Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CC0569

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:271

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C-569/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 258 TFUE — Direttiva 2014/17/UE — Kreditu ipotekarju — Artikolu 260(3) TFUE — Nuqqas li tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 258 TFUE billi dan ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jittrasponi d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (l-hekk imsejħa “Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju”), (2) sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Marzu 2016, jew, fi kwalunkwe każ, ma nnotifikax lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, multa koerċittiva ta’ kuljum ta’ EUR 105 991.60, b’effett mill-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tinnotifika l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/17.

2.        Għalhekk, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti deċiżjoni, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. (3) Din id-dispożizzjoni, introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, tippermetti lill-Kummissjoni li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE minħabba li l-Istat Membru jkun “naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva” u fl-istess ħin titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq dan l-Istat Membru sanzjonijiet pekunjarji. (4)

3.        Il-kwistjonijiet prinċipali li għandhom jiġu riżolti huma essenzjalment, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 260(3) TFUE japplikax għan-notifika tal-Istat Membru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni inkompleti jew inkorretti; it-tieni nett, liema huma r-regoli li għandu jsir referenza għalihom meta tiġi evalwata s-sanzjoni pekunjarja imposta skont din id-dispożizzjoni; u t-tielet nett, jekk il-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni humiex proporzjonati.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 260(3) TFEU jipprovdi:

“Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 258, fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva, din tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta’ liġi tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.”

5.        L-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/17 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.”

III. Il-proċedura prekontenzjuża

6.        Minħabba li sat-terminu tat-traspożizzjoni tal-21 ta’ Marzu 2016 ma kienet ġiet irċevuta l-ebda notifika mir-Renju tas-Spanja tal-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/17 fid-dritt Spanjol, fis-26 ta’ Mejju 2016 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja fejn talbitha tagħmel hekk.

7.        Fit-tweġiba tiegħu tat-28 ta’ Lulju 2016, ir-Renju ta’ Spanja sostna li huwa ma setgħax jittrasponi d-Direttiva 2014/17 minħabba ċ-ċirkustanzi mhux tas-soltu li jirrigwardaw in-natura provviżorja tal-Gvern, iżda li l-ħidma preparatorja fuq l-abbozz ta’ liġi li tittrasponi d-direttiva kienet bdiet.

8.        Permezz ta’ opinjoni motivata tas-17 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni sostniet li r-Renju ta’ Spanja kienu għadu ma adottax il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/17, u lanqas ma ġiet notifikata b’dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri meħtieġa fi żmien xahrejn mid-data li fiha jirċievi l-opinjoni motivata.

9.        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2017 ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-opinjoni motivata billi infurmat lill-Kummissjoni bil-progress li sar fl-abbozz ta’ liġi preliminari li tittrasponi d-Direttiva 2014/17.

10.      Billi r-Renju ta’ Spanja kien għadu ma ttrasponiex id-direttiva jew innotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet fis‑27 ta’ April 2017 li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Bir-rikors tagħha tas-27 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ressqet il-kawża preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        l-ewwel nett, tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottatx, qabel il‑21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17 jew, fi kwalunkwe maż, billi ma nnotifikax l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tal-imsemmija direttiva;

–        it-tieni nett, timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991.60, li għandu jkollha effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jadotta jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17; u

–        it-tielet nett, tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.

12.      Fit-tweġiba tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2017, ir-Renju ta’ Spanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        l-ewwel nett, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu jew, sussidjarjament, tnaqqas il-pagamenti ta’ penalità; u

–        it-tieni nett, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

13.      Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fis-26 ta’ Jannar u fit-12 ta’ Marzu 2018 rispettivament.

14.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2017, ir-Repubblika ta’ Franza talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tar-Renju ta’ Spanja. Ir-Repubblika ta’ Franza ġiet awtorizzata tintervjeni permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2018, u sussegwentement ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-7 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika ta’ Franza.

15.      Il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika ta’ Franza ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2019.

V.      L-argumenti tal-partijiet

A.      In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE

16.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas li jadotta sat-terminu tal‑21 ta’ Marzu 2016, stabbilit fl-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/17, il-miżuri meħtieġa sabiex jittrasponi din id-direttiva jew li jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri.

17.      Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li naqas li jinnotifika l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/17. Ir-Renju ta’ Spanja sostna fis-seduta li l-liġi ta’ traspożizzjoni nazzjonali kien mistenni li jiġi adottat fl-14 ta’ Frar 2019.

B.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

18.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħmel diversi osservazzjonijiet preliminari bbażati fuq il-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2011”). (5) B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa li jipprovdi inċentiv iktar qawwi għall-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għalhekk li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija ġenwinament effettiva. (6) Barra minn hekk, b’risposta għall-argumenti tar-Repubblika ta’ Franza, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 260(3) TFEU jippenalizza n-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq mhux biss l-obbligu “proċedurali” ta’ notifika tal-miżuri trasposti, iżda wkoll l-obbligu “sostantiv” ta’ traspożizzjoni stess, jiġifieri, li l-Istat Membru ma jkunx adatta s-sistema ġuridika tiegħu mad-direttiva inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm għan-nuqqas totali tal-Istat Membru li jinnotifika kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni, kif inhu f’dan il-każ, kif ukoll għan-nuqqas parzjali li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni, bħal fil-każ fejn dawn il-miżuri ma jkoprux t-territorju kollu tal-Istat Membru jew ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva inkwistjoni. (7)

19.      Rigward id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, il-Kummissjoni ssostni li s-sanzjonijiet proposti skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-istess metodu użat għal dawk proposti skont l-Artikolu 260(2) TFUE. (8) B’risposta għall-argumenti mressqa mir-Repubblika ta’ Franza, il-Kummissjoni ssostni, fost l-oħrajn, li bl-introduzzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, it-Trattati jistabbilixxu li n-nuqqas tal-Istat Membru li jadotta u jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li ma huwiex inqas importanti mill-ksur issanzjonat taħt l-Artikolu 260(2) TFUE, u huwa mislut mill-Artikolu 288(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE.

20.      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tipproponi multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991.60 imposta kontra r-Renju ta’ Spanja, ikkalkolata billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażi uniformi ta’ EUR 680 bil-koeffiċjenti ta’ gravità (10) u tat-tul (1.3) u bil-fattur “n” (11.99), (9) li għandha tibda tiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. (10) Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tispeċifikax fis-sentenza tagħha l-kont tar-“riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” li fih għandhom jitħallsu l-pagamenti ta’ penalità, sabiex tkun tista’ tispeċifika l-kont hi fin-nota ta’ debitu maħruġa lir-Renju ta’ Spanja skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.

21.      Rigward il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tipproponi l-koeffiċjent ta’ 10 fuq skala ta’ 1 sa 20, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri stabbiliti, l-ewwel nett, tal-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, it-tieni nett, tal-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari. (11)

22.      L-ewwel nett, rigward l-importanza tad-Direttiva 2014/17, il-Kummissjoni tissottometti, fost l-oħrajn, li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi suq intern iktar trasparenti, effiċjenti u kompetittiv fil-kuntratti ta’ kreditu li jirrigwardaw il-proprjetà immobbli residenzjali filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tirrimarka li d-Direttiva 2014/17 teħtieġ lil min isellef li jipprovdi ċertu informazzjoni lill-konsumaturi u li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur skont l-istandards tal-Unjoni komuni, u tiggarantixxi lill-konsumaturi sensiela ta’ drittijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-Direttiva 2014/17 tintroduċi l-istandards ta’ kwalità u r-regoli ta’ kondotta għal kull min isellef fl-Unjoni u tistabbilixxi sistema ta’ passaport sabiex l-intermedjarji ta’ kreditu li huma awtorizzati jipprattikaw fi Stat Membru jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni kollha, u għalhekk tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja.

23.      It-tieni nett, rigward l-effetti tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 fid-dritt Spanjol, il-Kummissjoni ssostni li l-konsumaturi fi Spanja ma humiex f’pożizzjoni li jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-direttiva, u l-intermedjarji ta’ kreditu ma humiex f’pożizzjoni li jużaw is-sistema ta’ passaport sabiex iwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Skont il-Kummissjoni, dan jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tal-kreditu ipotekarju, speċjalment fi Spanja, u jwassal għal firxa iktar ristretta ta’ servizzi u prezzijiet ogħla. Il-Kummissjoni tissottometti wkoll, minn perspettiva iktar wiesgħa, li s-sistema ġuridika Spanjola ma tissodisfax l-istandards stretti tad-Direttiva 2014/17 li għandha l-għan li tiżgura li min isellef u l-intermedjarji ta’ kreditu jadottaw aġir responsabbli fis-suq.

24.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja li hija evalwat b’mod żbaljat il-koeffiċjent ta’ gravità. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrifjuta r-relevanza ta’ ċertu data tal-Bank ta’ Spanja u studji tar-Renju Unit mressqin mir-Renju ta’ Spanja. Il-Kummissjoni sostniet ukoll fis-seduta li l-evalwazzjoni ta’ gravità hija oġġettiva u li ma huwiex meħtieġ li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti miżuri nazzjonali, invokati mir-Renju ta’ Spanja għall-ewwel darba fit-tweġiba tiegħu, li ma kinitx ġiet notifikata bihom u ma humiex biżżejjed sabiex jiggarantixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17.

25.      Rigward it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tipproponi l-koeffiċjent ta’ 1.3, li huwa kompost minn 13-il xahar immultiplikat bil-fattur 0.1. Il-Kummissjoni tqis li dan il-perijodu jibda mid-data li tiġi wara l-għeluq tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 (22 ta’ Marzu 2016) u jieqaf mad-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (27 ta’ April 2017). (12) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-perijodu bejn l-20 ta’ Diċembru 2015 u d-29 ta’ Ottubru 2016, li matulu kien hemm diffikultajiet fl-iffurmar tal-gvern, għandu jiġi eskluż mill-koeffiċjent tat-tul minħabba li din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza interna li għandha tiġi miċħuda skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Ir-Renju ta’ Spanja, jissottometti li għalkemm din il-kawża tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddeċiedi dwar il-portata preċiża tal-Artikolu 260(3) TFUE, huwa jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, u huwa tal-opinjoni li l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax għall-każijiet li jinvolvu n-notifika tal-Istat Membru tal-miżuri ta’ traspożizzjoni inkompleti u inkorretti.

27.      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(2) TFUE tista’ tiġi applikata b’analoġija għall-Artikolu 260(3) TFUE, u ma joġġezzjonax għat-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tispeċifikax il-kont li fih għandhom jitħallsu, jekk imposti, il-pagamenti ta’ penalità.

28.      Madankollu, fil-kawża preżenti, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-multa koerċittiva ta’ kuljum hija sproporzjonata għal żewġ raġunijiet.

29.      L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-perijodu bejn l-20 ta’ Diċembru 2015 u d-29 ta’ Ottubru 2016, li matulu kien hemm sitwazzjoni mhux tas-soltu rigwardanti d-diffikultajiet fl-iffurmar tal-gvern, għandu jiġi eskluż mill-koeffiċjent tat-tul u, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-moderazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità. Ir-Renju ta’ Spanja enfasizza li din is-sitwazzjoni ma kinitx prevista fiż-żmien tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17.

30.      It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-koeffiċjent ta’ gravità, u b’mod partikolari, l-effetti tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tal-kreditu ipotekarju, speċjalment fi Spanja, u jwassal għal firxa iktar ristretta ta’ servizzi u prezzijiet ogħla (ara l-punt 23 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) abbażi tad-data tal-Bank ta’ Spanja li turi li l-prezzijiet tas-self ipotekarju fi Spanja huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, inqas mill-medja taż-żona tal-Euro u, barra minn hekk, ċerti studji mwettqa fir-Renju Unit juru li l-effetti tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 ma jmorrux lil hinn minn titjib possibbli tal-protezzjoni tal-konsumatur.

31.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta wkoll id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistema ġuridika Spanjola ma tissodisfax l-istandards stretti tad-Direttiva 2014/17 (ara l-punt 23 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) u jsostni li, sa mill-2011, hemm ċerti miżuri nazzjonali li jirregolaw aspetti rigwardanti d-Direttiva 2014/17. (13) Ir-Renju ta’ Spanja enfasizza fis-seduta li dawn il-miżuri huma relevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità minħabba, fost l-oħrajn, li dawn iwettqu l-għanijiet tad-Direttiva 2014/17 filwaqt li jsolvu l-problemi fis-settur tas-self ipotekarju lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda ta’ Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, (14) li tirrikonoxxi li l-miżuri li ma jinkludux ir-referenza għad-direttiva ma humiex neċessarjament esklużi bħala miżuri ta’ traspożizzjoni validi, għandha tiġi estiża għall-Artikolu 260(3) TFUE.

32.      Insostenn tar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza tissottometti li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli biss għan-nuqqas tal-Istat Membru li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, filwaqt li n-nuqqas tiegħu li jinnotifika l-miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta huwa rregolat mill-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(2) TFUE. Ir-Repubblika ta’ Franza tqis ukoll li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika jekk huwa evidenti mill-eżami prima facie tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni li dawn il-miżuri ma jittrasponux id-direttiva kollha.

33.      Rigward l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, ir-Repubblika ta’ Franza ssostni, b’mod partikolari, li l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa differenti minn dak tal-Artikolu 260(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippenalizza l-“ksur doppju” tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ konformità tal-Istat Membru mal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Artikolu 260(3) TFUE jippenalizza n-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq obbligu li jirriżulta mid-dritt sussidjarju tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, ir-Repubblika ta’ Franza targumenta li għandha tiġi applikata skala iktar baxxa tal-koeffiċjent ta’ gravità għall-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE u l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 ma huwiex iġġustifikat f’dan il-każ.

VI.    Evalwazzjoni

A.      In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE

1.      Il-ġurisprudenza pertinenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

34.      Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’qawwa vinkolanti indisputibbli u bl-ispeċifiċità, preċiżjoni u ċarezza meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li taħthom, fil-każ ta’ direttiva intiża li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom. (15)

35.      Barra minn hekk, f’rikors ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-kwistjoni jekk Stat Membru naqasx li jwettaq l-obbligu tiegħu hija ddeterminata abbażi tas-sitwazzjoni li tipprevali fl-Istat Membru fl-aħħar tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata. (16)

36.      Kif ġie ripetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE jistrieħ fuq is-sejba oġġettiva ta’ jekk l-Istat Membru naqasx li jwettaq l-obbligu tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. (17) Għalhekk, l-Istat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet eżistenti fis-sistema ġuridika tiegħu, bħaż-żamma ta’ elezzjonijiet leġiżlattivi (18) jew in-natura provviżorja tal-Gvern, (19) sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni inkluż it-termini stabbiliti fid-direttiva. (20)

2.      Applikazzjoni għall-kawża odjerna

37.      Fil-kawża ineżami, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li huwa naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/17 li jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tiegħu u li jinnotifika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni sal-perijodu preskritt fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-18 ta’ Jannar. (21)

38.      Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ewwel kap tat-talbiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li r-Renju ta’ Spanja naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu li jittrasponi d-Direttiva 2014/17 jew li jinnotifika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni hija fondata.

B.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

39.      Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tirrigwarda l-proporzjonalità tal-multa koerċittiva ta’ kuljum proposta. Din tqajjem ċerti domandi ġenerali dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE u b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni hijiex intitolata li tuża l-istess metodu li bih jiġu kkalkolati s-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE, jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artiklu 260(2) TFUE hijiex applikabbli għall-Artikolu 260(3) TFUE u l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(3) TFUE.

40.      Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli għal din il-kawża (22) xorta waħda tqum il-kwistjoni dwar it-tifsira tan-“nuqqas ta’ notifika” skont din id-dispożizzjoni li ser neżamina l-ewwel.

1.      Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 260(3) TFUE: in-nuqqas ta’ notifika

41.      Skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu huwa ddelimitat bir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE li jirrigwarda n-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri li jittrasponu d-direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva. (23) Ir-risposta għad-domanda dwar kif għandu jiġi interpretat in-“nuqqas ta’ notifika” tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 260(3) TUE hija partikolarment kumplessa. Id-duttrina hija diviża dwar din il-kwistjoni, b’ċerti ġuristi li jadottaw approċċ restrittiv, (24) filwaqt li oħrajn jiffavorixxu approċċ intermedjarju (25) jew wiesgħa. (26)

42.      B’mod partikolari, din tinvolvi żewġ kwistjonijiet prinċipali relatati ma’ xulxin. L-ewwel domanda hija jekk l-Artikolu 260(3) TFUE huwiex limitat għan-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-hekk imsejjaħ obbligu “proċedurali” li jinnotifika kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni, kif argumentat mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika ta’ Franza, jew jekk l-Artikolu 260(3) TFUE jinkludix in-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-hekk imsejjaħ obbligu “sostantiv” ta’ traspożizzjoni innifsu, kif tissottometti l-Kummissjoni. It-tieni domanda hija jekk l-Artikolu 260(3) TFUE japplikax għall-każijiet fejn l-Istat Membru jinnotifika l-miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkompleta (parzjali) u inkorretta, kif tikkontesta l-Kummissjoni, li hija l-pożizzjoni adottata mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja. (27)

43.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet li ssegwi, iżda wkoll il-kuntest tagħha u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kollha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni relevanti għall-interpretazzjoni tagħha. (28)

44.      Fuq din il-bażi, nipproponi li l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi interpretat bħala n-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligu “sostantiv” ta’ traspożizzjoni, u għalhekk jinkludi n-nuqqas totali tal-Istat Membru li jinnotifika kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni, kif inhu l-każ fil-kawża odjerna, kif ukoll in-nuqqas tal-Istat Membru ta’ notifika tal-miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkompleta u inkorretta tad-direttiva inkwistjoni. Filwaqt li hemm ċerti argumenti validi insostenn ta’ kull wieħed mill-approċċi interpretattivi possibbli, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 260(3) TFUE f’dan ir-rigward taqbel mal-kliem tal-Artikolu 260(3) TFUE u tippromwovi kemm jista’ jkun possibbli l-għanijiet u l-iskema tal-Artikolu 260(3) TFUE, bl-għan li jiġi żgurat li l-Artikolu 260(3) TFUE jikkostitwixxi mezz ġenwinament effettiv sabiex jiżgura li l-Istati Membri jittrasponu fil-ħin id-direttivi.

a)      Il-kliem

45.      L-Artikolu 260(3) TFUE jirreferi għan-nuqqas tal-Istat Membru li “jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika” il-miżuri li jittrasponu d-direttiva leġiżlattiva. Minkejja li l-interpretazzjoni litterali ta’ dan il-kliem tista’ timplika biss in-nuqqas ta’ notifika, ma huwiex ċar jekk in-nuqqas ta’ traspożizzjoni u t-traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta humiex koperti.

46.      Fl-opinjoni tiegħi, is-sostenn għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax jinsilet mill-fatt li kien ser jintuża artikolu definit li kieku n-nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni kollha, inkluż għalhekk it-traspożizzjoni inkompleta, kien previst mill-awturi tat-Trattat (pereżempju, l-Olandiż: “tot mededeling van maatregelen’ and not ‘tot mededeling van de maatregelen”; il-Franċiż: “communiquer des mesures de transposition” u mhux “communiquer les mesures de transposition”; il-Ġermaniż: “Verpflichtung verstoßen hat, Maßnahmen zur Umsetzung” u mhux “Verpflichtung verstoßen hat, die Maßnahmen zur Umsetzung”). L-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 260(3) TFUE hija appoġġjata mhux biss mill-fatt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi jistgħu jiġu interpretati fis-sens ikkwalifikat “tal-miżuri” (pereżempju, il-Bulgaru: “да съобщи за мерките”; it-Taljan: “comunicare le misure di attuazione”; l-Ispanjol: “informar sobre las medidas de transposición”), iżda wkoll mill-fatt li l-verżjonijiet lingwistiċi msemmija iktar ’il fuq jirreferu għall-“miżuri” fis-sens ġenerali (ara wkoll, pereżempju, l-Ingliż: “notify measures”; il-Malti: “jinnotifika miżuri”).

47.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni li tirrigwarda t-traspożizzjoni ta’ direttiva li l-Istat Membru huwa obbligat li jinnotifika (jikkomunika) lill-Kummissjoni, li joħroġ mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) TUE, għandha tkun ċara u preċiża u tindika b’mod inekwivoku l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li permezz tagħhom l-Istat Membru jqis li wettaq l-obbligi imposti fuqu mid-direttiva u li għalhekk tippermetti lill-Kummissjoni taċċerta jekk id-direttiva ġietx trasposta mill-Istat Membru b’mod effettiv u bis-sħiħ. (29)

48.      Isegwi li l-obbligu ta’ notifika u l-obbligu ta’ traspożizzjoni huma obbligi relatati fis-sens li l-obbligu ta’ traspożizzjoni jibda jopera bis-saħħa tal-obbligu ta’ notifika, (30) minħabba li kif indikat mill-Kummissjoni l-obbligu ta’ notifika huwa stadju indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu ta’ traspożizzjoni. L-obbligu tal-Istat Membru li jadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jittrasponi d-direttiva skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 34 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) (31) u l-obbligu li jinnotifika lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni jimxu id f’id. (32) Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (33) tiffavorixxi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE bħala li jinkludi l-obbligu “proċedurali” ta’ notifika kif ukoll l-obbligu “sostantiv” ta’ traspożizzjoni.

49.      Il-fatt li l-Artikolu 260(3) TFUE jsemmi n-nuqqas ta’ notifika, minflok in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, jidher li huwa mezz loġiku, u fil-fatt inġenjuż, sabiex jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw maż-żewġ obbligi. Jidher ukoll li ma jagħmilx sens li l-Istat Membru jkun ikkonforma mal-obbligu tiegħu li jittrasponi mingħajr ma jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE.

b)      L-oriġini

50.      L-Artikolu 260(3) TFUE joriġina miċ-ċirkolu ta’ diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni Ewropea. Waħda mill-kwistjonijiet fuq l-aġenda ta’ dan iċ-ċirkolu ta’ diskussjoni kienet is-sistema ta’ sanzjonijiet fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-bidu, il-membri kienu ġeneralment disposti li jistabbilixxu “proċedura mħaffa” f’dak li qabel kien l-Artikolu 228 KE (issa l-Artikolu 260 TFUE), li jeliminaw ir-rekwiżiti tal-intimazzjoni u l-opinjoni motivata u “f’każijiet bħal “nuqqas ta’ komunikazzjoni”, pereżempju, il-Kummissjoni tista’ wkoll tkun awtorizzata li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn jidhrilha xieraq, kemm li ssib in-nuqqas kif ukoll li timponi s-sanzjoni fl-istess proċedura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (34)

51.      Ir-rapport finali taċ-ċirkolu ta’ diskussjoni (35) kien fih suġġerimenti dwar dawn l-aspetti li kienu ġew adottati mill-Presidenza tal-Konvenzjoni. (36) Kif irrimarkat fid-dokument tal-Presidenza, is-sistema ma kinitx effiċjenti biżżejjed minħabba li setgħu jgħaddu diversi snin qabel ma kienet tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq l-Istat Membru, u għalhekk “għandu jkun hemm mezzi li jiksbu iktar sempliċità u effettività fil-leġiżlazzjoni tas-sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (37) Għal dan il-għan, flimkien mal-proposta li tiġi abolita l-opinjoni motivata fil-proċedura għat-tieni sentenza, kien hemm ukoll il-proposta li ġejja:

“Il-paragrafu 3 (ġdid) huwa r-riżultat ta’ suġġeriment li l-Kummissjoni ssottomettiet għad-diskussjonijiet. Huwa jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tressaq (fl-istess proċedura) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE [illum l-Artikolu 258 TFUE] kif ukoll talba għal impożizzjoni ta’ sanzjoni. F’każ li il-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni fl-istess sentenza, fuq it-talba tal-Kummissjoni, is-sanzjoni tapplika wara li jkun għadda ċertu perijodu mid-data li fiha tkun ingħatat is-sentenza, jekk l-Istat kontumaċi ma jkunx ikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [...] Dan jippermetti li l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ “nuqqas ta’ komunikazzjoni” ta’ miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali tkun kunsiderevolment issimplifikata u mħaffa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38)

52.      In-nota ta’ qiegħ il-paġna li takkumpanjaha kienet tinnota li: “Fil-prattika issir distinzjoni bejn il-każijiet ta’ “nuqqas ta’ komunikazzjoni” (meta l-Istat Membru ma jkunx adotta ebda miżura ta’ traspożizzjoni) u l-każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta (meta l-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Istat Membru ma jkunux, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jikkonformaw mad-direttiva (jew il-liġi qafas (39))). L-arranġamenti proposti ma japplikawx fit-tieni każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (40)

53.      Din il-proposta ġiet inkluża fil-verżjoni tal-2003 tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa (innumerata l-Artikolu III-267(3) (41) kif ġej:

“Meta l-Kummissjoni ġġib il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu III-265 fuq il-bażi li l-Istat ikkonċernat ikun naqas li jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu liġi kwadru Ewropea, tista’, meta tqisu approprjat, titlob li, tul l-istess proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi l-pagament ta’ somma f’ daqqa jew penalità jekk il-Qorti ssib li kien hemm dan in-nuqqas.”

54.      Fil-verżjoni tal-2004 tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa, id-dispożizzjoni (innumerata l-Artikolu III‑362(3)) (42) inqasmet f’żewġ paragrafi u mmodifikata (enfasi tiegħi) kif ġej:

“Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea skond l-Artikolu III-360 fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu liġi kwadru Ewropea, hi tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li trid titħallas mill-Istat Membru konċernat u li hi tqis xierqa fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta’ liġi tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità fuq l-Istat Membru konċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas jibda jseħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.”

55.      Dawn ix-xogħlijiet preparatorji tal-Artikolu 260(3) TFUE iwasslu għall-osservazzjonijiet li ġejjin.

56.      L-ewwel nett, jista’ jiġi dedott min-nota ta’ qiegħ il-paġna fid-dokumenti tal-Konvenzjoni Ewropea imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 52 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) li l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-inqas fil-formulazzjoni oriġinali tiegħu, huwa intiż li jkun limitat għall-każijiet fejn l-Istat Membru jonqos milli jadotta u jinnotifika miżura ta’ traspożizzjoni, u jeskludi każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta. Madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna tqabbel in-notifika u t-traspożizzjoni u tonqos milli ssemmi t-traspożizzjoni inkompleta li preżumibbilment tista’ tiġi inkluża fid-dawl tal-prattika tal-Kummissjoni li għaliha milli jidher tirreferi n-nota ta’ qiegħ il-paġna. (43)

57.      It-tieni nett, jista’ jiġi dedott minn ċerti emendi li saru fil-kliem tad-dispożizzjoni fil-verżjoni tal-2004 tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li hija kważi identika għall-Artikolu 260(3) TFUE, meta mqabbla mal-verżjonijiet preċedenti tat-test, li l-awturi tat-Trattat riedu jarmonizzaw fil-biċċa l-kbira il-kliem tat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 260 TFUE. Dan huwa suġġett għal-limitu stabbilit fuq is-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi sanzjoni pekunjarja “li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni” u li l-obbligu ta’ ħlas għandu “jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha” fit-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE. Ser neżamina dan il-punt iktar ’l isfel f’dawn il-konklużjonijiet (ara l-punti 76 sa 79 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

58.      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li matul il-Konvenzjoni Ewropea kien hemm diversi kritiki u proposti sabiex titħassar id-dispożizzjoni li rriżultaw parzjalment minn tħassib, l-ewwel nett, li jekk din id-dispożizzjoni tkun limitata għall-obbligu proċedurali ta’ notifika, dan iwassal sabiex din id-dispożizzjoni tiġi żvestita mis-sustanza tagħha, u barra minn hekk ma jkunx xieraq li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji fuq din il-bażi biss, u t-tieni nett, li setgħat tqajjem diffikultajiet sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat Membru ttrasponiex id-direttiva u sabiex issir distinzjoni bejn traspożizzjoni tardiva, inkompleta u inkorretta. (44)

59.      Għalhekk, jien inklinat li ngħid li filwaqt li x-xogħlijiet preparatorji tal-Artikolu 260(3) TFUE jappoġġjaw l-interpretazzjoni restrittiva, dawn ma jipprovdux risposta konklussiva.

c)      L-għanijiet

60.      L-Artikolu 260(3) TFUE jistabbilixxi l-hekk imsejħa proċedura mħaffa sabiex jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji kontra Stat Membru li hija intiża li tkun iktar mgħaġġla u effiċjenti mill-proċedura tradizzjonali tal-Artikolu 260(2) TFUE. L-impożizzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji ma għadhiex tiddependi fuq proċedura itwal li tinvolvi l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-ksur skont l-Artikolu 258 TFUE u eventwalment it-tieni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE wara n-nuqqas ta’ konformità tal-Istat Membru mal-ewwel sentenza. L-Artikolu 260(3) TFUE għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ l-inċentiv għat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-ħin mill-Istati Membri, sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet idderivati minn dawn id-direttivi.

61.      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, jista’ jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, f’konformità mal-pożizzjoni ddikjarata mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, (45) li jekk ikun biżżejjed li l-Istat Membru jinnotifika kwalunkwe dokument bħala miżura ta’ traspożizzjoni, dan jiżvesti l-Artikolu 260(3) TFUE mis-sustanza tiegħu.

62.      It-tieni nett, il-proċedura taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ma għandhiex “tinżamm ostaġġ” mill-prattika tal-Kummissjoni li tressaq proċeduri separati għal nuqqas ta’ traspożizzjoni totali jew parzjali u għal traspożizzjoni inkorretta. (46) Dan imur kontra l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE li jagħmel il-proċedura iktar mgħaġġla u effettiva billi jgħaqqad il-ksur u s-sanzjonijiet fi proċedura waħda.

63.      Ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn il-każijiet li jinvolvu traspożizzjoni inkompleta u inkorretta, u huwa probabbli li kull tentattiv sabiex isir hekk iqajjem diffikultajiet fil-proċedura skont l-Artikolu 260(3) TFUE li jaffettwaw l-għanijiet tiegħu. Dan jista’ jintwera mill-eżempji msemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom l-ilment ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni, totali jew parzjali, jimplika l-istħarriġ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li kienu jeżistu qabel u bħala riżultat il-korrettezza tat-traspożizzjoni. (47) Din il-kumplessità hija ikkorroborata mill-punt 19 tal-Komunikazzjoni tal-2011 li fiha l-Kummissjoni ssostni li t-tilwim rigward ir-regoli li jeżistu fid-dritt nazzjonali għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura normali dwar it-traspożizzjoni korretta tad-direttiva skont l-Artikolu 258 TFUE.

64.      Distinzjoni bħal din tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari s-sentenzi tagħha fil-kawżi ta’ Il-Kummissjoni vs L-Italja (48) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (49) li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Kummissjoni tista’ tikkonverti l-ilment ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni totali f’ilment ta’ traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta fejn l-Istat Membru jinnotifika tardivament il-miżuri ta’ traspożizzjoni eżistenti tiegħu u għalhekk tagħmilha diffiċli għall-Kummissjoni li tilmenta dwar id-difetti tat-traspożizzjoni fi stadju bikri; f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment dwar it-traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta huwa inkluż fl-ilment li jallega n-nuqqas totali ta’ traspożizzjoni u huwa sussidjarju għal dan l-ilment.

65.      Ċertament, jinsabu eżempji fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Istat Membru huwa evalwat b’mod separat mill-kwalità (inkompleta jew inkorretta) tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. (50) Minkejja dan, fil-fehma tiegħi, dawn l-eżempji jattestaw id-diffikultajiet li jsir hekk, u ma jindirizzawx il-problemi għat-tħaddim tal-Artikolu 260(3) TFUE li jirriżultaw minn tali distinzjoni.

66.      Barra minn hekk, l-invokazzjoni tal-eżami prima facie hija problematika. Nifhem li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni kunsiderevoli permezz tal-eżami prima facie tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati sabiex tiddetermina jekk l-Istat Membru wettaqx traspożizzjoni kompleta. Din tista’, b’mod partikolari, tipprivileġġa l-fehma tal-Kummissjoni rigward dak li jikkostitwixxi traspożizzjoni (in)kompleta u tipprekludi lill-Istat Membru mid-diskrezzjoni tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni li jagħżel il-forom u l-metodi sabiex jittrasponi d-direttivi kif stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. (51)

d)      Il-kuntest

67.      L-Artikolu 260(3) TFUE jinsab fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu stabbilita fl-Artikoli 258 sa 260 TFUE, b’mod iktar speċifiku s-sistema tas-sanzjonijiet pekunjarji fl-Artikolu 260 TFUE. L-Artikolu 260(3) TFUE kien stabbilit flimkien mar-riformi tal-Artikolu 260(2) TFUE u għalhekk jikkomplementa l-Artikolu 260(2) TFUE. Għalhekk, l-argumenti li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa eċċezzjoni għall-Artikolu 260(2) TFUE u għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv jonqsu milli jikkonvinċu.

68.      Dan huwa ssostanzjat mill-fatt li, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni (“meta jidhrilha xieraq”) li tiddeċiedi jekk għandhiex titlob għas-sanzjonijiet pekunjarji minn qabel skont din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 260(3) TFUE ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni biex tagħmel hekk. (52) Il-Kummissjoni tista’ minflok tinvoka l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(2) TFEU. (53) Għalhekk, il-proċedura tradizzjonali tal-Artikolu 260(2) TFUE u l-proċedura mħaffa tal-Artikolu 260(3) TFUE ma humiex issiġillati.

69.      Minn perspettiva iktar wiesgħa, għandu jiġi rrimarkat li t-Trattat KEE oriġinali (b’differenza għat-Trattat KEFA) ma kienx fih dispożizzjoni dwar is-sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membri. Kellhom jgħaddu 36 sena sabiex jiġi stabbilit l-Artikolu 260(2) TFUE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht (1957-1993). (54) L-isforzi ulterjuri għat-titjib tal-ħeffa u l-effiċjenza tas-sistema tal-ksur u s-sanzjonijiet permezz ta’ proposti ta’ emendi tat-Trattat fil-kuntest tat-Trattat ta’ Amsterdam u t-Trattat ta’ Nizza ma rnexxewx. (55) Kellhom jgħaddu kważi żewġ deċenni oħra (1993-2009), bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, sabiex jiġi introdott l-Artikolu 260(3) TFUE.

70.      Fuq din il-bażi, minkejja li l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 260(3) TFUE bil-għan li din id-dispożizzjoni tiġi ddelimitata għal każijiet mgħaġġla u sempliċi ta’ nuqqas tal-Istat Membru li jinnotifika kull miżura ta’ traspożizzjoni u kull ħaġa oħra tiġi rrelegata fil-proċedura tradizzjonali tal-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(2) TFUE tista’ tkun attraenti, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni tkun li tiġi ttollerata proċedura itwal fil-maġġoranza tal-każijiet, u li wieħed jipprova jislet distinzjoni bejn n-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni inkompleti u inkorretti similment inaqqas mill-eżekuzzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE.

71.      Għalhekk, l-evalwazzjonijiet litterali, storika, teleoloġika u kuntestwali preċedenti tal-Artikolu 260(3) TFUE jwassluni li nikkonkludi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li nipproponi, li tinkludi n-nuqqas tal-Istat Membru li jinnotifika l-miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta, hija l-interpretazzjoni li tikseb bl-aħjar mod l-għanijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE u ġenwinament issaħħaħ is-sistema ta’ sanzjonijiet fl-Unjoni.

2.      Evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE

72.      Fuq il-bażi li huwa applikabbli l-Artikolu 260(3) TFUE, ngħaddi għall-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji skont din id-dispożizzjoni.

73.      L-ewwel nett, inqis li hu konvinċenti l-argument żviluppat mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (56) li l-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tuża l-istess metodu sabiex tikkalkula s-sanzjonijiet pekunjarji li hija tipproponi skont l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE. B’mod partikolari, dan minħabba li tali sanzjonijiet huma l-istess, l-għanijiet imfittxija minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma simili u l-kriterji tal-Kummissjoni għall-pagamenti ta’ penalità jikkorrispondu għall-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (57) li tippromwovi approċċ koerenti u tipprovdi l-prevedibbiltà għall-Istati Membri. Il-fatt li l-Artikolu 260(2) TFUE jissanzjona l-“ksur doppju” tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ konformità mal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Artikolu 260(3) TFUE jissanzjona l-ksur uniku tad-dritt tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, ma jnaqqasx mill-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw ksur li jsib l-għeruq tiegħu fid-dritt primarju tal-Unjoni.

74.      Għandu jiġi enfasizzat li l-metodu ta’ kalkolazzjoni tal-Kummissjoni ma jippreġudikax l-Istati Membri fil-proċedura skont l-Artikolu 260(3) TFUE, peress li kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 260(2) TFUE, jispetta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa f’kull każ is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti. Is-suġġerimenti u l-linji gwida tal-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja iżda jikkostitwixxu biss punti utli ta’ riferiment u jiżguraw li l-atti tal-Kummissjoni huma trasparenti, prevedibbli u konsistenti maċ-ċertezza legali. (58) Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(2) TFUE għandha tiggwida, fiċ-ċirkustanzi rilevanti, id-determinazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE.

75.      Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 260(2) TFUE u b’mod partikolari fis-sentenza monumentali tagħha fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Franza, (59) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija tista’ timponi kemm is-sanzjonijiet pekunjarji previsti fl-Artikolu 260(2) TFUE, (60) kif ukoll is-sanzjoni pekunjarja li ma ġietx proposta mill-Kummissjoni fuq il-bażi li “l-opportunità li tiġi imposta penalità finanżjarja u l-għażla tas-sanżjoni li fiċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami tkun l-aktar waħda adatta tista’ tiġi kkunsidrata biss fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li trid tingħata skond l-Artikolu [260(2) TFUE], u għaldaqstant toħroġ mill-ambitu politiku”. (61)

76.      Ir-raġunijiet sabiex jiġi stabbilit li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli għall-Artikolu 260(3) TFUE huma b’saħħithom u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi kemm somma f’daqqa kif ukoll pagamenti ta’ penalità jew sanzjoni pekunjarja, suġġett għal-limitu impost fuq l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Dan huwa bbażat fuq il-kliem identiku tal-Artikolu 260(2) u (3) TFUE b’referenza għas-“somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali”. Dan iservi wkoll aħjar l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE li jiġġieled it-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi mill-Istati Membri, ikkunsidrat fid-dawl tal-għan li jkun hemm sanzjonijiet pekunjarji differenti fit-Trattati. (62)

77.      Kuntrarjament għal dak li argumentat il-Kummissjoni fis-seduta, (63) il-fatt li huwa l-Artikolu 260(3) TFUE, u mhux l-Artikolu 260(2) TFUE, li jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja “tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni” ma jinvalidax din l-analiżi. L-Artikolu 260(3) TFUE isemmi biss l-ammont, u mhux l-għażla, tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax timponi sanzjoni pekunjarja ogħla minn dik proposta mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma jirrestrinġix id-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tip ta’ sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi sanzjoni pekunjarja li ma ġietx proposta mill-Kummissjoni, jew iż-żewġ sanzjonijiet pekunjarji, fl-istess ammont, jew inqas minn dan speċifikat mill-Kummissjoni.

78.      Din il-kwistjoni jista’ jkollha importanza seminali għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 260(3) TFUE. Fil-Komunikazzjoni tal-2011, il-Kummissjoni sostniet li fil-prinċipju hi titlob biss pagamenti ta’ penalità fil-proċeduri skont l-Artikolu 260(3) TFUE, u tirtira r-rikors tagħha jekk l-Istat Membru jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni meħtieġa sabiex itemmu l-ksur. (64) Reċentement, il-Kummissjoni rrevediet l-approċċ tagħha u fil-prinċipju titlob iż-żewġ sanzjonijiet. (65) Dan jgħin jispjega r-raġuni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira diversi każijiet qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja setgħat tagħti sentenza dwar l-Artikolu 260(3) TFUE. (66) Minkejja li jista’ ma jkunx applikabbli għall-kawża odjerna, (67) ma għandux jiġi injorat il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi somma f’daqqa, anki jekk il-Kummissjoni tkun talbet biss pagamenti ta’ penalità, f’każijiet fejn l-Istat Membru jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni meħtieġa wara li jkun tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja iżda qabel il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza.

79.      Għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza għall-Artikolu 260(2) TFUE, l-Artikolu 260(3) TFUE jistabbilixxi: “L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha”. Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija intitolata li tistabbilixxi d-data effettiva tas-sanzjoni pekunjarja imposta. (68) Madankollu, jista’ jiġi dedott mir-riferiment espress fl-Artikolu 260(3) TFUE li dan jista’ jservi bħala għodda utli għall-Qorti tal-Ġustizzja fid-diskrezzjoni tagħha li timmodula l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji f’ċirkustanzi partikolari. (69)

3.      Il-pagamenti ta’ penalità fil-kawża odjerna

80.      Isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 260(2) TFUE li l-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandhom jiġu deċiżi skont il-grad ta’ persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru jbiddel l-aġir tiegħu u jtemm il-ksur stabbilit. (70) Fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, jispetta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità sabiex ikunu kemm xierqa għaċ-ċirkustanzi kif ukoll proporzjonati għall-ksur stabbilit u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu. (71)

81.      Fil-kawża odjerna, għandu jiġi kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija xierqa bħala miżura persważiva. It-tul tal-ksur jista’ jiżdied jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-proposta tiegħi li t-tul tal-ksur għandu jiġi evalwat minn data għall-bidu tal-ksur differenti minn dik proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-ammont bażi jista’ jiżdied minn EUR 680 għal EUR 690 u l-fattur “n” jitnaqqas minn 11.99 għal 11.93 jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-figuri aġġornati tal-Kummissjoni. (72) Ir-riżultat huwa ta’ multa koerċittiva ta’ kuljum (690 x 10 x 2,4 x 11,93 = EUR 197 560.80) li hija ogħla minn dik speċifikata mill-Kummissjoni (680 x 10 x 1,3 x 11,99 = EUR 105 991.60: ara l-punt 20 ta’ dawn il-Konklużjonijiet). Fid-dawl tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 260(3) TFUE, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha timponi l-multa koerċittiva ta’ kuljum sal-ammont kollu speċifikat mill-Kummissjoni.

82.      L-ewwel nett, rigward il-gravità tal-ksur, m’iniex konvint li ċerti miżuri nazzjonali invokati mir-Renju ta’ Spanja huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-pagamenti ta’ penalità. Fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, (73) il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argument simili fuq il-bażi li huwa stabbilit li dawn il-miżuri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-direttiva inkwistjoni; f’ċirkustanzi oħra l-Istat Membru ma kienx jinstab li kiser l-obbligu ta’ traspożizzjoni tiegħu. Minħabba li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux miżuri ta’ traspożizzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ta’ Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (74) ukoll ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

83.      Bil-kontra tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-gravità ma tidhirx li hija r-riżultat ta’ xi żball, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-direttiva inkwistjoni u l-konsegwenzi tal-ksur fuq l-interessi privati u pubbliċi, elementi li huma evalwati b’mod oġġettiv mill-Qorti tal-Ġustizzja. (75)

84.      Kif intqal mill-Kummissjoni, id-Direttiva 2014/17 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas komuni għal ċerti aspetti tar-regoli tal-Istat Membru rigward il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi b’garanzija ipotekarja jew xort’oħra li jirrigwardaw il-proprjetà immobbli residenzjali. (76) Id-Direttiva 2014/17 daħlet fis-seħħ fl-isfond tal-kriżi finanzjarja globali u għalhekk għandha l-għan li toħloq suq intern għall-kreditu ipotekarju u tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja billi tiżgura li s-swieq tal-kreditu ipotekarju joperaw b’mod responsabbli. (77)

85.      Skont kif ġie deċiż b’mod simili mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2014/17 huma l-espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern, kif ukoll mill-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali mit-trattati, u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. (78)

86.      Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 fuq l-interessi privati u pubbliċi jistgħu jitqiesu sinifikanti fil-kuntest Spanjol b’mod partikolari fid-dawl tal-problemi fis-settur ipotekarju Spanjol. Dan jintwera, pereżempju, bir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (79) li enfasizzat il-mijiet ta’ eluf ta’ tkeċċija sfurzata u n-nuqqas ta’ protezzjoni għal min jisselleff li komplew jaggravaw bil-kriżi finanzjarja. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-Parlament, fost l-oħrajn, talab lill-Kummissjoni issegwi b’attenzjoni t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 fl-Istati Membri kollha. (80) Kif ġie indikat ukoll fir-riżoluzzjoni u s-sottomissjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, il-klawżoli u l-prattiki abbużivi fis-settur ipotekarju Spanjol kienu s-suġġett ta’ diversi rinviji għal deċiżjonijiet preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (81) Għalhekk, l-effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni inkwistjoni huwa gravi minħabba li, kif qalet il-Kummissjoni, huwa jipprekludi lill-konsumaturi kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi mid-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-direttiva, u barra minn hekk, jipperikola s-sistema ta’ regoli applikabbli għal min isellef u l-intermedjarji tal-kreditu li jfittxu li jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

87.      It-tieni nett, rigward it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu kkalkolati mid-data li tiġi wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17, li hija t-22 ta’ Marzu 2016, sad-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri s-27 ta’ April 2017 (ara l-punt 25 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

88.      Madankollu, fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa t-tul tal-ksur mid-data tal-għoti tal-ewwel sentenza sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti fit-tieni kawża u mhux minn meta l-Kummissjoni tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (82) Rigward il-proċeduri abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża bħala d-data għall-bidu tal-ksur id-data ta’ riferiment stabbilita fl-opinjoni motivata minħabba li din hija d-data li fiha huwa stabbilit il-ksur skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 35 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

89.      Fil-kawża odjerna, it-tul tal-ksur, mid-data tal-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata (18 ta’ Jannar 2017) sad-data tas-seduta (21 ta’ Jannar 2019), huwa ta’ madwar 24 xahar (2.4) li jista’ jiġi meqjus bħala perijodu ta’ żmien kunsiderevoli. (83)

90.      L-argument tar-Renju ta’ Spanja li jiġi eskluż il-perijodu bejn l-20 ta’ Diċembru 2015 u d-29 ta’ Ottubru 2016, li matulu kien hemm sitwazzjoni mhux tas-soltu li kienet tirrigwarda d-diffikultajiet fl-iffurmar tal-gvern, mit-tul tal-ksur, jew għall-inqas li jiġu mmoderati l-pagamenti ta’ penalità, għandu jiġi miċħud. Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 260(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 258 TFUE, (84) il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li l-Istat Membru ma jistax jinvoka d-diffikultajiet fis-sistema ġuridika tiegħu biex jiġġustifika n-nuqqas li josserva l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. (85) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement ċaħdet argumenti simili ta’ dawk imressqa mir-Renju ta’ Spanja f’din il-kawża f’każ li kien jinvolvi l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(2) TFUE. (86) Għandhom japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-proċedura skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Barra minn hekk, f’każ li t-tul tal-ksur jiġi evalwat mid-data tal-iskadenza fl-opinjoni motivata, jiġifieri it‑18 ta’ Jannar 2017, dan il-perijodu (mill-20 ta’ Diċembru 2015 sad-29 ta’ Ottubru 2016) ma għandu l-ebda importanza fi kwalunkwe każ.

91.      It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja ma pproduċiet l-ebda prova rigward il-kapaċità ta’ ħlas tiegħu.

92.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tirrikorri għal multa koerċittiva ta’ kuljum f’każijiet li jinvolvu l-adozzjoni ta’ emendi leġiżlattivi b’mod partikolari fir-rigward ta’ traspożizzjoni. (87) Ma tressqu l-ebda argumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jitolbuha sabiex hija titbiegħed minn din il-pożizzjoni f’din il-kawża, lanqas sabiex timmodula d-data li fiha l-obbligu ta’ ħlas għandu jkollu effett. Għalhekk, inklinat li naqbel mat-talba tal-Kummissjoni li l-multa koerċittiva ta’ kuljum għandu jkollha effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fid-dawl tat-talba tal-Kummissjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tispeċifika fis-sentenza tagħha l-kont tar-“riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”.

VII. Spejjeż

93.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni ressqet din it-talba u r-Renju ta’ Spanja huwa l-parti li tilfet, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat għall-ħlas tal-ispejjeż. B’konformità mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li skontu l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika ta’ Franza għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII. Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      Tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax, qabel il-21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, jew, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikax l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tal-imsemmija direttiva;

(2)      Timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991.60, li għandu jkollha effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jadotta jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE;

(3)      Tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura;

(4)      Tikkundanna lir-Repubblika ta’ Franza tbati l-ispejjeż tagħha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2014 L 60, p. 34.


3      Hemm kawża oħra pendenti li tinvolvi rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Belġju (C-543/17). Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet simili, iżda mhux identiċi, għal dawk imqajma fil-kawża preżenti fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, u hija suġġetta għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li huma previsti li jinqraw fil-11 ta’ April 2019.


4      Kien diversi kawżi preċedenti li offrew lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta u tapplika l-Artikolu 260(3) TFUE, iżda dawn ġew irtirati mill-Kummissjoni qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja setgħat tagħti s-sentenza tagħha. Waħda minn dawn il-kawżi kienet suġġetta għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, li niddiskuti fl-analiżi tiegħi iktar ’l isfel.


5      ĠU 2011 C 12, p. 1.


6      Komunikazzjoni tal-2011, punt 7.


7      Komunikazzjoni tal-2011, punt 19.


8      Komunikazzjoni tal-2011, punti 23 u 24.


9      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, SEG (2005)1658, ĠU 2007 C 126, p. 15. Il-Kummissjoni toqgħod fuq il-figuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha C(2016)5091 final tad-9 ta’ Awwissu 2016 (ĠU 2016 C 290, p. 3) li kienet fis-seħħ meta tressqet din il-kawża fis-27 ta’ Settembru 2017.


10      Komunikazzjoni tal-2011, punt 30.


11      Komunikazzjoni tal-2011, punt 25.


12      Komunikazzjoni tal-2011, punt 27.


13      Fis-sottomissjonijiet tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jagħmel riferiment għall-ħames miżuri li ġejjin: (1) Orden EHA/2899/2011, de 28 de octubre, de transparencia y protección del cliente de servicios bancarios, BOE n.°261, de 29 de octubre de 2011, p. 113242; (2) Circular 5/2012 de 27 de junio del Banco de España, a entidades de crédito y proveedores de servicios de pago, sobre transparencia de los servicios bancarios y responsibilidad en la concesión de préstamos, BOE n.°161, de 6 de julio de 2012, p. 48855, última modificación de 13 de agosto de 2015; (3) Real Decreto-ley 27/2012, de 15 de noviembre, de medidas urgentes para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, BOE n.°276, de 16 de noviembre de 2012, p. 79877; (4) Ley 1/2013, de 14 de mayo, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social, BOE n.°116, de 15 de mayo de 2013, p. 36373; u (5) Real Decreto-ley 6/2012, de 9 de marzo, de medidas urgentes de protección de deudores hipotecarios sin recursos, BOE n.°60, de 10 marzo de 2012, p. 22492.


14      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819.


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 19.


16      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 14.


17      Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2012:815, punti 62 u 63.


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑502/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:603, punti 14 u 24.


19      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑599/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 23.


20      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑375/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:184, punt 21; ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-266/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:311, punti 10 u 11 (li ċaħdet l-ilment tal-forza maġġuri).


21      F’dan il-każ, id-data ta’ referenza hija ta’ xahrejn mid-data li fiha r-Renju ta’ Spanja jirċievi l-opinjoni motivata (ara l-punt 8 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) li kif indikat mit-timbru tal-irċevuta kienet it-18 ta’ Novembru 2016. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑503/04, EU:C:2007:432, punti 19 u 20.


22      Ma hemmx kontestazzjoni f’dan il-każ li r-Renju ta’ Spanja naqas li jinnotifika l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/17 li ġiet adottata taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont il-bażi legali tagħha tal-Artikolu 114 TFUE.


23      Id-delimitazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFEU bid-direttivi leġiżlattivi tirrigwarda wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tiegħu fir-rigward tad-direttivi adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 95 sa 103; ara wkoll, pereżempju, Steve Peers, “Sanctions for Infringement of EU Law after the Treaty of Lisbon” (2012) 18 European Public Law 33-64, p. 40-44.


24      Ara, pereżempju, Nils Wahl and Luca Prete, “Between Certainty, Severity and Proportionality: Some Reflections on the Nature and Functioning of Article 260(3) TFEU” (2014) 6 European Law Reporter 170-189, pp. 174-179.


25      Ara, pereżempju, Didier Blanc, “Les procédures du recours en manquement, le traité, le juge et le gardien : entre unité et diversité en vue d’un renforcement de l’Union de droit”, fl-edizzjoni ta’ Stéphanie Mahieu, Contentieux de l’Union européenne : questions choisies (Larcier 2014) 429-461, p. 446-447.


26      Ara, pereżempju, Pål Wennerås, “Making effective use of Article 260 TFEU”, fl-edizzjonijiet ta’ András Jakab and Dimitry Kochenov, The Enforcement of EU Law and Values (OUP 2017) 79-111, p. 88-89.


27      C-320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 114 sa 145.


28      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, fil-kawża ta’ Wightman et, C-621/18, EU:C:2018:999, punt 47.


29      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-29/14, EU:C:2015:379, punt 33.


30      Ara, pereżempju, Tristan Materne, La procédure en manquement d’État, guide à la lumière de la jurisprudence de la Cour de justice de l’Union européenne (Larcier 2012) 42-43.


31      Rigward il-proċess ta’ traspożizzjoni, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-494/01, EU:C:2004:546, punti 23 sa 29.


32      Inkluż meta t-traspożizzjoni ta’ direttiva titwettaq bid-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti: ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-311/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:702, punt 33.


33      Nirrimarka li ma tressqu l-ebda argumenti fil-kawża odjerna li t-tifsira ta’ nuqqas ta’ notifika hija differenti bejn qabel u wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.


34      Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport tal-laqgħa tat-3 ta’ Marzu 2003, CONV 619/03, 13 ta’ Marzu 2003, punti 10 u 11.


35      Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport Finali taċ-Ċirkolu ta’ Diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja, CONV 636/03, 25 ta’ Marzu 2003, punt 28, p. 10 u 11.


36      Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Artikoli dwar il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Għolja, CONV 734/03, 12 ta’ Mejju 2003, p. 15 u 16. Kien hemm ukoll is-suġġeriment, ibbażat fuq dak li qabel kien l-Artikolu 88 KEFA, li l-Kummissjoni tingħata d-dritt li tistabbilixxi li l-Istat Membru kiser id-dritt tal-Unjoni u li dak l-Istat Membru jista’ jressaq rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dan is-suġġeriment ma ġiex adottat mill-Presidenza tal-Konvenzjoni. Ara ibid., p. 13.


37      CONV 734/03, p. 15.


38      CONV 734/03, p. 16.


39      Ir-referenza għal-liġi qafas Ewropea, li fis-sustanza tirreferi għal direttiva leġiżlattiva, ħarġet mill-emendi proposti fis-sistema tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni li ma ġewx adottati mit-Trattat ta’ Lisbona. Ara wkoll, pereżempju, Koen Lenaerts and Piet Van Nuffel, European Union Law, 3rd edition (Robert Bray and Nathan Cambien eds, Sweet & Maxwell 2011) p. 886-887.


40      CONV 734/03, p. 16 nota ta’ qiegħ il-paġna 1; ara wkoll CONV 636/03, p. 11 nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


41      ĠU 2003 C 169, p. 1.


42      ĠU 2004 C 310, p. 1.


43      Ara, f’dan ir-rigward, Szilárd Gáspar-Szilágyi, “What Constitutes “Failure to Notify” National Measures” (2013) 19 European Public Law 281-294, p. 285.


44      Ara, pereżempju, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Reazzjonijiet għall-abbozz CONV 802/03 – Analiżi, CONV 821/03, 27 ta’ Ġunju 2003, p. 151 (dak iż-żmien enumerata Artikolu III-263), b’mod partikolari s-Suġġerimenti għall-emendi tal-Artikolu III-263 minn Dominique de Villepin; minn Danuta Hübner; u minn Teija Tiilikainen et; is-Suġġeriment għall-emenda tal-Artikolu 228 minn Maria Berger et; ir-Rapport tad-diskussjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-abbozz ta’ rapport finali minn Reinhard Rack, id-Dokument ta’ Ħidma 13, tal‑14 ta’ Marzu 2003, u minn Thom de Bruijn, id-Dokument ta’ Ħidma 20, tal-14 ta’ Marzu 2003; ara wkoll Gáspar-Szilágyi, nota ta’ qiegħ il-paġna 43, p. 285-286.


45      C-320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 116 sa 120.


46      Ara, pereżempju, Linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar fil-Kummissjoni, SWD (2017) 350, 7 ta’ Lulju 2017, Kapitolu IV, punt 6, p. 42-43; u Sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar fil-Kummissjoni, Għodda #37. Verifiki ta’ Traspożizzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Internet https://ec.europa.eu/info/better-regulation-toolbox.


47      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-478/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2253. It-traspożizzjoni tardiva ġiet meqjusa bħala subkategorija tat-traspożizzjoni inkorretta: ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 20.


48      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, EU:C:2005:388, punti 38 sa 40.


49      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-32/05, EU:C:2006:749, punt 56. Saret distinzjoni fis-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, C-522/09, EU:C:2011:251, punt 19.


50      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-427/07, EU:C:2009:457, punti 49, 59, 84 u 89.


51      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-151/12, EU:C:2013:690, punti 27 u 28.


52      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-526/08, EU:C:2010:49, punt 72.


53      Ara l-Komunikazzjoni tal-2011, punt 17.


54      Ara, pereżempju, Luca Prete, Infringement Proceedings in EU Law (Kluwer 2017) 6-10, 301‑304; Jonas Tallberg, European Governance and Supranational Institutions: Making States Comply (Routledge 2003) p. 72-82. Dan ġie akkumpanjat mid-Dikjarazzjoni (Nru 19) dwar l-Implementazzjoni tal-Liġi tal-Komunità (ĠU 1992 C 191, p. 102) li tiddikjara, fost l-oħrajn, li “huwa essenzjali għall-koerenza u l-unità tal-proċess tal-kostruzzjoni tal-Ewropa li kull Stat Membru għandu jittrasponi d-Direttivi tal-Komunità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod komplut u preċiż fit-termini stabbiliti fihom.” Enfasi tiegħi.


55      Ara, pereżempju, Tallberg, nota ta’ qiegħ il-paġna 54, p. 82-91; Alan Dashwood and Angus Johnston eds, The Future of the Judicial System of the European Union (Hart 2001) 145-204, b’mod partikolari p. 175-176.


56      C-320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 146 sa 160.


57      Ara l-punt 80 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


58      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punti 115 u 116.


59      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444.


60      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444, punti 80 sa 86. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑205/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:606, punt 74.


61      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444, punti 90 u 91. Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jiġu osservati d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat: ibid, punti 92 and 93. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, EU:C:2007:432, punt 22.


62      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444, punt 81, u tat-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, EU:C:2008:695, punt 33.


63      Ma naqbilx ukoll mal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punt 155.


64      Ara l-Komunikazzjoni tal-2011, punti 21 u 22.


65      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar, ĠU 2017 C 18, p. 10, 15 u 16.


66      Ara, pereżempju, Laurence W Gormley, ‘Infringement Proceedings’, fil-pubblikazzjoni ta’ The Enforcement of EU Law and Values, notata’ qiegħ il-paġna 26, 65-78, p. 71-72; Ernő Varnay, ‘Sanctioning Under Article 260(3) TFEU: Much Ado About Nothing?’ (2017) 23 European Public Law 301-316.


67      Meta mistoqsi fis-seduta dwar din il-kwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja enfasizza l-importanza li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru u li din kienet ser tkun element ġdid f’din il-kawża, minħabba li din il-kwistjoni ma ġietx speċifikata fir-rikors tal-Kummissjoni.


68      Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-2011, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


69      Pereżempju, meta l-Istat Membru juri li jista’ jirrimedja l-ksur f’qasir ħafna żmien: ara Peers, nota ta’ qiegħ il-paġna 23, p. 47.


70      Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi pagamenti ta’ penalità biss jekk il-ksur jippersisti sad-data li fiha tingħata s-sentenza. Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, EU:C:2008:695, punti 26 sa 28, u tal-4 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C-626/16, EU:C:2018:525, punt 84 u punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza.


71      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punti 117 sa 119.


72      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni C(2018)5851 finali tad-19 ta’ Settembru 2018, ĠU 2018 C 340, p. 2. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-93/17, EU:C:2018:903, punti 132 sa 141; il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-196/13, EU:C:2014:2162, u s-sentenza ta’ Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2172, punti 151 u 152.


73      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, C-270/11, EU:C:2013:339, punti 31 u 51.


74      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 62 sa 64.


75      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, EU:C:2008:695, punti 73 sa 76, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑407/09, EU:C:2011:196, punti 38 u 39; ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża ta’ Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C-241/11, EU:C:2013:181, punti 50 u 62.


76      Ara d-Direttiva 2014/17, l-Artikolu 1 u l-premessa 15. Għal analiżi fid-dettall, ara, pereżempju, Miriam Anderson and Esther Arroyo Amayelas eds, The Impact of the Mortgage Credit Directive in Europe: Contrasting Views from Member States (Europa 2017); u b’enfasi partikolari fuq Spanja, p. 49-111.


77      Ara, pereżempju, il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà residenzjali, KUMM(2011) 142 finali, tal-31 ta’ Marzu 2011, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 1, p. 2.


78      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-93/17, EU:C:2018:903, punt 122.


79      ĠU 2017 C 349, p. 37 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-2015”), b’mod partikolari il-premessi A sa C, I u J. Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2015, ĠU 2018 C 238, p. 132, punt 31.


80      Riżoluzzjoni tal-2015, premessa E u punt 5. Dan wassal għall-kawża odjerna kontra Spanja, kif ukoll għall-kawża kontra l-Kroazja skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE li eventwalment ġiet irtirata mill-Kummissjoni: ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja, C‑381/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:260.


81      Ara r-Riżoluzzjoni tal-2015, il-premessi F u G. Ara, iktar reċenti, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo, C‑154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980; tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C-421/14, EU:C:2017:60; tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C-96/16 u 94/17, EU:C:2018:643 tad-19 ta’ Settembru 2018, Bankia, C-109/17, EU:C:2018:735; ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi pendenti Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C-70/17 u C-179/17, EU:C:2018:724; Bankia u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C-92/16 u C-167/16 EU:C:2018:727; u Bankia, C-486/16 , EU:C:2018:728.


82      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-93/17, EU:C:2018:903, punt 130.


83      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-270/11, EU:C:2013:339, punti 43, 57 u 58 (kważi 27 xahar).


84      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


85      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-205/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:606, punt 62.


86      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punti 30 u 41.


87      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, EU:C:2006:173, punt 77.

Fuq