Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0557

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Marzu 2019.
Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie vs Y. Z. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 16(2)(a) – Artikolu 17 – Irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 9(1)(a) – Telf ta’ dan l-istatus – Frodi – Nuqqas ta’ għarfien tal-frodi.
Kawża C-557/17.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 16(2)(a) – Artikolu 17 – Irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 9(1)(a) – Telf ta’ dan l-istatus – Frodi – Nuqqas ta’ għarfien tal-frodi”

Fil-Kawża C‑557/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

vs

Y. Z.,

Z. Z.,

Y. Y.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Y. Z., Z. Z. u Y. Y., minn M. Strooij u A. C. M. Nederveen, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 224) u tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), u Y. Z., Z. Z. u Y. Y. (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“missier”, it-“tifel” u l-“omm”), rigward id-deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat li jirtiraw il-permessi ta’ residenza mogħtija lil Y. Z., Z. Z. u Y. Y., u li jħeġġuhom jitilqu immedjatament mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u jipprojbixxu r-ritorn tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/86

3

Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)

‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d)

‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

[…]”

6

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

(b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu […];

[…]”

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-applikazzjoni [għad-dħul u r-residenza] għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8 […]”

8

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

[…]

(ċ)

riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. […]”

9

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi:

“It-tul tal-permess ta’ residenza mogħti lill-membru(i) tal-familja m’għandux fi prinċipju jmur lilhinn mill-iskadenza tal-permess ta’ residenza miżmum mill-isponsor.”

10

L-Artikolu 16(2) u (3) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“2.   Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fejn jintwera li:

(a)

informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida), dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw, frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa jew mezzi illegali oħra kienu ntużati;

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja fejn ir-residenza ta’ l-isponsor’s tasal fi tmiemha u l-membru tal-familja għad ma jgawdix dritt ta’ residenza awtonomu taħt l-Artikolu 15.”

11

Skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Id-Direttiva 2003/109

12

Il-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. […]

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

13

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

14

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

(a)

riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. […]

[…]”

15

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109 huwa fformulat kif ġej:

“Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b’evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 […]”

16

Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva:

“L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.”

17

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

(a)

il-kxif ta’ kisba b’mod għarrieqi ta’ status ta’ residenti għat-tul;

[…]

7.   Fejn l-irtirar jew it-telf ta’ status ta’ residenti għat-tul ma jwassalx għat-tneħħija, l-Istat Membru għandu jawtorizza lill-persuna konċernata li tibqa’ fit-territorju tiegħu jekk hi tħares il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu u/jew jekk hi ma tikkostitwixxix theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.”

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

18

L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni u mehmuża mal-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10), jipprevedi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jirrispondu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-inqas tliet snin;

u għandhom igawdu, minn aċċess liberu għal kull attività bħala persuna impjegata tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Olandiż

19

L-Artikolu 14(1) tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2000”), jipprevedi:

“Il-Ministru tagħna għandu l-kompetenza sabiex:

a)

jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr ma jeżamina l-applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza b’terminu indefinit;

[…]”

20

L-Artikolu 18(1) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Applikazzjoni sabiex tiġi estiża l-validità ta’ permess ta’ residenza għal żmien definit kif ikkontemplat fl-Artikolu 14 tista’ tiġi rrifjutata meta:

[…]

c)

l-persuna barranija pprovdiet informazzjoni mhux eżatta jew ma pprovdietx informazzjoni fejn dik l-informazzjoni kienet twassal għar-rifjut tal-applikazzjoni inizjali għall-ksib jew għall-estensjoni;

[…]”

21

L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-permess ta’ residenza għal żmien definit jista’ jiġi rtirat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) bl-eċċezzjoni ta’ dik imsemmija fil-paragrafu (b), […]”

22

Skont l-Artikolu 45a(1) tal-Liġi tal‑2000:

“Il-Ministru tagħna għandu l-kompetenza sabiex:

a)

jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr il-bżonn li jeżamina l-applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza għal perijodu twil – UE;

b)

jirtira permess ta’ residenza għal perijodu twil – UE.”

23

L-Artikolu 45d(3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-permess ta’ residenza għal perijodu twil – UE għandu jiġi rtirat meta:

[…]

b)

il-permess ta’ residenza inkiseb b’mod frawdolenti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

Mid‑29 ta’ Marzu 2001, il-missier, ta’ nazzjonalità Ċiniża, inħariġlu permess ta’ residenza ordinarju b’terminu fiss fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-allegati attivitajiet tiegħu bħala direttur ta’ kumpannija, u sussegwentement, mit‑28 ta’ April 2006, permess ta’ residenza ordinarju b’terminu indefinit f’dan l-Istat Membru. Dawn il-permessi ta’ residenza ġew mogħtija esklużivament abbażi tad-dritt nazzjonali.

25

Fil‑31 ta’ Jannar 2002, l-omm u t-tifel, rispettivament il-konjuġi tal-missier u l-wild minuri tal-koppja li twieled matul is-sena 1991, li wkoll huwa ta’ nazzjonalità Ċiniża, kisbu permess ta’ residenza ordinarju b’terminu fiss f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 14 tal-Liġi tal‑2000. Dawn il-permessi ngħataw fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja mal-missier, fis-sens tad-Direttiva 2003/86. Mit‑18 ta’ Ottubru 2006, l-omm u t-tifel inħarġulhom permessi ta’ residenza ordinarji b’terminu indefinit fl-istess Stat Membru, bir-referenza “resident għal perijodu twil – KE”, skont l-Artikoli 20 u 21 tal-Liġi tal‑2000, mibdula u essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 45a ta’ din il-liġi, li jittrasponu l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2003/109 fl-ordinament ġuridiku Olandiż.

26

Permezz ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2014, is-Segretarju tal-Istat irtira, b’effett retroattiv, minn naħa, id-diversi permessi ta’ residenza ordinarji mogħtija lill-missier, minħabba li l-impjieg allegatament imwettaq minn dan tal-aħħar kien fittizju, peress li l-kumpannija li timpjegah ma teżerċita l-ebda attività, u li dawn il-permessi kienu għalhekk ġew miksuba b’mod frawdolenti. Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat irtira wkoll, b’effett retroattiv, il-permessi ta’ residenza b’terminu fiss mogħtija lill-omm u lit-tifel fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll il-permessi ta’ residenza b’terminu indefinit mogħtija lil dawn tal-aħħar. B’dawn id-deċiżjonijiet, is-Segretarju tal-Istat ħeġġeġ lill-missier, lill-omm u lit-tifel jitilqu immedjatament mit-territorju Olandiż u adotta projbizzjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom.

27

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-permessi ta’ residenza ordinarji b’terminu fiss tal-omm u tat-tifel, li ġew irtirati taħt l-Artikolu 18(1)(c) u l-Artikolu 19 tal-Liġi tal‑2000, li jimplimentaw l-Artikolu 16(2) (a) tad-Direttiva 2003/86 fid-dritt nazzjonali, is-Segretarju tal-Istat iqis li dawn kienu nkisbu b’mod frawdolenti, peress li dawn kienu nħarġu abbażi ta’ attestazzjonijiet ta’ impjieg tal-missier frawdolenti. L-istess japplika għal permess ta’ residenza b’terminu indefinit tal-omm u tat-tifel. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-permessi nkisbu abbażi tas-suppożizzjoni ineżatta li l-omm u t-tifel kellhom, qabel l-għoti tal-imsemmija permessi, residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, l-attestazzjonijiet frawdolenti ta’ impjieg tal-missier kienu wkoll ġew prodotti bil-għan li wieħed jemmen li l-omm u t-tifel kellhom riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, peress li, fl-ebda mument, dawn tal-aħħar ma kellhom, b’mod awtonomu, tali riżorsi.

28

Fil-fehma tas-Segretarju tal-Istat, il-fatt li l-omm u t-tifel kienu jew ma kinux jafu dwar il-frodi mwettqa mill-missier u tan-natura frawdolenti tal-attestazzjonijiet ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar huwa irrilevanti.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-ilment imressaq mill-missier, l-omm u t-tifel kontra d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2014.

30

Adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2015, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, qieset li ġustament is-Segretarju tal-Istat kien irtira d-diversi permessi ta’ residenza tal-missier, kif ukoll, minn naħa, il-permessi ta’ residenza ordinarji b’terminu fiss tal-omm u tat-tifel b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 u, min-naħa l-oħra, il-permessi ta’ residenza b’terminu indefinit ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Min-naħa l-oħra, din il-qorti kkunsidrat li r-rikors kien fondat peress li s-Segretarju tal-Istat ma kienx debitament espona r-raġunijiet li għalihom l-irtirar tal-permessi ta’ residenza mogħtija lit-tifel ma kienx jikser id-dritt tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

31

Is-Segretarju tal-Istat, minn naħa, u l-missier, l-omm u t-tifel, min-naħa l-oħra, appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

32

Din il-qorti laqgħet l-appell ippreżentat mis-Segretarju tal-Istat.

33

Fil-fatt, l-imsemmija qorti qieset li dan tal-aħħar ma kienx wettaq żball billi kkunsidra, fid-dawl tad-diversi interessi preżenti, li l-irtirar tal-permessi ta’ residenza mogħtija lit-tifel ma kienx jikser l-Artikolu 8 tal-KEDB. Hija żiedet li l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għandha l-istess tifsira u l-istess portata tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ma twassalx għal evalwazzjoni differenti.

34

Fir-rigward tal-appell inċidentali ppreżentat mill-missier, l-omm u t-tifel, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma huwiex ikkontestat li l-missier kiseb il-permessi tiegħu ta’ residenza b’terminu fiss u b’terminu indefinit b’mod frawdolenti peress li l-impjieg tiegħu kien fittizju. Għalhekk, it-tilwima tirrigwarda biss il-konsegwenzi tal-frodi mwettqa fuq id-dritt ta’ residenza tal-omm u tat-tifel.

35

F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza, minn naħa, li huwa stabbilit li l-attestazzjonijiet ta’ impjieg frawdolenti, prodotti mill-missier sabiex juri li huwa kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, huma l-bażi wara l-għoti u l-estensjoni tal-permessi ta’ residenza ordinarji b’terminu fiss tal-omm u tat-tifel. Madankollu, il-missier qatt ma kellu riżorsi bħal dawn minħabba li l-impjieg tiegħu kien fittizju. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-omm u t-tifel ma kisbux permess ta’ residenza awtonomu, fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, peress li, fid-dritt Olandiż, tali permess ta’ residenza huwa limitat għal raġunijiet umanitarji mhux temporanji u li l-omm u t-tifel qatt ma kienu talbu l-għoti ta’ dan.

36

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-permessi ta’ residenza b’terminu indefinit mogħtija lill-omm u lit-tifel, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa wkoll stabbilit li r-residenza ta’ dawn tal-aħħar fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi qabel il-kisba ta’ dawn il-permessi kienet ibbażata fuq il-frodi tal-missier. Għalhekk, is-suppożizzjoni li huma kienu ssodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza legali ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, kienet ibbażata wkoll fuq frodi. Barra minn hekk, l-imsemmija permessi kienu nkisbu abbażi tal-attestazzjonijiet ta’ impjieg frawdolenti tal-missier, li ġew prodotti għall-finijiet ta’ dan il-ksib.

37

Madankollu, skont din il-qorti, huwa meħtieġ, f’dan il-każ, li wieħed jitlaq mill-premessa li l-omm u t-tifel ma kinux jafu bl-aġir frawdolenti tal-missier, peress li s-Segretarju tal-Istat mhux biss ma allegax li huma kellhom konoxxenza b’dan, iżda huwa kkunsidra wkoll li dan l-aspett kien irrilevanti.

38

L-imsemmija qorti tistaqsi jekk, f’tali ċirkustanzi, is-Segretarju tal-Istat setax validament jirtira, minn naħa, il-permessi ta’ residenza b’terminu fiss mogħtija lill-omm u lit-tifel, konformement mal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 u, min-naħa l-oħra, il-permessi ta’ residenza b’terminu indefinit mogħtija lil dawn tal-aħħar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-parti inizjali u l-punt (a) tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva [2003/86] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irtirar ta’ permess ta’ residenza mogħti fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja meta l-ksib ta’ dan il-permess ta’ residenza jkun bbażat fuq informazzjoni frawdolenti filwaqt li l-membru tal-familja ma kienx jaf dwar in-natura frawdolenti ta’ din l-informazzjoni?

2)

Il-parti inizjali u l-punt (a) tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [2003/109] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irtirar tal-istatus ta’ resident għal żmien twil meta l-ksib ta’ dan l-istatus ikun ibbażat fuq informazzjoni frawdolenti filwaqt li r-resident għal żmien twil ma kienx jaf dwar in-natura frawdolenti ta’ din l-informazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirtira il-permessi ta’ residenza li kienu maħruġa lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-direttiva, għar-raġuni li ġew prodotti dokumenti ffalsifikati għall-ksib ta’ dawn il-permessi ta’ residenza, fil-każ fejn dawk il-membri tal-familja ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti.

41

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, konformement ma’ din id-direttiva, tal-konjuġi tal-isponsor u tal-ulied minuri tal-isponsor u tal-konjuġi tiegħu. Skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, l-applikazzjoni għad-dħul u għar-residenza trid tinkludi magħha dokumenti ta’ sostenn li juru l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, fosthom il-paragrafu 1(c), li jiddisponi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi mill-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni l-prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

42

L-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jekk jiġi stabbilit li informazzjoni falza jew qarrieqa jew dokumenti foloz jew iffalsifikati kienu ntużaw jew li saret frodi jew intużaw mezzi illegali oħra.

43

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jirtiraw dan il-permess meta dokumenti ffalsifikati ġew prodotti jew li saret frodi għall-finijiet tal-kisba ta’ dan il-permess. Din id-dispożizzjoni ma tidentifikax il-persuna li tkun issottomettiet jew użat dawn id-dokumenti jew li tkun wettqet din il-frodi u lanqas ma teżiġi li l-membru tal-familja kkonċernat kien jaf b’dan. Minn din jirriżulta wkoll li s-sempliċi użu, għall-istess finijiet, ta’ informazzjoni falza jew dokumenti foloz, b’mod partikolari bil-ħsieb li wieħed jemmen li l-isponsor kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, konformement mal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed sabiex tingħata deċiżjoni ta’ rtirar tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja, mingħajr mal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jeżiġi prova ta’ intenzjoni frawdolenti min-naħa ta’ dawn il-membri jew l-għarfien, minn dawn tal-aħħar, tan-natura falza ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn id-dokumenti.

44

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn qari sistematiku tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86.

45

Fil-fatt, ir-raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza previsti f’din id-dispożizzjoni huma identiċi għal dawk ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ applikazzjoni għad-dħul u għar-residenza. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li l-użu ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew ta’ dokumenti foloz jew iffalsifikati kif ukoll ir-rikors għal frodi jew għal mezzi illegali oħra jikkostitwixxu raġunijiet mhux biss għall-irtirar tal-permess ta’ residenza mogħti iżda wkoll ta’ ċaħda ta’ din l-applikazzjoni. Dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod fiż-żewġ każijiet. Issa, kif enfasizza l-Gvern Olandiż, l-effett utli ta’ din l-istess dispożizzjoni teżiġi li Stat Membru jista’ jiċħad applikazzjoni għad-dħul u għar-residenza ta’ membru tal-familja ladarba dokumenti foloz jew iffalsifikati huma prodotti insostenn ta’ din l-applikazzjoni, anki jekk dan il-membru ma kienx jaf bin-natura falza ta’ dawn id-dokumenti jew li kienu ffalsifikati.

46

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-isponsor ikun wettaq frodi, fid-dawl tal-importanza ċentrali tal-isponsor fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/86, huwa konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u mil-loġika tagħha li din il-frodi jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-proċess ta’ riunifikazzjoni tal-familja u, b’mod partikolari, taffettwa il-permessi ta’ residenza mogħtija lill-membri tal-familja ta’ dan l-isponsor, anki jekk dawn tal-aħħar ma kinux jafu dwar il-frodi li huwa wettaq.

47

Fil-fatt, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li din għandha bħala għan ewlieni li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jiġifieri sponsors, fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi minn dan l-għan u, għaldaqstant, minn qari globali ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3), u l-Artikolu 16(3) tagħha, li, sakemm il-membri tal-familja kkonċernati ma jkunux akkwistaw dritt awtonomu ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa derivat minn dak tal-isponsor ikkonċernat intiż sabiex jiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru għandu jkun jista’ jikkunsidra li frodi mwettqa mill-isponsor taffettwa l-proċess kollu ta’ riunifikazzjoni tal-familja, b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja ta’ dan l-isponsor, u, abbażi ta’ dan, l-irtirar lill-imsemmija membri tal-permess ta’ residenza tagħhom, anki meta dawn tal-aħħar ma kinux jafu bil-frodi li huwa wettaq. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, il-frodi tivvizzja r-regolarità tad-dritt ta’ residenza tal-isponsor.

48

F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86, din għandha l-għan li tiffissa l-kundizzjonijiet li fihom huwa eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li dan id-dritt huwa rriżervat lil tali ċittadini, li huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “riunifikazzjoni tal-familja” fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva. Issa, ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħall-missier fil-kawża prinċipali inkwistjoni, kellu l-permessi ta’ residenza tiegħu rrevokati b’effett retroattiv minħabba li dawn inkisbu b’mod frawdolenti, ma jistax jitqies bħala residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk huwa ġġustifikat li, a priori, tali ċittadin ma jkunx jista’ jibbenefika minn dan id-dritt u li l-permessi ta’ residenza mogħtija lill-membri tal-familja tiegħu abbażi ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu rtirati.

49

F’dan il-każ, huwa stabbilit, minn naħa, li twettqet frodi mill-missier, li kien ipproduċa attestazzjonijiet ta’ impjieg iffalsifikati sabiex juri li huwa kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li dawn l-attestazzjonijiet ġew ipprovduti għall-finijiet tal-ksib tal-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu, jiġifieri l-omm u t-tifel, minkejja li dawn tal-aħħar ma kinux jafu bin-natura frawdolenti tal-imsemmija attestazzjonijiet.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, li jidher fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-frodi mwettqa mill-missier u l-użu ta’ attestazzjonijiet ta’ impjieg foloz jew iffalsifikati sabiex jintwera li l-missier kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, huma a priori ta’ natura li tiġġustifika l-irtirar tal-permessi ta’ residenza li kienu miksuba mill-omm u mit-tifel abbażi tal-imsemmija direttiva.

51

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 27 u 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-irtirar ta’ permess ta’ residenza b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jistax iseħħ b’mod awtomatiku. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “jistgħu […] jirtiraw” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda dan l-irtirar. F’dan ir-rigward, l-Istat Membru kkonċernat għandu, konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, l-ewwel jeffettwa eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni tal-membru tal-familja kkonċernat, billi jwettaq evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 81, kif ukoll tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43).

52

Skont dan l-aħħar artikolu, dak l-Istat Membru għandu jieħu debitament inkunsiderazzjoni n-natura u s-solidità tar-rabtiet familjari ta’ din il-persuna, tat-tul ta’ żmien ta’ residenza tagħha fit-territorju tiegħu kif ukoll, fir-rigward b’mod partikolari ta’ miżura ta’ rtirar tal-permess ta’ residenza, l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, kulturali jew soċjali ta’ din il-persuna mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

53

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, il-miżuri dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, bħal miżuri għall-irtirar tal-permess ta’ residenza maħruġ lill-membri tal-familja, iridu jiġu adottati konformement mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk protetti bl-Artikolu 8(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 7576). Għaldaqstant, anki jekk l-Istat Membru kkonċernat għandu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tal-eżami previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, dan l-eżami għandu jsir f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Karta.

54

Għalhekk, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul ta’ residenza tal-omm u tat-tifel fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-età li fiha dan tal-aħħar wasal f’dak l-Istat Membru u ċ-ċirkustanza eventwali li huwa trabba hemmhekk u rċieva edukazzjoni hemmhekk, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, ekonomiċi, kulturali u soċjali tal-omm u tat-tifel ma’ u f’dan l-Istat Membru. Huma għandhom iqisu wkoll l-eżistenza eventwali ta’ tali rabtiet tal-omm u tat-tifel ma’ u fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, li hija evalwata abbażi ta’ ċirkustanzi bħal, pereżempju, ċirku tal-familja preżenti f’dan il-pajjiż, vjaġġi jew perijodi ta’ residenza fih, jew il-livell ta’ għarfien tal-lingwa tal-pajjiż imsemmi.

55

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom, dawn l-awtoritajiet għandhom iqisu wkoll il-fatt li, f’dan il-każ, l-omm u t-tifel ma humiex huma stess responsabbli tal-frodi mwettqa mill-missier u li huma ma kinux jafu biha.

56

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali li bihom is-Segretarju tal-Istat irtira l-permessi ta’ residenza tal-omm u tat-tifel huma ġġustifikati fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 55 ta’ din is-sentenza, jew jekk dawn tal-aħħar għandhom, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, iżommu tali permessi ta’ residenza.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li ġew prodotti dokumenti ffalsifikati għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, il-fatt li dawn il-membri tal-familja ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti ma tipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jirtira dawn il-permessi. Konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, madankollu, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-ewwel għandhom iwettqu eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri, billi jwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirtira l-istatus ta’ resident għal perijodu twil li kien mogħti lil ċittadini ta’ pajjiż terz skont din id-direttiva għar-raġuni li dan l-istatus ikun inkiseb bl-użu ta’ dokumenti ffalsifikati, fl-ipoteżi fejn dawn iċ-ċittadini ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti.

59

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament matul l-aħħar ħames snin fit-territorju tagħhom. Il-kisba ta’ dan l-istatus madankollu ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, għal dan il-għan, jintroduċi applikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, liema applikazzjoni għandu jkollha magħha dokumenti ta’ sostenn li jipprovaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, huwa għandu, konformement mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ din l-istess direttiva, juri li huwa għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

60

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/109 jiddisponi li l-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

61

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li r-resident għal perijodu twil jitlef id-dritt għal dan l-istatus jekk tiġi kkonstatata l-kisba frawdolenti ta’ dan l-istatus. Din id-dispożizzjoni madankollu ma tidentifikax il-persuna li hija għall-oriġini tal-frodi mwettqa u lanqas ma teżiġi li r-resident kkonċernat kellu jkun jaf b’dan.

62

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jinvokaw b’mod frawdolenti regoli tal-Unjoni, peress li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 4849, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 99). Ir-rifjut jew l-irtirar ta’ dritt minħabba fatti frawdolenti huwa biss is-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li tgħid li, f’każ ta’ frodi, il-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa għall-finijiet tal-kisba ta’ dak id-dritt ma humiex, fir-realtà, issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 32).

63

Barra minn hekk, mill-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din għandha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul u legalment fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir, C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 32; tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S, C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 46, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2015, CGIL u INCA, C‑309/14, EU:C:2015:523, punt 21) u, għal dan il-għan, li jiġu approssimati d-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tintroduċi ugwaljanza fit-trattament ta’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali. Għalhekk, l-istatus ta’ resident għal perijodu twil jippermetti lill-persuna li tibbenefika minnu milli jgawdi minn trattament ugwali fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan l-istatus joffri wkoll lir-residenti għal perijodu twil ikkonċernati d-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, u jibbenefikaw, konformement mal-Artikolu 21 tal-istess direttiva, mill-ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 11 tagħha.

64

Fir-rigward tad-drittijiet li huma marbuta mal-istatus ta’ resident għal perijodu twil, huwa importanti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġieldu aħjar il-frodi billi jneħħu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil lill-benefiċjarju ta’ dan li jkun kiseb dan l-istatus abbażi ta’ frodi.

65

Jirriżulta minn dak li ntqal li ħadd ma jista jippretendi ż-żamma ta’ drittijiet miksuba skont id-Direttiva 2003/109 permezz ta’ frodi, jew li din il-frodi kemm jekk imwettqa jew mhux imwettqa mill-benefiċjarju ta’ dawn id-drittijiet jew jekk magħrufa minnu, peress li l-element determinanti huwa li l-kisba ta’ dawn id-drittijiet tkun ir-riżultat ta’ frodi.

66

Minn dan isegwi li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 japplika fil-każijiet kollha fejn il-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil hija bbażata fuq frodi, jiġifieri fejn frodi hija fl-oriġini ta’ din il-kisba, tkun min tkun il-persuna li wettqet il-frodi, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-imsemmi resident kien jaf dwar dan.

67

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tapplika meta, bħal fil-kawża prinċipali, ir-resident ikkonċernat, għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil, ipprovda dokumenti ffalsifikati sabiex jipprova li huwa kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu, u dan anki jekk ma kienx fl-oriġini tal-frodi mwettqa u kien jinjora n-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kisba ta’ dan l-istatus hija bbażata direttament fuq din il-frodi, li għalhekk neċessarjament teffettwa l-imsemmi status.

68

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C‑337/07, EU:C:2008:744), invokata mill-qorti tar-rinviju.

69

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill-mument li fih il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork kisbu dritt ta’ residenza awtonomu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dan id-dritt ma jistax jiġi kkontestat minħabba irregolaritajiet li, fl-imgħoddi, affettwaw id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem, liema irregolaritajiet kienu, f’dan il-każ, l-aġir frawdolenti ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Altun, C‑337/07, EU:C:2008:744, punti 56, 5759). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkunsidrat li l-frodi li tivvizzja d-dritt ta’ residenza tal-ħaddiem Tork ma setatx taffettwa d-dritt awtonomu ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu.

70

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għal din is-sentenza huma differenti minn dawk tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork jingħataw dritt awtonomu ta’ residenza wara perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi ssottomessa applikazzjoni għal dan il-għan. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-konsegwenzi li kellu, fuq id-drittijiet tal-persuni kkonċernati, l-użu ta’ dokumenti ffalsifikati insostenn ta’ tali applikazzjoni.

71

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom is-Segretarju tal-Istat irtira l-permessi ta’ residenza b’terminu indefinit tal-omm u tat-tifel, huma bbażati preċiżament fuq il-fatt, b’mod partikolari, li l-attestazzjonijiet frawdolenti ta’ impjieg tal-missier ġew prodotti insostenn tal-applikazzjoni tal-omm u tat-tifel sabiex jiksbu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil billi wieħed jaħseb li huma kellhom riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, peress li l-kisba ta’ tali status huwa biss possibbli, hekk kif ġie espost fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, wara li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni.

72

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef l-istatus ta’ resident għal perijodu twil previst minn din id-direttiva jekk jiġi stabbilit li l-kisba ta’ dan l-istatus kienet ibbażata fuq dokumenti ffalsifikati, anki jekk dan iċ-ċittadin ma kienx jaf bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti.

73

Madankollu, it-telf ta’ status ta’ resident għal perijodu twil ma jimplikax, bħala tali, li l-persuna kkonċernata titlef ukoll id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li abbażi tiegħu hija ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ dan l-istatus konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109, u li hija kisbet, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, kemm jekk dan id-dritt ta’ residenza kien miksub bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni. Dan it-telf, għaldaqstant, ma għandux l-effett awtomatiku tat-tkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2003/109. Fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuni kkonċernati, jiġifieri l-omm u t-tifel, kisbu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil abbażi ta’ dritt ta’ residenza mogħti skont id-Direttiva 2003/86, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, hekk kif ġie espost fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, tivverifika jekk dawn il-persuni għandhom, konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, iżommu l-permess ta’ residenza mogħti lilhom skont din id-direttiva.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn l-istatus ta’ resident għal perijodu twil ingħata lil ċittadini ta’ pajjiż terz abbażi ta’ dokumenti ffalsifikati, il-fatt li dawn iċ-ċittadini ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti ma jipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jirtira dan l-istatus.

Spejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li ġew prodotti dokumenti ffalsifikati għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, il-fatt li dawn il-membri tal-familja ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti ma tipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jirtira dawn il-permessi. Konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, madankollu, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-ewwel għandhom iwettqu eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri, billi jwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti.

 

2)

L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn l-istatus ta’ resident għal perijodu twil ingħata lil ċittadini ta’ pajjiż terz abbażi ta’ dokumenti ffalsifikati, il-fatt li dawn iċ-ċittadini ma kinux jafu bin-natura frawdolenti ta’ dawn id-dokumenti ma jipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jirtira dan l-istatus.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq