EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0202

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Frar 2019.
Ilmārs Rimšēvičs u Il-Bank Ċentrali Ewropew vs Ir-Repubblika tal-Latvja.
Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali – Rikors ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissospendi lill-gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu.
Kawżi magħquda C-202/18 u C-238/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:139

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2019 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-10 ta’ April 2019]

“Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali – Rikors ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissospendi lill-gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu”

Fil-Kawżi magħquda C‑202/18 u C‑238/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ rikorsi taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, ippreżentati rispettivament fis-16 ta’ Marzu u fit-3 ta’ April 2018,

Ilmārs Rimšēvičs, irrappreżentat minn S. Vārpiņš, M. Kvēps u I. Pazare, advokāti (C‑202/18),

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal-10 ta’ April 2019] Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Zilioli u K. Kaiser kif ukoll minn C. Kroppenstedt, bħala aġenti, assistiti minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado, u V. Čukste‑Jurjeva, advokāte (C‑238/18),

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kucina u J. Davidoviča, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, E. Levits, L. Bay Larsen, D. Šváby u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikorsi tagħhom ippreżentati abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE”), Ilmārs Rimšēvičs, Gvernatur tal-Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja), minn naħa, u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), fuq deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju ta’ dan, min-naħa l-oħra, jikkontestaw id-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018, li permezz tagħha l-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“KNAB”) ipprojbixxa b’mod provviżorju lil I. Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 129 TFUE:

“1.   S-SEBĊ għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

2.   L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE’ huwa stipulat fi Protokoll anness mat-Trattati.

[…]”

3

L-Artikolu 130 TFUE jipprevedi:

“Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni u tal-gvernijiet ta’ Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

4

L-Artikolu 131 TFUE jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.”

5

L-Artikolu 283(1) TFUE huwa redatt kif ġej:

“Il-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.”

6

L-Artikolu 14 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, intitolat “Banek ċentrali nazzjonali”, jipprevedi:

“14.1. Skond l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, ikunu kompatibbli mat-Trattati u ma’ dan l-Istatut.

14.2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

Gvernatur jista’ jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni [tagħhom]. Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

14.3. Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.

14.4. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f’dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.”

Id-dritt tal-Latvja

7

L-Artikolu 241(2) tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprevedi:

“Miżura ta’ sigurtà hija imposta inkwantu miżura proċedurali restrittiva fuq persuna ssuspettata jew fuq persuna akkużata, jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tkompli twettaq attivitajiet kriminali, ser tostakola l-iżvolġiment tal-proċedura kriminali jew ix-xogħol tal-qorti, jew ser tevita din il-proċedura jew din il-qorti.”

8

Skont l-Artikolu 254 ta’ dan il-kodiċi:

“1.   Il-projbizzjoni milli wieħed ikun f’impjieg speċifiku hija projbizzjoni imposta fuq persuna ssuspettata jew fuq persuna imputata, f’kundizzjonijiet iddefiniti b’deċiżjoni tal-persuna responsabbli għall-proċedura, mill-eżerċizzju ta’ tip ta’ impjieg speċifiku matul ċertu perijodu, jew mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet marbuta ma’ pożizzjoni speċifika.

2.   Id-deċiżjoni li tipprojbixxi milli wieħed ikun f’impjieg speċifiku għandha tiġi trażmessa, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha, lill-persuna li timpjega jew lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

3.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu torbot lil kull uffiċjal u għandha tiġi eżegwita fit-tlett ijiem ta’ xogħol mir-riċezzjoni tagħha. L-uffiċjal għandu jinnotifika lill-persuna responsabbli għall-proċedura bil-bidu tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.”

9

L-Artikolu 389(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Mill-involviment, fil-proċedura kriminali preliminari, ta’ persuna li għandha d-dritt tad-difiża, jew ta’ persuna li d-dritt tagħha li tiddisponi mill-beni tagħha huwa ristrett b’azzjonijiet proċedurali, il-proċedura kriminali preliminari għandha tingħalaq fir-rigward ta’ din il-persuna, jew il-miżuri kollha ta’ sigurtà u r-restrizzjonijiet tad-drittijiet għandhom jiġu rtirati fir-rigward tal-beni tagħha, fit-terminu li ġej:

[…]

4)

għal delitt partikolarment serju: tnejn u għoxrin xahar.”

10

L-Artikolu 22 tal-Likums par Latvijas Banku (il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Latvja), tad-19 ta’ Mejju 1992 (Latvijas Republikas Augstākās Padomes un Valdības Ziņotājs, 1992, no22/23), jipprevedi:

“Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja għandu jinħatar mill-Parlament, fuq rakkomandazzjoni ta’ mill-inqas għaxra mill-Membri tiegħu.

Il-Viċi Gvernatur u l-Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja għandhom jinħatru mill-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

Il-mandat tal-Gvernatur, tal-Viċi Gvernatur u tal-Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja huwa ta’ sitt snin. Fil-każ ta’ riżenja volontarja ta’ Membru tal-Kunsill jew ta’ waqfien mill-funzjonijiet għal raġuni oħra qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu, għandu jinħatar Membru ġdid tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja għal mandat ta’ tul ta’ sitt snin.

Il-Parlament jista’ jneħħi lill-Gvernatur, lill-Viċi Gvernatur u lill-Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja mill-funzjonijiet tagħhom qabel l-iskadenza tal-mandat previst fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu biss fil-każijiet li ġejjin:

1.

riżenja volontarja;

2.

imġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-[Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE];

3.

raġunijiet l-oħra għat-tneħħija mill-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 14.2 tal-[Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE].

Fil-każ previst fil-punt 2 tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-Parlament jista’ jiddeċiedi li jneħħi lill-Gvernatur, lill-Viċi Gvernatur u lill-Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja mill-funzjonijiet tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tas-sentenza ta’ kundanna.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja jista’ jirreferi d-deċiżjoni tal-Parlament li huwa jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu quddiem il-qorti prevista fl-Artikolu 14.2 tal-[Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE]. Il-Viċi Gvernatur jew Membru tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja jistgħu jirreferu d-deċiżjoni tal-Parlament li huma jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom lill-qorti prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.”

11

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas biroja likums (il-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni) (Latvijas Vēstnesis, 2002, no 65):

“(1)   L-Uffiċċju huwa awtorità tal-amministrazzjoni diretta li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-korruzzjoni previsti minn din il-liġi […]

(2)   L-Uffiċċju jaqa’ taħt il-kontroll tal-Kunsill tal-Ministri. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jeżerċita l-kontroll istituzzjonali permezz tal-Prim Ministru. Il-kontroll jinkludi d-dritt tal-Prim Ministru li jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet amministrattivi adottati mill-Kap tal-Uffiċċju u li jannulla d-deċiżjonijiet illegali, kif ukoll, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ astensjoni illegali mit-teħid ta’ azzjoni, li jordna t-teħid ta’ deċiżjoni. Id-dritt ta’ kontroll tal-Kunsill tal-Ministri ma jirrigwardax id-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7, 8, 9 u 91 ta’ din il-liġi.”

12

Il-punt (2) tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni huwa fformulat hekk:

“Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Uffiċċju għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)

iwettaq investigazzjonijiet u jmexxi attivitajiet operattivi, bil-għan li jinkixfu reati kriminali mwettqa [minn persuni] fis-servizz tal-istituzzjonijiet pubbliċi, jekk dawn ir-reati jkunu marbuta mal-korruzzjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

B’deċiżjoni tal-Parlament tal-Latvja, fil-31 ta’ Ottubru 2013, I. Rimšēvičs, inħatar fil-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja għal mandat ta’ sitt snin, li beda fil-21 ta’ Diċembru 2013 u li t-tmiem tiegħu kien stabbilit għall-21 ta’ Diċembru 2019.

14

Fis-17 ta’ Frar 2018, I. Rimšēvičs ġie arrestat wara l-ftuħ, fil-15 ta’ Frar ta’ din l-istess sena, ta’ investigazzjoni kriminali preliminari mibdija kontrih mill-KNAB.

15

Skont il-provi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ssuspettat li talab u aċċetta, matul is-sena 2013, tixħim fil-kwalità tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, sabiex jeżerċita influwenza fl-interess ta’ bank privat Latvjan.

16

Fid-19 ta’ Frar 2018, mal-ħelsien ta’ I. Rimšēvičs mill-arrest, il-KNAB adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, li imponiet fuqu diversi miżuri restrittivi, jiġifieri l-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ deċiżjoni, ta’ kontroll u ta’ superviżjoni fi ħdan il-Bank Ċentrali tal-Latvja, b’mod partikolari milli jkun fil-pożizzjoni tiegħu ta’ gvernatur ta’ dan il-bank ċentrali, l-obbligu li jħallas garanzija kif ukoll il-projbizzjoni milli javviċina ċerti persuni u milli jħalli l-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

17

Fis-27 ta’ Frar 2018, l-imħallef investigattiv tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja) ċaħad ir-rikors ippreżentat minn I. Rimšēvičs, fit-23 ta’ Frar preċedenti, kontra tnejn mill-miżuri restrittivi imposti mill-KNAB, jiġifieri l-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Bank Ċentrali tal-Latvja u l-projbizzjoni milli jħalli l-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni.

18

Fit-28 ta’ Ġunju 2018, I. Rimšēvičs ġie akkużat mill-prosekutur tal-kawża fuq kapi ta’:

ġbir ta’ tixħim permezz ta’ rigal, fil-forma ta’ vjaġġ turistiku bla ħlas;

aċċettazzjoni ta’ offerta ta’ tixħim ta’ ammont ta’ EUR 500000, u

aċċettazzjoni ta’ tixħim ta’ ammont ta’ EUR 250000.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

Bir-rikors tiegħu fil-Kawża C‑202/18, I. Rimšēvičs jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li huwa tneħħa b’mod illegali mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża;

tikkonstata l-illegalità tal-miżura restrittiva li tikkonsisti fil-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet u l-kompetenzi ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja li ġiet imposta fuqu bid-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkonstata li l-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi ta’ Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża, ġew applikati b’mod illegali għalih.

20

Bir-rikors tiegħu fil-Kawża C‑238/18, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tordna lir-Repubblika tal-Latvja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tipproduċi l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-investigazzjonijiet attwalment mibdija mill-KNAB fir-rigward ta’ I. Rimšēvičs, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja;

tikkonstata, skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li r-Repubblika tal-Latvja kisret it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn:

id-detentur tal-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu fl-assenza ta’ sentenza ta’ kundanna mogħtija minn qorti indipendenti li eżaminat il-każ fir-rigward tal-mertu, u

jekk hekk jikkonfermaw il-fatti prodotti mir-Repubblika tal-Latvja, ma teżisti ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika li I. Rimšēvičs jitneħħa mill-funzjonijiet tagħha f’dan il-każ,

tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

21

Ir-Repubblika tal-Latvja titlob li ż-żewġ rikorsi jiġu miċħuda.

22

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2018, jiġifieri fl-istess jum tar-rikors tiegħu, il-BĊE talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kawża C‑238/18 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikoli 53(4) u 133 tar-Regoli tal-Proċedura. B’digriet tat-12 ta’ Ġunju 2018, BĊE vs Il-Latvja (C‑238/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:488), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

23

Permezz ta’ digriet tal-istess jum, Rimšēvičs vs Il-Latvja (C‑202/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:489), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, ex officio, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li stieden lil I. Rimšēvičs u lir-Repubblika tal-Latvja jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, li l-Kawża C‑202/18 tiġi suġġetta wkoll għall-proċedura mħaffa.

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll fit-3 ta’ April 2018, il-BĊE, barra minn hekk, ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal miżuri provviżorji li tikkonsisti f’ordni lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tissospendi b’mod provviżorju l-projbizzjoni fuq I. Rimšēvičs mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, b’tali mod li tippermettilu jwettaq, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, il-kompiti li ma humiex marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni kriminali, jew, mill-inqas, sabiex tawtorizza lil I. Rimšēvičs jaħtar sostitut bħala membru ta’ dan il-kunsill.

25

Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il-Latvja (C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna lir-Repubblika tal-Latvja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tissospendi, sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm il-Kawża C‑238/18, il-miżuri restrittivi adottati fid-19 ta’ Frar 2018 mill-KNAB fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, sa fejn dawn il-miżuri jipprekludu lil dan tal-aħħar milli jaħtar sostitut sabiex jissostitwixxih bħala membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, u ċaħad il-bqija tat-talba għal miżuri provviżorji.

26

Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, komuni għaż-żewġ kawżi, li nżammet fil-25 ta’ Settembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Latvja jibagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’terminu ta’ tmint ijiem, id-dokumenti li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi adottati mill-KNAB fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs fid-19 ta’ Frar 2018.

27

Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2018, ir-Repubblika tal-Latvja pproduċiet 44 dokument.

28

Fl-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw rispettivament fuq dawn id-dokumenti, I. Rimšēvičs u l-BĊE jaqblu fil-kunsiderazzjoni, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Latvja ma tagħti l-ebda prova li I. Rimšēvičs huwa ħati u lanqas tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi meħuda kontrih.

29

Peress li l-Kawżi C‑202/18 u C‑238/18 jirrigwardaw żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, wara li semgħet lill-partijiet, li tgħaqqad l-imsemmija kawżi għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-argumenti tal-partijiet

30

Ir-Repubblika tal-Latvja teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati minn I. Rimšēvičs u l-BĊE.

Fil-Kawża C‑202/18

31

Skont ir-Repubblika tal-Latvja, I. Rimšēvičs qed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità u l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda mill-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tindaħal fl-iżvolġiment ta’ proċedura kriminali, li jista’ jkollu effett kunsiderevoli fuq l-investigazzjoni u fuq it-tressiq tal-ħati quddiem qorti skont il-leġiżlazzjoni Latvjana. Skont ir-Repubblika tal-Latvja, it-talbiet tar-rikors jeċċedu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqagħhom, hija tkun qed taġixxi bi ksur tal-Artikolu 276 TFUE.

32

Min-naħa l-oħra, I. Rimšēvičs iqis li l-projbizzjoni imposta fuqu milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja għal tul ta’ żmien mhux speċifikat għandha titqies li hija tneħħija mill-funzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Fil-Kawża C‑238/18

33

Ir-Repubblika tal-Latvja tqis li l-unika deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, hija dik li ttemm ir-rabta ġuridika u istituzzjonali bejn il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u din l-istituzzjoni, u mhux kull deċiżjoni li timponi obbligi fuqu. Hija tesponi li, sabiex tiġi identifikata d-deċiżjoni li ttemm tali rabta ġuridika, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “tneħħija mill-funzjonijiet”, fis-sens tal-imsemmi artikolu, u ta’ “riżenja […] imġiegħla”, previsti fl-Artikoli 246, 247 u 286 TFUE, fl-Artikolu 11.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE kif ukoll fl-Artikolu 26(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), peress li dawn iż-żewġ kunċetti huma ekwivalenti fir-rigward tal-effetti tagħhom. Ir-Repubblika tal-Latvja tosserva barra minn hekk li l-kliem użat fil-lingwa Latvjana ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa interkambjabbli.

34

Issa, l-għan tad-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex li ttemm ir-rabta ġuridika u istituzzjonali bejn il-Bank Ċentrali tal-Latvja u l-gvernatur tiegħu, iżda biss li tiggarantixxi l-iżvolġiment effettiv tal-investigazzjoni li tikkonċernah.

35

Fl-ewwel lok, din il-miżura hija ta’ natura temporanja u tista’, fi kwalunkwe mument, tiġi emendata jew irtirata. Il-punt 4 tal-Artikolu 389(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi, fil-fatt, li, meta jkun inkwistjoni delitt partikolarment serju, bħal dak li hija ssuspettata bih il-persuna kkonċernata, il-proċedura kriminali preliminari miftuħa kontriha għandha tingħalaq jew il-miżuri restrittivi kollha għandhom jiġu rtirati fit-22 xahar mill-involviment tal-imsemmija persuna f’din il-proċedura. Minbarra dan, mill-Artikolu 249(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jirriżulta li, jekk miżura proċedurali restrittiva li tkun ittieħdet fir-rigward ta’ persuna tisfa mingħajr skop jew il-kondotta tal-persuna jew iċ-ċirkustanzi li jkunu ddeterminaw l-għażla tal-miżura restrittiva jkunu nbidlu, din il-miżura għandha tiġi rtirata.

36

Fit-tieni lok, minkejja li, skont l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Latvja, huwa biss il-Parlament Latvjan li huwa awtorizzat ineħħi mill-funzjonijiet tiegħu lill-Gvernatur ta’ dan il-bank ċentrali, din l-istituzzjoni ma adottatx tali deċiżjoni.

37

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni fis-sens li deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kontenzjuża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE tmur kontra l-Artikolu 276 TFUE. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma għandux bħala għan li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterferixxi fl-iżvolġiment ta’ proċedura kriminali pendenti, iżda li jiggarantixxi li gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jitneħħiex b’mod irregolari mill-funzjonijiet tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali. Issa, jekk tintlaqa’ t-talba tal-BĊE dan ikun jobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-fatti u l-provi miġbura fil-kuntest tal-proċedura kriminali pendenti fil-Latvja, li ġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi li jirreferi għal I. Rimšēvičs, u tirfes, għaldaqstant, fuq il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali.

38

L-indipendenza tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali tal-Latvja hija wkoll, skont l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, iggarantita permezz tal-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Latvja. Din l-indipendenza fit-twettiq tal-missjonijiet tal-Bank Ċentrali tal-Latvja ma tagħti l-ebda immunità kriminali lill-Gvernatur u ma timponix restrizzjonijiet fuq l-awtoritajiet Latvjani tal-infurzar tal-liġi. Sabiex jiġu ggarantiti l-indipendenza u l-istabbiltà tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, il-liġi pprovdiet lill-Gvernatur b’Viċi Gvernatur, li l-proċedura għall-ħatra tiegħu mill-Parlament toffri l-istess garanziji bħal dawk li jgawdi l-Gvernatur, u li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ gvernatur tal-imsemmi bank ċentrali fl-assenza tal-Gvernatur jew meta dan tal-aħħar ikun tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu jew meta l-mandat tiegħu jkun skada. Skont ir-Repubblika tal-Latvja, il-Viċi Gvernatur għandu għaldaqstant, f’tali ipoteżi, jiġi kklassifikat bħala “gvernatur” fis-sens tal-Artikolu 283(1) TFUE u tal-Artikolu 10.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, u jingħata konsegwentement id-dritt li jkun fil-Kunsill Regolatorju tal-BĊE.

39

Għall-bqija, l-atti tal-proċess fil-kawża huma koperti mis-sigriet tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 375(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkomunikati lit-terzi fil-proċedura kriminali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant tiċħad ukoll it-talba tal-BĊE intiża sabiex ir-Repubblika tal-Latvja tiġi ordnata tipproduċi l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-investigazzjoni tal-KNAB rigward I. Rimšēvičs.

40

Il-BĊE jqis, minn naħa, li r-rikors tiegħu ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

41

Huwa jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tas-SEBĊ u tal-BĊE, stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE, li huwa intiż sabiex jippermetti lill-BĊE jwettaq, b’mod ħieles mill-pressjonijiet politiċi, il-missjonijiet li jagħtih it-Trattat FUE. Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jimplimenta dan il-prinċipju, filwaqt li jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu u filwaqt li jippermetti li l-legalità ta’ tali miżura tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42

Fid-dawl tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kwalunkwe funzjoni relatata mal-pożizzjoni ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, anki jekk hija ma ttemmx formalment ir-rabta ġuridika u istituzzjonali ta’ dan tal-aħħar mal-imsemmi bank, għandha titqies li hija ekwivalenti għal tneħħija mill-funzjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Jekk tiġi adottata l-interpretazzjoni kuntrarja, l-Istati Membri jkunu jistgħu, billi jadottaw miżuri ta’ din in-natura, jevitaw il-garanzija ta’ indipendenza prevista minn dan it-test. L-indipendenza tal-Gvernatur tiġi daqstant kompromessa bi projbizzjoni temporanja imposta fuq il-gvernatur ikkonċernat milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, a fortiori jekk, bħal f’dan il-każ, it-tmiem ta’ din il-projbizzjoni ma jkunx magħruf u għandu mnejn iseħħ wara l-iskadenza tal-mandat tal-Gvernatur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ natura temporanja, ma “neħħietx mill-funzjonijiet tiegħu” lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja. Issa, l-uniċi deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett tar-rikors previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huma dawk li jtemmu b’mod definittiv ir-rabta ġuridika u istituzzjonali bejn il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u l-imsemmi bank.

44

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kliem użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex jiddefinixxi s-suġġett tar-rikors li huwa jipprevedi jidher li jissuġġerixxi, fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa Latvjana kif ukoll f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, it-terminazzjoni definittiva tar-rabta bejn il-bank ċentrali nazzjonali u l-gvernatur tiegħu.

45

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awturi tat-Trattati KE u sussegwentement FUE kellhom l-intenzjoni li jiggarantixxu li l-BĊE u s-SEBĊ jkunu f’pożizzjoni li jwettqu b’mod indipendenti l-missjonijiet fdati lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 130).

47

Il-manifestazzjoni prinċipali ta’ din l-intenzjoni tinsab fl-Artikolu 130 TFUE, irriprodott essenzjalment fl-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li jipprojbixxi b’mod espliċitu, minn naħa, lill-BĊE, lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-membri tal-korpi deċiżjoni tagħhom milli jitolbu jew milli jaċċettaw istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, mill-Gvernijiet tal-Istati Membri jew minn kwalunkwe organu ieħor u, min-naħa l-oħra, lill-imsemmija istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, milli jipprovaw jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 131). Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, essenzjalment, sabiex iħarsu lis-SEBĊ mill-pressjonijiet politiċi kollha sabiex jippermettulha ssegwi b’mod effikaċi l-għanijiet attribwiti lill-missjonijiet tagħha, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li hija għandha għal dan il-għan taħt id-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Huwa sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza funzjonali tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, li, skont l-Artikolu 282(1) TFUE, jikkostitwixxu, mal-BĊE, is-SEBĊ, li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jistabbilixxi għal ħames snin it-tul minimu tal-mandat tagħhom, jipprevedi li huma jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom biss jekk huma ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tagħhom jew jekk ikunu ħatja ta’ mġiba serjament ħażina u joħloq għall-gvernatur ikkonċernat u għall-Kunsill Regolatorju tal-BĊE rimedju ġuridiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra tali miżura.

49

Billi jagħtu direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu, l-Istati Membri wrew l-importanza li huma jagħtu lill-indipendenza tad-detenturi tal-imsemmija funzjonijiet.

50

Fil-fatt, skont l-Artikolu 283(1) TFUE u l-Artikolu 10.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma ex officio membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li huwa l-korp deċiżjonali prinċipali tal-Eurosistema skont l-Artikolu 12.1 ta’ dan l-istatut u l-uniku korp deċiżjonali tal-BĊE fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ superviżjoni uniku skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament Nru 1024/2013.

51

Issa, jekk ikun jista’ jiġi deċiż mingħajr ġustifikazzjoni li l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom, l-indipendenza tagħhom tiġi serjament kompromessa u, konsegwentement, dik tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE nnifsu.

52

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-projbizzjoni temporanja, imposta fuq gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu għandha mnejn tikkostitwixxi mezz ta’ pressjoni fuq dan tal-aħħar. Minn naħa, kif juru ċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, tali projbizzjoni tista’ tkun partikolarment serja għall-gvernatur li hija tirreferi għalih meta ma tkunx akkumpanjata b’data ta’ tmiem preċiża, peress li din il-projbizzjoni tista’ barra minn hekk tapplika matul parti sinjifikattiva tal-mandat tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija tista’, minħabba n-natura temporanja tagħha, toffri mezz ta’ pressjoni li huwa iktar u iktar effettiv meta, kif indikat ir-Repubblika tal-Latvja fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe mument mhux biss skont l-iżvilupp tal-investigazzjoni iżda wkoll skont l-aġir tal-gvernatur ikkonċernat.

53

Sussegwentement, jekk miżura li tipprojbixxi lil gvernatur milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu kellha tevita kwalunkwe stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, minħabba li hija temporanja, ikun faċli għal Stat Membru, billi jadotta miżuri provviżorju suċċessivi, li jevita dan l-istħarriġ, b’tali mod li, kif l-Avukat Ġenerali enfasizzat fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni jkollha mnejn tiċċaħħad mill-effett utli tagħha.

54

Mill-bqija, ma huwiex ċert li d-deċiżjoni kontenzjuża, bħala prinċipju provviżorja, ma tistax tkun definittiva bl-effetti tagħha, peress li, skont l-indikazzjonijiet infushom tar-Repubblika tal-Latvja, l-Artikolu 389 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti ż-żamma tal-miżuri u tar-restrizzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ din matul 22 xahar, jiġifieri sat-tmiem tal-mandat ta’ I. Rimšēvičs, previst fix-xahar ta’ Diċembru 2019.

55

Jirriżulta, għaldaqstant, kemm mill-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat FUE, mill-istruttura tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE kif ukoll mill-iskop innifsu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat kontra miżura bħalma hija l-projbizzjoni provviżorja mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża.

56

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ deċiżjoni li, fil-fehma tagħha, hija intiża sabiex tiggarantixxi l-iżvolġiment effettiv tal-proċedura kriminali mibdija kontra l-persuna li għaliha tirreferi din id-deċiżjoni. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-provi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-kuntest ta’ proċedura kriminali taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Dawn il-provi huma barra minn hekk koperti mis-sigriet tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 375(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkomunikati lit-terzi fil-proċedura kriminali. L-Artikolu 276 TFUE jikkonferma n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li jipprevedi li, “[f]l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizz ieħor ta’ l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas- sigurtà interna”.

57

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-awturi tat-Trattati taw biss kompetenzi limitati lill-Unjoni fil-qasam kriminali, jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 31). Fil-fatt, din il-kompetenza tal-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata fir-rispett, mhux biss tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 19, u tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C‑348/96, EU:C:1999:6, punt 17), iżda wkoll tad-dritt tal-Unjoni kollu, b’mod partikolari tad-dritt primarju. Għaldaqstant, ir-regoli tal-proċedura kriminali nazzjonali ma jistgħux jipprekludu l-kompetenza li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn din id-dispożizzjoni hija applikabbli.

58

Minbarra dan, l-argument li r-Repubblika tal-Latvja bbażat fuq l-Artikolu 276 TFUE ma jistax jintlaqa’.

59

Fil-fatt, l-imsemmi artikolu jillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Issa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-kawża ma tikkonċernax dawn il-kompetenzi iżda dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha direttament u b’mod espliċitu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

60

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Latvja tenfasizza l-konsegwenzi inaċċettabbli, fil-fehma tagħha, li jġib miegħu r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali ġurisdizzjoni tagħti lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja immunità kriminali, tirrestrinġi l-miżuri restrittivi li jistgħu jiġu imposti fuqu u jkollha effett kunsiderevoli fuq l-iżvolġiment tal-proċedura kriminali.

61

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut ma jagħti l-ebda immunità kriminali lill-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u lanqas ma jillimita l-miżuri restrittivi li jistgħu jiġu imposti fuqu. Dan l-artikolu jagħti biss lil dan tal-aħħar, kif ukoll lill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, id-dritt li jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull deċiżjoni li permezz tagħha l-imsemmi gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu. L-eventwali konkomitanza tar-rikors previst f’dan l-artikolu u ta’ proċedura kriminali nazzjonali tirrigwarda biss l-ipoteżi eċċezzjonali li fiha tali proċedura twassal sabiex tiġi adottata kontra l-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali miżura provviżorja li tista’ tiġi assimilata għal tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, anki f’din l-ipoteżi, l-ebda prova mressqa mir-Repubblika tal-Latvja ma turi li r-rikors previst mill-Istatut huwa tali li jostakola l-iżvolġiment normali tal-investigazzjoni.

62

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati minn I. Rimšēvičs u mill-BĊE kontra d-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għandha tiġi miċħuda.

63

Għandu jingħad ukoll li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt din id-dispożizzjoni hija limitata għar-rikorsi ppreżentati kontra projbizzjoni, temporanja jew definittiva, mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-KNAB stabbilixxa diversi miżuri restrittivi, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biss sa fejn hija tipprojbixxi b’mod temporanju lil I. Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

Fuq ir-rikorsi

Fuq in-natura tar-rikorsi

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita minn I. Rimšēvičs, fil-kwalità tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, u mill-BĊE, fuq deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tiegħu, skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut. Madankollu, it-talbiet taż-żewġ rikorsi huma fformulati fi kliem differenti. I. Rimšēvičs jitlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża, adottata f’isem ir-Repubblika tal-Latvja, hija illegali, filwaqt li l-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Latvja kisret l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Mistoqsija waqt is-seduta dwar in-natura tar-rikors previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut, il-BĊE speċifika li huwa kien qed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti “sentenza dikjaratorja, bħalma huwa l-każ fil-proċeduri ta’ ksur”.

65

Madankollu għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu jew impliċitu għall-proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rregolata mill-Artikoli 258 sa 260 TFUE.

66

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni kemm letterali kif ukoll sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut twassal sabiex ir-rikors previst f’dan l-artikolu jiġi kklassifikat bħala rikors għal annullament.

67

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li, bħar-rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE, dak previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jista’ jiġi eżerċitat minn individwu, f’dan il-każ il-gvernatur imneħħi mill-funzjonijiet tiegħu, kontra deċiżjoni li huwa d-destinatarju tagħha. Barra minn hekk, kull wieħed minn dawn ir-rikorsi għandu jiġi ppreżentat fl-istess terminu ta’ xahrejn, iddefinit fi kliem identiku fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut. Mill-bqija, iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu, fl-istess kliem, li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw motivi bbażati fuq “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni [tagħhom]”.

68

Fit-tieni lok, minn approċċ sistematiku jirriżulta li n-natura speċifika tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut ma hijiex inkompatibbli mal-karatteristiċi tar-rikorsi għal annullament.

69

Huwa minnu li, sa fejn huwa jafda b’mod espliċitu lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità ta’ att ta’ dritt nazzjonali fid-dawl “tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni [tagħhom]”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut jidderoga mit-tqassim ġenerali tal-kompetenzi bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni kif previst mit-Trattati u b’mod partikolari mill-Artikolu 263 TFUE, peress li rikors taħt din id-dispożizzjoni jista’ jirrigwarda biss atti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan, 6/60‑IMM, EU:C:1960:48). Din id-deroga hija spjegata madankollu mill-kuntest istituzzjonali partikolari tas-SEBĊ li hija tagħmel parti minnu. Fil-fatt, is-SEBĊ tirrappreżenta fid-dritt tal-Unjoni kostruzzjoni ġuridika oriġinali li tassoċja u toħloq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, jiġifieri l-banek ċentrali nazzjonali, u istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-BĊE, u li fi ħdanha tipprevali struttura differenti u distinzjoni inqas ċara bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi interni.

70

Issa, l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jislet il-konsegwenzi ta’ din is-sistema integrata ħafna mixtieqa mill-awturi tat-Trattati għas-SEBĊ u, b’mod partikolari, tar-rwol professjonali doppju tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, ċertament awtorità nazzjonali iżda li jaġixxi fil-kuntest tas-SEBĊ u li jkun parti, meta jkun gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, mill-korp eżekuttiv prinċipali tal-BĊE. Huwa minħabba dan l-istatus ibridu u, kif ġie enfasizzat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza funzjonali tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali fi ħdan is-SEBĊ, li, b’mod eċċezzjonali, deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali u li tneħħi lil wieħed minnhom mill-funzjonijiet tiegħu tista’ tiġi rriferita lill-Qorti tal-Ġustizzja.

71

Mas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati, l-Artikolu 14.2 tal-Istatut iżid għaldaqstant rimedju ġudizzjarju speċifiku, kif jirriżulta min-numru żgħir ħafna tal-persuni li għandhom dan ir-rimedju, mis-suġġett uniku tad-deċiżjonijiet li kontrihom huwa previst, u miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom huwa jista’ jiġi eżerċitat.

72

Fit-tielet lok, in-natura tar-rikors previst mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut hija wkoll iċċarata permezz tal-għan li għalih huwa ġie stabbilit. Kif tfakkar fil-punti 49 et seq. ta’ din is-sentenza, dan ir-rikors jikkostitwixxi wieħed mill-garanziji prinċipali li l-gvernaturi, minkejja li maħtura mill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, irrevokati minnhom, iwettqu l-missjonijiet li jafdawlhom it-Trattati f’indipendenza sħiħa u ma jaċċettaw, skont l-Artikolu 130 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, l-ebda struzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Huwa jirrappreżenta għalhekk parti essenzjali mill-ekwilibriju istituzzjonali li teżiġi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE fi ħdan is-SEBĊ.

73

Huwa minħabba l-importanza ta’ dan il-għan u minħabba l-inkonvenjent ta’ kwalunkwe dewmien fis-sanzjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur deċiża bi ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe regola oħra tad-dritt marbuta mal-applikazzjoni tagħhom li l-awturi tal-imsemmija Trattati stabbilixxew rimedju ġuridiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra tali att favur il-BĊE u l-gvernatur ikkonċernat. Fil-fatt, kif il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, osserva fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kundizzjoni ta’ urġenza tad-digriet għal miżuri provviżorji tal-20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il-Latvja (C‑238/18, EU:C:2018:581, punti 7172), l-assenza mtawla ta’ parteċipazzjoni ta’ Membru tal-Kunsill Regolatorju għandha mnejn taffettwa b’mod serju l-funzjonament tajjeb ta’ dan il-korp essenzjali tal-BĊE. Barra minn hekk, it-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur tista’ twassal għal konsegwenzi serji u immedjati għall-persuna kkonċernata.

74

Huwa biss ir-rikors għal annullament, eventwalment ikkompletat bil-miżuri provviżorji li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, li jippermetti li jiġi indirizzat it-tħassib li kien hemm meta nħoloq dan ir-rimedju ġuridiku. B’mod partikolari, l-intenzjonijiet tal-awturi tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jiġux irrispettati b’mod sodisfaċenti jekk is-sentenza mogħtija taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut tkun ta’ natura dikjaratorja u jekk l-effetti tagħha jkollhom jiddependu b’dan il-mod fuq l-eżekuzzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

75

Minbarra dan, għandu jitfakkar li, jekk il-Kummissjoni Ewropea tqis li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, hija tista’, skont l-Artikolu 258 TFUE, toħroġ opinjoni motivata u, jekk l-Istat inkwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ din l-opinjoni, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ma jistax, għaldaqstant, jingħad, bl-istabbiliment tar-rimedju ġudizzjarju previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li l-awturi ta’ din id-dispożizzjoni kellhom biss l-intenzjoni li joħolqu proċedura parallela għal dik diġà prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

76

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda sabiex jitneħħa gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu.

77

Peress li huma ppreżentati b’mod espliċitu abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, ir-rikorsi ppreżentati minn I. Rimšēvičs u mill-BĊE għandhom, għaldaqstant, jitqiesu li huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

78

I. Rimšēvičs isostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex iġġustifikata.

79

L-ewwel nett, din ma ġietx ippreċeduta b’investigazzjoni xierqa u lanqas bi ġbir suffiċjenti ta’ provi. Il-KNAB iddedika biss jumejn għall-investigazzjoni, miftuħa fil-15 ta’ Frar, qabel ma ddeċieda fuq l-arrest tar-rikorrent, fis-17 ta’ Frar ta’ wara. Il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja nnifsu ddikjara, fil-21 ta’ Frar 2018, li xejn ma kien jippermetti l-affermazzjoni kategorika, f’dik id-data, li twettaq ksur.

80

It-tieni nett, ma tantx huwa probabbli li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja wettaq ir-reat li bih huwa ssuspettat, jiġifieri r-reat ta’ korruzzjoni passiva favur bank privat Latvjan, li waqqaf l-attivitajiet tiegħu fl-2016 u tqiegħed fi stralċ. Fil-fatt, huwa ma għandux setgħat li jippermettulu jinfluwenza b’xi mod l-attivitajiet ta’ bank privat. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet kollha tal-Bank Ċentrali tal-Latvja jiġu adottati b’mod kolleġjali. Is-superviżjoni tal-banek privati Latvjani ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, iżda taħt dik tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital kif jipprevedi l-Artikolu 2(1) tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisijas likums (il-Liġi dwar il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital).

81

It-tielet nett, is-sors tal-informazzjoni li tat lok għall-investigazzjoni ma hijiex kredibbli. Skont l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrent mill-KNAB, il-persuna li ddenunzjat il-ksur allegatament imwettaq matul is-sena 2013 hija ex membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-bank privat Latvjan li favurih kienet twettqet il-korruzzjoni. Dan tal-aħħar ġie arrestat fl-2016 għal ħasil tal-flus u kiseb l-għeluq tal-investigazzjoni kriminali miftuħa kontrih, bi skambju għad-denunzja tal-fatti ta’ korruzzjoni imputati lil I. Rimšēvičs.

82

Ir-raba’ nett, I. Rimšēvičs isostni li l-akkużi miġjuba kontrih huma impreċiżi. Il-KNAB indika li I. Rimšēvičs ġie korrott bl-għan li jiġi evitat li huwa jostakola l-attivitajiet ta’ dan il-bank privat Latvjan. Madankollu, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja ma għandux din is-setgħa. Huwa jsostni li ġie allegat fil-konfront tiegħu, b’mod impreċiż ħafna, li wettaq att negattiv (astensjoni), għaliex il-persuna li rrapportat dan l-allegat fatt ta’ korruzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tindika att pożittiv. Barra minn hekk, huwa jindika li l-BĊE, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, annulla l-liċenzja tal-imsemmi bank privat Latvjan matul is-sena 2016, li jagħti lok għal dubju dwar jekk ir-rikorrent iffavorixxiex it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ dan l-istess bank privat.

83

Il-BĊE, min-naħa tiegħu, isostni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ mġiba serjament ħażina tali li tiġġustifika li gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, u l-mod li bih il-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta.

84

Huwa l-Istat Membru li jadotta miżura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ffissati minn din id-dispożizzjoni ġew issodisfatti. F’dan ir-rigward, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu kkonstatati minn qorti indipendenti, u mhux minn aġenzija governattiva, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, jew mill-maġistrat investigattiv li jiddeċiedi fuq il-miżuri restrittivi. Dan ir-rekwiżit jippermetti li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u l-preżunzjoni ta’ innoċenza, prinċipju essenzjali tas-sistema ġudizzjarja Ewropea. Il-BĊE għandu b’dan il-mod il-garanzija li r-raġunijiet li għalihom il-gvernatur tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu jkunu ssostanzjati. Ma huwiex mitlub li d-deċiżjoni tal-qorti tkun definittiva, sabiex id-deċiżjoni li gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu tkun tista’ tiġi infurzata, jekk ikun il-każ, f’terminu raġonevoli.

85

Madankollu, jista’ jiġi aċċettat li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jkun jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu saħansitra qabel l-għoti ta’ sentenza ta’ kundanna. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta l-miżura tkun ittieħdet abbażi ta’ provi stabbiliti jew mhux ikkontestati.

86

Il-BĊE jenfasizza li, f’dan il-każ, il-KNAB neħħa lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja mill-funzjonijiet tiegħu qabel l-għoti minn qorti ta’ sentenza fuq il-mertu li tikkundannah għall-fatti li ġew allegati fil-konfront tiegħu u li huwa ma għandu, f’dan il-mument, l-ebda informazzjoni li tippermettilu jiddetermina jekk jeżistux ċirkustanzi eċċezzjonali tali li jiġġustifikaw din il-miżura. Huwa jispeċifika li huwa lest li jirrinunzja għad-dritt tiegħu għal aċċess għall-proċess tal-kawża, jekk l-investigazzjoni kriminali teżiġi trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja.

87

Fiż-żewġ kawżi, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-atti tal-proċess kriminali ta’ I. Rimšēvičs huma koperti mis-sigriet tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 375(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Jirriżulta b’mod espliċitu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE li, insostenn tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, il-gvernatur ikkonċernat jew il-Kunsill Regolatorju jistgħu jinvokaw “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni [tagħhom]”. Din l-espressjoni tirreferi primarjament għall-ksur tal-kundizzjonijiet li għalihom l-imsemmi artikolu jissuġġetta t-tneħħija ta’ gvernatur mill-funzjonijiet tiegħu.

89

F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tipprevedi li gvernatur jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu biss f’żewġ każijiet, jiġifieri jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew jekk ikun ħati ta’ imġiba serjament ħażina.

90

F’dan il-każ, il-projbizzjoni imposta fuq I. Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja hija motivata mill-ħtiġijiet ta’ investigazzjoni kriminali rigward l-allegat aġir ta’ dan tal-aħħar, meqjus li għandu n-natura ta’ reat, li, jekk jirriżulta li huwa stabbilit, jikkostitwixxi “imġiba serjament ħażina” fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

91

Għandu jiġi speċifikat qabel kollox li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun adita abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut, li għandha tissostitwixxi l-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà kriminali tal-gvernatur involut u lanqas li tinterferixxi fl-investigazzjoni kriminali preliminari mmexxija kontra dan tal-aħħar mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, għall-finijiet ta’ tali investigazzjoni, u b’mod partikolari sabiex il-gvernatur ikkonċernat jiġi prekluż milli jostakolaha, jista’ jkun meħtieġ li tiġi deċiża s-sospensjoni temporanja ta’ dan tal-aħħar mill-funzjonijiet tiegħu.

92

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, għandha tivverifika li projbizzjoni provviżorja, imposta fuq il-gvernatur ikkonċernat, milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu tittieħed biss jekk ikunu jeżistu indizji suffiċjenti li dan huwa ħati ta’ imġiba serjament ħażin tali li tiġġustifika tali miżura.

93

F’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma hija ħatja b’ebda wieħed min-nuqqasijiet li huma allegati fil-konfront tagħha. Bħall-BĊE, huwa jqis li r-Repubblika tal-Latvja ma ġabet l-ebda prova ta’ dawn in-nuqqasijiet. Fil-fatt, matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Latvja ma pprovdiet l-ebda prova prima facie tal-akkużi ta’ korruzzjoni li mmotivaw il-ftuħ tal-investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

94

Waqt is-seduta, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Latvja, li impenjaw ruħhom jagħmlu dan, jibgħatu lill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien qasir id-dokumenti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punti 125 sa 130 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ebda wieħed mid-dokumenti prodotti mir-Repubblika tal-Latvja wara s-seduta ma jinkludi prova tali li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti rigward il-fondatezza tal-akkużi miġjuba kontra l-persuna kkonċernata.

95

B’ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika tal-Latvja offriet li tibgħat dokumenti oħra “f’terminu raġonevoli”, mingħajr ma talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, li l-għeluq tagħha ġie ddikjarat wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, skont l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura. B’ittra oħra tat-30 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika tal-Latvja ġeddet l-offerta tagħha ta’ prova u talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Madankollu, din l-offerta ta’ prova, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja waqt id-deliberazzjonijiet, ma hija akkumpanjata b’ebda ġustifikazzjoni li tispjega d-dewmien fil-preżentata ta’ dawn id-dokumenti, kif jeżiġi l-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-iżvilupp tal-investigazzjoni kriminali kif deskritt mill-Gvern Latvjan ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward, Minbarra dan, din l-offerta ta’ prova ma tinkludi l-ebda indikazzjoni konkreta u speċifika dwar il-kontenut tad-dokumenti li huwa propost li jintbagħtu. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tan-natura mħaffa tal-proċeduri, l-offerta ta’ prova u t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandhom jiġu miċħuda.

96

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li r-Repubblika tal-Latvja ma stabbilixxietx li t-tneħħija ta’ I. Rimšēvičs mill-funzjonijiet tiegħu hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti li huwa ħati ta’ imġiba serjament ħażina fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u, għaldaqstant, għandha tilqa’ l-motiv ibbażat fuq in-natura mhux iġġustifikata ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

97

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata sa fejn hija tipprojbixxi lil I. Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Latvja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-BĊE kif mitlub minn dan tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi C‑202/18 u C‑238/18 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja), tad-19 ta’ Frar 2018, hija annullata sa fejn hija tipprojbixxi lil Ilmārs Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Latvja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq