Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0297

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Marzu 2019.
Bashar Ibrahim et vs Bundesrepublik Deutschland u Bundesrepublik Deutschland vs Taus Magamadov.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ċaħda mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ta’ applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti ta’ protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Artikolu 52 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva – Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Ċaħda sistemika tal-applikazzjonijiet għall-ażil – Riskju reali u pprovat li persuna tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-aħħar Stat.
Kawżi magħquda C-297/17, C-318/17, C-319/17 u C-438/17.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2019]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ċaħda mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ta’ applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti ta’ protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Artikolu 52 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva – Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Ċaħda sistemika tal-applikazzjonijiet għall-ażil – Riskju reali u pprovat li persuna tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-aħħar Stat”

Fil-Kawżi magħquda C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Marzu 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2017 (C‑297/17) u fit-30 ta’ Mejju 2017 (C‑318/17 u C‑319/17), kif ukoll permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2017 (C‑438/17), fil-proċeduri

Bashar Ibrahim (C‑297/17),

Mahmud Ibrahim,

Fadwa Ibrahim,

Bushra Ibrahim,

Mohammad Ibrahim,

Ahmad Ibrahim (C‑318/17),

Nisreen Sharqawi,

Yazan Fattayrji,

Hosam Fattayrji (C‑319/17)

vs

Bundesrepublik Deutschland

u

Bundesrepublik Deutschland

vs

Taus Magamadov (C‑438/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen, K, Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, L. Bay Larsen u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2018,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2019] wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bashar Ibrahim, Mahmud Ibrahim, Fadwa Ibrahim, Bushra Ibrahim kif ukoll it-tfal minorenni Mohammad Ibrahim u Ahmad Ibrahim, u N. Sharqawi kif ukoll it-tfal minorenni tagħha Yazan Fattayrji u Hosam Fattayrji, minn D. Kösterke-Zerbe, Rechtsanwältin,

għal T. Magamadov, minn I. Stern, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, R. Kanitz u M. Henning kif ukoll minn V. Thanisch, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u P. Cottin, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoet, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Cordi u L. D’Ascia, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér u G. Koós, kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn M. Bulterman, C. S. Schillemans u M. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon kif ukoll minn C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”), kif ukoll tal-Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ erba’ tilwimiet bejn Bashar Ibrahim (Kawża C‑297/17), Mahmud Ibrahim, Fadwa Ibrahim, Bushra Ibrahim kif ukoll it-tfal minorenni Mohammad u Ahmad Ibrahim (Kawża C‑318/17), u Nisreen Sharqawi kif ukoll it-tfal minorenni tagħha Yazan u Hosam Fattayrji (Kawża C‑319/17) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), kif ukoll din tal-aħħar u Taus Magamadov (Kawża C‑438/17), fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li jirrifjuta lill-partijiet ikkonċernati l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun suġġett għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

4

Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

5

L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jistabbilixxi li:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

6

L-Artikolu 18 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-asil” jipprovdi:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni [dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmat f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150 Nru 2545 [1954])] u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea (hawn aktar ’il quddiem ‘it-Trattati’)”.

7

L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi dan li ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

8

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

9

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

Id-Direttiva dwar il-kwalifika

10

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tagħha:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja […];

[…]

d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

e)

‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

g)

‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

h)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

11

Il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-kwalifika jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

12

Jagħmel parti minn dan il-Kapitolu II, l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, li l-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

“L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]”

13

Il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar il-kwalifika jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex wieħed jitqies bħala refuġjat. F’dan il-kuntest, l-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-direttiva, intitolati rispettivament “Atti ta’ persekuzzjoni” u “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprovdu l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjonijiet.

14

Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar il-kwalifika, intitolat “Status ta’ Refuġjat”, l-Artikolu 13 tiegħu, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

15

Il-Kapitoli V u VI tad-Direttiva dwar il-kwalifika jiddefinixxu, rispettivament, il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja u l-istatus mogħti minn din il-protezzjoni.

16

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jinkludi l-Artikoli 20 sa 35 tagħha, jiddefinixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali.

Ir-Regolamenti Dublin II u Dublin III

17

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”).

18

Filwaqt li r-Regolament Dublin II kien jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, unikament il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), ir-Regolament Dublin III, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, issa għandu bħala għan li jistabbilixxi tali kriterji u mekkaniżmi f’dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III li tirreferi għal dik stabbilita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, huma dawk intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja.

19

L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-regolament huwa obbligat jieħu lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet miċħuda u li jkunu ppreżentaw applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jinsabu, mingħajr permess ta’ residenza, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

20

L-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikabbiltà”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fi il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hu għandu japplika għal applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitati sa mill-ewwel jum tas-sitt xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, minn dik id-data, ikun japplika għal kull talba biex jittieħed inkarigu ta’ jew jittieħdu lura applikanti, irrespettivament mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet saret. L-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issottomessa qabel dik id-data għandu jkun iddeterminat skont il-kriterji ddikjarati fir-Regolament [Dublin II].

[…]”

Id-Direttiva 2005/85 u d-Direttiva dwar il-proċeduri

21

Id-Direttiva dwar il-proċeduri applikat riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).

22

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2005/85 kellha bħala għan li tistabbilixxi standards minimi għal proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni għall-ażil” bħala l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr Stat li tista’ tiġi mifhuma bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali min-naħa tal-Istat Membru taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève.

23

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 kien jipprovdi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-Regolament [Dublin II], l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat […] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skond dan l-Artikolu jekk:

a)

l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

[…]”

24

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, din għandha bħala għan li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva dwar il-kwalifika.

25

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala l-applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, li tista’ tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ rifuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, u l-applikant ma jitlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kwalifika u li tista’ tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni separata.

26

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprovdi:

“Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti […] tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

27

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [dwar il-kwalifika] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]

d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [dwar il-kwalifika] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant […]

[…]”

28

L-Artikolu 40 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [dwar il-kwalifika].

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [dwar il-kwalifika], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.”

29

L-Artikolu 51(1) tad- tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”

30

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva [2005/85].”

31

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi li d-Direttiva 2005/85 tiġi mħassra, għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva dwar il-proċeduri, b’effett mill-21 ta’ Lulju 2015, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tat-terminu ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta din id-direttiva indikat fl-Anness II, Parti B.

32

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprovdi li din “għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, li seħħet fid-29 ta’ Ġunju 2013.

Id-dritt Ġermaniż

33

L-Artikolu 29 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, iktar ’il quddiem l-“AsylG”), kif emendat, b’effett mis-6 ta’ Awwissu 2016, mill-Integrationsgesetz (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni) tal-31 ta’ Lulju 2016 (BGBl. 2016 I, p. 1939, iktar ’il quddiem l-“Integrationsgesetz”), huwa intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli” u jipprovdi:

“(1)   Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

1.

Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil

a)

skont ir-Regolament [Dublin III] jew

b)

skont regoli oħra tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ftehim internazzjonali

[…]

2.

Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea diġà ta l-protezzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 1(1) lill-barrani,

[…]”

34

L-Artikolu 77(1) tal-AsylG jiddisponi:

“Fil-kawżi rregolati minn din il-liġi, il-qorti għandha tibbaża fuq is-sitwazzjoni fil-fatt u fil-liġi li teżisti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk qabel id-deċiżjoni ma jkunx hemm seduta, il-mument determinanti huwa dak ta’ meta tingħata d-deċiżjoni […]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawżi magħquda C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17

35

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma applikanti għall-ażil Palestinjani mingħajr Stat li rrisjedew fis-Sirja.

36

Bashar Ibrahim, rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑297/17, huwa t-tifel ta’ Mahmud Ibrahim u ta’ Fadwa Ibrahim kif ukoll ħu tliet itfal minorenni oħra ta’ dawn tal-aħħar li, bħal fil-każ tal-ġenituri tagħhom, għandhom il-kwalità ta’ rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑318/17. Nisreen Sharqawi u t-tfal minorenni tagħha huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑319/17.

37

Il-persuni kkonċernati telqu mis-Sirja matul is-sena 2012 sabiex marru fil-Bulgarija fejn, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Frar u tas-7 ta’ Mejju 2013, ingħatat lilhom protezzjoni sussidjarja. Fix-xahar ta’ Novembru 2013, huma komplew bil-vjaġġ tagħhom billi għaddew mir-Rumanija, mill-Ungerija u mill-Awstrija, sal-Ġermanja fejn hemmhekk ippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil ġodda fid-29 ta’ Novembru 2013.

38

Fit-22 ta’ Jannar 2014, l-Uffiċċju ressaq talbiet għal teħid lura tal-persuni kkonċernati lill-amministrazzjoni Bulgara responsabbli mir-refuġjati, li ċaħdithom permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Frar 2014. Skont din l-amministrazzjoni, il-protezzjoni sussidjarja diġà mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Bulgarija tirrendi inapplikabbli, f’dan il-każ, is-sistema ta’ teħid lura prevista mir-Regolament Dublin III. Barra minn hekk, l-awtorità Bulgara kompetenti hija l-pulizija lokali tal-fruntieri.

39

Permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Frar u tad-19 ta’ Marzu 2014, l-Uffiċċju rrifjuta d-dritt għall-ażil lill-persuni kkonċernati, mingħajr ma eżamina fil-mertu l-applikazzjonijiet tagħhom, minħabba li huma kienu ġejjin minn pajjiż terz sigur. Dan ordna li jiġu akkumpanjati lejn il-fruntiera Bulgara.

40

Permezz tas-sentenzi mogħtija fl-20 ta’ Mejju u fit-22 ta’ Lulju 2014 rispettivament, il-Verwaltungsgericht Trier (il-Qorti Amministrattiva ta’ Trier, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet.

41

Permezz tas-sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) annullat id-deċiżjonijiet ta’ akkumpanjament tal-persuni kkonċernati lejn il-fruntiera Bulgara, iżda ċaħdet il-kumplament tat-talbiet imressqa quddiemha. Skont din il-qorti, id-dritt għall-ażil fil-Ġermanja ġie ġustament irrifjutat lill-persuni kkonċernati, peress li dawn tal-aħħar waslu f’dan l-Istat Membru minn pajjiż terz sigur, jiġifieri mill-Awstrija. Madankollu, id-deċiżjonijiet ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera Bulgara huma illegali sa fejn ma ġiex stabbilit li r-Repubblika tal-Bulgarija hija dejjem disposta tieħu lura r-rikorrenti.

42

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda parzjali tal-applikazzjonijiet tagħhom quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Huma jsostnu, b’mod partikolari, li, konformement mat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III, is-sitwazzjoni tagħhom tibqa’ dejjem taqa’ taħt ir-Regolament Dublin II u li dan tal-aħħar jibqa’ applikabbli, anki wara l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Issa, skont dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin II, ir-responsabbiltà inizjali tar-Repubblika tal-Bulgarija kienet ġiet ittrasferita lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura prevista minn dan tal-aħħar.

43

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-applikazzjonijiet għall-ażil inkwistjoni fil-kawża prinċipali issa saru inammissibbli skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

44

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tikkonstata li l-Uffiċċju ma setax jirrifjuta li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil li kienu ġew ippreżentati quddiemu, minħabba li r-rikorrenti kienu ġejjin minn pajjiż terz sigur. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni, li pajjiż terz sigur jista’ jkun biss Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ ċaħda bbażati fuq l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-ażil, skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin f’kull waħda mill-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17:

“1)

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fejn, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni, li hija iktar wiesgħa minn dik mogħtija preċedentement fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri], applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta l-applikant ingħata protezzjoni sussidjarja fl Stat Membru ieħor, sa fejn, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-applikazzjonijiet imressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015?

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jimplementaw l-awtorizzazzjoni iktar wiesgħa fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] b’mod retroattiv, sabiex anki l-applikazzjonijiet għall-ażil issottomessi qabel it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dik l-awtorizzazzjoni usa’, iżda li ma kinux għadhom ġew maqtugħa definittivament fil-mument tat-traspożizzjoni, huma inammissibbli?

2)

L-Artikolu 33 tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jagħżlu li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli għaliex taqa’ taħt responsabbiltà internazzjonali oħra (Regolament ta’ Dublin) jew taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri]?

3)

Fil-każ li r-risposta [għat-tieni domanda] tkun fl-affermattiv: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri], Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni sussidjarja li ngħatat minn Stat Membru ieħor, meta:

a)

l-applikant jitlob it-tisħiħ tal-protezzjoni sussidjarja li ngħatatlu fi Stat Membru ieħor (rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat) u li l-proċedura ta’ ażil fl-Istat Membru l-ieħor kienet u għada vvizzjata minn nuqqasijiet sistemiċi,

b)

il-mekkaniżmu tal-protezzjoni internazzjonali, u speċifikament il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fl-Istat Membru l-ieħor li jkun diġà ta lill-applikant protezzjoni sussidjarja,

jikser l-Artikolu 4 tal-[Karta] u l-Artikolu 3 tal-KEDB, jew

ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 et seq tad-Direttiva [dwar il-kwalifika], iżda mingħajr ma jikser l-Artikolu 4 tal-[Karta] u l-Artikolu 3 tal-KEDB?

4)

Fil-każ li r-risposta [għat-tielet domanda taħt il-punt] 3(b) tkun fl-affermattiv, dan japplika wkoll meta l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ma jirċievu l-ebda allowance għall-għajxien, jew f’livell nettament inqas meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jkunu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni?

5)

Fil-każ li r-risposta [għat-tieni domanda] tkun fin-negattiv:

a)

Ir-Regolament Dublin III japplika fi proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet issottomessa qabel l-1 ta’ Jannar 2014, iżda t-talba għat-teħid lura tkun ġiet issottomessa wara din id-data u l-applikant ikun diġà kiseb qabel (fi Frar 2013) protezzjoni sussidjarja fl-Istat Membru mitlub?

b)

Ir-Regolamenti Dublin jġibu magħhom trasferiment – impliċitu – tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li jitlob għat-teħid lura ta’ applikant, meta l-Istat Membru resposabbli mitlub ikun ċaħad it-talba għat-teħid lura, imressqa fit-terminu previst, skont id-dispożizzjonijiet ta’ Dublin u minflok invoka ftehim internazzjonali ta’ riammissjoni?”

Il-Kawża C-438/17

46

T. Magamadov, applikant għall-ażil ta’ nazzjonalità Russa, li jiddikjara li huwa miċ-Ċeċnija, wasal matul is-sena 2007 fil-Polonja fejn, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008, ingħata l-protezzjoni sussidjarja. Fix-xahar ta’ Ġunju 2012, huwa daħal, akkumpanjat mill-konjuġi u minn wild tiegħu, fil-Ġermanja, fejn huwa ppreżenta, fid-19 ta’ Ġunju 2012, applikazzjoni għall-ażil.

47

Fit-13 ta’ Frar 2013, l-Uffiċċju indirizza talba għall-finijiet ta’ teħid lura tal-persuna kkonċernata u tal-familja tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki, li ddikjaraw, fit-18 ta’ Frar 2013, li kienu disposti li jeħduhom lura.

48

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, l-Uffiċċju qies, mingħajr ma wettaq eżami fil-mertu, li l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati mir-rikorrent u mill-familja tiegħu kienu inammissibbli, minħabba li r-Repubblika tal-Polonja kienet responsabbli mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet, u ordna t-trasferiment tal-persuni kkonċernati lejn il-Polonja. Billi dan it-trasferiment ma sarx fit-terminu stabbilit minħabba problemi ta’ saħħa li kienet tbati minnhom il-konjuġi ta’ T. Magamadov, l-Uffiċċju, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2013, irtira d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2013, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet saret responsabbli mill-eżami tal-imsemmija applikazzjonijiet, minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2014, l-Uffiċċju rrifjuta lil T. Magamadov l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u tad-dritt għall-ażil, minħabba li kien wasal fil-Ġermanja minn pajjiż terz sigur, jiġifieri l-Polonja, u ordna li jiġi akkumpanjat lejn dan tal-aħħar.

49

B’sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, il-Verwaltungsgericht Potsdam (il-Qorti Amministrattiva ta’ Potsdam, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

50

Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ April 2016, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja) annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-23 ta’ Ġunju 2014. Din fil-fatt ikkunsidrat li r-regola li tgħid li d-dritt għall-ażil ma għandux jingħata lil ċittadin barrani li jkun ġej minn pajjiż sigur ma kinitx applikabbli fil-kawża prinċipali, u dan minħabba d-deroga prevista fil-punt 2 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 26a(1) tal-AsylG, li skontu r-regola tal-pajjiż terz sigur ma tapplikax meta, bħal f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun saret responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni tal-persuna kkonċernata taħt id-dritt tal-Unjoni. Peress li l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata qabel l-20 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva 2005/85 hija, f’dan il-każ, applikabbli. Issa, din id-direttiva ma tippermettix iċ-ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għall-ażil, mingħajr eżami fil-mertu, ħlief meta Stat Membru ieħor ikun irrikonoxxa l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata.

51

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat appell għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). Hija ssostni b’mod partikolari li l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija attwalment inammissibbli, skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, kif emendata mill-Integrationsgesetz, peress li T. Magamadov ingħata protezzjoni internazzjonali fil-Polonja. Il-persuna kkonċernata, fir-rigward tagħha, tqis li l-applikazzjoni għall-ażil tagħha ppreżentata fid-19 ta’ Ġunju 2012 ma hijiex inammissibbli, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma tagħthiex l-istatus ta’ refuġjat, iżda sempliċi protezzjoni sussidjarja.

52

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tikkonstata li l-Uffiċċju ma setax jirrifjuta milli jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata quddiemu, minħabba li r-rikorrent kien ġej minn pajjiż terz sigur. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni, fejn pajjiż terz sigur jista’ jkun biss Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża tistax titqies bħala deċiżjoni ta’ ċaħda bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil, skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, fl-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iktar estiża minn dik preċedenti, mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri], li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta l-applikant ikun ingħata protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, sa fejn, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015? Dan japplika f’kull każ meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun għadha taqa’ b’mod sħiħ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Dublin II] konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament [Dublin III]?

2)

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jimplementaw retroattivament l-awtorizzazzjoni iktar estiża mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri], b’tali mod li anki applikazzjonjiet għall-ażil ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] u qabel it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din l-awtorizzazzjoni iktar estiża, iżda li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi b’mod definittiv fil-mument tat-traspożizzjoni, huma inammissibbli?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

54

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza, fejn id-domandi preliminari magħmula f’dawn it-tlett kawżi huma identiċi. Minbarra dan, permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 2018, dawn il-kawżi u l-Kawża C‑438/17 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

55

Fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2017, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:561), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2017, Magamadov (C‑438/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:723).

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17 u d-domandi fil-Kawża C‑438/17

56

B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jipprevedi applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva għal applikazzjonijiet għall-ażil li dwarhom ma jkunx għadu ġiex deċiż definittivament, li ġew ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Fil-kuntest tal-Kawża C‑438/17, din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk dan japplikax ukoll meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-proċeduri u li din tkun għadha taqa’ kompletament, konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II.

57

Skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor.

58

Billi tipprevedi l-possibbiltà, għal Stat Membru, li jiċħad tali applikazzjoni bħala inammissibbli wkoll fis-sitwazzjonijiet fejn l-applikant ikun ingħata biss protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, din id-dispożizzjoni testendi l-possibbiltà preċedentement prevista fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, li kien jippermetti tali ċaħda unikament meta l-applikant kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor.

59

Mill-Artikolu 51(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jirriżulta li l-Istati Membri kienu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom, inter alia, mal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Minbarra dan, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, id-Direttiva 2005/85 tħassret b’effett mill-21 ta’ Lulju 2015.

60

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji.

61

Għalhekk, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati u għall-proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li nbdew “wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”.

62

It-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri tipprovdi li l-applikazzjonijiet ippreżentati “qabel l-20 ta’ Lulju 2015” kif ukoll il-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, mir-regolamenti u mid-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont id-Direttiva 2005/85.

63

Mill-eżami tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva dwar il-proċeduri, b’mod partikolari minn paragun bejn il-Pożizzjoni (UE) Nru 7/2013 tal-Kunsill fl-Ewwel Qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, adottata fis-6 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, C 179 E, p. 27), u l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (COM(2009) 554 finali), jirriżulta li l-kliem “jew f’data aktar kmieni” li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri kienu ġew miżjuda matul il-proċess leġiżlattiv (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 71).

64

Konsegwentement, minkejja t-tensjoni eżistenti bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, mill-imsemmi xogħol preparatorju jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-Istati Membri li xtaqu hekk li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva, b’effett immedjat, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 72).

65

Barra minn hekk, xejn f’dan ix-xogħol preparatorju ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita din il-possibbiltà, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri joffri lill-Istati Membri, unikament għad-dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali minn dawk preċedentement adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85.

66

Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri awtorizza lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015, dan ma ġegħelhomx jagħmlu dan. Billi din id-dispożizzjoni toffri, permezz tal-użu tat-termini “mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”, diversi possibbiltajiet ta’ applikazzjoni temporali, dak li huwa importanti, sabiex il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi jiġu osservati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu għalhekk protetti kontra l-arbitrarjetà, huwa li kull Stat Membru marbut minn din id-direttiva jeżamina b’mod prevedibbli u uniformi l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li huma ppreżentati matul l-istess perijodu fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 73).

67

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjoni li biha ġie traspost fid-dritt Ġermaniż il-motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, jiġifieri l-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, daħlet fis-seħħ b’effett fis-6 ta’ Awwissu 2016 u li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG, tibbaża d-deċiżjoni tagħha, fil-kawżi prinċipali, fuq is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-aħħar seduta quddiem din il-qorti jew, fl-assenza ta’ seduta, fid-data tad-deċiżjoni tagħha, u, għaldaqstant, fuq l-Artikolu 29 tal-AsylG fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’dik id-data, sakemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jipprekludix l-applikazzjoni immedjata ta’ din il-verżjoni għal applikazzjonijiet li kienu ġew ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, iżda li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dispożizzjoni nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG tiżgura li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li ġew ippreżentati matul l-istess perijodu fit-territorju Ġermaniż u li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament waqt id-dħul fis-seħħ tal-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, jiġu eżaminati b’mod prevedibbli u uniformi.

69

It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jipprekludix li dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun, skont id-dritt nazzjonali, applikabbli ratione temporis għal applikazzjonijiet għall-ażil li kienu ġew ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni, iżda li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament.

70

It-tielet nett, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, fil-prinċipju, lanqas ma jipprekludi applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għal applikazzjonijiet li kienu ġew ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, għandu madankollu jiġi kkonstatat li applikazzjoni immedjata tal-motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tal-imsemmija direttiva hija limitata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-Kawża C‑438/17, li fiha kemm l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fil-Ġermanja kif ukoll it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura kienu ġew introdotti qabel l-1 ta’ Jannar 2014, b’tali mod li din l-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III, għadha taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II.

71

Fil-fatt, id-Direttiva dwar il-proċeduri, li ġiet adottata fl-istess jum li fih ġie adottat ir-Regolament Dublin III, tipprevedi, bħal dan tal-aħħar, estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fir-rigward tad-Direttiva 2005/85 li kienet ippreċedietha u li kienet tirregola biss il-proċedura għall-ażil. Huwa għalhekk, f’dan il-kuntest regolatorju usa’, li saret l-introduzzjoni ta’ motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli wkoll meta l-applikant ikun ingħata minn Stat Membru ieħor mhux dritt għall-ażil, iżda unikament protezzjoni sussidjarja.

72

Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 jirreferi għar-Regolament Dublin II, l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jirreferi għar-Regolament Dublin III.

73

Għalhekk mill-istruttura tar-Regolament Dublin III u minn dik tad-Direttiva dwar il-proċeduri, kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 33(1) tagħha, jirriżulta li l-motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali previst fl-Artikolu 33(2)(a) tal-imsemmija direttiva ma huwiex intiż li japplika għal applikazzjoni għall-ażil li tkun għadha taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17 kif ukoll id-domandi magħmula fil-Kawża C‑438/17 għandhom jiġu risposti li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jipprevedi applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva għal applikazzjonijiet għall-ażil li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament, li kienu ġew ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 33 jipprekludi tali applikazzjoni immedjata f’sitwazzjoni li fiha kemm l-applikazzjoni għall-ażil kif ukoll it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura kienu ġew introdotti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-proċeduri u, konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III, għadhom jaqgħu kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17

75

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skont il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu 33, mingħajr ma dawn tal-aħħar għandhom jirreferu bħala prijorità għall-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura previsti mir-Regolament Dublin II jew Dublin III.

76

Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Dublin III, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-kwalifika, meta applikazzjoni titqies bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 33 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli.

77

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]”, kif ukoll mill-għan ta’ ekonomija tal-ġudizzju mfittex minn din id-dispożizzjoni, jirriżulta li, fis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, din tippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli mingħajr ma dawn tal-aħħar għandhom jirreferu bħala prijorità għall-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura previsti mir-Regolament Dublin III.

78

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17, li jaqgħu parzjalment taħt ir-Regolament Dublin III, Stat Membru ma jistax validament jirrikjedi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti minn dan ir-regolament, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja mit-tieni minn dawn l-Istati Membri.

79

Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li ċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kellha tiġi żgurata permezz ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, pjuttost milli permezz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III (ara d-digriet tal-5 ta’ April 2017, Ahmed, C‑36/17, EU:C:2017:273, punti 3941).

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17 għandha tiġi risposta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi, l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skont il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu 33, mingħajr ma dawn tal-aħħar għandhom jew jistgħu jagħtu prijorità għall-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura previsti mir-Regolament Dublin III.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17

81

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li tiġi miċħuda applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant kien diġà ngħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru l-ieħor jew huma kuntrarji għall-Artikolu 4 tal-Karta, jew ma jissodisfawx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika mingħajr madankollu ma jaslu sabiex jiksru dan l-Artikolu 4. Hija tistaqsi jekk, skont il-każ, dan japplika wkoll meta dawn il-benefiċjarji ma jirċevux, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, benefiċċju ta’ sussistenza, jew huma destinatarji ta’ tali benefiċċju f’ammont nettament inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dan ir-rigward, miċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

82

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita din l-istess possibbiltà, meta l-proċedura għall-ażil fl-Istat Membru l-ieħor kienet u għadha vvizzjata b’nuqqasijiet sistemiċi.

83

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni msemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom, kif ukoll fil-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll tal-KEDB (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd għalhekk, b’mod partikolari, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil komuni stabbilita minn din id-direttiva, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

86

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun jeżisti riskju serju li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati, f’dan l-Istat Membru, b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tan-natura ġenerali u assoluta tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, li hija strettament marbuta mal-osservanza tad-dinjità tal-bniedem u li tipprojbixxi, mingħajr ebda possibbiltà ta’ deroga, it-trattamenti inumani jew degradanti fil-forom kollha tagħhom, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4, li jseħħ mal-mument stess tat-trasferiment, matul il-proċedura ta’ ażil jew fi tmiemha, li l-persuna kkonċernata tgħaddi minn riskju serju li tissubixxi tali trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 88).

88

Għalhekk, meta l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida bħala inammissibbli jkollha elementi prodotti mill-applikant sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riskju fl-Istat Membru li jkun diġà ta l-protezzjoni sussidjarja, din il-qorti hija obbligata tevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament attwalizzati u fir-rigward ta’ standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ nuqqasijiet kemm jekk sistemiċi jew iġġeneralizzati, kemm jekk imissu ċerti gruppi ta’ persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB, u li s-sens u l-ambitu tagħhom għalhekk huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, in-nuqqasijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandhom jissodisfaw livell partikolarment għoli ta’ gravità, li jiddependi mill-informazzjoni kollha tal-kawża (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Dan il-livell ta’ gravità partikolarment għoli jintlaħaq meta l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

L-imsemmi livell ma jistax għalhekk ikopri sitwazzjonijiet ikkaratterizzati anki minn prekarjetà kbira jew ta’ deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna kkonċernata, meta dawn ma jinvolvux deprivazzjoni materjali estrema li tqiegħed lil din il-persuna f’sitwazzjoni ta’ tant gravità li tista’ tiġi assimilata ma’ trattament inuman jew degradanti (sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 93).

92

Fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li, meta titqies l-importanza li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandu għas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika li ma għandux bħala konsegwenza ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

93

Fir-rigward taċ-ċirkustanza, ukoll imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni lill-applikant, ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew ikunu d-destinatarji ta’ tali benefiċċju f’ammont nettament inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti minn ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, din ma tistax twassal għall-konstatazzjoni li dan l-applikant ikun espost fiha għal riskju reali li jissubixxi trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta ħlief jekk ikollha bħala konsegwenza li dan isib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema li tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punti 89 sa 91 ta’ din is-sentenza.

94

Fi kwalunkwe każ, il-fatt biss li l-protezzjoni soċjali u/jew il-kundizzjonijiet tal-ħajja huma iktar favorevoli fl-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida ġiet introdotta milli fl-Istat Membru li jkun diġà ta l-protezzjoni sussidjarja ma huwiex ta’ natura li jsostni l-konklużjoni li l-persuna kkonċernata hija esposta, f’każ ta’ trasferiment lejn dan l-aħħar Stat Membru, għal riskju reali li tissubixxi trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (ara, b’analoġija,is-sentenza tal-lum, Jawo, C‑163/17, punt 97).

95

Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sitwazzjoni prevista fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-nuqqasijiet fil-proċedura ta’ ażil imsemmija mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu, skont din tal-aħħar, fil-fatt li l-Istat Membru li ta l-protezzjoni sussidjarja jirrifjuta b’mod prevedibbli, u bi ksur tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jagħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali l-istatus ta’ refuġjat u li, bi ksur tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, huwa lanqas ma jeżamina iktar applikazzjonijiet sussegwenti minkejja punti jew fatti ġodda li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintalab dan l-istatus.

96

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78 TFUE jeħtieġux li, f’tali sitwazzjoni, Stat Membru jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida minkejja regola interna li timplimenta l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

97

Għandu jitfakkar li kemm id-Direttiva dwar il-kwalifika kif ukoll id-Direttiva dwar il-proċeduri ġew adottati abbażi tal-Artikolu 78 TFUE u bil-għan li jintlaħaq l-għan stabbilit minnu kif ukoll li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 18 tal-Karta.

98

Skont id-Direttiva dwar il-kwalifika, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu bħala refuġjat, konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ, dawn għandhom, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, iwettqu evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, huwa biss jekk, wara tali evalwazzjoni individwali, l-Istati Membri jikkonstataw li applikant għal tali protezzjoni jissodisfa mhux il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu III, iżda dawk previsti fil-Kapitolu V ta’ din l-istess direttiva, li dawn jistgħu jagħtu lil dan l-applikant l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minflok l-istatus ta’ refuġjat.

99

Issa, għalkemm il-proċedura ta’ ażil fi Stat Membru wasslet sabiex jiġi rrifjutat sistematikament, mingħajr eżami reali, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva dwar il-kwalifika, it-trattament tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru ma jistax jitqies bħala konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 18 tal-Karta.

100

Madankollu, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jiċħdu l-applikazzjoni l-ġdida li l-persuna kkonċernata tkun ippreżentat quddiemhom bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, moqri fir-rigward tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. F’każ bħal dan, huwa l-Istat Membru li ta l-protezzjoni sussidjarja li għandu jkompli l-proċedura intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat.

101

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17 għandhom jiġu risposti kif ġej:

L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru ieħor ma jesponuhx għal riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Iċ-ċirkustanza li l-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni sussidjarja jirċievu, f’dan l-Istat Membru, ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew ikunu destinatarji ta’ tali benefiċċju f’ammont nettament inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti minn ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ma tistax twassal għall-konstatazzjoni li dan l-applikant ikun espost fih għal tali riskju ħlief jekk din ikollha bħala konsegwenza li jsib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita dik l-istess possibbiltà, meta l-proċedura ta’ ażil fl-Istat Membru l-ieħor li jkun ta protezzjoni sussidjarja lill-applikant twassal sabiex jiġi rrifjutat sistematikament, mingħajr eżami reali, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

Fuq il-ħames domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17

102

Fid-dawl tar-risposta mogħtija b’mod partikolari għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għall-ħames domanda magħmula f’dawn il-kawżi.

Fuq l-ispejjeż

103

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jipprevedi applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva għal applikazzjonijiet għall-ażil li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament, li kienu ġew ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 33 jipprekludi tali applikazzjoni immedjata f’sitwazzjoni li fiha kemm l-applikazzjoni għall-ażil kif ukoll it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura kienu ġew introdotti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 u, konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għadhom jaqgħu kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

 

2)

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-Kawżi C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skont il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu 33, mingħajr ma dawn tal-aħħar għandhom jew jistgħu jirreferu bħala prijorità għall-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura previsti mir-Regolament Nru 604/2013.

 

3)

L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru ieħor ma jesponuhx għal riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċirkustanza li l-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni sussidjarja jirċievu, f’dan l-Istat Membru, ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew ikunu destinatarji ta’ tali benefiċċju f’ammont nettament inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti minn ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ma tistax twassal għall-konstatazzjoni li dan l-applikant ikun espost fih għal tali riskju ħlief jekk din ikollha bħala konsegwenza li jsib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita dik l-istess possibbiltà, meta l-proċedura ta’ ażil fl-Istat Membru l-ieħor li jkun ta protezzjoni sussidjarja lill-applikant twassal sabiex jiġi rrifjutat sistematikament, mingħajr eżami reali, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq