EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0478

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
IQ vs JP.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Trasferiment lil qorti f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 19 – Lis pendens.
Kawża C-478/17.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:812

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Trasferiment lil qorti f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 19 – Lis pendens

Fil-Kawża C‑478/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

IQ

vs

JP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R. H. Radu kif ukoll minn C.‑M. Florescu u R. Mangu, sussegwentement minn C.‑R. Canţăr kif ukoll minn C.‑M. Florescu u R. Mangu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u D. Calciu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn IQ u JP dwar, b’mod partikolari, l-eżerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri fuq it-tlett itfal taż-żewġ konjuġi wara d-divorzju tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 jgħidu li:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

(13)

Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.”

5

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. Il-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1”.

6

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan l-istess regolament huwa ddedikat għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ. Taħt it-Taqsima 1, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li:

“Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

(a)

f’liema territorju:

[…]

il-konvenut huwa abitwalment residenti […]

[…]”

7

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fl-Artikoli 8 sa 15, sensiela ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

8

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

9

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu li:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan [tiġi adita], u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.   Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk [hekk] kif:

(a)

is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b)

f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’ (a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ)

il-proċedimenti msemmija f’ (a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.”

10

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post [pożizzjoni] aħjar sabiex jinstema’ l-każ”:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

(a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

(b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

(a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

(b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

(ċ)

ma’ l-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skond il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

(a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess [ġiet adita]; jew

(b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri; jew

(ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

(d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

(e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

11

It-Taqsima 3, intitolata “Id-Disposizzjonijiet komuni”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 19 tiegħu li, taħt it-titolu “Lis pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu li:

“2.   Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess [il-qorti adita fit-tieni lok] għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.   Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara [il-qorti adita fit-tieni lok], tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel [il-qorti adita fl-ewwel lok].”

Id-dritt Rumen

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 448(1) tal-Codul de procedură civilă român (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Rumen) jipprovdi li d-deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija fl-ewwel istanza huma eżekuttivi. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni proċedurali Rumena, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-ewwel istanza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jiġu annullati biss jekk jintlaqa’ l-appell.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Miż-żwieġ ta’ JP u IQ twieldu tlett itfal li jirrisjedu fir-Renju Unit ma’ IQ, li hija ommhom, mill-2012.

14

Fis‑26 ta’ Novembru 2014, IQ adixxiet lill-Judecatoria Cluj-Napoca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) b’talba għal divorzju fil-konfront ta’ żewġha, JP, li jirrisjedi, min-naħa tiegħu, fi Floreşti (ir-Rumanija). Hija talbet ukoll lill-Judecătoria Cluj-Napoca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Cluj-Napoca) tagħtiha l-eżerċizzju esklużiv tas-setgħa tal-ġenituri fir-rigward tat-tlett itfal li kellhom miż-żwieġ, tafdalha l-kustodja ta’ dawn tal-aħħar u tordna lil JP iħallas allowance għall-manteniment u għall-edukazzjoni tagħhom.

15

JP ressaq kontrotalba li permezz tagħha talab lill-imsemmija qorti tiddikjara d-divorzju kunsenswali jew, sussidjarjament, divorzju abbażi ta’ ħtija kondiviża, tordna l-eżerċizzju konġunt tas-setgħa tal-ġenituri fuq it-tlett itfal li kellhom miż-żwieġ kif ukoll li tistabbilixxi programm ta’ żamma ta’ relazzjoni personali mat-tfal.

16

Waqt is-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2015 il-Judecătoria Cluj-Napoca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Cluj-Napoca) ivverifikat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha u ddikjarat li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża. Peress li l-partijiet qablu dwar divorzju kunsenswali, din il-qorti kkonstatat li l-kundizzjonijiet sabiex tiddeċiedi dwar dan il-kap ta’ talbiet kienu ssodisfatti. Għaldaqstant, hija ddikjarat id-divorzju kunsenswali u firdet il-kapijiet ta’ talbiet anċillari minn dawk relatati mad-divorzju proprju, li fir-rigward tagħhom kompliet l-eżami tagħha billi ffissat id-data ta’ seduta għall-produzzjoni tal-provi.

17

Permezz ta’ sentenza ċivili, il-Judecătoria Cluj-Napoca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Cluj-Napoca) laqgħet parzjalment it-talba ta’ IQ u l-kontrotalba ta’ JP, ordnat l-eżerċizzju konġunt tas-setgħa tal-ġenituri fuq it-tlett itfal li kellhom miż-żwieġ, stabbilixxiet ir-residenza tat-tfal fid-dar ta’ IQ, stabbilixxiet l-ammont tal-manteniment dovut minn JP lit-tfal u stabbilixxiet programm ta’ żamma ta’ relazzjoni personali bejn il-missier u t-tfal.

18

Fis‑7 ta’ Settembru 2016, IQ u JP appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija).

19

Quddiem din il-qorti, IQ talbet l-għoti tal-eżerċizzju esklużiv tas-setgħa tal-ġenituri u l-istabbiliment ta’ programm iktar limitat ta’ żamma ta’ relazzjoni personali tal-missier mat-tfal. Min-naħa tiegħu, JP talab li dan il-programm jiġi estiż.

20

Fis‑26 ta’ Diċembru 2016, IQ ressqt talba quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (family court), Birmingham (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (il-Qorti tal-Familja), Birmingham, ir-Renju Unit) għal ordni ta’ restrizzjoni kontra JP. Fit‑3 ta’ Jannar 2017, hija talbet ukoll lil din il-qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-kustodja tat-tfal u dwar il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess ta’ JP.

21

Fl-istess ġurnata, l-imsemmija qorti adottat miżura provviżorja li tipprojbixxi lil missier it-tfal il-kustodja tat-ftal sakemm tingħata s-sentenza definittiva f’din il-kawża. Barra minn hekk, fit‑2 ta’ Frar 2017, hija stiednet lill-qorti tar-rinviju ċċedi l-kawża peress li r-residenza tat-tfal tinsab, bil-kunsens tal-ġenituri, fir-Renju Unit.

22

Permezz ta’ digriet adottat fis‑6 ta’ Lulju 2017, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (family court), Birmingham (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (il-Qorti tal-Familja), Birmingham) talbet lill-qorti tar-rinviju tittrasferixxi l-kawża lilha skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, għar-raġuni li, peress li t-tlett itfal ikkonċernati kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit mill-inqas sa mill‑2013, u dan matul il-proċedura kollha quddiem il-qrati Rumeni, hija kienet il-qorti li kienet tinsab fl-aħjar f’pożizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju tinnota li, fil-każ ineżami, il-qorti li ġiet mitluba tittrasferixxi l-kawża tinsab fl-istadju tal-appell u li diġà teżisti deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

24

Hija tistaqsi kif għandha taġixxi fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni tal-aħħar, peress li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 448(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Rumen, din bħala prinċipju hija eżekuttiva, fis-sens li, sakemm din id-deċiżjoni ma ġietx annullata, JP jista’ jeżiġi l-eżekuzzjoni tagħha.

25

Madankollu, li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tittrasferixxi l-kawża lil High Court of Justice (England & Wales), Family Division (family court), Birmingham (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (il-Qorti tal-Familja), Birmingham), abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, hija ma jkollhiex il-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-appell imressaq quddiema minn IQ u JP, b’tali mod li d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza tkompli teżisti, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Rumen.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni ‘il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni’ li tinsab fl-Artikolu 15 [tar-Regolament Nru 2201/2003] tirreferi kemm għall-qrati tal-ewwel istanza kif ukoll għall-qrati tal-appell? Għandu jiġi stabbilit jekk il-kawża tistax tiġi ttrasferita lil qorti iktar adattata sabiex tisma’ l-kawża, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni u li tintalab tittrasferixxi l-kawża lil qorti iktar adattata tkun qorti tal-appell, filwaqt li l-awtorità [il-qorti] iktar adattata tkun qorti tal-ewwel istanza.

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fir-rigward tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza kif għandha taġixxi l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni u li tittrasferixxi l-kawża lill-qorti iktar adattata sabiex tisma’ l-kawża?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li ż-żewġ qrati, jiġifieri dik Rumena u dik tar-Renju Unit, qegħdin jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ir-Regolament Nru 2201/2003.

28

Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qrati Rumeni vverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom u ddikjaraw li huma għandhom tali ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, filwaqt li l-qorti tar-Renju Unit, adita fit-tieni lok, tibbaża l-kompetenza tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li t-tlett itfal għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit, fejn huma jgħixu ma’ ommhom sa mill‑2012.

29

Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan huwa applikabbli f’sitwazzjoni fejn il-qrati taż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża skont l-Artikoli 8 u 12 ta’ dan ir-regolament.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi l-possibbiltà għall-qrati ta’ Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża li jittrasferixxu din il-kawża jew parti speċifika tagħha lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, jekk din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, u meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri.

31

L-Artikolu 15, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003 li tistabbilixxi sensiela ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni f’kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni speċifika u derogatorja għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li tindika l-qrati tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild bħala l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża, stabbilita fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 29).

32

Għaldaqstant, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti t-trasferiment ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għajr dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni, sakemm, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, tali trasferiment jissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi, minn naħa, u li l-qorti tintervjeni biss f’każijiet eċċezzjonali, min-naħa l-oħra (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 47).

33

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kemm jekk abbażi tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jew inkella permezz tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni tagħha, fir-rigward tal-kawża kollha jew ta’ parti speċifika minna, lejn qorti li normalment ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-qasam, iżda li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandha titqies li tinsab “f’pożizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

34

Sabiex jiġi stabbilit liema qorti hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża inkwistjoni, għandha tintgħażel, b’mod partikolari, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu “konnessjoni partikolari” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, point 50).

35

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali konnessjoni f’każ partikolari, hemm lok li jsir riferiment għall-fatturi elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 15(3)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn dan isegwi li huma immedjatament esklużi mill-mekkaniżmu ta’ trasferiment il-kawżi li fihom huma neqsin dawn l-elementi (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 51).

36

Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-tfal kienu jgħixu u għadhom jgħixu b’mod abitwali fir-Renju Unit, li huwa Stat Membru li miegħu għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolari, ma tista’ tiġi assimilata ma’ l-ebda wieħed mill-elementi elenkati minn din id-dispożizzjoni.

37

B’mod partikolari, l-element stabbilit fl-Artikolu 15(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jsemmi “[…] r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jirreferi neċessarjament għal sitwazzjoni li fiha l-minuri jkun irrisjeda, iżda ma jirrisjedix iktar abitwalment, fl-Istat Membru li miegħu għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolari.

38

Barra minn hekk, l-elementi elenkati fl-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-regolament kollha jikkonfermaw – jekk mhux espressament, tal-inqas fis-sustanza – prossimità bejn il-minuri inkwistjoni fil-kawża u Stat Membru għajr dak tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) jew tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 52).

39

Minn dan isegwi li l-qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tistax tkun il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża abbażi tal-Artikoli 8 jew 12 ta’ dan ir-regolament.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-qrati taż-żewġ Stati Membri għandhom ġurisdizzjoni fuq il-mertu skont l-Artikoli 8 jew 12 ta’ dan ir-regolament.

41

Kull interpretazzjoni kuntrarja tmur, qabelxejn, kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, espressa b’mod ċar fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 u bil-kliem stess tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, li jagħti lill-mekkaniżmu ta’ trasferiment previst minn din id-dispożizzjoni natura eċċezzjonali.

42

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fil-Kapitoli II u III, ir-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema regoli huma intiżi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 kellu jiġi interpretat fis-sens li huwa jawtorizza t-trasferiment ta’ kawża minkejja li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti, dan iwassal għall-ksur tar-regoli tat-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti mill-imsemmi regolament u, għalhekk, tal-għan ta’ ċertezza legali li pprova jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

44

Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni twassal, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex ixxejjen is-sens tal-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament, li jindirizza, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, sitwazzjonijiet fejn il-qrati fi Stati Membri differenti jkollhom ġurisdizzjoni.

45

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fejn l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ minuri, li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawżali, jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita fit-tieni lok għandha tissospendi ex officio l-proċeduri quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok.

46

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni huma ssodisfatti. Għaldaqstant, hija l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (family court), Birmingham (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja (il-Qorti tal-Familja), Birmingham), li ġiet adita fit-tieni lok, li għandha tissospendi ex officio l-proċeduri quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, adita fl-ewwel lok.

47

F’dan ir-rigward, kif issemma fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju vverifikat il-ġurisdizzjoni tagħha u ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, din il-qorti għandha tivverifika wkoll jekk il-ġurisdizzjoni tagħha ntemmitx skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

48

Peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha żewġ qrati aditi għandhom ġurisdizzjoni fuq il-mertu skont, rispettivament, l-Artikoli 12 u 8 ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha żewġ qrati aditi għandhom ġurisdizzjoni fuq il-mertu skont, rispettivament, l-Artikoli 12 u 8 ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Fuq