj tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti tas-sentenza appellata. Skont din il-kumpannija, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-prova tal-provenjenza u lanqas ma ddeċidiet li l-kunċett ta’ “provenjenza” huwa bbażat fuq ir-regoli ta’ oriġini. Hija ddeċidiet biss fuq il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li “tivverifika” l-oriġini tal-komponenti. Din hija verifika, mill-Kummissjoni, tal-komponenti pprovduti mill-parti kkonċernata, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali la llimitat il-mezzi li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward u lanqas ma eskludiet espressament kull mezz ieħor sabiex tipprova li, f’dan il-każ, il-komponenti “kienu ġejjin” miċ-Ċina.

53

Madankollu, Kolachi Raj issostni li l-oriġini tikkostitwixxi l-uniku kriterju rilevanti u adegwat sabiex jiġi ddeterminat li komponent ma jkunx ġej, fil-fatt, mill-pajjiż tal-kunsinna u li r-regoli ta’ oriġini, kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni doganali, jiddeterminaw, fir-realtà, il-provenjenza inizjali ta’ komponent. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-WTO, b’mod partikolari mill-klawżola tan-nazzjon l-iktar iffavorit.

54

Fil-mertu, Kolachi Raj tenfasizza, l-ewwel nett, li l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku huma intiżi sabiex jintużaw fl-evalwazzjoni ta’ jekk operazzjoni ta’ assemblaġġ hijiex ekwivalenti għal evażjoni ta’ miżuri antidumping u mhux sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini jew il-provenjenza ta’ komponent.

55

It-tieni nett, ma huwiex stabbilit li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-effettività tal-istrument kontra l-evażjoni jew trendih inapplikabbli. Is-sempliċi fatt li jista’ jkun iktar faċli, għall-investigaturi, li japplikaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku iktar milli r-regoli ta’ oriġini ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu interpretati t-termini “mill-pajjiż suġġett għall-miżuri”.

56

It-tielet nett, huwa paċifiku li l-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, inkluż fl-investigazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkonkludietx, madankollu, li ċ-ċertifikati ta’ oriġini inkwistjoni kienu foloz jew qarrieqa.

57

Ir-raba’ nett, applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini tal-Unjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Dan jixhdu l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha 2001/725/KE tat-28 ta’ Settembru 2001 li tagħlaq il-proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur li joriġinaw mit-Turkija (ĠU 2001, L 272, p. 37).

58

Il-ħames nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegata lakuna legali, Kolachi Raj tenfasizza, minn naħa, li mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-komponenti inkwistjoni ma joriġinawx miċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonkludiet li l-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkunsidrat li ċ-ċertifikati ta’ oriġini inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu provi suffiċjenti sabiex juru l-oriġini tal-imsemmija komponenti. Il-kwistjoni dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħetx tiċħad dawn iċ-ċertifikati u tuża d-data disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u, jekk ikun il-każ, liema kienet din id-data, la ġiet issollevata quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma ġiet deċiża minnha.

59

Is-sitt nett, Kolachi Raj tosserva li, peress li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda evażjoni eventwali tal-miżuri antidumping permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa fil-Pakistan, u mhux fis-Sri Lanka, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku setgħu jiġu applikati biss għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa fil-Pakistan, wara li tiġi ddeterminata l-provenjenza tal-komponenti inkwistjoni. Issa, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat dawn il-kriterji sabiex turi li dawn il-komponenti kienu ġejjin miċ-Ċina.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

60

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija rrestrinġiet it-tip ta’ provi li hija tista’ tuża sabiex turi li l-komponenti inkwistjoni “ġejjin” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, billi pprekludietha milli tipproduċi din il-prova b’mod differenti mir-regoli ta’ oriġini.

61

Fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma jillimita l-provi li jistgħu jintużaw. Bl-użu tat-termini “huma mill-pajjiż”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta l-applikazzjoni tar-regoli awtonomi previsti f’dan l-artikolu mhux biss għall-prodott lest suġġett għall-investigazzjoni kontra l-evażjoni, iżda wkoll għall-komponenti użati għall-assemblaġġ ta’ dan il-prodott.

62

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216), u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63

Fil-fatt, l-imsemmija sentenza ngħatat f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna. Minn dan jirriżulta li l-għażla tal-provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku għandha tkun libera u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex obbligati jipproduċu l-prova li l-komponenti joriġinaw mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping.

64

L-EBMA, li taqbel mal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, iżżid li, billi tissuġġerixxi, fil-punti 87, 92, 108 u 114 tas-sentenza appellata, li l-obbligu li tiġi vverifikata l-oriġini tal-komponenti jaqa’ fuq il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216), li minnha jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex obbligati jagħtu prova tal-oriġini tal-komponenti billi japplikaw l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u li l-oneru tal-prova ta’ din l-oriġini jaqa’ fuq il-produttur-esportatur ikkonċernat.

65

F’dan il-każ, huwa magħruf u inkontestat li l-komponenti assemblati fis-Sri Lanka kienu ta’ oriġini Ċiniża, b’tali mod li Kolachi Raj kellha turi li dawn il-komponenti kienu kisbu oriġini mis-Sri Lanka. Peress li Kolachi Raj ma ġabitx din il-prova, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi supplimentari sabiex tikkonkludi li dawn il-komponenti kienu ġejjin miċ-Ċina, u dan indipendentement mill-fatt li hija applikat, b’analoġija, l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

66

Kolachi Raj twieġeb li t-tieni parti tal-aggravju uniku hija infondata.

67

Fl-ewwel lok, filwaqt li tfakkar li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-mezzi ta’ prova li jistgħu jintużaw sabiex tintwera l-provenjenza ta’ komponent u li r-regoli ta’ oriġini jikkostitwixxu l-uniku kriterju rilevanti f’dan ir-rigward, Kolachi Raj tenfasizza li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa li timpedixxi jew tawtorizza l-użu tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini jew il-provenjenza tal-komponenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali użu ma huwiex awtorizzat. Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni tifforma eċċezzjoni għas-sistema ġenerali ta’ impożizzjoni ta’ dazji antidumping, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

68

Kolachi Raj tislet argument supplimentari mill-istruttura tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, li twassal sabiex jiġu ddeterminati, fl-ewwel lok, liema huma l-komponenti li ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, qabel ma jiġu applikati, fit-tieni lok, il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tagħha.

69

Barra minn hekk, Kolachi Raj tosserva li l-Kummissjoni għandha tirrikorri għal elementi probatorji, jiġifieri fatti li għandhom rabta loġika mal-konklużjonijiet legali li jirriżultaw minnhom. Issa, rabta bħal din ma tistax tiġi stabbilita bejn il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u d-determinazzjoni tal-provenjenza tal-komponenti inkwistjoni.

70

Fit-tieni lok, Kolachi Raj topponi l-argumenti li l-Kummissjoni tislet mis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216), li kienet ingħatat f’ċirkustanzi differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkontradixxiet din is-sentenza u llimitat ruħha sabiex tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tivverifika l-oriġini tal-komponenti prodotti fis-Sri Lanka.

71

Barra minn hekk, fis-seduta, Kolachi Raj sostniet li l-argument tal-EBMA dwar l-oneru tal-prova tal-oriġini tal-komponenti huwa inammissibbli sa fejn dan ma jaqax fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li tirrigwarda l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

72

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, Kolachi Raj titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq sostituzzjoni tal-motivi, billi tissostitwixxi, f’dik is-sentenza, ir-riferimenti għall-oriġini tal-komponenti b’riferiment għall-provenjenza tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

73

Iż-żewġ partijiet tal-aggravju uniku, li huma intrinsikament marbuta ma’ xulxin u li għandhom, għaldaqstant, jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Essenzjalment, il-Kummissjoni, insostenn tal-EBMA, issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat assimilat il-kunċett ta’ “provenjenza” ma’ dak ta’ “oriġini”. L-EBMA żżid li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat assimilat il-kunċett ta’ “provenjenza” mal-pajjiż ta’ esportazzjoni immedjat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, sostnuta mill-EBMA, issostni li l-Qorti Ġenerali llimitat indebitament il-possibbiltà tat-tressiq tal-prova tal-fatt li komponenti ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri inkwistjoni, billi imponiet fuq il-Kummissjoni l-obbligu li turi l-oriġini tal-komponenti, fis-sens tad-dritt doganali.

74

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping stabbiliti skont dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili, xi ftit immodifikati kif ukoll jekk le, meta tkun qiegħda ssir evażjoni tal-miżuri fis-seħħ.

75

Fid-dawl tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, l-oneru tal-prova ta’ evażjoni ta’ miżuri antidumping f’pajjiż terz jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 35, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punt 56), filwaqt li huwa kull produttur-esportatur individwali li għandu juri li s-sitwazzjoni speċifika tiegħu tiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tal-imsemmi regolament (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punt 59).

76

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, operazzjoni ta’ assemblaġġ f’pajjiż terz għandha titqies li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik, li tirriżulta minn qari flimkien tal-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, li timponi li l-komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat “huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri”.

77

Fil-punti 79 sa 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni juru li l-komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat “huma miġjuba” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, mingħajr ma dawn l-istituzzjonijiet ikunu obbligati li jipproduċu l-prova li dawn il-komponenti joriġinaw ukoll minn dan il-pajjiż. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li jista’ jkun neċessarju, fil-każ ta’ dubju, li jiġi vverifikat jekk il-komponenti ġejjin minn pajjiż għandhomx, fil-fatt, oriġini ta’ pajjiż ieħor. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali interpretat it-termini “huma minn” bħala li jirreferu għall-importazzjonijiet ikkonċernati u, għalhekk, għall-pajjiż ta’ esportazzjoni tal-komponenti inkwistjoni.

78

Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-komponenti mixtrija minn Kolachi Raj fis-Sri Lanka kienu ġew importati minn dan il-pajjiż wara li nħadmu fih u, għaldaqstant, dawn setgħu jitqiesu li “huma” miġjuba minn dan il-pajjiż. Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 87 u 91 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet madankollu tivverifika jekk dawn il-komponenti kinux, fil-verità, joriġinaw miċ-Ċina u, għal dan il-għan, li titlob lil Kolachi Raj tipproduċi l-prova li l-imsemmija komponenti kienu joriġinaw mis-Sri Lanka.

79

Konkretament, il-Qorti Ġenerali qieset, rispettivament fil-punti 105 u 114 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, teskludi l-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini prodotti minn Kolachi Raj, din l-istituzzjoni kienet, mill-banda l-oħra, wettqet żball ta’ liġi meta applikat “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-“oriġini” tal-komponenti mixtrija, minn din tal-aħħar, fis-Sri Lanka.

80

Minn din it-tfakkira jirriżulta li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “provenjenza” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, billi assimilatu mal-importazzjoni diretta tal-komponenti inkwistjoni minn dan il-pajjiż u billi rrikjediet, fin-nuqqas ta’ tali importazzjoni diretta, li l-Kummissjoni tressaq il-prova li dawn il-komponenti joriġinaw, fil-fatt, mill-imsemmi pajjiż.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi allegati, jeħtieġ, prinċipalment, li ssir interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament bażiku u, b’mod iktar speċifiku, li tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “provenjenza” tal-komponenti, riflessa fit-termini “huma mill-pajjiż” li jinsabu fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prova ta’ din il-provenjenza.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku u l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali

82

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Tigers, C-156/16, EU:C:2017:754, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Kif tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, bla ħsara għall-fatt li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan il-paragrafu 2, operazzjoni ta’ assemblaġġ titqies li tevadi l-miżuri antidumping fis-seħħ meta l-komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat “huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri”. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jistabbilixxu li l-komponenti inkwistjoni “huma miġjuba” minn dan il-pajjiż.

84

Ir-Regolament bażiku ma jinkludi ebda definizzjoni tat-termini “huma mill-pajjiż”, li jinsabu fl-Artikolu 13(2)(a) tiegħu, u lanqas, barra minn hekk, tal-kunċett ta’ “provenjenza”. Skont it-tifsira komuni tagħhom, it-termini “huwa minn” ifissru “jiġi minn” jew “joriġina minn”, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu.

85

Il-partijiet fl-appell ma jaqblux dwar jekk dan il-kunċett ta’ “provenjenza” għandux, kif isostnu l-Kummissjoni u l-EBMA, jingħata interpretazzjoni wiesgħa, li tmur lil hinn mill-kunċetti ta’ “oriġini” doganali u ta’ “importazzjoni diretta”, jew, kif tissuġġerixxi Kolachi Raj, interpretazzjoni restrittiva fis-sens li l-provenjenza tirreferi biss għall-oriġini doganali tal-komponenti.

86

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “provenjenza” huwiex mifhum bħala l-oriġini doganali tal-komponenti inkwistjoni, għandu jiġi osservat, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-eżami tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku juri diverġenzi.

87

Fil-fatt, filwaqt li l-verżjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku bil-lingwa Spanjola (“procedan del”), Daniża (“fra det”), Griega (“προέρχονται από”), Ingliża (“are from”), Franċiża (“proviennent du”), Kroata (“iz”), Latvjana (“nāk no”), Litwana (“ira iš”), Olandiża (“afkomstig… uit”), Portugiża (“provenientes do”), Rumena (“provin din”), Finlandiża (“tulevat maasta”) u Svediża (“från det”) jirreferu għall-kunċett ta’ “provenjenza” tal-komponenti, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Ursprung”) u b’dik Taljana (“originari”) jirreferu għall-“oriġini” tagħhom. Fl-aħħar nett, il-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka (“pochazeji”), Estonjana (“pärinevad riigist”), Pollakka (“pochodzą z”) u Slovakka (“pochádzajú z”) jużaw termini li jistgħu jirreferu kemm għall-“provenjenza” kif ukoll għall-“oriġini” tal-komponenti.

88

Issa, għall-finijiet li tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-istess test li l-verżjoni tiegħu f’lingwa tal-Unjoni tkun differenti minn dawk stabbiliti fil-lingwi l-oħra, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 13(2)(i) tar-Regolament Nru 3283/94. Qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam antidumping, jiġifieri, suċċessivament, l-Artikolu 13(10)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84 tat-23 ta’ Lulju 1984 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1984, L 201, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1761/87 tat-22 ta’ Ġunju 1987 (ĠU 1987, L 167, p. 9), sussegwentement l-Artikolu 13(10)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tat-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1988, L 209, p. 1), kienu jissuġġettaw l-estensjoni ta’ dazju antidumping fis-seħħ minħabba operazzjonijiet ta’ assemblaġġ għall-kundizzjoni li l-valur tal-komponenti użati f’dawn l-operazzjonijiet u “li joriġinaw mill-pajjiż tal-esportazzjoni tal-prodott suġġett għad-dazju [imsemmi]” ikun jaqbeż mill-inqas 50 % tal-valur totali tal-komponenti l-oħra kollha użati. Il-kliem “li joriġinaw” kienu jirreferu għalhekk għall-kunċett ta’ “oriġini”, fis-sens tad-dritt doganali.

90

Kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva, fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-emenda magħmula mir-Regolament Nru 3283/94, li juża, tal-inqas f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, terminu li jirreferi għall-kunċett ta’ “provenjenza” iktar milli għal dak ta’ “oriġini”, jimplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni deliberatament għażel li jitbiegħed mir-regoli ta’ oriġini tad-dritt doganali u li, għaldaqstant, il-kunċett ta’ “provenjenza”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, għandu kontenut awtonomu u distint minn dak tal-kunċett ta’ “oriġini”, fis-sens tad-dritt doganali.

91

Minn dan isegwi li, għalkemm huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom juru li l-komponenti użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ikunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, huma ma humiex obbligati juru li dawn il-komponenti joriġinaw ukoll minn dan il-pajjiż, fis-sens tad-dritt doganali.

92

Din il-konklużjoni hija, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, għal kull produttur-esportatur individwali, li juri li, għalkemm ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, il-komponenti inkwistjoni joriġinaw, fir-realtà, minn pajjiż li ma huwiex il-pajjiż suġġett għall-miżuri, sabiex jiġi eżentat mid-dazju antidumping estiż, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, f’tali każ, operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ma jistgħux jitqiesu bħala li jevadu, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping fis-seħħ.

93

Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “provenjenza”, li jinsab fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, għandux jinftiehem b’riferiment għall-importazzjoni tal-komponenti u għalhekk, bħala li jirreferi għall-pajjiż ta’ esportazzjoni immedjata tagħhom.

94

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, meta jiġi stabbilit li l-komponenti li huma s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jiġu importati direttament mill-pajjiż suġġett għall-miżuri f’pajjiż terz ieħor jew fl-Unjoni għall-finijiet tal-assemblaġġ tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkunsidraw li dawn il-komponenti “huma ġejjin” mill-ewwel wieħed minn dawn il-pajjiżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

95

Minn naħa, din l-interpretazzjoni hija, fil-fatt, konformi mas-sens komuni tal-espressjoni “huwa minn”, kif imfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza.

96

Min-naħa l-oħra, din hija kkorroborata wkoll mill-għan u mill-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku. Fid-dawl ta’ dawn, u b’mod partikolari tal-premessa 19 u tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, regolament li jestendi dazju antidumping huwa intiż biss sabiex jiżgura l-effettività tiegħu u sabiex jevita l-evażjoni tiegħu. Konsegwentement, miżura li testendi dazju antidumping definittiv hija biss ta’ natura aċċessorja fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju, li jipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2013, PaltradeC‑667/11, EU:C:2013:368, punt 28, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punti 5053).

97

Issa, billi tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li japplikaw l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku għall-komponenti importati direttament fil-pajjiż fejn huma assemblati mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi applikat kriterju sempliċi, li huwa ta’ natura li jiżgura l-effettività tad-dazju antidumping. B’hekk, minflok ma huma obbligati jistabbilixxu l-oriġini doganali tal-komponenti inkwistjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu, bħala prinċipju, jillimitaw ruħhom li jikkonstataw li dawn il-komponenti huma effettivament importati, fil-pajjiż ta’ assemblaġġ, mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, bla ħsara għall-possibbiltà li l-produttur-esportatur ikkonċernat jistabbilixxi li l-imsemmija komponenti joriġinaw, fil-fatt, minn pajjiż ieħor.

98

It-tieni nett, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset fil-punti 84, 87 u 91 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ “provenjenza” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri ma jistax jiġi limitat għall-ipoteżi ta’ importazzjoni diretta tal-komponenti inkwistjoni minn dan il-pajjiż.

99

Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma jinkludi ebda indikazzjoni f’dan is-sens.

100

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, huwa minnu li, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, diversi dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament bażiku jużaw ukoll il-kunċett ta’ “provenjenza” u dak ta’ “importazzjoni”.

101

Madankollu, il-fatt li, b’differenza minn dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku juża t-termini “huma mill-pajjiż” mingħajr ebda riferiment għall-importazzjoni jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirrestrinġi l-“provenjenza”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, biss għall-ipoteżi ta’ importazzjoni diretta ta’ komponenti ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri.

102

Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni tapplika wkoll fid-dawl tal-għan u tal-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku u tal-għanijiet imfittxija minn regolament li jestendi dazju antidumping, kif imfakkra fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza.

103

Fil-fatt, fil-każ fejn jiġu importati komponenti mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, fl-ewwel pajjiż terz għall-ewwel assemblaġġ, anki minuri, qabel ma jiġu importati fit-tieni pajjiż terz għat-tieni assemblaġġ tal-prodott finali intiż sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni, assimilazzjoni perfetta tal-kunċetti ta’ “provenjenza” u ta’ “importazzjoni” twassal għall-konklużjoni li dawn il-komponenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ġejjin mill-pajjiż tal-ewwel assemblaġġ, b’tali mod li kwalunkwe konstatazzjoni ta’ evażjoni tkun immedjatament eskluża. Din l-interpretazzjoni hija għalhekk ta’ natura li tippermetti lill-operaturi li jaħarbu faċilment mill-estensjoni tad-dazju definittiv fis-seħħ, billi jimmultiplikaw l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ suċċessivi f’pajjiżi terzi.

104

Tali interpretazzjoni tista’ tikkomprometti l-effettività tal-miżuri kontra l-evażjoni tal-Unjoni kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċċjati b’sensiela kumplessa ta’ diversi assemblaġġi suċċessivi f’diversi pajjiżi terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 37).

105

Dan ir-riskju ma jistax jiġi eskluż mill-possibbiltà, ikkonstatata essenzjalment mill-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 91 tas-sentenza appellata, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jivverifikaw jew jiddeterminaw, f’każ ta’ assemblaġġi suċċessivi mwettqa f’żewġ pajjiżi terzi, li l-komponenti kkunsinnati mill-pajjiż tal-ewwel assemblaġġ intermedju jkunu, fil-fatt, joriġinaw mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping.

106

Tali possibbiltà fil-fatt twassal sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom, kuntrarjament għall-orjentazzjoni magħżula mil-leġiżlatur u esposta fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, jipproduċu l-prova mhux iktar tal-provenjenza tal-komponenti, iżda tal-oriġini doganali tagħhom u, għaldaqstant, ittaqqal l-oneru tal-prova impost fuqhom, u dan bi ksur tal-għan u tal-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku, kif esposti fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza.

107

Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li komponenti jkunu “ġejjin mill-pajjiż soġġett għall-miżuri” mhux biss fil-każ ta’ importazzjoni diretta msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll f’sitwazzjonijiet li fihom jista’ jintwera, fid-dawl ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, li komponenti, inizjalment immanifatturati fil-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, ġew importati fil-pajjiż ta’ assemblaġġ minn pajjiż terz intermedju, li minnu għaddew jew li fih kienu suġġetti għal xogħol minuri.

108

Il-prova ta’ tali provenjenza, li taqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tista’, għaldaqstant, tkun ibbażata fuq sensiela ta’ indizji konkordanti, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 92 ta’ din is-sentenza, l-operaturi kkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li l-komponenti inkwistjoni joriġinaw, fir-realtà, minn pajjiż li ma huwiex dak suġġett għall-imsemmija miżuri.

109

Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “provenjenza”, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, hija kkorroborata wkoll mill-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur ried iħalli marġni wiesa’ ta’ manuvrar lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-“evażjoni” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 48).

110

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn illimitat il-kunċett ta’ “provenjenza”, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, biss għall-ipoteżi ta’ importazzjoni diretta tal-komponenti inkwistjoni u sa fejn imponiet fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-oneru, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, li juru l-oriġini tal-komponenti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

111

Kuntrarjament għal dak li ssostni Kolachi Raj, dan l-iżball ta’ liġi ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ sempliċi sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata, li permezz tagħha kull riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-kunċett ta’ “oriġini” jiġi ssostitwit b’riferiment għal dak ta’ “provenjenza”. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet bejn dawn iż-żewġ kunċetti distinzjoni stretta, li kienet teskludi mill-bidu nett il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li turi, permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, il-provenjenza tal-komponenti inkwistjoni f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni f’din il-kawża.

112

Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni u tal-EBMA, hemm lok li l-aggravju uniku jintlaqa’ u, għaldaqstant, li s-sentenza appellata tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

113

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’dan il-każ ineżami.

114

Permezz tal-motiv uniku tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku, Kolachi Raj issostni, l-ewwel nett, li l-komponenti inkwistjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma ġejjin miċ-Ċina peress li dawn kienu nħadmu fis-Sri Lanka u kkunsinnati minn dan il-pajjiż lejn il-Pakistan; it-tieni nett, li ċ-ċertifikati ta’ oriġini, li l-Kummissjoni b’mod żbaljat injorat, kienu jattestaw l-oriġini tas-Sri Lanka ta’ dawn il-komponenti; u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni wettqet żbalji meta applikat l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku għal operazzjonijiet ta’ manifattura ta’ komponenti ta’ roti fis-Sri Lanka, meta l-investigazzjoni kienet tirrigwarda possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping fil-Pakistan u din id-dispożizzjoni ma hijiex regola ta’ oriġini u ma tistax, għaldaqstant, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li l-komponenti maħduma fis-Sri Lanka kienu ġejjin miċ-Ċina. Skont Kolachi Raj, il-Kummissjoni kellha, għall-kuntrarju, tapplika r-regoli ta’ oriġini previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 91, 92, 107 u 108 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-komponenti inkwistjoni kienu ġejjin miċ-Ċina, bla ħsara għall-possibbiltà għal Kolachi Raj li turi li dawn il-komponenti kienu, fil-fatt, joriġinaw mis-Sri Lanka.

116

F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-premessi 98 sa 101 tar-Regolament kontenzjuż jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-komponenti mixtrija minn Kolachi Raj fis-Sri Lanka kienu ġejjin miċ-Ċina. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li dawn il-komponenti kienu essenzjalment immanifatturati b’materja prima miċ-Ċina u Kolachi Raj, barra minn hekk, kienet ikkonfermat dan il-fatt matul is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-produttur mis-Sri Lanka kien kumpannija marbuta ma’ Kolachi Raj u kkontestat ir-relazzjonijiet bejn din tal-aħħar u l-fornitur allegatament indipendenti tagħha. Fl-aħħar nett, filwaqt li ssemmi, fil-premessa 101 tar-Regolament kontenzjuż, li l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ma kienx jikkostitwixxi regola ta’ oriġini, il-Kummissjoni rrilevat li, billi l-imsemmija komponenti kienu ġew immanifatturati, għal iktar minn 60 %, minn materja prima li ġejja miċ-Ċina u l-valur miżjud huwa inqas minn 25 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, dawn il-komponenti kienu huma stess ġejjin miċ-Ċina.

117

Barra minn hekk u sabiex jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih saret din il-kawża, mill-premessa 94 tar-Regolament kontenzjuż jirriżulta li l-produttur tas-Sri Lanka marbut ma’ Kolachi Raj kien is-suġġett ta’ investigazzjoni preċedenti kontra l-evażjoni fir-rigward tas-Sri Lanka u li Kolachi Raj kienet ukoll marbuta ma’ kumpannija mill-Kambodja li kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni ta’ roti lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Settembru 2013 sal-31 ta’ Awwissu 2014 u li kienet ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha lil Kolachi Raj fil-Pakistan.

118

Dawn l-elementi kollha jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji konkordanti li fuqhom il-Kummissjoni setgħet, kif ġie rrilevat fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, tibbaża ruħha sabiex tikkonkludi li l-komponenti inkwistjoni “kienu miġjuba” miċ-Ċina.

119

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, ċertament, l-elementi esposti fil-punt 117 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-fatt, espost mill-Kummissjoni, li Kolachi Raj tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji li jappartjenu lill-istess persuna fiżika u li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping f’diversi pajjiżi terzi, ma jistgħux waħedhom jiġġustifikaw il-konklużjoni li l-komponenti inkwistjoni huma ġejjin miċ-Ċina, kif barra minn hekk il-Kummissjoni ammettiet espliċitament fil-kontroreplika tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, dawn il-fatti jikkostitwixxu elementi rilevanti ta’ natura li jsaħħu l-konklużjoni li l-komponenti mmanifatturati fis-Sri Lanka minn, essenzjalment, materja prima Ċiniża jistgħu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Kolachi Raj, jitqiesu li huma ġejjin miċ-Ċina, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku.

120

Issa, Kolachi Raj ma ppreżentatx argumenti konkreti intiżi sabiex jikkontestaw is-sensiela ta’ indizji li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha.

121

Sa fejn, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni applikat “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku, għandu, ċertament, jiġi kkonstatat li, kif jaqblu l-partijiet, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola ta’ oriġini. Mill-banda l-oħra, f’din il-kawża, din l-applikazzjoni b’analoġija kkostitwixxiet biss indizju fost oħrajn li jikkostitwixxu s-sensiela ta’ indizji li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-provenjenza tal-komponenti inkwistjoni. Issa, il-fatt li l-komponenti maħduma fis-Sri Lanka huma mmanifatturati, essenzjalment, b’materja prima Ċiniża u li fis-Sri Lanka huma ġew biss suġġetti għal xogħol minuri jikkostitwixxi element rilevanti fis-sensiela ta’ indizji konkordanti li juru li l-imsemmija komponenti huma ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri.

122

Fl-aħħar nett, Kolachi Raj ma rnexxilhiex turi l-oriġini mis-Sri Lanka tal-komponenti inkwistjoni. Fil-fatt, fil-premessi 98 sa 101 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni eskludiet il-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini prodotti għal dan il-għan minn din il-kumpannija. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 95 sa 105 tas-sentenza appellata, l-argumenti mressqa minn Kolachi Raj sabiex tikkontesta dawn il-premessi tar-Regolament kontenzjuż għandhom jiġu miċħuda.

123

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-motiv uniku ssollevat minn Kolachi Raj għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors tal-ewwel istanza għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

124

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

125

Peress li l-Kummissjoni u l-EBMA talbu li Kolachi Raj tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-EBMA, marbuta kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni (T‑435/15, EU:T:2017:712), hija annullata.

 

2)

Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd huwa miċħud.

 

3)

Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-European Bicycle Manufacturers Association (EBMA), marbuta kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq