EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0378

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Diċembru 2018.
The Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána vs Workplace Relations Commission.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija – Korp nazzjonali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari – Setgħa ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-378/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:979

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija – Korp nazzjonali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari – Setgħa ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑378/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Minister for Justice and Equality,

Commissioner of An Garda Síochána

vs

Workplace Relations Commission,

fil-preżenza ta’:

Ronald Boyle et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, J.-C Bonichot, A. Arabadjiev, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, L. Bay Larsen, M. Safjan, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Minister for Justice and Equality, għall-Commissioner of An Garda Síochána u għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams u T. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Kerr, BL, u minn B. Murray, SC,

għall-Workplace Relations Commission, minn G. Gilmore, BL, u C. Power, SC, mandatarju ta’ S. Larkin, solicitor,

għal Ronald Boyle et, minn D. Fennelly, BL, mandatarju ta’ M. Mullan, solicitor,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u L. Flynn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk korp nazzjonali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari għandux ikun jista’ ma japplikax regola tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform (il-Ministru għall-Ġustizzja, għall-Ugwaljanza u għar-Riforma tad-Dritt, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u l-Commissioner of An Garda Síochána (il-Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda) u, min-naħa l-oħra, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), li l-kompetenzi tiegħu ġew trasferiti, mis-sena 2015, lill-Workplace Relations Commission (il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, l-Irlanda), dwar il-kompetenza ta’ din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi li ma tapplikax dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79):

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

5

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, inkluż fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Rimedji u Eżekuzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

Id-dritt Irlandiż

6

Skont l-Artikolu 34 tal-Bunreacht na hÉireann (il-Kostituzzjoni Irlandiża):

“1.   Il-ġustizzja għandha tiġi amministrata fi qrati stabbiliti mil-liġi minn imħallfin maħtura bil-mod ipprovdut minn din il-Kostituzzjoni, u, ħlief f’tali każijiet speċjali u limitati kif previst mil-liġi, din għandha tiġi amministrata pubblikament.

2.   Il-qrati għandhom jinkludu:

i.

qrati tal-ewwel istanza

ii.

qorti tal-appell; u

iii.

qorti tal-appell finali.

3.1.   Il-qrati tal-ewwel istanza għandhom jinkludu High Court investita b’kompetenza oriġinali sħiħa u b’setgħa sabiex taqta’ l-oqsma u l-kwistjonijiet kollha kemm jekk ta’ liġi jew ta’ fatt, ċivili jew kriminali.

2. Ħlief kif ipprovdut b’mod ieħor f’dan l-artikolu, il-kompetenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) għandha testendi għall-kwistjoni tal-validità ta’ kwalunkwe liġi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni, u l-ebda kwistjoni bħal din ma għandha titqajjem (kemm jekk permezz ta’ talba, motiv jew mod ieħor) fi kwalunkwe qorti stabbilita taħt dan l-artikolu jew taħt xi artikolu ieħor ta’ din il-Kostituzzjoni għajr fil-High Court (il-Qorti Għolja), fil-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) jew fis-Supreme Court (il-Qorti Suprema).”

7

Skont l-Artikolu 37(1) tal-Kostituzzjoni Irlandiża:

“Xejn f’din il-Kostituzzjoni ma għandu jkollu l-effett li jinvalida l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet u ta’ setgħat limitati ta’ natura ġudizzjarja, f’oqsma għajr kawżi kriminali, minn xi persuna jew korp ta’ persuni debitament awtorizzat bil-liġi sabiex jeżerċita dawk il-funzjonijiet u setgħat, minkejja li din il-persuna jew dan il-korp ta’ persuni ma jkunux imħallef jew qorti maħtur jew stabbilita bħala tali bis-saħħa ta’ din il-Kostituzzjoni.”

8

Il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 fil-qasam ta’ impjieg, inkluż ta’ reklutaġġ, jinsabu fl-Employment Equality Acts 1998 sal-2015 (il-Liġijiet tal-1998 sal-2015 dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg, iktar ’il quddiem il-“liġijiet dwar l-ugwaljanza”), li l-Artikolu 77(1) tagħhom jipprevedi:

“Il-persuna li ssostni […] li kienet vittma ta’ diskriminazzjoni […] bi ksur tal-[liġijiet dwar l-ugwaljanza] tista’ […] titlob kumpens quddiem id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali […]”

9

L-Artikolu 82 tal-liġijiet dwar l-ugwaljanza jistabbilixxi diversi miżuri korrettivi li jistgħu jiġu ordnati mid-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali. Dan tal-aħħar jista’, l-ewwel nett, jordna l-kumpens fil-forma ta’ arretrati ta’ remunerazzjoni (fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ remunerazzjoni ugwali) għal perijodu ta’ impjieg li jkun beda mhux iktar minn tliet snin qabel id-data tat-talba, fis-sens tal-Artikolu 77(1) ta’ dawn il-liġijiet, li twassal għad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali, it-tieni nett, jordna remunerazzjoni ugwali minn din id-data, it-tielet nett, jordna l-kumpens għall-effetti tal-atti ta’ diskriminazzjoni jew ta’ vittimizzazzjoni li jkunu seħħew mhux iktar kmieni minn sitt snin qabel id-data tar-riferiment, fis-sens tal-Artikolu 77 tal-imsemmija liġijiet, ir-raba’ nett, jordna l-ugwaljanza fit-trattament f’kull qasam rilevanti għall-kawża, il-ħames nett, jagħti struzzjonijiet li persuna waħda jew iktar identifikati fid-deċiżjoni jieħdu l-miżuri speċifikati fiha jew, is-sitt nett, jordna l-integrazzjoni mill-ġdid jew ir-reklutuġġ mill-ġdid, bi jew mingħajr kumpens.

10

Il-paragrafu 1(c) tar-regola 5 tal-Garda Síochána (Admissions and Appointments) Regulations 1988 [id-Digriet dwar il-Pulizija Nazzjonali (Reklutaġġ u Assenjazzjoni) tal-1988], kif emendat bil-Garda Síochána (Admissions and Appointments) (Amendment) Regulations 2004 [id-Digriet dwar il-Pulizija Nazzjonali (Reklutaġġ u Assenjazzjoni) (Emenda) tal-2004)] (iktar ’il quddiem id-“digriet ‘reklutaġġ u assenjazzjoni’”), jipprovdi:

“Bla ħsara għal dan id-digriet, il-Kummissarju jista’ jaċċetta persuna għat-taħriġ biss wara

[…]

c)

li jkun ivverifika li l-persuna għandha tal-inqas 18-il sena u mhux iktar minn 35 sena fl-ewwel jum tax-xahar li fih avviż ta’ pożizzjoni vakanti tal-impjieg korrispondenti jkun ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’gazzetta nazzjonali;

[…]”

Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

11

Ronald Boyle u żewġ persuni oħra (iktar ’il quddiem “R. Boyle et”) ġew esklużi mill-proċedura intiża għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali ġodda fl-An Garda Síochána (il-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda) minħabba li kienu qabżu l-età massima ta’ reklutaġġ prevista mid-digriet “reklutaġġ u assenjazzjoni”.

12

Wara din id-deċiżjoni, R. Boyle et ippreżentaw rikors quddiem l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza).

13

R. Boyle et sostnew li l-istabbiliment ta’ età massima għar-reklutaġġ fil-forzi tal-pulizija nazzjonali jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita kemm mid-Direttiva 2000/78 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Irlandiż li jittrasponu din id-direttiva.

14

Il-Ministru eċċepixxa n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) minħabba li l-miżura li kienet timponi l-età massima għar-reklutaġġ fil-forzi tal-pulizija nazzjonali kienet dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, b’tali mod li l-qrati stabbiliti skont il-Kostituzzjoni Irlandiża biss kellhom kompetenza sabiex, jekk ikun il-każ, jiddeċiedu li ma japplikawx tali dispożizzjoni. Madankollu, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) iddeċieda li jkompli l-eżami tal-imsemmi rikors filwaqt li indika, madankollu, li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa kien ser jeżamina u jagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-kompetenza mqajma mill-Ministru.

15

Il-Ministru ppreżenta rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) b’talba intiża sabiex din il-qorti tipprojbixxi, permezz ta’ digriet indirizzat lill-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza), li jaġixxi b’mod li jkun, possibbilment, illegali.

16

Il-High Court (il-Qorti Għolja) laqgħet it-talba tal-Ministru permezz ta’ digriet li jipprojbixxi lill-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) li jagħti deċiżjoni fuq ir-rikors ta’ R. Boyle et. Il-High Court (il-Qorti Għolja) fil-fatt iddeċidiet li l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ma kellux kompetenza sabiex jadotta deċiżjoni legalment vinkolanti li tikkonstata l-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, peress li din il-kompetenza hija espressament irriżervata għall-High Court (il-Qorti Għolja) skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Irlandiża.

17

L-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ippreżenta appell kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda).

18

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fid-dritt nazzjonali, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza), li fil-frattemp sar il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, ma għandux kompetenza sabiex ma japplikax dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jqis li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija biss il-High Court (il-Qorti Għolja) li għandha tali kompetenza u tista’, għalhekk, tiġi validament adita b’kawża li, jekk ir-rikors jintlaqa’, timplika li ma jkollhiex tapplika dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bla ħsara għal appell quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) jew ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Din tal-aħħar tqis li peress li, fid-dritt nazzjonali, il-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg hija maqsuma bejn, minn naħa, il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, li għandha kompetenza fil-parti l-kbira tal-kawżi, u, min-naħa l-oħra, il-High Court (il-Qorti Għolja), meta talba li tintlaqa’ f’dan il-qasam tkun teżiġi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt nazzjonali li ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju hija wkoll tal-fehma li, fid-dritt nazzjonali, u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-High Court (il-Qorti Għolja) għandha kompetenza sabiex tadotta kull miżura neċessarja għall-implimentazzjoni tad-drittijiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

20

Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) sussegwentement eżaminat il-kwistjoni dwar jekk tali tqassim ta’ kompetenza fl-ordinament ġuridiku intern josservax il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li peress li tali tqassim jista’ japplika fi kwalunkwe qasam legali, kemm nazzjonali jew taħt id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat b’mod ċar.

22

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li dan it-tqassim ta’ kompetenzi, li abbażi tiegħu l-High Court (il-Qorti Għolja) għandha tiġi adita b’kawżi li jimplikaw l-eventwali nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regoli ta’ dritt nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn din l-aħħar qorti għandha kompetenza sabiex tiżgura r-rispett ta’ kwalunkwe dritt irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, sabiex ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jistabbilixxu l-età massima għar-reklutaġġ fis-servizz ta’ pulizija li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg, u dan b’mod li ma jirrendix l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni eċċessivament diffiċli.

23

Il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali ssostni, min-naħa tagħha, li, bħala korp marbut bl-obbligu ġenerali li jiżgura l-osservanza tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg, hija għandha jkollha s-setgħat neċessarji kollha għal dan il-għan. Għalhekk, hija tqis li t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-High Court (il-Qorti Għolja) u hija nnifisha ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan it-tqassim jagħmilha impossibbli għaliha li tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fejn

a)

korp nazzjonali huwa stabbilit bil-liġi u għandu ġurisdizzjoni [kompetenza] ġenerali biex, inter alia, jiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari; u

b)

id-dritt nazzjonali ikun jirrikjedi li tali korp ma jkollux ġurisdizzjoni f’kategorija limitata ta’ każijiet fejn rimedju effettiv ikun jirrikjedi n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola nazzjonali bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, u

c)

qrati nazzjonali xierqa jkollhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kull deċiżjoni xierqa ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meħtieġ biex tiġi ggarantita l-osservanza tar-regola tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, ikollhom ġurisdizzjoni biex jittrattaw kawżi li fihom tali rimedju huwa neċessarju, ikollhom ġurisdizzjoni, f’dawn il-kawżi, biex jiddeċiedu kull miżura meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni u meqjusa konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil-ġurisprudenza tal-Unjoni,

il-korp stabbilit mil-liġi għandu, madankollu, jiġi kkunsidrat bħala li għandu ġurisdizzjoni biex jeżamina azzjoni kontra regola tad-dritt nazzjonali li għaliha ġie allegat li tikser id-dritt rilevanti tal-Unjoni u, jekk jilqa’ din l-azzjoni, għandu ma japplikax din ir-regola nazzjonali minkejja li d-dritt nazzjonali jagħti ġurisdizzjoni lil qorti stabbilita bis-saħħa tal-Kostituzzjoni, u mhux lill-korp inkwistjoni, fil-kawżi kollha li fihom il-validità ta’ regola hija kkontestata għal xi motiv jew li fihom in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola hija mitluba?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25

Il-Gvern Ċek jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jenfasizza n-natura vaga tagħha kif ukoll il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija f’kunflitt magħhom.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Huwa importanti wkoll li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C-284/12, EU:C:2013:755, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, għalkemm il-kawża prinċipali għandha bħala oriġini azzjoni mressqa minn kandidati eliminati minn proċedura ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija Irlandiża u intiża sabiex tiġi ddikjarata l-inkompatibbiltà tal-istabbiliment, permezz tad-digriet “reklutaġġ u assenjazzjoni”, ta’ età massima ta’ reklutaġġ mad-Direttiva 2000/78 u mal-liġijiet dwar l-ugwaljanza, jirriżulta madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, tat-tqassim ta’ kompetenzi bejn il-High Court (il-Qorti Għolja) u l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema), li abbażi tagħha din il-kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-imsemmija direttiva.

30

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li tressqet quddiemha u, għaldaqstant, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li korp nazzjonali, stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari, ma jkollux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li ma japplikax regola ta’ dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

32

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Irlandiż, kif interpretat mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema), jeżisti tqassim ta’ kompetenzi bejn il-qrati indikati bħala tali mid-dritt nazzjonali u l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali. Minn naħa, din tal-aħħar għandha kompetenza sabiex taqta’ r-rikorsi ppreżentati kontra miżuri jew deċiżjonijiet allegatament inkompatibbli mad-Direttiva 2000/78 u mal-liġijiet dwar l-ugwaljanza, u, min-naħa l-oħra, il-High Court (il-Qorti Għolja) ikollha l-kompetetenza meta l-fatt li jintlaqa’ tali rikors ikun jeżiġi li ma tiġix applikata jew li titwarrab dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

33

F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħa li ma tiġix applikata, f’każ partikolari, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u s-setgħa li titwarrab tali dispożizzjoni li jkollha bħala effett, usa’, li ċċaħħadha minn kull validità.

34

Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw il-qrati u/jew l-istituzzjonijiet kompetenti għall-istħarriġ tal-validità ta’ dispożizzjoni nazzjonali u jipprevedu r-rimedji ġudizzjarji u l-proċedurali li jippermettu l-kontestazzjoni ta’ din il-validità, u, meta r-rikors ikun fondat, jannullaw l-imsemmija dispożizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, jiddeterminaw l-effetti ta’ tali annullament.

35

Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qrati nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx, taħt l-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, mingħajr ma jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 17, 21 u 24, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Hija, għaldaqstant, inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li tkun kompetenti biex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li jkun neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment ikunu ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli direttament applikabbli tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, EU:C:1990:257, punt 20, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C-409/06, EU:C:2010:503, punt 56).

37

Issa, dan ikun il-każ jekk, fl-ipoteżi ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali, ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-kunflitt tiġi rriżervata għal awtorità li ma tkunx qorti li lilha jiġi fdat il-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tkun investita b’setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C-409/06, EU:C:2010:503, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet, dan id-dmir li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, ma huwiex biss ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali, iżda wkoll tal-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi, responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 31; tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C-198/01, EU:C:2003:430, punt 49; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C-341/08, EU:C:2010:4, punt 80, u tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C-628/15, EU:C:2017:687, punt 54).

39

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi mhux biss fuq il-qrati, iżda wkoll fuq l-istanzi kollha tal-Istat Membru sabiex jagħtu effett sħiħ lir-regoli tal-Unjoni.

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inkluż, meta huma jqisu xieraq, proċeduri ta’ konċiljazzjoni, intiżi għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li jqisu ruħhom ittrattati ħażin minħabba n-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħhom tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

42

Minn dan l-artikolu jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw proċeduri li huma intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78.

43

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlatur Irlandiż għamel l-għażla li jagħti l-kompetenza speċifika li tiġi żgurata l-osservanza tad-Direttiva 2000/78 lill-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali. Skont l-Artikolu 77(1) tal-liġijiet dwar l-ugwaljanza, li jinkludu l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Irlandiż, kull persuna li ssostni li kienet vittma ta’ diskriminazzjoni bi ksur ta’ dawn il-liġijiet tista’, fil-fatt, titlob kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet billi tressaq il-każ quddiem din il-kummissjoni.

44

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali hija korp stabbilit mil-leġiżlatur Irlandiż għat-twettiq tal-obbligu impost fuq l-Irlanda skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78.

45

F’dan il-kuntest, jekk il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, bħala korp fdat mil-leġiżlatur nazzjonali bil-kompetenza li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kif stabbilit permezz tad-Direttiva 2000/78 u permezz tal-liġijiet dwar l-ugwaljanza, tiġi adita b’tilwima li tirrigwarda l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li hija tiżgura, fil-kuntest ta’ din il-ġurisdizzjoni, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi ma tapplikax, skont il-bżonn, kwalunkwe dispożizzjoni possibbilment kuntrarja tal-liġi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, EU:C:2005:709, punt 77, tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, EU:C:2010:21, punt 53 u tad-19 ta’ April 2016, DI, C-441/14, EU:C:2016:278, punt 35).

46

Fil-fatt, ikun kontradittorju li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari quddiem korp li lilu d-dritt nazzjonali jkun attribwixxa l-kompetenza fit-tilwim f’dan il-qasam u li l-imsemmi korp ma jkollux madankollu l-obbligu li japplika dawn id-dispożizzjonijiet billi jwarrab dawk tad-dritt nazzjonali li ma jkunux konformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 31).

47

Barra minn hekk, sakemm il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali għandha titqies li hija “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Z., C-363/12, EU:C:2014:159), hija tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont dan l-artikolu, domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u, peress li hija marbuta bis-sentenza mogħtija bħala deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tagħti applikazzjoni immedjata għall-imsemmija sentenza, billi, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikati, taħt l-awtorità tagħha stess, id-dispożizzjonijiet kuntrarji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C-689/13, EU:C:2016:199, punti 32, 34, 39 u 40).

48

Jekk korp bħalma hija l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, awtorizzat bil-liġi sabiex jeżerċita l-funzjoni li jiżgura l-applikazzjoni u l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, ma setax jikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-imsemmija direttiva u, bħala konsegwenza, ma setax jiddeċiedi li ma japplikax din id-dispożizzjoni, l-effett utli tar-regoli tal-Unjoni tal-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol jitnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, C-198/01, EU:C:2003:430, punt 50).

49

Issa, ma jistax jiġi aċċettat li regoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, jippreġudikaw l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C-409/06, EU:C:2010:503,punt 61).

50

Mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-korpi inkarigati bl-applikazzjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, tad-dritt tal-Unjoni, għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx id-dispożizzjonijiet jew il-ġurisprudenza nazzjonali kollha li jmorru kontra l-imsemmi dritt. Dan jimplika li dawn il-korpi, sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhom la jitolbu u lanqas jistennew it-tħassir minn qabel ta’ tali dispożizzjoni jew ġurisprudenza permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.

51

Konsegwentement, il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li d-dritt nazzjonali jippermetti f’dan il-każ lill-individwi jippreżentaw, quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), rikors ibbażat fuq l-allegata inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2000/78 u lil din il-qorti tal-aħħar, jekk hija tilqa’ dan ir-rikors, li ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni preċedenti.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li korp nazzjonali, stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari, ma jkollux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li ma japplikax regola tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li korp nazzjonali, stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari, ma jkollux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li ma japplikax regola tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq