EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0410

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
Nicolas Aubriet vs Ministre de l'Enseignement supérieur et de la Recherche.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla – Studenti mhux residenti – Kundizzjoni marbuta mat-tul tax-xogħol tal-ġenituri tagħhom fit‑territorju nazzjonali – Tul minimu ta’ ħames snin – Perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin – Metodu għall‑kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment – Data tat-talba għall-għajnuna finanzjarja – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità.
Kawża C-410/18.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:582

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla – Studenti mhux residenti – Kundizzjoni marbuta mat-tul tax-xogħol tal-ġenituri tagħhom fit‑territorju nazzjonali – Tul minimu ta’ ħames snin – Perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin – Metodu għall‑kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment – Data tat-talba għall-għajnuna finanzjarja – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑410/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Nicolas Aubriet

vs

Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal N. Aubriet, minn S. Jacquet, avukat,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nicolas Aubriet (iktar ’il quddiem “Aubriet l-iben”) u l-Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (il‑Ministru tal-Edukazzjoni Ogħla u tar-Riċerka, il-Lussemburgu) dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li jagħtuh l-għajnuna finanzjarja, għas-sena akkademika 2014/2015, sabiex ikompli l-edukazzjoni għolja tiegħu fi Strasbourg (Franza).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”

4

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa fformulat bl-istess mod bħall-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

Id-dritt Lussemburgiż

Il-leġiżlazzjoni ta’ qabel is-sena 2014

5

L-għajnuna finanzjarja mill-Istat għas-segwiment tal-edukazzjoni għolja, mogħtija fil-Lussemburgu fil-forma ta’ għotja u ta’ self u li tista’ tintalab irrispettivament mill-Istat li fih l-applikant ikun beħsiebu jwettaq l-edukazzjoni ogħla tiegħu, kienet irregolata, sal-2014, mil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2000, p. 1106), li ġiet emendata diversi drabi.

6

Skont il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata mil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040), li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-benefiċċju ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla ngħata lil kwalunkwe student li ġie ammess biex isegwi edukazzjoni ogħla li kien jew ċittadin Lussemburgiż jew membru tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u kien residenti fil-Lussemburgu jew kien ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u kien residenti fil-Lussemburgu bħala persuna impjegata, bħala persuna li taħdem għal rasha, bħala persuna li għandha tali status jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq, jew akkwistat id-dritt ta’ residenza permanenti.

7

Minħabba li l-iskema tal-Lussemburgu ta’ għajnuna finanzjarju għall-edukazzjoni ogħla, introdotta bil-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata mil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, instabet li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni permezz tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna ġew emendati mil-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214). Il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata mil-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, kienet tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla kemm għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent fit-territorju Lussemburgiż kif ukoll, għall-istudenti li ma jkunux residenti f’dan it-territorju, għall-kundizzjoni li jkunu wlied ħaddiema li ħadmu jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Lussemburgu matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin mill-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja.

Il-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014

8

Il-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188) (minn hawn ’il quddiem “il-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014”) ħassret il-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000.

9

L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla jipprevedi:

“Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-Istat għal edukazzjoni ogħla, l-istudenti ddefiniti fl-Artikolu 2, deskritti iktar ’il quddiem bit-terminu “l-istudent”, u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

ikun ċittadin Lussemburgiż jew membru tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

(2)

ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkun residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti, jew

[…]

(5)

għall-istudenti mhux residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu:

a)

ikun ħaddiem ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea […] impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-mument li ssir it-talba tiegħu għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla; jew

b)

ikun wild ta’ ħaddiem ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea […] impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-mument li ssir it-talba mill-istudent għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla bil-kundizzjoni li dan il-ħaddiem jibqa’ jikkontribwixxi għall-manteniment tal-istudent u li dan il-ħaddiem ikun ġie impjegat jew ikun eżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin li jibdew jgħoddu retroattivament mid-data tat-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla jew li, b’deroga, il-persuna li żżomm l-istatus ta’ ħaddiem tkun ikkorrispondiet mal-kriterju ta’ ħames snin fuq sebgħa stabbilit bil-quddiem fil-mument tal-waqfien tal-attività.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Aubriet l-iben, ċittadin Franċiż imwieled matul is-sena 1995, jirrisjedi fi Franza ma’ missieru, Bruno Aubriet (iktar ’il quddiem “Aubriet il-missier”).

11

Fil-bidu tas-sena universitarja 2014/2015, Aubriet l-iben irreġistra għal taħriġ għal-liċenzja ta’ tekniku ogħla (BTS) fi skola għolja fi Strasbourg.

12

Fid-29 ta’ Settembru 2014, Aubriet l-iben talab lid-dipartiment ta’ għajnuna finanzjarja tal-Ministeru Lussemburgiż tal-Edukazzjoni Ogħla u tar-Riċerka biex, fis-sena akkademika 2014/2015, jagħtih għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif previst mil-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014.

13

Aubriet l-iben ressaq din it-talba fil-kapaċità tiegħu bħala wild ta’ persuna impjegata fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

14

Fil-fatt, Aubriet il-missier, residenti Franċiż, huwa ħaddiem transkonfinali li eżerċita l-attività bħala impjegat fil-Lussemburgu b’perijodi ta’ interruzzjoni itwal jew inqas twal mill-1 ta’ Ottubru 1991. Huwa għalhekk eżerċita attività professjonali bħala persuna impjegata fil-Lussemburgu għal għaxar snin bejn l-1 ta’ Ottubru 1991 u t-30 ta’ Settembru 2001. Wara li kien qiegħed sal-5 ta’ Frar 2002, Aubriet il-missier reġa’ kellu kariga fit-territorju Lussemburgiż għal perijodu ta’ sitt snin, jiġifieri mis-6 ta’ Frar 2002 sal-14 ta’ Jannar 2008. Bejn il-15 ta’ Jannar 2008 u s-16 ta’ Diċembru 2012, huwa eżerċita attività professjonali fi Franza. Wara li reġa’ beda attività professjonali fil-Lussemburgu bejn is-17 ta’ Diċembru 2012 u t-30 ta’ Settembru 2014, huwa reġa’ spiċċa qiegħed, wara sensja għal kawża ekonomika.

15

Fil-5 ta’ Novembru 2014, l-awtoritajiet Lussemburgiżi rrifjutaw it-talba ta’ Aubriet l-iben intiża li jikseb għajnuna finanzjarja biex isegwi l-edukazzjoni ogħla tiegħu fi Strasbourg, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(5)(b) tal-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014, minħabba li Aubriet il-missier ma kienx eżerċita attività professjonali fil-Lussemburgu għal mill-inqas ħames snin fuq perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin, ikkalkolat b’mod retroattiv mid-29 ta’ Settembru 2014, id-data tat-tressiq tat-talba għall-għajnuna finanzjarja.

16

Fis-6 ta’ Mejju 2015, Aubriet l-iben ippreżenta rikors kontra dan ir-rifjut quddiem it-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu). Dan ir-rikors ġie sospiż wara li intervjena rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949).

17

Fl-1 ta’ Lulju 2016, Aubriet l-iben ġie impjegat minn persuna li tħaddem fil-Lussemburgu li magħha wettaq il-perijodi ta’ prova professjonali tiegħu matul l-istudji tiegħu. Huwa jkompli jgħix fi Franza.

18

Min-naħa tiegħu, Aubriet il-missier reġa’ lura għax-xogħol fil-Lussemburgu. Huwa ġie affiljat maċ-Ċentru komuni tas-Sigurtà Soċjali Lussemburgiż mill-14 ta’ Settembru 2017 sad-29 ta’ Settembru 2017 u mis-16 ta’ Ottubru 2017 sal-15 ta’ Ottubru 2018.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi t-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kundizzjoni imposta fuq l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 3(5)(b) tal-Liġi emendata tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, bl-esklużjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kriterju ta’ rabta, jiġifieri li wieħed ikun wild ta’ ħaddiema li kienu impjegati jew li eżerċitaw l-attività tagħhom fil-Lussemburgu għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, hija neċċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq mil-leġiżlatur Lussemburgiż, jiġifieri li dan l-Istat ifittex li jinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Bħala punt preliminari, għandu jiġi osservat li, anke jekk, fuq livell formali, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti nazzjonali ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni, iżda titlobha biss biex tieħu pożizzjoni dwar jekk kundizzjoni imposta mil-liġi nazzjonali għall-istudenti mhux residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu hijiex “neċessarja” sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla, li hija kundizzjoni għall-kisba ta’ għan intiż minn dik il-liġi, liema fatt jirriferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni, tali fatt ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdiha bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu rilevanti għas-sentenza tal-kawża quddiemha, kemm jekk dik il-qorti tkun għamlet riferiment għal dan fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha kif ukoll jekk le.

21

Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, EN.SA., C‑712/17, EU:C:2019:374, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-domanda preliminari tibni fuq is-sentenzi preċedenti tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949), mogħtija fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari li ġejjin mill-istess qorti nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod espliċitu mhux fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, iżda fl-istess test tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom fi ħdan l-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 45 TFUE. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesponi b’mod xieraq ir-raġunijiet li wassluha sabiex issaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

23

Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jifhem id-domanda magħmula bħala li tfittex, essenzjalment, li wieħed isir jaf jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jagħmel l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti suġġett għall-kundizzjoni li, fid-data tat-talba għal għajnuna finanzjarja, wieħed mill-ġenituri tal-istudent kien impjegat jew kien jeżerċita attività f’dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fuq perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin li jkun ikkalkolat b’mod retroattiv mid-data ta’ dik it-talba għall-għajnuna finanzjarja, filwaqt li tiġi eskluża l-kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kriterju ieħor ta’ rabta, waqt li tali kundizzjoni ma tkunx iktar prevista fir-rigward ta’ studenti li jirrisjedu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

24

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 50; tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 37; kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 39).

25

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għajnuna mogħtija għal manteniment u taħriġ, bil-għan li jitkomplew l-istudji universitarji attestati minn kwalifika professjonali, tikkostitwixxi vantaġġ soċjali għall-ħaddiem migrant, skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li l-wild ta’ ħaddiem migrant jista’ huwa stess jagħmel użu minnu jekk, skont il-liġi nazzjonali, din l-għajnuna tingħata direttament lill-istudent (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punti 3840, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 40).

26

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 41).

27

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla kemm għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent fit-territorju Lussemburgiż kif ukoll, għall-istudenti mhux residenti f’dan it-territorju, għall-kundizzjoni li wlied ħaddiema li ħadmu jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Lussemburgu matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fuq perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin qabel il-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja. Anki jekk hija tapplika bla distinzjoni għal ċittadini Lussemburgiżi u għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, kundizzjoni bħal din ta’ perijodu ta’ xogħol minimu ma hijiex prevista għall-istudenti li huma residenti fit-territorju Lussemburgiż.

28

Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tkun ta’ ħsara għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn il-persuni mhux residenti huma normalment persuni li ma humiex ċittadini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 38, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 43), tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li tista’ tkun aċċettata biss bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata.

29

Sabiex tkun iġġustifikata, hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu, u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan.

30

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi rrilevat li, kif indika l-Gvern Lussemburgiż, il-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014, flimkien mal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 kif emendata mil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, għandha l-għan li żżid b’mod sinjifikattiv il-proporzjon ta’ residenti li għandhom kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla fil-Lussemburgu.

31

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li l-għan li tiġi promossa l-edukazzjoni ogħla huwa għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni u li azzjoni meħuda minn Stat Membru sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ taħriġ tal-popolazzjoni residenti tiegħu jkollha għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punti 5356, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 46).

32

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk kundizzjoni ta’ tul ta’ xogħol minimu ta’ ħames snin fit-data tat-talba għall-borża ta’ studju bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa biex jintlaħaq dan l-għan, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju, joħloq rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-ħaddiema nazzjonali fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).

33

Ir-rabta tal-integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività ta’ impjieg li jeżerċitaw. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 66, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).

34

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali indirettament diskriminatorja u li tirrestrinġi l-għoti ta’ vantaġġi soċjali lill-ħaddiema transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, fl-assenza ta’ rabta suffiċjenti mas-soċjetà li fiha jeżerċitaw attività mingħajr ma jirrisjedu hemmhekk, tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 26, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 51).

35

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Istat għal edukazzjoni ogħla lit-tfal mhux residenti ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-okkupazzjoni ta’ impjieg mill-ġenituri tal-istudent ikkonċernat, għal tul sinjifikattiv fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna mitluba, setgħet tkun xierqa biex turi l-grad attwali ta’ rabta mas-soċjetà jew mas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 78, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 55).

36

Fil-punt 58 tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat f’dan il-kuntest li r-rekwiżit li, sabiex it-tfal ta’ ħaddiem transkonfinali jkunu intitolati għall-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, il-ġenitur, ħaddiem transkonfinali, għandu jkun ħadem għal mill-inqas ħames snin fl-Istat Membru li jipprovdi l-għajnuna, ikun tali li jistabbilixxi tali rabta mas-soċjetà ta’ dak l-Istat kif ukoll probabbiltà raġonevoli li l-istudent jirritorna lejn l-Istat Membru li jipprovdi l-għajnuna, wara li dan tal-aħħar ikun lesta l-istudji tiegħu.

37

Jekk kundizzjoni dwar it-tul minimu ta’ xogħol fid-data tat-talba għal għajnuna finanzjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun kapaċi tilħaq l-għan li tippromwovi edukazzjoni ogħla u żżid, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon tad-detenturi ta’ kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu, huwa meħtieġ, fit-tielet lok, li ssir riċerka jekk l-introduzzjoni ta’ perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin qabel it-talba għal għajnuna finanzjarja biex jiġi kkalkolat it-tul minimu ta’ ħames snin fl-Artikolu 3(5)(b) tal-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014, tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

38

F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jiftakar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949), il-leġiżlazzjoni eżaminata ssuġġettat l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil studenti mhux residenti għall-kundizzjoni li ġenitur ikun ħadem kontinwament fil-Lussemburgu għal tul minimu ta’ ħames snin fid-data tat-talba għal għajnuna finanzjarja.

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li tali leġiżlazzjoni kien fiha restrizzjoni li marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jiżdied l-għadd ta’ gradwati tal-edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sakemm ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti jagħtu tali għajnuna fejn il-ġenituri kienu, minkejja ftit interruzzjonijiet qosra, ħadmu fil-Lussemburgu għal perijodu sinjifikattiv, f’dan il-każ jiġifieri kważi tmien snin, fil-perijodu ta’ qabel it-talba għall-għajnuna finanzjarja, peress li tali interruzzjonijiet ma kinux tali li jkissru r-rabta bejn min jagħmel it-talba għal għajnuna finanzjarja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et, C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 69).

40

F’din il-kawża, il-Gvern Lussemburgiż jargumenta li l-introduzzjoni fl-Artikolu 3(5)(b) tal-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 ta’ perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin biex jiġi kkalkolat it-tul minimu ta’ xogħol ta’ ħames snin tippermetti, preċiżament, li jiġu kkunsidrati l-interruzzjonijiet qosra tax-xogħol ta’ ġenituri transkonfinali, peress li jkopri sitwazzjonijiet fejn il-ġenitur transkonfinali ma eżerċitax attività fil-Lussemburgu għal sentejn fuq perijodu totali ta’ seba’ snin. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur nazzjonali jkun intitolat li jikkunsidra li, għall-kuntrarju ta’ interruzzjonijiet qosra, interruzzjonijiet itwal jiksru r-rabta bejn il-ħaddiema transkonfinali u t-tfal tagħhom studenti mal-Lussemburgu u jneħħu l-interess ta’ dak l-Istat Membru biex jipprovdi għajnuna lil dawn l-istudenti. B’mod partikolari, interruzzjoni ta’ xogħol ta’ kważi ħames snin, bħal dik ta’ Aubriet il-missier, tista’ b’mod leġittimu titqies li għandha tali effett.

41

Barra minn hekk, il-Gvern Lussemburgiż jikkunsidra li, sabiex ikun possibbli li t-talbiet għal għajnuna finanzjarja jiġu pproċessati minn amministrazzjoni responsabbli għal proċedura ta’ massa standardizzata, huwa meħtieġ li jinżamm kriterju oġġettiv u newtrali bħal tul tax-xogħol minimu matul perijodu ta’ riferiment partikolari, eskluża l-inklużjoni ta’ kwalunkwe fattur ta’ rabta ieħor li jista’ jipprova li l-ħaddiem transkonfinali għandu rabta suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża.

42

Tali possibbiltà tkun tfisser, fil-fatt, li l-amministrazzjoni responsabbli għall-ipproċessar ta’ talbiet għal għajnuna finanzjarja tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u l-evalwazzjoni każ b’każ ta’ jekk kienx hemm element suġġettiv, jiġifieri “rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża” ta’ ħaddiema transkonfinali impjegati fil-Lussemburgu għal inqas minn ħames snin matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin. Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jimponu tali evalwazzjoni każ b’każ minn amministrazzjoni pubblika responsabbli għal proċedura ta’ massa standardizzata.

43

Madankollu, huwa importanti li wieħed jirrileva li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal edukazzjoni ogħla ġie rrifjutat lil Aubriet l-iben, minkejja l-fatt li missieru kien, fis-snin ta’ qabel it-talba ta’ ibnu għall-għajnuna finanzjarja, żamm b’mod durabbli kariga ta’ impjegat fil-Lussemburgu għal tul sinjifikattiv, ferm iktar mit-tul minimu ta’ ħames snin. Fil-fatt, Aubriet il-missier kien kontribwent fil-Lussemburgu u kkontribwixxa għas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat għal iktar minn 17-il sena fit-23 sena li ġew qabel it-talba ta’ ibnu għal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, jiġifieri mill-1991 sal-2014.

44

Min-naħa l-oħra, Aubriet il-missier ma ssodisfax il-kundizzjoni tat-tul tax-xogħol minimi matul il-perijodu ta’ riferiment previst mil-Liġi tal-24 ta’ Lulju 2014, minħabba li kellu jinterrompi l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul il-perijodu bejn l-15 ta’ Jannar 2008 u s-16 ta’ Diċembru 2012 sabiex isib xogħol fl-Istat ta’ residenza tiegħu.

45

Kif jirriżulta mis-sitwazzjoni ta’ Aubriet il-missier, il-kunsiderazzjoni tal-unika attività mwettqa mill-ħaddiem transkonfinali fil-Lussemburgu matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin qabel it-talba għall-għajnuna finanzjarja ma hijiex biżżejjed biex tevalwa bis-sħiħ il-miżura tar-rabtiet ta’ dak il-ħaddiem transkonfinali mas-suq tax-xogħol Lussemburgiż, b’mod partikolari fejn diġà kien impjegat għal tul sinjifikattiv qabel il-perijodu ta’ riferiment.

46

Konsegwentement, regola bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti b’kundizzjoni li jkollhom ġenitur li ħadem fil-Lussemburgu għal tul minimu ta’ ħames snin f’perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin qabel it-talba għall-għajnuna finanzjarja, fiha restrizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan leġittimu li jiżdied l-għadd ta’ gradwati ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti.

47

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti, bil-kundizzjoni li, fid-data tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, wieħed mill-ġenituri tal-istudent ikun ġie impjegat jew ikun eżerċita attività f’dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fuq perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin ikkalkolat b’mod retroattiv mid-data tal-imsemmija talba għall-għajnuna finanzjarja, sa fejn ma tippermettix fehim wiesa’ biżżejjed tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti, bil-kundizzjoni li, fid-data tat-talba għall‑għajnuna finanzjarja, wieħed mill-ġenituri tal-istudent ikun ġie impjegat jew ikun eżerċita attività f’dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fuq perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin ikkalkolat b’mod retroattiv mid-data tal-imsemmija talba għall-għajnuna finanzjarja, sa fejn ma tippermettix fehim wiesa’ biżżejjed tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq