Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CJ0257
Judgment of the Court (Third Chamber) of 7 November 2018.#C and A v Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.#Request for a preliminary ruling from the Raad van State.#Reference for a preliminary ruling — Jurisdiction of the Court — Directive 2003/86/EC — Right to family reunification — Article 15 — Refusal to grant an autonomous residence permit — National legislation providing for a requirement to pass a civic integration examination.#Case C-257/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018.
C u A vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 15 – Rifjut li jingħata permess ta’ residenza awtonomu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika.
Kawża C-257/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018.
C u A vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 15 – Rifjut li jingħata permess ta’ residenza awtonomu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika.
Kawża C-257/17.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:876
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
7 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 15 – Rifjut li jingħata permess ta’ residenza awtonomu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika”
Fil-Kawża C‑257/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura
C,
A
vs
Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal C u A, minn C. F. Wassenaar, advocaat, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u M. A. M. de Ree, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, C u A, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”) rigward iċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar tat-talba tagħhom għal bidla fir-restrizzjoni li takkumpanja l-permess ta’ residenza għal żmien limitat tagħhom u, fir-rigward ta’ C, rigward l-irtirar tal-permess ta’ residenza għal żmien limitat tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/86
3 |
Il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/86 hija redatta b’dan il-mod: “L-integrazzjoni ta’ membri tal-familja għandha tkun promossa. Għal dak il-għan, huma għandhom jingħataw status indipendenti minn dak tal-isponsor, b’mod partikulari f’każijiet ta’ tifrik ta’ żwiġijiet u partnerships, u aċċess għal edukazzjoni, impjieg u formazzjoni professjonali fuq l-istess termini bħall-persuna li magħha jingħaqdu mill-ġdid, taħt il-kondizzjonijiet relevanti.” |
4 |
Skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, “sponsor” huwa ddefinit bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”. |
5 |
L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni.” |
6 |
L-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali. Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta’ refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.” |
7 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi: “1. Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta’ residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa [mara] jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali. […] 4. Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.” |
Id-Direttiva 2003/109/KE
8 |
L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272) jipprovdi: “L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.” |
Id-dritt Olandiż
9 |
L-Artikolu 3.51 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tas-sena 2000 fuq il-Barranin) jipprevedi: “1. Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat […] li huwa suġġett għal restrizzjoni marbuta ma’ motivi umanitarji permanenti, jista’ jinħareġ għall-barrani li:
[…] 5. L-Artikolu 3.80a japplika għall-barranin imsemmija fil-paragrafu 1(a), 1°,[…].” |
10 |
L-Artikolu 3.80a ta’ dan id-digriet huwa redatt kif ġej: “1. Applikazzjoni għal emenda ta’ permess ta’ residenza […] f’permess ta’ residenza suġġett għal restrizzjoni marbuta ma’ motivi uminatarji permanenti hija miċħuda, meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata minn barrani fis-sens tal-Artikolu 3.51, il-parti introduttiva u l-punt (a)(1°) tal-paragrafu 1, li ma jkunx għadda mill-eżami previst fl-Artikolu 7(2)(a) tal-liġi dwar l-integrazzjoni ċivika jew ma jkunx kiseb diploma, ċertifikat, jew dokument ieħor fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tal-istess liġi. 2. [Il-paragrafu 1] ma japplikax, jekk il-barrani: […]
[…] 4. Il-Ministru jista’, barra minn hekk, ma japplikax il-paragrafu 1 jekk iqis li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal sitwazzjonijiet manifesti ta’ inġustizzja serja.” |
11 |
L-Artikolu 6(1) tal-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika) jistabbilixxi: “Il-Ministru jeżenta lill-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika meta:
|
12 |
L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “1. Il-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika takkwista fi żmien tliet snin kapaċitajiet orali u bil-miktub fil-lingwa Olandiża li jikkorrispondu mill-inqas għal-livell A 2 tal-qafas Ewropew ta’ referenza għal-lingwi moderni barranin, kif ukoll għarfien tas-soċjetà Olandiża. 2. Il-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tkun issodisfat l-obbligu tagħha ta’ integrazzjoni ċivika meta:
|
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Is-sitwazzjoni ta’ C
13 |
Mill-5 ta’ Novembru 2008 sal-5 ta’ Novembru 2014, C kellha permess ta’ residenza bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha, ċittadin Olandiż. C ippreżentat, fl-20 ta’ Awwissu 2014, applikazzjoni sabiex tibdel dan il-permess f’permess ta’ residenza estiż. |
14 |
Fit-2 ta’ Frar 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għaliex C ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet għaddiet mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, jew li hija kienet eżentata jew meħlusa mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. Huwa rtira wkoll, b’effett retroattiv mill-10 ta’ Frar 2014, il-permess ta’ residenza bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha li C kellha, għaliex din tal-aħħar ma kinitx baqgħet residenti, minn din id-data, fl-istess indirizz tal-konjuġi tagħha. |
15 |
Wara lment imressaq minn C, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2015, ta lil C permess ta’ residenza awtonomu b’effett mis-16 ta’ Frar 2015. Din id-deċiżjoni kienet iġġustifikata bil-fatt li fil-15 ta’ Frar 2015 C bagħtet lis-Segretarju tal-Istat opinjoni tad-Dienst Uitvoering Onderwijs (is-Servizz għall-Implimentazzjoni tat-Tagħlim, il-Pajjiżi l-Baxxi) li tikkonstata li C kienet ġiet eżentata mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. Madankollu, is-Segretarju tal-Istat żamm l-irtirar, b’effett retroattiv mill-10 ta’ Frar 2014, tal-permess ta’ residenza li C kellha bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha. |
16 |
C ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-24 ta’ Lulju 2015 quddiem ir-rechtbank den Haag zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Jannar 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. |
17 |
C appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Is-sitwazzjoni ta’ A
18 |
Mill-20 ta’ Diċembru 1997 sal-15 ta’ Ottubru 2016, A kellha permess ta’ residenza bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha, ċittadin Olandiż. A ppreżentat, fil-11 ta’ Novembru 2014, applikazzjoni sabiex tibdel dan il-permess f’permess ta’ residenza estiż. |
19 |
Fis-26 ta’ Frar 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għaliex A ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet għaddiet mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, jew li hija kienet eżentata jew meħlusa mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. |
20 |
Wara lment imressaq minn A, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2015, żamm id-deċiżjoni inizjali tiegħu. |
21 |
A ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank den Haag zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam). Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Mejju 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. |
22 |
A appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Kunsiderazzjonijiet komuni għas-sitwazzjonijiet ta’ C u ta’ A
23 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għaliex il-konjuġi rispettivi ta’ C u ta’ A huma ta’ nazzjonalità Olandiża. |
24 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva japplika madankollu, b’analoġija, għal A u għal C, sa fejn id-dritt Olandiż jipprevedi li, meta, bħal f’dan il-każ, il-liġijiet u r-regolamenti Olandiżi ma jagħmlux distinzjoni bejn sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u sitwazzjoni li ma hijiex koperta minn dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi dritt japplikaw b’mod dirett u inkundizzjonat għas-sitwazzjoni interna. |
25 |
Minkejja li, minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 hija deċiżiva għall-eżitu tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, hija tistaqsi madankollu, fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
26 |
Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kundizzjoni ta’ integrazzjoni u, fil-każ ta’ inkompatibbiltà, dwar id-data li minnha permess ta’ residenza awtonomu għandu jipproduċi l-effetti tiegħu. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din il-qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjonijiet, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali. |
29 |
Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jispeċifika li t-terminu “sponsor” jirreferi neċessarjament għal ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
30 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni, għaldaqstant, ma pprevediex l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għal ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan huwa kkonfermat, barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2003/86 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 48 u 49). |
31 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar domanda preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt ikunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45, u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53). |
32 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46, u tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 34). |
33 |
B’dan il-mod, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun ġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 19; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47, u tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 33). |
34 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 33, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45), speċifikat li mid-dritt Olandiż jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta għall-istess regola sitwazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sitwazzjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li hija kienet marbuta, taħt id-dritt Olandiż, li tapplika l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, kif josserva wkoll il-Gvern Olandiż, din id-dispożizzjoni ġiet reża applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt Olandiż, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jeżisti għaldaqstant interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari. |
36 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86 jeskludi b’mod espliċitu s-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
37 |
Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tkun issodisfatta, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tiġi stabbilita wkoll f’sitwazzjonijiet koperti minn każ ta’ esklużjoni espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique, C‑303/16, EU:C:2017:773, punti 29 u 30, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2018, SGI u Valériane, C‑459/17 u C‑460/17, EU:C:2018:501, punt 28). |
38 |
Din is-soluzzjoni hija kompletament koerenti mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, li hija intiża preċiżament sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom dawn għandhom jiġu applikati, f’sitwazzjonijiet li l-awturi tat-Trattati jew il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qisux utli li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37). |
39 |
F’dan il-kuntest, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax raġonevolment tvarja skont jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti ġiex iddelimitat permezz ta’ definizzjoni pożittiva jew permezz tal-istabbiliment ta’ ċerti każijiet ta’ esklużjoni, peress li kemm waħda u kemm l-oħra minn dawn iż-żewġ tekniki leġiżlattivi jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli. |
40 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-esklużjoni tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 tirriżulta kemm mid-definizzjoni tat-terminu “sponsor” li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-każ ta’ esklużjoni msemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ din. |
41 |
Minbarra dan, minkejja li l-qorti tar-rinviju tesponi li d-dubji tagħha rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638), għandu jiġi osservat li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet ikkaratterizzata minn aspetti speċifiċi li ma jinstabux fil-kawżi prinċipali. |
42 |
Fil-fatt, minn naħa, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ikun jimplika separazzjoni mil-loġika nnifisha tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, li kien marbut fil-qrib mal-istabbiliment u mal-funzjonament tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 36 sa 41). |
43 |
Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija kawża, riferiment dirett u inkundizzjonat mid-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni, bħal dak ikkonstatat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma setax jiġi stabbilit abbażi tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 51 u 52). |
44 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjonijiet, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali. |
Fuq it-tieni domanda
45 |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. |
46 |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li, mhux iktar minn wara ħames snin ta’ residenza u sa fejn il-membri tal-familja ma jkunux irċevew permess ta’ residenza għal motivi oħra minbarra r-riunifikazzjoni tal-familja, il-konjuġi jew il-partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u l-wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak tal-isponsor. |
47 |
L-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika, min-naħa tiegħu, li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u t-tul ta’ żmien ta’ dan il-permess ta’ residenza huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali. |
48 |
Mill-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li, minkejja li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza awtonomu jikkostitwixxi, fil-prinċipju, dritt wara residenza ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu awtorizza lill-Istati Membri sabiex jissuġġettaw l-għoti ta’ tali permess għal ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddefiniti minnhom. |
49 |
Billi introduċa, fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86, riferiment għad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika għaldaqstant li kien xtaq iħalli fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jiddetermina b’liema kundizzjonijiet permess ta’ residenza kellu jinħareġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun irrisjeda għal ħames snin fit-territorju tiegħu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 42). |
50 |
F’dan ir-rigward, ir-regoli li jirregolaw l-għoti tal-permess ta’ residenza awtonomu huma, għaldaqstant, differenti mir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja li jinvolvu obbligi pożittivi preċiżi u li jorbtu lill-Istati Membri, f’każijiet iddeterminati mid-Direttiva 2003/86, li jawtorizzaw din ir-riunifikazzjoni mingħajr ma jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 46). |
51 |
Għaldaqstant, peress li l-għoti ta’ permess awtonomu fi tmiem il-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva huwa r-regola ġenerali, il-marġni ta’ manuvra rrikonoxxuta lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva ma għandhiex tintuża minnhom b’mod li jiġi ppreġudikat l-għan ta’ dan l-artikolu, li huwa, kif tenfasizza l-premessa 15 tal-istess direttiva, li jippermetti lill-membri tal-familja tal-isponsor li jaċċedu għal status indipendenti minn dan, jew b’mod li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-imsemmi artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 50). |
52 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet addizzjonali li għalihom Stat Membru jissuġġetta l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu ma jistgħux ikunu tant eżiġenti li jikkostitwixxu ostakolu li diffiċilment ikun jista’ jingħeleb, li jipprekludu, fil-prattika, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86 milli jiksbu normalment tali permess fi tmiem il-perijodu msemmi f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 59). |
53 |
Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet f’dan is-sens fl-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva, din il-limitazzjoni tal-fakultà mogħtija lill-Istati Membri f’din id-dispożizzjoni ma tistax tipprekludi, b’mod ġenerali, l-istabbiliment, minn dawn l-Istati Membri, ta’ kundizzjonijiet sostantivi. |
54 |
F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jkun jista’ jissuġġetta l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu għall-fatt li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. |
55 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-integrazzjoni jidher koerenti mal-istabbiliment, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-għan ġenerali li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, espress fil-premessa 15 tad-Direttiva 2003/86 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 69, u tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C-153/14, EU:C:2015:453, punt 53). |
56 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri li jeżiġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ruħhom ma’ miżuri ta’ integrazzjoni, mingħajr ma jillimita lil dawn għall-perijodu li jippreċedi l-ammissjoni tagħhom fit-territorju tagħhom. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effikaċja tal-miżuri eventwalment adottati minn Stat Membru fil-kuntest tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 tista’ tiġi ppreġudikata jekk l-assenza ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fi tmiem perijodu ta’ ħames snin ma setgħet fl-ebda każ tipprekludi l-konsolidazzjoni tad-dritt tiegħu għal residenza skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. |
58 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-armonizzazzjoni iktar speċika magħmula mid-Direttiva 2003/109, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta b’mod speċifiku lill-Istati Membri, fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jissuġġettaw l-akkwist tal-istatus ta’ resident għal żmien twil għal kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni. |
59 |
Fit-tielet lok, sa fejn id-dritt għall-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu huwa rrikonoxxut wara perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandu jkunu kellhom l-okkażjoni li jiksbu ċertu għarfien tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilhom, fil-prinċipju, li jgħaddu minn eżami dwar dawn l-elementi. L-impożizzjoni ta’ rekwiżit f’dan ir-rigward ma tistax għaldaqstant titqies, b’mod ġenerali, bħala li għandha mnejn tneħħi l-effettività tal-Artikolu 15(1). |
60 |
Madankollu, sabiex jitħares l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet konkreti ta’ tali rekwiżit għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51). |
61 |
L-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika għandu jippermetti li jiġi pprovat l-akkwist, miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, tal-għarfien kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Isat Membru ospitanti li jirriżulta, bla dubju, utli sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2015, P u S, C-579/13, EU:C:2015:369, punt 48, u tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 53 u 54). |
62 |
Madankollu, dan l-obbligu ma jistax validament imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni tal-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
63 |
Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-għarfien rikjest sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jikkorrispondi għal livell elementari, li l-kundizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx sabiex jiġi prekluż l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġabu l-prova tal-volontà tagħhom li jgħaddu minn dan l-eżami u tal-isforzi tagħhom għal dan il-għan, li ċ-ċirkustanzi individwali partikolari jkunu debitament meħuda inkunsiderazzjoni u li l-ispejjeż relatati mal-imsemmi eżami ma jkunux eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 54 sa 70). |
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċirkustanzi bħall-età, il-livell ta’ edukazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-istat ta’ saħħa tal-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ma jissuġġettawx l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu għall-fatt li huma jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, meta, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li dawn ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw ruħhom għal dan l-eżami jew li jgħaddu minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 58). |
65 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-modalitajiet konkreti tal-obbligu li persuna tgħaddi minn dan l-eżami ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
Fuq it-tielet domanda
66 |
Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ biss mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni korrispondenti. |
67 |
Għandu, qabel kollox, jiġi osservat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 ma jinkludix regola speċifika rigward l-iżvolġiment tal-proċedura tal-għoti tal-permess ta’ residenza awtonomu jew, a fortiori, rigward id-data li fiha l-għoti ta’ dan il-permess għandu jipproduċi l-effetti tiegħu. |
68 |
Sussegwentement, l-ebda element ta’ din id-dispożizzjoni ma jindika li l-għoti tal-imsemmi permess jikkostitwixxi sempliċement att dikjaratorju, u l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi barra minn hekk, b’mod espliċitu, li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-dritt għal tali permess għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni. |
69 |
Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta li huma, b’mod partikolari, l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti tal-permess ta’ residenza awtonomu, fost liema jista’ jkun hemm il-kundizzjonijiet proċedurali għall-għoti ta’ dan il-permess. |
70 |
Minkejja li mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-fakultà ma tistax tintuża sabiex tiġi stabbilita regola li tikkostitwixxi ostakolu li diffiċilment jista’ jingħeleb, li tipprekludi, fil-prattika, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86 milli jiksbu normalment tali permess fi tmiem it-terminu msemmi f’din id-dispożizzjoni, hemm lok li jitqies li leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ biss mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni korrispondenti ma tistax manifestament tipproduċi tali effett. |
71 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ biss mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni korrispondenti. |
Fuq l-ispejjeż
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.