Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CV0001(02)

    Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tat-30 ta’ April 2019.
    Accord ECG UE-Canada.
    Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA) – Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) – Stabbiliment ta’ tribunal u ta’ tribunal tal-appell – Kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ osservanza tal-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni – Livell ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi ffissati, konformement mal-kuntest nazzjonali tal-Unjoni, mill-istituzzjoni tagħha – Trattament ugwali bejn l-investituri Kanadiżi u dawk tal-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 ‑ Aċċess għall-qrati msemmija u indipendenza tagħhom – Artikolu 47 tal-Karta – Aċċessibbiltà finanzjarja – Impenn li din tiġi żgurata għall-persuni fiżiċi u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Aspetti esterni u interni tar-rekwiżit ta’ indipendenza – Ħatra, remunerazzjoni u regoli dwar l-etika tal-membri – Rwol tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA – Interpretazzjonijiet vinkolanti taċ-CETA ffissati mill-Kumitat.
    Kawża Avis 1/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:341

    OPINJONI 1/17 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

    30 ta’ April 2019

    “Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA) – Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) – Stabbiliment ta’ tribunal u ta’ tribunal tal-appell – Kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ osservanza tal-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni – Livell ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi ffissati, konformement mal-kuntest nazzjonali tal-Unjoni, mill-istituzzjoni tagħha – Trattament ugwali bejn l-investituri Kanadiżi u dawk tal-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Aċċess għall-qrati msemmija u indipendenza tagħhom – Artikolu 47 tal-Karta – Aċċessibbiltà finanzjarja – Impenn li din tiġi żgurata għall-persuni fiżiċi u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Aspetti esterni u interni tar-rekwiżit ta’ indipendenza – Ħatra, remunerazzjoni u regoli dwar l-etika tal-membri – Rwol tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA – Interpretazzjonijiet vinkolanti taċ-CETA ffissati mill-Kumitat”

    Werrej

     

    I. It-talba għal opinjoni

     

    II. Iċ-CETA

     

    A. L-iffirmar taċ-CETA u l-proposta ta’ stabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati

     

    B. Il-kunċetti ta’ “investiment” u ta’ “investitur”

     

    C. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ISDS previst

     

    D. Id-dritt applikabbli għat-tilwim taħt il-mekkaniżmu ISDS previst

     

    E. Ir-regoli proċedurali tal-mekkaniżmu ISDS previst

     

    F. Il-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell previsti

     

    G. Il-Kumitat Konġunt taċ-CETA u l-Kumitat tas-Servizzi u tal-Investiment

     

    H. In-nuqqas ta’ effett dirett taċ-CETA fis-sistema legali tal-Partijiet

     

    I. L-Istrument Interpretattiv Konġunt u d-Dikjarazzjoni Nru 36

     

    III. Sommarju tal-mistoqsijiet imressqa mir-Renju tal-Belġju fit-talba tiegħu għal opinjoni

     

    A. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

     

    B. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

     

    C. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

     

    IV. Ġabra tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    A. Fuq il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

     

    B. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

     

    C. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

     

    V. Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

     

    A. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

     

    1. Prinċipji

     

    2. Fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni differenti mid-dispożizzjonijiet taċ-CETA

     

    3. Fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-qafas kostituzzjonali tagħha

     

    B. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

     

    1. Prinċipji

     

    2. Dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ trattament ugwali

     

    3. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ effettività

     

    C. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

     

    1. Prinċipji

     

    2. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ aċċessibbiltà

     

    3. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ indipendenza

     

    VI. Tweġiba għat-talba għal opinjoni

    Fil-proċedura għal Opinjoni 1/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fis-7 ta’ Settembru 2017 mir-Renju tal-Belġju,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, C.G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin, Avukat Ġenerali: N. Wahl, Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għar-Renju tal-Belġju, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Jacobs kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis u K. Boskovits, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn F. Alabrune, D. Colas u D. Segoin kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

    għall-Gvern Litwan, minn R. Dzikovič u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M.A.M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti,

    għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, V. Klemenc, J. Groznik, A. Dežman Mušič u M. Jakše, bħala aġenti,

    għall-Gvern Slovakk, minn M. Kianička, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, A. Alriksson u P. Smith, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen u S. Boelaert, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig, A. Buchet, B. De Meester u U. Wölker, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Opinjoni

    I. It-talba għal opinjoni

    1

    It-talba għal opinjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Renju tal-Belġju hija fformulata kif ġej:

    “Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016 [iktar ’il quddiem iċ-“CETA” (ĠU 2017, L 11, p. 23], huwa, fil-Kapitolu Tmienja tiegħu (“Investiment”), Taqsima F (“Riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati”), kompatibbli mat-Trattati, inklużi d-drittijiet fundamentali?”

    II. Iċ-CETA

    A. L-iffirmar taċ-CETA u l-proposta ta’ stabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati

    2

    Iċ-CETA (Comprehensive Economic and Trade Agreement), huwa ftehim ta’ kummerċ ħieles li, minbarra dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tad-dazji doganali u tal-ostakoli mhux tariffarji li jaffettwaw il-kummerċ tal-merkanzija u tas-servizzi, jipprevedi regoli dwar, b’mod partikolari, l-investiment, il-kuntratti pubbliċi, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-iżvilupp sostenibbli.

    3

    Iċ-CETA għadu ma ġiex konkluż, fis-sens tal-Artikolu 218(6) TFUE. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU 2017, L 11, p. 1), tipprovdi, f’dan ir-rigward, fil-premessa 2 tagħha, li ċ-CETA għandu jiġi ffirmat “soġġett għat-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard” u jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, taċ-CETA “huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu”.

    4

    Għalkemm numru kbir ta’ dispożizzjonijiet taċ-CETA qed jiġu applikati b’mod provviżorju skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU 2017, L 11, p. 1080), dawk tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tiegħu, ikkonċernati minn din it-talba għal opinjoni, ma humiex. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan il-Kapitolu Tmienja, l-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 2017/38 jipprovdi li “[huma biss l-Artikoli 8.1 sa 8.8, 8.13, 8.15, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3 tiegħu, u 8.16 li] għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju, u biss f’dak li jirrigwarda l-investiment barrani dirett”.

    5

    L-imsemmija Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, li tinkludi l-Artikoli 8.18 sa 8.45 ta’ dan il-ftehim, tirrigwarda l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar l-investimenti bejn l-Investituri u l-Istati (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ISDS”) (Investor-State Dispute Settlement).

    6

    Għal dan il-għan, iċ-CETA jipprevedi, fl-Artikolu 8.27 tiegħu, il-ħolqien ta’ Tribunal (iktar ’il quddiem it-“Tribunal” jew it-“Tribunal taċ-CETA”) mad-dħul fis-seħħ taċ-CETA u, fl-Artikolu 8.28 tiegħu, il-ħolqien ta’ Tribunal tal-Appell (iktar ’il quddiem it-“Tribunal tal-Appell” jew it-“Tribunal tal-Appell taċ-CETA”).

    7

    Barra minn hekk, fl-Artikolu 8.29 tiegħu, huwa jipprevedi l-ħolqien sussegwenti ta’ Tribunal Multilaterali tal-Investimenti flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ appell konness (iktar ’il quddiem it-“Tribunal Multilaterali tal-Investimenti”), li l-istabbiliment tiegħu għandu jtemm il-funzjonament tat-Tribunal taċ-CETA u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA.

    8

    B’hekk huwa previst, kif tindika d-dikjarazzjoni Nru 36 tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-investimenti u l-Qorti tal-Investiment, li ddaħħlet fil-minuti tal-Kunsill dwar l-iffirmar taċ-CETA u mehmuża mad-Deċiżjoni 2017/37 (ĠU 2017 L 11, p. 20, iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 36”), l-istabbiliment ta’ sistema ġudizzjarja tal-investimenti, magħrufa wkoll bl-akronimu “ICS” (Investment Court System), li fiha t-Tribunal taċ-CETA u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA għandhom jikkostitwixxu stadju lejn l-implimentazzjoni tal-ICS.

    B. Il-kunċetti ta’ “investiment” u ta’ “investitur”

    9

    Skont l-Artikolu 8.1 taċ-CETA, il-kunċett ta’ “investiment”, previst minn dan il-ftehim, ifisser:

    “[…] kull kwalità ta’ assi li investitur jippossjedi jew jikkontrolla direttament jew indirettament, li għandha l-karatteristiċi ta’ investiment, li tinkludi ċertu tul ta’ żmien u karatteristiċi oħra bħall-impenn tal-kapital jew riżorsi oħra, l-istennija ta’ qligħ jew profitt, jew is-suppożizzjoni ta’ riskju. Il-forom li jista’ jieħu investiment jistgħu jinkludu:

    a)

    intrapriża;

    b)

    ishma, stokks u forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ impriża;

    c)

    bonds, obbligazzjonijiet u strumenti oħra ta’ dejn ta’ intrapriża;

    d)

    self lil intrapriża;

    e)

    kull tip ieħor ta’ interess f’impriża;

    f)

    interess li jirriżulta minn [xi kuntratti];

    g)

    drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

    h)

    beni mobbli, tanġibbli jew intanġibbli, jew beni immobbli u d-drittijiet relatati;

    i)

    pretensjonijiet għal flus jew pretensjonijiet għal prestazzjoni taħt kuntratt.”

    10

    L-Artikolu 8.1 isemmi wkoll li l-kunċett ta’ “investiment kopert tfisser, fir-rigward ta’ Parti, investiment:

    a)

    fit-territorju tagħha;

    b)

    magħmul b’konformità mal-liġi applikabbli fiż-żmien meta jkun sar l-investiment;

    c)

    bi sjieda jew kontroll dirett jew indirett ta’ investitur tal-Parti l-oħra; kif ukoll

    d)

    li jkun jeżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jew li jkun sar jew akkwistat wara;”

    11

    Il-kunċett ta’ “investitur” huwa ddefinit fl-imsemmi Artikolu 8.1 f’dawn it-termini:

    “[…] Parti, jew persuna fiżika jew intrapriża ta’ Parti, li mhix fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv, li tfittex li tagħmel, li tkun qed tagħmel jew li tkun għamlet investiment fit-Territorju tal-Parti l-oħra;

    Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, intrapriża ta’ Parti hija:

    a)

    intrapriża li tiġi kkostitwita jew organizzata taħt il-liġijiet ta’ dik il-Parti u li jkollha attivitajiet ta’ negozju sostanzjali fit-territorju ta’ dik il-Parti; jew

    b)

    intrapriża li hija kkostitwita jew organizzata taħt il-liġijiet ta’ dik il-Parti u li persuna fiżika ta’ dik il-Parti jew intrapriża msemmija skont il-paragrafu (a) jkollha s-sjieda jew il-kontroll dirett jew indirett tagħha;

    […]

    [P]ersuna fiżika tfisser:

    a)

    fil-każ tal-Kanada, persuna fiżika li hija ċittadin jew residenti permanenti fil-Kanada; kif ukoll

    b)

    fil-każ tal-Parti tal-Unjoni, persuna fiżika li għandha n-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […] skont il-liġijiet rispettivi tagħhom […]”.

    C. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ISDS previst

    12

    Filwaqt li hija intitolata “Riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati”, it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA tikkonċerna wkoll it-tilwim bejn investitur Kanadiż u l-Unjoni.

    13

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8.21 taċ-CETA jipprevedi li, jekk investitur Kanadiż ikollu l-intenzjoni li jressaq ilment, dan ikollu jibgħat lill-Unjoni “avviż formali li jitlob determinazzjoni mill-konvenut”, li jispeċifika l-miżuri li fir-rigward tagħhom huwa jkollu l-intenzjoni li jressaq ilment. Sussegwentement, l-Unjoni għandha tinforma lil dan l-investitur “dwar jekk hix l-Unjoni […] jew Stat Membru […] li se jkun il-konvenut”.

    14

    L-Artikolu 8.18 taċ-CETA, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu, it-tilwim li jista’ jitressaq minn investituri skont il-mekkaniżmu ISDS previst:

    “[…] investitur ta’ Parti jista’ jressaq quddiem it-Tribunal ikkostitwit taħt din it-Taqsima pretensjoni li l-Parti l-oħra kisret obbligu taħt:

    a)

    it-Taqsima C [tal-Kapitolu Tmienja], fir-rigward tal-espansjoni, il-kondotta, l-operazzjoni, il-ġestjoni, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija, u l-bejgħ jew id-disponiment tal-investiment kopert tiegħu, jew

    b)

    Taqsima D, [tal-Kapitolu Tmienja],

    fejn l-investitur jiddikjara li jkun sofra telf jew dannu bħala riżultat tal-ksur allegat.”

    15

    L-imsemmija Taqsima C hija intitolata “Trattament nondiskriminatorju” u tinkludi l-Artikoli 8.6 sa 8.8 taċ-CETA, li huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 8.6

    Trattament nazzjonali

    […] Kull Parti għandha tagħti lil investitur tal-Parti l-oħra u lil investiment kopert, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament li hija tagħti, f’sitwazzjonijiet simili għal dawn, lill-investituri tagħha stess u lill-investimenti tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment, l-akkwiżizzjoni, l-espansjoni, it-tmexxija, l-operazzjoni, il-ġestjoni, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija, u l-bejgħ jew id-disponiment tal-investimenti tagħhom fit-territorju tagħha. […]

    Artikolu 8.7

    Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit

    […] Kull Parti għandha tagħti lil investitur tal-Parti l-oħra u lil investiment kopert, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament li hija tagħti, f’sitwazzjonijiet simili għal dawn, lill-investituri ta’ pajjiż terz u lill-investimenti tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment, l-akkwiżizzjoni, l-espansjoni, it-tmexxija, l-operazzjoni, il-ġestjoni, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija, u l-bejgħ jew id-disponiment tal-investimenti tagħhom fit-territorju tagħha. […]

    Artikolu 8.8

    Maniġment superjuri u bordijiet tad-diretturi

    Parti ma għandhiex tirrikjedi li intrapriża ta’ dik il-Parti, li tkun ukoll investiment kopert, taħtar fil-maniġment superjuri jew fil-bord tad-diretturi, persuni fiżiċi ta’ xi nazzjonalità partikolari.”

    16

    Skont l-Artikolu 28.3(2) taċ-CETA, id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima C “ma għand[homx] jiġ[u] interpretat[i] li ma jippermett[ux] l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi Parti ta’ miżuri meħtieġa […] biex iħarsu s-sigurtà pubblika u l-morali pubblika jew biex iżommu l-ordni pubblika, […] għall-protezzjoni tal-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti […]”, “soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli bejn il-Partijiet fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ fis-servizzi”.

    17

    It-Taqsima D taċ-CETA, intitolata “Protezzjoni ta’ investiment”, tinkludi fiha l-Artikoli 8.9 sa 8.14 taċ-CETA, li huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 8.9

    Miżuri ta’ investiment u regolatorji

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt ta’ regolamentazzjoni fit-territorji tagħhom sabiex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sikurezza, tal-ambjent jew tal-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

    2.   Għal aktar ċertezza, il-fatt biss li Parti tirregola, inkluż permezz tal-modifika tal-liġijiet tagħha, b’mod li jkollu impatt negattiv fuq investiment jew jinterferixxi mal-aspettattivi ta’ investitur, inkluż l-aspettattivi ta’ profitt, ma jammontax għal ksur ta’ obbligu taħt din it-Taqsima.

    […]

    4.   Għal aktar ċertezza xejn f’din it-Taqsima ma għandu jiġi interpretat bħala li ma jippermettix lil xi Parti milli ma tkomplix bl-għoti ta’ sussidju jew li titlob għal rimborż […], jew li tkun teħtieġ li dik il-Parti tikkumpensa lill-investitur għal dan.

    Artikolu 8.14

    Trattament ta’ investituri u ta’ investimenti koperti

    1.   Fit-territorju tagħha kull Parti għandha tagħti lil investimenti koperti tal-Parti l-oħra u lil investituri fir-rigward tal-investimenti koperti tagħhom trattament ġust u ekwu u protezzjoni sħiħa skont il-paragrafi minn 2 sa 7.

    2.   Parti tikser l-obbligu ta’ trattament ġust u ekwu msemmi fil-paragrafu 1 jekk miżura jew sensiela ta’ miżuri jkunu jikkostitwixxu:

    a)

    ċaħda tal-ġustizzja fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi;

    b)

    ksur fundamentali tal-proċess dovut, inkluż ksur fundamentali tat-trasparenza, fil-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi;

    c)

    arbitrarjetà manifesta;

    d)

    diskriminazzjoni mmirata abbażi ta’ raġunijiet manifestament żbaljati, bħal sess, razza jew twemmin reliġjuż;

    e)

    trattament abbużiv ta’ investituri, bħal koerċizzjoni, forza u intimidazzjoni; jew

    f)

    ksur ta’ kwalunkwe element ieħor tal-obbligu ta’ trattament ġust u ekwu adottat mill-Partijiet skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Il-Partijiet għandhom regolarment, jew wara talba ta’ Parti, jagħmlu rieżami tal-kontenut tal-obbligu biex jipprovdu trattament ġust u ekwu. Il-Kumitat tas-Servizzi u l-Investiment […] jista’ jiżviluppa rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward u jressaqhom lill-Kumitat Konġunt CETA għal deċiżjoni.

    4.   Meta jkun qed japplika l-obbligu ta’ hawn fuq dwar it-trattament ġust u ekwu, it-Tribunal jista’ jikkunsidra jekk Parti tkunx għamlet rappreżentazzjoni speċifika lil investitur biex tħajru jagħmel investiment kopert, li tkun ħolqot aspettattiva leġittima […].

    5.   Għal aktar ċertezza, “protezzjoni sħiħa u sigurtà sħiħa” tirreferi għall-obbligi ta’ Parti marbutin mas-sigurtà fiżika tal-investituri u l-investimenti koperti.

    6.   Għal aktar ċertezza, ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ dan il-Ftehim, jew ta’ ftehim internazzjonali separat, ma jistabbilixxix ksur ta’ dan l-Artikolu.

    7.   Għal aktar ċertezza, il-fatt li miżura tikser il-liġi domestika, fiha nfisha ma tistabbilixxix ksur ta’ dan l-Artikolu. Sabiex jiġi aċċertat jekk il-miżura tiksirx dan l-Artikolu, it-Tribunal jeħtieġ jikkunsidra jekk Parti tkunx aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-obbligi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 8.11

    Kumpens għat-Telf

    […] [K]ull Parti għandha tagħti lil investituri tal-Parti l-oħra, li l-investimenti koperti tagħhom iġarrbu telf minħabba kunflitt armat, kunflitt ċivili, stat ta’ emerġenza jew diżastru naturali fit-territorju tagħha, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti lill-investituri tagħha stess […].

    Artikolu 8.12

    Esproprjazzjoni

    1.   Parti ma għandhiex tinnazzjonalizza jew tesproprja investiment kopert kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta’ miżuri li jkollhom impatt ekwivalenti għal nazzjonalizzazzjoni jew esproprjazzjoni (“esproprjazzjoni”), ħlief:

    a)

    għal skop pubbliku;

    b)

    taħt proċess ġust skont i-liġi;

    c)

    b’manjiera mhux diskriminatorja; kif ukoll

    d)

    abbażi ta’ pagament ta’ kumpens f’waqtu, adegwat u effettiv.

    Għal aktar ċertezza, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Anness 8-A.

    […]

    Artikolu 8.13

    Trasferiment

    1.   Kull Parti għandha tippermetti li t-trasferimenti kollha li jirrigwardaw investiment kopert isiru mingħajr restrizzjoni jew dewmien u f’munita liberament konvertibbli u fir-rata tal-kambju tas-suq li kienet applikabbli fid-data tat-trasferiment. Dawn it-trasferimenti jinkludu:

    a)

    il-kontribuzzjonijiet għall-kapital bħal fondi prinċipali u addizzjonali biex imantnu, jiżviluppaw jew iżidu l-investiment;

    b)

    il-profitti, id-dividendi, l-interessi, il-gwadanji kapitali, il-ħlas ta’ royalties, […] jew forom oħra ta’ redditi jew ammonti derivati minn investiment kopert;

    c)

    id-dħul mill-bejgħ jew il-likwidazzjoni tal-investiment kopert kollu kemm hu jew parti minnu;

    d)

    pagamenti magħmula skont kuntratt li ffirma l-investitur jew l-investiment kopert, inklużi l-pagamenti magħmula skont ftehim ta’ self;

    […]

    2.   Parti ma għandhiex teħtieġ li l-investituri tagħha jittrasferixxu, jew tippenalizza lill-investituri meta ma jittrasferixxux, id-dħul, il-qligħ, il-profitti jew ammonti oħra derivati minn investimenti fit-territorju tal-Parti l-oħra, jew attribwiti lil dawn l-investimenti.

    3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat biex jipprekludi Parti milli tapplika b’manjiera ekwa u mhux diskriminatorja u b’mod li jkun jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fuq it-trasferiment, fil-liġijiet tagħha fir-rigward ta’:

    a)

    falliment, insolvenza, jew ħarsien tad-drittijiet tal-kredituri;

    b)

    il-ħruġ, il-kummerċ jew in-negozjar f’titoli;

    c)

    reati kriminali jew penali;

    d)

    ir-rapportar finanzjarju jew iż-żamma tar-rekords tat-trasferimenti meta jkunu meħtieġa sabiex jassistu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet regolatorji finanzjarji; kif ukoll

    e)

    it-twettiq ta’ sentenzi fi proċedimenti ġudizzjarji.

    Artikolu 8.14

    Surroga

    Jekk Parti, jew aġenzija ta’ Parti, tagħmel pagament taħt indennizz, garanzija jew kuntratt ta’ assigurazzjoni li tkun daħlet fih fir-rigward ta’ investiment li jkun sar minn wieħed mill-investituri tagħha fit-territorju tal-Parti l-oħra, il-Parti l-oħra għandha tirrikonoxxi li l-Parti jew l-aġenzija tagħha jkunu intitolati f’kull ċirkostanza għall-istess drittijiet bħal dawk tal-investitur fir-rigward tal-investiment, […]”

    18

    L-Anness 8-A taċ-CETA, li jirreferi għalih l-Artikolu 8.12(1) ta’ dan il-ftehim, jipprovdi:

    “Il-Partijiet jikkonfermaw il-fehim komuni tagħhom li:

    1.   L-esproprjazzjoni tista’ tkun diretta jew indiretta:

    a)

    esproprjazzjoni diretta tiġri meta investiment huwa nazzjonalizzat jew inkella direttament esproprjat permezz ta’ trasferiment formali ta’ titolu jew qbid dirett; u

    b)

    esproprjazzjoni indiretta tiġri meta miżura jew serje ta’ miżuri ta’ Parti jkollhom effett ekwivalenti għal esproprjazzjoni diretta, f’li dan sostanzjalment iċaħħad l-investitur mill-attribwiti fundamentali ta’ proprjetà fl-investiment kopert tiegħu, inkluż id-dritt li juża, jgawdi u jiddisponi mill-investiment kopert tiegħu, mingħajr trasferiment formali ta’ titolu jew qbid dirett.

    2.   Id-determinazzjoni ta’ jekk miżura jew serje ta’ miżuri ta’ Parti, f’sitwazzjoni speċifika, tikkostitwixxix esproprjazzjoni indiretta teħtieġ inkjesta ta’ każ-b’-każ, ibbażata fuq il-fatti li tqis, fost fatturi oħra:

    a)

    l-impatt ekonomiku tal-miżura jew serje ta’ miżuri, għalkemm il-fatt waħdu li miżura jew serje ta’ miżuri ta’ Parti għandu effett negattiv fuq il-valur ekonomiku ta’ investiment, ma jistabbilixxix li seħħet espropjazzjoni indiretta;

    b)

    it-tul ta’ żmien tal-miżura jew serje ta’ miżuri ta’ Parti;

    c)

    il-punt sa fejn il-miżura jew serje ta’ miżuri jinterferixxu ma’ aspettattivi distinti, raġjonevoli u bbażati fuq l-investiment; u

    d)

    it-tip ta’ miżura jew serje ta’ miżuri, b’mod partikolari l-għan, il-kontenut u l-intenzjoni tagħhom.

    3.   Għal aktar ċertezza, ħlief f’ċirkostanzi rari fejn l-impatt ta’ miżura jew serje ta’ miżuri jkun tant gravi fid-dawl tal-għan tiegħu li jidher manifestament eċċessiv, miżuri mhux- diskriminatorji ta’ Parti li jkunu mfassla u applikati biex jipproteġu linteressi pubbliċi leġittimi, bħas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent, ma jikkostitwixxux esproprjazzjoni indiretta.”

    19

    L-Artikolu 1.1 taċ-CETA jistabbilixxi li “[g]ħall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u sakemm mhux speċifikat mod ieħor”, il-kelma “miżura tfisser liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, rekwiżit, prassi jew kwalunkwe forma oħra ta’ miżura minn Parti”.

    20

    L-Artikolu 8.2 taċ-CETA jippreċiża li:

    “1.   [Il-Kapitolu Tmienja] japplika għal miżura adottata jew miżmuma minn Parti fit-territorju tagħha fir-rigward ta’:

    a)

    investitur tal-Parti l-oħra;

    b)

    investiment kopert; kif ukoll; […]

    […]

    4.   Jistgħu jitressqu pretensjonijiet […] b’osservanza tal-proċeduri stabbiliti fit-Taqsima F. […] Il-pretensjonijiet taħt it-Taqsima C fir-rigward tal-istabbiliment jew l-akkwiżizzjoni ta’ investiment kopert huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima F. It-Taqsima D tapplika biss għal investiment kopert u għal investituri fir-rigward tal-investiment kopert tagħhom.

    […]”

    D. Id-dritt applikabbli

    21

    L-Artikolu 8.31 taċ-CETA jipprovdi:

    “1.   Meta jkun qed jagħti d-deċiżjoni tiegħu t-Tribunal stabbilit taħt din it-Taqsima għandu japplika dan il-Ftehim kif interpretat b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati [tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar’ il quddiem il-’Konvenzjoni ta’ Vjenna’)] u regoli u prinċipji oħra tal-liġi internazzjonali applikabbli bejn il-Partijiet.

    2.   It-Tribunal ma għandux ġurisdizzjoni biex jiddetermina l-legalità ta’ miżura, li allegatament tikkostitwixxi ksur ta’ dan il-Ftehim, skont il-liġi domestika ta’ Parti. Għal aktar ċertezza, fid-determinazzjoni tal-konsistenza ta’ miżura ma’ dan il-Ftehim, it-Tribunal jista’ jikkunsidra, kif xieraq, il-liġi domestika ta’ Parti bħala kwistjoni ta’ fatt. Għal dan il-għan, it-Tribunal għandu jsegwi l-interpretazzjoni prevalenti mogħtija lil-liġi domestika mill-qrati jew l-awtoritajiet tal-Parti u kwalunkwe tifsira mogħtija lil-liġi domestika mit-Tribunal għandha tkun vinkolanti fuq il-qrati jew l-awtoritajiet ta’ dik il-Parti.

    3.   Meta jirriżultaw dubji serji rigward kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jista’ jkollhom impatt fuq l-investiment, il-Kumitat tas-Servizzi u l-Investiment jista’, skont l-Artikolu 8.44.3(a), jirrakkomanda lill-Kumitat Konġunt CETA l-adozzjoni ta’ interpretazzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Interpretazzjoni adottata mill-Kumitat Konġunt CETA għandha tkun vinkolanti fuq it-Tribunal stabbilit taħt din it-Taqsima. Il-Kumitat Konġunt CETA jista’ jiddeċiedi li interpretazzjoni jkollha effett vinkolanti minn data speċifika.”

    22

    L-Artikolu 8.28(2) taċ-CETA jipprovdi:

    “It-Tribunal tal-Appell jista’ jappoġġa, jimmodifika jew jaqleb id-deċiżjoni tat-Tribunal abbażi ta’:

    a)

    żbalji fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tal-liġi applikabbli;

    b)

    żbalji evidenti fl-evalwazzjoni tal-fatti, inkluża l-evalwazzjoni tal-liġi domestika rilevanti;

    c)

    ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) minn (a) sa (e) tal-[Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u Ċittadini ta’ Stati Oħra, iffirmata f’Washington fit-18 ta’ Marzu 1965, iktar ’il quddiem il-’Konvenzjoni ICSID’], sakemm ma jkunux koperti mill-paragrafi (a) u (b).”

    E. Ir-regoli proċedurali

    23

    Skont l-Artikolu 8.23(1) u (2) taċ-CETA:

    “1.   Jekk ma tinstabx soluzzjoni għal tilwima permezz ta’ konsultazzjonijiet, tista’ tiġi ppreżentata pretensjoni taħt din it-Taqsima minn:

    a)

    investitur ta’ Parti f’ismu stess; jew

    b)

    investitur ta’ Parti, f’isem intrapriża stabbilita lokalment li huwa għandu s-sjieda tagħha jew jikkontrollaha direttament jew indirettament.

    2.   Pretensjoni tista’ titressaq taħt dawn ir-regoli li ġejjin:

    a)

    il-Konvenzjoni ICSID u r-Regoli ta’ Proċedura għal Proċedimenti ta’ Arbitraġġ;

    b)

    ir-Regoli Addizzjonali tal-Faċilità tal-ICSID jekk il-kundizzjonijiet għall-proċedimenti skont il-paragrafu (a) ma japplikawx;

    c)

    ir-Regolament tal-[Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL)] dwar l-arbitraġġ; jew

    d)

    kwalunkwe regola oħra bi qbil bejn il-partijiet fil-kawża.”

    24

    Il-kliem “intrapriża stabbilita lokalment” imsemmi fl-Artikolu 8.23 jirreferu, skont l-Artikolu 8.1 taċ-CETA, għal “persuna ġuridika li hija kkostitwita jew organizzata taħt il-liġijiet tal-konvenut u li jkollha sjieda jew kontroll dirett jew indirett ta’ investitur tal-Parti l-oħra”.

    25

    Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet li għandhom, skont l-Artikolu 8.23, iseħħu minn qabel, l-Artikolu 8.19(2) u (3) jipprovdi:

    “2.   Sakemm il-partijiet fil-kawża ma jaqblux mod ieħor, il-post tal-konsultazzjonijiet għandu jkun:

    a)

    Ottawa, jekk il-miżuri kkontestati jkunu miżuri tal-Kanada;

    b)

    Brussell, jekk il-miżuri kkontestati jkunu jinkludu miżura tal-Unjoni […]; jew

    c)

    il-belt kapitali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea, jekk il-miżuri kkontestati jkunu miżuri esklussivament ta’ dak l-Istat Membru.

    3.   Il-partijiet fil-kawża jistgħu jagħmlu l-konsultazzjonijiet permezz ta’ vidjokonferenzi jew mezzi oħra fejn xieraq, bħal fil-każ fejn l-investitur huwa intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju.”

    26

    Barra minn hekk, l-Artikolu 8.22 taċ-CETA jippreċiża:

    “1.   Investitur jista’ biss iressaq pretensjoni skont l-Artikolu 8.23 jekk l-investitur:

    a)

    jibgħat lill-konvenut, meta jressaq pretensjoni, il-kunsens tiegħu għal soluzzjoni tat-tilwima mit-Tribunal b’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’din it-Taqsima;

    b)

    iħalli jgħaddu mill-inqas 180 jum minn meta jressaq it-talba għal konsultazzjonijiet u, jekk applikabbli, mill-inqas iħalli jgħaddu 90 jum minn meta jressaq l-avviż li jitlob għal determinazzjoni tal-konvenut;

    c)

    ikun issodisfa r-rekwiżiti tal-avviż formali li jitlob determinazzjoni tal-konvenut;

    d)

    ikun issodisfa r-rekwiżiti relatati mat-talba għal-konsultazzjonijiet;

    e)

    ma jidentifikax miżura fil-pretensjoni tiegħu li ma tkunx ġiet identifikata fit-talba tiegħu għal konsultazzjonijiet;

    f)

    jirtira jew iwaqqaf kwalunkwe proċediment eżistenti quddiem tribunal jew qorti skont il-liġi domestika jew internazzjonali fir-rigward ta’ miżura li allegatament tkun tikkostitwixxi ksur imsemmi fil-pretensjoni tiegħu; kif ukoll

    g)

    jirrinunzja d-dritt tiegħu għal kull pretensjoni jew proċediment quddiem tribunal jew qorti skont il-liġi domestika jew internazzjonali fir-rigward ta’ miżura li allegatament tkun tikkostitwixxi ksur imsemmi fil-pretensjoni tiegħu.

    […]

    5.   Ir-rinunzja pprovduta skont is-subparagrafu 1(g) jew il-paragrafu 2, kif applikabbli, ma għandhiex tibqa’ tapplika:

    a)

    jekk it-Tribunal jiċħad il-pretensjoni abbażi ta’ nuqqas tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 jew 2 jew ta’ kull raġuni proċedurali jew ġuriżdizzjonali oħra;

    b)

    jekk it-Tribunal jirrifjuta l-pretensjoni skont l-Artikolu 8.32 jew l-Artikolu 8.33; jew

    c)

    jekk l-investitur jirtira l-pretensjoni tiegħu […] fi żmien 12-il xahar minn meta tiġi kkostitwita d-diviżjoni tat-Tribunal.”

    27

    L-Artikoli 8.32 u 8.33 taċ-CETA, li jirreferi għalihom l-Artikolu 8.22(5)(b) tiegħu, jirrigwardaw, rispettivament, il-“pretensjonijiet manifestament mingħajr meritu ġuridiku” u l-“pretensjonijiet bla bażi bħala kwistjoni ta’ liġi”, peress li dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala pretensjonijiet “li għalih[om ma tistax] tingħata deċiżjoni favur ir-rikorrent […], anki jekk il-fatti allegati kienu preżunti bħala minnhom”. Dawn l-artikoli jipprovdu li huwa l-kompitu tat-Tribunal taċ-CETA li jeżamina preliminarjament jekk l-ilment għandux jiġi miċħud bħala manifestament mingħajr bażi legali jew bħala infondat fid-dritt, jekk il-konvenut ikun qajjem eċċezzjoni f’dan is-sens.

    28

    L-Artikolu 8.25(1) taċ-CETA huwa fformulat kif ġej:

    “Il-konvenut jaqbel li t-Tribunal isolvi t-tilwima b’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’din it-Taqsima.”

    29

    L-Artikolu 8.27 taċ-CETA jipprevedi, fil-paragrafi 6, 7 u 9 tiegħu:

    “6.   It-Tribunal għandu jisma’ l-kawżi f’diviżjonijiet li jikkonsistu fi tliet Membri tat-Tribunal, li minnhom wieħed ikun nazzjonal ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, wieħed nazzjonal tal-Kanada u wieħed ċittadin ta’ pajjiż terz. Id-diviżjoni għandha tkun ippreseduta mill-Membru tat-Tribunal li jkun nazzjonal ta’ pajjiż terz.

    7.   Fi żmien 90 jum minn meta titressaq il-pretensjoni skont l-Artikolu 8.23, il-President tat-Tribunal għandu jaħtar lill-Membri tat-Tribunal li jiffurmaw id-diviżjoni tat-Tribunal li tisma’ l-kawżi fuq bażi ta’ rotazzjoni, u jiżgura li l-formazzjoni tad-diviżjonijiet tkun aleatorja u imprevedibbli, filwaqt li jagħti lill-Membri kollha tat-Tribunal opportunità indaqs li jservu.

    […]

    9.   Minkejja l-paragrafu 6, il-partijiet fil-kawża jistgħu jaqblu li kawża tinstema’ minn Membru wieħed tat-Tribunal li jinħatar bix-xorti minn fost in-nazzjonali tal-pajjiżi terzi. Il-konvenut għandu jagħti kunsiderazzjoni xierqa lil talba li ssir mir-rikorrent biex il-kawża tinstema’ minn Membru waħdieni tat-Tribunal, b’mod partikolari meta r-rikorrent ikun intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju jew il-kumpens jew danni mitluba jkunu relattivament baxxi. Tali talba għandha ssir qabel ma tiġi kkostitwita d-diviżjoni tat-Tribunal.”

    30

    L-Artikolu 8.28(5), (7) u (9) taċ-CETA jipprovdi:

    “5.   Id-diviżjoni tat-Tribunal tal-Appell li tiġi kkonstitwita biex tisma’ l-appell tkun tikkonsisti fi tliet Membri tat-Tribunal tal-Appell magħżulin b’mod każwali.

    […]

    7.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jadotta minnufih deċiżjoni li tistabbilixxi l-kwistjonijiet amministrattivi u organizzattivi li ġejjin fir-rigward tal-funzjonament tat-Tribunal tal-Appell:

    […]

    b)

    il-proċeduri biex jinbdew u jitmexxew l-appelli […];

    […]

    9.   Hekk kif tiġi adottata d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 7:

    a)

    parti fil-kawża tista’ tappella minn deċiżjoni ta’ arbitraġġ, mogħtija skont din it-Taqsima quddiem it-Tribunal tal-Appell fi żmien 90 jum minn meta tingħata;

    […]

    c)

    deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tingħata skont l-Artikolu 8.39 ma għandhiex tiġi kkunsidrata finali u ma għandha titressaq l-ebda azzjoni għall-infurzar ta’ sentenza sakemm jew:

    i)

    ikunu għaddew 90 jum minn meta t-Tribunal joħroġ id-deċiżjoni u ma jkun inbeda ebda appell;

    ii)

    ikun inċaħad jew irtirat appell mibdi; jew

    iii)

    ikunu għaddew 90 jum minn meta t-Tribunal tal-Appell joħroġ id-deċiżjoni u t-Tribunal tal-Appell ma jkunx irrefera l-kwistjoni lura lit-Tribunal;

    d)

    deċiżjoni finali tat-Tribunal tal-Appell tkun ikkunsidrata bħala d-deċiżjoni finali għall-finijiet tal-Artikolu 8.41; kif ukoll

    […]”

    31

    Skont l-Artikolu 8.39 taċ-CETA:

    “1.   Jekk it-Tribunal jagħti deċiżjoni finali kontra l-konvenut, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi biss, separatament jew flimkien:

    a)

    danni monetarji u kwalunkwe interess applikabbli;

    b)

    ir-restituzzjoni ta’ proprjetà, li f’dan il-każ id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha tipprovdi li l-konvenut jista’ jħallas id-danni monetarji li jirrappreżentaw il-valur ġust tas-suq […] u kull imgħax applikabbli […].

    2.   Soġġett għall-paragrafi minn 1 sa 5, jekk pretensjoni ssir skont l-Artikolu 8.23[(1)(b)]:

    a)

    deċiżjoni ta’ danni monetarji u kull imgħax applikabbli għandhom jipprevedu li s-somma titħallas lill-intrapriża stabbilita lokalment;

    b)

    deċiżjoni ta’ restituzzjoni ta’ proprjetà għandha tipprevedi li restituzzjoni ssir lill-intrapriża stabbilita lokalment;

    […]

    3.   Danni monetarji ma għandhomx ikunu akbar mit-telf imġarrab […].

    4.   It-Tribunal ma jagħtix danni punittivi.

    5.   It-Tribunal għandu jordna li l-ispejjeż tal-arbitraġġ jitħallsu mill-parti fil-kawża li titlef. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, it-Tribunal jista’ jqassam l-ispejjeż bejn il-partijiet fil-kawża jekk jiddetermina li t-tqassim huwa xieraq fiċ-ċirkustanzi tal-pretensjoni. Spejjeż raġonevoli oħra, inklużi spejjeż ta’ rappreżentazzjoni u assistenza legali, għandhom jitħallsu mill-parti fil-kawża li titlef, sakemm it-Tribunal ma jiddeterminax li tali tqassim tal-ispejjeż mhuwiex raġonevoli fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Fejn ikunu rnexxew partijiet biss mill-pretensjonijiet l-ispejjez għandhom jiġu aġġustati b’mod proporzjonali mal-għadd jew il-limitu tal-partijiet tal-pretensjonijiet li jkunu rnexxew.

    6.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jikkunsidra regoli supplementali bl-għan li jnaqqsu l-piż finanzjarju fuq ir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi jew intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju. Dawn ir-regoli supplementali jistgħu, b’mod partikolari, jikkunsidraw ir-riżorsi finanzjarji ta’ dawn ir-rikorrenti u l-ammont tal-kumpens mitlub.

    7.   […] It-Tribunal għandu joħroġ id-deċiżjoni finali fi żmien 24 xahar mid-data li titressaq il-pretensjoni skont l-Artikolu 8.23. Jekk it-Tribunal ikun jeħtieġ aktar żmien biex joħroġ id-deċiżjoni finali, huwa għandu jagħti lill-partijiet fil-kawża r-raġunijiet għad-dewmien.”

    32

    L-Artikolu 8.41 taċ-CETA jipprovdi:

    “1.   Deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija skont din it-Taqsima għandha tkun vinkolanti bejn il-partijiet fil-kawża u fir-rigward ta’ dak il-każ partikolari.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 3, parti fil-kawża għandha tirrikonoxxi u tikkonforma ma’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mingħajr dewmien.

    […]

    4.   L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha tkun irregolata mil-liġijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ fis-seħħ fejn issir it-talba għall-eżekuzzjoni.

    […]”

    F. Il-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell previsti

    33

    L-Artikolu 8.27(2) sa (5) u (12) sa (16) taċ-CETA jipprovdi:

    “2.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu, malli jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, jaħtar ħmistax -il Membru tat-Tribunal. Ħamsa mill-Membri tat-Tribunal għandhom ikunu nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ħamsa għandhom ikunu nazzjonali tal-Kanada […] u ħamsa nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

    3.   Il-Kumitat Konġunt CETA jista’ jiddeċiedi li jżid jew inaqqas l-għadd ta’ membri tat-Tribunal b’multipli ta’ tlieta. Ħatriet addizzjonali għandhom isiru fuq l-istess bażi kif previst fil-paragrafu 2.

    4.   Il-Membri tat-Tribunal għandu jkollhom il-kwalifiki kif meħtieġa mill-pajjiżi rispettivi tagħhom għal ħatra f’kariga ġudizzjarja, jew ikunu ġuristi ta’ kompetenza rikonoxxuta. Huma għandhom ikunu taw prova ta’ speċjalizzazzjoni fid-dritt internazzjonali pubbliku. Preferibbilment għandu jkollhom kompetenzi fil-liġi internazzjonali dwar l-investiment, fil-liġi kummerċjali internazzjonali, u fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta minn ftehimiet dwar l-investiment jew dwar il-kummerċ internazzjonali.

    5.   Il-Membri tat-Tribunal maħtura skont din it-Taqsima għandhom jinħatru għal terminu ta’ ħames snin, li jiġġedded darba. Madankollu, it-termini ta’ sebgħa mill-15-il persuna maħtura immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, li jiġu ddeterminati bix-xorti, għandhom jiġu estiżi sa sitt snin. Il-postijiet vakanti jimtlew hekk kif jitbattlu. […]

    […]

    12.   Sabiex tkun żgurata d-dispożizzjoni tagħhom, il-Membri tat-Tribunal għandhom jirċievu ħlas regolari li tiġi ddeterminata mill-Kumitat Konġunt CETA.

    13.   Il-miżati msemmija fil-paragrafu 12 għandhom jitħallsu indaqs miż-żewġ Partijiet […].

    14.   Sakemm il-Kumitat Konġunt CETA jadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 15, l-ammont tal-miżati u tal-ispejjeż tal-Membri tat-Tribunal f’diviżjoni kkostitwita biex tisma’ pretensjoni, li mhumiex il-miżati msemmijin fil-paragrafu 12, ikun dak determinat skont ir-Regolament 14(1) tar-Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji tal-Konvenzjoni ICSID li jkunu fis-seħħ fid-data ta’ meta titressaq il-pretensjoni u allokat mit-Tribunal fost il-partijiet fil-kawża skont l-Artikolu 8.39[(5)].

    15.   Il-Kumitat Konġunt CETA jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jittrasforma l-ħlas regolari u ħlas ieħor f’salarju regolari, u jiddeċiedi modalitajiet u kundizzjonijiet applikabbli.

    16.   Is-Segretarjat tal-ICSID għandu jaġixxi bħala Segretarjat għat-Tribunal u jipprovdilu appoġġ xieraq.”

    34

    L-Artikolu 8.28(3), (4) u (7) taċ-CETA jipprovdi:

    “3.   Il-Membri tat-Tribunal tal-Appell għandhom jinħatru permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt CETA fl-istess ħin meta tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 7.

    4.   Il-Membri tat-Tribunal tal-Appell għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8.27.4 u jkunu konformi mal-Artikolu 8.30.

    […]

    7.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jadotta minnufih deċiżjoni li tistabbilixxi l-kwistjonijiet amministrattivi u organizzattivi li ġejjin fir-rigward tal-funzjonament tat-Tribunal tal-Appell:

    […]

    c)

    il-proċeduri biex jimtela post battal fit-Tribunal tal-Appell u f’diviżjoni tat-Tribunal tal-Appell ikkostitwita biex tisma’ kawża;

    d)

    ir-remunerazzjoni tal-Membri tat-Tribunal tal-Appell;

    e)

    id-dispożizzjonijiet relatati mal-ispejjeż tal-appelli;

    f)

    l-għadd tal-Membri tat-Tribunal tal-Appell; kif ukoll

    […]”

    35

    L-Artikolu 8.30 taċ-CETA jipprovdi:

    “1.   Il-Membri tat-Tribunal għandhom ikunu indipendenti. Huma ma għandhomx ikunu affiljati ma xi gvern. Huma ma għandhom jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni, jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Huma ma għandhomx jipparteċipaw fil-kunsiderazzjoni ta’ tilwim li jkun joħloq kunflitt ta’ interess dirett jew indirett. Huma għandhom ikunu konformi mal-Linji Gwida tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali Forensi (International Bar Association) dwar il-Kunflitti ta’ Interess fl-Arbitraġġ Internazzjonali, [approvati fit-22 ta’ Mejju 2004 mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kamra tal-Avukati, iktar ’il quddiem il-‘Linji Gwida tal-IBA’] jew kull regola supplimentari adottata skont l-Artikolu 8.44[(2)] Barra minn hekk, mal-ħatra, huma għandhom jieqfu milli jaġixxu bħala konsulenti jew esperti jew xhieda maħtura minn parti f’kull kwistjoni ta’ investiment kemm pendenti kif ukoll ġdida skont dan il-ftehim jew kull ftehim internazzjonali ieħor.

    […]

    4.   Fuq rakkomandazzjoni mmotivata tal-President tat-Tribunal, jew fuq inizjattiva konġunta tagħhom, il-Partijiet, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt CETA, jistgħu jneħħu Membru mit-Tribunal meta l-komportament tiegħu jew tagħha jkun inkonsistenti mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 u jkun inkompatibbli mas-sħubija kontinwata tiegħu jew tagħha fit-Tribunal.”

    36

    It-tieni sentenzа tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8.30 hija akkumpanjata b’nota ta’ qiegħ il-paġna li tgħid li “[g]ħal aktar ċertezza, il-fatt li persuna tirċievi remunerazzjoni mingħand gvern ma jfissirx fih innifsu li l-persuna mhijiex eliġibbli.”

    G. Il-Kumitat Konġunt u l-Kumitat tas-Servizzi u tal-Investiment

    37

    Skont l-Artikolu 26.1 taċ-CETA:

    “1.   Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu l-Kumitat Konġunt CETA li jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni […] u rappreżentanti tal-Kanada. Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jkun kopresedut mill-Ministru għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Kanada u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ, jew id-delegati rispettivi tagħhom.

    […]

    3.   Il-Kumitat Konġunt CETA huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha dwar il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. […]

    4.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu:

    […]

    e)

    jieħu d-deċiżjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 26.3; kif ukoll

    […]

    5.   Il-Kumitat Konġunt CETA jista’:

    […]

    e)

    jadotta interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li għandhom ikunu vinkolanti fuq it-tribunali stabbiliti fit-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja (Soluzzjoni ta’ Tilwim bejn l-investituri u l-Istati) u l-Kapitolu Disgħa u Għoxrin (Soluzzjoni ta’ Tilwim);

    […]”

    38

    L-Artikolu 26.3 taċ-CETA jipprovdi:

    “1.   Sabiex jilħaq l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA, għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha fil-materji previsti minn dan il-Ftehim.

    2.   Id-deċiżjonijiet li jieħu l-Kumitat Konġunt CETA għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet […].

    3.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’kunsens reċiproku.”

    39

    L-Artikolu 8.44(2) taċ-CETA huwa fformulat kif ġej:

    “2.   Il-Kumitat tas-Servizzi u l-Investiment għandu, bi qbil mal-Partijiet, u wara li jkunu tlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni rispettivi tagħhom, jadotta kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tat-Tribunal biex jiġi applikat f’tilwim li jirriżulta minn dan il-Kapitolu, li jista’ jissostitwixxi jew jissupplimenta r-regoli fis-seħħ, u jista’ jindirizza suġġetti inkluż:

    a)

    l-obbligi dwar id-divulgazzjoni;

    b)

    l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Membri tat-Tribunal; kif ukoll

    c)

    il-kunfidenzjalità.

    Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jiżguraw li l-kodiċi ta’ kondotta jiġi adottat mhux aktar tard mill-ewwel jum tal-applikazzjoni proviżorja jew id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, skont il-każ, u f’kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sentejn wara tali data.”

    H. In-nuqqas ta’ effett dirett taċ-CETA fis-sistema legali tal-Partijiet

    40

    L-Artikolu 30.6(1) taċ-CETA, jipprovdi li “[x]ejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat […] li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi direttament invokat fl-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet”.

    I. L-Istrument Interpretattiv Konġunt u d-Dikjarazzjoni Nru 36

    41

    L-Artikolu 30.1 taċ-CETA jistabbilixxi li “[i]l-protokolli, l-annessi, id-dikjarazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet konġunti, il-ftehimiet u n-noti ta’ qiegħ il-paġna ta’ dan il-Ftehim jikkostitwixxu partijiet integrali tiegħu”.

    42

    Fl-okkażjoni tal-iffirmar taċ-CETA, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-Kanada ħolqu Strument Interpretattiv Konġunt (ĠU 2017, L 11, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Istrument Interpretattiv Konġunt”), li l-punt 1(b) u (d) tiegħu jipprovdi:

    “b)

    Is-CETA jinkorpora l-impenn komuni tal-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha lejn il-kummerċ ħieles u ġust f’soċjetà vibranti u li tħares ’il quddiem. […]

    […]

    d)

    L-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada għaldaqstant ser jibqa’ jkollhom il-kapaċità li jilħqu l-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika li jistipulaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom, bħas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali. Is-CETA lanqas mhu ħa jbaxxi l-istandards u r-regolamenti rispettivi tagħna marbuta mas-sikurezza tal-ikel, is-sigurtà tal-prodotti, il-ħarsien tal-konsumatur, is-saħħa, l-ambjent jew il-protezzjoni tax-xogħol. Il-prodotti importati, il-fornituri ta’ servizzi u l-investituri jridu jkomplu jirrispettaw ir-rekwiżiti nazzjonali, fosthom ir-regoli u r-regolamenti. […]”

    43

    Skont il-punt 2 ta’ dan l-istrument:

    “Is-CETA jippreserva l-abbiltà tal-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, biex jintlaħqu għanijiet leġittimi tal-politika pubblika bħall-ħarsien u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali.”

    44

    Il-punt 6 ta’ dan l-istrument jistabbilixxi:

    “a)

    Is-CETA jinkludi regoli moderni dwar l-investiment li jżommu d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku inkluż meta dawn ir-regolamenti jaffettwaw investiment barrani, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-investimenti u jipprevedu soluzzjoni ġusta u trasparenti għat-tilwim. Is-CETA mhux ser iwassal biex investituri barranin jiġu trattati b’mod iżjed favorevoli minn investituri domestiċi. Is-CETA ma jipprivileġġjax ir-rikors għas-sistema ta’ qorti tal-investiment stabbilita mill-ftehim. L-investituri jistgħu minflok jagħżlu li jfittxu r-rikors disponibbli fil-qrati domestiċi.

    b)

    Is-CETA jiċċara li l-gvernijiet jistgħu jbiddlu l-liġijiet tagħhom, irrispettivament minn jekk dan jolqotx ħażin lil xi investiment jew l-istennijiet ta’ profitt li jaf ikollu l-investitur […].

    […]

    d)

    Is-CETA jirrikjedi rabta ekonomika reali mal-ekonomiji tal-Kanada jew tal-Unjoni […] sabiex impriża tkun tista’ tgawdi mill-ftehim u jwaqqaf lil kumpaniji fittizji jew li jkollhom biss kaxxa tal-ittri stabbiliti fil-Kanada jew fl-Unjoni […] minn investituri ta’ pajjiżi oħra milli jressqu pretensjonijiet kontra l-Kanada jew l-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha. […]

    e)

    Sabiex jiżgura li t-Tribunali jirrispettaw fiċ-ċirkostanzi kollha l-intenzjoni tal-Partijiet kif tinsab fil-Ftehim, is-CETA jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet joħorġu noti ta’ interpretazzjoni li jorbtu legalment. Il-Kanada u l-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha huma ddedikati li jużaw dawn id-dispożizzjonijiet biex jevitaw u jikkoreġu kull interpretazzjoni żbaljata tas-CETA mit-Tribunali.

    f)

    Is-CETA jitbiegħed b’mod deċiżiv mill-approċċ tradizzjonali għas-soluzzjoni ta’ tilwim fl-investiment u jistabbilixxi Tribunali indipendenti, imparzjali u permanenti tal-investiment, ispirati mill-prinċipji ta’ sistemi ġudizzjarji pubbliċi fl-Unjoni […] u fl-Istati Membri tagħha u fil-Kanada, kif ukoll qrati internazzjonali bħall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, il-membri ta’ dawn it-Tribunali ser ikunu individwi kwalifikati għal karigi ġudizzjarji fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u dawn ser jinħatru mill-Unjoni […] u l-Kanada għal terminu fiss. Il-kawżi ser jinstemgħu minn tliet membri magħżula mingħajr ordni partikolari. Inħolqu regoli etiċi stretti għal dawn l-individwi biex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, preferenzi jew l-impressjoni li hemm preferenzi. L-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada qablu li jibdew immedjatament aktar ħidma fuq kodiċi ta’ kondotta biex ikomplu jiżguraw l-imparzjalità tal-membri tat-Tribunali, fuq il-metodu u l-livell tar-remunerazzjoni tagħhom u fuq il-proċess għall-għażla tagħhom. L-għan komuni huwa li jikkonkludu l-ħidma bid-dħul fis-seħħ tas-CETA.

    g)

    Is-CETA huwa l-ewwel ftehim li jinkludi mekkaniżmu ta’ appell li permezz tiegħu ser ikunu jistgħu jiġu kkoreġuti żbalji u tiġi żgurata l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal […].

    h)

    Il-Kanada u l-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha huma ddedikati li jissorveljaw it-tħaddim ta’ dawn ir-regoli ta’ investiment, li jindirizzaw f’waqtu kull nuqqas li jista’ jitfaċċa u li jesploraw modi kif it-tħaddim tagħhom ikompli jittejjeb matul iż-żmien.

    i)

    Għalhekk, is-CETA jirrappreżenta bidla importanti u radikali fir-regoli u fis-soluzzjoni għat-tilwim fl-investimenti. Huwa jistabbilixxi l-bażi għal sforz multilaterali biex dan l-approċċ il-ġdid għas-soluzzjoni għat-tilwim fl-investimenti ikompli jiġi żviluppat f’Qorti Multilaterali tal-Investiment. L-Unjoni u l-Kanada ser jaħdmu b’mod diliġenti għall-istabbiliment ta’ Qorti Multilaterali tal-Investiment. Din għandha tiġi stabbilita ladarba jkun hemm massa minima kritika ta’ parteċipanti, u għandha immedjatament tissostitwixxi s-sistemi bilaterali bħal dik fis-CETA, u tkun kompletament miftuħa għal adeżjoni minn kwalunkwe pajjiż li jappoġġa l-prinċipji sottostanti tal-Qorti.”

    45

    Barra minn hekk, skont id-Dikjarazzjoni Nru 36:

    “Is-CETA jimmira għal riforma importanti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-investiment, abbażi tal-prinċipji komuni għall-qrati tal-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada, kif ukoll għall-qrati internazzjonali rikonoxxuti mill-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada […].

    Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma esklużi mill-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tas-CETA, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jikkonfermaw li huma mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel ir-ratifika tas-CETA mill-Istati Membri kollha, kull wieħed skont il-proċessi kostituzzjonali tiegħu stess.

    Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bir-reviżjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (ICS), mingħajr dewmien, fi żmien suffiċjenti sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisuha fil-proċess ta’ ratifika tagħhom, skont il-prinċipji li ġejjin:

    L-għażla tal-imħallfin kollha tal-Qorti u tal-Qorti tal-Appell għandha ssir, taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri, b’mod rigoruż, bl-għan li tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità, kif ukoll l-ogħla kompetenza. Fir-rigward tal-imħallfin Ewropej b’mod partikolari, l-għażla għandha wkoll tiżgura li tirrappreżenta, speċjalment fil-futur, ir-rikkezza tat-tradizzjonijiet legali Ewropej. Konsegwentement:

    Il-kandidati għall-imħallfin Ewropej ser jinħatru mill-Istati Membri, li għandhom ukoll jieħdu sehem fil-valutazzjoni tal-kandidati.

    Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 8.27[(4)] tas-CETA, l-Istati Membri jipproponu l-kandidati li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 253(1) TFUE.

    Il-Kummissjoni ser tiżgura, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kanada, evalwazzjoni ugwalment rigoruża tal-kandidaturi tal-imħallfin l-oħra tal-Qorti.

    L-imħallfin jiġu mħallsa mill-Unjoni […] u mill-Kanada fuq bażi permanenti. Jeħtieġ li jsir progress lejn imħallfin impjegati full-time.

    Ir-rekwiżiti etiċi għall-membri tal-Qrati, diġà previsti fis-CETA, ser jiġu żviluppati fid-dettall, mill-aktar fis possibbli u fi żmien xieraq biex l-istati membri jkunu jistgħu jikkunsidrawhom fil-proċessi ta’ ratifika tagħhom, f’Kodiċi ta’ Kondotta obbligatorju u vinkolanti (li huwa diġà previst fis-CETA). […]

    L-aċċess għal din il-ġurisdizzjoni l-ġdida għall-[impriżi ta’ daqs żgħir u medju] u l-individwi, ser jittejjeb u ser jiġi ffaċilitat. Għal dan l-għan:

    L-adozzjoni mill-kumitat konġunt [taċ-CETA] ta’ regoli addizzjonali, prevista fl-Artikolu 8.39[(6)] tas-CETA, biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq l-applikanti li huma persuni fiżiċi jew intrapriżi żgħar u medji, ser issir b’tali mod li dawn ir-regoli addizzjonali jkunu jistgħu jiġu adottati mill-aktar fis possibbli.

    Irrispettivament mill-eżitu tad-diskussjonijiet fil-kumitat konġunt [taċ-CETA], il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri adegwati ta’ (ko)finanzjament pubbliku tal-azzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u medji quddiem din il-qorti kif ukoll l-għoti ta’ assistenza teknika.

    […]”

    III. Sommarju tal-mistoqsijiet imressqa mir-Renju tal-Belġju

    A. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

    46

    Ir-Renju tal-Belġju jfakkar li, fil-punt 246 tal-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet “il-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni”.

    47

    L-osservanza ta’ din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123), li jkun hemm inkompatibbiltà mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni meta qorti internazzjonali stabbilita minn ftehim li jorbot lill-Unjoni tista’ tissejjaħ biex tinterpreta u tapplika mhux biss id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim, iżda wkoll dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jew tad-drittijiet fundamentali tagħha.

    48

    Issa, f’dan il-każ, id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tat-Tribunal taċ-CETA, stabbilita fl-Artikolu 8.31 ta’ dan il-ftehim, ma tbiddel xejn mill-fatt li, meta dan it-tribunal ikollu jeżamina jekk miżura adottata mill-Unjoni tiksirx waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet C u D tal-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, dan ikun marbut li jinterpreta l-portata ta’ din il-miżura, mingħajr ma neċessarjament ikun jista’ jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    49

    Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal taċ-CETA sabiex jeżamina jekk miżura adottata mill-Kanada, mill-Unjoni jew minn Stat Membru tiksirx waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima C jew D ta’ dan il-kapitolu, tawtorizza lil dan it-tribunal, minkejja l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 8.31 taċ-CETA, iwettaq evalwazzjonijiet fundamentali li jinvolvu, meta l-miżura kkontestata tkun ġiet adottata mill-Unjoni, id-dritt primarju tagħha. Dan it-tribunal jista’, fil-fatt, jintalab jieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżami tiegħu tat-tilwima, dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni li abbażi tagħhom l-Unjoni tkun adottat din il-miżura. Huwa jkollu, f’dan il-każ, iwettaq evalwazzjoni tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    50

    Peress li l-mekkaniżmu ISDS previst ma jipprevedi la l-obbligu u lanqas il-possibbiltà għat-Tribunal taċ-CETA li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-Renju tal-Belġju jistaqsi jekk dan il-mekkaniżmu, li jista’ jwassal għal sentenzi finali li jorbtu lill-Unjoni, huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni.

    B. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

    51

    Ir-Renju tal-Belġju josserva li l-impriżi kkostitwiti skont id-dritt Kanadiż u l-persuni fiżiċi ta’ nazzjonalità Kanadiża jew residenti b’mod permanenti fil-Kanada (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“impriżi u l-persuni fiżiċi Kanadiżi” jew l-“investituri Kanadiżi”) jistgħu, meta jinvestu fl-Unjoni, iressqu tilwima quddiem it-Tribunal taċ-CETA, filwaqt li impriżi fformati taħt id-dritt ta’ Stat Membru tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi li jkollhom in-nazzjonalità ta’ tali Stat (iktar ’il quddiem l-“impriżi u l-persuni fiżiċi tal-Istati Membri” jew l-“investituri tal-Unjoni”), meta jinvestu fl-Unjoni, ma jkollhomx din il-possibbiltà.

    52

    Għandu jiġi eżaminat jekk tali sitwazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li tgħid li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, u mal-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[f]il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita”.

    53

    B’mod iktar partikolari, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li mill-paragrafu 8.39(2)(a) taċ-CETA jirriżulta li, meta investitur Kanadiż jaġixxi quddiem it-Tribunal taċ-CETA f’isem “intrapriża stabbilita lokalment”, jiġifieri impriża stabbilita fl-Unjoni u miżmuma jew ikkontrollata direttament jew indirettament minn dak l-investitur, id-danni deċiżi minn dan it-tribunal ikollhom jitħallsu lil din l-impriża stabbilita lokalment. Hemm lok li l-kompatibbiltà ta’ din ir-regola tiġi eżaminata mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

    54

    Ir-Renju tal-Belġju jistaqsi wkoll jekk, fl-ipoteżi fejn it-Tribunal taċ-CETA jikkonstata l-inkompatibbiltà, ma’ dispożizzjoni tat-Taqsima C jew D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, ta’ multa imposta mill-Kummissjoni jew minn awtorità ta’ Stat Membru fuq investitur Kanadiż għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u jagħti kumpens ekwivalenti għal din il-multa, in-nuqqas ta’ effetti ta’ din il-multa jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    55

    F’dan ir-rigward, huwa josserva li l-Artikolu 8.9(4) taċ-CETA jeskludi li, meta l-Unjoni tiddikjara għajnuna mill-Istat inkompatibbli mal-Artikolu 108 TFUE u tordna l-irkupru tagħha, it-Tribunal taċ-CETA jista’ jiddeċiedi li din id-deċiżjoni tmur kontra dan il-ftehim. Issa, l-imsemmi ftehim ma jinkludix regola simili intiża biex tħares id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. B’hekk, investitur Kanadiż jista’ jevita l-konsegwenzi finanzjarji ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, filwaqt li l-investituri tal-Unjoni ma jistgħux jevitawhom, liema ħaġa tista’ tkun inkompatibbli mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, kif ukoll mar-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    C. Mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

    56

    Ir-Renju tal-Belġju jistaqsi jekk it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA hijiex kompatibbli mad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti indipendenti, kif stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    57

    Huwa josserva, fl-ewwel lok, li s-sistema prevista fl-imsemmija Taqsima F tista’ tirrendi eċċessivament diffiċli l-aċċess tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għat-Tribunal taċ-CETA, peress li mill-Artikolu 8.27(14) taċ-CETA jirriżulta li l-onorarji u l-ispejjeż tal-membri ta’ dan it-tribunal adit bit-tilwima għandhom jinġarru mill-partijiet f’din it-tilwima, u li l-Artikolu 8.39(5) taċ-CETA jipprovdi li kemm l-ispejjeż tal-proċedura kif ukoll l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ assistenza legali, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandhom jitħallsu mill-parti telliefa.

    58

    Barra minn hekk, iċ-CETA attwalment ma joffrix il-possibbiltà li tingħata għajnuna legali, minkejja li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi espressament li d-dritt għal tali għajnuna sa fejn ikun meħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, barra minn dan, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811), li dan id-dritt jestendi għall-impriżi.

    59

    Għalhekk, ir-riskju li jkollhom iħallsu l-ispejjeż kollha fi proċeduri onerużi jista’ jiddisswadi lil investitur, li jkollu biss riżorsi finanzjarji limitati, milli jippreżenta lment.

    60

    Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju jistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-Membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, kif jipprovdu l-Artikoli 8.27(12) sa (15), u 8.28(7)(d) taċ-CETA, mad-dritt ta’ aċċess għal “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” li huwa stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ma humiex prinċipalment stabbiliti fit-test stess taċ-CETA, iżda fil-biċċa l-kbira mħollija għall-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konġunt”), għandu jkun permess li jkun hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipji applikabbli fir-rigward tas-separazzjoni tal-poteri.

    61

    Il-fatt li ċ-CETA jipprevedi li r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal ser tikkonsisti mhux, jew għall-inqas mhux fl-immedjat, f’salarju fiss u regolari, iżda fi ħlas ta’ kull xahar li miegħu jiżdiedu onorarji skont il-ġranet ta’ xogħol iddedikati għal tilwima, jista’ jkun inkompatibbli mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jirreferi għall-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin, adottata fl-10 ta’ Lulju 1998 mill-Kunsill tal-Ewropa, li tgħid li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tiġi ffissata “b’mod li [t]ipproteġihom minn pressjonijiet maħsuba sabiex jinfluwenzaw id-direzzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom”.

    62

    Il-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin issemmi wkoll rakkomandazzjonijiet adottati fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, li jgħidu li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tiġi ddeterminata skont skala ġenerali. Issa, mill-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni attwalment previsti fiċ-CETA, jirriżulta li r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA tiddependi parzjalment min-numru ta’ tilwim ippreżentati mill-investituri. Għalhekk, l-iżvilupp ta’ ġurisprudenza favorevoli għall-investitur ikollu effett pożittiv fuq ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-membri u jista’ b’hekk iwassal għal kunflitt ta’ interessi.

    63

    Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Belġju jistaqsi dwar il-kompatibbiltà mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tar-regoli dwar il-ħatra tal-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell, kif previsti fl-Artikolu 8.27(2) u (3) kif ukoll fl-Artikolu 8.28(3) u (7)(c) taċ-CETA.

    64

    Huwa jinnota li dawn il-membri għandhom jinħatru mill-Kumitat Konġunt taċ-CETA, li huwa koppresjedut mill-Ministru għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Kanada u mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kummerċ (jew mis-sostituti rispettivi tagħhom). Issa, mill-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin, li jirreferu għaliha r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konsultattiv ta’ Mħallfin Ewropej (CCJE), jirriżulta li, meta l-ħatra ta’ Mħallfin issir mill-eżekuttiv, din għandha sseħħ wara rakkomandazzjoni minn awtorità indipendenti magħmula minn parti sostanzjali ta’ membri tal-ġudikatura.

    65

    Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Belġju jistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-kundizzjonijiet ta’ revoka tal-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, kif stipulati fl-Artikolu 8.30(4) taċ-CETA, liema dispożizzjoni tippermetti li membru jiġi rrevokat b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA. Madankollu, mill-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin u mir-rakkomandazzjonijiet taċ-CCJE, jirriżulta li kull deċiżjoni ta’ revoka ta’ Mħallef għandha tinvolvi lil korp indipendenti, għandha tingħata skont proċedura ekwa li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, u għandha tkun suġġetta għal rikors quddiem istanza superjuri ta’ natura ġudizzjarja. F’kull każ, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Imħallfin, is-setgħa eżekuttiva ma għandux ikollha l-possibbiltà li tneħħihom.

    66

    Fil-ħames u l-aħħar lok, ir-Renju tal-Belġju jistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tar-regoli dwar l-etika li l-membri tat-Tribunali għandhom jikkonformaw magħhom skont l-Artikoli 8.28(4), l-Artikolu 8.30(1) u l-Artikolu 8.44(2) tal-Ftehim CETA.

    67

    Huwa josserva li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li l-membri msemmija għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Linji Gwida tal-IBA, sa meta jiġi adottat kodiċi ta’ kondotta mill-Kumitat tas-servizzi u tal-investiment. Madankollu, mill-Magna Carta tal-Imħallfin, adottata fis-17 ta’ Novembru 2010 miċ-CCJE, jirriżulta li r-regoli dwar l-etika professjonali applikabbli għall-Imħallfin għandhom jiġu stabbiliti mill-imħallfin stess jew li, għall-inqas, l-Imħallfin għandhom jaqdu rwol importanti fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli.

    68

    Peress li l-Linji Gwida tal-IBA jirreferu għal arbitri u mhux għal Imħallfin, dawn jistgħu jkollhom standards f’termini ta’ indipendenza li ma humiex xierqa għal istatus ta’ dawn tal-aħħar.

    69

    Huwa jinnota wkoll li ċ-CETA jipprovdi, fl-Artikolu 8.30(1) tiegħu, li l-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA “għandhom jieqfu milli jaġixxu bħala konsulenti jew esperti jew xhieda maħtura minn parti f’kull kwistjoni ta’ investiment kemm pendenti kif ukoll ġdida skont dan il-ftehim jew kull ftehim internazzjonali ieħor”, iżda ma jeżiġix li dawn il-membri għandhom jiddikjaraw l-attivitajiet esterni tagħhom u lanqas a fortiori li dawn l-attivitajiet jiġu ssuġġettati għal approvazzjoni minn qabel. Madankollu, l-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħalma huma l-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin, jistipulaw li l-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet għandu jiġi ddikjarat u għandu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.

    IV. Ġabra tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    A. Fuq il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

    70

    Il-parti l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, jenfasizzaw li l-Artikolu 8.31 taċ-CETA jipprekludi mingħajr ekwivoku lit-Tribunal taċ-CETA milli tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. B’dan il-mod, iċ-CETA huwa distint, b’mod partikolari, mill-abbozz ta’ ftehim eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123).

    71

    Barra minn hekk, mill-imsemmi Artikolu 8.31 jirriżulta li l-interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet taċ-CETA li jadotta, f’konformità mad-dritt internazzjonali pubbliku, it-Tribunal taċ-CETA, ma humiex ser jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, iċ-CETA jkun distint mill-Abbozz ta’ Ftehim eżaminat fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454).

    72

    Barra minn hekk, l-Artikolu 8.31(2) u l-Artikolu 8.39(1) taċ-CETA jeskludu li t-Tribunal taċ-CETA, l-istess bħal, inċidentalment, it-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, ikun jista’ jagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-miżura kkontestata.

    73

    Is-sentenzi tat-Tribunal taċ-CETA jkunu, barra minn hekk, nieqsa minn effett erga omnes, peress li l-Artikolu 8.41 taċ-CETA jistabbilixxi li dawn is-sentenzi jkunu obbligatorji biss għall-partijiet fit-tilwima. Minn din il-perspettiva wkoll, huwa eskluż li deċiżjoni ta’ dan it-tribunal tista’ tippreġudika l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni.

    74

    Barra minn hekk, permezz tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 8.21 taċ-CETA, l-imsemmi tribunal ma jistax jeżamina mill-ġdid id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-problema identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 33 sa 36 tal-Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal-14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490), u fil-punti 224 u 225 tal-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454), hija għalhekk ineżistenti f’dan il-każ.

    75

    B’dawn ir-regoli kollha inkorporati fiċ-CETA, il-partijiet ippreżervaw l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    76

    L-imsemmija Gvernijiet, il-Kunsill u l-Kummissjoni jammettu li ser ikun hemm, fit-tilwim li jinqala’ bejn investitur Kanadiż u l-Unjoni, sitwazzjonijiet li fihom it-Tribunal taċ-CETA jkollu, sabiex jevalwa jekk kienx hemm ksur ta’ dispożizzjoni tat-Taqsima C jew D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, jeżamina l-portata tal-miżura tal-Unjoni li dan l-investitur ikun ikkontesta. Madankollu, hekk kif jistipula l-Artikolu 8.31(2) taċ-CETA, f’dawn is-sitwazzjonijiet, it-Tribunal ikollu jillimita ruħu għal eżami tad-dritt tal-Unjoni bħala kwistjoni ta’ fatt u mhux jagħti interpretazzjoni legali.

    77

    B’hekk, in-nuqqas ta’ preġudizzju lill-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mill-fatt li t-Tribunal taċ-CETA jkollu japplika u jinterpreta d-dritt internazzjonali, ikkostitwit miċ-CETA nnifsu u mir-regoli tad-dritt internazzjonali l-oħra applikabbli bejn il-Partijiet, u mhux id-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, it-Tribunal taċ-CETA u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, joperaw f’ordinamenti ġuridiċi distinti b’mod ċar. In-nuqqas ta’ effett dirett taċ-CETA fl-ordinament ġuridiku intern tal-Partijiet, skont l-Artikolu 30.6 tiegħu, jenfasizza din id-distinzjoni.

    78

    Fid-dawl tad-distinzjoni msemmija, ma hemm l-ebda ħtieġa, fil-kuntest tas-sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim quddiem it-Tribunal u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, li jiġi previst mekkaniżmu ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja. Analiżi bħal dik imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 236 sa 248 tal-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, lanqas ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ involviment minn qabel fl-Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal-14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punti 54 sa 65), ma jeżistu f’dan il-każ. Fil-fatt, kuntrarjament għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iċ-CETA bl-ebda mod ma għandu l-għan li jestendi parti mill-korp tad-dritt tal-Unjoni għall-Kanada.

    B. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

    79

    Il-parti l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, josservaw li, minn naħa, l-impriżi u l-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Istati Membri li jinvestu fl-Unjoni, ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, peress li wħud minnhom jagħmlu investimenti internazzjonali u l-oħrajn jagħmlu investimenti interni għall-Unjoni.

    80

    L-uniċi sitwazzjonijiet paragunabbli huma dawk tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-Unjoni u dawk tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li jinvestu fil-Kanada.

    81

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fid-dritt tal-Unjoni ma japplikax għar-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ Stati terzi. Konsegwentement, l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta huma, skont diversi mill-imsemmija gvernijiet kif ukoll il-Kunsill, irrilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà taċ-CETA mad-dritt tal-Unjoni.

    82

    L-imsemmi prinċipju lanqas ma japplika fil-każ ta’ trattament differenti bejn, minn naħa, “impriżi stabbiliti lokalment”, fis-sens tal-Artikolu 8.1 taċ-CETA, miżmuma jew ikkontrollati minn investitur Kanadiż u, min-naħa l-oħra, l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni li ma huma la miżmuma u lanqas ikkontrollati minn tali investitur.

    83

    Fil-fatt, l-ewwel impriżi jikkostitwixxu investimenti ta’ impriżi jew ta’ persuni fiżiċi Kanadiżi u għandhom jitqiesu bħala tali fil-kuntest taċ-CETA. Konsegwentement, fir-rigward tal-impriżi stabbiliti lokalment, id-differenza fit-trattament invokata mir-Renju tal-Belġju għandha tiġi assimilata ma’ dik li teżisti bejn, minn naħa, l-impriżi u l-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-impriżi u l-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li jinvestu fl-Unjoni.

    84

    Id-differenza fit-trattament imsemmija fit-talba għal opinjoni hija, f’kull każ, iġġustifikata mill-għan ta’ kontribuzzjoni għall-kummerċ ħieles u ġust, fis-sens tal-Artikolu 3(5) TUE, kif ukoll minn dak ta’ integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, previst fl-Artikolu 21(2)(e) TUE. Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi, abbażi tal-Artikolu 207 TFUE, ftehim fil-qasam tal-investimenti diretti ma’ Stati terzi u, skont l-Artikolu 4(1) u (2)(a) TFUE, ftehimiet dwar investiment mhux dirett ma’ tali Stati, tiġi mċaħħda mis-sustanza tagħha jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-dritt tal-Unjoni kellu jipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tidħol għal impenji speċifiċi dwar l-investimenti li ġejjin minn Stati terzi.

    85

    Sa fejn ir-Renju tal-Belġju jistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS mar-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, billi jqajjem l-ipoteżi li fiha t-Tribunal taċ-CETA jqis li multa imposta mill-Kummissjoni jew minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru fuq investitur Kanadiż tikser dispożizzjoni materjali tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA u jagħti kumpens ekwivalenti għall-ammont ta’ din il-multa, il-parti l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, il-Kunsill, u l-Kummissjoni, iqisu li din hija problema falza.

    86

    Fil-fatt, huwa improbabbli ħafna li dan it-tribunal, li jkollu, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għar-regolamentazzjoni enfasizzata fl-Artikolu 8.9 taċ-CETA, josserva l-eżistenza tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jiddeċiedi li multa imposta skont din il-liġi tikser iċ-CETA.

    C. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

    87

    Diversi Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kunsill isostnu li l-Artikolu 47 tal-Karta u dokumenti l-oħra ta’ oriġini Ewropea li tirreferi għalihom it-talba għal opinjoni, ma humiex applikabbli għall-mekkaniżmu ISDS previst.

    88

    F’dan ir-rigward, huma josservaw li dawn it-testi ma jorbtux lill-Kanada u li ċ-CETA ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda taħt id-dritt internazzjonali, li huwa l-uniku dritt applikabbli għall-mekkaniżmu msemmi.

    89

    Gvernijiet oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu, min-naħa tagħhom, li l-Artikolu 47 tal-Karta japplika. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi t-talba għal opinjoni, iċ-CETA huwa konformi ma’ dan l-artikolu.

    90

    F’dan ir-rigward, dawn josservaw, qabel kollox, li t-Tribunal taċ-CETA ser ikollu natura “ibrida”, fis-sens li ser jinkludi fih mhux biss elementi ġudizzjarji għas-soluzzjoni tat-tilwim, iżda wkoll elementi bbażati fuq proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali. Fost dawn l-aħħar elementi hemm ir-rekwiżit ta’ konsultazzjoni minn qabel, bosta elementi tal-proċedura quddiem it-Tribunal, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, ta’ ħatra u ta’ tneħħija tal-membri tiegħu, kif ukoll l-assenza ta’ effett erga omnes tas-sentenzi. Barra minn hekk, it-Tribunal taċ-CETA ma huwiex qorti obbligatorja, peress li l-investitur jista’ jippreżenta tilwima jew quddiem qorti ordinarja jew quddiem dan it-tribunal. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ indipendenza ma japplikax għall-imsemmi tribunal bl-istess mod bħal lil qorti ordinarja.

    91

    Sussegwentement, huma jenfasizzaw li, għall-kuntrarju tal-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet taċ-CETA, it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tiegħu ma tiġix applikata b’mod provviżorju u li l-aspetti li jwasslu għat-tħassib tar-Renju tal-Belġju f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti, jiġifieri l-aċċess għal dan il-mekkaniżmu għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, ta’ ħatra u ta’ tneħħija tal-membri tat-Tribunal taċ-CETA u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, kif ukoll ir-regoli dwar l-etika applikabbli għalihom, kollha għad għandhom jiġu żviluppati. L-eżistenza ta’ impenn fir-rigward ta’ tali kjarifiki jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 8.27(15), mill-Artikolu 8.39(6) u mill-Artikolu 8.44(2) taċ-CETA, mill-punt 6 (f) u (h) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt, kif ukoll mid-Dikjarazzjoni Nru 36.

    92

    Peress li, fil-kuntest ta’ opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-ftehim hekk kif “maħsub”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-impenn imsemmi li, ladarba jiġi implimentat, ser isaħħaħ il-garanziji li diġà huma inkorporati fiċ-CETA.

    93

    Fl-aħħar nett, l-imsemmija Gvernijiet, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, anki jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni t-titjib imsemmi, it-tħassib espress fit-talba għal opinjoni huwa infondat.

    94

    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-aċċess tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għat-Tribunal taċ-CETA, huma jfakkru li l-investituri ma humiex obbligati jirreferu t-tilwim tagħhom quddiem dan it-tribunal, peress li rimedji quddiem il-qrati domestiċi tal-Partijiet, li joffru l-garanziji kollha f’termini ta’ għajnuna legali, huma wkoll disponibbli għalihom. Konsegwentement, jekk investitur kellu jinsab fl-impossibbiltà finanzjarja li jressaq tilwima quddiem it-Tribunal taċ-CETA, huwa madankollu ma jkunx imċaħħad mid-dritt ta’ aċċess tiegħu għal qorti indipendenti.

    95

    Barra minn hekk, l-għoti ta’ għajnuna legali ma huwiex indikatur affidabbli biex jiġi ddeterminat jekk ikunx qed jiġi osservat id-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti.

    96

    Huma josservaw ukoll li r-regola stabbilita fl-Artikolu 8.39(5) taċ-CETA, li tgħid li l-ispejjeż quddiem it-Tribunal taċ-CETA normalment jitħallsu mill-parti telliefa, ma hijiex differenti minn dak huwa normalment applikabbli quddiem il-qrati ordinarji.

    97

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal taċ-CETA, il-gvernijiet imsemmija, il-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li r-Renju tal-Belġju jikklassifika b’mod żbaljat lill-Kumitat Konġunt taċ-CETA bħala “korp eżekuttiv”. F’dan ir-rigward, huma josservaw li kull deċiżjoni li jkollha effetti legali adottata minn dan il-kumitat għandha tkun konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE, liema ħaġa jkollha l-effett li twassal lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkollhom rwol essenzjali f’dan il-proċess deċiżjonali.

    98

    Għalhekk, l-Artikolu 8.27(12) taċ-CETA, li jipprevedi li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA għandu jistabbilixxi l-ħlas mensili tal-Membri tat-Tribunal taċ-CETA, ma huwa bl-ebda mod problematiku. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi fl-Artikolu 8.30(1) taċ-CETA, dan il-kumitat għandu jiggarantixxi li l-ammont u l-metodu ta’ determinazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni ma jpoġġux indiskussjoni l-indipendenza tal-membri msemmija. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna s-salarju regolari msemmi fl-Artikolu 8.27(15) taċ-CETA kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal tal-Appell, imsemmija fl-Artikolu 8.28(7)(d) ta’ dan il-ftehim.

    99

    Barra minn hekk, peress li r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal taċ-CETA, prevista fl-Artikolu 8.27(14) taċ-CETA, għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ skala ffissata mis-Segretarju Ġenerali u mill-President tal-ICSID, ir-Renju tal-Belġju jsostni b’mod żbaljat li din ir-remunerazzjoni tiddependi mill-ammont ta’ xogħol ta’ dawn il-membri.

    100

    It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-ħatra tal-membri tat-Tribunal taċ-CETA, il-parti l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, jirrilevaw li l-membri ta’ qrati internazzjonali għandhom jinħatru mill-gvernijiet ikkonċernati u għaldaqstant mis-setgħa eżekuttiva.

    101

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ revoka tal-membri tat-Tribunal taċ-CETA, dawn l-istess gvernijiet u istituzzjonijiet jinnotaw li huwa normali li tiġi prevista l-possibbiltà, għall-partijiet fi ftehim li jistabbilixxi qorti internazzjonali, li l-membri ta’ din il-qorti jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    102

    Il-ħames nett, f’dak li jikkonċerna r-regoli dwar l-etika applikabbli għall-membri tat-Tribunali previsti, huwa b’mod żbaljat li r-Renju tal-Belġju josserva li dawn ma humiex ser ikollhom jiddikjaraw l-attivitajiet esterni tagħhom. Fil-fatt, mill-Artikolu 8.30(1) taċ-CETA jirriżulta li l-membri msemmija ser ikollhom jikkonformaw ruħhom mal-Linji Gwida tal-IBA jew ma’ kull regola oħra adottata mill-Kumitat Konġunt taċ-CETA skont l-Artikolu 8.44(2) taċ-CETA. Madankollu, ir-regola ġenerali Nru 3 tal-Linji Gwida tal-IBA tipprevedi obbligu ta’ trasparenza estiża għall-elementi kollha li jistgħu jaffettwaw l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-imħallfin.

    103

    Għalkemm, għall-bqija, il-membri tat-Tribunali previsti jistgħu jeżerċitaw attivitajiet esterni, dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, inizjalment, dawn il-membri ma humiex ser ikunu impjegati full-time. Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 8.27(12) taċ-CETA jipprevedi li, meta ma jkunx hemm tilwim, titħallas lill-membri msemmija biss menswalità għad-disponibbiltà tagħhom.

    104

    Kieku, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-membri tat-Tribunali previsti ma kinux permessi li jeżerċitaw attività esterna, ma jkollhomx garanzija ta’ dħul suffiċjenti.

    V. Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    105

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal opinjoni tikkonċerna t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA u li, fid-dawl taċ-ċirkustanza mfakkra fil-punt 3 ta’ din l-opinjoni, din tirrigwarda “ftehim maħsub” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli, peress li ebda wieħed mill-Gvernijiet jew istituzzjonijiet li pparteċipaw fil-proċedura ma esprimew dubji f’dan ir-rigward.

    A. Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

    1. Prinċipji

    106

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti inkarigata bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu lill-Unjoni, huwa, bħala prinċipju, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-possibbiltà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt tali ftehim, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 182; ara wkoll l-Opinjonijiet 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal-14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 4070, kif ukoll 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 74).

    107

    Ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jista’, barra minn hekk, ikollu impatt fuq il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-kundizzjoni, madankollu, li l-kundizzjonijiet indispensabbli għas-salvagwardja tan-natura essenzjali ta’ dawk is-setgħat jiġu sodisfatti u li, għaldaqstant, ma tiġix ippreġudikata l-awtonomija tas-sistema legali tagħha (ara, b’mod partikolari, l-Opinjonijiet 1/00 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ spazju tal-ajru komuni Ewropew), tat-18 ta’ April 2002, EU:C:2002:231, punti 2021, kif ukoll 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 183).

    108

    Minn dan isegwi li ċ-CETA, inkwantu jipprevedi, kif jirriżulta mill-punt 6(f), (g) u (i) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, sistema ġudizzjarja għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati permezz tal-istabbiliment ta’ Tribunal u ta’ Tribunal tal-Appell taċ-CETA u, fit-tul, ta’ Tribunal Multilaterali tal-Investiment, jista’ jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss bil-kundizzjoni li ma tinkisirx l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    109

    Din l-awtonomija, li teżisti kemm fir-rigward tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, tirriżulta mill-karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u tad-dritt tagħha. Dan tal-aħħar huwa fil-fatt ikkaratterizzat mill-fatt li rriżulta minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fil-konfront tad-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Tali karatteristiċi taw lok għal netwerk strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali li jiddependu minn xulxin u li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    110

    L-awtonomija msemmija tinsab fil-fatt li l-Unjoni għandha qafas kostituzzjonali tagħha stess. Jaqgħu taħt dan il-qafas il-valuri bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li jgħidu li l-Unjoni “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem”, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE, li jinkludu, b’mod partikolari, regoli dwar l-allokazzjoni u t-tqassim tal-kompetenzi, ir-regoli tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tas-sistema ġudizzjarja tagħha, kif ukoll ir-regoli fundamentali f’oqsma speċifiċi, strutturati b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proċess ta’ integrazzjoni mfakkar fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 158).

    111

    Sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tal-ordni ġuridiku hekk stabbilit, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 19 TUE, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan id-dritt fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt imsemmi. Għal dan il-għan, din is-sistema tinkludi, b’mod partikolari, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 174 sa 176246).

    112

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-mistoqsijiet li tqajmu fit-talba għal opinjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmu ISDS previst fit-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA huwiex ta’ natura li jimpedixxi lill-Unjoni milli tiffunzjona skont il-qafas kostituzzjonali msemmi iktar ’il fuq.

    113

    Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-mekkaniżmu ISDS previst jinsab barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

    114

    Fil-fatt, il-forum previst fiċ-CETA huwa distint mill-qrati nazzjonali tal-Kanada, tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant, it-Tribunal u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA ma jistgħux jitqiesu li huma parti mis-sistema ġudizzjarja ta’ waħda jew tal-oħra minn dawn il-Partijiet.

    115

    Madankollu, in-natura esterna tal-mekkaniżmu ISDS previst b’rabta mas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni ma tfissirx, fiha nnifisha, li dan il-mekkaniżmu jippreġudika l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    116

    Fil-fatt, fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati msemmija fl-Artikolu 19 TUE sabiex jinterpretaw u japplikaw dawn il-ftehimiet ma tipprevali la fuq dik tal-qrati tal-Istati terzi li magħhom ġew konklużi dawn il-ftehimiet u lanqas fuq dik tal-qrati internazzjonali stabbiliti minn ftehimiet bħal dawn.

    117

    Għaldaqstant, għalkemm tali ftehimiet jifformaw parti integrali mid-dritt tal-Unjoni u jistgħu għalhekk ikunu s-suġġett ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 56; tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2017, Aebtri, C‑224/16, EU:C:2017:880, punt 50), dawn jikkonċernaw ukoll lill-imsemmija Stati terzi u għalhekk jistgħu ukoll jiġu interpretati mill-qrati ta’ dawn l-Istati. Barra minn hekk, huwa preċiżament minħabba n-natura reċiproka tal-ftehim internazzjonali u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetenza tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali li huwa mixtieq, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 ta’ din l-opinjoni, li din tikkonkludi ftehim li jagħti qorti internazzjonali l-kompetenza sabiex tinterpreta l-ftehim mingħajr ma din il-qorti tkun suġġetta għal interpretazzjonijiet li jagħtu l-qrati tal-Partijiet.

    118

    Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni la jipprekludi li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA tipprevedi l-ħolqien ta’ Tribunal, ta’ Tribunal tal-Appell, u, sussegwentement, ta’ Tribunal Multilaterali tal-Investiment, u lanqas li dan jagħtihom il-ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim abbażi fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-Partijiet. Min-naħa l-oħra, peress li dawn it-tribunali huma esterni għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, dawn ma jistgħux jingħataw is-setgħa li jinterpretaw jew japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni differenti minn dawk taċ-CETA jew li jadottaw sentenzi li jistgħu jkollhom l-effett li jipprevjenu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli joperaw skont il-qafas kostituzzjonali tagħha.

    119

    Konsegwentement, sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat:

    li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA ma tagħti lit-Tribunali previsti ebda setgħa ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minbarra dik li tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-Partijiet, u

    li l-imsemmija Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja ma tfassalx il-ġurisdizzjoni ta’ dawn it-tribunali b’mod li dawn, mingħajr ma jkunu jistgħu huma stess jinterpretaw jew japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni differenti minn dawk tal-ftehim imsemmi, ikunu jistgħu jadottaw sentenzi li jkollhom l-effett li jipprevjenu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli joperaw skont il-qafas kostituzzjonali tagħha.

    2. Fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni differenti mid-dispożizzjonijiet taċ-CETA

    120

    L-Artikolu 8.18 taċ-CETA, li jinsab fit-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tiegħu, jagħti lit-Tribunal taċ-CETA l-ġurisdizzjoni sabiex jeżamina kull pretensjoni ta’ investitur ta’ Parti li tgħid li Parti oħra tkun kisret obbligu stabbilit mit-Taqsima C (Artikoli 8.6 sa 8.8) jew D (Artikoli 8.9 sa 8.14) tal-Kapitolu Tmienja.

    121

    Għal dan il-għan, it-Tribunal għandu japplika, skont l-Artikolu 8.31(1) taċ-CETA, “dan il-Ftehim kif interpretat b’konformità mal-[Konvenzjoni ta’ Vjenna] u regoli u prinċipji oħra tal-liġi internazzjonali applikabbli bejn il-Partijiet”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi tribunal ma jkollux ġurisdizzjoni, hekk kif tippreċiża l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8.31(2) ta’ dan il-ftehim, “biex jiddetermina l-legalità ta’ miżura, li allegatament tikkostitwixxi ksur ta’ dan il-Ftehim, skont il-liġi domestika ta’ Parti”.

    122

    Minn dan jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni mogħtija lil dan it-tribunal tillimita ruħha għad-dispożizzjonijiet taċ-CETA u li tali interpretazzjoni jew applikazzjoni għandha ssir skont ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-Partijiet.

    123

    It-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA hija b’dan il-mod distinta mill-abbozz ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, iddikjarat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fl-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123).

    124

    Fil-fatt, il-“liġi applikabbli” fil-kuntest ta’ dan l-abbozz, iddefinita fl-Artikolu 14a tagħha, kienet tinkludi, fost l-oħrajn, “il-leġiżlazzjoni Komunitarja direttament applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill […] dwar il-privattiva Komunitarja, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali […] li timplementa l-leġiżlazzjoni Komunitarja”. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 78 ta’ din l-opinjoni, li l-qorti tal-privattivi li tagħha l-ħolqien kien maħsub, kienet maħsuba biex tinterpreta u tapplika mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni, iżda wkoll ir-Regolament futur dwar il-privattiva Komunitarja kif ukoll strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regolamenti u d-direttivi li flimkien magħhom kellu jinqara dan ir-regolament. Fil-punt imsemmi, din enfasizzat ukoll li din il-qorti tista’ tissejjaħ tiddeċiedi kawża pendenti quddiemha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew, saħansitra, teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni.

    125

    Dawn l-elementi kkontribwixxew għall-konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-konklużjoni tal-imsemmi abbozz ta’ ftehim żnaturat il-kompetenzi li t-Trattati jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri li huma essenzjali għaż-żamma tan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 89).

    126

    It-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja iċ-CETA jiddistingwi ruħu wkoll mill-ftehim ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), peress li, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 42, 55 u 56 ta’ din is-sentenza, dan il-ftehim kien jistabbilixxi tribunal intiż sabiex jisma’ tilwim li jista’ jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    127

    Barra minn hekk, is-sentenza msemmija kienet tikkonċerna ftehim bejn l-Istati Membri. Issa, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-introduzzjoni jew taż-żamma ta’ tribunal tal-investiment minn tali ftehim, hija differenti minn dik tal-kompatibbiltà, ma’ dan id-dritt, tal-istabbiliment ta’ tali tribunal permezz ta’ ftehim bejn l-Unjoni u Stat terz (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 5758).

    128

    Fil-fatt, l-Istati Membri huma, f’kull qasam li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, marbuta li josservaw il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Dan il-prinċipju jimponi fuq kull wieħed minn dawn l-Istati li jqisu, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191, u s-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punti 4045).

    129

    Issa, dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal rikors effettiv quddiem qorti indipendenti, ma għandux japplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u Stat terz.

    130

    Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 122 ta’ din l-opinjoni ma hijiex invalidata fl-Artikolu 8.31(2) taċ-CETA, li jippreved li, “fid-determinazzjoni tal-konsistenza ta’ miżura ma’ dan il-Ftehim, it-Tribunal jista’ jikkunsidra, kif xieraq, il-liġi domestika ta’ Parti bħala kwistjoni ta’ fatt” u jipprovdi li, “[g]ħal dan il-għan, it-Tribunal għandu jsegwi l-interpretazzjoni prevalenti mogħtija lil-liġi domestika mill-qrati jew l-awtoritajiet tal-Parti” u jżid li “kwalunkwe tifsira mogħtija lil-liġi domestika mit-Tribunal għandha tkun vinkolanti fuq il-qrati jew l-awtoritajiet ta’ dik il-Parti”.

    131

    Fil-fatt, dawn il-preċiżazzjonijiet ma għandhomx skop ieħor ħlief dak li jirriflettu l-fatt li t-Tribunal taċ-CETA, meta jkun qiegħed jeżamina l-konformità maċ-CETA tal-miżura kkontestata mill-investitur li tkun ġiet adottata mill-Istat ospitanti tal-investiment jew mill-Unjoni, inevitabbilment ikollu jipproċedi, fuq il-bażi tal-informazzjoni u tal-argumenti ppreżentati lilu minn dak l-investitur kif ukoll minn dak l-Istat jew mill-Unjoni, għal eżami tal-portata tal-miżura msemmija. Dan l-eżami jista’, jekk ikun il-każ, ikun jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni tal-liġi domestika tal-Parti konvenuta. Issa, hekk kif jindika mingħajr ambigwità l-Artikolu 8.31(2) taċ-CETA, l-imsemmi eżami ma jistax jiġi pparagunat ma’ interpretazzjoni, mit-Tribunal taċ-CETA, ta’ dan id-dritt nazzjonali, iżda huwa, għall-kuntrarju, teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dritt bħala kwistjoni ta’ fatt, peress li dan it-tribunal huwa, f’dan ir-rigward, marbut li jsegwi l-interpretazzjoni prevalenti tad-dritt imsemmi mogħtija mill-qrati u mill-awtoritajiet tal-Parti msemmija, u dawn il-qrati kif ukoll dawn l-awtoritajiet ma humiex marbuta mis-sens li jingħata lid-dritt domestiku tagħhom mill-imsemmi tribunal.

    132

    In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni sabiex jinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni differenti mid-dispożizzjonijiet taċ-CETA huwa wkoll rifless fl-Artikolu 8.21 ta’ dan il-ftehim, li jagħti mhux lit-Tribunal taċ-CETA, iżda lill-Unjoni l-ġurisdizzjoni biex tiddetermina, meta investitur Kanadiż ikollu l-intenzjoni li jikkontesta l-miżuri adottati minn Stat Membru u/jew mill-Unjoni, jekk it-tilwima għandhiex, fid-dawl tar-regoli ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, titressaq kontra dak l-Istat Membru jew l-Unjoni. Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha hija għalhekk miżmuma, peress li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA hija f’dan ir-rigward distinta mill-abbozz ta’ ftehim li kien is-suġġett tal-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454 (punti 224 sa 231).

    133

    It-Tribunal tal-Appell taċ-CETA lanqas ma ser jintalab jinterpreta jew japplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni barra d-dispożizzjonijiet taċ-CETA. Fil-fatt, l-Artikolu 8.28(2)(a) ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi li t-Tribunal tal-Appell jista’ “jappoġġa, jimmodifika jew jaqleb id-deċiżjoni tat-Tribunal abbażi ta’ […] żbalji fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tal-liġi applikabbli”, sa fejn din il-“liġi applikabbli” tkun tikkonċerna, fid-dawl tal-liġi li tista’ tiġi applikata mit-Tribunal taċ-CETA skont l-Artikolu 8.31(1) ta’ dan il-ftehim, liċ-CETA kif ukoll lir-regoli u lill-prinċipji tad-dritt internazzjonali li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat u applikat l-imsemmi ftehim. Għalkemm l-Artikolu 8.28(2)(b) taċ-CETA jżid li t-Tribunal tal-Appell jista’ wkoll jikkonstata “żbalji evidenti fl-evalwazzjoni tal-fatti, inkluża l-evalwazzjoni tal-liġi domestika rilevanti”, madankollu, minn dak li ntqal jirriżulta li ma hijiex l-intenzjoni tal-Partijiet li jagħtu lit-Tribunal tal-Appell setgħa ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

    134

    Peress li t-Tribunal u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA huma esterni għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u l-ġurisdizzjoni ta’ interpretazzjoni tagħhom hija limitata għad-dispożizzjonijiet taċ-CETA fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-partijiet, huwa, għall-kumplament, koerenti li ċ-CETA ma jipprevedi ebda proċedura ta’ involviment minn qabel li jawtorizza jew jobbliga lit-Tribunal jew lit-Tribunal tal-Appell li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

    135

    Għall-istess raġunijiet, huwa, barra minn hekk, koerenti li ċ-CETA jagħti lil dawn it-tribunali s-setgħa li jaqtgħu b’mod definittiv it-tilwima mressqa minn investitur kontra l-Istat ospitanti tal-investiment tiegħu jew kontra l-Unjoni, mingħajr ma jistabbilixxi proċedura ta’ reviżjoni tas-sentenza minn qorti ta’ dan l-Istat jew mill-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr ma jippermetti lill-investitur — bla ħsara għall-eċċezzjonijiet immirati elenkati fl-Artikolu 8.22(5) taċ-CETA — li jressaq, matul jew wara l-proċedura quddiem it-tribunali msemmija, l-istess tilwima quddiem qorti tal-imsemmi Stat jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    136

    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA ma tagħti lit-Tribunali previsti ebda setgħa ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni barra dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim.

    3. Fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-qafas kostituzzjonali tagħha

    137

    Ir-Renju tal-Belġju u xi wħud mill-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet enfasizzaw li, sabiex jinqatgħu t-tilwimiet li jitressqu quddiemu kontra l-Unjoni, it-Tribunal taċ-CETA jista’, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-fatti rilevanti, li jistgħu jinkludu d-dritt primarju li abbażi tiegħu tkun ġiet adotta l-miżura kkontestata, jibbilanċja l-interess ikkostitwit mil-libertà tal-intrapriża invokat mill-investitur rikorrent mal-interessi pubbliċi, stabbiliti fit-Trattati UE u FUE kif ukoll fil-Karta, invokati mill-Unjoni insostenn tad-difiża tagħha.

    138

    B’hekk, dan it-tribunal ikun jista’, mingħajr madankollu ma jagħmel interpretazzjoni ta’ dawn it-Trattati jew tal-Karta, iwettaq evalwazzjoni tal-portata tagħhom u jiddeċiedi fuq il-bażi tal-imsemmi bilanċ, b’mod partikolari, jekk il-miżura tal-Unjoni tkunx “ġusta u ekwa” fis-sens tal-Artikolu 8.10 taċ-CETA, jekk din tikkostitwixxix esproprjazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 8.12 ta’ dan il-ftehim, jew jekk din għandhiex titqies li tkun restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà ta’ pagamenti u ta’ trasferimenti ta’ kapital kif previst fl-Artikolu 8.13 tal-imsemmi ftehim. L-imsemmi tribunal jista’ għalhekk jiddeċiedi dwar atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet paralleli għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tagħmel fir-rigward tal-istess atti tad-dritt sekondarju. Issa, tali evalwazzjonijiet tat-Tribunal taċ-CETA jwasslu għal deċiżjonijiet finali li jorbtu lill-Unjoni. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali sitwazzjonijiet, li jistgħu jkunu frekwenti, jippreġudikawx il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni.

    139

    Sabiex tingħata risposta għal din il-mistoqsija, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investiment”, li tinsab fl-Artikolu 8.1 taċ-CETA, hija partikolarment wiesgħa u b’hekk tippermetti li t-Tribunali previsti jiġu aditi b’firxa wiesgħa ta’ tilwim. Dawk introdotti kontra l-Unjoni jew Stat Membru jistgħu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet immirati msemmija fiċ-CETA, jikkonċernaw miżuri f’kull qasam li jikkonċerna, fl-Unjoni, l-operat ta’ impriżi u l-użu ta’ proprjetà mobbli u immobbli, ta’ titoli finanzjarji, ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, ta’ pretensjonijiet jew ta’ kull tip ieħor ta’ investiment.

    140

    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-Artikolu 8.21 taċ-CETA, li jagħti lill-Unjoni s-setgħa li tiddetermina jekk, fil-każ ta’ lment ippreżentat quddiem it-Tribunal minn investitur Kanadiż, tassumix hija stess ir-rwol ta’ konvenuta jew tħallix dan il-kompitu lill-Istat Membru ospitanti tal-investiment, l-Unjoni ma tkunx tista’ tirrifjuta, meta l-miżura kkontestata tkun ġiet adottata minnha, li dik il-miżura tiġi eżaminata minn dan it-tribunal. Fil-fatt, mir-regoli proċedurali stabbiliti fiċ-CETA, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8.25(1) ta’ dan il-ftehim, jirriżulta li l-konvenut, kemm jekk ikun l-Istat Membru ospitanti tal-investiment jew l-Unjoni nnifisha, għandu jaċċetta li t-tilwima tiġi riżolta mill-imsemmi Tribunal.

    141

    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, permezz tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investitur” imsemmi fl-Artikolu 8.1 tiegħu, kif ukoll permezz tal-preċiżazzjoni li tinsab fil-punt 6(d) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt, iċ-CETA jillimita d-dritt ta’ tressiq ta’ tilwima quddiem it-Tribunal taċ-CETA kontra l-Unjoni jew Stat Membru għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jippreżentaw rabta reali mal-Kanada, xorta jibqa’ l-fatt li tali ftehim jippermetti lil dawn il-persuni jikkontestaw, quddiem dan it-tribunal, kull “miżura”, fis-sens tal-Artikolu 1.1 taċ-CETA, kif iddefinita fil-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, permezz tal-Artikolu 8.2 tiegħu.

    142

    Peress li l-imsemmi Artikolu 1.1 jiddefinixxi l-kelma “miżura” bħala li jinkludi “liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, rekwiżit, prassi jew kwalunkwe forma oħra ta’ miżura minn Parti”, it-tilwim kontra l-Unjoni jista’ jikkonċerna kull tip ta’ att jew ta’ prattika tagħha, kemm-il darba, skont l-Artikolu 8.2 taċ-CETA, moqri flimkien mat-Taqsimiet C, D u F tal-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, l-att jew il-prattika inkwistjoni “taffettwa”“investiment kopert”, skont l-Artikolu 8.1 tal-istess ftehim jew l-“investitur tal-Parti l-oħra” fir-rigward ta’ dan l-imsemmi investiment.

    143

    B’hekk, għalkemm miċ-CETA jirriżulta li t-tilwima għandha tirrigwarda miżura li tikkonċerna lir-rikorrent jew lill-investiment kopert tiegħu, dan il-ftehim madankollu ma jeskludix li din il-miżura jkollha portata ġenerali jew timplimenta att ta’ portata ġenerali.

    144

    Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-Tribunal taċ-CETA ma jistax, kif jirriżulta mill-kelma “biss” li tinsab fl-Artikolu 8.39(1) ta’ dan il-ftehim u mill-kliem tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, la jirrevoka l-miżura kkontestata jew jeżiġi t-tqegħid f’konformità tal-liġi domestika tal-Parti kkonċernata maċ-CETA u lanqas jimponi sanzjoni fuq il-Parti konvenuta, madankollu, meta jikkonstata li din il-miżura tikser waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima C jew D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, huwa jista’ jordna, skont l-Artikolu 8.39(1), lill-Parti konvenuta tħallas lill-investitur rikorrent somma intiża li tikkumpensa d-dannu subit minnu minħabba l-imsemmi ksur, u li tinkludi l-interessi kollha applikabbli.

    145

    Ladarba l-Artikolu 8.41(2) taċ-CETA jippreċiża li “parti fil-kawża għandha tirrikonoxxi u tikkonforma ma’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mingħajr dewmien”, l-Unjoni jkollha tipproċedi għall-ħlas ta’ din is-somma meta tiġi kkundannata permezz ta’ sentenza definittiva tat-Tribunal taċ-CETA jew, skont il-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 8.28(9) ta’ dan il-ftehim, tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA.

    146

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 8.39(1)(a) taċ-CETA, għat-Tribunali previsti biex jordnaw il-ħlas ta’ danni favur investitur privat, huwa aspett tas-sistema ISDS stabbilita minn dan il-ftehim, li jiddistingwi din is-sistema mis-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet kontraenti li jinsab fis-seħħ fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), peress li din is-sistema hija bbażata fuq negozjati bejn il-partijiet kontraenti u tinkludi diversi għażliet għall-implimentazzjoni tas-sentenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 116).

    147

    Il-karatteristiċi tal-ġurisdizzjoni tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA esposti fil-punti 139 sa 145 ta’ din l-opinjoni huma, ċertament, konsistenti mal-protezzjoni tal-investituri barranin prevista minn dan il-ftehim.

    148

    Madankollu, bla ħsara għal każijiet fejn il-partijiet ikunu ftehmu, fi ħdan iċ-CETA, li japprossimaw il-liġijiet tagħhom, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn it-tribunali tkun qed tippreġudika l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jekk tkun mgħammra b’tali mod li l-imsemmija tribunali jkunu jistgħu, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħhom tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ impriża msemmija f’ilment, ipoġġu indiskussjoni l-livell ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku li tkun wasslet għall-introduzzjoni ta’ tali restrizzjonijiet mill-Unjoni fil-konfront tal-operaturi kollha li jinvestu fis-settur kummerċjali jew industrijali inkwistjoni tas-suq intern, pjuttost milli jillimitaw ruħhom li jivverifikaw jekk it-trattament ta’ investitur jew ta’ investiment kopert ikunx ivvizzjat b’difett imsemmi fil-Kapitolu Tmienja tat-Taqsima C jew D taċ-CETA.

    149

    Fil-fatt, kieku t-Tribunal u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA jkollhom ġurisdizzjonui sabiex jadottaw sentenzi li jikkonstataw li t-trattament ta’ investitur Kanadiż ikun inkompatibbli maċ-CETA minħabba l-livell ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbilit mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, din tal-aħħar tkun mhedda li, b’riskju ripetut li tiġi mġiegħla mit-Tribunal taċ-CETA tħallas danni lill-investitur rikorrent, ikollha tirrinunzja li tilħaq dan il-livell ta’ protezzjoni.

    150

    Kieku l-Unjoni kellha tikkonkludi ftehim internazzjonali li jista’ jkollu bħala effett li l-Unjoni jew Stat Membru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ikollha temenda jew tirtira leġiżlazzjoni minħabba evalwazzjoni mwettqa minn tribunal estern għas-sistema ġudizzjarja tagħha dwar il-livell ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbilit, konformement mal-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni, mill-istituzzjonijiet tagħha, ikollu jiġi konkluż li tali ftehim ikun ixekkel il-kapaċità tal-Unjoni li taħdem b’mod awtonomu fil-qafas kostituzzjonali tagħha stess.

    151

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tali leġiżlazzjoni għandha tiġi adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni wara l-proċess demokratiku ddefinit fit-Trattati UE u FUE, u għandha tkun, skont il-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE, kemm xierqa kif ukoll neċessarja sabiex jintlaħaq għan leġittimu tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 19 TUE, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiżgura l-istħarriġ tal-konformità tal-livell ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi stabbiliti minn tali leġiżlazzjoni, b’mod partikolari, mat-Trattati UE u FUE, mal-Karta, u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    152

    F’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tat-Tribunali previsti biex jikkonstataw ksur tal-obbligi li jinsabu fit-Taqsima C tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, l-Artikolu 28.3(2) ta’ dan il-ftehim jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima C ma jkunux jistgħu jiġu interpretati bħala li jimpedixxu lil Parti milli tadotta u tapplika l-miżuri meħtieġa għat-tħaris tas-sigurtà pubblika jew tal-moralità pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubblika, għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali jew għall-preżervazzjoni tal-pjanti, bl-unika kundizzjoni li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli bejn il-Partijiet fejn ikunu jeżistu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet.

    153

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal taċ-CETA ma għandux ġurisdizzjoni biex jirrikonoxxi n-natura inkompatibbli maċ-CETA tal-livell ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbilit mill-miżuri tal-Unjoni msemmija fil-punt 152 ta’ din l-opinjoni u, fuq din il-bażi, biex jikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas tad-danni.

    154

    Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tat-Tribunali previsti bil-għan li jikkonstataw ksur tal-obbligi li jinsabu fit-Taqsima D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, l-Artikolu 8.9(1) ta’ dan il-ftehim ifakkar b’mod espliċitu d-dritt tal-Partijiet “ta’ regolamentazzjoni fit-territorji tagħhom sabiex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sikurezza, tal-ambjent jew tal-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali”. Barra minn hekk, l-Artikolu 8.9(2) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li “[g]ħal aktar ċertezza, il-fatt biss li Parti tirregola, inkluż permezz tal-modifika tal-liġijiet tagħha, b’mod li jkollu impatt negattiv fuq investiment jew jinterferixxi mal-aspettattivi ta’ investitur, inkluż l-aspettattivi ta’ profitt, ma jammontax għal ksur ta’ obbligu taħt din it-Taqsima”.

    155

    Barra minn hekk, il-punt 1(d) u l-punt 2 tal-Istrument Interpretattiv Konġunt jipprovdu li ċ-CETA “lanqas mhu ħa jbaxxi l-istandards u r-regolamenti rispettivi [ta’ kull Parti] marbuta mas-sikurezza tal-ikel, is-sigurtà tal-prodotti, il-ħarsien tal-konsumatur, is-saħħa, l-ambjent jew il-protezzjoni tax-xogħol”, li “[l-]prodotti importati, il-fornituri ta’ servizzi u l-investituri jridu jkomplu jirrispettaw ir-rekwiżiti nazzjonali, fosthom ir-regoli u r-regolamenti”, u li ċ-CETA “jippreserva l-abbiltà tal-Unjoni […] u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku”.

    156

    Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA ma testendix sal-punt li tippermettilhom li jpoġġu indiskussjoni l-livell ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku ddefinit mill-Unjoni fl-aħħar ta’ proċess demokratiku.

    157

    Din hija wkoll il-portata tal-punt 3 tal-Anness 8-A taċ-CETA, li jgħid li “[g]ħal aktar ċertezza, ħlief f’ċirkostanzi rari fejn l-impatt ta’ miżura jew serje ta’ miżuri jkun tant gravi fid-dawl tal-għan tiegħu li jidher manifestament eċċessiv, miżuri mhux- diskriminatorji ta’ Parti li jkunu mfassla u applikati biex jipproteġu linteressi pubbliċi leġittimi, bħas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent, ma jikkostitwixxux esproprjazzjoni indiretta.”

    158

    Għandu jingħad ukoll li l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal taċ-CETA sabiex jikkonstata ksur tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 8.10 taċ-CETA, li jingħata “trattament ġust u ekwu” għall-investimenti msemmija, hija speċifikament limitata, peress li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jelenka b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom tista’ ssir tali konstatazzjoni.

    159

    F’dan ir-rigward, il-Partijiet iffokaw b’mod partikolari fuq sitwazzjonijiet ta’ trattament abbużiv, trattament arbitrarju manifest u diskriminazzjoni diretta, liema ħaġa turi għal darba oħra li l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku, kif stabbilit fl-aħħar ta’ proċess demokratiku, ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni mogħtija lit-Tribunali previsti biex jivverifikaw jekk trattament mogħti minn Parti lil investitur jew lil investiment kopert jkunx “ġust u ekwu”.

    160

    B’hekk, minn dawn il-klawżoli kollha li jinsabu fiċ-CETA jirriżulta li, meta ddelimitaw espressament il-portata tat-Taqsimiet C u D tal-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, l-uniċi taqsimiet li jistgħu jiġu invokati quddiem it-Tribunali previsti fit-Taqsima F ta’ dan il-kapitolu, il-Partijiet ħadu ħsieb li jeskludu kull ġurisdizzjoni, għal dawn il-qrati, li jpoġġu indiskussjoni l-għażla demokratika fi ħdan Parti fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika, tal-moralità pubblika, tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali jew ta’ preservazzjoni tas-sikurezza tal-ikel, tal-pjanti, tal-ambjent, tal-benessri fuq ix-xogħol, tas-sigurtà tal-prodotti, tal-konsumaturi jew tad-drittijiet fundamentali.

    161

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA ma tippreġudikax l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    B.   Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u mar-rekwiżit ta’ effettività

    1. Prinċipji

    162

    Il-mistoqsijiet magħmula fit-talba għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirrigwardaw il-konformità ta’ dan il-mekkaniżmu mal-Artikolu 20 tal-Karta, li jipprovdi l-garanzija tal-“ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, u l-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità.

    163

    Madankollu, skont diversi Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kunsill, ma huwiex meħtieġ li l-mekkaniżmu msemmi jkun kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta.

    164

    Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk it-talba għal opinjoni, li titlob li tittieħed pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA “mat-Trattati, inklużi d-drittijiet fundamentali”, teħtieġx eżami fir-rigward tal-Karta.

    165

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni għandhom ikunu kompletament kompatibbli mat-Trattati kif ukoll mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 67, u s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 46).

    166

    L-Artikolu 218(11) TFUE, li jistipula li Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim maħsub “mat-Trattati”, għandu jinftiehem fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit ġenerali ta’ kompatibbiltà mal-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni.

    167

    Għandu għalhekk ikun possibbli li jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fid-dawl tat-Trattati. F’dan ir-rigward, sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattati tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mhux biss minn dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali previst mal-garanziji rrikonoxxuti mill-Karta, peress li din tal-aħħar għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 70).

    168

    Fir-rigward tal-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[f]il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita”, dan jikkorrispondi, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

    169

    Issa, kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE ma japplikax fil-każ ta’ differenza eventwali ta’ trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 52).

    170

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 21(2) tal-Karta huwa irrilevanti fir-rigward, kif isostni r-Renju tal-Belġju, tal-eżami tal-punt jekk il-mekkaniżmu ISDS previst jistax iwassal għal diskriminazzjoni tal-investituri tal-Unjoni meta mqabbla mal-investituri Kanadiżi.

    171

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20 tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, ma jipprovdi l-ebda limitazzjoni espliċita tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u għalhekk japplika għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 19 sa 21; tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 72, u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 49).

    172

    L-istess bħal, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-investimenti magħmula fl-Unjoni mill-impriżi u mill-persuni fiżiċi tal-Istati Membri, dawk magħmula fl-Unjoni mill-impriżi u mill-persuni fiżiċi Kanadiżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, fil-kamp tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi ggarantita mill-Artikolu 20 tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt fundamentali jestendi għal kull persuna li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

    173

    Huwa minnu li, hekk kif osserva l-Kunsill, l-Artikolu 20 tal-Karta ma jobbligax lill-Unjoni li tippermetti, fir-relazzjonijiet esterni tagħha, trattament ugwali lil diversi Stati terzi (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Swiss International Air Lines, C‑272/15, EU:C:2016:993, punti 24 sa 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    174

    Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 198 u 199 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza ma tipprekludix li jiġi eżaminat jekk ftehim internazzjonali, sa fejn dan joħloq differenza fit-trattament, fl-Unjoni stess, bejn l-impriżi u l-persuni fiżiċi ta’ Stat terz għad-detriment ta’ dawk tal-Istati Membri, jikser l-Artikolu 20 tal-Karta.

    175

    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-mistoqsijiet imqajma f’din il-parti tat-talba għal opinjoni mill-perspettiva tal-Artikolu 20 tal-Karta.

    176

    L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita f’dan l-artikolu, tistabbilixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et,C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 35).

    177

    Ir-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan imfittex mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu dan l-att (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26; tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 42, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42). Sakemm is-sitwazzjonijiet ma jkunux paragunabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 84).

    178

    F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, ir-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, it-talba għal opinjoni tirreferi għalih biss fil-kuntest ta’ talba speċifika, li tirrigwarda l-każ li fih it-Tribunal taċ-CETA jikkonstata li l-impożizzjoni, abbażi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ multa fuq investitur Kanadiż tkun inkompatibbli mat-Taqsima C jew D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA. Għalhekk, jeħtieġ li din il-mistoqsija tiġi eżaminata mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li jesprimi l-projbizzjoni ta’ tfixkil fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE intiżi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    2. Dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    179

    It-trattament differenti invokat fit-talba għal opinjoni jirriżulta mill-impossibbiltà, għall-impriżi u l-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li jinvestu fl-Unjoni, u li għalhekk huma suġġetti għad-dritt tagħha, li jikkontestaw miżuri tal-Unjoni quddiem tribunali previsti miċ-CETA, filwaqt li l-kumpanniji u l-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-istess settur kummerċjali jew industrijali tas-suq intern tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkontestaw dawn il-miżuri quddiem it-tribunali msemmija.

    180

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-impriżi u l-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-Unjoni jinsabu, fid-dawl tal-għan u tal-iskop taċ-CETA, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li jinvestu fil-Kanada, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex paragunabbli għal dik tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li jinvestu fl-Unjoni.

    181

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà, għall-impriżi u għall-persuni fiżiċi Kanadiżi li jinvestu fl-Unjoni, li jinvokaw iċ-CETA quddiem it-Tribunali previsti, hija intiża li tagħti lil dawn l-investituri rimedju speċifiku kontra miżuri tal-Unjoni, filwaqt li l-impriżi u l-persuni fiżiċi tal-Istati Membri li, bħal fil-każ tal-imsemmija persuni Kanadiżi, jinvestu fl-Unjoni, ma jkollhomx aċċess għal dan ir-rimedju u barra minn hekk ma jkunux jistgħu, fid-dawl tar-regola li tinsab fl-Artikolu 30.6(1) taċ-CETA, jinvokaw direttament ir-regoli li jinsabu f’dan il-ftehim quddiem il-qrati tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

    182

    Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 180 ta’ din l-opinjoni ma hijiex invalidata mill-fatt, imsemmi fit-talba għal opinjoni, li d-danni mogħtija mit-Tribunal taċ-CETA lil investitur Kanadiż ikollhom, skont l-Artikolu 8.39(2)(a) ta’ dan il-ftehim, jitħallsu lill-impriża stabbilita fl-Unjoni li dan l-investitur jippossjedi jew jikkontrolla, meta jkun f’isem din l-“intrapriża stabbilita lokalment” li l-investitur imsemmi jkun ressaq l-ilment tiegħu quddiem dan it-tribunal.

    183

    F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 193 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali impriża tkun investiment hija stess ta’ dak l-investitur Kanadiż, b’tali mod li l-involviment ta’ dik l-impriża fil-proċedura quddiem it-Tribunali previsti u fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ma tistax tbiddel ir-riżultat imsemmi iktar ’il fuq tal-eżami tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tal-investituri Kanadiżi ma’ dik tal-investituri tal-Unjoni.

    184

    L-ugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni lanqas ma hija affettwata mill-fatt li l-partijiet ikunu naqsu milli jeskludu l-possibbiltà, għat-Tribunal taċ-CETA, li jagħti deċiżjoni li tgħid li l-multa imposta mill-Kummissjoni jew minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru fuq investitur Kanadiż minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, tikkostitwixxi ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet C u D tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA.

    185

    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-Taqsimiet C u D, tali deċiżjoni tkun konċepibbli biss fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni li timponi l-multa tirriżulta li tkun ivvizzjata minn wieħed mid-difetti msemmija fl-Artikolu 8.10(2) taċ-CETA jew iċaħħad lill-investitur mill-attributi fundamentali tal-investiment tiegħu, inkluż mid-dritt li juża, li jgawdi u li jiddisponi mill-investiment tiegħu, fis-sens tal-Anness 8-A(1)(b) ta’ dan il-ftehim. Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni ma tistax tingħata meta tkun saret applikazzjoni regolari tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni jew minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, peress li l-partijiet għaċ-CETA jkunu ammettew espressament, fl-Artikolu 17.2 tiegħu, “l-importanza ta’ kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” u rrikonoxxa “li komportament kummerċjali antikompetittiv għandu l-potenzjal li jfixkel il-funzjonament kif suppost tas-swieq u jikkomprometti l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ”

    186

    Issa, jekk multa vvizzjata minn tali difett jew li għandha tali effett ta’ esproprjazzjoni tiġi imposta mill-Kummissjoni jew minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru fuq investitur tal-Unjoni, dan ikollu r-rimedji neċessarji sabiex din il-multa tiġi annullata. Minn dan isegwi li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, deċiżjoni tat-Tribunal taċ-CETA kif deskritta fit-talba għal opinjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza li tinnewtralizza l-effetti ta’ multa imposta minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, din madankollu ma jkollhiex l-effett li toħloq differenza fit-trattament għad-detriment ta’ investitur tal-Unjoni li fuqu tiġi imposta multa vvizzjata b’mod simili.

    3. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ effettività

    187

    Sa fejn it-talba għal opinjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà, għat-Tribunal taċ-CETA, li jagħti deċiżjoni li jkollha l-portata deskritta fil-punt 184 ta’ din l-opinjoni, tirriskjax li tikkomprometti l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, huwa biss fil-każijiet, esposti fil-punt 185 ta’ din l-opinjoni, fejn tali deċiżjoni tkun tidher konċepibbli, li n-newtralizzazzjoni tal-multa ma tkunx toħloq tali riskju. Fil-fatt, hekk kif ġie espost fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni, id-dritt tal-Unjoni stess jippermetti l-annullament tal-multa meta din tkun ivvizzjata b’difett li jikkorrispondi ma’ dak li jista’ jikkonstata t-Tribunal taċ-CETA.

    188

    Għalhekk, peress li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA ma tostakolax l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE intiżi li jiggarantixxu ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern, għandu jiġi konkluż, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 178 ta’ din l-opinjoni, li din ma tippreġudikax ir-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    C.   Dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ISDS previst mad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti

    1. Prinċipji

    189

    Fit-talba tiegħu għal opinjoni, ir-Renju tal-Belġju rrefera għad-dritt, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju quddiem “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, kif ukoll għal “aċċess effettiv għall-ġustizzja” impost fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu.

    190

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 47, li l-Unjoni hija marbuta li tosserva abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 165 u 167 ta’ din l-opinjoni, jirriżulta li, meta tikkonkludi ftehim internazzjonali li jinkludi l-istabbiliment ta’ korpi b’karatteristiċi ġudizzjarji predominanti u intiżi li jsolvu t-tilwim bejn investituri privati u Stati, bħat-Tribunal u t-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, l-Unjoni hija suġġetta, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ aċċess għal dawn il-korpi u l-indipendenza tagħhom, għad-dispożizzjonijiet tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    191

    Għalhekk, l-Unjoni għandha tiżgura, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ tali korpi kif ukoll tal-kuntest internazzjonali li fih jaqgħu l-korpi msemmija, li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA u kull test ieħor li jiddetermina l-portata tagħhom, jiżguraw li, ladarba dan il-ftehim ikun konkluż u implimentat, it-Tribunali stabbiliti jkollhom, kull wieħed, il-karatteristiċi ta’ qorti aċċessibbli u indipendenti.

    192

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Istat terz li miegħu l-Unjoni tinnegozja l-ftehim ma huwiex kopert mill-garanziji offruti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, għalkemm il-Kanada ċertament ma hijiex marbuta b’dawn il-garanziji, madankollu l-Unjoni hija, u għaldaqstant ma tistax, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 165 u 167 ta’ din l-opinjoni, tikkonkludi ftehim li jistabbilixxi tribunali b’ġurisdizzjoni sabiex jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-Unjoni u biex jittrattaw tilwim li jitressaq quddiemhom minn individwi fl-Unjoni mingħajr ma jkunu offruti l-garanziji msemmija.

    193

    Il-konklużjoni msemmija lanqas ma hija invalidata mill-fatt li l-mekkaniżmu ISDS previst huwa, hekk kif ġie osservat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, “ibridu” peress li fih, minbarra karatteristiċi ġudizzjarji, diversi elementi li jibqgħu bbażati fuq il-mekkaniżmi tradizzjonali tal-arbitraġġ dwar l-investiment.

    194

    F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-regoli li jinsabu fit-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA dwar l-introduzzjoni tal-kawżi quddiem it-Tribunal taċ-CETA huma fil-parti l-kbira ispirati mill-mekkaniżmi ISDS tradizzjonali, dan ma japplikax għar-regoli dwar il-kompożizzjoni ta’ dan it-tribunal u għat-trattament ta’ dawn il-kawżi.

    195

    B’mod partikolari, l-Artikolu 8.27 taċ-CETA, li jipprevedi l-istabbiliment ta’ Tribunal permanenti ta’ ħmistax-il membru u li fil-paragrafu 7 tiegħu jipprovdi li diviżjoni ta’ tliet membri għandha tkun inkarigata “li tisma’ l-kawżi fuq bażi ta’ rotazzjoni, u [t]iżgura li l-formazzjoni tad-diviżjonijiet tkun aleatorja u imprevedibbli”, u l-Artikolu 8.28(5) ta’ dan il-ftehim, li jgħid li d-diviżjoni tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA kkostitwita biex tisma’ l-appell għandha tkun tikkonsisti minn tliet membri magħżula każwalment, jikkuntrastaw mar-regoli ta’ arbitraġġ u jikkonkretizzaw ir-rieda tal-Partijiet, espressa fil-punt 6(f) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt, li “[i]s-CETA jitbiegħed b’mod deċiżiv mill-approċċ tradizzjonali għas-soluzzjoni ta’ tilwim fl-investiment u jistabbilixxi Tribunali indipendenti, imparzjali u permanenti tal-investiment, ispirati mill-prinċipji ta’ sistemi ġudizzjarji”.

    196

    Il-“bidla importanti u radikali fir-regoli u fis-soluzzjoni għat-tilwim fl-investimenti”, ikkonstatata bħala konklużjoni mill-Partijiet fil-punt 6(i) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt, hija indikata wkoll, skont il-punt 6(g) tiegħu, mill-fatt li ċ-CETA tipprevedi mekkaniżmu ta’ appell sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata “l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Prim’Istanza”.

    197

    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa meħtieġ li jkun magħruf jekk il-partijiet humiex ser jikkwalifikaw formalment lil dawn it-tribunali bħala “korpi ġudizzjarji” u lanqas jekk il-membri tagħhom humiex ser ikollhom, hekk kif tissuġġerixxi d-dikjarazzjoni Nru 36, it-titolu ta’ “imħallef”, mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-imsemmija tribunali ser jeżerċitaw essenzjalment funzjonijiet ġudizzjarji. Dawn ser ikunu permanenti u ser ikollhom oriġini legali li tinsab fl-atti ta’ approvazzjoni taċ-CETA adottati mill-Partijiet. Dawn għandhom japplikaw, fi tmiem proċedura kontenzjuża, ir-regoli tad-dritt, għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti, u għandhom jadottaw deċiżjonijiet finali u vinkolanti.

    198

    Fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tat-tribunali msemmija, għandu jiġi rrilevat li din il-ġurisdizzjoni hija imposta mhux biss fir-rigward tal-konvenut, li għandu jaċċetta din skont l-Artikolu 8.25 taċ-CETA, iżda wkoll fir-rigward tal-investitur rikorrent, fl-ipoteżi fejn dan ikun irid jinvoka direttament id-dispożizzjonijiet taċ-CETA. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 30.6 taċ-CETA jċaħħad lill-investituri mill-possibbiltà li jinvokaw direttament iċ-CETA quddiem il-qrati domestiċi tal-Partijiet, kull azzjoni bbażata direttament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandha titressaq quddiem it-Tribunal taċ-CETA. Sussegwentement, kull appell minn deċiżjoni ta’ dan it-tribunal għandu jiġi ppreżentat quddiem it-Tribunal tal-Appell taċ-CETA.

    199

    F’dak li jikkonċerna l-livell ta’ aċċessibbiltà u ta’ indipendenza li għandhom jissodisfaw dawn it-tribunali sabiex it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni fiċ-CETA ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trattament mhux diskriminatorju u ta’ protezzjoni tal-investimenti, u l-istabbiliment ta’ Tribunali esterni għas-sistemi ġudizzjarji tal-Partijiet biex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom l-għan li jagħtu fiduċja sħiħa lill-impriżi u lill-persuni fiżiċi ta’ Parti li dawn ser jiġu ttrattati, fir-rigward tal-investimenti tagħhom fit-territorju tal-Parti l-oħra, fuq bażi ugwali ma’ impriżi u persuni fiżiċi ta’ din tal-aħħar, u li huma ser jibbenefikaw mis-sigurtà tal-investimenti tagħhom fit-territorju ta’ dik il-Parti l-oħra.

    200

    Billi tipprevedi l-ħolqien ta’ tali mekkaniżmu estern għas-sistemi ġudizzjarji tal-Partijiet, it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA, hekk kif osservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandha l-għan li tiżgura li l-imsemmija fiduċja tal-investituri barranin testendi għall-qorti kompetenti biex tikkonstata ksur, min-naħa tal-Istat ospitanti tal-investiment tagħhom, tat-Taqsimiet C u D ta’ dan il-kapitolu. Għalhekk, jidher li l-indipendenza tat-Tribunali previsti fir-rigward tal-Istat ospitanti u l-aċċess għal dawn it-tribunali għall-investituri barranin, huma marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-kummerċ ħieles u ġust stabbilit fl-Artikolu 3(5) TUE u mfittex miċ-CETA.

    201

    Fir-rigward tal-garanzija ta’ aċċessibbiltà, din timplika li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8.18 taċ-CETA għal kull investitur imsemmi fl-Artikolu 8.1 ta’ dan il-ftehim li jressaq tilwima quddiem it-Tribunal taċ-CETA sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-imsemmija Taqsima Ċ jew D, tkun tista’ tkun limitata biss minn restrizzjonijiet proporzjonati, inklużi dawk marbuta mal-ħlas tal-ispejjeż ġudizzjarji, li jfittxu għan leġittimu u li ma jippreġudikawx is-sustanza stess tad-dritt ta’ aċċess għal tali tribunal (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    202

    Min-naħa tiegħu, ir-rekwiżit ta’ indipendenza huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni u jimplika żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jissuponi li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kull sors li jkun, u b’hekk tkun protetta mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-libertà indispensabbli fir-rigward ta’ dawn l-elementi esterni teżiġi ċerti garanziji xierqa sabiex jipproteġu lill-persuna ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, bħall-impossibbiltà ta’ tneħħija. Ir-riċezzjoni minnhom ta’ livell ta’ remunerazzjoni adegwata fil-konfront tal-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati minnhom jikkostitwixxi wkoll garanzija inerenti għall-indipendenza (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja),C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 6364, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    203

    It-tieni aspett, ta’ natura interna, jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u tal-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tal-kawża lil hinn mill-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja),C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    204

    Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-qorti, il-ħatra, it-tul tal-funzjonijiet kif ukoll ir-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għar-revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-qorti msemmija fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkollha quddiemha (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja),C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66).

    2. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ aċċessibbiltà

    205

    Mill-Artikoli 8.1 u 8.18 taċ-CETA jirriżulta li dan il-ftehim għandu l-għan li jagħmel it-Tribunal taċ-CETA aċċessibbli għal kull impriża u għal kull persuna fiżika Kanadiża li tinvesti fl-Unjoni kif ukoll għal kull impriża u għal kull persuna fiżika ta’ Stat Membru tal-Unjoni li tinvesti fil-Kanada.

    206

    F’dan ir-rigward, it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA tesprimi l-għan tal-Partijiet li jfasslu l-mekkaniżmu ISDS b’mod li l-investituri li jkollhom mezzi limitati sabiex iressqu proċedura oneruża, bħall-persuni fiżiċi u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, ikollhom, l-istess bħall-impriżi li jkollhom riżorsi iktar estensivi, aċċess effettiv għat-Tribunali previsti.

    207

    Għalhekk, il-Partijiet jistabbilixxu, fl-Artikolu 8.39(6) ta’ dan il-ftehim, li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA għandu “jikkunsidra regoli supplementali bl-għan li jnaqqsu l-piż finanzjarju fuq ir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi jew intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju”.

    208

    Il-“piż finanzjarju” li t-tnaqqis tiegħu għalhekk jitqiegħed fil-perspettiva, jinkludi, b’mod partikolari, it-tariffi u l-ispejjeż imsemmija fl-imsemmi Artikolu 8.39(5).

    209

    Dawn huma, minn naħa, spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ assistenza legali sostnuti kemm mill-investitur rikorrent kif ukoll mill-parti konvenuta. Mill-imsemmi Artikolu 8.39(5) jirriżulta li, fil-każ ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, l-investitur jirriskja li jġarrab dawn l-ispejjeż kollha.

    210

    L-imsemmi piż finanzjarju jikkonsisti, min-naħa l-oħra, fil-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura. F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-Artikolu 8.39(5) taċ-CETA u tal-Artikolu 8.27(14) tiegħu, jirriżulta li dawn l-ispejjeż jinkludu b’mod partikolari l-onorarji u l-ispejjeż tal-membri tat-Tribunal li jinħatru biex jittrattaw it-tilwima. L-investitur rikorrent jirriskja, fil-każ ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, li jkollu jaffaċċja dawn l-onorarji u dawn l-ispejjeż kollha.

    211

    Għalhekk, għal persuna fiżika jew impriża żgħira jew ta’ daqs medju, ir-riskju finanzjarju inkors bl-introduzzjoni ta’ proċedura quddiem it-Tribunal taċ-CETA jista’ jkun tant li jiddisswadi lil dak l-investitur milli jagħti bidu għall-proċedura.

    212

    Dan in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għat-Tribunal taċ-CETA, li jistgħu jiffaċċjaw diversi investituri, ma huwiex invalidat mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 8.27(9) taċ-CETA, li t-tilwima tinstema’ minn membru wieħed biss ta’ dan it-tribunal. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, dan it-tnaqqis parzjali tal-piż finanzjarju jinkiseb biss jekk il-konvenut jagħti l-kunsens tiegħu.

    213

    B’hekk jirriżulta li, fl-assenza ta’ sistema intiża li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà finanzjarja għat-Tribunal u għat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA lill-persuni fiżiċi u lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-mekkaniżmu ISDS jirriskja, fil-fatt, li jkun aċċessibbli biss għall-investituri li jkollhom riżorsi finanzjarji sinjifikattivi. Tali sitwazzjoni toħloq inkoerenza kemm mal-kamp ta’ applikazzjoni personali tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim CETA, li jestendi għall-impriżi u għall-persuni fiżiċi kollha ta’ waħda mill-Partijiet li jinvestu fit-territorju tal-Parti l-oħra, kif ukoll mal-għan tal-kummerċ ħieles u ġust, stabbilit fl-Artikolu 3(5) TUE, li ċ-CETA għandu l-għan li jwettaq, b’mod partikolari, permezz ta’ azzjoni offruta lil investituri barranin quddiem Tribunali esterni għas-sistema ġudizzjarja tal-Istat ospitanti.

    214

    Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim CETA mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi eżaminat jekk il-klawżoli, li jinsabu fit-Taqsima F u fit-testi li jiddefinixxu l-portata tagħha, dwar it-titjib tal-aċċessibbiltà finanzjarja tal-qrati previsti għall-persuni fiżiċi u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, jirriflettux l-impenji li tiġi implimentata sistema li tiżgura l-livell ta’ aċċessibbiltà meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta sa minn meta jiġu stabbiliti dawn it-tribunali.

    215

    Tali impenji ma jinsabu la fl-Artikolu 8.27(15) tal-Ftehim CETA, li jgħid li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA “jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jittrasforma l-ħlas regolari u ħlas ieħor f’salarju regolari”, u lanqas fl-Artikolu 8.39(6) ta’ dan il-ftehim, li jipprovdi li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA “għandu jikkunsidra” regoli kumplimentari intiżi li jnaqqsu l-piż finanzjarju fuq il-persuni fiżiċi u fuq l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

    216

    Lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA ma jinkludu impenji li jorbtu legalment fir-rigward tal-aċċessibbiltà finanzjarja tat-Tribunali previsti għall-investituri żgħar jew ta’ daqs medju.

    217

    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni Nru 36 tipprovdi li “[l]-aċċess għal din il-ġurisdizzjoni l-ġdida għall-utenti l-aktar dgħajfa, jiġifieri l-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju] u l-individwi, ser jittejjeb u ser jiġi ffaċilitat” u, għal dan il-għan, tipprevedi li “[l]-adozzjoni mill-[Kumitat Konġunt] ta’ regoli addizzjonali, prevista fl-Artikolu 8.39[(6) tas-CETA] […] ser issir b’tali mod li dawn ir-regoli addizzjonali jkunu jistgħu jiġu adottati mill-aktar fis possibbli” u li, “[i]rrispettivament mill-eżitu tad-diskussjonijiet fil-[Kumitat Konġunt], il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri adegwati ta’ (ko)finanzjament pubbliku tal-azzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u medji quddiem din il-qorti […]”.

    218

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw, malajr u b’mod xieraq, l-Artikolu 8.39(6) taċ-CETA, kif ukoll li jiżguraw l-aċċessibbiltà għat-Tribunali previsti għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u dan anki fl-ipoteżi fejn ifallu l-isforzi fi ħdan il-kumitat Konġunt taċ-CETA.

    219

    Dan l-impenn huwa biżżejjed, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni, biex jiġi konkluż li ċ-CETA, bħala “ftehim maħsub” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, huwa kompatibbli mar-rekwiżit tal-aċċessibbiltà tal-qrati msemmija.

    220

    Fil-fatt, skont sentenza ta’ spjegazzjoni li tippreċedi d-dikjarazzjonijiet li tifforma parti minnhom id-Dikjarazzjoni Nru 36, dawn “jifformaw parti integrali tal-kuntest li fih il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tas-CETA f’isem l-Unjoni. Dawn ser jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill f’din l-okkażjoni”.

    221

    Għalhekk, l-impenn tal-Unjoni msemmi iktar ’il fuq li jiġi żgurat l-aċċess effettiv għat-Tribunali previsti għall-investituri kollha tal-Unjoni kkonċernati miċ-CETA jikkundizzjona l-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-Dikjarazzjoni Nru 36, l-impenn imsemmi jifforma parti mill-“prinċipji” li abbażi tagħhom “[i]l-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bir-reviżjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim […], mingħajr dewmien, fi żmien suffiċjenti sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisuha fil-proċess ta’ ratifika tagħhom”. Fid-dawl tal-paragrafu preċedenti tal-istess dikjarazzjoni, li biha l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonfermaw li d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim CETA ma huwiex ser ikun qabel ir-ratifika taċ-CETA mill-Istati Membri kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni taċ-CETA mill-Kunsill hija maħsuba abbażi tal-premessa li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà finanzjarja tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA għall-investituri kollha tal-Unjoni kkonċernata.

    222

    Fid-dawl ta’ din ir-rabta fformulata, mill-Unjoni, bejn l-aċċessibbiltà finanzjarja tat-tribunali msemmija u l-konklużjoni taċ-CETA, għandu jitqies li l-ftehim previst ma huwiex inkompatibbli, minn din il-perspettiva, mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    3. Dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżit ta’ indipendenza

    223

    Fir-rigward tal-aspett estern tar-rekwiżit ta’ indipendenza, li jimplika li t-tribunali kkonċernati jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’awtonomija sħiħa, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li fl-Artikolu 8.27 tiegħu(4) u (5), iċ-CETA jipprovdi li l-membri tat-Tribunal taċ-CETA ser jinħatru għal mandati ta’ perijodu fiss u għandhom ikollhom għarfien speċjalizzat.

    224

    Sussegwentement, fl-Artikolu 8.27(12) sa (15) tiegħu, dan jiżgura li dawn il-membri għandhom jirċievu livell ta’ remunerazzjoni adegwat skont l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom.

    225

    Fl-aħħar nett, dan jiggarantixxi l-permanenza tal-membri msemmija, fejn il-possibbiltà ta’ revoka tagħhom hija, skont l-Artikolu 8.30(4) taċ-CETA, limitata għall-każ fejn l-imġiba ta’ membru ma tkunx konformi mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-projbizzjoni li jsegwi istruzzjonijiet ta’ ħaddieħor jew li jsib ruħu f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

    226

    L-Artikolu 8.28 taċ-CETA jestendi l-applikabbiltà tal-Artikolu 8.27(4) u tal-Artikolu 8.30 ta’ dan il-ftehim lill-membri tat-Tribunal tal-Appell. Għalkemm il-komponenti l-oħra msemmija iktar ’il fuq ma humiex, bl-istess livell ta’ preċiżjoni, imsemmija fl-Artikolu 8.28, madankollu, mill-użu tal-kelma “tribunali” fil-punt 6(f) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt jirriżulta li l-Partijiet jimponu fuq it-Tribunal tal-Appell l-istess standards ta’ indipendenza bħat-Tribunal. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mit-tabella ta’ korrispondenza bejn l-Istrument Interpretattiv Konġunt u t-test taċ-CETA, li huwa mehmuż ma’ dan l-istrument u li ssemmi l-Artikolu 8.28 taċ-CETA fost id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-punt 6(f) tal-istrument imsemmi.

    227

    Sa fejn ir-Renju tal-Belġju u xi Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jesprimu dubji dwar il-kompatibbiltà, mal-aspett estern tar-rekwiżit ta’ indipendenza, tal-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 8.27(2) u (3), kif ukoll l-Artikolu 8.28(3) u (7) taċ-CETA jagħtu lill-Kumitat Konġunt taċ-CETA biex jaħtar lill-membri tat-Tribunal kif ukoll tat-Tribunal tal-Appell u biex jistabbilixxu jew jadattaw in-numru, f’multipli ta’ tlieta, ta’ membri li bihom jiġu kkostitwiti dawn it-tribunali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-identità tal-membri maħtura ma tistax tiġi ddefinita minn qabel fit-test taċ-CETA, u li l-istess japplika fir-rigward ta’ żidiet jew tat-tnaqqis li jista’ jseħħ fil-futur f’dak li jikkonċerna n-numru tal-membri. Madankollu, il-garanziji msemmija fil-punt 202 ta’ din l-opinjoni ma tista’ bl-ebda mod tiġi interpretata bħala li tipprekludi li korp mhux ġudizzjarju, bħall-Kumitat Konġunt taċ-CETA, jingħata l-kompetenza biex jaħtar, f’konformità sħiħa mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8.27(4) u (5) tal-Ftehim CETA, lill-imsemmija membri u biex jadatta n-numru tagħhom f’multipli ta’ tlieta. Dawn il-garanziji lanqas ma jipprekludu li tali korp jingħata, skont l-Artikolu 8.30(4) taċ-CETA, il-kompetenza biex jirrevoka lil dawn il-membri.

    228

    Barra minn hekk, mill-Artikoli 26.1 u 26.3 tal-Ftehim CETA jirriżulta li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA għandu jkollu kompożizzjoni bilaterali, u li għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens reċiproku. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 267 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-elementi jippermettu li jitqies li la l-ħatra u lanqas ir-revoka eventwali ta’ Membru tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell ma huma ser isegwu kundizzjonijiet għajr dawk stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8.27(4) u fl-Artikolu 8.30(1) taċ-CETA.

    229

    Għall-istess raġuni, għandu jitqies li l-partijiet setgħu, mingħajr ma jippreġudikaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza, jistipulaw, fl-Artikolu 8.27(12) taċ-CETA, li l-ammont ta’ ħlas mensili intiż li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-membri tat-tribunali msemmija jiġi stabbilit mill-Kumitat Konġunt taċ-CETA u, fil-paragrafu 15 ta’ dan l-artikolu, li dan il-korp ikun jista’ jiddeċiedi li jittrasforma dan il-ħlas kif ukoll l-onorarji u l-ispejjeż f’salarju regolari u jiffissa l-modalitajiet tiegħu.

    230

    Il-possibbiltà li din il-kompetenza tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA fir-rigward tar-remunerazzjoni ma tiġix immedjatament eżerċitata ma timplikax li r-remunerazzjoni tal-membri msemmija tista’, inizjalment, tkun aleatorja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8.27(14) taċ-CETA, l-onorarji u l-ispejjeż tal-membri tat-Tribunali previsti għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Amministrattiv u Finanzjarju tal-Konvenzjoni tal-ICSID, li jirreferi għall-iskala perjodikament stabbilita mis-Segretarju Ġenerali tal-ICSID.

    231

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 260 u 261 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura dinamika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA ma tistax tiġi pperċepita bħala theddida għall-indipendenza ta’ dawn it-tribunali, iżda għall-kuntrarju tippermetti l-introduzzjoni gradwali ta’ qorti komposta minn membri impjegati full-time.

    232

    L-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA, li jgħid li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA jista’, barra minn hekk, jadotta interpretazzjonijiet tal-Ftehim li huma vinkolanti għat-Tribunal taċ-CETA, u l-Artikolu 8.10(3) ta’ dan il-ftehim, li għandu jinqara flimkien mal-imsemmi Artikolu 8.31(3), lanqas ma jippreġudikaw il-kapaċità ta’ dan it-tribunal — jew tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA — li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa.

    233

    Fil-fatt, la huwa pprojbit u lanqas inabitwali, fid-dritt internazzjonali, li tiġi prevista l-possibbiltà għall-partijiet fi ftehim internazzjonali li jiċċaraw l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, skont kif tevolvi r-rieda komuni tagħhom fir-rigward tal-portata tiegħu. Tali preċiżazzjonijiet jistgħu jsiru mill-Partijiet infushom jew minn korp stabbilit mill-Partijiet u mogħni minnhom b’setgħa deċiżjonali li torbothom.

    234

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kumitat Konġunt taċ-CETA huwa, skont l-Artikolu 26.1(1) taċ-CETA, kumitat bilaterali li jirrappreżenta lill-Partijiet u li, skont l-Artikolu 26.1(4)(e) u l-Artikolu 26.3 taċ-CETA, għandu s-setgħa li jadotta, permezz ta’ kunsens reċiproku, deċiżjonijiet vinkolanti, bħal, skont l-Artikolu 26.1(5)(e) u l-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA, deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim li jorbtu lill-Partijiet u lit-Tribunali stabbiliti miċ-CETA mingħajr ma jinkisru r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ indipendenza. Dawn l-atti interpretattivi għandhom l-effetti legali li jirriżultaw mill-Artikolu 31(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tgħid li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni “kull ftehim li jsir sussegwentement bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu”.

    235

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-iffissar, minn dan il-Kumitat, ta’ tali interpretazzjonijiet vinkolanti, hija rregolata mill-Artikolu 218(9) TFUE. Konsegwentement, il-kunsens tiegħu għal kull deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA għandu jkun konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ dan tal-aħħar u mfakkra jew ippreċiżati f’din l-opinjoni.

    236

    Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza tat-Tribunal taċ-CETA u tat-Tribunal tal-Appell taċ-CETA, huwa importanti li l-interpretazzjonijiet stabbiliti mill-Kumitat Konġunt taċ-CETA ma jkollhomx effett fuq it-trattament tat-tilwim li jkun ġie riżolt li jkun ġie ppreżentat qabel dawn l-interpretazzjonijiet. Fil-fatt, kieku kellu jkun mod ieħor, il-Kumitat Konġunt taċ-CETA jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq it-trattament ta’ kwistjonijiet konkreti u b’hekk jipparteċipa fil-mekkaniżmu ISDS.

    237

    Minkejja li din il-garanzija ta’ nuqqas ta’ effett retroattiv u ta’ nuqqas ta’ effett immedjat fuq il-fajlijiet pendenti ma hijiex espressament prevista fl-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA, għandu jerġa’ jiġi rrilevat li l-kunsens tal-Unjoni għal kull deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA għandu jkun konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, l-Artikolu 8.31(3) taċ-CETA ma jistax jiġi interpretat, fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 47, fis-sens li jippermetti lill-Unjoni li tagħti l-kunsens tagħha għal deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA li jipproduċu effetti fuq it-trattament ta’ tilwim riżolt jew pendenti.

    238

    F’dak li jikkonċerna l-aspett intern tar-rekwiżit ta’ indipendenza, li b’mod partikolari jirrigwarda l-imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża kif ukoll in-nuqqas ta’ kull interess personali tal-membri fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ekwidistanza hija żgurata mhux biss fl-Artikolu 8.27(6) u (7) taċ-CETA, li jgħid li l-kawżi għandhom jiġu ttrattati minn diviżjoni kkostitwita b’mod każwali u b’hekk imprevedibbli għall-partijiet, komposta minn tliet membri fosthom ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ċittadin tal-Kanada u ċittadin ta’ Stat terz, iżda wkoll bir-riferiment, magħmul fl-Artikolu 8.30(1) taċ-CETA, għal-Linji Gwida tal-IBA, li minnhom jirriżulta, skont l-ewwel prinċipju ġenerali li joħorġu minnhom, li l-membri tat-Tribunal taċ-CETA għandhom ikunu imparzjali u indipendenti mill-partijiet kemm fid-data li jitressaq ilment quddiemhom, kif ukoll matul il-kawża sakemm din tintemm.

    239

    Għal din ir-raġuni, għandu jitqies ukoll li l-aspett intern tar-rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex ikkonfutat mill-fatt, enfasizzat mir-Renju tal-Belġju fit-talba tiegħu għal opinjoni, li jgħid li r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal ser tkun tikkonsisti, għall-inqas inizjalment, mhux biss minn remunerazzjoni mensili iżda wkoll f’onorarji kkalkolati skont il-ġranet ta’ ħidma ddedikati għal tilwima. Fil-fatt, kull nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-Linji Gwida tal-IBA, inkluż l-ewwel prinċipju ġenerali mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni, jista’ jwassal għal revoka tal-membru jew tal-membri kkonċernati, skont l-Artikolu 8.30(4) taċ-CETA.

    240

    Barra minn hekk, fl-Artikolu 8.30(1) ta’ dan il-ftehim huwa stabbilit li l-Membri “ma għandhomx ikunu affiljati ma xi gvern.” Għalkemm, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab ma’ din id-dispożizzjoni, huwa ppreċiżat li “il-fatt li persuna tirċievi remunerazzjoni mingħand gvern ma jfissirx fih innifsu li l-persuna mhijiex eliġibbli”, għandu jitqies li din il-kjarifika hija, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt il-proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, marbuta mal-fatt li, inizjalment, il-membri tat-Tribunali previsti mingħajr dubju ma humiex ser ikunu impjegati full-time u jistgħu b’mod partikolari jinkludu lil-membri, bħal professuri tal-liġi, li jirċievu r-remunerazzjoni tagħhom min-naħa ta’ Stat mingħajr madankollu ma jkunu involuti, direttament jew indirettament, fid-definizzjoni tal-politika ta’ ggvernar tiegħu.

    241

    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li tgħid li l-Artikolu 8.30(1) taċ-CETA jipprovdi, fit-tielet sentenza tiegħu, li l-membri tat-Tribunal taċ-CETA “ma għandhom jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni, jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima”, għandu jiġi rrilevat li din il-frażi għandha tinqara fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza li jinsab fl-ewwel sentenza tal-istess paragrafu, li jimplika li dawn il-membri ma jistgħu, barra mill-ipoteżi ddelimitata fil-punti 232 sa 237 ta’ din l-opinjoni, jirċievi ebda struzzjoni fit-twettiq ta’ dmirijiethom, kemm jekk b’rabta ma’ tilwima partikolari jew le.

    242

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ kull interess personali tal-membri fis-soluzzjoni tat-tilwima, l-Artikolu 8.30 taċ-CETA fih projbizzjoni ġenerali ta’ kunflitt ta’ interess dirett jew indirett, li tinkludi, permezz ta’ riferiment għal-Linji Gwida tal-IBA, ir-regoli ta’ kondotta dwar attivitajiet esterni.

    243

    L-Artikolu 8.30 ifakkar il-kompetenza tal-Kumitat tas-Servizzi u tal-Investiment, imsemmi fl-Artikolu 8.44 ta’ dan il-ftehim, li jadotta “regoli addizzjonali” f’dan ir-rigward, fejn l-użu tal-kelma “addizzjonali” jiżgura li dan il-kumitat ma jkollux kompetenza sabiex inaqqas il-portata tal-projbizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li diġà tinsab fl-imsemmi ftehim, iżda jkollu jillimita ruħu biex jadatta, filwaqt li jżomm l-istandard għoli ta’ indipendenza li jirriżulta minn din il-projbizzjoni, ir-regoli stipulati fil-Linji Gwida tal-IBA għar-realtajiet ta’ Tribunal tal-investiment li għandu karatteristiċi ġudizzjarji predominanti.

    244

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi konkluż li l-ftehim previst huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza.

    VI. Tweġiba għat-talba għal opinjoni

    245

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja taċ-CETA hija kompatibbli mad-dritt primarju tal-Unjoni.

    Għaldaqstant, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tagħti l-opinjoni segwenti:

    It-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016, hija kompatibbli mad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea.

    Lenaerts

    Silva de Lapuerta

    Bonichot

    Arabadjiev

    Prechal

    Vilaras

    Regan

    von Danwitz

    Toader

    Biltgen

    Jürimäe

    Lycourgos

    Rosas

    Juhász

    Ilešič

    Malenovský

    Levits

    Bay Larsen

    Safjan

    Šváby

    Fernlund

    Vajda

    Rodin

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2019.

    Reġistratur

    A. Calot Escobar

    President

    K. Lenaerts

    Fuq