EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0619

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Ministerio de Defensa vs Ana de Diego Porras.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ġustifikazzjoni – Klawżola 5 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal raġuni oġġettiva – Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat dovut għal sostituzzjoni interim.
Kawża C-619/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:936

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ġustifikazzjoni – Klawżola 5 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal raġuni oġġettiva – Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat dovut għal sostituzzjoni interim

Fil-Kawża C‑619/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Ministerio de Defensa

vs

Ana de Diego Porras

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Ministerio de Defensa (il-Ministeru għad-Difiża, Spanja) u Ana Diego Porras dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot il-partijiet u l-ħlas ta’ kumpens wara x-xoljiment ta’ din ir-relazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tipprovdi:

“Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din hija intiża “li [ġ]ġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC [CES], UNICE u CEEP)”.

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom] jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. […]”

6

It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’mpjieg bejn min jimpjiega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

7

It-tielet paragrafu ta’ dan il-preambolu jispeċifika:

“[Il-Ftehim qafas] jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

8

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

9

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss [ħaddiem għal żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

10

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

11

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat];

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat].”

Id-dritt Spanjol

12

L-Artikolu 15(1) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (it-Test Irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi konkluż fil-każijiet segwenti:

“a)

meta l-ħaddiem ikun irreklutat għat-tlestija ta’ kompitu speċifiku, indipendenti u distakkabbli mill-attività kollha tal-impriża, li l-eżekuzzjoni tiegħu, filwaqt li tkunu limitata fiż-żmien, hija fil-prinċipju, ta’ żmien inċert. […]

b)

meta dan ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi tas-suq, minn akkumulazzjoni tax-xogħol jew minn volum kbir ta’ ordnijiet, anki fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża […]

ċ)

fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiema li jkunu intitolati jżommu l-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika l-isem tal-ħaddiem issostitwit u r-raġuni tas-sostituzzjoni.”

13

L-Artikolu 15(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema, jipprevedi li l-kuntratti għal żmien determinat konklużi bi ksur tal-liġi jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat.

14

Skont l-Artikolu 15(6) ta’ dan l-istatut, il-ħaddiema temporanji u għal żmien determinat għandhom igawdu mill-istess drittijiet bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-karatteristiċi partikolari speċifiċi għal kull waħda mill-modalitajiet kuntrattwali fil-qasam ta’ xoljiment tal-kuntratt, u għal dawk espliċitament previsti fil-liġi fir-rigward tal-kuntratti ta’ taħriġ.

15

L-Artikolu 49(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi:

“1.   Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm:

[…]

b)

minħabba r-raġunijiet indikati b’mod validu fil-kuntratt, sakemm dawn ma jikkostitwixxux abbuż ta’ dritt manifest min-naħa tal-persuna li timpjega;

ċ)

mal-iskadenza tal-perijodu miftiehem jew mat-twettiq tal-kompitu jew tas-servizz li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Meta jintemm il-kuntratt, ħlief fil-każijiet ta’ kuntratti ta’ sostituzzjoni interim u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, jew il-kumpens previst, jekk ikun il-każ, fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli fil-qasam;

[…]

l)

minħabba raġunijiet oġġettivi legalment ammissibbli;

[…]”

16

Skont l-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jistgħu jkunu l-bażi tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, b’mod partikolari, l-inkompetenza tal-ħaddiem, magħrufa jew skoperta wara d-dħul effettiv tiegħu fl-impriża; in-nuqqas tal-ħaddiem li jadatta ruħu għall-bidliet tekniċi raġonevoli mwettqa fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu; raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, assenzi repetuti mix-xogħol, anki jekk iġġustifikati.

17

Konformement mal-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 ta’ dan l-istatut jagħti lok għall-ħlas lill-ħaddiem, fl-istess mument bħan-notifika bil-miktub, ta’ kumpens ekwivalenti għal 20 ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, kumpens li huwa kkalkolat pro rata fuq il-bażi tan-numru ta’ xhur maħduma fir-rigward tal-perijodi ta’ inqas minn sena, iżda mhux iktar minn tnax-il salarju mensili.

18

Skont l-Artikolu 56(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, fil-każ ta’ xoljiment inġust ta’ kuntratt ta’ xogħol, il-persuna li timpjega għandha jew tintegra mill-ġdid lill-ħaddiem fl-impriża, jew tħallas kumpens ekwivalenti għal 33 ġurnata salarju għal kull sena anzjanità.

19

L-Artikolu 4(1) tar-Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (id-Digriet Irjali 2720/1998 li jimplimenta l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema fil-Qasam tal-Kuntratti għal Żmien Determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568), jiddefinixxi l-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim bħala l-kuntratt konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem tal-impriża intitolat għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu taħt leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv jew ftehim individwali, jew sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni.

20

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet irjali, il-kuntratt għandu jidentifika, b’mod partikolari, il-ħaddiem issostitwit u r-raġuni tas-sostituzzjoni u l-pożizzjoni ta’ xogħol li ser timtela definittivament wara l-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni. It-tul tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem tal-impriża intitolat għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-assenza ta’ dan il-ħaddiem. It-tul tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim konkluż sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni jikkorrispondi għat-tul ta’ din il-proċedura. Dan it-tul ma jistax ikun ta’ iktar minn tliet xhur u, ladarba jintemm dan il-perijodu massimu, ma jistax jiġi konkluż kuntratt ġdid bl-istess skop. Fil-proċeduri ta’ reklutaġġ imwettqa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ xogħol, it-tul tal-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim jikkoinċidi mat-tul tal-imsemmija proċeduri konformement ma’ dak li huwa previst mil-leġiżlazzjoni speċifika għalihom.

21

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi digriet irjali jipprovdi:

“Il-kuntratti għal żmien determinat jintemmu, wara rinunzja minn waħda mill-partijiet, minħabba r-raġunijiet segwenti:

[…]

ċ)

Il-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim jintemm fil-każijiet segwenti:

1)

l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiem issostitwit;

2)

l-iskadenza tat-terminu ffissat mil-liġi jew minn ftehim għall-integrazzjoni mill-ġdid;

3)

l-estinzjoni tar-raġuni li tat lok għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol;

4)

il-fatt li jkun għadda perijodu ta’ tliet xhur fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex jimtlew definittivament pożizzjonijiet ta’ xogħol jew il-perijodu applikabbli fil-proċeduri ta’ reklutaġġ fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

A. de Diego Porras kienet impjegata, minn Frar 2003, taħt il-kopertura ta’ diversi kuntratti ta’ impjieg fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim bħala segretarja f’subdirettorati differenti tal-Ministeru għad-Difiża. L-aħħar kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim, konkluż fis-17 ta’ Awwissu 2005, kien intiż li jissostitwixxi lil Mayoral Fernández, dispensata full-time mill-obbligi professjonali tagħha għall-eżerċizzju ta’ rappreżentanza sindakali.

23

B’applikazzjoni tar-Real Decreto-ley 20/2012 de medidas para garantizar la estabilidad presupuestaria y de fomento de la competitividad (id-Digriet-Liġi Rjali 20/2012 dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà baġitarja u li tippromwovi l-kompetittività), tat-13 ta’ Lulju 2012 (BOE Nru 168, tal-14 ta’ Lulju 2012, p. 50428), id-dispensa mix-xogħol ta’ Mayoral Fernandez ġiet irrevokata.

24

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2012, A. de Diego Porras ġiet imsejħa sabiex tiffirma x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha b’effett mit-30 ta’ Settembru 2012 sabiex tippermetti l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ Mayoral Fernandez fil-pożizzjoni ta’ xogħol tagħha mill-1 ta’ Ottubru 2012.

25

Fid-19 ta’ Novembru 2012, A. deDiego Porras ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (il-Qorti Industrjali Nru 1 ta’ Madrid, Spanja) sabiex tikkontesta kemm il-legalità tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu.

26

Wara li dan ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2013, il-persuna kkonċernata appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), fejn sostniet li l-kuntratti ta’ impjieg fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim, li fil-kuntest tagħhom hija ġiet irreklutata, ġew konklużi bi ksur tal-liġi u li kellhom jiġi kklassifikati mill-ġdid bħala “kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat”. Konsegwentement, ix-xoljiment ta’ tali kuntratt jikkostitwixxi tkeċċija inġusta u jimplika l-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għal 33 ġurnata salarju għal kull sena anzjanità.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2014, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE.

28

F’din id-deċiżjoni, hija kkonstatat, minn naħa, li r-reklutaġġ ta’ A. de Diego Porras permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim huwa konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg li kienet torbot lill-persuna kkonċernata u l-Ministeru għad-Difiża huwa legali.

29

It-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) tistaqsi, madankollu, dwar id-dritt ta’ A. de Diego Porras li titlob il-ħlas ta’ kumpens minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha. Din il-qorti qieset li teżisti, fid-dritt Spanjol, differenza fit-trattament fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg bejn il-ħaddiema li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u dawk li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, sa fejn il-kumpens imħallas fil-każ ta’ xoljiment legali għal raġunijiet oġġettivi tal-kuntratt ta’ xogħol huwa ta’ 20 ġurnata salarju għal kull sena anzjanità għal tal-ewwel, filwaqt li jogħla għal 12-il ġurnata salarju għal kull sena anzjanità biss għal tat-tieni. Din l-inugwaljanza kienet, skont l-imsemmija qorti, iktar evidenti f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema rreklutati fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim, li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirrikonoxxi ebda kumpens meta dan il-kuntratt jintemm legalment.

30

Billi ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika tali differenza fit-trattament, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol rilevanti mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola.

32

Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet, b’mod partikolari, li l-imsemmija klawżola għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta kwalunkwe kumpens għal xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiem impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ sostituzzjoni interim minkejja li tippermetti l-għoti ta’ tali kumpens, b’mod partikolari, lill-ħaddiema kumparabbli impjegati għal żmien indeterminat.

33

Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet, b’mod partikolari, li kemm ir-reklutaġġ ta’ A. de Diego Porras permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ sostituzzjoni interim kif ukoll it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbotha mal-Ministeru għad-Difiża huma konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli, li din il-leġiżlazzjoni hija madankollu diskriminatorja u li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683), il-persuna kkonċernata għandha tingħata kumpens ekwivalenti għal 20 ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità li jirriżulta, skont id-dritt Spanjol, mit-tkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzattivi jew ta’ produzzjoni.

34

Il-Ministeru għad-Difiża ppreżenta appell ta’ kassazzjoni għall-finijiet ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza kontra din l-ewwel sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

35

Din il-qorti tikkunsidra li s-sitwazzjoni ta’ A. de Diego Porras kienet bla dubju komparabbli ma’ dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-funzjonijiet li hija kienet taqdi.

36

L-imsemmija qorti tqis, madankollu, li, minkejja li l-ħaddiema għal żmien determinat kkonċernata kienet taqdi l-istess funzjonijiet bħal ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, il-kumpens għall-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistax jitqabbel ma’ dak imħallas minħabba x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, sa fejn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma jistax jintemm minħabba l-iskadenza ta’ terminu jew it-twettiq ta’ kundizzjoni.

37

Għall-kuntrarju, il-kumpens legali ekwivalenti għal 20 ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża, previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, japplika f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema irrispettivament mit-tul determinat jew indeterminat ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat jiġu ttrattati bl-istess mod meta r-raġuni tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom huwa l-istess.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ma tarax id-differenza fit-trattament imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683).

39

Minn din is-sentenza jirriżulta li għandu jiġi previst kumpens uniku għall-każijiet kollha ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, jiġifieri dak ekwivalenti għal 20 ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża, minkejja li dawn jistgħu jkunu każijiet differenti ħafna.

40

Dan il-kumpens għandu għalhekk jingħata fl-iskadenza tat-terminu kemm tal-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim kif ukoll tal-kuntratti oħra ta’ xogħol għal żmien determinat, li jkun jimplika li titneħħa d-differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kuntratti għal żmien determinat li kienu ġew stabbiliti mil-leġiżlatur Spanjol bl-adozzjoni tal-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jipprevedi l-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għal 12-il ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża fit-tmiem tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat minbarra l-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim.

41

Issa, din id-differenza ma tippreġudikax il-bilanċ bejn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għandhiex neċessarjament tagħti lok għall-ħlas ta’ kumpens u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk dan il-kumpens għandux jiġi stabbilit bl-istess mod bħal dak li għandu jitħallas fil-każijiet l-oħra ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol.

43

Din il-qorti tispeċifika, barra minn hekk, li dawn id-dubji tagħha ma jirrigwardax l-iktar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, iżda l-kwistjoni dwar jekk, billi jipprevedi l-ħlas ta’ kumpens fl-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti interinidad, id-dritt Spanjol ipprevediex miżura intiża għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat, li ma humiex kuntratti ta’ sostituzzjoni interim.

44

Fil-fatt, il-kumpens ekwivalenti għal tnax-il ġurnata ta’ salarju għal kull sena anzjanità fl-impriża, previst fl-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ġie introdott permezz tar-Real Decreto-ley 5/2001 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 5/2001), tat-2 ta’ Marzu 2001, u permezz tal-Ley 12/2001 de medidas de reforma del mercado de trabajo para el incremento del empleo y mejora de su calidad (il-Liġi dwar Miżuri Urġenti għar-Riforma tas-Suq tax-Xogħol sabiex jiżdiedu l-Impjiegi u Titjieb il-Kwalità), tad-9 ta’ Lulju 2001, sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 1999/70 fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Madankollu, il-persuni impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ sostituzzjoni interim huma espliċitament esklużi mill-benefiċċju ta’ dan il-kumpens.

45

Huwa permess li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi kumpens, anki jekk huwa ma għandu l-ebda rabta mal-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jikkostitwixxi miżura intiża għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas u li jiffavorixxi l-istabbilità tal-impjiegi.

46

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur Spanjol setax, mingħajr ma jikser l-imsemmija klawżola 5, jeskludi l-persuni impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ sostituzzjoni interim mill-benefiċċju ta’ dan l-istess kumpens.

47

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana Lopez (C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680), jirriżulta li Stat Membru ma jistax, fit-twettiq tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, jipprevedi sistemi legali differenti skont il-kategoriji differenti tal-persunal.

48

Madankollu, il-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim li jirrigwarda żewġ ħaddiema, jiġifieri l-ħaddiem li jissostitwixxi u l-ħaddiem issostitwit, huwa distint minn tipi oħra ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għalkemm il-kumpens previst fl-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema jista’ jkollu effett dissważiv fuq il-persuna li timpjega li tixtieq li tnaqqas il-persunal tagħha faċilment, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kumpens ma għandux l-istess effett fir-rigward tal-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim, peress li t-tmiem tagħhom ma jagħtix lok għal tnaqqis tal-persunal.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-klawżola 4 tal-[Ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdi ebda kumpens għal terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat dovut għal sostituzzjoni interim ta’ ħaddiem ieħor li għandu dritt irriżervat tal-post tax-xogħol tiegħu, meta din it-terminazzjoni sseħħ minħabba r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem issostitwit, u, għall-kuntrarju, tipprovdi tali kumpens meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol issir għal raġunijiet oħra pprovduti mil-liġi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, miżura bħal dik stabbilita mil-leġiżlatur Spanjol, li tikkonsisti fl-iffissar ta’ kumpens ta’ 12-il ġurnata [salarju] għal kull sena servizz, li l-ħaddiem jirċievi meta jintemm kuntratt temporanju inkluż meta l-impjieg temporanju jkun limitat għal kuntratt wieħed biss, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, dispożizzjoni leġiżlattiva li tirrikonoxxi lill-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat kumpens ta’ 12-il ġurnata [salarju] għal kull sena servizz meta jintemm il-kuntratt, iżda li teskludi mill-istess kumpens lill-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat meta l-kuntratt ikun dovut għas-sostituzzjoni interim ta’ ħaddiem li għandu dritt irriżervat tal-post tax-xogħol tiegħu, tmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas?”

50

Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissottometti l-kawża preżenti għal proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew, jekk ikun il-każ, għat-trattament prijoritarju, kif ukoll sabiex tagħti lil din il-kawża prijorità fil-konfront, b’mod partikolari, għall-Kawżi C-574/16, Grupo Norte Facility, u C-677/16, Montero Mateos.

51

Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Diċembru 2017, de Diego Porras (C-619/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1025), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

52

Permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos (C-677/16, EU:C:2018:393), il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) iddeċidiet, essenzjalment, li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bħalma huma l-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim, konklużi sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, filwaqt li jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

53

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi għas-sostituzzjoni ta’ ħaddiem li għandu dritt irriżervat tal-pożizzjoni tax-xogħol tiegħu, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, filwaqt li jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt (a) tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għak dan il-għan li l-iskop tal-Ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C-677/16, EU:C:2018:393, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li jimplimenta l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Ftehim qafas, kif tfakkru fiż-żewġ punti preċedenti, il-klawżola 4 tiegħu għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos,C-677/16, EU:C:2018:393, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni dwar it-trattament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għall-motiv biss li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

58

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, peress li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ A. de Diego Porras kien jipprevedi li dan il-kuntratt kellu jintemm malli jseħħ avveniment determinat, jiġifieri l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssostitwita fil-pożizzjoni ta’ xogħol tagħha, il-persuna kkonċernata għandha titqies li għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas.

59

Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 44 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Għandu jitfakkar, fit-tielet lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas fir-rigward biss tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk A. de Diego Porras, meta ġiet irreklutata mill-Ministeru għad-Difiża fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 52).

64

Madankollu, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. de Diego Porras, meta hija ġiet irreklutata mill-Ministeru għad-Difiża taħt kuntratt ta’sostituzzjoni interim, kienet taqdi l-istess funzjonijiet ta’ segretarja bħall-ħaddiema li hija kienet tiżgura s-sostituzzjoni tagħha.

65

Għaldaqstant, bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat bħalma hija A. de Diego Porras kienet komparabbli għal dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat irreklutat mill-Ministeru għad-Difiża sabiex taqdi l-istess funzjonijiet ta’ segretarja.

66

Għaldaqstant, fir-raba’ lok, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-fatt li kuntratt ta’ sostituzzjoni interim li jkun wasal fit-tmiem tiegħu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jagħti lok għall-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiem għal żmien determinat ikkonċernat, filwaqt li ħaddiem għal żmien indeterminat jibbenefika minn kumpens meta jitkeċċa minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudeunza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punti 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

L-imsemmi kunċett jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jinvoka d-differenza li tikkaratterizza l-kuntest li fih jimmaterjalizzaw il-kawżi ta’ estinzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat previsti fl-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema, bħalma huwa l-fatt li jintemm il-perijodu ta’ kuntratt ta’ sostituzzjoni interim, fil-konfront tal-kuntest li fih huwa previst il-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ tkeċċija minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut, bħalma huma raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni tal-persuna li timpjega, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”. Sabiex jispjega d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi gvern jenfasizza essenzjalment li, fl-ewwel każ, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol isseħħ fl-okkażjoni ta’ avveniment li seta’ jiġi antiċipat mill-ħaddiem fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, li jikkorrispondi fil-fatt għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim ġie estint minħabba l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssostitwita. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema huwa mmotivat mir-rieda li jiġi kkumpensat il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol ser tkompli, li jirriżulta mit-tkeċċija tiegħu minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-estinzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ sostituzzjoni interim ta’ A. de Diego Porras, minħabba l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssostitwita, taqa’ f’kuntest kunsiderevolment differenti, minn perspettiva fattwali u legali, minn dak li fih il-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat jiġi xjolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

71

Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt għal “żmien determinat” li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jintlaħaq it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jkun ikkostitwit mit-tlestija ta’ kompitu determinat, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża jew, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li jseħħ avveniment partikolari. Għalhekk, il-partijiet għal kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punt 60).

72

Għall-kuntrarju, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punt 61). Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol imfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li l-ħaddiem seta’ kellu f’dik id-data fir-rigward tal-istabbiltà tal-imsemmija relazzjoni, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ f’dan il-każ il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena anzjanità.

73

F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt Spanjol ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, peress li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kienx għal żmien determinat jew indeterminat.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li l-għan speċifiku tal-kumpens ta’ tkeċċija previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, l-istess bħall-kuntest partikolari li fih jitħallas l-imsemmi kumpens, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem li għandu dritt għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, filwaqt li jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

76

Il-Gvern Spanjol isostni li t-tieni domanda ma hijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tikkonċerna biss l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u l-każijiet ta’ ksur tal-liġi. Issa, f’din il-kawża, ma hemm la l-użu frawdolenti ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u lanqas abbuż ta’ dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, il-kawża prinċipali tikkonċerna kuntratt wieħed biss ta’ xogħol għal żmien determinat.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn, C-230/17, EU:C:2018:497, punt 22).

78

F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. de Diego Porras kienet impjegata, minn Frar 2003, taħt il-kopertura ta’ diversi kuntratti ta’ impjieg ta’ sostituzzjoni interim bħala segretarja f’subdirettorati differenti tal-Ministeru għad-Difiża.

79

F’dan ir-rigward, mill-punt 2(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, jirriżulta li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jitqiesu bħala “suċċessivi”.

80

Issa, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C-574/16, EU:C:2018:390, punt 32).

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

82

Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

83

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens għall-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti tikkostitwixxix miżura intiża għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

84

F’dan ir-rigard, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet segwiti minnha, jiġifieri li jkun limitat l-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, jimponi, fil-punt 1 tiegħu, fuq l-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati, meta d-dritt intern tagħhom ma fih ebda wieħed mill-miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C-184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (c) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C-494/16, EU:C:2018:166, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effettività utli tal-Ftehim qafas (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C-494/16, EU:C:2018:166, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn abbużi jkunu ġew ikkonstatati. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li jridu jkunu ta’ natura mhux biss proporzjonali, iżda wkoll biżżejjed effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

Meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-istess termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva” (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana Lopez, C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana Lopez, C-184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

90

Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91

Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu, tagħmel xi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-imsemmija qorti fl-evalwazzjoni tagħha (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana Lopez, C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens għall-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi ma taqax, prima facie, taħt waħda mill-kategoriji ta’ miżuri intiżi għall-prevenzjoni tal-abbużi u msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

93

Tali miżura nazzjonali ma tidhirx iktar tikkostitwixxi “miżura legali ekwivalenti biex jiġi evitat l-abbuż”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

94

Il-ħlas ta’ kumpens għall-iskadenza ta’ kuntratt, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ma jippermettix li jintlaħaq l-għan segwit mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas sabiex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, tali ħlas jidher li huwa indipendenti minn kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar in-natura leġittima jew abbużiva tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat.

95

Tali miżura ma tidhirx għalhekk li hija adegwata sabiex tissanzjona b’mod xieraq użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma tidhirx li tikkostitwixxi, waħedha, miżura suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tan-normi meħuda b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha tad-dritt nazzjonali applikabbli tagħha, jekk miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi tikkostitwixxix miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

97

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li saret fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal ċerti kategoriji tagħti lok għall-ħlas, lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn il-kuntratti, għal kumpens, filwaqt li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal kategoriji oħra ma tagħti lok għall-għoti ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn l-aħħar kuntratti.

98

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix, bħala prinċipju, li jkun hemm riżultat differenti rriżervat għall-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ użi ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi skont is-settur jew il-kategorija li taħtha jaqa’ l-persunal inkwistjoni, sa fejn l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat għandu, f’dan is-settur jew fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ persunal, miżura effettiva oħra sabiex jiġu evitati u ssanzjonati l-abbużi (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma totalment applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal ċerti kategoriji tagħti lok għall-ħlas, lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn il-kuntratti, ta’ kumpens, filwaqt li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal kategoriji oħra ma tagħti lok għal ebda kumpens.

100

Għaldaqstant, għalkemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ħlas obbligatorju tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 49(1)(ċ) tal-Istatut tal-Ħaddiema jikkostitwixxi miżura intiża sabiex tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, il-fatt li l-għoti ta’ dan il-kumpens huwa rriżervat għall-każijiet ta’ skadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat biss minbarra l-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim ikun ta’ natura li jippreġudika l-għan u l-effett utli tal-Ftehim qafas biss jekk ma jkunx hemm, fid-dritt Spanjol, ebda miżura effettiva oħra sabiex jiġu evitati u ssanzjonati l-abbużi fir-rigward tal-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ sostituzzjoni interim, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

101

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkonstata li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tat-terminu li għalih dawn il-kuntratti ġew konklużi, tikkostitwixxi miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal ċerti kategoriji tagħti lok għall-ħlas, lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn il-kuntratti, għal kumpens, filwaqt li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal kategoriji oħra ma tagħti lok għall-għoti ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn l-aħħar kuntratti, sakemm ma jkunx hemm ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni ta’ tali abbuż fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ħaddiema, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

102

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem li għandu dritt għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni interim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, filwaqt li jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

 

2)

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha tad-dritt nazzjonali applikabbli tagħha, jekk miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi tikkostitwixxix miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

Fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkonstata li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ħlas obbligatorju ta’ kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-iskadenza tat-terminu li għalih dawn il-kuntratti ġew konklużi, tikkostitwixxi miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal ċerti kategoriji tagħti lok għall-ħlas, lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn il-kuntratti, għal kumpens, filwaqt li l-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jappartjenu għal kategoriji oħra ma tagħti lok għall-għoti ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ dawn l-aħħar kuntratti, sakemm ma jkunx hemm ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni ta’ tali abbuż fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ħaddiema, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq