EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0468

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Settembru 2019.
R vs P.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Judecǎtoria Constanţa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(a) u (d) u Artikolu 5 – Qorti adita bi tliet talbiet konġunti dwar id-divorzju tal-ġenituri ta’ wild minuri, tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligu ta’ manteniment favur il-wild – Dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju u tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ obbligu ta’ manteniment – Qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu u li quddiemha jidher.
Kawża C-468/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:666

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(a) u (d) u Artikolu 5 – Qorti adita bi tliet talbiet konġunti dwar id-divorzju tal-ġenituri ta’ wild minuri, tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligu ta’ manteniment favur il-wild – Dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju u tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri –Ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ obbligu ta’ manteniment – Qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu u li quddiemha jidher”

Fil-Kawża C 468/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Constanţa (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Constanţa, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

R

vs

P,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn C. Canţăr kif ukoll minn E. Gane u A. Voicu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent, assistit minn D. Calciu, avocate,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R, residenti fir-Renju Unit, u P, residenti fir-Rumanija, fir-rigward ta’ talbiet għal divorzju, għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment għall-manteniment għall-wild minuri tagħhom u rrelatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003

3

Il-premessi 5 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 243), huma redatti kif ġej:

“(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[…]

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)

d-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

[…]

(3)

Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(e)

l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(7)

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess.”

6

Skont l-Artikolu 3(1) (b) tal-istess regolament, il-qrati tal-Istat Membru tan-nazzjonalità taż-żewġ konjuġi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet dwar id-divorzju.

7

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 kien jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri [ulied] li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

8

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament bit-titolu “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.”

[…]”

Ir-Regolament Nru 4/2009

9

Skont il-premessi 1 u 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż għall-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom impatt transkonfinali u, b’mod partikolari, huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni.

10

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 4/2009:

“Kreditur ta’ manteniment għandu jkun jista’ jikseb faċilment, fi Stat Membru, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra.”

11

Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tistipula:

“Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. Il-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza, u m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ teżerċita kompetenza sussidjarja.”

12

Skont l-Artikolu 2(1)(10) tal-imsemmi regolament, il-“kreditur”: huwa ddefinit bħala “kwalunkwe individwu li huwa dovut manteniment jew li jallega li huwa dovut”.

13

L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprevedi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.””

14

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut” jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika jekk il-preżenza saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni.”

15

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament bit-titolu “Verifika tal-ġurisdizzjoni”, jipprevedi:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru hija invokata għal każ li fir-rigward tiegħu ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament hija għandha tiddikjara hi stess li ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni.”

Id-dritt Rumen

16

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-qrati Rumeni għandhom jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom ex officio. Madankollu, qorti li ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni tista’ tiġi opposta, f’kull stadju tal-kawża, minn waħda mill-partijiet, b’eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u hija tkun obbligata li teżaminaha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

R u P, ċittadini Rumeni, iżżewġu fil-15 ta’ Awwissu 2015 fir-Rumanija. Huma rispettivament l-omm u l-missier ta’ wild li twieled fit-8 ta’ Novembru 2015 f’Belfast (ir-Renju Unit), fejn huma kienu jgħixu qabel ma sseparaw.

18

Matul is-separazzjoni tagħhom fl-2016, P, il-missier, mar lura fir-Rumanija filwaqt li R, l-omm, baqgħet f’Belfast mal-wild.

19

Permezz ta’ rikors tad-29 ta’ Settembru 2016, R ressqet kawża quddiem il-Judecătoria Constanța (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Constanța, ir-Rumanija), sabiex tikseb ix-xoljiment taż-żwieġ, l-istabbiliment tad-domiċilju tal-wild magħha, l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita waħedha l-awtorità tal-ġenituri u l-kundanna ta’ P għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment favur il-wild.

20

P ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju hekk adita.

21

Abbażi tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, din tal-aħħar iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni, minħabba n-nazzjonalità tal-konjuġi, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal divorzju.

22

Madankollu, fit-8 ta’ Ġunju 2017, l-imsemmija qorti ddeċidiet li tissepara l-kap tat-talba dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri mill-omm u dwar l-istabbiliment tad-domiċilju tal-wild għal dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment favur il-wild. Konsegwentement, hija fetħet żewġ kawżi ġodda li jirrigwardaw rispettivament dawn iż-żewġ kapijiet tat-talba.

23

Fir-rigward tal-ewwel kap ta’ talba, dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti tar-rinviju, peress li kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, previsti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, inkluż dak dwar l-aħjar interessi tal-wild, ma kinux issodisfatti, iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti kkunsidrat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati tar-Renju Unit għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba, peress li l-wild abitwalment jirrisjedi f’dan l-Istat Membru sa mit-twelid tiegħu. Il-partijiet ma ppreżentawx rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward.

24

Fir-rigward tat-tieni kap ta’ talba, dwar il-ħlas ta’ manteniment mill-missier favur il-wild, il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009, iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni minħabba l-post ta’ residenza abitwali tal-konvenut. Din il-qorti żżid li, jekk P ikun deher quddiemha mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ din it-talba, huwa xtaq, bħal R, li l-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar dan is-suġġett.

25

Il-qorti tar-rinviju għandha l-istess dubji tal-partijiet fil-kawża quddiemha dwar il-ġurisdizzjoni tagħha u tippreċiża li hija tista’, skont id-dritt Rumen, tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha fl-istadji kollha tal-kawża. Hija tistaqsi jekk jirriżultax mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A (C-184/14, EU:C:2015:479), li, meta qorti hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ix-xoljiment taż-żwieġ bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u li qorti oħra tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, hija biss din il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-obbligu ta’ manteniment favurieh.

26

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija tistaqsi b’mod partikolari dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009, li jindika l-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, l-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament, li jindika l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jindika l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha jkun deher il-konvenut mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Judecătoria Constanța (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Constanța) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita, permezz ta’ rikors wieħed, bi tliet talbiet, jiġifieri dwar ix-xoljiment taż-żwieġ tal-ġenituri ta’ wild minuri, dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild u dwar l-obbligu ta’ manteniment lejh, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(a) u (d), u tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li tiddeċiedi dwar id-divorzju, li hija wkoll il-qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-konvenut u l-qorti li quddiemha deher il-konvenut, tista’ tiddeċiedi fuq it-talba dwar il-pensjoni tal-manteniment favur il-wild, anki jekk din il-qorti iddikjarat lilha nnifisha bħala li ma għandhiex ġurisidizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, jew inkella hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild li tista’ tiddeċiedi fuq it-talba dwar il-pensjoni tal-manteniment?

2)

Fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna t-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, it-talba dwar il-pensjoni tal-manteniment favur il-wild iżżomm in-natura anċillari tagħha meta mqabbla mal-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tal-imsemmi regolament?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, huwa fl-aħjar interessi tal-minuri li qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009 tiddeċiedi fuq it-talba dwar l-obbligu ta’ manteniment tal-ġenitur lejn il-wild minuri li ħareġ miż-żwieġ li tiegħu qed jintalab ix-xoljiment, filwaqt li din il-qorti ddikjarat ruħha li ma għandhiex ġurisidizzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, billi, permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ikkonkudiet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ma kinux issodisfatti?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 (a) u (d) u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita bi tliet talbiet konġunti li jirrigwardaw, rispettivament, id-divorzju tal-ġenituri ta’ wild minuri, ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild u l-obbligu ta’ manteniment lejn l-imsemmi wild, il-qorti li tiddeċiedi fuq id-divorzju li tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija madankollu kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ dan il-wild meta hija wkoll il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-konvenut u l-qorti li quddiemha huwa jkun deher jew li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild tista’ tiddeċiedi dwar it-talba rrelatata mal-obbligu ta’ manteniment.

29

Mill-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” jirriżulta li dan jistabbilixxi kriterji ġenerali ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. Dawn il-kriterji huma alternattivi, kif juri l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, wara l-espożizzjoni ta’ kull wieħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A, C-184/14, EU:C:2015:479, punt 34).

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 4/2009, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tiegħu, li jipproteġi l-interess tal-kreditur tal-manteniment, meqjus bħala l-parti l-iktar dgħajfa f’azzjoni dwar obbligu ta’ manteniment, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament joffrilu, meta jaġixxi bħala applikant, il-possibbiltà li jressaq it-talba tiegħu billi jagħżel bażijiet ta’ ġurisdizzjoni oħra mqabbla ma’ dik prevista fl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, C-433/01, EU:C:2004:21, punt 29, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C-400/13 u C-408/13, EU:C:2014:2461, punti 2728).

31

Il-kreditur tal-manteniment jista’ għalhekk jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, b’mod konformi mal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 3, jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, skont il-punt (b) tal-imsemmi artikolu, jew inkella, skont il-punti (ċ) u (d) tal-istess artikolu, meta t-talba ta’ manteniment tkun anċillari għal azzjoni prinċipali, relatata mal-istat tal-persuni, bħalma hija talba għal divorzju [punt (c)] jew għar-responsabbiltà tal-ġenituri [punt (d)], quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni rispettivament ta’ waħda jew ta’ azzjoni oħra.

32

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha jidher il-konvenut, għajr fil-każ li d-dehra tal-konvenut għandha l-għan li tikkontesta l-imsemmija ġurisdizzjoni. Kif jirriżulta mill-kliem “[a]pparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament”, dan l-artikolu jipprevedi bażi ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’każ ta’ nuqqas jekk, b’mod partikolari, il-kriterji tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli.

33

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, adita mill-kreditur tal-manteniment, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment favur il-wild skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009. Hija għandha wkoll ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament bħala qorti li quddiemha jkun deher dan il-konvenut mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

34

Il-qorti tar-rinviju tixtieq madankollu tkun taf jekk il-fatt li hija ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba rrelatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u fuq id-dritt ta’ kustodja, inkluż il-post ta’ residenza tal-wild, ma jirrendihiex nieqsa mill-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba ta’ obbligu ta’ manteniment favur dan tal-aħħar.

35

Kif ġie espost fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, din il-qorti tenfasizza li hija ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kap ta’ talba dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma kinux issodisfatti. Hija tikkunsidra wkoll li, skont l-Artikolu 8 (1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati tar-Renju Unit, fejn il-minuri jirrisjedi b’mod abitwali, għandhom ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma ġewx aditi b’talba dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 40 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A (C-184/14, EU:C:2015:479), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, li, min-natura tagħha, talba relatata mal-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-ulied minuri hija intrinsikament marbuta mal-azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fil-punt 43, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa in concreto l-kwistjonijiet li jqumu mit-talba dwar obbligu ta’ manteniment favur wild, tiffissa l-ammont tal-imsemmi obbligu intiż sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ manteniment u tal-edukazzjoni tal-wild, billi tadattah skont il-metodu ta’ kustodja stabbilit, konġunta jew esklużiva, skont id-dritt ta’ żjara, it-tul ta’ dan id-dritt u l-elementi l-oħra ta’ natura fattwali relatati mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri mressqa quddiemha.

37

Skont ir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita b’kawża li tirrigwarda s-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u li qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adita b’kawża dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, talba dwar l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ dan l-istess wild hija biss anċillari għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009.

38

Madankollu, ma jirriżultax mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A (C-184/14, EU:C:2015:479), li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild minuri u tkun indikat qorti oħra bħala li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din l-azzjoni, hija biss din tal-aħħar li għandha ġurisdizzjoni, fi kwalunkwe każ, sabiex tiddeċiedi dwar kull talba dwar l-obbligi ta’ manteniment favur dan il-wild.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A (C-184/14, EU:C:2015:479), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat biss il-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 u mhux il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni l-oħra previsti f’dan l-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kriterji l-oħra ma kinux rilevanti f’din il-kawża, peress li, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi ta’ fatt tal-kawża prinċipali, il-konjuġi, ġenituri tal-ulied kredituri ta’ manteniment, kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess Stat Membru tal-ulied tagħhom, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, u, barra minn hekk, li l-konvenut ikun deher quddiem il-qorti adita, biss sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni tagħha.

40

Konsegwentement, il-fatt li qorti tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild minuri ma jippreġudikax il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi dwar talbiet li jirrigwardaw obbligi ta’ manteniment favur il-minuri jekk din il-ġurisdizzjoni tista’ tkun ibbażata, bħal fil-kawża prinċipali, fuq l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009, jew fuq l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

41

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-istruttura u mill-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009.

42

Fir-rigward tal-istruttura tar-Regolament Nru 4/2009, dan jipprevedi fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni”, ir-regoli kollha applikabbli sabiex tiġi indikata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi f’dan ir-rigward li iktar ma jsir riferiment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li r-regoli li jirriżultaw mill-imsemmi regolament għandhom jitqiesu li huma eżawrjenti.

43

B’hekk, jekk qorti adita b’talba f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk din il-qorti hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar titolu ieħor skont dan ir-regolament (digrieti tas-16 ta’ Jannar 2018, PM, C-604/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:10, punt 33, u tal-10 ta’ April 2018, CV, C-85/18 PPU, EU:C:2018:220, punt 55).

44

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 4/2009 ma jipprevedix il-possibbiltà, għal qorti li għandha ġurisdizzjoni skont waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu u li tkun regolarment adita, li tastjeni lilha favur qorti li, fil-fehma tagħha, tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni, kif tippermetti fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

45

Tali interpretazzjoni tikkorrispondi wkoll għall-għan tar-Regolament Nru 4/2009, imfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi regolament jipprevedi kriterji ta’ kompetenza alternattivi u mhux ġerarkiċi li jiffavorixxu l-għażla tal-applikant.

46

L-importanza ta’ din l-għażla bil-għan li jiġi protett il-kreditur tal-manteniment jirrifletti l-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tas-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17), li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li għandha relazzjonijiet stretti mar-Regolament Nru 4/2009 (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, KP, C-83/17, EU:C:2018:408, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li dan il-protokoll jippermetti lill-kreditur ta’ manteniment, de facto, li jagħmel għażla tal-liġi applikabbli għat-talba tiegħu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment billi jipprovdi li l-liġi tal-forum u mhux dik tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur tapplika b’mod prijoritarju meta dan jippreżenta t-talba tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti tar-residenza abitwali tad-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Mölk, C-214/17, EU:C:2018:744, punti 3132).

47

Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 li tgħid li hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal obbligu ta’ manteniment tista’ tippreġudika din il-possibbiltà tal-kreditur li jitlob il-manteniment li jagħżel mhux biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, iżda wkoll, konsegwentement, il-liġi applikabbli għat-talba tiegħu.

48

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għażla inizjali tal-ġenitur li jirrappreżenta lill-wild minuri kreditur ta’ manteniment li jgħaqqad flimkien l-assjem tal-kapijiet ta’ talba kollha tiegħu quddiem l-istess qorti, tmur kontra l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita mqajma mill-konvenut u minn deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-rigward tal-kap ta’ talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

49

Inkunsiderazzjoni tar-riskju li jkollu jagħmel it-talbiet tiegħu f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri quddiem żewġ qrati differenti, dan il-ġenitur jista’ jkun jixtieq, fl-aqwa interess tal-wild, jirtira t-talba inizjali tiegħu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment imressqa quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq it-talba għal divorzju sabiex il-qorti kompetenti fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun ukoll kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

50

Madankollu, dan il-ġenitur jista’ wkoll ikun jixtieq, fl-aqwa interess tal-wild, li jżomm it-talba inizjali tiegħu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment favur il-wild quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq it-talba għal divorzju, meta din tal-aħħar hija wkoll dik tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu.

51

Diversi raġunijiet, bħal dawk imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jimmotivaw tali għażla tal-kreditur ta’ manteniment, b’mod partikolari, il-possibbiltà li tiġi applikata l-liġi tal-forum, f’dan il-każ il-liġi Rumena, il-faċilità li wieħed jesprimi ruħu fil-lingwa materna tiegħu, l-ispejjeż possibbilment inqas proċedurali, il-konoxxenza mill-qorti adita tal-kapaċitajiet kontributtivi tal-konvenut u l-eżenzjoni.

52

Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(a) u (d) u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita bi tliet talbiet konġunti li jirrigwardaw, rispettivament, id-divorzju tal-ġenituri ta’ wild minuri, ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild u l-obbligu ta’ manteniment lejh, il-qorti li tiddeċiedi fuq id-divorzju li tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandha madankollu ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ dan il-wild meta hija wkoll il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-konvenut jew il-qorti li quddiemha huwa jkun deher, mingħajr ma tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(a) u (d) u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita bi tliet talbiet konġunti li jirrigwardaw, rispettivament, id-divorzju tal-ġenituri ta’ wild minuri, ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild u l-obbligu ta’ manteniment lejh, il-qorti li tiddeċiedi fuq id-divorzju li tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandha madankollu ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-imsemmi wild meta hija wkoll il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-konvenut jew il-qorti li quddiemha huwa jkun deher, mingħajr ma tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq