Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CJ0393
Judgment of the Court (Third Chamber) of 4 July 2019.#Openbaar Ministerie v Freddy Lucien Magdalena Kirschstein and Thierry Frans Adeline Kirschstein.#Request for a preliminary ruling from the Hof van beroep te Antwerpen.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2005/29/EC — Unfair commercial practices — Scope — Concept of ‘commercial practices’ — Directive 2006/123/EC — Services in the internal market — Criminal law — Authorisation schemes — Higher education — ‘Master’s’ degree — Prohibition to confer certain degrees without authorisation.#Case C-393/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Proċedura kriminali kontra Freddy Lucien Magdalena Kirschstein u Thierry Frans Adeline Kirschstein.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Dritt kriminali – Skemi ta’ awtorizzazzjoni – Edukazzjoni ogħla – Diploma li tagħti l-lawrja ta’ “master” – Projbizzjoni ta’ għoti ta’ ċerti lawrji mingħajr awtorizzazzjoni.
Kawża C-393/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Proċedura kriminali kontra Freddy Lucien Magdalena Kirschstein u Thierry Frans Adeline Kirschstein.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Dritt kriminali – Skemi ta’ awtorizzazzjoni – Edukazzjoni ogħla – Diploma li tagħti l-lawrja ta’ “master” – Projbizzjoni ta’ għoti ta’ ċerti lawrji mingħajr awtorizzazzjoni.
Kawża C-393/17.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:563
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Dritt kriminali – Skemi ta’ awtorizzazzjoni – Edukazzjoni ogħla – Diploma li tagħti l-lawrja ta’ “master” – Projbizzjoni ta’ għoti ta’ ċerti lawrji mingħajr awtorizzazzjoni”
Fil-Kawża C‑393/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura kriminali kontra
Freddy Lucien Magdalena Kirschstein,
Thierry Frans Adeline Kirschstein,
fil-preżenza ta’:
Vlaamse Gemeenschap,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal F. L. M. Kirschstein u għal T. F. A. Kirschstein, minn T. Bauwens, H. de Bauw u M. Vandebeek, advocaten, |
– |
għall-Vlaamse Gemeenschap, minn J. Vandeuren u P. Vansteenkiste, advocaten, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn Y. Moussaux u M. Karolinski, avocats, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u J. Möller, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u M. K. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn T. Sunde u M. Reinertsen Norum, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman, A. Nijenhuis u N. Ruiz García kif ukoll minn H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22) u tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra F. L. M. Kirschstein u T. F. A. Kirschstein dwar allegat ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali kontra l-għoti ta’ lawrja ta’ “master” mingħajr ma tkun inkisbet l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2005/29
3 |
Il-premessa 7 tad-Direttiva 2005/29 hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. […]”. |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]”. |
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur […] qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.” |
Id-Direttiva 2006/123
6 |
Skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123: “Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.” |
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jispeċifika: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:
[…]”. |
8 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]”. |
9 |
Il-Kapitolu III tal-istess direttiva dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri jinkludi l-Artikolu 9 tagħha, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, li jiddikjara fil-paragrafu 1: “L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
|
10 |
L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi: “1. Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju. 2. Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:
|
Id-dritt Belġjan
11 |
L-Artikolu 25(7) tad-decreet betreffende de herstructurering van het hoger onderwijs in Vlaanderen (id-Digriet dwar ir-Ristrutturazzjoni tal-Edukazzjoni Ogħla fi Vlaanderen) tal-4 ta’ April 2003 (Belgisch Staatsblad, 14 ta’ Awwissu 2003, p. 41004), kien ifformulat kif ġej: “Kull min jagħti, mingħajr ebda kompetenza li jagħmel dan, il-lawrji ta’ baċellerat jew ta’ master bi jew mingħajr speċjalizzazzjoni jew ta’ dottorat (dottorat fil-filosofija, imqassra bħala PhD jew Dr) jew il-lawrji u t-titoli stabbiliti fil-punti 2, 3, 4, 5 u 5a, għandu jiġi kkastigat b’sentenza ta’ ħabs ta’ bejn tmint ijiem u tliet xhur u b’multa ta’ bejn EUR 125 u EUR 500 jew biss b’waħda minn dawn il-pieni”. |
12 |
Din id-dispożizzjoni tħassret u l-formulazzjoni tagħha ġiet riprodotta fl-Artikolu II.75(6) tal-Codex Hoger Onderwijs (il-Kodiċi dwar l-Edukazzjoni Ogħla) tal-11 ta’ Ottubru 2013 (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Frar 2014, p. 15979). |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
F. L. M. Kirschstein u T. F. A. Kirschstein huma suġġetti għal prosekuzzjoni talli taw il-lawrja ta’ master mingħajr ma kienu kompetenti li jagħmlu dan, billi ħarġu ċertifikati u diplomi li jagħtu din il-lawrja lil studenti li jkunu lestew it-taħriġ ipprovdut mis-sussidjarja f’Antwerpen ta’ United International Business Schools of Belgium BVBA. |
14 |
Ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2015, ikkundannathom għal multa ta’ EUR 300 kull wieħed fir-rigward ta’ dan il-ksur. |
15 |
Fid-29 ta’ Diċembru 2015, F. L. M. Kirschstein u T. F. A. Kirschstein, kif ukoll l-Openbaar Ministerie (il-Prosekutur Pubbliku, il-Belġju) appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
16 |
Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-United International Business Schools of Belgium BVBA huwa stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla mhux akkreditat mill-Vlaamse Gemeenschap (il-Komunità Fjamminga, il-Belġju), li joffri taħriġ li jwassal għall-għoti tal-lawrji ta’ master fil-Belġju. Din il-kumpannija Belġjana hija marbuta mal-kumpannija Svizzera Global Education Services Switzerland AG (iktar ’il quddiem “GES Switzerland”), kif ukoll mal-kumpannija Spanjola Global Education Services Spain SA. GES Switzerland tikkoordina sistema ta’ edukazzjoni ogħla privata li la hija rregolata u lanqas ma hija ssussidjata mill-awtoritajiet pubbliċi u li tipproponi b’mod partikolari korsijiet organizzati fil-Belġju. |
17 |
Matul il-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, F. L. M. Kirschstein u T. F. A. Kirschstein sostnew, b’mod parikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona l-għoti tal-lawrja ta’ “master” mingħajr ma tkun inkisbet l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, tmur kontra d-Direttiva 2005/29 u d-Direttiva 2006/123. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà
19 |
Il-Komunità Fjamminga kif ukoll il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Polonja u tan-Norveġja jressqu argumenti li jikkontestaw, għal diversi raġunijiet, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet li din tinvolvi. |
20 |
Fl-ewwel lok, il-Gvern Pollakk isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi eżaminata fuq il-bażi tad-Direttiva 2005/29 jew tad-Direttiva 2006/123, sa fejn mill-Artikoli 6 u 165(1) TFUE jirriżulta li l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Istati Membri huma marbuta jeżerċitaw il-kompetenzi li huma rriżervati lilhom fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li minn ebda element tad-Direttiva 2005/29 jew tad-Direttiva 2006/123 ma jirriżulta li s-servizzi li jaqgħu taħt l-edukazzjoni ogħla ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn id-direttivi. Għaldaqstant, l-effett tal-kompetenza li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom ma jistax ikun li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinħareġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 86 u 87). |
22 |
Fit-tieni lok, skont il-Komunità Fjamminga u l-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Polonja u tan-Norveġja, miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi kollha magħmula jew għal xi wħud minnhom ma jistgħux jinfluwenzaw l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
23 |
Għalhekk, l-ewwel nett, il-Gvern Pollakk iqis, prinċipalment, li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li din tikkonċerna sitwazzjoni purament interna mingħajr ebda element transkonfinali. It-tieni nett, il-Komunità Fjamminga, il-Gvern Belġjan u, sussidjarjament, il-Gvern Pollakk iqisu li f’dan il-każ l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għandha tiġi miċħuda peress li d-diplomi ta’ “master” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw minn GES Switzerland li, inkwantu kumpannija Svizzera, ma tistax tinvoka l-imsemmija direttiva. Fl-aħħar nett, mingħajr ma jinvoka espliċitament l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Norveġiż jenfasizza li, jekk ikollu jiġi stabbilit li din il-kumpannija kienet tabilħaqq ħarġet dawn id-diplomi, la d-Direttiva 2005/29 u lanqas id-Direttiva 2006/123 ma jkunu applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
24 |
Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li għandu jiġi aċċettat li d-diplomi ta’ “master” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw minn kumpannija Belġjana u li l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma limitati, għalhekk, fi ħdan Stat Membru wieħed biss, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, li huma s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula, japplikaw ukoll għal sitwazzjoni bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110). |
25 |
Barra minn hekk, l-argumenti bbażati fuq ir-rwol speċifiku ta’ GES Switzerland f’din il-kawża ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu aċċettati. Fil-fatt, mill-informazzjoni pprovduta, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li hija kompetenti li tikkonstata l-fatti tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27, u tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 35), jirriżulta li dan ir-rwol ma ġiex stabbilit u li d-diplomi ta’ “master” inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jinħarġu kemm minn kumpannija Belġjana kif ukoll minn kumpannija Svizzera u minn kumpannija Spanjola. |
26 |
Għalhekk ma jistax jitqies li r-risposti mogħtija lit-tieni u lit-tielet domanda ma jistgħux jinfluwenzaw is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
27 |
Fit-tielet lok, il-Komunità Fjamminga u l-Gvern Belġjan jikkontestaw l-ammissibbiltà jew ir-rilevanza tad-domandi magħmula billi jippreżentaw diversi argumenti intiżi li jiġi stabbilit li dawn id-domandi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2005/29 u tad-Direttiva 2006/123. |
28 |
Madankollu, dawn id-differenzi fl-interpretazzjoni jaqgħu taħt il-mertu ta’ dawn id-domandi u għalhekk ma jistgħux iwasslu għall-konstatazzjoni li l-imsemmija domandi huma inammissibbli. Il-fatt li l-imsemmija differenzi fl-interpretazzjoni jirrigwardaw, parzjalment, l-applikabbiltà ta’ dawn id-direttivi ma jistax jikkonfuta din l-evalwazzjoni, peress li, meta ma jkunx evidenti li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-eċċezzjoni bbażata fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex relatata mal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30). |
29 |
Fir-raba’ lok, il-Gvern Pollakk isostni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix espożizzjoni tal-kontenut tar-regoli Belġjani li jirregolaw l-awtorizzazzjoni li tingħata l-lawrja ta’ “master” u li, għalhekk, din ma tipprovdix biżżejjed informazzjoni sabiex il-Qorti tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għat-tieni domanda. |
30 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 94(b) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jistipula li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fejn xieraq, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. |
31 |
Fil-każ preżenti, għandu ċertament jiġi osservat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix preżentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-għoti tal-lawrja ta’ “master”. |
32 |
Min-naħa l-oħra, xorta jibqa’ l-fatt li l-kontenut tad-dispożizzjoni kriminali li hija s-suġġett tat-tieni domanda hija b’mod ċar esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju u li l-informazzjoni li tidher f’din id-deċiżjoni hija suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi ċerti indikazzjonijiet utli lill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha tiddeċiedi, esklużivament, dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Belġjana mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata), sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha. |
33 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Gvern Belġjan isostni li t-tielet domanda hija irrilevanti peress li l-għoti tad-diplomi fil-Komunità Fjamminga ma huwiex suġġett għal skema ta’ awtorizzazzjoni. |
34 |
Għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jew li tivverifika jekk l-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (sentenza tat-26 ta’ Marzu 2015, Macikowski, C‑499/13, EU:C:2015:201, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Għaldaqstant, peress li l-argument hekk kif espost mill-Gvern Belġjan huwa bbażat fuq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija differenti minn dik magħżula mill-qorti tar-rinviju, dan ma jistax iwassal għal konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tielet domanda magħmula. |
36 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli kollha kemm hi. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pieni kriminali għal persuni li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, jagħtu lawrja ta’ “master”. |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 biss jekk l-aġiri kkonċernati minn din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 35, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 35). |
39 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “prattiki kummerċjali” huma kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi. Il-kunċett ta’ prodott huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva bħala kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi. |
40 |
Barra minn hekk, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li dawn il-prattiki kummerċjali jseħħu qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali relatata ma’ prodott. |
41 |
Il-prattiki hekk iddefiniti għandhom, b’mod partikolari, ikunu relatati direttament mal-promozzjoni jew il-bejgħ jew il-fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 37, u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 42). |
42 |
Minn dan isegwi li, għalkemm l-imsemmija prattiki kummerċjali huma marbutin mill-qrib ma’ tranżazzjoni kummerċjali relatata ma’ prodott, madankollu dawn ma għandhomx jiġu konfużi mal-prodott li huwa s-suġġett ta’ din it-tranżazzjoni. |
43 |
Għalhekk, prattiki li jidħlu fil-qafas tal-istrateġija kummerċjali ta’ fornitur ta’ servizzi u li jikkonċernaw direttament il-promozzjoni u t-tmexxija tal-bejgħ tas-servizzi tiegħu jikkostitwixxu prattiki kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C‑540/08, EU:C:2010:660, punt 18, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 36). |
44 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex torbot l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29 kemm mal-kwalità ta’ prattiki kummerċjali tal-prattiki inkwistjoni kif ukoll mal-kwalità ta’ prodott tas-servizzi kkonċernati, li huma s-suġġett ta’ dawn il-prattiki, mingħajr ma għamlet konfużjoni bejn dawn iż-żewġ elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punti 23 sa 25, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 39). |
45 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li regola nazzjonali li hija intiża li tiddetermina liema operatur huwa awtorizzat li jipprovdi servizz li huwa s-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali, mingħajr ma tirregola direttament il-prattiki li dan l-operatur jista’ sussegwentement jimplimenta sabiex jippromwovi jew imexxi l-bejgħ ta’ dan is-servizz, ma tistax titqies li hija relatata ma’ prattika kummerċjali marbuta direttament mal-provvista tal-imsemmi servizz, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-modalitajiet li bihom is-servizzi jiġu promossi jew ikkummerċjalizzati fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, iżda tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ operatur biex jipprovdi tali servizzi, fejn tali servizzi jinkludu l-kollazzjoni ta’ lawrja universitarja partikolari, li tgawdi minn protezzjoni legali speċifika u li tippermetti, fejn xieraq, l-aċċess għal serje ta’ privileġġi speċifiċi. |
47 |
Tali leġiżlazzjoni hija għalhekk nettament differenti minn regoli li l-għan tagħhom huwa li jipprevedu l-mod li bih operatur awtorizzat li jipprovdi servizzi bħal dawn jista’ jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari billi jinvoka tikketta ta’ kwalità jew l-approvazzjoni ta’ università magħrufa. |
48 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-prattiki kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
49 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pieni kriminali għal persuni li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, jagħtu lawrja ta’ “master”. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
50 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2006/123 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pieni kriminali għal persuni li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, jagħtu lawrja ta’ “master”. |
51 |
Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/123 tapplika, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, għal servizzi pprovduti minn fornituri stabbiliti fi Stat Membru. |
52 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “servizz” ifisser kull attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57 TFUE. |
53 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-organizzazzjoni, b’remunerazzjoni, ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-edukazzjoni ogħla lil stabbilimenti li huma essenzjalment iffinanzjati minn fondi privati u li jippruvaw jiksbu profitt kummerċjali, tikkostitwixxi tali attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth, C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 17, u tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 39). |
54 |
Madankollu, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123 jeskludi serje ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li huma konnessi mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (i) ta’ din id-direttiva. |
55 |
F’dan ir-rigward, għalkemm il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li din il-leġiżlazzjoni tikkonċerna attivitajiet bħal dawn, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex koperta mill-eċċezzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet. |
56 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, peress li kemm il-leġiżlazzjoni nnifisha kif ukoll ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni biex jingħataw lawrji li tagħhom din il-leġiżlazzjoni tfittex li tiggarantixxi l-effettività japplikaw b’mod partikolari għal servizzi li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma pprovduti, kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn operaturi privati li jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess, bi skop ta’ lukru u mingħajr ma jirċievu xi finanzjament pubbliku, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma relatati biss ma’ servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. |
57 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attivitajiet fis-servizz pubbliku ta’ tagħlim fl-università ma jikkostitwixxux attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 38). |
58 |
Il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda speċifikament l-attivitajiet fis-servizz pubbliku ta’ tagħlim li jinkludu l-kollazzjoni ta’ lawrja ma jistax ibiddel din l-evalwazzjoni. |
59 |
Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva 2006/123 għandha tkun limitata għall-attivitajiet li, ikkunsidrati fihom innifishom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u dan jimplika eżerċizzju suffiċjentement kwalifikat ta’ drittijiet esklużivi, privileġġi ta’ awtorità pubblika jew setgħat ta’ koerċizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 78 u 79). |
60 |
Issa, il-kollazzjoni ta’ lawrja, li tista’ ssir, fejn xieraq, taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet pubbliċi u skont ir-rekwiżiti stabbiliti minnhom, ma tistax titqies bħala li tinvolvi tali eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
61 |
Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li, għalkemm din id-direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali tal-Istati Membri, dawn ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw b’mod partikolari l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju ta’ tali attività bl-effett li jiġu evitati r-regoli stabbiliti fl-imsemmija direttiva. |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura kriminali ma huwiex biżżejjed sabiex l-istess direttiva ma tiġix applikata għal din il-leġiżlazzjoni, peress li din taffettwa l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz, billi tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena kriminali fuq operaturi li jipprovdu servizz mingħajr ma jkollhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan mid-dritt Belġjan. |
63 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-effett tagħha jkun li jiġu evitati r-regoli stabbiliti f’din id-direttiva. |
64 |
F’dan ir-rigward, sa fejn regoli nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri li jixtiequ jagħtu ċerti lawrji universitarji jressqu talba quddiem l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiksbu att formali li jawtorizzahom jagħmlu dan, joħolqu skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva, dawn ir-regoli għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti, stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, imposti fuq tali skemi. |
65 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tiżgura l-effettività ta’ tali regoli, ikollha l-effett li tevita r-regoli tad-Direttiva 2006/123 jekk l-iskema ta’ awtorizzazzjoni li għaliha hija anċillari tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. |
66 |
Fost dawn ir-rekwiżiti hemm dawk imposti fl-Artikoli 9 u 10 tal-imsemmija direttiva, li huma speċifikament is-suġġett tad-dubji tal-qorti tar-rinviju. |
67 |
Mill-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni biss jekk ikunu ssodisfatti tliet rekwiżiti. |
68 |
L-ewwel nett, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/123 jirrikjedi li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx diskriminatorja fil-konfront tal-fornitur inkwistjoni. |
69 |
F’dan ir-rigward, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas minn xi element tal-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddiskrimina bejn il-fornituri ta’ servizzi li jixtiequ jagħtu l-lawrji universitarji kkonċernati minnha. |
70 |
It-tieni nett, l-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-direttiva jimponi li n-neċessità ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. |
71 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża kemm biex jiġi żgurat livell elevat ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll biex jiġu protetti d-destinatarji tas-servizz. |
72 |
Dawn iż-żewġ objettivi għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 4(8) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li r-raġunijiet irrikonoxxuti bħala tali mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u jsemmi speċifikament li l-protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi tissodisfa dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ż-żewġ objettivi msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, EU:C:1999:514, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46). |
73 |
Barra minn hekk, il-fatt li fuq il-fornituri ta’ servizzi li jixtiequ jagħtu lawrji universitarji jiġi impost l-obbligu li jkollhom awtorizzazzjoni għal dan il-għan huwa ta’ natura li jiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu, billi jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw, qabel l-għoti ta’ diplomi, li dawn il-fornituri joffru garanziji suffiċjenti biex jiggarantixxu l-kwalità ta’ dawn id-diplomi. |
74 |
It-tielet nett, l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jirrikjedi li l-objettiv imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva, b’mod partikolari minħabba li kontroll a posteriori jkun tard wisq biex ikun realment effettiv. |
75 |
F’dan ir-rigward, jidher li tali kontroll ma jippermettix effikaċità suffiċjenti biex jiġi żgurat it-twettiq tal-objettivi mfittxija minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
76 |
Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-garanzija ta’ livell elevat ta’ edukazzjoni għolja tista’ teħtieġ l-eżistenza ta’ kontroll sistematiku tal-korsijiet li jistgħu jwasslu għall-għoti ta’ diplomi u tal-modalitajiet previsti għall-verifikazzjoni tal-kwalifikazzjoni tal-istudenti biex jiksbu l-lawrji kkonċernati. |
77 |
Wara dan, peress li l-għoti nnifsu ta’ diploma huwa ta’ natura li jippermetti l-aċċess għal ċerti professjonijiet u jista’, fuq skala usa’, jittieħed inkunsiderazzjoni minn impjegatur fir-reklutaġġ ta’ persuna li jkollha din id-diploma, inċertezza dwar il-valur ta’ din id-diploma, minħabba l-assenza ta’ kontroll minn qabel, tista’ wkoll tmur kontra l-ilħuq ta’ dan l-objettiv, mingħajr ma eventwali kontestazzjoni a posteriori ta’ dan il-valur ma tkun tista’ tipprovdi garanzija suffiċjenti. |
78 |
Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jqis li l-protezzjoni tal-benefiċjarji tas-servizzi offruti minn stabbiliment tal-edukazzjoni għolja ma tkunx żgurata b’mod effikaċi jekk dawn ikunu obbligati jagħżlu kors u jsegwuh, mingħajr ma jkollhom garanziji dwar jekk l-istabbiliment ikkonċernat ikunx kompetenti biex jagħti lawrji li huma jkunu jistgħu sussegwentement jinvokaw b’mod validu. |
79 |
Għaldaqstant, hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni mad-Direttiva 2006/123 tippreżupponi wkoll li din hija bbażata fuq kriterji li jiggwidaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva. |
80 |
Skont din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx ikunu diskriminatorji, għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati ma’ dan l-għan, u dan jimplika li huma għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-imsemmi għan jintlaħaq u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan tal-aħħar jintlaħaq. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teħtieġ li dawn ir-rekwiżiti għall-għoti jkunu ċari u mhux ambigwi, oġġettivi, trasparenti, aċċessibbli u magħmula pubbliċi minn qabel (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et, C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 80). |
81 |
Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix espożizzjoni ddettaljata tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti, taħt id-dritt Belġjan, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ lawrji ta’ “master”, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123. |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mal-Artikoli 9 u 10 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pieni kriminali għal persuni li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, jagħtu lawrja ta’ “master”, sakemm ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ din il-lawrja jkunu kompatibbli mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.