Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0019

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
    VG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm kollaborazzjoni fil-kuntest tan-netwerk Team Europe – Kumpens għad-dannu – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni – Natura kuntrattwali jew delittwali tat-tilwima.
    Kawża C-19/18 P.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:578

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

    “Appell – Rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm kollaborazzjoni fil-kuntest tan-netwerk Team Europe – Kumpens għad-dannu – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni – Natura kuntrattwali jew delittwali tat-tilwima”

    Fil-Kawża C‑19/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2018,

    VG, aventi kawża ta’ MS, irrappreżentat minn L. Levi, avocate,

    appellant,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral u C. Ehrbar kif ukoll minn B. Mongin, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta1-11 ta’ April 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Bl-appell tiegħu, VG, aventi kawża ta’ MS, jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta’ Mejju 2017, MS vs Il‑Kummissjoni (T‑17/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”, EU:T:2017:379), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn MS u li kien intiż sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu subit mill-fatt tad-deċiżjoni tagħha li temm il-kollaborazzjoni tiegħu fil-kuntest tan-netwerk Team Europe.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 268 TFUE jipprovdi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni kif previst fit-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 340.”

    3

    L-Artikolu 340 ta’ dan it-trattat huwa fformulat kif ġej:

    “Ir-responsabbiltà kontrattwali ta’ l-Unjoni għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

    Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4

    Team Europe huwa netwerk lokali ta’ komunikazzjoni li l-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jassisti r-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħhom dwar il-politiki Ewropej fil-livell lokali u li l-membri tiegħu jaġixxu bħala kelliema, moderaturi, animaturi ta’ avvenimenti u esperti fil-komunikazzjoni.

    5

    Dawn il-kelliema huma marbuta mal-Kummissjoni permezz ta’ “ittra ta’ ftehim u ta’ adeżjoni mat-Team Europe”. Din l-ittra tipprevedi l-possibbiltà għal kull parti li tirrinunzja, fi kwalunkwe mument, għal dan il-ftehim, bil-miktub, mingħajr kundizzjoni oħra. Il-membri tan-netwerk Team Europe ma humiex renumerati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-baġit disponibbli, din tipprovdi, mingħajr ħlas, għad-dispożizzjoni tagħhom, servizz ta’ sostenn, ikkostitwit minn laqgħat ta’ koordinazzjoni, seminars ta’ taħriġ, pjattaforma internet tal-komunikazzjoni u għodod ta’ komunikazzjoni, biex tgħinhom fil-kompiti tagħhom bħala kelliema. L-ittra ta’ ftehim u ta’ adeżjoni mat-Team Europe tispeċifika, minbarra dan, li l-membri tan-netwerk Team Europe jaġixxu fuq bażi voluntarja, u li huma jistgħu jaċċettaw ir-rimbors tal-ispejjeż tagħhom jew kumpens raġonevoli min-naħa tal-organizzaturi tal-manifestazzjonijiet li jipparteċipaw fihom.

    6

    MS kien membru tan-netwerk Team Europe bejn l-20 ta’ Lulju 2011 u l-10 ta’ April 2013 skont l-ittra ta’ ftehim u ta’ adeżjoni mat-Team Europe bejn il-partijiet fit-tilwima li kienet ġiet iffirmata f’Pariġi (Franza), fit-8 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ ftehim”), mill-Kap tar-Rappreżentanza fi Franza tal-Kummissjoni u f’Montpellier (Franza), fl-20 ta’ Lulju 2011, minn MS. Skont din l-ittra, l-adeżjoni tiegħu man-netwerk Team Europe kellha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014. Fit-10 ta’ April 2013, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza informa lill-persuna kkonċernata bit-telefon li ġiet mitmuma l-kollaborazzjoni tiegħu ma’ dan in-netwerk, fejn din id-deċiżjoni kienet sussegwentement ġiet ikkonfermata b’ittra għar-raġuni li, fil-kuntest tal-attività tiegħu, kien aġixxa b’mod mhux xieraq fir-rigward ta’ parteċipanti.

    7

    Ir-raġuni mogħtija mill-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza kienet li kien irċieva lment dwar l-aġir ta’ MS mingħand nisa li kienu pparteċipaw f’konferenza jew f’workshop tan-netwerk Team Europe.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

    8

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2016, MS talab li jibbenefika mill-għajnuna legali, sabiex jippreżenta rikors għad-danni.

    9

    B’digriet tat-3 ta’ Mejju 2016, MS vs Il‑Kummissjoni (T‑17/16 AJ, mhux ippubblikat, EU:T:2016:446), il-President tal-Qorti Ġenerali aċċetta sabiex jibbenefika mill-għajnuna legali.

    10

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2016, MS ippreżenta rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

    11

    MS talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu morali li ssubixxa minħabba l-aġir żbaljat ta’ din l-istituzzjoni, evalwat għal EUR 20000;

    tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tippubblika ittra ta’ apoloġija fir-rigward tiegħu u li terġa’ tintegrah fi ħdan in-netwerk Team Europe;

    titlob il-produzzjoni tad-dokumenti ddikjarati mill-Kummissjoni bħala kunfidenzjali, li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni tagħha li ttemm il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    12

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u talbet li r-rikorrent fl-ewwel istanza jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    13

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2016, MS talab lill-Qorti Ġenerali sabiex din tiġi miċħuda.

    14

    Permezz tad-digriet ikkontestat, adottat abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-suġġett tar-rikors fir-realtà jikkonsisti f’talba għad-danni ta’ natura kuntrattwali. Peress li l-ittra ta’ ftehim ma tinkludix klawżola ta’ arbitraġġ, dik il-qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    15

    B’digriet tat-30 ta’ Novembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba għal għajnuna legali fformulata mir-rikorrent fl-ewwel istanza.

    16

    Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitolb li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    konsegwentement, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors tal-ewwel istanza ppreżentat quddiemha jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, tilqa’ t-talbiet tal-ewwel istanza tiegħu.

    għaldaqstant, tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE;

    tordna l-produzzjoni tad-dokumenti ddikjarati mill-Kummissjoni bħala kunfidenzjali u li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ għad-deċiżjoni li ttemm il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe;

    tordna l-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-aġir żbaljat tal-Kummissjoni, evalwat ex aequo et bono għal EUR 20000;

    tordna lill-Kummissjoni sabiex tippubblika ittra ta’ apoloġija u li terġa’ tintegrah fi ħdan it-Team Europe, u

    tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

    17

    B’ittra tal-21 ta’ Frar 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet infurmata bil-mewt ta’ MS fis-16 ta’ Frar 2018 u bid-deċiżjoni li ħa VG li jkompli l-appell.

    18

    Fir-replika tiegħu tat-28 ta’ Mejju 2018, VG ħassar mill-kap tat-talbiet tiegħu r-reintegrazzjoni fi ħdan in-netwerk Team Europe.

    Fuq l-appell

    19

    Insostenn tal-appell tiegħu, VG iqajjem żewġ aggravji bbażati, minn naħa, fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-azzjoni għal kumpens kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-ittra ta’ ftehim, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti.

    L-ewwel aggravju, meħud kollu kemm hu, u l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju, meħuda flimkien, ibbażati fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tar-rikors u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    20

    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ma spjegatx għalfejn it-talba għal kumpens hija neċessarjament marbuta mal-interpretazzjoni tal-ittra ta’ ftehim, filwaqt li l-aġir ikkritikat f’din it-talba ma huwiex il-ksur tal-kuntratt allegat, iżda l-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ MS fit-trattament tal-ilment imressaq kontrih, b’mod li l-interpretazzjoni ta’din l-ittra la hija neċessarja u lanqas indispensabbli sabiex din it-talba tiġi eżaminata, fis-sens tal-punt 80 tas-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245).

    21

    Sussegwentement, id-digriet ikkontestat ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-trattament mill-Kummissjoni tal-ilment imressaq kontra MS huwa neċessarjament marbut mal-interpretazzjoni tal-ittra ta’ ftehim. Din l-ittra ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ lmenti eventwali u lanqas obbligu fuq il-Kummissjoni biex timmotiva r-rinunzja għall-kollaborazzjoni ta’ kelliem man-netwerk Team Europe. Id-dispożizzjonijiet legali, fosthom id-drittijiet fundamentali, li l-ksur tagħhom huwa allegat, japplikaw indipendentement mid-dispożizzjonijiet tal-ittra ta’ ftehim.

    22

    Fl-aħħar nett, xi elementi tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali baqgħu mingħajr tweġiba mill-Qorti Ġenerali, li ma vverifikatx b’mod oġġettiv u globali, fir-rigward tad-diversi elementi li jinsabu fil-proċess, jekk kienx jeżisti kuntest kuntrattwali veru, konformement ma dak li għaldaqstant tirrikjedi s-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245).

    23

    VG isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-ittra ta’ ftehim.

    24

    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet meta kklassifikat ir-rikors ippreżentat bħala ta’ “natura kuntrattwali”, VG jallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikklassifikat l-ittra ta’ ftehim bħala “kuntratt”, filwaqt li dan huwa pjuttost linji gwida mhux vinkolanti ddefiniti unilateralment mill-Kummissjoni u li jirregolaw il-funzjonament tan-netwerk Team Europe. Il-Kummissjoni ma kienet qatt affermat li r-relazzjoni kienet ta’ natura kuntrattwali, bħalma jafferma l-punt 21 tal-osservazzjonijiet tagħha quddiem l-Ombudsman Ewropew kif ukoll il-punt 15 tad-digriet tat-3 ta’ Mejju 2016, MS vs Il‑Kummissjoni (T‑17/16 AJ, mhux ippubblikat, EU:T:2016:446), li permezz tiegħu il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar it-talba għal għajnuna legali ta’ MS. L-ittra ta’ ftehim kienet sempliċement ġabra fil-qosor tad-drittijiet u tad-dmirijiet li jirregolaw in-netwerk Team Europe, u ma kinitx tikkonċerna dawk li jirregolaw ir-relazzjonijiet partikolari bejn il-Kummissjoni u MS. Din ma tipprevedix sanzjoni f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijet li hija tinkludi u lanqas riferiment għad-dritt applikabbli jew għall-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, b’mod li l-ittra ta’ ftehim iktar tirreferi għal sempliċi stipulazzjonijiet ta’ aġir u mhux għal rabtiet legali veri bejn il-persuni. Il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha tardivament u invokat in-natura kuntrattwali tal-ittra ta’ ftehim. L-intenzjoni komuni tal-partijiet qatt ma kienet li jorbtu lil xulxin reċiprokament abbażi ta’ kuntratt. Issa, l-intenzjoni tal-partijiet hija element determinanti fil-klassifikazzjoni ta’ att bħala li huwa ta’ natura kuntrattwali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kklassifikat b’mod żbaljat l-ittra ta’ ftehim bħala “kuntratt”, u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    25

    Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-ewwel aggravju u l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju jiġu miċħuda.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ kawżi mressqa kontra l-Unjoni li permezz tagħhom ir-responsabbiltà tagħha sabiex tikkumpensa dannu hija kkontestata, it-Trattat FUE jipprevedi tqassim ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali.

    27

    F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 268 TFUE, jirriżulta li t-tilwim dwar tali responsabbiltà jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.

    28

    Sabiex jiġi ddeterminat liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kawża partikolari mressqa kontra l-Unjoni sabiex din tikkumpensa dannu, għandu jiġi eżaminat jekk din il-kawża għandhiex bħala suġġett ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Biex dan isir, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux sempliċement jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli allegati mill-partijiet. Għalhekk, is-sempliċi invokazzjoni ta’ regoli ġuridiċi li ma jirriżultawx minn kuntratt rilevanti għall-każ, iżda li huma imposti fuq il-partijiet ma tistax ikollha bħala konsegwenza li n-natura kuntrattwali tat-tilwima tiġi modifikata u għalhekk li din tal-aħħar tevita l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tat-tilwima u, għalhekk, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni jkunu jistgħu jinbidlu skont regoli invokati mill-partijiet, li jmur kontra regoli ta’ ġurisdizzjoni sostantiva tal-qrati differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan il-kuntest, il-qrati tal-Unjoni huma obbligati li jivverifikaw jekk ir-rikors għad-danni li bih huma aditi għandux bħala suġġett talba għad-danni bbażata b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dawn il-finijiet, dawn il-qrati għandhom jivverifikaw, fir-rigward ta’ analiżi tal-elementi differenti tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjoni legali allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet inkwistjoni, jekk jeżistix bejniethom kuntest kuntrattwali veru, marbut mas-suġġett tat-tilwima, li l-eżami ddettaljat tiegħu jirriżulta indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 66).

    31

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-obbligu li s-sentenzi jiġu mmotivati li l-Qorti Ġenerali għandha skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jimponix fuqha li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u kull wieħed mir-raġunamenti artikolati mill-partijiet fit-tilwima. Peress li l-motivazzjoni turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-miżuri inkwistjoni ttieħdu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, L’Oréal vs EUIPO, C‑519/17 P u C‑522/17 P sa C‑525/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:348, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, mal-ewwel, fil-punt 34 tad-digriet ikkontestat, li l-ittra ta’ ftehim tiddetermina l-obbligi rispettivi tal-partijiet, it-tul tal-kooperazzjoni kif ukoll il-modalitajiet sabiex din tintemm. B’mod partikolari, din irrilevat li l-punt 5 ta’ din l-ittra jirreferi għal kundizzjonijiet ta’ “xoljiment”. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, li t-talba għal kumpens kienet marbuta mal-interpretazzjoni tal-ittra ta’ ftehim, peress li r-rikorrent fl-ewwel istanza ma kienx irrefera għal atti oħra li l-Kummissjoni hija l-awtur tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 36 ta’ dan id-digriet, li l-aġir ikkritikat kellu rabta diretta ma’ relazzjoni kuntrattwali eżistenti, li wassalha sabiex tikkonkludi, fil-punt 37 tad-digret ikkontestat, li t-talba għal kumpens tar-rikorrent fl-ewwel istanza kienet marbuta mal-interpretazzjoni tal-ittra ta’ ftehim u, fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, li din l-ittra tagħti natura kuntrattwali lit-tilwima. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 40 tad-digriet ikkontestat, li l-ittra ta’ ftehim ma kienet tinkludi ebda klawżola ta’ arbitraġġ, b’mod li t-tilwima ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni.

    33

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt li s-suġġett tal-tilwima kien ta’ natura kuntrattwali u li l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni ma kinux issodisfatti.

    34

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mll-argumenti allegati minn VG ma huwa ta’ natura li juri li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi.

    35

    B’mod partikolari, l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kontradetta miċ-ċirkustanza li r-rikorrent fl-ewwel istanza rrefera għal ċitazzjoni estratta mill-osservazzjonijiet ifformulati preċedentement mill-Kummissjoni quddiem l-Ombudsman, u riprodotta fil-punt 23 tad-digriet ikkontestat, li skont din il-Kummissjoni kienet indikat li “l-membri tat-Team Europe ma kellhomx relazzjoni kuntrattwali [magħha]”.

    36

    Fil-fatt, il-pożizzjoni espressa preċedentement mill-Kummissjoni quddiem l-Ombudsman mhux neċessarjament hija f’kontradizzjoni ma’ dik li tirriżulta mill-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din iċ-ċitazzjoni hija inkompleta sa fejn is-sentenza, meħuda fl-intier tagħha, tippreċiża li “il-membri tat-Team Europe ma għandhomx relazzjoni kuntrattwali mal-Kummissjoni u ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni jew sussidju mingħandha”.

    38

    Anki jekk wieħed jippreżumi li din iċ-ċitazzjoni tista’ tinftiehem bħala li teskludi l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba li l-ittra ta’ ftehim ma tinkludi ebda remunerazzjoni u ma kienet tipprevedi ebda rabta legali ta’ subordinazzjoni, l-assenza ta’ tali kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-membri tan-netwerk Team Europe ma teskludix l-eżistenza ta’ obbligi oħra miftiehma bejniethom, b’tali mod li kienet teżisti bejniethom relazzjoni li madankollu tista’ tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 25).

    39

    Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet espressi fid-deċiżjoni tal-Ombudsman tad-19 ta’ Novembru 2015 jirriżulta li dan irrileva li, “jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma ssegwix ir-relazzjoni kuntrattwali tagħha ma’ espert jew ma’ membru tan-netwerk tiegħu, l-ewwel nett hija għandha, qabel ma tistabbilixxi l-pożizzjoni definittiva tagħha, tagħti lill-persuna kkonċernata l-okkażjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq il-miżura prevista”.

    40

    Minn dan isegwi li s-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet huwa tassew intiż sabiex jikkontesta ċ-ċirkustanzi tal-ksur u iktar partikolarment il-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-kollaborazzjoni ta’ MS man-netwerk Team Europe kienet ingħatat.

    41

    Iċ-ċirkustanza li l-appellant invoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali lanqas ma tista’ tbiddel in-natura tat-tilwima bejn il-partijiet.

    42

    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punt 43 tas-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il‑Kummissjoni (C‑214/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:330), is-sempliċi invokazzjoni ta’ regoli ġuridiċi li ma jirriżultawx minn kuntratt, iżda li huma imposti fuq il-partijiet, ma tistax ikollha bħala konsegwenza li n-natura kuntrattwali tat-tilwima tiġi modifikata u għalhekk li din tal-aħħar tevita l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tat-tilwima u, għalhekk, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni jkunu jistgħu jinbidlu skont regoli invokati mill-partijiet, li jmur kontra regoli ta’ ġurisdizzjoni sostantiva tal-qrati differenti.

    43

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li l-qrati tal-Unjoni ma kellhomx ġurisdizzjoni u mmotivat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li bihom waslet għall-konklużjoni li kien jeżisti kuntest kuntrattwali veru marbut mas-suġġett tat-tilwima.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju, fl-intier tiegħu, kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju, meħuda flimien, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    It-tielet parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żnaturament tal-fatti.

    L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li, billi qieset li l-ittra ta’ ftehim tikkostitwixxi kuntratt mingħajr ma ddefinixxiet id-dritt applikabbli għal din l-ittra, il-Qorti Ġenerali żnaturatha.

    46

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li din it-tielet parti hija inammissibbli jew, sussidjarjament, infondata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għalhekk il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevant kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, CJ/ECDC, C‑170/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:410, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, rikorrent għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑346/17 P, EU:C:2018:679, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan il-każ, l-appellant sempliċement jikkritika fil-qosor ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali mingħajr għaldaqstant jistabbilixxi li dan huwa bbażat fuq żnaturament tal-punti ta’ fatt li tressqu quddiemha u li jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess.

    50

    Minbarra dan, l-appellant jinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzzja l-argument ibbażat fuq assenza ta’ identifikazzjoni tad-dritt applikabbli.

    51

    Issa, tali argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi ttrattati fl-ewwel istanza. Konsegwentement, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li titħalla tadixxi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs RW, C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Minn dan jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

    53

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    54

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li VG tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    VG huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq