EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0262

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Novembru 2018.
Solvay Chimica Italia SpA et vs Autorità per l'energia elettrica, il gas e il sistema idrico.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Sistemi ta’ distribuzzjoni – Artikolu 28 – Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa – Kunċett – Eżenzjonijiet – Limiti – Artikolu 32(1) – Aċċess għal terzi – Artikolu 15(7) u Artikolu 37(6)(b) – Tariffi dovuti għal servizzi ta’ dispaċċ.
Kawżi magħquda C-262/17, C-263/17 u C-273/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:961

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Sistemi ta’ distribuzzjoni – Artikolu 28 – Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa – Kunċett – Eżenzjonijiet – Limiti – Artikolu 32(1) – Aċċess għal terzi – Artikolu 15(7) u Artikolu 37(6)(b) – Tariffi dovuti għal servizzi ta’ dispaċċ”

Fil-Kawżi magħquda C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Solvay Chimica Italia SpA,

Solvay Specialty Polymers Italy SpA,

Solvay Chimica Bussi SpA,

Ferrari f.lli Lunelli SpA,

Fenice – Qualità Per L’ambiente SpA,

ERG Power Srl,

ERG Power Generation SpA,

ENI SpA,

Enipower SpA (C-262/17),

Whirlpool Europe Srl,

Fenice – Qualità Per L’ambiente SpA,

FCA Italy SpA,

FCA Group Purchasing Srl,

FCA Melfi SpA,

Barilla G. e R. Fratelli SpA,

Versalis SpA (C-263/17),

Sol Gas Primari Srl (C-273/17)

vs

Autorità per l’energia elettrica e per il gas e il sistema idrico,

fil-preżenza ta’:

Nuova Solmine SpA,

American Husky III,

Inovyn Produzione Italia SpA,

Sasol Italy SpA,

Radici Chimica SpA,

La Vecchia Soc. cons. arl,

Zignagno Power Srl,

Santa Margherita e Kettmeir e Cantine Torresella SpA,

Zignago Vetro SpA,

Chemisol Italia Srl,

Vinavil SpA,

Italgen SpA,

Arkema Srl,

Yara Italia SpA,

Ineos Manufacturing Italia SpA,

ENEL Distribuzione SpA,

Terna SpA,

CSEA – Cassa per i servizi energetici e ambientali,

Ministero dello Sviluppo economico (C-262/17),

Terna SpA,

CSEA – Cassa per i servizi energetici e ambientali,

Ministero dello Sviluppo economico,

ENEL Distribuzione SpA (C-263/17),

Terna SpA,

Ministero dello Sviluppo economico (C‑273/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev, E. Regan (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Solvay Chimica Italia SpA, Solvay Specialty Polymers Italy SpA, Solvay Chimica Bussi SpA, Whirlpool Europe Srl, Fenice – Qualità Per L’ambiente SpA, FCA Italy SpA, FCA Group Purchasing Srl, FCA Melfi SpA, Sol Gas Primari Srl, Nuova Solmine SpA, American Husky III, Inovyn Produzione Italia SpA, Sasol Italy SpA, Zignago Power Srl, Radici Chimica SpA, La Vecchia Soc. cons. arl, Santa Margherita e Kettmeir e Cantine Torresella SpA, Zignago Vetro SpA, Chemisol Italia Srl, Vinavil SpA, Italgen SpA, Arkema Srl, Yara Italia SpA u Ineos Manufacturing Italia SpA, minn F. Angelini, L. Parola, G. La Rosa, M. Monaco, A. Salzano, G. Berruti u T. Arnoni, avvocati

għal Erg Power Srl u Erg Power Generation SpA, minn L. Acquarone, A. Ricci, M. Saladino u G. Acquarone, avvocati,

għal Eni SpA, Enipower SpA u Versalis SpA, minn O. Torrani u P. G. Torrani, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) u (6), tal-Artikolu 15(7), tal-Artikolu 26(4), tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn Solvay Chimica Italia SpA u diversi impriżi proprjetarji jew operaturi ta’ netwerks privati ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u l-Autorità per l’energia elettrica, il gas e il sistema idrico (l-Awtorità għall-Elettriku, il-Gass u l-Ilma, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AEEGSI”), dwar id-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar li jiġu imposti fir-rigward tagħhom diversi obbligi dwar, b’mod partikolari, l-aċċess għal terzi u s-servizz ta’ dispaċċ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3, 29, 30 u 35 tad-Direttiva 2009/72 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni – inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi – jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

[…]

(29)

Biex jiġi evitat li jkun impost piż finanzjarju u amministrattiv li ma jkunx proporzjonat fuq operaturi żgħar ta’ distribuzzjoni, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jeżentaw lill-intrapriżi kkonċernati mir-rekwiżiti tad-distribuzzjoni fir-rigward tas-separazzjoni.

(30)

Meta tintuża sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa biex tiġi żgurata l-aqwa effiċjenza ta’ provvista tal-enerġija integrata li tkun tirrikjedi standards operazzjonali speċifiċi, jew jekk tkun qed tinżamm sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa prinċipalment għall-użu tal-proprjetarju tas-sistema, għandu jkun possibbli li l-operatur tas-sistema tal-produzzjoni jkun eżentat mill-obbligi li kieku joħolqu piż amministrattiv bla bżonn minħabba n-natura partikulari tar-relazzjoni bejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-utenti tas-sistema. Is-siti industrijali, kummerċjali jew kondiviżi bħall-istazzjonijiet tal-ferroviji, l-ajruporti, l-isptarijiet u s-siti kbar tal-kampeġġi li jkollhom faċilitajiet integrati jew siti tal-industrija tal-kimika jistgħu jinkludu sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa minħabba n-natura speċjalizzata tal-operat tagħhom.

[…]

(35)

Biex ikun żgurat l-aċċess effettiv tas-suq għal dawk kollha li jieħdu sehem fis-suq, inklużi dawk ġodda, huma meħtieġa mekkaniżmi bilanċjanti li jkunu mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż kif meħtieġ. Malli s-suq tal-elettriku jkun likwidu b’mod suffiċjenti, dan għandu jintlaħaq permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi trasparenti bażati fuq is-suq għall-provvista u x-xiri ta’ elettriku meħtieġ fil-qafas ta’ rekwiżiti bilanċjanti. Fin-nuqqas ta’ suq likwidu bħal dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom l-irwol attiv biex ikun żgurat li t-tariffi bilanċjanti ikunu mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż. Fl-istess waqt, għandhom ikunu pprovduti inċentivi adatti biex jibbilanċjaw il-kurrent u l-użu tal-elettriku u biex ma jipperikolawx is-sistema. L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-klijenti finali u tal-aggregaturi tal-klijenti finali fi swieq ta’ riżerva u ta’ bilanċ.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni Ewropea]. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5.   ‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;

[…]

19.   ‘provvista’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;

[…]

26.   ‘sistema iżolata żgħira’ tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 3000 GWh fis-sena 1996, fejn anqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra;

27.   ‘sistema iżolata mikro’ tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 500 GWh fis-sena 1996, fejn ma jkun hemm l-ebda konnessjoni ma’ sistemi oħra;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 14 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 8, 32 u/jew 34 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-[Unjoni]. L-interessi tal-Komunità jinkludu, inter alia, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti eliġibbli konformement ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu [106 TFUE].”

7

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Dispaċċ u bilanċjar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-provvista tal-elettriku fuq il-bażi tal-obbligi kuntrattwali, inklużi dawk li jkunu ġejjin mill-ispeċifikazzjonijiet tat-tfiegħ tal-offerti, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu, fejn ikollu din il-funzjoni, jkun responsabbli mid-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fiż-żona tiegħu u biex jiddetermina l-użu ta’ interkonnetturi ma’ sistemi oħra.

2.   Id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interkonnetturi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fejn dawn huma kompetenti u li għandhom ikunu oġġettivi, pubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tal-elettriku. Il-kriterji għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika tal-elettriku minn istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli jew trasferimenti ta’ interkonnetturi kif ukoll ir-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

[…]

7.   Ir-regoli adottati mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għall-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi r-regoli biex l-utenti tas-sistema tan-netwerks tagħhom iħallsu għal skwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għall-proviżjoni ta’ tali servizzi minn operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 37(6) b’mod non-diskriminatorju u li jirrefletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.”

8

L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kompiti ta’ operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun responsabbli li jiżgura l-kapaċità fuq perjodu ta’ żmien twil tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domanda raġjonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp f’kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li tkun tajba, ta’ min jafdaha u effiċjenti, partikolarment fejn għandu x’jaqsam l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika.

[…]

5.   Kull operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandu jikseb l-enerġija li juża biex ikoprit-telf fl-enerġija u biex jirriżerva il-kapaċità fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq, kull meta dan ikollu din il-funzjoni. […]

6.   Fejn l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jkun responsabbli biex jibbilanċja sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, ir-regoli li dan jadotta għal dak il-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi regoli għat-tariffi imposti lill-utenti tan-netwerks għall-iskwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għall-forniment ta’ tali servizzi minn operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-Artikolu 37(6) b’mod non-diskriminatorju u li jirrifletti l-prezz u għandhom jiġu ppubblikati.

7.   Fl-ippjanar tal-iżvilupp tan-netwerks tad-distribuzzjoni, l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jikkunsidra miżuri fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/ta’ ġestjoni tad-domanda u/jew ġenerazzjoni distribwita li jistgħu jissostitwixxu r-rekwiżit li l-kapaċità tal-elettriku tiġi aġġornata jew sostitwita.”

9

Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-separazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”:

“1.   Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment.

2.   Addizzjonalment għar-rekwiżiti tal-Paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

[…]

3.   Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jifforma parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiġu ssorveljat minn awtoritajiet regolatorji jew minn korpi oħra kompetenti, sabiex ma jkunx jista’ japprofitta ruħu mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. […]

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 għal impriżi tal-elettriku integrati li jkunu jservu anqas minn 100000 klijent konness, jew li jkunu jservu sistemi iżolati żgħar.”

10

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jikklassifikaw sistema li tqassam l-elettriku fi ħdan sit ġeografikament imwarrab, li jkun industrijali, kummerċjali jew maqsum, u mingħajr preġudizzju għall-Paragrafu 4, ma jipprovdix klijenti fi djar bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jekk:

(a)

għal raġunijiet tekniċi speċifiċi, l-operazzjonijiet jew il-proċess ta’ produzzjoni tal-utenti ta’ dik is-sistema jkunu integrati; jew

(b)

dik is-sistema tqassam l-elettriku l-ewwelnett lill-proprjetarju jew lill-operatur tas-sistema jew lill-impriżi relatati tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżentaw lill-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa minn:

a)

l-obbligi tal-Artikolu 25(5) li jakkwista l-enerġija li huwa juża biex ikopri t-telf tal-enerġija u l-kapaċità ta’ riżerva fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq;

b)

l-obbligu fl-Artikolu 32(1) li tariffi jew metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom jiġu approvati qabel id-dħul fis-seħħ skont l-Artikolu 37.

3.   Meta ssir eżenzjoni hekk kif imsemmi fit-tieni paragrafu, it-tariffi applikabbli, jew il-metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom, għandhom jiġu riveduti u approvati skont l-Artikolu 37 meta ssir talba għal dan minn utent tas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

4.   L-użu inċidentali minn numru żgħir ta’ djar b’assoċjazzjonijiet ta’ impjieg jew simili mal-proprjetarju tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fiz-zona servita mis-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa m’għandux jipprekludi eżenzjoni skont il-paragrafu 2 l-għoti ta’ dawn l-eżenzjonijiet.”

11

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Aċċess minn parti terza”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom konformement mal-Artikolu 37 u li dawk it-tariffi, u l-metodoloġiji – fejn il-metodoloġiji jkunu approvati – jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, partikolarment meta jitqies l-Artikolu 3, u bbażati fuq kriterji oġġettivi u ġustifikabbli teknikament u ekonomikament. L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu konsistentement applikati u li l-utent tas-sistema li jkun ġie rifjutat l-aċċess tiegħu jkun jista’ jagħmel użu minn proċedura ta’ soluzzjoni ta’ disputa. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ukoll jiżguraw, fejn ikun il-każ u meta jseħħ rifjut ta’ aċċess, li l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jipprovdi l-informazzjoni relevanti dwar miżuri li jkunu meħtieġa għall-infurzar tan-network. Il-parti li tagħmel talba għal tali informazzjoni jista’ jkollha tħallas miżata raġonevoli li tkun tirrifletti n-nefqa biex tkun provduta tali informazzjoni.”

12

L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal:

[…]

b)

il-provvediment ta’ servizzi ta’ bilanċjar li għandhom jitwettqu bil-mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom. Is-servizzi ta’ bilanċjar għandhom jingħataw b’mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; […]

[…]”

Id-dritt Taljan

13

L-Artikolu 30(27) tal-legge Nn. 99 – Disposizioni per lo sviluppo e l’internazionalizzazione delle imprese, nonché in matéria di energie (il-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2009, Nru 99, dwar Miżuri għall-Iżvilupp u l-Internazzjonalizzazzjoni ta’ Impriżi, Anki Fir-Rigward tal-Enerġija), tat-23 ta’ Lulju 2009 (GURI Nru 176, tal-31 ta’ Lulju 2009, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 99/2009”), jipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata u titjieb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi finali konnessi mas-sistema nazzjonali tal-elettriku permezz ta’ netwerks privati li jista’ jkollhom kapaċità ta’ ġenerazzjoni […], il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku għandu jistabbilixxi, fi żmien 120 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kriterji ġodda għad-definizzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-operatur tan-netwerk, il-kumpanniji konċessjonarji tad-distribuzzjoni, il-proprjetarju tan-netwerks privati u l-konsumatur finali konness ma’ dawk in-netwerks. L-[AEEGSI] għandha timplimenta dawk il-kriterji għall-finijiet ta’ bilanċ u ta’ ħarsien tad-drittijiet kweżiti, u għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-ħtieġa għal użu razzjonali ta’ riżorsi eżistenti.”

14

L-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 99/2009 jipprovdi:

“[…] netwerk intern ta’ użu […] huwa ddefinit bħala netwerk tal-elettriku li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

ikun netwerk eżistenti fid-data meta din il-liġi tidħol fis-seħħ, jew netwerk li, f’dik id-data, ikun beda jinbena, jew li għalih ikunu nkisbu l-permessi kollha meħtieġa skont ir-regoli fis-seħħ;

b)

iqabbad unitajiet ta’ konsum industrijali jew iqabbad unitajiet ta’ konsum industrijali u unitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jkunu funzjonalment essenzjali għall-proċess ta’ produzzjoni industrijali, sakemm dawn ikunu f’żoni li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ mhux iktar minn tliet muniċipalitajiet maġenb xulxin, jew mhux iktar minn tliet provinċji maġenb xulxin, biss fejn unitajiet ta’ ġenerazzjoni huma ġġenerati minn sorsi rinnovabbli;

c)

ikun netwerk mhux suġġett għall-obbligu ta’ konnessjoni ta’ terzi, bla ħsara għad-dritt ta’ kull persuna inkluża f’dak in-netwerk li tkun konnessa, bħala alternattiva, man-netwerk, b’obbligu ta’ konnessjoni ma’ terzi;

d)

imqabbad permezz ta’ punt ta’ konnessjoni wieħed jew iktar ma’ netwerk b’obbligu ta’ konnessjoni ta’ terzi ma’ vultaġġ nominali ta’ mhux inqas minn 120 kV;

e)

ikollu persuna responsabbli li taġixxi bħala operatur uniku ta’ dak in-netwerk. Din il-persuna tista’ tkun differenti mill-persuni li huma proprjetarji tal-unitajiet ta’ konsum jew ta’ ġenerazzjoni, iżda ma jistax ikollha konċessjonijiet għal trażmissjoni u għad-distribuzzjoni jew id-dispaċċ tal-elettriku.”

15

Id-decreto ministeriale – Attuazione dell’articolo 30, comma 27, della legge 23 luglio 2009, n. 99, in materia di rapporti intercorrenti fra i gestori delle reti elettriche, le società di distribuzione in concessione, i proprietari di reti private ed i clienti finali collegati a tali reti (id-Digriet Ministerjali tat-10 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 30(27) tal-Liġi Nru 99 tat-23 ta’ Lulju 2009 dwar Relazzjonijiet bejn l-Operatur tan-Netwerk, il-Kumpanniji Konċessjonarji ta’ Distribuzzjoni, il-Proprjetarji ta’ Netwerks Privati u l-Konsumatur Finali Konness ma’ dawn in-Netwerks), tal-10 ta’ Diċembru 2010 (GURI Nru 305, tal-31 ta’ Diċembru 2010), jimponi fuq l-operaturi tan-netwerks privati, b’mod partikolari, l-obbligu li jippermetti lill-utenti finali li huma konnessi magħhom li jitolbu u jiksbu konnessjoni fiżika jew virtwali man-netwerk pubbliku kif ukoll li jippermetti l-użu tiegħu mill-operaturi tan-netwerks pubbliċi sabiex jiggarantixxi d-dritt tal-utenti finali li jiksbu konnessjoni man-netwerk pubbliku.

16

L-Artikolu 38(5) tad-decreto legislativo n. 93 – Attuazione delle direttive 2009/72/CE, 2009/73/CE e 2008/92/CE relative a norme comuni per il mercato interno dell’energia elettrica, del gas naturale e ad una procedura comunitaria sulla trasparenza dei prezzi al consumatore finale industriale di gase di energia elettrica, nonché abrogazione delle directive 2003/54CE e 2003/55/CE (id-Digriet Leġiżlattiv tal-1 ta’ Ġunju 2011, Nru 93, li Jimplimenta d-Direttivi 2009/72/KE, 2009/73/KE u 2008/92/KE dwar Regoli Komuni għas-Suq Intern tal-Elettriku u tal-Gass Naturali, Proċedura Komunitarja Sabiex Titjieb it-Trasparenza tal-Prezzijiet tal-Gass u tal-Elettriku Imposti fuq l-Utenti Finali Industrijali, u li jħassar id-Direttiva 2003/54/KE u d-Direttiva 2003/55/KE) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 93/2011”), tal-1 ta’ Ġunju 2011 (GURI Nru 148, tat-28 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru° 93/2011”), jipprovdi, b’mod partikolari, is-segwenti:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar sistemi effiċjenti ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 2(1)(t) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 115/2008, netwerks interni tal-utenti fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 99/2009 u n-netwerks privati l-oħra fis-sens tal-Artikolu 30(27) tal-Liġi Nru [99/2009] huma sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa […]”.

17

Permezz tad-deliberazione n. 539/2015/R/eel – Regolazione dei servizi di connessione, misura, trasmissione, distribuzione, dispacciamento e vendita nel caso di sistemi di distribuzione chiusi (id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2015, Nru 539/2015, tal-Awtorità għall-Elettriku, Gass u Ilma dwar ir-Regolamentazzjoni ta’ Servizzi għal Konnessjoni, Tkejjil, Trażmissjoni, Distribuzzjoni, Provvista u Bejgħ fil-Każ ta’ Sistemi ta’ Distribuzzjoni Magħquda), tat-12 ta’ Novembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 539/2015”), l-AEEGSI, konformement mal-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 93/2011, ikklassifikat in-netwerks interni ta’ użu u n-netwerks elettriċi privati oħra fil-kategorija ta’ “sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa” previsti fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72.

18

L-Artikolu 8 tal-Anness A ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa hija netwerk b’obbligu li jiġu konnessi biss dawk li jużaw l-elettriku li, għall-finijiet tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, ikunu jagħmlu parti mill-kategorija ta’ dawk li jużawha li jkunu jistgħu jiġu konnessi ma’ dik is-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa”.

19

Skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmi anness, “ir-regoli ta’ dispaċċ japplikaw fir-rigward tal-elettriku li jalimenta, u li jittieħed min-netwerk ta’ distribuzzjoni magħluqa minn kull utent permezz tal-punt ta’ konnessjoni ma’ dak in-netwerk.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma, skont il-każ, proprjetarji jew operaturi ta’ netwerks privati ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li ġew ikklassifikati, skont l-Artikolu 38(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 93/2011, fil-kategorija ta’ “sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa” u li, bħala tali, huma suġġetti, skont id-Deċiżjoni Nru 539/2015, għal diversi obbligi imposti mill-AEEGSI.

21

Dawn ir-rikorrenti ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 539/2015, minħabba li tali deċiżjoni, sa fejn tapplika, fir-rigward tas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, l-istess regoli li japplikaw fir-rigward tan-netwerks pubbliċi ta’ distribuzzjoni, mingħajr ma tistabbilixxi sistema li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dawn is-sistemi, tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72.

22

L-ilmenti invokati mill-imsemmija rikorrenti insostenn ta’ dan ir-rikors jikkonċernaw, rispettivament, l-obbligi ta’ konnessjoni ta’ terzi kif ukoll ta’ separazzjoni kontabbli u funzjonali imposti fuq l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, l-applikazzjoni ta’ tariffi għas-servizz ta’ dispaċċ fir-rigward ta’ kull utent konness ma’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, mingħajr ma din is-sistema kollha titqies bħala utent uniku ta’ dan is-servizz, filwaqt li dan kien preċedentement il-każ, u l-applikazzjoni ta’ tariffi ta’ elettriku ġenerali għall-konsum tal-elettriku minn kull utent konness ma’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, anki meta l-elettriku jiġi prodott fi ħdan din is-sistema.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-262/17, C-263/17 u C-273/17:

“1)

Id-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva 2009/72], u b’mod partikolari l-Artikolu [2](5) u (6) u l-Artikolu 28, għandhom jiġu interpretati fis-sens li sistema stabbilita u ġestita minn entità privata, li magħha jkun konness numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, li mbagħad ikunu konnessi mas-sistema pubblika, tikkostitwixxi neċessarjament sistema tal-elettriku, u għaldaqstant “sistema ta’ distribuzzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħajr il-possibbiltà li jiġu esklużi minn tali klassifikazzjoni, sistemi privati li jinkludu dawn il-karatteristiċi, li jkunu ġew stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva u li oriġinarjament kienu intiżi għall-awtoproduzzjoni?

(2)

F’każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun waħda affermattiva, il-klassifikazzjoni ta’ sistema tal-elettriku privata fil-kategorija [ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa] prevista fl-Artikolu 28 tad-direttiva inkwistjoni tikkostitwixxi l-unika possibbiltà offruta minn din id-direttiva sabiex jittieħed kont tal-partikolaritajiet tagħha, jew huwa permess li l-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi kategorija differenti ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni suġġetti għal regoli ssimplifikati, differenti minn dik prevista [għas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa]?

(3)

Indipendentement mid-domandi preċedenti, id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu ta’ konnessjoni ta’ terzi huwa impost fil-każijiet kollha fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa previsti fl-Artikolu 28?

(4)

Indipendentement mid-domandi preċedenti, il-klassifikazzjoni ta’ sistema tal-elettriku privata bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva [2009/72], tippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jipprovdi, favur din is-sistema, sempliċiment għad-derogi mir-regoli ġenerali applikabbli għas-sistema ta’ distribuzzjoni previsti espressament mill-Artikolu 28 u mill-Artikolu 26(4) tal-istess direttiva, jew – fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet inklużi fil-[premessi] 29 u 30 tal-imsemmija direttiva – l-Istat Membru huwa permess, jew anki obbligat li jipprovdi għal eċċezzjonijiet oħra mill-applikazzjoni tar-regoli ġenerali applikabbli għas-sistemi ta’ distribuzzjoni, b’tali mod li jiħu segwiti l-għanijiet indikati fl-imsemmija [premessi]?

(5)

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huwa possibbli jew obbligatorju, għall-Istat Membru, li jadotta leġiżlazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2009/72] – u b’mod partikolari, il-[premessi] 29 u 30, l-Artikolu 15(7), l-Artikolu 37(6)(b), u l-Artikolu 26(4) – jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik rilevanti fil-kawża odjerna, li tissuġġetta s-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa għal regoli, fil-qasam tad-dispaċċ u s-separazzjoni, effettivament identiċi għal dawk applikabbli għal sistemi pubbliċi u li, fil-qasam tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi li l-ammonti dovuti bħala korrispettiv għal dawn l-ispejjeż għandhom ikunu parzjalment proporzjonali wkoll għall-elettriku kkunsmat fi ħdan is-sistema magħluqa?”

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2017, il-Kawżi C-262/17, C-263/17 u C-273/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

25

B’risposta għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju, fit-12 ta’ April 2018, informat lil din tal-aħħar li l-ħames domanda preliminari kienet saret irrilevanti, sa fejn tirrigwarda r-regoli fil-qasam tas-separazzjoni u dwar it-tariffi tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implimentati għall-finijiet ta’ awtokonsum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u li huma operati minn entità privata, li numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum huma konnessi magħhom, u li min-naħa tagħhom huma konnessi man-netwerk pubbliku, jikkostitwixxu sistemi ta’ distribuzzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

27

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/72 għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni dwar, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni tal-elettriku bil-għan ta’ titjib u ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku kompetittivi fl-Unjoni.

28

Għalkemm il-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni” ma huwiex iddefinit bħala tali fid-Direttiva 2009/72, il-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar jiddefinixxi, madankollu, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni” bħala li jkopri t-trasport tal-elettriku f’sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, medju u baxx għall-finijiet ta’ provvista lil klijenti, bl-esklużjoni tal-“provvista” innifisha, peress li dan l-aħħar kunċett għandu jiġi interpretat, skont il-punt 19 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ elettriku lil klijenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 45).

29

Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li sistema ta’ distribuzzjoni hija sistema li sservi sabiex tittrasporta l-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 46).

30

Minn dan jirriżulta li huwa biss il-vultaġġ tal-elettriku ttrasportat li jikkostitwixxi kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema tikkostitwixxix sistema ta’ distribuzzjoni fis-sens tad-Direttiva 2009/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 48).

31

Min-naħa l-oħra, la d-data li fiha ġiet stabbilita tali sistema u lanqas il-fatt li din hija intiża għal skopijiet ta’ awtokonsum, u operata minn entità privata, li magħha huma konnessi numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, ma jikkostitwixxu kriterji rilevanti f’dan ir-rigward.

32

Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ dan l-aħħar fatt, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikklassifikaw bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa sistema li tiddistribwixxi l-elettriku ġewwa sit industrijali, kummerċjali jew ta’ servizzi kondiviżi, li huwa ġeografikament limitat, u li ma tfornix, fil-prinċipju, klijenti residenzjali jekk, skont il-każ, l-operazzjonijiet jew il-proċess ta’ produzzjoni tal-utenti ta’ din is-sistema jkunu integrati għal raġunijiet speċifiċi tekniċi jew siguri, jew jekk din is-sistema tforni elettriku essenzjalment lill-proprjetarju jew lill-operatur tas-sistema, jew lill-impriżi relatati tagħhom.

33

Skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jeżentaw lill-operatur ta’ tali sistema magħluqa, minn naħa, mill-obbligu, previst fl-Artikolu 25(5) ta’ din id-direttiva, li jakkwista l-enerġija li huwa juża sabiex ikopri t-telf tal-enerġija u jżomm kapaċità ta’ riżerva fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, nondiskriminatorji u bbażati fuq ir-regoli tas-suq, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-obbligu, previst fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva, li jiżgura li t-tariffi, jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, jiġu appprovati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom konformement mal-Artikolu 37 tal-istess direttiva. F’dan l-aħħar każ, l-utenti tas-sistema jistgħu, skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2009/72, jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tivverifika u tapprova dawn it-tariffi u dawn il-metodoloġiji ta’ kalkolu.

34

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implimentati għall-finijiet ta’ awtokonsum u operati minn entità privata, li magħhom ikunu marbuta numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jikkostitwixxu sistemi ta’ distribuzzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jikklassifikawhom bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva, u l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, biss il-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li jeżentawhom, konformement mal-Artikolu 28(2) tal-istess direttiva, mill-obbligi msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

35

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat, fir-rigward tad-daqs limitat tas-sistema, li d-Direttiva 2009/72 tirreferi għal tali kriterju, fil-punti 26 u 27 tal-Artikolu 2, biss għall-finijiet ta’ definizzjoni tal-kunċetti ta’ “sistema iżolata żgħira” u ta’ “sistema iżolata mikro”, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jeskludi ċerti sistemi ta’ distribuzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva abbażi tad-daqs tagħhom jew tal-konsum tal-elettriku tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 49).

36

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkorroborati mill-għan persegwit mid-Direttiva 2009/72, li huwa l-kompletezza tas-suq intern tal-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 44).

37

Għaldaqstant, sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li jservu sabiex jittrasportaw l-elettriku b’vultaġġ għoli, medju jew baxx intiż sabiex jinbiegħ lil klijenti finali, jikkostitwixxu sistemi ta’ distribuzzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72.

38

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbiliti għall-finijiet ta’ awtokonsum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u li huma operati minn entità privata, li magħhom ikunu marbuta numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, u li min-naħa tagħhom huma konnessi man-netwerk pubbliku, jikkostitwixxu sistemi ta’ distribuzzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

39

Permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biss mill-obbligi previsti fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni dwar is-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa previsti f’tali dispożizzjoni kif ukoll minn dawk previsti fl-Artikolu 26(4) ta’ din id-Direttiva, jew jekk l-Istati Membri jistgħux ukoll jinkludu dawn is-sistemi f’kategorija separata ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni bil-għan li jingħatawlhom eżenzjonijiet mhux previsti mill-imsemmija direttiva.

40

Kif jidher diġà mill-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, Stat Membru li jipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikklassifikaw bħala sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa s-sistemi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72 jista’ jipprovdi wkoll, skont l-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, li dawn l-awtoritajiet jeżentaw lill-operatur ta’ dawn is-sistemi mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 25(5) u fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva.

41

Għalhekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta b’mod ċar li s-sistemi kklassifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa jistgħu biss, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jiġu eżentati mill-obbligi previsti minnha, u dan, hekk kif jirriżulta mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi evitat li l-operaturi ta’ dawn is-sistemi jiġu imposti obbligi li jistgħu jkunu ta’ piż amministrattiv inġustifikat minħabba n-natura partikolari tar-relazzjonijiet bejn dawn l-operaturi u l-utenti tal-imsemmija sistemi.

42

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li s-sistemi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ikklassifikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti bħala sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/72.

43

Bħala tali, dawn is-sistemi jistgħu għalhekk, jekk l-Italja eżerċita l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, jibbenefikaw biss mill-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

44

Dan premess, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jipprekludi li sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa tista’ tibbenefika wkoll, f’kapaċitajiet differenti, minn eżenzjonijiet addizzjonali previsti mid-Direttiva 2009/72.

45

B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 2009/72 jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw l-impriżi integrati tal-elettriku, li jfornu inqas minn 100000 klijent konness, mill-obbligi ta’ separazzjoni previsti fl-Artikolu 26(1) sa 3 ta’ din id-direttiva, u dan sabiex ma jiġix impost, konformement mal-premessa 29 tal-imsemmija direttiva, piż amministrattiv u finanzjarju fuq operaturi żġħar ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni.

46

Mill-konstatazzjonijiet li saru mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-sistemi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu eliġibbli għal din l-eżenzjoni, peress li ma jistgħux, bħala prinċipju, ifornu klijenti residenzjali u peress li jikkollegaw numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum fi ħdan sit ġeografikament limitat.

47

Barra minn hekk, mir-risposta pprovduta minn din il-qorti għal talba għal kjarifiki indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali issa teżenta dawn is-sistemi, konformement mal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 2009/72, mill-obbligi ta’ separazzjoni previsti fl-Artikolu 26(1) sa (3) tagħha.

48

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri ma jistgħux jinkludu sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72, f’kategorija ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni differenti minn dawk stabbiliti espressament minn din id-direttiva, bil-għan li jingħataw eżenzjonijiet mhux previsti minnha.

49

Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-premessi 29 u 30 tad-Direttiva 2009/72, in-natura partikolari ta’ ċerti tipi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, li jinkludu sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, tista’ tiġġustifika li l-Istati Membri jiddeċiedu li dawn jiġu eżentati minn ċerti obbligi previsti minn din id-direttiva sabiex jiġi evitat piż amministrattiv inġustifikat.

50

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma preċiżament riflessi fl-Artikolu 26(4) u fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2009/72, li jiddeterminaw espressament l-eżenzjonijiet li jistgħu jkunu eliġibbli għalihom tali sistemi ta’ distribuzzjoni.

51

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew ikklassifikati minn Stat Membru bħala sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu, f’din il-kapaċità, jiġu biss eżentati mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, bla ħsara għall-fatt li dawn is-sistemi jkunu, barra minn hekk, eliġibbli għal eżenzjonijiet oħra previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari, dik stabbilita fl-Artikolu 26(4) tagħha, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru ma jistax jinkludi l-imsemmija sistemi f’kategorija separata ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni bil-għan li dawn jingħataw eżenzjonijiet mhux previsti mill-imsemmija direttiva.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ aċċess għal terzi, iżda għandhom biss jipprovdu aċċess għal terzi li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ utenti li jistgħu jiġu konnessi ma’ dawn is-sistemi, li l-utenti tagħhom għandhom dritt ta’ aċċess għan-netwerk pubbliku.

53

Għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu, għall-klijenti kollha eliġibbli, sistema ta’ aċċess lil terzi għal sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li għandha tkun ibbażata fuq tariffi ppubblikati u applikati oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, jiġu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, konformement mal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, u li dawn it-tariffi u l-metodoloġi ta’ kalkolu, fil-każ li jkunu biss il-metodoloġiji li jiġu approvati, jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

54

Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-libertà ta’ aċċess lil terzi għal dawn is-sistemi, stabbilita mill-ewwel u mit-tieni sentenzi tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, tikkostitwixxi waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma marbuta jimplimentaw sabiex jaslu għall-kompletezza tas-suq intern tal-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 44; tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punti 31, 33 u 46, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C-492/14, EU:C:2016:732, punt 76).

55

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2009/72, din hija intiża sabiex jintlaħaq suq kompletament miftuħ li jippermetti lill-konsumaturi kollha jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lill-fornituri kollha jipprovdu liberament l-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom.

56

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 iħalli l-Istati Membri liberi li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ aċċess lil terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni u għalkemm, għaldaqstant, u l-Istati Membri jkollhom għalhekk kompetenza, konformement mal-Artikolu 288 TFUE, kemm fir-rigward tal-forma kif ukoll tal-metodi li għandhom jintużaw sabiex tiġi implimentata tali sistema, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ aċċess liberu għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, din il-marġni diskrezzjonali ma tawtorizzahomx jeskludu l-imsemmi prinċipju għajr fil-każijiet li fihom id-direttiva tipprovdi eċċezzjonijiet jew derogi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 55).

57

Għalhekk, mill-Artikolu 3(14) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-Istati Membri huma awtorizzati ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi l-aċċess nondiskriminatorju ta’ terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun tostakola t-twettiq, legalment jew fattwalment, tal-obbligi tas-servizz pubbliku, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jiżguraw li t-twettiq ta’ dawn l-obbligi ma jkunx jista’ jitwettaq b’mezzi oħra li ma jippreġudikawx id-dritt aċċess għal sistemi, li huwa wieħed mid-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/72 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 60, u tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C-492/14, EU:C:2016:732, punt 91).

58

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mir-risposti għall-ewwel kif ukoll għat-tieni u għar-raba’ domanda, b’mod partikolari mill-punti 33, 34, 40 u 41 ta’ din is-sentenza, mill-kliem stess tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, is-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa msemmija fl-Artikolu 28(1) ta’ din id-Direttiva jistgħu biss jiġu eżentati minn żewġ obbligi speċifiċi, jiġifieri, minn naħa, dak li tiġi akkwistata l-enerġija li tintuża sabiex jiġi kopert it-telf tal-enerġija u ż-żamma ta’ kapaċità ta’ riżerva fis-sistema skont proċeduri trasparenti, nondiskriminatorji u bbażati fuq ir-regoli tas-suq u, min-naħa l-oħra, dak li jiġi żgurat li t-tariffi, jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, jiġu appprovati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, u f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 28(3) tal-imsemmija direttiva, l-utenti tas-sistema jkunu jistgħu jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tivverifika u tapprova dawn it-tariffi u l-metodoloġiji ta’ kalkolu.

59

Minn dan jirriżulta li, għalkemm sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa tista’ tkun eżentata mill-obbligu, previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, li tapprova minn qabel it-tariffi jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħha, min-naħa l-oħra, ma hijiex eżentata mill-obbligu ta’ aċċess liberu għal terzi previst fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva.

60

F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess għas-sistema tiegħu jekk ma jkollux il-kapaċità neċessarja, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut jiġi mmotivat u ġġustifikat, din il-possibbiltà ta’ rifjut ta’ aċċess għas-sistema għandha tiġi evalwata każ b’każ u ma tawtorizzax lill-Istati Membri jipprovdu derogi b’mod ġenerali mingħajr ma ssir evalwazzjoni konkreta, fir-rigward ta’ kull operatur, tal-inkapaċità teknika tas-sistema li tissodisfa t-talba ta’ aċċess minn terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, EU:C:2008:298, punt 57).

61

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ aċċess għal terzi, iżda għandhom biss jipprovdu aċċess lil terzi li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ utenti li jistgħu jiġu konnessi ma’ dawn is-sistemi, li l-utenti tagħhom għandhom dritt ta’ aċċess għan-netwerk pubbliku.

Fuq il-ħames domanda

62

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(7) u l-Artikolu 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-tariffi dovuti bħala servizz ta’ dispaċċ mill-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jiġu kkalkolati fuq l-elettriku skambjat ma’ din is-sistema għal kull wieħed mill-utenti tagħha permezz ta’ punt ta’ konnessjoni tagħhom mal-imsemmija sistema.

63

Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 25 tad-Direttiva 2009/72, is-servizz ta’ dispaċċ jippermetti lill-operatur ta’ netwerk tal-elettriku jwettaq dispaċċ ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu f’żona partikolari sabiex, b’mod partikolari, jakkwista l-enerġija li huwa juża sabiex ikopri t-telf tal-enerġija u jżomm kapaċità ta’ riżerva fis-sistema tiegħu kif ukoll sabiex jiżgura l-bilanċ ta’ din is-sistema u jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku.

64

Skont l-Artikolu 15(7) u l-Artikolu 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72, ir-regoli adottati mill-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni sabiex jiżgura l-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku, inklużi dawk dwar it-tarifikazzjoni fir-rigward ta’ tariffi li għandhom jitħallsu mill-utenti tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv, trasparenti u nondiskriminatorju u għandhom jirriflettu l-ispejjeż, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 35 ta’ din id-direttiva, skont metodoloġija li tiżgura li s-servizzi ta’ aġġustament jiġu pprovduti bl-iktar mod ekonomiku possibbli u jipprovdu lill-utenti inċentivi xierqa sabiex jibbilanċjaw il-kontribuzzjoni u l-konsum tagħhom. L-Artikolu 25(6) tal-imsemmija direttiva jeżiġi, essenzjalment, obbligu simili fir-rigward tal-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni.

65

F’dan il-każ, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet emendata fis-sens li t-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ lill-operatur tan-netwerk pubbliku, jiġifieri Terna SpA, mill-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, għandhom jiġu kkalkolati mhux iktar biss abbażi tal-elettriku skambjat man-netwerk pubbliku mis-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa fl-intier tagħha permezz tal-punt ta’ konnessjoni ta’ din is-sistema magħluqa man-netwerk pubbliku, iżda abbażi tal-elettriku skambjat mas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa minn kull utent tagħha permezz tal-punt ta’ konnessjoni tagħhom ma’ din is-sistema, li tallinja r-regoli applikabbli għal dawn l-utenti mar-regoli applikabbli għall-utenti tan-netwerk pubbliku. Minn dan jirriżulta li t-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ japplikaw ukoll għall-elettriku prodott fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

66

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantic u Lorraine et, C-127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punt 23).

67

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-utenti tas-sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, fil-kategorija ta’ “sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa”, huma konnessi man-netwerk pubbliku u li, f’dan ir-rigward, huma jistgħu jirrikorru, bħal kull utent ieħor ta’ tali netwerk, għal servizz ta’ dispaċċ. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali la jistgħu validament jsostnu li l-utenti ta’ tali sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa ma jiġġeneraw ebda spejjeż għall-fornitur tas-servizz ta’ dispaċċ u lanqas, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġġiegħlhom isostnu l-ispejjeż ta’ servizz li ma jibbenefikawx minnu.

68

Madankollu, huwa paċifiku li, għad-differenza ta’ dawn l-utenti l-oħra tan-netwerk pubbliku, l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, peress li jikkonsmaw, skont l-Artikolu 28(1)(b) tad-Direttiva 2009/72, l-elettriku prodott internament minn dan in-netwerk, jagħmlu biss użu residwali minn din is-sistema, fejn il-produzzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ żieda qawwija u imprevista tad-domanda interna tas-sistema jew ta’ interruzzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni konnessi magħha jew minħabba funzjonament ħażin. Minbarra dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, huwa essenzjalment l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa li għandu jiżgura huwa stess bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum fi ħdan din is-sistema, bħall-kompitu assunt minn Terna fir-rigward tan-netwerk pubbliku.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa ma jidhrux li huma fl-istess sitwazzjoni bħall-utenti l-oħra tan-netwerk pubbliku. Min-naħa l-oħra, il-fornitur tas-servizz ta’ dispaċċ tan-netwerk pubbliku jidher li jkollu jbati spejjeż limitati fir-rigward ta’ dawn l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, peress li dawn tal-aħħar jużaw dan is-servizz biss b’mod residwu. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

70

Jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jeżistu, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ mill-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa għandhom jiġu kkalkolati skont l-istess metodoloġija bħal dik użata għall-kalkolu tat-tariffi dovuti mill-utenti l-oħra tan-netwerk pubbliku, tista’ tiġi kklassifikata bħala diskriminatorja, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva.

71

B’mod partikolari, ma jidhirx li huwa eskluż li tali metodoloġija jista’ ma jkollhiex rabta suffiċjenti mal-ispejjeż tas-servizz ta’ dispaċċ, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(7) u mill-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2009/72.

72

Barra minn hekk, peress li l-ammont tat-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ mill-utenti tas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa ma għandu ebda konnessjoni mal-volum tal-elettriku skambjat man-netwerk pubbliku, din il-metodoloġija lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tinċentiva dawn l-utenti, kif previst fl-Artikolu 37(6)(b) ta’ din id-direttiva, sabiex jibbilanċjaw il-produzzjoni u l-konsum tagħhom tal-elettriku bil-għan li jnaqqsu sa fejn huwa possibbli r-rikors tagħhom għal dan is-servizz.

73

Huwa minnu li jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru li jimponi fuq l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, li għandha aċċess għas-servizz ta’ dispaċċ, tariffi għal servizz ta’ dispaċċ li l-ammont tagħhom ma huwiex ikkalkolat biss abbażi tal-elettriku effettivament skambjat man-netwerk pubbliku, li kieku jiġi stabbilit, pereżempju, li dan l-ammont jikkorrispondi għal kost partikolari, għall-fornitur ta’ dan is-servizz, marbut mal-possibbiltà stess, għall-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa, li jiskambjaw l-elettriku man-netwerk pubbliku billi jirrikorru għall-imsemmi servizz. Madankollu, ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura ma invokaw l-eżistenza ta’ tali kost speċifiku.

74

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna wkoll li l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa għandhom il-possibbiltà li jaggregaw flimkien sabiex joħolqu punt ta’ dispaċċ uniku, u f’dan il-każ it-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ jiġu kkalkolati biss abbażi tal-elettriku skambjat man-netwerk pubbliku.

75

Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li tali aggregament ma kellu ebda impatt fuq il-kalkolu ta’ din it-tariffa. Barra minn hekk, ma hemm xejn fid-dokumenti li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li jsostni l-argumenti tal-Gvern Taljan.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali biss.

77

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(7) u l-Artikolu 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ mill-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jiġu kkalkolati abbażi tal-elettriku skambjat ma’ din is-sistema minn kull utent tagħha permezz tal-punt ta’ konnessjoni tiegħu mal-imsemmija sistema, jekk jirriżulta, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa ma jkunux jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-utenti l-oħra tan-netwerk pubbliku u li l-fornitur tas-servizz ta’ dispaċċ tan-netwerk pubbliku jsostni spejjeż limitati fir-rigward ta’ dawn l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 5 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 28(1) tad- Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbiliti għall-finijiet ta’ awtokonsum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u li huma operati minn entità privata, li magħhom ikunu marbuta numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum, u li min-naħa tagħhom huma konnessi man-netwerk pubbliku, jikkostitwixxu sistemi ta’ distribuzzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

 

2)

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li sistemi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew ikklassifikati minn Stat Membru bħala sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu, f’din il-kapaċità, jiġu biss eżentati mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, bla ħsara għall-fatt li dawn is-sistemi jkunu, barra minn hekk, eliġibbli għal eżenzjonijiet oħra previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari, dik stabbilita fl-Artikolu 26(4) tagħha, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru ma jistax jinkludi l-imsemmija sistemi f’kategorija separata ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni bil-għan li dawn jingħataw eżenzjonijiet mhux previsti mill-imsemmija direttiva.

 

3)

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa, fis-sens tal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ aċċess għal terzi, iżda għandhom biss jipprovdu aċċess lil terzi li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ utenti li jistgħu jiġu konnessi ma’ dawn is-sistemi, li l-utenti tagħhom għandhom dritt ta’ aċċess għan-netwerk pubbliku.

 

4)

L-Artikolu 15(7) u l-Artikolu 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-tariffi dovuti għas-servizz ta’ dispaċċ mill-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jiġu kkalkolati abbażi tal-elettriku skambjat ma’ din is-sistema minn kull utent tagħha permezz tal-punt ta’ konnessjoni tiegħu mal-imsemmija sistema, jekk jirriżulta, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa ma jkunux jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-utenti l-oħra tan-netwerk pubbliku u li l-fornitur tas-servizz ta’ dispaċċ tan-netwerk pubbliku jsostni spejjeż limitati fir-rigward ta’ dawn l-utenti ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq