EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0620

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ Marzu 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Deċiżjoni 2014/699/UE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Ammissibbiltà – Effetti tal-aġir allegat fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata – Effetti kontinwi fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Suffiċjenza tal-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata – Vot mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni ddefinita fid-Deċiżjoni 2014/699/UE fil‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) u oppożizzjoni espressa mill-imsemmi Stat Membru kontra din il-pożizzjoni u kontra l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot hekk kif iddefiniti f’din id-deċiżjoni.
Kawża C-620/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Deċiżjoni 2014/699/UE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Ammissibbiltà – Effetti tal-aġir allegat fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata – Effetti kontinwi fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Suffiċjenza tal-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata – Vot mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni ddefinita fid-Deċiżjoni 2014/699/UE fil‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) u oppożizzjoni espressa mill-imsemmi Stat Membru kontra din il-pożizzjoni u kontra l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot hekk kif iddefiniti f’din id-deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑620/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fid‑29 ta’ Novembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u L. Havas kif ukoll minn J. Hottiaux u J. Norris‑Usher, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Liudvinaviciute‑Cordeiro u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi, fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), ivvutat kontra l-pożizzjoni ddefinita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE tal‑24 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2014, L 293, p. 26), u billi ddikjarat pubblikament l-oppożizzjoni tagħha kemm għall-imsemmija pożizzjoni kif ukoll għall-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot previsti fiha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni u tal-Artikolu 4(3) TUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-COTIF

2

Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2006. Id-49 Stat li huma parti fil-COTIF, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta jikkostitwixxu l-OTIF.

3

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tal-OTIF huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tad-dritt dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija.

4

Bħala prinċipju, il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF huwa kompost mill-partijiet kollha tal-COTIF. Skont l-Artikolu 17(1)(a) u (b) tal-COTIF, il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF għandu jiddeċiedi, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, fuq il-proposti intiżi li jemendaw il-COTIF u jeżamina, barra minn hekk, il-proposti li għandhom jiġu sottomessi għal deċiżjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OTIF. Il-kompetenzi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ istanzi tal-OTIF fil-qasam tal-emenda tal-COTIF huma stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

5

Fil-qafas tat-Titolu VI tal-COTIF, intitolat “L-emenda tal-[COTIF]”, l-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Kompetenza”, jipprovdi:

“[…]

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw il-Konvenzjoni sa fejn il-[paragrafi] 4 sa 6 ma jipprovdux għal kompetenza oħra.

[…]

4.   Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali adottati skont l-ewwel sentenza tal-[paragrafu] 3, il-Kumitat tar-Reviżjoni għandu jiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw

a)

l-Artikoli 9 u 27(2) sa (5);

[…]

d)

ir-Regoli Uniformi CUV minbarra l-Artikoli 1, 4, 5 u 7 sa 12;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-Artikolu 35 tal-COTIF intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kumitati”:

“1.   L-emendi tal-[COTIF], kif deċiżi mill-Kumitati, għandhom jiġu nnotifikati mis-Segretarju Ġenerali lill-Istati Membri.

2.   L-emendi tal-[COTIF] stess, kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tat-tnax‑il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. […]

3.   L-emendi tal-Appendiċijiet tal-[COTIF], kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tat-tnax‑il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. […]

[…]”

7

Konformement mal-Artikolu 38(2) tal-COTIF l-Unjoni Ewropea, bħala organizzazzjoni reġjonali li aderixxiet għall-COTIF, tista’ teżerċita d-drittijiet disponibbli għall-Istati Membri tagħha bis-saħħa tal-COTIF sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Mill-Artikolu 38(3) tal-COTIF jirriżulta li, bil-għan tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot u ta’ dritt ta’ oġġezzjoni previst fl-Artikolu 35(2) u (4) ta’ din il-konvenzjoni, l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha numru ta’ voti ugwali għal dak tal-Istati Membri tagħha li huma wkoll Membri tal-OTIF. Dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tal-vot, biss sa fejn dan huwa awtorizzat mill-imsemmi Artikolu 38(2).

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

8

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 8) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), iffirmat fit‑23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, konformement mal-Artikolu 9 tiegħu.

9

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni:

“1.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-[COTIF].

2.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni [jew] l-Istati Membri tagħha.

3.   Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.

4.   L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-[COTIF] bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed permezz ta’ korrispondenza.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni 2013/103/UE

10

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas‑16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1).

11

L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni tipprovdi li “[l]-arranġamenti interni għat-tħejjijiet għal-laqgħat tal-OTIF, u għar-rappreżentanza u l-votazzjoni f’dawn il-laqgħat huma stipulati fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni”.

12

L-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni jirrigwarda d-dispożizzjonijiet interni intiżi għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni fil-kuntest tax-xogħlijiet li jaqgħu taħt l-OTIF, bil-għan li jimplimentaw “rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont it-Trattat [UE] u t-Trattat [FUE] u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja […] anki fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali”, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu introduttiv ta’ dan l-anness.

13

Il-punt 2 tal-imsemmi anness, intitolat “Proċedura ta’ koordinazzjoni”, jipprevedi:

“[…]

2.2

Il-laqgħat ta’ koordinazzjoni ser jaqblu dwar pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni biss jew, fejn rilevanti, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompetenza esklussiva tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għall-koordinazzjoni f’dawn il-laqgħat jekk ikun hemm qbil dwar dan mill-Istati Membri.

[…]

2.6

Jekk fíl-laqgħat ta’ koordinazzjoni l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar pożizzjoni komuni, inkluż minħabba nuqqas ta’ qbil dwar it-tqassim ta’ kompetenzi, il-kwistjoni tiġi riferita lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u/jew lill-Kunsill.”

14

Il-punt 3 tal-istess anness, relatat mad-“Dikjarazzjonijiet u votazzjoni fil-laqgħat tal-OTIF”, jiddikjara:

“3.1

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni esklussiva, il-Kummissjoni għandha titkellem u tivvota għall-Unjoni. Wara li ssir il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu wkoll jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-pożizzjoni tal-Unjoni.

3.2

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali esklussiva, l-Istati Membri jitkellmu u jivvutaw.

3.3

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni, il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni komuni. Wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-pożizzjoni komuni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif adatt, għandhom jivvotaw f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-pożizzjoni komuni. Id-deċiżjoni dwar min ikun ser jivvota tittieħed fid-dawl tal-prevalenza tal-kompetenza (eż. jekk hijiex prinċipalment kompetenza nazzjonali jew tal-Unjoni).

3.4

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunx irnexxilhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni kif msemmija fil-punt 2.6, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitkellmu u jivvutaw dwar kwistjonijiet li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom.

3.5

F’każ ta’ kwistjonijiet li għalihom m’hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-qsim tal-kompetenzi, jew fejn ma kienx possibbli li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa għal pożizzjoni tal-Unjoni, għandu jsir sforz massimu sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni jew tinkiseb pożizzjoni tal-Unjoni. Sakemm iseħħ dan, u wara li tkun saret il-koordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri u/jew il-Kummissjoni, kif adatt, ikunu intitolati li jitkellmu bil-kondizzjoni li l-pożizzjoni li jesprimu ma tippreġudikax pożizzjoni futura tal-Unjoni, tkun koerenti mal-linji ta’ politika tal-Unjoni u pożizzjonijiet preċedenti tal-Unjoni, u konformi mal-liġi tal-Unjoni.

3.6.

[…]

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni ser jagħmlu sforzi serji biex jilħqu pożizzjoni komuni u biex jiddefenduha matul id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF.”

Id-Deċiżjoni 2014/699

15

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/699 jipprovdi li “[l]-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni [tal-OTIF] għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”. Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni, “[i]r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill”.

16

Il-paragrafu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699 jiddikjara, f’dak li jikkonċerna d-diversi punti tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot, kif ukoll il-pożizzjoni kkoordinata rrakkomandata.

17

Fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, li jirrigwardaw il-proposti għal emendi tal-Artikolu 12 tal-COTIF kif ukoll tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV) tal-COTIF, dwar ir-regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ użu ta’ vetturi fit-trasport internazzjonali bil-ferrovija (CUV) (iktar ’il quddiem l-“emendi inkwistjoni”), il-paragrafu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699 jipprevedi:

“Punt 4. Ir-Reviżjoni Parzjali tal-Konvenzjoni Bażika – COTIF

[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

[…]

L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Mehmuża) għandha tiġi appoġġata peress li temenda d-definizzjoni ta’ ‘detentur’ bi qbil mal-liġi tal-Unjoni.

[…]

Punt 7. Reviżjoni Parzjali tal-Appendiċi D (CUV)

[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni rakkomandata: L-emendi għall-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati peress li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni (Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU 2008, L 345, p. 62)]. […]

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega l-aġir tagħha waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, li seħħet fil‑25 u s‑26 ta’ Ġunju 2014.

19

Fit-tweġiba tagħha tat‑12 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qieset li l-aġir tagħha kien perfettament leġittimu u legali minħabba li l-emendi inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar ma kinitx eżerċitat il-kompetenza interna tagħha fl-oqsma kkonċernati.

20

Fid‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258(1) TFUE billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha hija sostniet li bl-aġir tiegħu fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Deċiżjoni 2014/699 kif ukoll taħt l-Artikolu 4(3) TUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li kien possibbli li jiġi dedott fuq il-bażi tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat espressament, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, li l-aġir tagħha kien leġittimu, li taħt ċirkustanzi simili dan l-Istat Membru x’aktarx jadotta aġir simili fil-futur.

21

Fit-tweġiba tagħha tas‑7 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

22

Fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1734 tat‑18 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fit‑12‑il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għall-Ġarr [Trasport] Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward ċerti emendi għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u għall-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2015, L 252, p. 43), ir-Repubblika tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Settembru 2015”), inkluża fil-minuti tal-Kunsill u li tgħid:

“[Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] tqis, minn perspettiva legali, li għandha dritt tivvota għall-punti 8 (Reviżjoni parzjali tal-COTIF – Konvenzjoni bażika), 10 (Reviżjoni parzjali tal-Appendiċi D (CUV)) u 13 (Rapport ta’ spjegazzjoni, verżjoni riveduta u kkonsolidata), anki jekk dan imur kontra d-Deċiżjoni [2015/1734]. Ir-raġuni għal dan hija li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza f’dan ir-rigward. It-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa suġġett għal kawża li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […] (Kawża C‑600/14 – Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill). Fl-istennija ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja […], [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja], filwaqt li tmantni l-pożizzjoni ġuridika tagħha u mingħajr ħsara fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […], ser teżerċita d-dritt ta’ vot tagħha waqt l-Assemblea Ġenerali tal-OTIF, mingħajr ma tidderoga minn din id-deċiżjoni tal-Kunsill, minkejja li tqis li din id-deċiżjoni hija illegali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23

Fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni tat opinjoni motivata li fiha reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha hekk kif espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data li fiha tirċievi l-opinjoni, u b’mod partikolari ttemm l-allegati prattiki ta’ ksur deskritti fiha.

24

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2016, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha espressa fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

25

Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx adottat, fit-terminu previst, il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Jannar 2018, il-Kunsill ġie awtorizzata jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935)

27

Fit‑22 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li bih talbet l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tal-aħħar kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-emendi inkwistjoni. Il-motivi tagħha kienu jirrigwardaw ksur allegat, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni previst fl-Artikolu 5(2) TUE, minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni, it-tieni nett, tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, u, it-tielet nett, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

28

Permezz tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935), mogħtija wara li ntemmet il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi ċaħdet it-tliet motivi fformulati minn dan l-Istat Membru.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

29

Permezz ta’ att separat tat‑8 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors bis-saħħa tal-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, inkludiet l-eżami ta’ din it-talba fuq il-mertu u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet mistiedna tissottometti risposta.

L-argumenti tal-partijiet

30

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors huwa inammissibbli.

31

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-effetti tal-aġir imqiegħed inkwistjoni f’dan ir-rikors ġew eżawriti ma tmiem il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha. Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑525/03, EU:C:2005:648), u tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, (C‑237/05, EU:C:2007:592), rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun inammissibbli meta l-att li allegatament wettaq l-Istat Membru kkonċernat ikun waqaf milli jipproduċi effetti ġuridiċi qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

32

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE għandha preċiżament bħala għan li tagħmel mezz li l-Istati Membri jtemmu l-ksur li l-effetti tiegħu jkunu għadhom hemm mad-data ta’ skadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, u li, fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri ma jirrepetuhx. Issa, l-aġir kontenzjuż tagħha ma kienet tat lok għal ebda konsegwenza negattiva li tkun setgħet ġiet jew imissha ġiet eliminata.

33

Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot tiegħu ma kellu ebda effett fuq ir-riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, hekk kif irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni, u lanqas ma ppreġudika r-reputazzjoni, il-kredibbiltà jew ir-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fi ħdan il-membri tal-komunità internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, l-Unjoni organizzat il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 b’mod li tipprekludi l-kisba ta’ protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li kkontribwixxiet għad-diverġenza fl-opinjoni waqt din is-seduta.

34

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, billi tistrieħ fuq il-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li huwa biss meta l-Istat Membru inkwistjoni ma jikkonformax ruħhu mal-opinjoni motivata fit-terminu meħtieġ li l-Kummissjoni tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, bħala regola proċedurali, l-Artikolu 258 TFUE għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva b’mod li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali. Fl-istess sensiela ta’ ideat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tevoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tadixxi lil din tal-aħħar b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta l-Istat Membru kkonċernat ikun temm il-ksur qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑145/01,, EU:C:2003:324, punt 15).

35

Issa, skont ir-Repubblika Federal tal-Ġermanja, il-preġudizzju allegat għad-dehra tal-Unjoni ma jistax iktar jiġi korrett. Mill-bqija, dan l-Istat Membru jikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija ma adottat ebda miżuri sabiex, minn naħa, tirrimedja l-konsegwenzi tal-aġir imqiegħed inkwistjoni fil-proċedura ta’ ksur f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, twarrab id-dubji fir-rigward tal-azzjonijiet futuri tagħha. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1734, permezz tad-Dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Settembru 2015, filwaqt li kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet illegali u li kellha dritt tivvota kontriha fir-rigward ta’ żewġ punti, hija indikat li, fl-istennija tal-għoti mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935), hija ma kinitx ser teżerċita d-dritt ta’ vot tagħha fir-rigward tal-punti kontenzjużi b’mod li tmur kontra l-pożizzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk dan l-Istat Membru diġà temm il-prattika kkritikata mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, qabel ma beda jiddekorri t-terminu stabbilit mill-imsemmija opinjoni.

36

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li ma jistax jiġi impost fuqha l-obbligu li tiskuża ruħha pubblikament jew li tiddeżisti mill-analiżi legali tagħha, bil-għan li telimina a posteriori l-preġudizzju allegat għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, imkien fl-ittra ta’ intimazzjoni jew fl-opinjoni motivata ma huwa ssuġġerit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-dritt tal-Unjoni billi naqset milli tagħmel dawn l-iskużi. Barra minn hekk, sabiex rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ammissibbli, ma jkunx biżżejjed, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jippersistu d-diverġenzi legali fl-opinjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni kemm‑il darba, minkejja dawn id-diverġenzi, dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu xorta waħda mal-analiżi tal-Kummissjoni. Dan ikun a fortiori l-każ jekk il-kwistjoni legali li tinvolvi dawn id-diverġenzi tkun diġà suġġetta għal proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħal f’dan il-każ.

37

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Kummissjoni talli ħalliet li jkun hemm dubju dwar il-portata eżatta tar-rikors tagħha, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ formulazzjoni suffiċjentement ċara ta’ rikors. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreċiżat għall-ewwel darba fir-replika tagħha li hija kienet qed tattribwixxi lil dan l-Istat Membru ksur tad-Deċiżjoni 2014/699 fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

38

Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ġermaniż għandha tiġi miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fit-terminu previst f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, konsegwentement, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem dan it-terminu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑274/15, EU:C:2017:333, punt 47).

40

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE tistrieħ fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponulu t-Trattat FUE jew att tad-dritt idderivat u tippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kisritx id-dritt tal-Unjoni f’każ speċifiku (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punti 6162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal żewġ raġunijiet.

42

Fl-ewwel lok, hija tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li qed jiġi attribwit lilha jikkonċerna aġir li seħħ fl-imgħoddi li temm l-effetti tiegħu qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata b’tali mod li ma kienx possibbli għaliha li tieħu passi sabiex ittemm dan in-nuqqas fit-terminu previst.

43

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni tikkontesta l-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, jiġifieri l-vot li dan l-Istat Membru esprima fi ħdan dan il-kumitat u l-opinjoni li esprima, bi ksur, minn naħa, tad-Deċiżjoni 2014/699 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 4(3) TUE.

44

In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk attribwit jikkonsisti fl-allegat nuqqas ta’ osservanza ta’ pożizzjoni tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta f’deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE, liema dispożizzjoni tipprevedi proċedura ssemplifikata għall-finijiet tad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fil-qafas tal-parteċipazzjoni tagħha fl-adozzjoni, fi ħdan l-istanza deċiżjonali stabbilita mill-ftehim internazzjonali kkonċernat, ta’ atti li jirriżultaw mill-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑73/14, EU:C:2015:663, punt 65). Dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat għalhekk jidħol fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jirrigwarda iktar preċiżament mal-proċess deċiżjonali ta’ istanza internazzjonali maħluqa minn ftehim li għalih hija parti l-Unjoni, u li fi ħdanha l-Unjoni kienet ġiet awtorizzata tissottometti kontribuzzjonijiet bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2014/699.

45

Issa, ksur ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, bħal dak li qed jiġi attribwit lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan il-każ, jimmanifesta l-effetti tiegħu mhux biss fuq id-dimensjoni interna, iżda wkoll fuq id-dimensjoni internazzjonali fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, liema interessi deċiżjoni adottata fuq din il-bażi għandha preċiżament l-għan li tiggarantixxi (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 1/94 Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal‑15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 108; sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑266/03, EU:C:2005:341, punt 60; tal‑14 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑433/03, EU:C:2005:462, punt 66, u tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73).

46

Jeħtieġ li jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-effetti dannużi ta’ nuqqas fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE ma humiex limitati għall-proċess deċiżjonali tal-istanza tal-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernat mill-aġir kontenzjuż, iżda jimmanifestaw lilhom infushom, b’mod iktar ġenerali, fl-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni fi ħdan din l-organizzazzjoni internazzjonali.

47

Tali nuqqas jista’, b’mod partikolari, iqiegħed inkwistjoni l-unità u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, lil hinn mill-proċess deċiżjonali konkret ikkonċernat.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku kellu jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, allura kull Stat Membru li, bl-aġir tiegħu, ikun jippreġudika t-twettiq tal-għan inerenti għal deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 218(9) TFUE ikun jista’ jevita proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba li dan in-nuqqas ikun diġà temm l-effetti tiegħu, b’konsegwenza ta’ liema l-Istati Membri jkunu jistgħu jisiltu benefiċċju min-nuqqas rispettiv tagħhom.

49

F’tali ipoteżi, ma jkunx għaldaqstant possibbli għall-Kummissjoni li taġixxi, fil-qafas tal-kompetenzi li hija għandha mill-Artikolu 258 TFUE, kontra l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tikkonstata tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u twettaq b’mod sħiħ il-missjoni tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE.

50

Barra minn hekk, jekk rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba ksur ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE jitqies li huwa inammissibbli, dan ikun jippreġudika kemm in-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll, b’mod ġenerali, ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, il-valur tal-Istat ta’ dritt.

51

Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li tkun ħadet sehem fid-deliberazzjonijiet u l-vot fi ħdan il-Kunsill fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar pożizzjoni tal-Unjoni, bħal ma hi d-Deċiżjoni 2014/699, tkun tista’ tiddevja minn din id-deċiżjoni wara li din tiġi adottata, filwaqt li jkollha l-assigurazzjoni li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE kontra tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

52

Minn dan jirriżulta li l-effetti kollha tal-aġir kontenzjuż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja wat il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF ma jistgħux jitqiesu li ntemmu ma tmiem din is-seduta. Dan l-aġir għandu jitqies li pproduċa effetti fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni fi ħdan l-OTIF lil hinn mill-imsemmija seduta.

53

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest partikolari li fih jidħol l-aġir kontenzjuż, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka, sabiex tikkontesta l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ġurisprudenza fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mogħtija f’kuntesti purament interni għall-Unjoni, ġurisprudenza li minnha jirriżulta li rikors intiż għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-liġijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratt pubbliċi huwa inammissibbli meta, fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-avviż ta’ kuntratt kontenzjuż jew il-kuntratti kontenzjużi kienu diġà temmew l-effetti kollha tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑525/03, EU:C:2005:648, punti 12 sa 17, u tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑237/05, EU:C:2007:592, punti 33 sa 35).

54

Fir-rigward taċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Unjoni kienet organizzat il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 b’mod li tipprekludi milli tinkiseb protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, tali lment jirriżulta mill-eżami fuq il-mertu ta’ dan ir-rikors u mhux minn dak tal-ammissibbiltà tiegħu.

55

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ħadet il-miżuri kollha neċessarji taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fit-terminu ddeterminat fiha, b’tali mod li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli.

56

Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li tali allegazzjoni taqa’ taħt l-eżami fuq il-mertu tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkwantu l-analiżi tagħha timplika l-istħarriġ tal-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara l‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 20). Konsegwentement, il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni għandha tkun is-suġġett tal-analiżi fuq il-mertu ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

57

Fir-rigward taċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma huwiex iktar possibbli li jiġi rrimedjat il-preġudizzju allegat għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tal-Unjoni, din ma tistax, jekk titqies li ġiet stabbilita, twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax, fil-fatt, jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jinvoka fatt imwettaq li tiegħu huwa l-awtur sabiex jevita rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 39/72, EU:C:1973:13, punt 10).

58

Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-kritika fformulata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-impreċiżjoni tar-rikors tal-Kummissjoni.

59

F’dan ir-rigward, mill-punti 15 sa 19 tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni tattribwixxi lil dan l-Istat Membru nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tad-Deċiżjoni 2014/699 u tal-Artikolu 4(3) TUE biss fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Fil-fatt, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għall-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699 biss sa fejn dan l-anness jirrigwarda l-emendi tal-COTIF imsemmija fil-punti 4 u 7 tal-aġenda ta’ din is-seduta, u rreferiet għal dawn iż-żewġ punti fl-aġenda fis-sunt tagħha tal-fatti, li ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

61

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Deċiżjoni 2014/699, billi vvotat, waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, kontra l-pożizzjoni ddefinita mill-Unjoni f’din id-deċiżjoni fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda ta’ din is-seduta, u billi kkontestat pubblikament l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-Unjoni.

62

Il-Kummissjoni tenfasizza li, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-Deċiżjoni 2014/699 hija vinkolanti fl-intier tagħha, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra din id-deċiżjoni fi ħdan il-Kunsill u ppreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwax in-natura vinkolanti ta’ din l-istess deċiżjoni kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minnha għall-Istati Membri.

63

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw b’mod unilaterali miżuri korrettivi jew miżuri difensivi intiżi sabiex jirrimedjaw ksur eventwali, mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att kontenzjuż, tad-dritt tal-Unjoni. F’dan is-sens, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx annullat id-Deċiżjoni 2014/699 jew issospendiet l-eżekuzzjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha tikkonforma ruħha magħha. Inkella, l-applikazzjoni koerenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, karatteristika fundamentali tas-sistema tal-Unjoni, tiġi ppreġudikata.

64

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li la kien impossibbli u lanqas inutli, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li titlob miżuri provviżorji. Din l-istituzzjoni tenfasizza li t-Trattat FUE stabbilixxa sistema komprensiva ta’ rimedji li, kif jirriżulta mill-Artikoli 278 u 279 TFUE, tippermetti li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ urġenza. Diffikultajiet eventwali f’dan ir-rigward, bħal dawk invokati minn dan l-Istat Membru, ma jawtorizzawx lill-Istati Membri jaġixxu b’mod unilaterali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

65

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ingħatat l-opportunità li tikseb miżuri provviżorji fi żmien xieraq.

66

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra d-Deċiżjoni 2014/699, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-illegalità ta’ att fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatata man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-att. Din il-ġurisprudenza tapplika fir-rigward tal-atti kollha ta’ portata ġenerali, indipendentement mill-punt dwar jekk l-Istat Membru kkonċernat kienx id-destinatarju tiegħu jew le.

67

Permezz tat-tieni lment tiegħu, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, ħadet id-distanzi tagħha fil-konfront tal-vot espress mill-Unjoni u talbet sabiex teżerċita d-dritt ta’ vot tagħha meta dan id-dritt ta’ vot kien ġie attribwit lill-Unjoni ħoloq konfużjoni fir-rigward tar-riżultat tal-vot u ppreġudika l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni, l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tagħha kif ukoll għall-immaġini tagħha b’mod ġenerali. Dan l-aġir, konsegwentement, kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

68

Fir-rigward tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatt li hija ma kkonformatx ruħha mad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tirrigwarda l-emendi inkwistjoni. Madankollu, hija tqis li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu invokati kontriha minħabba n-natura illegali tagħhom għar-raġunijiet diġà esposti fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935).

69

F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru jippreċiża li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li l-illegalità ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri ma tistax tiġi invokata mill-Istati Membri bħala motiv ta’ difiża kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali att, ma tipprekludix li dan jista’ jqajjem, konformement mal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-Deċiżjoni 2014/699, jiġifieri fir-rigward ta’ att ta’ portata ġenerali li ma ġiex innotifikat lid-destinatarji tiegħu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat man-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni.

70

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li hija għandha d-dritt li tinvoka b’mod inċidentali l-illegalità tad-Deċiżjoni 2014/699 fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li kien de facto impossibbli għaliha li tikseb protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni qabel il-ftuħ tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

71

Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rtirat formalment l-argument relatat mal-eċċezzjoni ta’ illegalità, taħt l-Artikolu 277 TFUE. Madankollu hija indikat li xtaqet tkompli tinvoka b’mod inċidentali l-illegalità tad-Deċiżjoni 2014/699 minħabba l-impossibbiltà li tikseb protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni qabel il-ftuħ tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

72

Irrispettivament minn dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF li hija s-suġġett tal-punt 4 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, li hija ma kisritx id-Deċiżjoni 2014/699, inkwantu din tindika biss “[p]ożizzjoni kkoordinata rakkomandata” u tipprevedi, fir-rigward tal-punt 4 ta’ din l-aġenda, li l-Istati Membri jeżerċitaw id-dritt tal-vot. Dan l-Istat Membru jfakkar li, konformement mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, rakkomandazzjoni ma hijiex vinkolanti. Fir-rigward tal-emenda tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV), li kienet is-suġġett tal-punt 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, l-imsemmi Stat Membru jsostni li, għalkemm id-Deċiżjoni 2014/699 tipprevedi l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tal-Unjoni, din tal-aħħar kellha biss tiddefinixxi rakkomandazzjonijiet għal pożizzjonijiet, mingħajr effett vinkolanti.

73

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissuġġerixxi li, minħabba l-allegati nuqqasijiet serji li ġew attribwiti lilha, id-Deċiżjoni 2014/669 hija att ineżistenti li, bħala tali, għandu jkun suġġett għal eżami ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

74

Fir-rigward tat-tieni lment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) TFUE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din l-istituzzjoni ma stabbilixxiet la l-eżistenza effettiva ta’ preġudizzju għall-kredibbiltà u għar-reputazzjoni tal-Unjoni u lanqas il-fatt li l-aġir kontenzjuż ta lok għal tali preġudizzju. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li kienet l-adeżjoni tal-Unjoni fl-OTIF, li ħolqot sfidi ġodda għal din it-tieni organizzazzjoni, kif ukoll l-għaġġla eċċessiva li biha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ppreparaw għall‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF li kkawżaw il-konfużjoni waqt il-vot fi ħdan din l-istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-Deċiżjoni 2014/699, minn qari tal-paġni 31 sa 36 tal-minuti tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, anness mar-rikors tal-Kummissjoni, jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-rigward tal-punti 4 sa 7 tal-aġenda ta’ din is-seduta, esprimiet opinjoni differenti mill-pożizzjoni tal-Unjoni, hekk kif iddefinita f’din id-deċiżjoni, u vvotat kontra din il-pożizzjoni. Barra minn hekk jirriżulta minn qari tal-paġni 33 sa 36 tal-minuti tal-imsemmija seduta li dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-punt 7 ta’ din l-aġenda, esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ vot min-naħa tal-Unjoni, liema eżerċizzju kien previst fl-imsemmija deċiżjoni.

76

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax dawn il-fatti. Madankollu hija ssostni, fl-ewwel lok, li, peress li d-Deċiżjoni 2014/699 tiddefinixxi, fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, “pożizzjoni[jiet] kkoordinat[i] rakkomandat[i]”, u talloka, fir-rigward tal-punt 4 ta’ din l-aġenda, id-dritt ta’ vot lill-Istati Membri, hija ma kisritx din id-deċiżjoni.

77

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

78

Għalkemm il-pożizzjonijiet iddefiniti fil-paragrafu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699 huma ppreċeduti bil-kliem “[p]ożizzjoni kkoordinata rakkomandata”, din id-deċiżjoni ttieħdet bis-saħħa tal-Artikolu 218(9) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ “deċiżjoni” li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’istanza kkostitwita permezz ta’ ftehim. Issa, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “[i]d-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”.

79

Barra minn hekk, mill-eżami tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2014/699 jirriżulta li din tiddikjara, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, “[il]-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni [tal-OTIF]”, fl-imperattiv, kif jixhed l-użu tal-espressjonijiet “[l]-emendi […] għandhom jiġu appoġġati”, “l-Unjoni mhijiex f’pożizzjoni li tappoġġa […] u tipproponi” jew “[l]-Unjoni tieħu l-istess pożizzjoni”, sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-paragrafu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699, fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda ta’ din is-seduta.

80

In-natura vinkolanti tal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita permezz ta’ din id-deċiżjoni hija kkorroborata permezz tal-Artikolu 1(2) tagħha li jippermetti lir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF biss jaċċettaw “tibdiliet żgħar” għad-dokumenti msemmija fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni. Għandu jingħad ukoll, barra minn hekk, li d-Deċiżjoni 2014/699 ġiet ippubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew, inkwantu att vinkolanti.

81

Barra minn hekk, l-eżami, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935) fir-rigward tal-motivi invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tar-rikors li ta lok għal din is-sentenza, tippreżupponi, fil-fatt, li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, inkwantu huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti.

82

Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2014/699 hija att li jipproduċi effetti legali vinkolanti, inkwantu tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, minn naħa, għall-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, għall-Istati Membri inkwantu din timponi fuqhom l-obbligu li jiddefendu l-imsemmija pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 44).

83

Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba l-aġir tagħha deskritt fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, kisret il-pożizzjoni tal-Unjoni ddefinita f’din id-deċiżjoni, kif ukoll, fir-rigward tal-punt 7 tal-aġenda tal-imsemmija seduta, il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot, iddefiniti fl-imsemmija deċiżjoni.

84

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-illegalità tad-Deċiżjoni 2014/699, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tikseb protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni qabel il-ftuħ tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, dan ma jistax jintlaqa’.

85

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-Unjoni bbażata fuq l-Istat tad-dritt, l-atti tal-istituzzjonijiet tagħha jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità. Peress li d-Deċiżjoni 2014/699 kienet ġiet adottata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha għaldaqstant obbligu li tosservaha u li timplimentaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑177/06, EU:C:2007:538, punti 3638).

86

Il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sussegwentement, ikkontestat ukoll il-legalità tad-Deċiżjoni 2014/699 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari minħabba ksur allegat tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma jbiddel b’ebda mod in-natura vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni.

87

Fil-fatt, l-aġir kontenzjuż seħħ f’data li tippreċedi d-data tal-preżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2014/699. Dan l-Istat Membru, barra minn hekk, ma talab la sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u lanqas l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikoli 278 u 279 TFUE, fejn għalhekk ir-rikors għal annullament, konformement ma’ dan l-Artikolu 278, ma kellu ebda effett sospensiv.

88

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru ma jistax jadotta b’mod unilaterali, b’awtorità tiegħu stess, miżuri korrettivi jew protettivi intiżi li jirrimedjaw allegat ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 26).

89

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat FUE tiddistingwi r-rikorsi previsti fl-Artikoli 258 TFUE u 259 TFUE, li permezz tagħhom jista’ jiġi kkonstatat li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, u r-rimedji previsti fl-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, li jippermettu l-istħarriġ tal-legalità tal-atti jew tal-astensjonijiet min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dawn ir-rimedji jsegwu għanijiet distinti u huma suġġetti għal regoli differenti. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tal-imsemmi Trattat li tawtorizza dan espressament, Stat Membru ma jistax utilment jinvoka l-illegalità ta’ deċiżjoni jew ta’ direttiva li tagħha huwa destinatarju bħala motiv ta’ difiża kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din id-direttiva. Din il-pożizzjoni tista’ tkun differenti biss jekk l-att inkwistjoni kellu daqstant difetti partikolarment serji u evidenti li jkun jista’ jitqies bħala att ineżistenti (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑37/11, EU:C:2012:640, punt 46, u tal‑11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑601/14, EU:C:2016:759, punt 33).

90

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din l-istess ġurisprudenza tapplika mutatis mutandis f’dan il-każ, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2014/699 anki jekk dan l-Istat Membru ma kienx, formalment, id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inkwantu membru tal-Kunsill, awtur ta’ din id-deċiżjoni, neċessarjament kellha għarfien tagħha, u kienet definittivament f’pożizzjoni li tippreżenta rikors għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni fl-osservanza tat-terminu ta’ xahrejn iffissat fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif wara kollox għamlet fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935).

91

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li d-Deċiżjoni 2014/699 tikkostitwixxi att ineżistenti minħabba li għandha biss il-valur ta’ sempliċi rakkomandazzjonijiet mingħajr effett vinkolanti fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, jeħtieġ li jiġi osservat li, permezz tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors għal annullament parzjali ppreżentat minn dan l-Istat Membru mingħajr ma kkonstatat, kif setgħet tagħmel ex officio, l-ineżistenza ta’ din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala att ineżistenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li l-imsemmi argument għandu jitwarrab inkwantu jipproċedi, għar-raġunijiet diġà indikati fil-punti 78 sa 82 ta’ din is-sentenza, minn interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni 2014/699.

92

Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, jeħtieġ li jitfakkar li minn din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jirriżulta li l-Unjoni u l-Istati Membri jirrispettaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin b’mod reċiproku fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 105).

93

Minn ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ftehim jew ta’ konvenzjoni li taqa’, parzjalment, taħt il-kompetenza tal-Unjoni u, parzjalment, taħt dik tal-Istati Membri, jirriżulta li jeħtieġ li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm fil-proċess ta’ negozjazzjoni u ta’ konklużjoni kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-impenji meħuda. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta mir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Għalhekk, l-osservanza mill-Istati Membri ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 218(9) TFUE hija espressjoni partikolari tar-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza tal-Unjoni, li jirriżulta mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

95

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba l-aġir kontenzjuż tagħha waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, hekk kif juru l-minuti ta’ din is-seduta, tat lok għal dubji fir-rigward tal-kapaċità tal-Unjoni li tesprimi pożizzjoni u li tirrappreżenta lill-Istati Membri tagħha fuq ix-xena internazzjonali, u dan minkejja l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699. B’mod iktar partikolari, il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt din is-seduta, ma adottatx l-istess pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita f’din id-deċiżjoni joħloq ir-riskju li tiddgħajjef is-setgħa ta’ negozjazzjoni tal-Unjoni fi ħdan l-OTIF, għal dak li jikkonċerna s-suġġetti ttrattati matul l-imsemmija sessjoni kif ukoll is-suġġetti konnessi.

96

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni permezz tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, permezz tad-dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Settembru 2015, hija kienet neħħiet kull dubju fir-rigward tal-aġir futur tagħha b’mod li teskludi r-riskju li l-aġir attribwit lilha jerġa’ jseħħ. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat, hekk kif il-Kummissjoni indikat fir-rikors tagħha, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-risposta tagħha tal‑1 ta’ Frar 2016 għall-opinjoni motivata, ma kinitx taffiet il-biżgħat li din l-istituzzjoni kellha fir-rigward tar-riskju li tirrepeti dan l-aġir, iżda, għall-kuntrarju, kienet insistiet dwar in-natura leġittima tal-aġir kontenzjuż sa fejn id-Deċiżjoni 2014/699 kienet, skont dan l-Istat Membru, illegali u ma kienet tipproduċi ebda effett vinkolanti. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat ruħha, f’dan il-kuntest, mhux fuq id-dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Settembru 2015, iżda fuq dikjarazzjoni preċedenti magħmula waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699, li minnha kien jirriżulta li dan l-Istat Membru kien ser jadotta pożizzjoni distinta minn dik li tirriżulta f’din id-deċiżjoni fi ħdan il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

97

Ulterjorment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma sostnietx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet informat lill-istanzi kompetenti tal-OTIF dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Settembru 2015 u lanqas li kienet ikkjarifikat quddiem din l-organizzazzjoni l-aġir futur tagħha fi ħdanha.

98

Għaldaqstant, permezz tal-aġir tiegħu, l-imsemmi Stat Membru ppreġudika l-effikaċja tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni kif ukoll il-kredibbiltà u r-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar fuq ix-xena internazzjonali.

99

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġġustifika l-aġir tagħha la permezz ta’ nuqqas eventwali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 26) u lanqas permezz ta’ diffikultajiet marbuta mal-adeżjoni tal-Unjoni fl-OTIF.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li peress li, waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, ivvotat kontra l-pożizzjoni ddefinita fid-Deċiżjoni 2014/699 u peress li ddikjarat pubblikament l-oppożizzjoni tagħha kemm għall-imsemmija pożizzjoni kif ukoll għall-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot previsti fiha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni u tal-Artikolu 4(3) TUE.

Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Konformement mal-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, hemm lok li l-Kunsill jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Peress li, waqt il‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), ivvutat kontra l-pożizzjoni ddefinita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE tal‑24 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil‑25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha, u peress li ddikjarat pubblikament l-oppożizzjoni tagħha kemm għall-imsemmija pożizzjoni kif ukoll għall-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot previsti fiha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni u tal-Artikolu 4(3) TUE.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq