Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CC0469

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2018.
Funke Medien NRW GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Artikolu 2(a) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Artikolu 5(2) u (3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-469/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:870

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

Kawża C‑469/17

Funke Medien NRW GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ riproduzzjoni – Dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill-pubbliku u dritt li oġġetti protetti oħra jitqiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Modalitajiet ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri – Evalwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali – Natura eżawrjenti”

Introduzzjoni

1.

“Xejn ġdid fil-Punent”, jgħid ir-rapport militari probabbilment l-iktar magħruf tal-istorja tal-letteratura. Dan il-kliem, li jinsab fir-rumanz ta’ Erich Maria Remarque li għandu l-istess titolu ( 2 ), naturalment jibbenefika, flimkien max-xogħol sħiħ, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Din il-kawża tpoġġi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni iktar kumplessa: rapport militari, mhux fittizzju imma assolutament reali, jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, bl-istess mod bħal xogħlijiet letterarji oħra?

2.

Din il-kwistjoni tqajjem żewġ problemi: l-ewwel nett, dan ir-rapport għandu jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex test ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala xogħol li jista’ jiġi protett mid-drittijiet tal-awtur, fejn dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw min-natura stess tad-drittijiet tal-awtur imma wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja? It-tieni nett, fatturi oħra, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni kif protetta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandhom jiġu kkunsidrati sabiex titnaqqas, jew saħansitra tiġi eskluża, din il-protezzjoni? Jidhirli li huwa indispensabbli li nirrispondu dawn iż-żewġ domandi sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 3 ) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

[…]”

4.

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

5.

Skont l-Artikolu 5(3)(c) u (d) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)

riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d)

kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem tal-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skont prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

[…]”.

Id-dritt Ġermaniż

6.

Id-Direttiva 2001/29 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż fil-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965 (iktar ’il quddiem l-“UrhG”). L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jelenka l-kategoriji ta’ xogħlijiet protetti. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu:

“Huma biss xogħlijiet, għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kreazzjonijiet intellettwali personali”.

7.

Fir-rigward tal-protezzjoni ta’ testi uffiċjali, l-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Il-liġijiet, id-digrieti, l-ordnijiet, jew l-avviżi uffiċjali u d-deċiżjonijiet u l-motivazzjonijiet għal dawn id-deċiżjonijiet, ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur.

2.   Lanqas ma huma protetti mid-drittijiet tal-awtur dokumenti oħra uffiċjali li, fl-interess tal-amministrazzjoni, ikunu nħarġu għall-pubbliku għall-informazzjoni; madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 62(1) sa (3) u 63(1) u (2), dwar il-projbizzjoni ta’ tibdil fix-xogħol u l-indikazzjoni tal-oriġini, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

[…]”

8.

Id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-awturi huma protetti bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) u (2) tal-UrhG, filwaqt li l-eċċezzjonijiet tar-rendikont ta’ ġrajjiet kurrenti u ta’ riferiment kienu ġew stabbiliti fl-Artikoli 50 u 51 ta’ din il-liġi.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.

Il-konvenuta, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tistabbilixxi kull ġimgħa rapport tas-sitwazzjoni militari dwar l-interventi tal-Bundeswehr (l-Armata Federali, il-Ġermanja) barra mill-pajjiż u dwar l-iżviluppi li jkunu seħħew fiż-żona ta’ intervent. Dawn ir-rapporti jintbagħtu, taħt l-isem “Unterrichtung des Parlaments” (Informazzjoni għall-Parlament, iktar ’il quddiem l-“UdP”), lil ċerti deputati tal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja), lil unitajiet tal-Bundesministerium der Verteidigung (il-Ministeru Federali tad-Difiża, il-Ġermanja) u lil ministeri federali oħra, kif ukoll lil ċerti dipartimenti taħt l-awtorità tal-Ministeru Federali tad-Difiża. L-UdP huma kkunsidrati bħala “dokumenti kklassifikati – Ristrett”, l-iktar livell baxx ta’ kunfidenzjalità. Fl-istess ħin, il-konvenuta tippubblika verżjonijiet fil-qosor tal-UdP taħt l-isem “Unterrichtung der Öffentlichkeit” (Informazzjoni għall-Pubbliku, iktar ’il quddiem l-“UdÖ”).

10.

Ir-rikorrenti, Funke Medien NRW GmbH (iktar ’il quddiem “Funke Medien”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, topera l-portal internet tal-ġurnal Westdeutsche Allgemeine Zeitung. Fis-27 ta’ Settembru 2012, hija talbet dritt ta’ aċċess għall-UdP kollha stabbiliti matul il-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2001 sas-26 ta’ Settembru 2012. Din it-talba kienet ġiet miċħuda għar-raġuni li l-iżvelar tal-informazzjoni seta’ jkollu effetti negattivi fuq interessi sensittivi tal-Armata Federali fir-rigward tas-sigurtà. Madankollu, ir-rikorrenti kienet kisbet, b’mezz mhux magħruf, il-parti l-kbira tal-UdP u ppubblikat diversi minnhom taħt l-isem “Afghanistan-Papiere” (Dokumenti dwar l-Afganistan).

11.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi kkunsidrat li Funke Medien kienet kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dawn ir-rapporti, ippreżentat kontriha azzjoni għal inġunzjoni, li ntlaqgħet mill-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja). L-appell ippreżentat minn Funke Medien ġie miċħud mill-qorti tal-appell. Permezz tal-appell ta’ “reviżjoni” tagħha, Funke Medien sostniet it-talbiet tagħha għaċ-ċaħda tal-azzjoni ta’ inġunzjoni

12.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt esklużiv tal-awturi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/29]) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]) tax-xogħlijiet tagħhom, u l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet (Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva [2001/29]), iħallu marġni diskrezzjonali għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

2)

B’liema mod għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-[Karta] fid-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva [2001/29], tad-dritt esklużiv tal-awturi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/29]) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]) tax-xogħlijiet tagħhom?

3)

Id-drittijiet fundamentali għal-libertà tal-informazzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-[Karta]) jew għal-libertà tal-istampa (Artikolu 11(2) tal-[Karta]) jistgħu jiġġustifikaw eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/29]) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]) tax-xogħlijiet tagħhom, lil hinn mill-eċċezzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva [2001/29]?”

13.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2017. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Funke Medien, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fit-3 ta’ Lulju 2018.

Analiżi

L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

14.

It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-komunikazzjoni lill-pubbliku, minn Funke Medien, tal-UdP, jiġifieri tar-rapporti ta’ informazzjoni perijodiċi dwar l-azzjonijiet tal-Armata Federali barra mill-pajjiż, li fuqhom ir-Repubblika Federali mill-Ġermanja ssostni li għandha d-drittijiet tal-awtur. Ma nafux x’kien il-kontenut eżatt ta’ dawn id-dokumenti għaliex Funke Medien kienet imġiegħla tneħħihom mill-paġna tal-internet tagħha. Madankollu huwa possibbli li wieħed jikkonsulta l-UdÖ, jiġifieri l-verżjoni pubblika tal-UdP. Waqt is-seduta, il-partijiet ma qablux dwar id-differenzi bejn dawn iż-żewġ verżjonijiet: skont il-Gvern Ġermaniż, l-UdP huma ħafna iktar voluminużi mill-UDÖ, filwaqt li, skont Funke Medien, l-UdP ikun fihom biss xi ftit iktar informazzjoni mill-UdÖ. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li Funke Medien iddeċidiet li tippubblika l-UdP li rnexxielha tikseb jindika li ż-żewġ verżjonijiet ivarjaw f’termini tal-informazzjoni pprovduta. Madankollu, fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ jassumi li, anki jekk l-informazzjoni li tinsab fil-UdP hija iktar iddettaljata, il-forma tal-preżentazzjoni tagħhom (l-espressjoni tagħhom, sabiex nużaw il-lingwaġġ tad-drittijiet tal-awtur) hija l-istess fiż-żewġ każijiet. Issa, din il-forma, kif tirriżulta mill-UdÖ, toħloqli dubji kbar dwar jekk dawn id-dokumenti għandhomx ikunu kklassifikati bħala xogħlijiet li jaqgħu taħt il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, dawn huma dokumenti purament informattivi miktuba f’lingwaġġ perfettament newtrali u standardizzat, li jirrapportaw b’mod preċiż avvenimenti jew li jinformaw li ma kien seħħ ebda avveniment li jimmerita interess ( 4 ).

15.

Issa, huwa ġeneralment aċċettat bħala prinċipju li d-drittijiet tal-awtur ma jipproteġux l-ideat imma l-espressjonijiet. L-ideat għandhom, skont formulazzjoni klassika, jimirħu fil-beraħ ( 5 ), fis-sens li ma jistgħux jiġu mmonopolizzati permezz tad-drittijiet tal-awtur, kuntrarjament, b’mod partikolari, għall-privattivi li jipproteġu l-ideat, l-invenzjonijiet, eċċ. Id-drittijiet tal-awtur jipproteġu biss il-mod kif l-ideat ġew ifformulati f’xogħol. L-ideat innifishom, mifruda minn kull xogħol, għalhekk jistgħu jkunu rriprodotti u kkomunikati b’mod liberu.

16.

Din l-esklużjoni tal-ideat mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur testendi għal informazzjoni “mhux ipproċessata”, jiġifieri informazzjoni ppreżentata kif inhi. Għalkemm din l-informazzjoni tista’ tidher fil-forma ta’ test, madankollu dan huwa test bażiku li huwa limitat sabiex iwieġeb tliet mistoqsijiet fundamentali: min? x’hiex? meta? Nieqsa minn kull tisbieħ, l-espressjoni tal-informazzjoni titwaħħad għalhekk mal-informazzjoni nnifisha. Il-monopolizzazzjoni tal-espressjoni, permezz tad-drittijiet tal-awtur, twassal għalhekk għall-monopolizzazzjoni tal-informazzjoni. Din l-esklużjoni mill-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux ipproċessata kienet diġà inkluża fil-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”), l-istrument internazzjonali prinċipali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li l-Artikolu 2(8) tagħha jipprovdi li l-“protezzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-aħbarijiet tal-ġurnata jew għal diversi fatti li għandhom in-natura ta’ sempliċi informazzjoni għall-istampa” ( 6 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17.

Barra minn hekk, sabiex espressjoni tiġi kklassifikata bħala “xogħol” skont id-drittijiet tal-awtur, huwa meħtieġ ukoll li din l-espressjoni tkun “oriġinali fis-sens li [hija] kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess” ( 7 ). Din il-kundizzjoni għall-applikabbiltà tad-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/29, ġiet dedotta mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva kif ukoll minn dik tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex invenzjoni tad-dritt tal-Unjoni: fil-fatt hija tidher fil-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, għall-inqas fis-sistemi tad-dritt kontinentali ( 8 ). Għalhekk, sa ċertu punt, hija tagħmel parti mit-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri.

18.

Fid-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni, dan il-kunċett ta’ “kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess” huwa l-element prinċipali tad-definizzjoni tax-xogħol, li huwa nnifsu huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Din id-definizzjoni ġiet żviluppata iktar tard fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għas-sentenza Infopaq International ( 9 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk spjegat li kreazzjoni intellettwali tkun tal-awtur stess meta tirrifletti l-personalità tiegħu. Dan ikun il-każ meta l-awtur seta’ jesprimi l-kapaċitajiet kreattivi tiegħu meta jsawwar ix-xogħol billi jagħmel għażliet ħielsa u kreattivi ( 10 ). Min-naħa l-oħra, meta l-espressjoni tal-komponenti tal-oġġett inkwistjoni hija ddettata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-kriterju tal-oriġinalità ma jkunx issodisfatt, minħabba li l-modi differenti ta’ implimentazzjoni ta’ idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jingħaqdu. Sitwazzjoni bħal din ma tippermettix lill-awtur jesprimi l-ispirtu kreattiv tiegħu b’mod oriġinali u jasal għal riżultat li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tiegħu stess ( 11 ). Il-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha stess, fis-sens iddefinit hawn fuq, tipparteċipa fil-kwalità tax-xogħol li jista’ jiġi protett mid-drittijiet tal-awtur. Elementi bħax-xogħol intellettwali u l-għarfien tal-awtur ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw il-protezzjoni tal-oġġett ikkonċernat mid-drittijiet tal-awtur, jekk dan ix-xogħol u dan l-għarfien ma jesprimu l-ebda oriġinalità ( 12 ).

19.

L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għal din il-kawża tagħti lok għal dubji serji dwar il-klassifikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala xogħlijiet fis-sens tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi ftit huwa probabbli li l-awtur jew l-awturi ta’ dawn id-dokumenti, li ma nafux, imma li probabbilment huma impjegati jew uffiċjali tal-Armata Federali, setgħu jagħmlu għażliet ħielsa u kreattivi sabiex jesprimu l-kapaċitajiet kreattivi tagħhom fl-abbozzar ta’ dawn id-dokumenti. Peress li dawn id-dokumenti huma purament informattivi u huma inevitabbilment miktuba b’lingwaġġ sempliċi u newtrali, il-kontenut tagħhom huwa totalment iddeterminat mill-informazzjoni li fihom, b’tali mod li din l-informazzjoni u l-espressjoni tagħha jingħaqdu, u b’hekk tiġi eskluża kull oriġinalità. It-tfassil tagħhom ċertament jeħtieġ ċertu sforz u għarfien, imma dawn l-elementi, waħedhom, ma jistgħux jiġġustifikaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Matul id-diskussjoni dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-partijiet argumentaw ukoll li l-istruttura stess tad-dokumenti inkwistjoni setgħet tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur. Din l-istruttura tikkonsisti fil-preżentazzjoni f’intervalli regolari ta’ informazzjoni dwar kull missjoni barranija li fiha tieħu sehem l-Armata Federali. L-istruttura ta’ dawn ir-rapporti ma jidhirx li hija iktar kreattiva mill-kontenut tagħhom.

20.

Id-dubju dwar il-klassifikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala xogħlijiet li jistgħu jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur tqajjem fil-kawża prinċipali, kif ukoll fil-kawża preżenti, b’mod partikolari minn Funke Medien. Il-qorti tar-rinviju tgħarrafna li din il-kwistjoni ma ġietx solvuta mill-qrati inferjuri fil-kawża prinċipali ( 13 ). Madankollu, hija tikkunsidra li ma huwiex xieraq li l-kawża tintbagħat lura lill-qorti tal-appell sabiex tikkjarifika dan il-punt, peress li jista’ jirriżulta mir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari li ma għandhiex tingħata l-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur għal dawn id-dokumenti.

21.

Nifhem it-tħassib dwar l-ekonomija tal-ġudizzju. Madankollu, id-domandi preliminari f’din il-kawża jqajmu problemi legali essenzjali dwar ir-relazzjonijiet bejn id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet fundamentali, li jistgħu jwasslu għal dubji dwar il-leġittimità jew anki l-validità tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Dawn il-problemi jirriżultaw, fil-biċċa l-kbira, min-natura mhux tas-soltu tad-dokumenti inkwistjoni bħala oġġetti tad-drittijiet tal-awtur, minħabba li għandhom kontenut sempliċiment informattiv, minħabba li joħorġu minn u jibqgħu l-proprjetà tal-Istat u minħabba li huma kunfidenzjali. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ta’ min jiżgura li, qabel ma jiġu indirizzati dawn il-problemi essenzjali, id-dokumenti inkwistjoni jkunu tabilħaqq koperti mid-drittijiet tal-awtur u, b’mod iktar ġenerali, mid-dritt tal-Unjoni.

22.

Naturalment, il-klassifikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala “xogħlijiet” fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, hija evalwazzjoni fattwali li l-qrati nazzjonali biss għandhom jagħmlu. Madankollu, jiena tal-fehma li, fid-dawl tad-dubji msemmija iktar ’il fuq, li jidhru li huma kondiviżi wkoll mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-applikabbiltà tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni għal dawn id-dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra li tiddikjara, skont ġurisprudenza stabbilita, li d-domandi preliminari f’din il-kawża huma inammissibbli minħabba li huma, f’dan l-istadju tal-kawża prinċipali, ipotetiċi għar-raġuni li huma bbażati fuq premessa li ma ġietx ivverifikata mill-qorti tar-rinviju ( 14 ).

23.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax din il-proposta, ser ngħaddi issa għall-analiżi tal-każ fuq il-mertu.

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-mertu tad-domandi preliminari

24.

F’din il-kawża, id-domandi preliminari kollha jirrigwardaw b’xi mod jew ieħor il-problema tar-relazzjoni bejn id-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati mid-Direttiva 2001/29, u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni, kif protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta.

25.

B’hekk, permezz tal-ewwel domanda preliminari, magħmula fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jittrasponu d-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew jekk għandhomx jiġu interpretati wkoll fid-dawl tad-drittijiet fundamentali fis-seħħ fil-livell kostituzzjonali nazzjonali.

26.

It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-mod li bih id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur previsti fid-Direttiva 2001/29. Għalkemm din id-domanda ma saritx espressament, il-kliem tagħha madankollu jindika li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b’mod iktar speċifiku tad-dritt għall-informazzjoni, jistax iwassal għal interpretazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet li tkopri l-użu tad-dokumenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27.

Fl-aħħar nett, it-tielet domanda tqajjem il-problema tal-eventwali eżistenza ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet oħra għad-drittijiet tal-awtur li ma humiex previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 (jew minn xi att ieħor tad-dritt tal-Unjoni), imma li huma indispensabbli sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

28.

Dawn it-tliet domandi, magħmula f’termini ġenerali ħafna, tqajmu wkoll f’żewġ kawżi oħra li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li joriġinaw minn talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-istess qorti tar-rinviju ( 15 ). Dawn it-tliet kawżi jikkonċernaw sitwazzjonijiet fattwali kompletament differenti u jinvolvu drittijiet fundamentali differenti. Probabbilment huma infiniti l-konfigurazzjonijiet fattwali u legali oħra possibbli li fihom jistgħu jsiru l-istess domandi ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet fundamentali.

29.

Għaldaqstant, ma jidhirlix li huwa rilevanti li tiġi analizzata l-problema mqajma fil-kawża prinċipali b’mod tant ġenerali. Kwalunkwe risposta abbozzata f’termini ġenerali u mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni attwali ta’ kunflitt eventwali bejn id-drittijiet tal-awtur u dritt fundamentali tkun, fil-fehma tiegħi, jew riġida wisq, billi ma tippermettix l-adattament tas-sistema tad-drittijiet tal-awtur jekk ikun neċessarju, jew laxka wisq, billi tippermetti li jitqajjem dubju fi kwalunkwe sitwazzjoni u b’hekk tiġi nieqsa kull ċertezza legali.

30.

Dan huwa iktar u iktar hekk peress li, kif ser nispjega iktar ’l isfel, id-drittijiet tal-awtur innifishom diġà fihom mekkaniżmi mfassla sabiex jikkonformaw mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-ewwel u qabel kollox mal-libertà ta’ espressjoni. Bħala regola ġenerali, dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu biżżejjed, għaliex altrimenti jitqajmu dubji dwar il-validità stess tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-imsemmija drittijiet fundamentali. Il-problema tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 madankollu ma tqajmitx fil-kawża preżenti u ma narax il-ħtieġa li dan isir.

31.

Għaldaqstant, kwalunkwe kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li tmur lil hinn mis-sempliċi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur, eżerċizzju li huwa fil-konfini bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi, għandha, fil-fehma tiegħi, issir fil-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret. Dan l-approċċ każ b’każ jippermetti li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi applikat bl-ikbar preċiżjoni, u b’hekk jiġi evitat ksur mhux iġġustifikat kemm tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll tad-drittijiet fundamentali.

32.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’każ li huwa partikolari f’diversi aspetti. L-ewwel nett, l-oġġett protett huwa kkostitwit minn dokumenti tal-Istat li, kif diġà osservajt, għandhom natura purament informattiva. Huwa għalhekk diffiċli li ssir distinzjoni bejn dawn id-dokumenti, bħala oġġett tad-drittijiet tal-awtur, u l-informazzjoni li fihom. It-tieni nett, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa l-Istat, jiġifieri l-attur li jsib lilu nnifsu f’sitwazzjoni mhux ta’ benefiċjarju tad-drittijiet fundamentali iżda l-garanti tagħhom. It-tielet u l-aħħar nett, jekk il-mekkaniżmi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jintużaw hawnhekk, l-iskop apertament imfittex ma huwiex l-isfruttament tax-xogħol, imma l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fih. Għal dawn ir-raġunijiet, jekk wieħed sempliċement jirrispondi d-domandi preliminari kif ġew ifformulati mill-qorti tar-rinviju, dan ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li tingħata soluzzjoni xierqa għall-problema li qed tiffaċċja dik il-qorti.

33.

Għalhekk, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju għas-soluzzjoni tat-tilwima speċifika pendenti quddiemha fil-kawża prinċipali, li jiġu fformulati mill-ġdid id-domandi preliminari, billi jiġu ttrattati flimkien u billi jittieħed bħala punt tat-tluq mhux id-drittijiet tal-awtur tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, imma l-libertà ta’ espressjoni ta’ Funke Medien. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 11 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jistrieħ fuq id-drittijiet tal-awtur tiegħu fuq dokumenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jillimita l-libertà ta’ espressjoni sanċita f’dan l-artikolu.

Id-drittijiet tal-awtur u l-libertà ta’ espressjoni

34.

Skont l-Artikolu 11 tal-Karta, il-“libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat” hija parti mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni sanċita f’dan l-artikolu. Il-paragrafu 2 tiegħu jżid il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Dan id-dritt isib l-ekwivalenti tiegħu fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li fl-Artikolu 10 tagħha tiddefinixxi l-libertà ta’ espressjoni f’termini identiċi bħal dawk użati fl-Artikolu 11(1) tal-Karta.

35.

Min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, jirriżervaw għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni pubblika tax-xogħlijiet tagħhom. Għalkemm, kif spjegajt f’iktar dettall iktar ’il fuq, id-drittijiet tal-awtur ma jipproteġux l-informazzjoni jew l-ideat li jinsabu fix-xogħlijiet iżda l-espressjonijiet tagħhom, dan id-dritt naturalment jispiċċa sabiex jidħol f’kunflitt mal-libertà ta’ espressjoni. L-ewwel nett, il-komunikazzjoni ta’ xogħol kopert mid-drittijiet tal-awtur, kemm jekk magħmula mill-awtur innifsu, bil-permess tiegħu jew mingħajru, naturalment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-libertà. It-tieni nett, anki meta x-xogħol ma jkunx l-uniku oġġett jew l-oġġett ewlieni tal-komunikazzjoni, kultant huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġu kkomunikati ċerti ideat mingħajr ma jiġi kkomunikat simultanjament, minn tal-inqas parzjalment, xogħol ta’ ħaddieħor. Nieħdu bħala eżempju l-kritika tal-arti. Għalhekk, jekk tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtur (u jekk dan jingħata l-possibbiltà sħiħa li ma jagħtihiex), id-drittijiet tal-awtur neċessarjament jirrestrinġu l-libertà ta’ espressjoni.

36.

Huwa komunement aċċettat li d-drittijiet tal-awtur innifishom jinkludu mekkaniżmi sabiex jittaffew il-kontradizzjonijiet possibbli bejn id-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà ta’ espressjoni, u d-drittijiet tal-awtur ( 16 ).

37.

Fl-ewwel lok, dan huwa prinċipju li jgħid li d-drittijiet tal-awtur ma jipproteġux l-ideat imma l-espressjonijiet. B’dan il-mod, hija protetta l-libertà ta’ espressjoni sa fejn wieħed jittrażmetti u jirċievi l-informazzjoni. Diġà eżaminajt dan il-prinċipju fil-parti dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari ( 17 ), u għalhekk jiena ma iniex ser nirrepeti ruħi.

38.

Fit-tieni lok, id-drittijiet tal-awtur huwa rikonċiljabbli mad-drittijiet fundamentali permezz ta’ diversi eċċezzjonijiet. Dawn l-eċċezzjonijiet jippermettu l-użu ta’ xogħlijiet f’sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jaqgħu taħt diversi drittijiet u libertajiet fundamentali, mingħajr ma fl-istess ħin iċaħħdu lill-awturi tagħhom mid-drittijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri mill-osservanza tar-rabta li torbothom max-xogħlijiet tagħhom u mill-possibbiltà li jisfruttawhom ekonomikament.

39.

Fid-dritt tal-Unjoni, l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur kienu ġew armonizzati, b’mod partikolari bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Huwa veru li dawn l-eċċezzjonijiet huma fakultattivi; formalment l-Istati Membri ma humiex obbligati li jipprovdu għalihom fid-dritt intern tagħhom. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan huwa iktar mezz kif il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti flessibbiltà ikbar lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet milli possibbiltà reali li jipprovduhom jew le. Fil-fatt, id-drittijiet tal-awtur kienu jeżistu fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ferm qabel l-armonizzazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2001/29. Din hija fuq kollox ir-raġuni għal din l-armonizzazzjoni ( 18 ). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċertament ma riedx li jinqalbu t-tradizzjonijiet differenti u l-formulazzjonijiet differenti ta’ eċċezzjonijiet li kienu għalhekk żviluppaw fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Dan ma jbiddilx il-fatt li ħafna mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 kienu jeżistu f’forma jew oħra fid-drittijiet tal-awtur fid-drittijiet interni kollha tal-Istati Membri ( 19 ).

40.

Fil-kors normali tal-affarijiet, dawn il-limiti interni tad-drittijiet tal-awtur jagħmluha possibbli li jiġu rrikonċiljati, b’mod ġeneralment sodisfaċenti, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mad-drittijiet esklużivi tal-awturi fl-użu tax-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, minkejja l-eżistenza ta’ dawn il-limiti, l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, bħal kwalunkwe korp ieħor tad-dritt, tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, liema rispett jista’ jiġi kkontrollat mill-qrati. Jekk jirriżulta li hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-protezzjoni ta’ dritt fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, dan iqiegħed fid-dubju l-validità tad-drittijiet tal-awtur u jqajjem il-kwistjoni ta’ emenda leġiżlattiva. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom id-drittijiet tal-awtur, li f’ċirkustanzi oħra jistgħu effettivament jibbenefikaw leġittimament mill-protezzjoni legali u ġudizzjarja, ikollhom iċedu quddiem interess superjuri marbut mat-twettiq ta’ dritt jew ta’ libertà fundamentali.

41.

L-eżistenza ta’ limitazzjoni esterna bħal din tad-drittijiet tal-awtur tfakkret reċentement mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). F’żewġ deċiżjonijiet ( 20 ), il-Qorti EDB qieset li l-azzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt ta’ Stat parti fil-KEDB setgħet tkun ikkontrollata mill-aspett tal-konformità tagħha mal-libertà ta’ espressjoni, sanċita fl-Artikolu 10 tal-KEDB. Fiż-żewġ kawżi msemmija hawn fuq, il-Qorti EDB ma sabet ebda ksur tal-libertà ta’ espressjoni. Fil-fatt, meta kkunsidrat in-natura tal-komunikazzjonijiet inkwistjoni (li għandhom għan kummerċjali) u d-drittijiet ta’ persuni oħra li jkunu involuti (id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur), il-Qorti EDB ikkonkludiet li l-konvenuti (jiġifieri l-Istati firmatarji tal-KEDB) jibbenefikaw minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja, f’soċjetà demokratika, tar-restrizzjonijiet fuq din il-libertà li jirriżultaw mid-drittijiet tal-awtur.

42.

Madankollu, f’ċirkustanzi differenti minn dawk inkwistjoni fiż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq, ir-riżultat tal-analiżi jista’ jkun differenti, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ preżenti, il-komunikazzjoni tax-xogħol allegatament protett tkun ikkontribwixxiet għad-dibattitu ta’ interess ġenerali u fejn dan ix-xogħol jikkonsisti f’dokumenti uffiċjali ta’ Stat li għandhom natura informattiva. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi raġunament analogu għal dak tal-Qorti EDB.

43.

Din il-proposta hija iktar u iktar iġġustifikata għaliex l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li, sakemm din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. L-Artikolu 11 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 10 tal-KEDB ( 21 ). Ċertament, kif osservat il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-KEDB ma ġietx inkorporata formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-validità kemm tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Karta ( 22 ). Madankollu, dan ma jfissirx li l-KEDB, kif interpretata mill-Qorti EDB, ma għandhiex titqies fl-interpretazzjoni tal-Karta magħmula għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni ( 23 ). F’każ bħal dan, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispiċċa kompletament bla sens.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-rapporti militari fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta

44.

Skont l-Artikolu 51(1) tagħha, il-Karta hija indirizzata, fost oħrajn, lill-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Huwa ċar li l-applikazzjoni mill-qrati Ġermaniżi, fil-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 tipparteċipa fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija għalhekk hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Karta, partikolarment l-obbligu li tiġi rispettata, f’din l-implimentazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tal-Karta, ta’ Funke Medien. Issa, diversi elementi f’din il-kawża jwasslu għall-konklużjoni li l-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni mid-drittijiet tal-awtur tmur kontra dan l-artikolu tal-Karta.

Il-limitazzjonijiet possibbli tal-libertà ta’ espressjoni

45.

Fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda dubju li l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti kunfidenzjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni ( 24 ). Jidhirli wkoll li huwa ċar ukoll li d-drittijiet tal-awtur invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jillimitaw il-libertà ta’ espressjoni ( 25 ). Dawn il-punti ma jeħtiġux iktar spjegazzjonijiet. Tali limitazzjonijiet ta’ din il-libertà ma humiex ipprojbiti b’mod assolut. Kemm l-Artikolu 10(2) tal-KEDB kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jistabbilixxu r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjonijiet tal-libertà ta’ espressjoni u l-kundizzjonijiet li dawn il-limitazzjonijiet għandhom jissodisfaw.

46.

Ma iniex ser nidħol fid-dibattitu dwar il-preminenza possibbli tar-raġunijiet għar-restrizzjoni tal-KEDB fuq dawk tal-Karta fil-każ tal-libertajiet protetti bl-istess mod miż-żewġ strumenti ( 26 ). Pjuttost, nipproponi li nikkunsidrawhom bħala ekwivalenti, li, fil-fehma tiegħi, huwa l-aħjar approċċ fid-dawl tad-dikjarazzjoni magħmula fl-Artikolu 52(3) tal-Karta li d-drittijiet korrispondenti fiż-żewġ strumenti għandu jkollhom l-istess tifsira u l-istess portata.

47.

Fir-rigward tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-iktar raġuni ovvja tidher li hija li jiġi evitat l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali. Dawn iż-żewġ raġunijiet sabiex tiġi llimitata l-libertà ta’ espressjoni huma espressament previsti fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB.

48.

Il-Karta ma hijiex daqshekk espliċita: l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirreferi biss b’mod ġenerali għall-“objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni”. Madankollu, skont in-nota spjegattiva dwar l-Artikolu 52 tal-Karta, dawn l-interessi jinkludu, minbarra l-objettivi tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 3 TUE, l-interessi tal-Istati Membri li l-Unjoni għandha tosserva. B’mod partikolari, din in-nota ssemmi b’mod espliċitu l-Artikolu 346 TFUE li jgħid li “l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.” Is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali hija wkoll waħda mill-“funzjonijiet Statali essenzjali” li l-Unjoni għandha tirrispetta skont l-Artikolu 4(2) TUE.

49.

Minn dan isegwi li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni għall-iskop tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali hija raġuni leġittima għar-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, kemm taħt il-KEDB kif ukoll taħt il-Karta. Madankollu, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala informazzjoni kunfidenzjali, imma bħala oġġetti ta’ drittijiet tal-awtur. Skont id-dikjarazzjoni espliċita tar-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, anki jekk l-uniku għan tal-azzjoni kontra Funke Medien huwa l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab f’dawn id-dokumenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat li t-theddida għas-sigurtà tal-Istat li tirriżulta mill-iżvelar tagħha ma kinitx ta’ grad li jiġġustifika ksur tal-libertà ta’ espressjoni u tal-istampa. Għalhekk, minflok ma nbdew proċeduri kriminali għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, dan l-Istat Membru rrikorra għal rimedju ta’ dritt “mhux tas-soltu”, jiġifieri l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tiegħu fuq dawn id-dokumenti.

50.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur tistax tiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ espressjoni fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-KEDB u tal-Artikolu 11 tal-Karta.

Id-drittijiet tal-awtur tal-Istat fuq ir-rapporti militari bħala raġuni li tiġġustifika restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni

51.

L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur, bħala dritt suġġettiv, ma huwiex normalment ta’ interess ġenerali. Id-detentur li jinvoka d-drittijiet tal-awtur tiegħu ma jkunx qiegħed iwettaq xi interess ġenerali imma l-interess partikolari tiegħu. Għalhekk, jekk id-drittijiet tal-awtur jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħal-libertà ta’ espressjoni, dan ikun għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, raġuni għal limitazzjoni prevista kemm fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 27 ).

52.

Fl-ewwel lok, dawn id-drittijiet ta’ ħaddieħor jinkludu d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-KEDB u mill-Karta. Din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt tad-drittijiet fundamentali differenti teħtieġ l-ibbilanċjar tagħhom ( 28 ). Id-drittijiet tal-awtur, bħala drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, huma assimilati, għall-finijiet ta’ din il-protezzjoni, mad-dritt ta’ proprjetà, iggarantit skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’numru ta’ okkażjonijiet, irrikonoxxiet il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż id-drittijiet tal-awtur, u d-drittijiet fundamentali l-oħra ggarantiti mill-Karta ( 30 ).

53.

Madankollu, ma jidhirlix li din il-loġika tista’ tapplika f’sitwazzjoni speċifika fejn, bħal f’dan il-każ, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa Stat Membru. L-Istati Membri, kif ukoll l-Istati firmatarji tal-KEDB, ma humiex il-benefiċjarji tad-drittijiet fundamentali imma l-garanti tagħhom. Huma għandhom l-obbligu li jirrispettaw u jipproteġu dawn id-drittijiet mhux għalihom innifishom imma għall-individwi. Tabilħaqq, fil-konfront ta’ min l-Istati jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom? Ovvjament mhux fil-konfront tagħhom stess, allura fil-konfront tal-individwi. Dan imur kontra l-loġika stess tad-drittijiet fundamentali, kif maħsuba sa mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin tal-1789, li hija li l-individwu jiġi protett kontra s-setgħa pubblika u mhux li s-setgħa pubblika tiġi protetta kontra l-individwu.

54.

Naturalment, ma rridx infisser li l-Istat ma jistax jibbenefika mid-dritt ċivili tal-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali. Madankollu, l-Istat ma jistax jinvoka d-dritt fundamentali tal-proprjetà sabiex jirrestrinġi dritt fundamentali ieħor iggarantit mill-KEDB jew mill-Karta.

55.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li d-drittijiet ta’ ħaddieħor, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB u fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, bħala ġustifikazzjoni possibbli tal-limitazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, jinkludu mhux biss id-drittijiet protetti minn dawn l-istrumenti imma wkoll drittijiet oħra, għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati hawn fuq, nemmen li din il-ġustifikazzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq id-drittijiet tal-Istat innifsu. Fil-fatt, kieku l-Istat ikun jista’ jinqeda bid-drittijiet partikolari tiegħu, minbarra l-interess ġenerali, sabiex jillimita d-drittijiet fundamentali, dan iwassal sabiex dawn tal-aħħar jixxejnu.

56.

Għalhekk, l-uniku motiv li fuqu jista’ joqgħod Stat Membru sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB jew mill-Karta huwa l-interess ġenerali. Issa, kif semmejt iktar ’il fuq, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u tal-istampa li tirriżulta minn kawża kontra Funke Medien għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sproporzjonata meta mqabbla mal-interess ġenerali li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti. F’sitwazzjoni bħal din, l-Istat Membru ma jistax jistrieħ, minflok fuq l-interess ġenerali, fuq id-drittijiet tal-awtur tiegħu.

57.

Anki jekk din id-diffikultà tingħeleb, pereżempju billi jitqies li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-Istat hija fl-interess ġenerali, ħaġa li fil-fehma tiegħi hija dubjuża, kemm l-Artikolu 10(2) tal-KEDB kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jeħtieġu li l-limitazzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni jkunu neċessarji ( 31 ). Madankollu, din il-kundizzjoni ma tidhirx li hija ssodisfatta f’dan il-każ.

In-neċessità tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-rapporti militari

58.

Id-drittijiet tal-awtur għandhom żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel għan huwa l-protezzjoni tar-rabta personali li torbot lill-awtur max-xogħol tiegħu bħala l-ħolqien intellettwali tiegħu u b’hekk, b’xi mod, l-emanazzjoni tal-personalità tiegħu. Dan huwa prinċipalment id-dominju tad-drittijiet morali. It-tieni għan huwa li l-awturi jitħallew jisfruttaw ekonomikament ix-xogħlijiet tagħhom u b’hekk jiksbu dħul mill-isforz kreattiv tagħhom. Dan huwa l-qasam tad-drittijiet patrimonjali, li huwa l-oġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex restrizzjoni fuq il-libertà ta’ espressjoni li toħroġ mid-drittijiet tal-awtur tiġi kklassifikata bħala neċessarja, hija għandha tissodisfa minn tal-inqas wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet. Issa jidhirli li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal rapporti militari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfa ebda wieħed minnhom.

59.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-protezzjoni tar-relazzjoni tal-awtur max-xogħol tiegħu, għandu jiġi osservat li, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tkun, bħala finzjoni ġuridika, detentiriċi tad-drittijiet tal-awtur fuq id-dokumenti inkwistjoni, hija ċertament ma hijiex, għal raġunijiet ovvji, l-awtur. L-editur vera jew, x’aktarx l-edituri, huma kompletament anonimi, peress li d-dokumenti inkwistjoni huma elaborati fuq bażi kontinwa u, bħal kull dokument uffiċjali, ikollhom jiġu kkontrollati ġerarkikament. Dawn l-edituri jippreparaw id-dokumenti, jew partijiet minnhom, mhux bħala parti minn attività kreattiva personali imma bħala parti mid-dmirijiet professjonali tagħhom, bħala impjegati jew uffiċjali ( 32 ). Għalhekk, strettament, ma hemm l-ebda awtur reali ta’ dawn id-dokumenti fis-sens li dan it-terminu għandu fid-drittijiet tal-awtur u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem dwar il-protezzjoni tar-rabta tiegħu max-xogħol.

60.

Huwa veru li, kif ikkonfermat mill-premessa 19 tad-Direttiva 2001/29, id-drittijiet morali jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll minn dak tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali. Madankollu, id-drittijiet tal-awtur, kemm morali kif ukoll patrimonjali, isibu l-oriġini u l-ġustifikazzjoni tagħhom fir-relazzjoni speċjali li teżisti bejn l-awtur u x-xogħol tiegħu. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ awtur, ma hemm l-ebda drittijiet tal-awtur, kemm morali kif ukoll patrimonjali.

61.

It-tieni nett, fir-rigward tal-isfruttament ekonomiku, huwa ċar li l-uniku għan tal-azzjoni meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kawża prinċipali kien il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, mhux tad-dokumenti inkwistjoni fit-totalità tagħhom, li verżjoni tagħhom ġiet ippubblikata fil-forma tal-UdÖ, imma biss ta’ ċerta informazzjoni meqjusa sensittiva. Dan joħroġ kompletament ’il barra mill-għanijiet tad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk hawnhekk id-drittijiet tal-awtur huma strumentalizzati sabiex jiġu segwiti għanijiet li huma totalment estranji għalihom.

62.

Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li kkunsidrat li l-interess tal-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni bħala informazzjoni kunfidenzjali ma kienx jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni li kienet tirriżulta minnu, iddeċidiet li tikseb l-istess riżultat billi tinvoka d-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dawn id-dokumenti, minkejja l-fatt li d-drittijiet tal-awtur isegwu skopijiet kompletament differenti u li lanqas ma huwa stabbilit li dawn id-dokumenti jikkostitwixxu xogħlijiet fis-sens ta’ dawn id-drittijiet.

63.

Fil-fehma tiegħi, prattika bħal din ma għandhiex tiġi aċċettata.

64.

Fil-fatt, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni li tirriżulta mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-dokumenti inkwistjoni mhux biss ma hijiex neċessarja f’soċjetà demokratika, imma tkun ferm ta’ detriment għaliha. Waħda mill-iktar funzjonijiet importanti tal-libertà ta’ espressjoni u tal-komponent tagħha, il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, imsemmija speċifikament fl-Artikolu 11(2) tal-Karta, hija l-kontroll tal-poter miċ-ċittadini, element indispensabbli ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika. Issa, dan il-kontroll jista’ jitwettaq, inter alia, bl-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni jew ta’ ċerti dokumenti li l-poter jixtieq jostor il-kontenut jew saħansitra l-eżistenza tagħhom (jew saħansitra l-ineżistenza). Bla dubju, ċerta informazzjoni għandha tibqa’ sigrieta, anki f’soċjetà demokratika, jekk l-iżvelar tagħha tikkostitwixxi theddida għall-interessi essenzjali tal-Istat u, konsegwentement, ta’ dik is-soċjetà nnifisha. Għaldaqstant, din għandha tiġi kklassifikata u protetta skont il-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan, applikati taħt superviżjoni ġudizzjarja. Madankollu, apparti minn dawn il-proċeduri jew jekk l-Istat innifsu jirrinunzja li japplikahom, l-Istat ma jistax jitħalla jinvoka d-drittijiet tal-awtur tiegħu fuq kwalunkwe dokument sabiex jipprevjeni l-kontroll tal-azzjoni tiegħu.

Konklużjoni ta’ din il-parti

65.

Fil-qosor, il-protezzjoni eventwali mid-drittijiet tal-awtur tad-dokumenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-dritt fundamentali tal-proprjetà intellettwali u għalhekk għandha tiġi analizzata biss bħala limitazzjoni għal-libertà ta’ espressjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta. Issa, din il-limitazzjoni ma hijiex neċessarja u ma tissodisfa b’mod effettiv l-ebda interess ġenerali u lanqas il-bżonn tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 52(1) tagħha.

66.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tiddeċiedi li tanalizza d-domandi preliminari f’din il-kawża fil-mertu, tirrispondi li l-Artikolu 11 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jinvoka d-drittijiet tal-awtur li jirriżultaw mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 sabiex jipprevjeni l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-kuntest ta’ dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, ta’ dokumenti kunfidenzjali li joħorġu minn dan l-Istat Membru. Din l-interpretazzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni minn dan l-Istat Membru, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern tiegħu, b’mod partikolari dawk relatati mal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

Id-domandi preliminari

67.

Kif indikajt fir-rimarki preliminari tiegħi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari sabiex twettaq analiżi tal-applikabbiltà tad-drittijiet tal-awtur, kif armonizzati fid-dritt tal-Unjoni, fuq id-dokumenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-libertà ta’ espressjoni. Din l-analiżi u, konsegwentement, is-soluzzjoni ssuġġerita jiġu qabel id-domandi preliminari kif ifformulati fid-deċiżjoni tar-rinviju.

68.

Fil-fatt, l-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29. Kif tgħid il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, din id-domanda tqajmet fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali). Skont din il-ġurisprudenza, meta l-Istati Membri jkollhom marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din l-applikazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali kif espressi fil-Kostituzzjoni Ġermaniża, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ tali marġni ta’ manuvra, il-Karta biss tkun rilevanti bħala punt ta’ riferiment. Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) żviluppat din il-ġurisprudenza bħala riżultat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ). Madankollu, ir-risposta li qiegħed nipproponi li għandha tingħata tirriżulta kompletament mir-relazzjoni bejn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tad-Direttiva 2001/29, u l-Karta, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi analizzat il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri.

69.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli (jew neċessarju) li tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà ta’ espressjoni bl-iskop li jiġu interpretati l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Huwa minnu li din il-kunsiderazzjoni ġiet irrakkomandata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deckmyn u Vrijheidsfonds ( 34 ). Is-sitwazzjoni f’dik il-kawża, madankollu, kienet differenti minn dik fil-kawża ineżami. Fil-fatt, is-soluzzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deckmyn u Vrijheidsfonds kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni inkwistjoni (dik ta’ parodija) fil-każ ineżami ( 35 ). Id-domanda kienet jekk din setgħetx ma tiġix applikata, minħabba li l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni kienu kontra din l-applikazzjoni ( 36 ).

70.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tissuġġerixxi interpretazzjoni wiesgħa, influwenzata mil-libertà ta’ espressjoni, mill-portata stess u mill-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li jistgħu jkunu involuti. Madankollu, jiena tal-fehma li, f’konfigurazzjoni speċifika bħal dik tal-kawża prinċipali, il-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur għandha tiġi miċħuda, minkejja l-possibbiltà li tiġi applikata eċċezzjoni.

71.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-possibbiltà li tapplika għad-drittijiet tal-awtur, fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet oħra barra dawk previsti mid-Direttiva 2001/29. Ir-risposta li nipproponi li tagħti tista’ tidher favorevoli għall-proposta mressqa f’din id-domanda preliminari. Madankollu, hemm differenza notevoli bejn l-approċċ tal-qorti tar-rinviju u dak li nipproponi li jiġi adottat f’dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, il-fatt li l-libertà ta’ espressjoni tipprevali fuq id-drittijiet tal-awtur f’sitwazzjoni konkreta u speċjali ħafna huwa differenti mill-fatt li jiddaħħlu fis-sistema armonizzata tad-drittijiet tal-awtur, barra mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni pożittiv li jirregola dan il-qasam, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li, min-natura tagħhom, japplikaw b’mod ġenerali.

72.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tanalizzax fid-dettall id-domandi preliminari. Barra minn hekk, peress li l-istess domandi saru f’żewġ kawżi oħra li diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha l-opportunità li tirrispondihom. Dawn iż-żewġ kawżi oħra jikkonċernaw sitwazzjonijiet tipiċi ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, fejn l-analiżi ta’ dawn id-domandi ssib l-utilità sħiħa tagħha.

Konklużjoni

73.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jew tiddikjara li d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) f’din il-kawża huma inammissibbli jew li tirrispondi għal dawn id-domandi bil-mod segwenti:

L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jinvoka d-drittijiet tal-awtur tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, sabiex jipprekludi l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-kuntest ta’ dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, ta’ dokumenti kunfidenzjali li joriġinaw minn dan l-Istat Membru. Din l-interpretazzjoni ma tostakolax l-applikazzjoni minn dan l-Istat Membru, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern tiegħu, b’mod partikolari dawk relatati mal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Remarque, E.M., Im Westen nichts Neues, Propyläen Verlag, Berlin, 1929; traduzzjoni Franċiża: Hella, A., Bournac, O., Stock, Pariġi, 1929.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 4 ) Bħala eżempju, ser nikkwota silta mill-aħħar UdÖ disponibbli fil-ħin tal-abbozzar ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-UdÖ Nru 36/18, datata 5 ta’ Settembru 2018. Fuq l-ewwel paġna tad-dokument hemm mappa skematika ta’ parti mid-dinja li turi l-pajjiżi li fihom l-Armata Federali hija involuta f’missjonijiet. Din il-mappa hija segwita minn lista ta’ dawn il-missjonijiet. Imbagħad l-informazzjoni hija ppreżentata fl-ordni tal-missjonijiet differenti, pereżempju:

“Resolute Support (RS)/NATO-Einsatz in Afghanistan

Train-Advise-Assist-Command (TAAC) North/Deutsches Einsatzkontingent

Die Operationsführung der afghanischen Sicherheitskräfte (Afghan National Defence and Security Forces/ANDSF) in der Nordregion konzentrierte sich im Berichtszeitraum auf die Provinz Faryab mit Schwerpunkt im Raum nördlich von Maimanah. Darüber hinaus wurden Operationen in den Provinzen Baghlan, Badakhshan, Kunduz und Takhar durchgeführt. Für den Bereich Kunduz gilt unverändert, dass das seit November 2016 gültige Sicherheitskonzept der ANDSF für das Stadtgebiet Kunduz für weitgehende Sicherheit und Stabilität sorgt.

Im Verantwortungsbereich des TAAC North kam es im Berichtszeitraum zu verschiedenen Angriffen auf Kontroll- und Sicherungsposten der ANDSF.

Deutsche Beteiligung: 1.124 Soldatinnen und Soldaten (Stand: 03.09.18).

[Resolute Support (RS)/Missjoni tan-NATO fl-Afganistan

Train-Advise-Assist-Command (TAAC) North/Kontinġent Ġermaniż

L-operazzjoni tal-forzi ta’ sigurtà Afgani fir-reġjun tat-Tramuntana kienet ikkonċentrata fil-perijodu kkunsidrat fuq il-provinċja ta’ Faryab b’enfasi fiż-żona fit-Tramuntana ta’ Maimanah. Barra minn hekk, twettqu operazzjonijiet fil-provinċji ta’ Baghlan, ta’ Badakhshan, ta’ Kunduz u ta’ Takhar. Għar-reġjun ta’ Kunduz, il-kunċett validat ta’ sigurtà tal-ANDSF għaż-żona urbana ta’ Kunduz kompla jipprovdi sigurtà u stabbiltà minn Novembru 2016.

Fil-qasam tar-responsabbiltà tat-TAAC tat-Tramuntana, matul il-perijodu ta’ riferiment saru diversi attakki fuq il-postijiet ta’ kontroll u ta’ sigurtà tal-ANDSF.

Parteċipazzjoni Ġermaniża: 1124 suldat (sat-03.09.18)].

Kosovo Force (KFOR)/NATO-Einsatz im Kosovo

Keine berichtenswerten Ereignisse.

Deutsche Beteiligung: 315 Soldatinnen und Soldaten (Stand: 03.09.18).

[Forza tal-Kosovo (KFOR)/Missjoni tan-NATO fil-Kosovo

L-ebda avveniment li jimmerita interess.

Parteċipazzjoni Ġermaniża: 315-il suldat (sat-03.09.18)].

[…]”.

( 5 ) Vivant, M., Buguière, J.-M., Droit d’auteur et droits voisins, Dalloz, Paris, 2016, p. 151.

( 6 ) L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Berna, imma hija parti fit-Trattat tad-Drittijiet tal-Awtur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), adottata f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996 u daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 2002, li jobbliga lill-firmatarji tagħha jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 12 ta’ din il-konvenzjoni (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). Għalhekk, l-atti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 3435).

( 7 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 37).

( 8 ) Dan huwa l-każ b’mod partikolari fid-dritt Ġermaniż, fejn l-Artikolu 2(2) tal-UrhG jipprovdi li “[h]uma biss xogħlijiet għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kreazzjonijiet intellettwali personali”. Dan il-kunċett huwa rifless fil-kunċett ta’ oriġinalità fid-drittijiet tal-awtur fid-dritt Franċiż (sentenza tal-Cour de cassation, Assemblée plénière (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Assemblea Plenarja), tas-7 ta’ Marzu 1986, Babolat vs Pachot, Nru 83-10477, ippubblikata fil-Bulletin); kif ukoll fid-dritt Pollakk (l-Artikolu 1(1) tal-ustawa prawie autorskim i prawach pokrewnych (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tal-4 ta’ Frar 1994) kif ukoll fid-dritt Spanjol (Artikolu 10 tal-Ley de Propiedad Intelectual (il-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali), tal-24 ta’ April 1996). Is-sitwazzjoni hija differenti fis-sistemi tal-copyright tal-pajjiżi Anglosassoni.

( 9 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009 (C-5/08, EU:C:2009:465).

( 10 ) Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 8889).

( 11 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 4950).

( 12 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 33)

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tindika biss li dawk id-dokumenti ma humiex esklużi a priori mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, bħala pubblikazzjonijiet uffiċjali, skont l-Artikolu 5(2) tal-UrhG. Dan huwa ovvju minħabba li huma dokumenti kunfidenzjali, li għalhekk ma humiex maħsuba għall-pubbliku. Madankollu, ma huwiex biżżejjed, sabiex dokument uffiċjali ikun jista’ jgawdi mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li ma jkunx eskluż minn din il-protezzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Tali dokument għandu jissodisfa wkoll il-kriterji ta’ xogħol fis-sens tad-dritt dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan l-aspett ma ġiex iċċarat fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport Italmoda Mariano Previti et (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punti 3139).

( 15 ) Dawn huma l-Kawżi C‑476/17, Pelham, u C‑516/17, Spiegel Online.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, Barta, J., Markiewicz, R., Prawo autorskie, Wolters Kluwer, Varsavja, 2016, p. 635 et seq., u Vivant, M., Buguière, J.-M., Droit d’auteur et droits voisins, Dalloz, Pariġi, 2016, p. 519 et seq. Ara wkoll, pereżempju, Geiger, C., Izyumenko, E., “Copyright on the human rights‘ trial: redefining the boundaries of exclusivity through freedom of expression”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, Vol. 45 (2014), p. 316 sa 342, u Lucas A., Ginsburg, J.C., “Droit d’auteur, liberté d’expression et libre accès à l’information (étude comparée de droit américain et européen)”, Revue internationale du droit d’auteur, Vol. 249 (2016), p. 4 sa 153.

( 17 ) Ara l-punt 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara l-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 2001/29.

( 19 ) Bl-eċċezzjoni possibbli, għal darba oħra, tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn, skont it-tradizzjoni tal-copyright Anglosassona, żviluppa l-kunċett ta’ fair use, limitazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, applikata minn każ għal każ.

( 20 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal-10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908), u d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tad-19 ta’ Frar 2013, Fredrik Neij u Peter Sunde Kolmisoppi vs L-Isvezja (CE:ECHR:2013:0219DEC004039712).

( 21 ) Ara n-nota spjegattiva dwar l-Artikolu 52 tal-Karta.

( 22 ) Ara, rispettivament, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 4546 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 15).

( 23 ) Ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat: ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 35).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, fost oħrajn, is-sentenza tal-Qorti EDB tad-19 ta’ Jannar 2016, Görmüş et vs It-Turkija (CE:ECHR:2016:0119JUD004908507, punt 32).

( 25 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal-10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 34).

( 26 ) Saret analiżi fil-fond ta’ din il-problema minn Peers, S., f’Peers, S., et (editur), The EU Charter of Fundamental Rights. A Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, p. 1515 sa 1521.

( 27 ) Għal iktar preċiżjoni, il-Karta titkellem fuq id-“drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”, filwaqt li l-KEDB tirreferi biss għal “drittijiet ta’ ħaddieħor”. Madankollu, jiena nikkunsidra li dawn il-kunċetti huma ekwivalenti.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tal-10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 40). Ara, ukoll, Peers, S., op.cit., p. 1475.

( 29 ) L-Artikolu 17 tal-Karta jsemmi espressament il-proprjetà intellettwali fil-paragrafu 2 tiegħu.

( 30 ) Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 82 sa 84).

( 31 ) Il-Konvenzjoni żżid tgħid “f’soċjetà demokratika” li l-Karta probabbilment taraha ħaġa sottointiża. Hawnhekk ma niddiskutix ir-rekwiżit tan-natura legali tal-limitazzjonijiet, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur mingħajr dubju tirriżulta mil-liġi.

( 32 ) Ara wkoll ir-rimarki tiegħi dwar il-kwalità tax-xogħol ta’ dawn id-dokumenti fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula.

( 33 ) Partikolarment is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).

( 34 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014 (C‑201/13, EU:C:2014:2132, it-tieni paragrafu tal-punt 2 tad-dispożittiv).

( 35 ) “[B]is-suppożizzjoni li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwieġeb għall-imsemmija karatteristiċi essenzjali tal-parodija” (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, it-tielet paragrafu tal-punt 2 tad-dispożittiv).

( 36 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 30 sa 32).

Fuq