Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0149

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2018.
    Bastei Lübbe GmbH & Co. KG vs Michael Strotzer.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht München I.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Kumpens fil-każ ta’ kondiviżjoni ta’ fajls bi ksur tad-drittijiet tal-awtur – Konnessjoni mal-internet aċċessibbli għal xi membri tal-familja tad-detentur – Eżenzjoni tar-responsabbiltà tad-detentur mingħajr il-ħtieġa li tiġi speċifikata n-natura tal-użu tal-konnessjoni mill-membru tal-familja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7.
    Kawża C-149/17.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:841

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Kumpens fil-każ ta’ kondiviżjoni ta’ fajls bi ksur tad-drittijiet tal-awtur – Konnessjoni mal-internet aċċessibbli għal xi membri tal-familja tad-detentur – Eżenzjoni tar-responsabbiltà tad-detentur mingħajr il-ħtieġa li tiġi speċifikata n-natura tal-użu tal-konnessjoni mill-membru tal-familja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7”

    Fil-Kawża C-149/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

    Bastei Lübbe GmbH & Co. KG

    vs

    Michael Strotzer,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba Awla, li qed jaġixxi bħala president tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan, u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Bastei Lübbe GmbH & Co. KG, minn B. Frommer, R. Bisle, u M. Hügel, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, F. Wilman u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bastei Lübbe GmbH & Co. KG, dar tal-pubblikazzjoni, u M. Strotzer, dwar talba għal kumpens minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2001/29

    3

    Il-premessi 3, 9 u 58 tad-Direttiva 2001/29 jipprevedu:

    “(3)

    L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

    […]

    (9)

    Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali.[…]

    […]

    (58)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet u rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet u obbligi kif stipulati f’din id-Direttiva. Għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet hekk provduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi u għandhom jinkludu l-possibbiltà li jfittxu l-ħsarat u/jew sostenn inġuntiv u, fejn hu xieraq, billi japplikaw għat-teħid tal-materjal illegali.”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi:

    “ 1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

    […]

    b)

    għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

    […]

    3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

    5

    Skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

    2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).”

    Id-Direttiva 2004/48

    6

    Il-premessi 3, 10, 20 u 32 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedu:

    “(3)

    […] [M]ingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b’mod effettiv fil-Komunità. Għalhekk, il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta’ importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern.

    […]

    (10)

    L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb [il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intelletwali] fis-suq intern.

    […]

    (20)

    Minħabba li l-provi huma ta’ importanza kbir biex tiġi stabbilita kontrovvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huwa xieraq li jiġi assigurat li l-mezzi effettivi huma disponibbli biex il-provi jiġu ppreżentati, miksuba u ppreservati. Il-proċeduri għandhom jikkunsidraw [jirrispettaw] id-drittijiet tad-difiża u jipprovdu il-garanzji neċessarji, li jinkludu l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. […]

    (32)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-Karta.”

    7

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Obbligu Ġenerali” jipprevedi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [iġġustifikat].

    2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ [għal kummerċ leġittimu] u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

    8

    Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fuq l-applikazzjoni ta’ xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u suffiċjenti biex tissportja [insostenn tat-] it-talba tagħha, u għandha, fis-sostanzjament ta’ dawk it-talbiet, evidenza speċifika li qegħda fil-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarja jistgħu jordnaw li dik l-evidenza tiġi ppreżentata mill-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu [li] kampjun raġjonevoli ta’ numru sostanzjali ta’ kopji tal-biċċa xogħol jew ta’ xi oġġett ieħor protett […] jista’ jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji bħala evidenza raġjonevoli.

    9

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jistipula:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm [tar-rikorrent], l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u [dwar l-oriġini u n-netwerks] tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

    a)

    instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

    b)

    instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

    ċ)

    instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

    jew

    d)

    kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

    2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

    a)

    l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi [ta]l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

    b)

    informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

    […]

    d)

    jaffordjaw [jagħtu l-]opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali,

    […].”

    10

    L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni u spejjeż legali”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

    […]

    2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi [mingħajr ma kellu raġunijiet validi li jkun jaf], l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

    Id-dritt Ġermaniż

    11

    L-Artikolu 97 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), kif emendata bil-Liġi tal-1 ta’ Ottubru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3728), jipprevedi:

    “1.   Kull minn ikun ħati ta’ ksur illegali tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ieħor protett minn din il-liġi jista’ jagħti lok għal ordni ta’ waqfien immedjat u, fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva, għal ordni ta’ waqfien għall-futur (astensjoni). Id-dritt għal waqfien għall-futur (astenzjoni) jinkiseb mal-ewwel darba li jkun hemm riskju ta’ ksur.

    2.   Kull min iwettaq ksur b’mod intenzjonali jew b’negliġenza għandu jikkumpensa lill-persuna leża għad-dannu kkawżat. Il-kalkolu tal-kumpens jista’ jinkludi wkoll il-profitt li l-awtur tal-ksur ikun ħa mill-ksur tad-dritt. Il-kumpens jista’ jiġi kkalkolat ukoll abbażi tal-ammont li l-awtur tal-ksur messu ħallas bħala remunerazzjoni ġusta li kieku kiseb l-awtorizzazzjoni biex juża d-dritt miksur. L-awturi, l-edituri ta’ ġurnali xjentifiċi (Artikolu 70), il-fotografi (Artikolu 72) u l-artisti tal-ispettaklu (Artikolu 73) jistgħu wkoll jitolbu kumpens finanzjarju tad-dannu morali li jkun ekwu.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Bastei Lübbe hija detentriċi, bħala produttur ta’ fonogrammi, tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq il-verżjoni awdjo ta’ ktieb.

    13

    M. Strotzer huwa detentur ta’ konnessjoni mal-internet li permezz tagħha, fit-8 ta’ Mejju 2010, dan il-ktieb awdjo ġie kondiviż, sabiex jitniżżel, lil numru illimitat ta’ utenti ta’ pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet (peer to peer). Kien hemm espert li assenja b’eżattezza l-indirizz IP lil M. Strotzer.

    14

    Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, Bastei Lübbe intimat lil M. Strotzer biex itemm il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikkonstatat. Peress li din l-intimazzjoni ma kellha l-ebda riżultat, Bastei Lübbe ppreżentat rikors quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja) kontra M. Strotzer, bħala detentur tal-indirizz IP inkwistjoni, sabiex tikseb kumpens finanzjarju.

    15

    Madankollu, M. Strotzer jikkontesta li hu stess kiser id-drittijiet tal-awtur u jenfasizza li l-konnessjoni mal-internet tiegħu kienet sikura biżżejjed. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-ġenituri tiegħu, li jgħixu taħt l-istess saqaf, kellhom ukoll aċċess għal din il-konnessjoni bl-istess mod iżda li, sa fejn kien jaf hu, huma ma kellhomx dan ix-xogħol fuq il-kompjuter tagħhom, ma kinux jafu bl-eżistenza tiegħu u ma kinux jużaw is-softwer tal-pjattaforma ta’ skambju onlajn. Barra minn hekk, il-kompjuter tiegħu kien mitfi fil-mument ta’ meta seħħ il-ksur inkwistjoni.

    16

    L-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) ċaħdet ir-rikors għad-danni ta’ Bastei Lübbe minħabba li M. Strotzer ma setax jitqies li wettaq il-ksur allegat tad-drittijiet tal-awtur, peress li kien indika li anki l-ġenituri tiegħu setgħu wettqu l-ksur inkwistjoni.

    17

    Bastei Lübbe appellat mid-deċiżjoni tal-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja).

    18

    Din l-aħħar qorti iktar ixxaqleb li żżomm lil M. Strotzer responsabbli peress li mill-ispjegazzjonijiet tiegħu ma jirriżultax li kien hemm terz li uża l-konnessjoni tal-internet fil-mument ta’ meta seħħ dan il-ksur. B’konsegwenza ta’ dan hemm suspett qawwi li M. Strotzer huwa l-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

    19

    L-imsemmija qorti madankollu tqis ruħha obbligata li tapplika l-Artikolu 97 tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, kif emendata bil-Liġi tal-1 ta’ Ottubru 2013 u kif interpretat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li tista’, fl-opinjoni tagħha, tipprekludi li l-konvenut jiġi kkundannat.

    20

    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), kif interpretata mill-qorti tar-rinviju, huwa r-rikorrent li għandu jallega u jipprova l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tikkunsidra, barra minn hekk, li d-detentur tal-konnessjoni mal-internet huwa effettivament preżunt li huwa l-awtur ta’ tali ksur, kemm-il darba l-ebda persuna oħra ma setgħet tuża din il-konnessjoni mal-internet fil-mument tat-tali ksur. Madankollu, jekk il-konnessjoni mal-internet ma kinitx sikura biżżejjed jew kienet konxjament imħollija għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra fil-mument ta’ dan il-ksur, allura d-detentur ta’ din il-konnessjoni ma huwiex effettivament preżunt li wettaq dan il-ksur.

    21

    F’każ bħal dan, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) xorta timponi fuq id-detentur tal-konnessjoni mal-internet oneru sekondarju ta’ allegazzjoni. Dan id-detentur jissodisfa b’mod suffiċjenti dan l-oneru sekondarju billi juri li persuni oħra, li tagħhom għandu jindika, jekk ikun il-każ, l-identità, kellhom aċċess awtonomu għall-konnessjoni mal-internet tiegħu u setgħu, għalhekk, kienu l-awturi tal-ksur allegat tad-drittijiet tal-awtur. Jekk membru tal-familja tad-detentur tal-konnessjoni kellu aċċess għal din il-konnessjoni, l-imsemmi detentur madankollu ma huwiex marbut li jipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-mument u n-natura tal-użu ta’ din il-konnessjoni, fid-dawl tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal-familja stabbilita fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-dispożizzjonijiet rispettivi tad-dritt kostituzzjonali Ġermaniż.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ Munich I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ‘sanzjonijiet effettivi u dissważivi kontra l-ksur tad-dritt li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku’ għandhom jibqgħu fis-seħħ anki meta l-proprjetarju ta’ konnessjoni mal-internet ta’ konnessjoni twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls (file sharing) ma jinżammx responsabbli meta huwa jindika mill-inqas membru wieħed tal-familja li bħalu kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni mal-internet, mingħajr ma jagħti iktar dettalji, stabbiliti permezz ta’ investigazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-ħin u tan-natura tal-użu tal-internet minn dak il-membru tal-familja?

    2)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘miżuri effettivi sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali’ għandhom jibqgħu fis-seħħ anki meta l-proprjetarju ta’ konnessjoni mal-internet ta’ konnessjoni twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls (file sharing) ma jinżammx responsabbli meta huwa jindika mill-inqas membru wieħed tal-familja li bħalu kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni mal-internet, mingħajr ma jagħti iktar dettalji, stabbiliti permezz ta’ investigazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-ħin u tan-natura tal-użu tal-internet minn dak il-membru tal-familja?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    23

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tikkuntesta l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula, peress li dawn huma ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, dawn id-domandi jirrigwardaw il-kompatibbiltà, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), filwaqt li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li minnu tifforma parti d-domanda preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Kostov, C‑62/12, EU:C:2013:391, punt 25). Ma huwiex wisq importanti li tali kuntest ikun jinkludi elementi ta’ natura fattwali, leġiżlattiva jew ġurisprudenzjali.

    25

    Issa, sa fejn il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tifforma parti mill-kuntest li minnu jifformaw parti d-domandi magħmula, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li dawn id-domandi jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba n-natura allegatament ipotetika tagħhom.

    Fuq il-mertu

    26

    Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat li ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jqajmu l-istess problema ġuridika, dwar in-natura tas-sanzjonijiet u tal-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, u huma fformulati f’termini kważi identiċi, l-unika differenza evidenti tikkonsisti fill-fatt li waħda tagħmel riferiment għad-Direttiva 2001/29 filwaqt li l-oħra tirrigwarda d-Direttiva 2004/48.

    27

    Madankollu, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-unità u mill-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hemm lok li d-direttivi kollha fil-qasam tal-proprjetà intelletwali jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji komuni għalihom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C-271/10, EU:C:2011:442, punt 27).

    28

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u sabiex tiġi żgurata implementazzjoni komplementari tad-Direttivi 2001/29 u 2004/48, hemm lok li ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jingħataw risposta konġunta.

    29

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, minn naħa, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li d-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, ma jistax jinżamm responsabbli, kemm-il darba huwa jindika lil minn tal-inqas membru wieħed tal-familja tiegħu, li kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni, mingħajr ma jagħti iktar dettalji fir-rigward tal-mument meta l-imsemmija konnessjoni ntużat minn dan il-membru tal-familja tiegħu u dwar in-natura tal-użu li dan tal-aħħar għamel minn din il-konnessjoni.

    30

    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 9 tagħha, f’li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, għaliex dawn id-drittijiet huma essenzjali għall-kreazzjoni intelletwali.

    31

    Sabiex jiġi ggarantit dan l-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 58 tagħha, jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet u rimedji xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn din id-direttiva u għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni tagħhom. Dan l-artikolu jispeċifika wkoll li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    32

    Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati ħażin minn ksur imwettaq fit-territorju tiegħu jkunu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni.

    33

    Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa, hekk kif indikat fil-premessa 10 tagħha, li jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-mezzi adottati sabiex jiġu osservati d-drittijiet tal-proprjeta intelletwali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intelletwali fis-suq intern.

    34

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    35

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-preżunzjoni li d-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur, huwa l-awtur ta’ dan il-ksur, kemm-il darba dan ikun ġie identifikat b’mod preċiż permezz tal-indirizz IP tiegħu u kemm-il darba l-ebda persuna oħra ma kellha l-possibbiltà li taċċedi għal din il-konnessjoni fil-mument ta’ meta twettaq dan il-ksur.

    36

    Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li din il-preżunzjoni tista’ tiġi invertita fil-każ fejn persuni oħra għajr id-detentur tal-imsemmija konnessjoni mal-internet kellhom il-possibbiltà li jaċċedu għaliha. Barra minn hekk, jekk membru tal-familja ta’ dan id-detentur kellu din il-possibbiltà, dan tal-aħħar jista’, fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, billi sempliċement jindika dan il-membru tal-familja tiegħu, jeħles mir-responsabbiltà tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jipprovdi preċiżazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-mument ta’ meta l-konnessjoni mal-internet intużat mill-imsemmi membru tal-familja tiegħu u dwar in-natura tal-użu li dan tal-aħħar għamel minn din il-konnessjoni.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mar-rekwiżit, impost fuq l-Istat Membru kkonċernat, li jiġu previsti rimedji xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet effettivi u dissważivi fil-konfront tal-persuni li jwettqu l-ksur, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 58 tagħha, kif ukoll jekk hijiex kompatibbli mal-obbligu li jiġu previsti miżuri, proċeduri u rimedji effettivi u dissważivi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, previst fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48.

    38

    F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, meta l-parti li ġiet affettwata ħażin tippreżenta rikors, id-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, identifikata b’ċertezza bħala l-oriġini ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, ma huwiex obbligat li jipproduċi, fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, provi li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu u li huma marbutin ma dan il-ksur.

    39

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-Direttiva 2004/48, l-Artikolu 6(1) tagħha jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fuq talba ta’ parti li pproduċiet provi raġonevolment aċċessibbli u suffiċjenti sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħha u li ppreċiżat il-provi insostenn tal-allegazzjonijiet li jinsabu taħt il-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li dawn il-provi jiġu prodotti mill-parti opposta, bla ħsara għall-obbligu li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

    40

    Barra minn hekk, mill-premessa 20 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-prova hija ta’ importanza kbira għall-istabbiliment tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li għandu jiġi żgurat li effettivament jeżistu mezzi għall-preżentazzjoni, għall-kisba u għall-preżervazzjoni tal-provi.

    41

    Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jippermettu b’mod effettiv li l-parti li ġiet affettwata ħażin tikseb il-provi neċessarji biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha li jkunu jinsabu taħt il-kontroll tal-parti opposta, sakemm il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tosserva l-protezzjoni tal-elementi kunfidenzjali.

    42

    Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ir-rispett tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja jikkostitwixxi, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ostakolu li jipprekludi lill-parti leża milli tikseb, mingħand il-parti opposta, il-provi neċessarji biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha.

    43

    Issa, mill-premessa 32 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-direttiva tfittex li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-proprjetà intellettwali, skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta.

    44

    Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem il-kwistjoni tal-bżonn li jiġu rrikonċiljati eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni ta’ diversi drittijiet fundamentali, jiġifieri, minn naħa, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt tal-proprjetà intellettwali kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 33).

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 34).

    46

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jispeċifika, b’mod partikolari, li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet, u li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura li twassal għal ksur serju ta’ dritt protett mill-Karta għandha titqies li ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat tali bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rrikonċiljati (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 35).

    47

    Id-diversi elementi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu evalwati, mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ din l-eżiġenza ta’ bilanċ ġust.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stricto sensu, mill-kliem tal-Artikolu 7 tal-Karta jirriżulta li l-protezzjoni li dan l-artikolu jagħti għandha testendi għal “kull persuna” u ma hijiex limitata biss għall-membri tal-familja tal-persuna li tkun ġiet ordnata, mill-awtoritajet ġudizzjarji, sabiex tipproduċi dawn il-provi, peress li dawn il-membri ma għandhomx jingħataw, fuq din il-bażi, protezzjoni partikolari.

    49

    Madankollu, ma jistax jiġi kkontestat li, abbażi tal-Artikolu 7 tal-Karta, persuni li jappartjenu għall-istess familja jistgħu, abbażi ta’ dan, jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari li tippermettilhom li ma jissuġġettawx ruħhom għal obbligu li jinkriminaw reċiprokament lil xulxin meta wieħed jew l-ieħor minnhom ikun issuspettat li wettaq att illegali.

    50

    Mill-kumplament, l-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-paragrafi (1) u (2) tal-istess artikolu, jagħti leħen għal tali tħassib, peress li ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali li jagħtu lill-persuna li wettqet il-ksur il-possibbiltà li tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni li tisfurzaha tammetti l-parteċipazzjoni rispettiva tagħha jew dik tal-qraba stretti tagħha fi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

    51

    Issa, għandu jitqies li jekk, f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-effett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, ikun li tostakola l-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali adita b’azzjoni għal responsabbiltà, li teżiġi, fuq talba tar-rikorrent, il-produzzjoni u l-ksib ta’ provi relatati mal-membri tal-familja tal-parti opposta, dan ikun ifisser li la jkun possibbli li jiġi stabbilit il-ksur tad-drittijiet tal-awtur u lanqas li jiġi identifikat l-awtur ta’ dan il-ksur, bil-konsegwenza li jkun hemm dannu kunsiderevoli għad-drittijiet fundamentali għal rimedju effettiv u għall-proprjetà intellettwali tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u, għaldaqstant, ma jkunx osservat ir-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 41).

    52

    Għaldaqstant, billi tagħti protezzjoni kważi assoluta lill-membri tal-familja tad-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, b’kuntrast mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29, titqies li hija suffiċjentement effikaċi u li tippermetti li r-riżultat ikun li, fl-aħħar mill-aħħar, tiġi imposta sanzjoni effettiva u dissważiva fuq l-awtur tal-imsemmi ksur. Barra minn hekk, il-proċedura użata għall-eżerċizzju tar-rimedju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiżġura r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali impost fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48.

    53

    Is-sitwazzjoni tkun, madankollu, differenti jekk, sabiex jiġi evitat indħil meqjus inammissibbli fil-ħajja tal-familja, id-detenturi ta’ drittijiet ikollhom forma oħra ta’ rimedju effettiv, li jippermettilhom b’mod partikolari, f’dan il-każ, li tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà ċivili tad-detentur tal-konnessjoni internet inkwistjoni.

    54

    Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk fid-dritt intern ikkonċernat jeżistux mezzi, proċeduri jew rimedji oħra li jippermettu li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw li tiġi ppreżentata l-informazzjoni neċessarja li tippermetti li jiġi stabbilit, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tad-drittijiet tal-awtur u li jiġi identifikat l-awtur ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 42).

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, minn naħa, u, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata mill-qorti nazzjonali kompetenti, li tgħid li d-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, ma jistax jinżamm responsabbli, kemm-il darba huwa jindika lil minn tal-inqas membru wieħed tal-familja tiegħu, li kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni, mingħajr ma jagħti iktar dettalji fir-rigward tal-mument meta l-imsemmija konnessjoni ntużat minn dan il-membru tal-familja tiegħu u dwar in-natura tal-użu li dan tal-aħħar għamel minn din il-konnessjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, minn naħa, u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata mill-qorti nazzjonali kompetenti, li tgħid li d-detentur ta’ konnessjoni mal-internet, li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, ma jistax jinżamm responsabbli, kemm-il darba huwa jindika lil minn tal-inqas membru wieħed tal-familja tiegħu, li kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni, mingħajr ma jagħti iktar dettalji fir-rigward tal-mument meta l-imsemmija konnessjoni ntużat minn dan il-membru tal-familja tiegħu u dwar in-natura tal-użu li dan tal-aħħar għamel minn din il-konnessjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq