Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0180

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ Lulju 2019.
    Agrenergy Srl u Fusignano Due Srl vs Ministero dello Sviluppo Economico.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 3(3)(a) – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi solari – Modifika ta’ skema ta’ għajnuna – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.
    Kawżi magħquda C-180/18, C-286/18 u C-287/18.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:605

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    11 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 3(3)(a) – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi solari – Modifika ta’ skema ta’ għajnuna – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi”

    Fil-Kawżi magħquda C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18,

    li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-25 ta’ Jannar 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2018, fil-proċeduri

    Agrenergy Srl (C‑180/18 u C‑286/18)

    Fusignano Due Srl (C-287/18)

    vs

    Ministero dello Sviluppo Economico

    fil-preżenza ta’:

    Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Agrenergy Srl u Fusignano Due Srl, minn V. Cerulli Irelli u A. Lorizio, avvocati,

    għal Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA, minn A. Segato u A. Pugliese, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, A. Magrippi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u T. Maxian Rusche kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Agrenergy Srl (Kawżi C‑180/18 u C‑286/18) u Fusignano Due Srl (Kawża C‑287/18) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) dwar il-legalità ta’ digriet ministerjali u d-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jibbenefikaw mir-rati inċentivali stabbiliti f’digriet ministerjali preċedenti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28:

    “L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva 2001/77/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku] sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira […].”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. Dawn il-miri globali nazzjonali mandatorji huma konsistenti ma’ mira ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija tal-Komunità fl-2020. Sabiex il-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod aktar faċli, kull Stat Membru għandu jippromwovi u jinkuraġġixxi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija.

    2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

    3.   Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

    a)

    skemi ta’ sostenn;

    […]”

    Id-dritt Taljan

    6

    L-Artikolu 23 tad-decreto legislativo n. 28 — Attuazione della direttiva 2009/28/CE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/CE e 2003/30/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE), tat-3 ta’ Marzu 2011 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 71 tat-28 ta’ Marzu 2011, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011”) jipprovdi, kif jidher mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jiġu applikati l-prinċipji ta’ intervent progressiv sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tal-investimenti mwettqa, ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-għanijiet, u ta’ flessibilità tal-istruttura tal-iskemi ta’ għajnuna, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi tas-suq u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika.

    7

    L-Artikolu 25 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi:

    “1.   Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet li jużaw sorsi rinnovabbli u li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012 għandha tiġi inkoraġġita mill-mekkaniżmi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet […].

    […]

    10.   […] Inċentivi għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi solari li jibdew joperaw wara [l-31 ta’ Mejju 2011] huma rregolati mid-Digriet [tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku] li għandu jiġi adottat b’kooperazzjoni mal-Ministro dell’ambiente e della Tutela del [territorio e del] mare (il-Ministru għall-Ambjent u l-Protezzjoni tar-Riżorsi Naturali u tal-Baħar, l-Italja), wara konsultazzjoni mal-Conferenza unificata (Kunsill tal-Istat Unifikat, l-Italja), imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 281 (Digriet Leġiżlattiv Nru 281) tat-28 ta’ Awwissu 1997, sat-30 ta’ April 2011, abbażi tal-prinċipji segwenti:

    a)

    l-iffissar ta’ limitu annwali għall-enerġija elettrika prodotta minn installazzjonijiet fotovoltajċi li huma eliġibbli għar-rati inċentivali;

    b)

    l-iffissar ta’ rati inċentivali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kost baxx tat-teknoloġiji u ta’ installazzjonijiet kif ukoll ta’ miżuri inċentivali applikati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    c)

    tbassir ta’ rati inċentivali u ta’ ishma differenzjati, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tas-sit tal-installazzjonijiet;

    d)

    applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 387) tad-29 ta’ Diċembru 2003, fil-limitu tal-kompatibilità tagħhom ma’ dan il-paragrafu.”

    8

    L-Artikolu 1(2) tad-decreto ministeriale – Incentivazione della produzione di energia elettrica da impianti solari fotovoltaici (id-Digriet Ministerjali dwar Miżuri Inċentivali għall-Produzzjoni tal-Elettriku permezz ta’ Installazzjonijiet Fotovoltajċi Solari), tal-5 ta’ Mejju 2011 (GURI Nru 109, tat-12 ta’ Mejju 2011, iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Tariffa tal-Enerġija”), kien japplika għall-installazzjonijiet fotovoltajċi solari li bdew joperaw wara l-31 ta’ Mejju 2011 u sal-31 ta’ Diċembru 2016, għal mira indikattiva ta’ potenza fuq livell nazzjonali ta’ 23000 megawatt (MW), li kien jikkorrispondi għal kost kumulattiv annwali ta’ miżuri inċentivali ta’ madwar 6 sa 7 EUR biljuni.

    9

    L-Artikolu 2 tar-Raba’ Tariffa tal-Enerġija kien jipprovdi:

    “Kriterji ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna:

    1.   L-iskema ta’ għajnuna għandha tapplika fuq il-bażi ta’ miri indikattivi ta’ enerġija elettrika ġġenerata li jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp matul iż-żmien u għandha tkun kompatibbli mal-previżjonijiet annwali tal-ispejjeż.

    2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-eliġibbiltà għal inċentivi għas-snin 2011 u 2012, jekk ikun hemm eċċess tal-ispejjeż annwali indikattivi ddefiniti għal kull sena, dan ma għandux jillimita l-aċċess għar-rati inċentivali, iżda għandu jimplika tnaqqis supplimentari ta’ dawn tal-aħħar għall-perijodu segwenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kost indikattiv annwali totali msemmi fl-Artikolu 1(2).

    3.   Meta jintlaħaq l-inqas valur mill-valuri tal-kost indikattiv annwali totali msemmi fl-Artikolu 1(2), ir-regoli li jirregolaw l-inċentivi stabbiliti f’dan id-digriet jistgħu jiġu rreveduti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku b’kooperazzjoni mal-Ministru għall-Ambjent u l-Protezzjoni tar-Riżorsi Naturali u tal-Baħar, wara konsultazzjoni mal-[Kunsill tal-Istat Unifikat], b’mod li jiffavorixxi, fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp sussegwenti tas-settur.”

    10

    L-Artikolu 6 tar-Raba’ Tariffa tal-Enerġija kien jipprovdi:

    “Kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għar-rati inċentivali:

    1.   L-installazzjonijiet għandhom jibbenefikaw minn rati inċentivali skont ir-regoli u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-digriet.

    2.   L-installazzjonijiet il-kbar li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011 għandhom jibbenefikaw direttament mit-tariffi inċentivali, bla ħsara għall-obbligu li l-Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA (l-Operatur tan-Netwerk Nazzjonali) jiġi nnotifikat fi żmien 15 jum kalendarju mid-dħul fl-operat.

    3   Għas-snin 2011 u 2012, l-installazzjonijiet il-kbar mhux inklużi fost dawk imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jibbenefikaw minn rati inċentivali jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra segwenti:

    a)

    l-installazzjoni tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru previst fl-Artikolu 8 fl-ordni neċessarja sabiex taqa’ taħt il-limiti tal-ispejjeż speċifiċi stabbiliti għal kull perijodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 4(2). F’dan ir-rigward, il-limitu massimu għas-sena 2011 jinkludi l-ispejjeż marbuta mal-miżuri inċentivali favur installazzjonijiet kbar li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011. Jekk l-ispejjeż kollha relatati mal-miżuri inċentivali favur installazzjonijiet kbar li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011, u għall-installazzjonijiet li ġew irreġistrati fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 8 ifissru li, għall-2011, kien hemm eċċess tal-limitu tal-kost, dan l-eċċess għandu jagħtu lok għat-tnaqqis tal-istess ammont bħal-limitu tal-ispejjeż għat-tieni semestru tal-2012;

    […]”

    11

    Il-preambolu tad-decreto ministeriale – Attuazione dell’art. 25 del decreto legislativo del 3 marzo 2011, n. 28, recante incentivazione della produzione di energia elettrica da impianti solari fotovoltaici (id-Digriet Ministerjali li jimplimenta l-Artikolu 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28, tat-3 ta’ Marzu 2011, dwar Miżuri Inċentivali għall-Produzzjoni tal-Enerġija Elettrika minn Installazzjonijiet Fotovoltajċi Solari), tal-5 ta’ Lulju 2012 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 159 tal-10 ta’ Lulju 2012, iktar ’il quddiem il-“Ħames Tariffa tal-Enerġija”), jipprovdi kif ġej:

    “Billi, fil-każ tal-enerġija solari fotovoltajka, it-tnaqqis rapidu tal-kost tal-installazzjonijiet implika tkabbir aċċellerat fil-volum ta’ installazzjonijiet, li, fost konsegwenzi oħra, wassal għal żieda fl-ispejjeż relatati mal-għajnuna, kif ukoll għal żieda fl-użu tal-art agrikola;

    billi diversi pajjiżi Ewropej oħra adottaw miżuri sabiex inaqqsu l-inċentivi fotovoltajċi minħabba l-livell għoli tal-ispejjeż relatati mal-għajnuna u billi huwa neċessarju, anki bil-ħsieb li tiġi ssalvagwardata l-kompetizzjoni u li l-utenti finali jiġu protetti, li jiġu adottati standards inċentivali Ewropej;

    b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, fid-dawl tal-iżvilupp sussegwenti tas-settur, għad hemm marġnijiet sinjifikattivi sabiex jitnaqqsu l-inċentivi meta mqabbla ma’ dawk imħallsa f’dawn l-aħħar snin, b’teħid inkunsiderazzjoni għal-livell ta’ inċentivi fil-pajjiżi Ewropej oħra u għar-redditu abitwali fuq l-investiment;

    b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-iżvilupp futur tal-enerġija fotovoltajka solari għandu jkun jiffoka fuq applikazzjonijiet li jnaqqsu l-konsum tal-art, li jistimulaw l-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll l-effiċjenza enerġetika u li jiġġeneraw benefiċċji addizzjonali f’termini ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ benefiċċji ekonomiċi […]”

    12

    L-Artikolu 1 tal-Ħames Tariffa tal-Enerġija jipprovdi:

    “1.   Konformement mal-Artikolu 25(10) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 28/2011] u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Mejju 2011, dan id-digriet jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ inċentivi għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika ta’ sors fotovoltajku li għandu jiġi applikat ladarba l-ispiża annwali kumulattiva ta’ EUR 6 biljuni tinkiseb għall-inċentivi. […]

    5.   Dan id-digriet għandu jieqaf milli japplika, fi kwalunkwe każ, fl-iskadenza ta’ tletin jum kalendarju mid-data li fiha jkun intlaħaq il-kost indikattiv annwali totali ta’ EUR 6.7 biljun. Id-data li fiha jintlaħaq il-valur annwali msemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 6.7 biljun għandha tiġi kkomunikata mill-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn GSE, kif previst fil-paragrafu 2.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Agreenergy u Fusignano Due huma żewġ impriżi involuti fil-bini, fil-ġestjoni u fil-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew stabbiliti matul l-2011 u bdew joperaw fid-29 ta’ Frar 2012. Il-Kawżi C‑180/18 u C‑286/18 jikkonċernaw installazzjonijiet fotovoltajċi fuq l-art installati minn Agrenergy f’żoni agrikoli fil-muniċipalità ta’ Fusignano (l-Italja) u fil-muniċipalità ta’ Massa Lombarda (l-Italja) rispettivament. Il-Kawża C‑287/18 tikkonċerna installazzjoni installata minn Fusignano Due fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Fusignano.

    14

    Skont l-iskema adottata mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, is-sid ta’ installazzjoni fotovoltajka konnessa man-netwerk tal-elettriku nazzjonali u li jkollu potenza nominali ta’ mill-inqas 1 kW, jirċievi rata favorevoli mingħand GSE għall-enerġija prodotta. Il-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn dawn ir-rati tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fir-reġistru kompjuterizzat li fih huma rreġistrati u tali possibbiltà tista’ tonqos skont l-eċċess tal-limiti tal-ispejjeż inċentivali mogħtija f’perijodu preċedenti.

    15

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Lazio, l-Italja), il-Ħames Tariffa tal-Enerġija, li naqset kunsiderevolment l-inċentivi għall-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi. Huma talbu l-benefiċċju tat-tariffa inċentivali iktar vantaġġuża prevista mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija, billi invokaw il-fatt li l-installazzjonijiet ikkonċernati kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-iskema ta’ inċentivi prevista minn din l-aħħar tariffa tal-enerġija.

    16

    It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Lazio, l-Italja) ċaħdet l-appelli quddiemha, abbażi tal-fatt li n-nuqqas ta’ ftuħ tar-reġistru għat-tieni semestru tas-sena 2012 kien legali fid-dawl tal-Artikolu 6 tar-Raba’ Tariffa tal-Enerġija, peress li l-ispejjeż kollha relatati mal-iskema inċentivali għal installazzjonijiet kbar li bdew joperaw qabel l-31 ta’ Awwissu 2011 u l-għadd ta’ benefiċjarji inklużi f’dak ir-reġistru kien irriżulta f’eċċess tal-limitu tal-ispejjeż stabbilit għall-istess perijodu. Fil-fatt, skont dik il-qorti, kif indikat minn GSE, il-kost tal-miżuri inċentivali għal dawn l-installazzjonijiet u għall-installazzjonijiet li ġew inklużi fir-reġistru preċedenti, kellha l-effett li tnaqqas għal żero l-allokazzjoni għat-tieni semestru tal-2012, li kienet tiġġustifika għalfejn dak ir-reġistru ma nfetaħx.

    17

    Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna għal installazzjonijiet li jipproduċu enerġija rinnovabbli ma kinitx tikkostitwixxi obbligu, iżda biss wieħed mill-metodi li jista’ jippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli stabbiliti mid-Direttiva 2009/28. Il-Ħames Tariffa tal-Enerġija kienet irrevediet l-iskema inċentivali permezz ta’ applikazzjoni konsistenti u raġonevoli tal-prinċipji ta’ progressività, flessibbiltà, effikaċja u effiċjenza stabbiliti minn din id-direttiva.

    18

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Lazio, l-Italja) quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma jargumentaw, essenzjalment, li ma setgħux jibbenefikaw mir-rati l-iktar vantaġġużi pprovduti mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija minħabba li l-GSE ma fetħitx ir-reġistru għat-tieni semestru tal-2012, u huma jsostnu li l-Ħames Tariffa tal-Enerġija tmur kontra l-leġiżlazzjoni Taljana kif ukoll id-Direttiva 2009/28 u tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-arranġamenti tranżitorji msemmija fl-Artikolu 1 tal-Ħames Tariffa tal-Enerġija japplikaw għall-installazzjonijiet “imdaħħlin fl-ordni neċessarja fir-reġistri” relatati mal-iskema prevista mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija, u mhux għal installazzjonijiet li, kieku nfetħu dawn ir-reġistri, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sempliċiment għall-inklużjoni tagħhom fir-reġistru. Konsegwentement, l-installazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jkunux eliġibbli għar-rata prevista minn din l-aħħar tariffa tal-enerġija, peress li jkunu ġew ikklassifikati f’ordni li ma hijiex għolja biżżejjed fir-reġistru rilevanti.

    20

    Barra minn hekk, hija tqis li l-eċċess tal-limitu massimu tal-ispejjeż stabbilit minn qabel mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ġġustifika li r-reġistru ma jinfetaħx għat-tieni semestru tas-sena 2012, peress li l-allokazzjoni finanzjarja kienet diġà tnaqqset għal żero. GSE debitament ippubbliċizzat dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq aspettattivi leġittimi li jirċievu r-rata inċentivali prevista mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni Taljana hija kompatibbli mad-Direttiva 2009/28, peress li din tal-aħħar ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Skont din il-qorti, din id-direttiva hija intiża sabiex tippromwovi l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u tistabbilixxi miri għall-parti mill-enerġija prodotta minn tali sorsi fil-produzzjoni nazzjonali totali. It-tfassil ta’ skemi ta’ għajnuna għal din il-produzzjoni huwa wieħed mill-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri f’dan ir-rigward u, konsegwentement, dawn l-iskemi huma volontarji u fakultattivi. Barra minn hekk, il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28 għandha tenfasizza l-flessibbiltà strutturali tal-iskemi ta’ għajnuna, li għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u għal-limitazzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri. Dan l-approċċ huwa osservat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdi skemi ta’ għajnuna applikabbli skont l-eżiġenzi tal-mument.

    22

    Barra minn hekk, mill-preambolu tal-Ħames Tariffa tal-Enerġija jirriżulta li t-tnaqqis fl-inċentivi huwa dovut għall-fatt li r-Repubblika Taljana qiegħda f’pożizzjoni antiċipata fir-rigward tal-miri tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; li l-ispejjeż tal-installazzjonijiet huma iktar baxxi minn qabel, li l-ispejjeż sostnuti mill-finanzi pubbliċi qegħdin dejjem jiżdiedu, li l-Istati Membri l-oħra jnaqqsu wkoll l-inċentivi tagħhom, li l-użu tal-art għandu jkun limitat u li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika, fis-sħana u fit-trasport huwa prijorità, peress li dawn il-miżuri jitqiesu bħala ekonomikament iktar effiċjenti bħala medja.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28/KE għandu jiġi interpretat – anki fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-korp kumplessiv ta’ regoli stabbilit mid-Direttiva sabiex tinċentiva l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli – fis-sens li dan jeskludi l-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Gvern Taljan li, permezz ta’ digrieti ta’ implimentazzjoni suċċessivi, jipprevedi t-tnaqqis jew saħansitra t-tneħħija tat-tariffi ta’ inċentiva stabbiliti preċedentement?”

    Fuq id-domanda preliminari

    24

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil Stat Membru jipprovdi t-tnaqqis jew saħansitra t-tneħħija ta’ rati inċentivali għall-enerġija prodotta minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi introdotti preċedentement.

    25

    Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/28, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, għanijiet nazzjonali vinkolanti dwar il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija.

    26

    L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi ta’ għajnuna sabiex jiksbu l-miri previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dik id-direttiva, li jipprovdu, minn naħa, li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 tikkorrispondi mill-inqas għall-mira nazzjonali totali tiegħu kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri mfassla b’mod effettiv sabiex jiżguraw li l-parti tagħhom tal-enerġija prodotta minn tali sorsi tkun mill-inqas ugwali għal dik prevista fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I tal-istess direttiva.

    27

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 u, b’mod partikolari, tat-terminu “jistgħu”, l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw skemi ta’ għajnuna sabiex jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Għaldaqstant, huma għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet vinkolanti nazzjonali totali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Anness I ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Elecdey Carcelen et, C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punti 31 u 32). Tali marġni ta’ diskrezzjoni jimplika li l-Istati Membri huma liberi jadottaw, jemendaw jew jabolixxu skemi ta’ għajnuna, sakemm, b’mod partikolari, jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    28

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Istati Membri jadottaw, b’dan il-mod, miżuri li permezz tagħhom jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma marbuta josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dak id-dritt, inkluż, inter alia, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 77).

    30

    B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li dan il-prinċipju jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali tkun tat lok għal tamiet. Madankollu, fejn operatur ekonomiku prudenti u attent ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka dan il-prinċipju jekk il-miżura hija adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li sitwazzjoni eżistenti tissokta fejn din tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ skema prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa fid-dawl tal-modalitajiet ta’ informazzjoni normalment użati mill-Istat Membru li adottaha u taċ-ċirkustanzi tal-każ li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, b’mod globali u in concreto, jekk l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi koperti minn din il-leġiżlazzjoni ġewx debitament osservati (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 57).

    33

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-imsemmi prinċipju, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tipprovdi lil dik il-qorti bil-kriterji kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-fatturi kollha rilevanti li jirriżultaw mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu rrilevati, b’mod partikolari, l-aspetti segwenti li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    36

    Fl-ewwel lok, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, li ttraspona d-Direttiva 2009/28 fid-dritt Taljan, diġà kien jipprovdi, fl-Artikolu 25(10) tiegħu, li digriet ministerjali kellu jirregola l-inċentiv għall-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi u li tali digriet kellu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-iffissar ta’ limitu annwali ta’ potenza elettrika tal-installazzjonijiet fotovoltajċi li jistgħu jibbenefikaw minn rati inċentivali, kif ukoll tal-iffissar ta’ tali tariffi, li jieħdu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-kost tat-teknoloġiji u l-installazzjonijiet, kif ukoll tal-miżuri inċentivali applikati fl-Istati Membri l-oħra u tan-natura tas-sit tal-installazzjonijiet.

    37

    Fit-tieni lok, ir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija, adottata skont din id-dispożizzjoni, kienet tipprovdi, minn naħa, fl-Artikolu 6(2) tagħha, li installazzjonijiet kbar li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011 kienu jibbenefikaw direttament mir-rati inċentivali. Madankollu, huwa paċifiku li l-installazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw dan ir-rekwiżit peress li bdew joperaw wara din id-data.

    38

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(3)(a) tar-Raba’ Tariffa tal-Enerġija kien jistabbilixxi, għall-installazzjonijiet li ma kinux jagħmlu parti minn dawk li kienu bdew joperaw mhux iktar tard minn din id-data, kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-miżuri inċentivali, jiġifieri l-inklużjoni fl-ordni neċessarja f’wieħed mir-reġistri miftuħ minn GSE. Dawn ir-reġistri kienu, fil-prinċipju, miftuħa kull semestru u l-installazzjonijiet kienu rreġistrati fihom skont klassifika li kienet tiddetermina l-eliġibbiltà tagħhom għall-miżuri inċentivali. GSE jindika li kien jippubblika, fuq is-sit web tiegħu, “apparat fotovoltajku” li jissenjala n-numru ta’ installazzjonijiet li jibbenefikaw mill-miżuri inċentivali u l-kost annwali tal-provvediment ta’ dawn il-miżuri u, min-naħa l-oħra, notifiki li kienu jindikaw in-nuqqas ta’ ftuħ tar-reġistri meta l-limiti tal-ispejjeż ikunu ġew issodisfatti.

    39

    F’dan ir-rigward, ir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija llimitat l-ispejjeż indikattivi totali għall-miżuri inċentivali għal EUR 6 biljuni, li jikkorrispondi għal mira nazzjonali indikattiva ta’ potenza ta’ madwar 23000 MW u, li meta tinkiseb, ma kinux jinfetħu reġistri ġodda. Din it-tariffa tal-enerġiija kienet tipprovdi wkoll li, meta kien jintlaħaq l-imsemmi ammont, l-iskema ta’ inċentivi setgħet tinbidel. F’dan il-każ, l-ammont ta’ EUR 6 biljuni ntlaħaq fix-xahar ta’ Marzu 2012 u konsegwentement, ir-reġistru ta’ “installazzjonijiet kbar” ma nfetaħx għat-tieni semestru tas-sena 2012. Skont l-Artikolu 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, il-Ħames Tariffa tal-Enerġija ġiet adottata.

    40

    Il-Gvern Taljan isostni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom ikollhom għarfien ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Dawn tal-aħħar jirrikonoxxu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li ħadu nota ta’ komunikazzjoni ta’ GSE dwar l-eżawriment tal-ammont ta’ inċentivi previsti mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija u dwar in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ reġistru ġdid.

    41

    Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà li wieħed jibbenefika mit-tariffi inċentivali previsti mir-Raba’ Tariffa tal-Enerġija kienet tiddependi, minn naħa, fuq l-inklużjoni fl-ordni neċessarja ta’ installazzjoni solari fotovoltajka f’reġistru miftuħ minn GSE u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ eċċess tal-imsemmi limitu indikattiv tal-ispejjeż tal-inċentivi matul il-perijodu preċedenti. Għaldaqstant, tali inċentiv ma kienx offrut lill-operaturi fotovoltajċi solari kollha u lanqas ma kien iggarantit għal perijodu speċifiku, iżda kien jiddependi fuq il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq.

    42

    Dawn il-kundizzjonijiet kollha jirriżultaw b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod li l-applikazzjoni tagħhom, fil-prinċipju, tkun prevedibbli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, aspett li għandu jiġi vverifikat ukoll mill-qorti tar-rinviju.

    43

    Fil-fatt, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet regolamentari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew debitament ippubblikati, kienu preċiżi biżżejjed u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom ikollhom għarfien tal-kontenut tagħhom.

    44

    Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ta’ natura li jindikaw mill-ewwel lill-operaturi ekonomiċi prudenti u informati li l-iskema ta’ inċentivi applikabbli għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi setgħet tiġi adattata, u saħansitra abolita, mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ ċerti ċirkustanzi u li, għalhekk, ebda ċertezza fiż-żamma ta’ tali skema matul perijodu determinat ma setgħet tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

    45

    Bl-adozzjoni tal-Ħames Tariffa tal-Enerġija, il-leġiżlatur Taljan jidher preċiżament li pprovda, fid-dawl tal-evoluzzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi, l-aġġustament ta’ din l-iskema ta’ inċentivi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-ħames tariffa tal-enerġija.

    46

    Fid-dawl tal-punti preċedenti u bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju, la jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u lanqas li din hija inkompatibbli mad-Direttiva 2009/28.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju u b’kunsiderazzjoni għall-fatturi rilevanti kollha, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil Stat Membru jipprovdi t-tnaqqis, jew saħansitra t-tneħħija, ta’ rati inċentivali għall-enerġija prodotta minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi introdotti preċedentement.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju u b’kunsiderazzjoni għall-fatturi rilevanti kollha, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil Stat Membru jipprovdi t-tnaqqis, jew saħansitra t-tneħħija, ta’ rati inċentivali għall-enerġija prodotta minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi introdotti preċedentement.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq