Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0466

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    Chiara Motter vs Provincia autonoma di Trento.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Trento.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Settur pubbliku – Għalliema tas-sekondarja – Reklutaġġ fis-servizz pubbliku permanenti ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbbażata fuq kwalifiki – Determinazzjoni tal-anzjanità – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ servizz imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
    Kawża C-466/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:758

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Settur pubbliku – Għalliema tas-sekondarja – Reklutaġġ fis-servizz pubbliku permanenti ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbbażata fuq kwalifiki – Determinazzjoni tal-anzjanità – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ servizz imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat”

    Fil-Kawża C‑466/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

    Chiara Motter

    vs

    Provincia autonoma di Trento

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal C. Motter, minn W. Miceli, F. Ganci, V. De Michele, E. De Nisco, S. Galleano u G. Rinaldi, avvocati,

    għall-Provincia autonoma di Trento, minn N. Pedrazzoli, L. Bobbio, A. Pizzoferrato, M. Dalla Serra u M. Velardo, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, C. Colelli u G. D’Avanzo, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Gattinara, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Chiara Motter u l-Provincia autonoma di Trento (il-Provinċja awtonoma ta’ Trento, l-Italja), rigward il-kalkolu tal-anzjanità tagħha fil-mument tal-konkluzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ din tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

    4

    Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas tipprovdi:

    “1.

    Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

    2.

    L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

    (a)

    relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu;

    (b)

    kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

    5

    Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas hija redatta kif ġej:

    “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

    1.

    ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

    2.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

    6

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprovdi li:

    “1.

    Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

    2.

    Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

    3.

    L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

    4.

    Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

    Id-dritt Taljan

    7

    L-Artikolu 485(1) tad-decreto legislativo no 297, “testo unico delle disposizioni legislative vigenti in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine e grado” (Digriet Leġiżlattiv Nru 297, “test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fil-qasam tat-tagħlim u relatati mal-iskejjel ta’ kull tip u ta’ kull livell”), tas-16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad-19 ta’ Mejju 1994), jipprovdi:

    “Fir-rigward tal-persunal li jgħallem fl-iskejjel ta’ tagħlim sekondarju u artistiku, is-servizz imwettaq f’dawn l-iskejjel tal-Istat u assimilati, inklużi dawk li jinsabu barra mill-pajjiż, fil-kwalità ta’ għalliem mhux permanenti, huwa rrikonoxxut bħala servizz imwettaq fil-kwalità ta’ ħaddiem permanenti, għal skopijiet legali u ekonomiċi, kollha kemm huma għall-ewwel erba’ snin u għaż-żewġ terzi tal-perijodu supplimentari eventwali, kif ukoll għal skopijiet ekonomiċi f’dak li jikkonċerna t-terz li jibqa’. Id-drittijiet ekonomiċi li jirriżultaw minn dan ir-rikonoxixment huma kkonservati u evalwati fl-iskali ta’ remunerazzjoni kollha sussegwenti għal dik mogħtija fid-data ta’ dan ir-rikonoxximent.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Matul is-sena 2003, C. Motter ġiet irreklutata mill-Provinċja awtonoma ta’ Trento skont kuntratt għal żmien determinat, bħala għalliema tal-iskejjel sekondarji, u dan, għas-sena skolastika 2003/2004. Sussegwentement hija segwiet din l-attività mingħajr interruzzjoni, permezz ta’ seba’ kuntratti suċċessivi oħra, kull wieħed għal żmien determinat li jikkorrispondi ma’ dak tas-sena skolastika.

    9

    Mill-1 ta’ Settembru 2011, C. Motter ibbenefikat minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Hija ġiet maħtura f’pożizzjoni permanenti fl-1 ta’ Settembru 2012.

    10

    Fit-8 ta’ Settembru 2014, il-Provinċja awtonoma ta’ Trento għamlet rikostituzzjoni tal-karriera tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fi grad skont leġiżlazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012. Skont l-Artikolu 485(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, C. Motter ġiet irrikonoxxuta għal dan l-iskop anzjanità ta’ 80 xahar fuq is-96 xahar effettivament imwettqa. L-ewwel erba’ snin ġew kollha meħuda inkunsiderazzjoni, l-erba’ snin ta’ wara f’proporzjon limitat għaż-żewġ terzi, jiġifieri 32 xahar fuq 48. Hija ġiet ikklassifikata fl-ewwel grad.

    11

    Fit-2 ta’ Diċembru 2016, C. Motter ippreżentat quddiem it-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento, l-Italja) rikors intiż sabiex il-Provinċja awtonoma ta’ Trento tieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità kollha tagħha miksuba preċedentement għall-konklużjoni tal-kuntratt għal żmien indeterminat fl-eżerċizzju tal-istess funzjonijiet, skont tmien kuntratti għal żmien determinat suċċessivament konklużi għas-snin skolastiċi 2003/2004 sa 2010/2011.

    12

    Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka l-ksur tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas u titlob li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, ma jiġix applikat, sa fejn dan jipprevedi li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi mwettqa skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa b’mod sħiħ fil-limitu ta’ erba’ snin u, lil hinn minn dan, limitat sa żewġ terzi.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jiġi vverifikat li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti. Sabiex titwettaq tali verifika, is-sitwazzjoni ta’ C. Motter tista’ tiġi pparagunata ma’ dik ta’ għalliem li jeżerċita xogħol simili li, wara li jkun ġie rreklutat permezz ta’ kompetizzjoni għal żmien indeterminat, għandu l-istess anzjanità bħal C. Motter.

    14

    F’dan ir-rigward, C. Motter stabbilixxiet, mingħajr ma hija kkontestata fuq dan il-punt mill-parti avversarja, li hija wettqet kompiti identiċi għal dawk tal-għalliema rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien indeterminat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Peress li l-għalliema permanenti għaddew minn kompetizzjoni, jista’ jiġi sostnut li s-servizzi tagħhom huma ta’ kwalità superjuri minn dik tal-għalliema għal żmien determinat. Kieku dan kellu jkun il-każ, ma hemmx lok li jiġi segwit il-motiv espost fil-punt 45 tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valena et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tikkunsidra li persuni impjegati li jwettqu kompiti identiċi jistgħu jitqiesu bħala li huma f’sitwazzjonijiet differenti skont jekk għaddewx minn kompetizzjoni ta’ aċċess għas-servizz pubbliku.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-opinjonijiet tal-qrati Taljani huma maqsuma fuq dan il-punt. Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) għalhekk iddeċidiet li, għall-għalliema, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba skont kuntratti għal żmien determinat preċedenti, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom fir-rigward tal-għalliema li jibbenefikaw minn kuntratti għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, diversi qrati inferjuri adottaw is-soluzzjoni kuntrarja.

    16

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk il-fatt li persuna ma tkunx għaddiet minn kompetizzjoni ta’ aċċess għas-servizz pubbliku jistax jiġġustifika differenza fit-trattament għad-dannu tal-impjegati għal żmien determinat.

    17

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 23, 55 u 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-anzjanità miksuba skont kuntratti għal żmien determinat għall-benefiċċju ta’ ħaddiema integrati fil-qafas permanenti tas-servizz pubbliku jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni retroattiva għad-dannu ta’ persuni li jkunu għaddew minn kompetizzjoni rreklutati għal żmien indeterminat.

    18

    Dawn l-elementi jwasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt Taljan, billi jipprevedi fl-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, formula digressiva ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba taħt kuntratti għal żmien determinat bl-għan li tiġi evitata diskriminazzjoni retroattiva fir-rigward ta’ persuni li jkunu għaddew minn kompetizzjoni tas-servizz pubbliku, huwiex kompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġsutizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas, il-fatt li jiġi stabbilit eżami oġġettiv inizjali tal-kompetenzi professjonali billi persuna tgħaddi minn kompetizzjoni pubblika, jikkostitwixxi element li jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ ħaddiem għal żmien determinat u sabiex tivverifika jekk teżistix raġuni oġġettiva xierqa sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiem għal żmien indeterminat u ħaddiem għal żmien determinat?

    2)

    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas jipprekludi r-regoli interni previsti mill-Artikolu 485(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, li jipprovdi li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tas-servizz meta wieħed jidħol fil-qafas permanenti permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, is-servizzi mwettqa għal żmien determinat jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ sa massimu ta’ erba’ snin filwaqt li, għas-snin sussegwenti, dan jitnaqqas b’terz għal finijiet ġuridiċi u b’żewġ terzi għal finijiet ekonomiċi, għar-raġuni li t-twettiq tax-xogħol għal żmien determinat ma huwiex suġġett għal eżami inizjali u oġġettiv tal-kompetenzi professjonali billi persuna tgħaddi minn kompetizzjoni pubblika?

    3)

    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas jipprekludi r-regoli interni previsti mill-Artikolu 485(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas 16 ta’ April 1994, li jipprovdi li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tas-servizz meta wieħed jidħol fil-qafas permanenti permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, is-servizzi mwettqa għal żmien determinat jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ sa massimu ta’ erba’ snin filwaqt li, għas-snin sussegwenti, dan jitnaqqas b’terz għal finijiet ġuridiċi u b’żewġ terzi għal finijiet ekonomiċi, bil-għan li jiġi evitat il-ħolqien ta’ diskriminazzjoni retroattiva fil-konfront ta’ aġenti permanenti li ġew irreklutati wara li għaddew minn kompetizzjoni pubblika?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    20

    Il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħha. Billi l-qorti tar-rinvju ma ddefinixxietx il-fatti b’mod adegwat u suffiċjentement preċiż, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ dik ta’ uffiċjali li tqegħdu f’pożizzjoni paragunabbli u li tingħata risposta għad-domandi preliminari.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qrati tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija obbligata li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi bħala taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Issa, f’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt fl-oriġini tal-kawża prinċipali suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi magħmula. Dawn id-domandi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jagħmlu parti minn qafas ta’ tilwima li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom huma meħuda inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ anzjanità mwettqa minn ħaddiema għal żmien determinat fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fi grad fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom bħala uffiċjali. Minħabba dan il-fatt, dawn id-domandi jippreżentaw relazzjoni diretta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u ma humiex ipotetiċi. Kemm C. Motter kif ukoll il-Provinċja awtonoma ta’ Trento kif ukoll il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, mill-bqija, kienu fil-pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    24

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    25

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-rekutaġġ tiegħu bbażat fuq kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, parzjalment, sa żewġ terzi.

    26

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprojbixxi li jiġu ttrattati, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli unikament għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni f’dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relattivi ma’ kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 39). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli relatati mal-perijodi ta’ servizz li għandhom jitwettqu sabiex tkun tista’ ssir klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 46 u 47).

    27

    Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirriżulta li, bid-differenza ta’ għalliema għal żmien indeterminat irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni, fil-każ tal-għalliema għal żmien determinat li jidħlu fis-servizz pubbliku permanenti permezz ta’ reklutaġġ ibbażat fuq kwalifiki ma tistax, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija ta’ remunerazzjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità tagħhom b’mod sħiħ ħlief għall-ewwel erba’ snin ta’ servizzi tagħhom, fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa sussegwentement limitat għaż-żewġ terzi għas-snin segwenti. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għalhekk wasslet lill-amministrazzjoni li taċċetta biss 80 xahar fuq is-96 effettivament imwettqa skont kuntratti għal żmien determinat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri madwar 83 % tal-anzjanità li hija kienet kisbet fis-servizz.

    28

    Issa, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, l-ugwaljanza fit-trattament tapplika biss bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita minn din il-klawżola, għanda l-ewwel nett tiġi eżaminata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, sussegwentement, fit-tieni lok, li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva.

    Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

    29

    Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-klawżola 3(2) u mal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    In-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul is-snin li matulhom hija ħadmet bħala għalliema fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u l-kwalità tal-esperjenza li hija kisbet f’dan ir-rigward jagħmlu parti mill-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk hija tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal irreklutat permezz ta’ kompetizzjoni u li kien kiseb l-istess anzjanità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 44).

    31

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul is-snin li matulhom hija ħadmet fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienu identiċi għal dawk li kienu ngħatawhla bħala uffiċjal permanenti.

    32

    Jidher madankollu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx għaddiet minn kompetizzjoni ġenerali ta’ aċċess għas-servizz pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali ċirkustanza oġġettiva timplikax kompetenzi professjonali inferjuri, li jistgħu jfissru, b’mod partikolari matul l-ewwel perijodi ta’ tagħlim, kwalità inqas tajba tal-prestazzjonijiet ipprovduti meta pparagunati ma’ dawk tal-uffiċjali permanenti rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni.

    33

    Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li ma tkunx għaddiet minn kompetizzjoni amministrattiva ma jistax jimplika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-mument tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjali permanenti, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-proċedura nazzjonali ta’ reklutaġġ ibbażat fuq kwalifiki kienu intiżi preċiżament sabiex jippermettu l-integrazzjoni fil-kuntest permanenti tas-servizz pubbliku ta’ ħaddiema għal żmien determinat li għandhom esperjenza professjonali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ uffiċjali permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 45).

    34

    Barra minn hekk, l-ipoteżi li l-kwalità tal-prestazzjonijiet ta’ għalliema ġodda rreklutati għal żmien determinat hija inqas minn dik ta’ persuni li għaddew minn kompetizzjoni ma tidhirx konċiljabbli mal-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jirrikonoxxi b’mod sħiħ l-anzjanità miksuba fir-rigward tal-ewwel erba’ snin ta’ eżerċizzju professjonali ta’ għalliema għal żmien determinat. Minbarra dan, tali ipoteżi, kieku kienet ivverifikata, kienet timplika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet suffiċjentement frekwenti sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ reklutaġġ. Issa, dan ma jidhirx li huwa l-każ peress li mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċpiali jirriżulta li l-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ huma organizzati biss b’mod sporadiku, fejn tal-aħħar seħħew matul is-snin 1999, 2012 u 2016. Tali sitwazzjoni, li l-verifika tagħha taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju, tidher diffiċilment kompatibbli mal-argument difiż mill-Gvern Taljan li l-prestazzjonijiet tal-għalliema għal żmien determinat huma inqas minn dawk tal-għalliema għal żmien indeterminat irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni.

    35

    Minn dawn l-elementi jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli, bla ħsara għall-verifiki ta’ natura fattwali li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi ta’ servizz ta’ tul superjuri minn erba’ snin imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat waqt il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali tat-tagħlim sekondarju rreklutati abbażi tal-kwalifiki tagħhom fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom.

    Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

    36

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata mill-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    L-użu biss tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni unikament li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll tal-Ftehim qafas u tipperpetwa ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52).

    39

    Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-punti 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun wettaq dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 71).

    40

    F’dan il-każ, sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament allegata fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntarjament għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646), tirrikonoxxi b’mod sħiħ il-karriera mwettqa minn ħaddiema għal żmien determinat waqt ir-reklutaġġ tagħhom bħala uffiċjali permanenti.

    41

    Ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi b’mod sħiħ din il-karriera. Madnakollu, hija ma tagħmilx dan b’mod uniformi peress li l-anzjanità miksuba lil hinn mill-ewwel erba’ snin tittieħed inkunsiderazzjoni unikament fil-limitu taż-żewġ terzi.

    42

    F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jispjega tali tnaqqis permezz tan-neċessità li jiġi rifless il-fatt li l-esperjenza tal-għalliema għal żmien determinat ma tistax tiġi kompletament ipparagunata ma’ dik tal-kollegi uffiċjali permanenti tagħhom irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni. Kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, l-għalliema għal żmien determinat huma ta’ spiss imsejħa sabiex jiżguraw missjonijiet ta’ sostituzzjoni temporanji u sabiex jgħallmu varjetà ta’ suġġetti. Minbarra dan, dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għal sistema ta’ kalkolu tal-ħin imwettaq li tvarja minn dik applikabbli għall-uffiċjali permanenti. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, kemm mill-perspettiva kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni retroattiva għad-dannu tal-uffiċjali rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni, il-Gvern Taljan iqis iġġustifikat li jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis waqt it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

    43

    Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom stess, huma jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari meta dawn kienu preċedentement ġew impjegati minn dawn l-amministrazzjonijiet fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57).

    44

    Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat biss abbażi tat-tul tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 59).

    45

    Meta tali trattament differenzjat jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi relatati mal-impjieg li ser jimtela permezz tal-proċedura ta’ reklutaġġ u li ma għandhomx x’jaqsmu maż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot il-ħaddiem ma’ min jimpjegaha, dan jista’ jiġi ġġustifikat fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 79).

    46

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li ċerti differenzi fit-trattament bejn l-uffiċjali permanenti rreklutati fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali u dawk irreklutati wara li kienu kisbu esperjenza professjonali fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bħala prinċipju jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi ta’ kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li huma għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 60).

    47

    L-għanijiet allegati mill-Gvern Taljan li jikkonsistu, minn naħa, li jiġu riflessi d-differenzi ta’ eżerċizzju professjonali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi evitata l-emerġenza ta’ diskriminazzjonijiet retroattivi kontra uffiċjali permanenti rreklutati meta jgħaddu minn kompetizzjoni ġenerali, jistgħu għalhekk jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew 4 tal-Ftehim qafas, sa fejn jissodisfaw bżonn reali, għandhom il-kapaċità li jilħqu l-għan imfittex u huma neċessarji għal dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 62).

    48

    Bla ħsara għall-verifiki li jaqgħu esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi ammess li l-għanijiet invokati mill-Gvern Taljan f’dan il-każ jistgħu leġittimament jitqiesu bħala li huma intiżi li jissodisfaw bżonn reali.

    49

    Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet ta’ dan il-gvern jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, parzjalment, sabiex tirrifletti d-differenzi bejn l-esperjenza miksuba mill-għalliema rreklutati fuq bażi ta’ kompetizzjoni u dawk irreklutati fuq bażi ta’ kwalifiki, minħabba d-diversità tas-suġġetti, tal-kundizzjonijiet u tal-ħinijiet li fihom dawn għal-aħħar għandhom jintervjenu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ missjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ għalliema oħra. Il-Gvern Taljan jafferma li, minħabba l-eteroġeneità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, il-prestazzjonijiet ipprovduti mill-għalliema għal żmien determinat matul tul li jilħaq 180 jum fis-sena, jiġifieri madwar iż-żewġ terzi ta’ sena skolastika, huma assimilati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ servizz ta’ sena skolastika kompleta. Bla ħsara għall-verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju, tali għan jidher konformi mal-prinċipju “pro rata temporis” li tirreferi espressament għalih il-klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas.

    50

    Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ verifika inizjali tal-kompetenzi permezz ta’ kompetizzjoni u r-riskju ta’ żvalutazzjoni ta’ din il-kwalifika professjonali ma tirrikjedix neċessarjament li tiġi eskluża parti mill-anzjanità miksuba skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Madankollu, ġustifikazzjonijiet ta’ din in-natura jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, jitqiesu bħala li jissodisfaw għan leġittimu. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li jiġi rrilevat li minn osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan jirriżulta li l-ordinament ġuridiku nazzjonali jagħti importanza partikolari lill-kompetizzjonijiet amministrattivi. Il-Kostituzzjoni Taljana, sabiex tiżgura l-imparzjalità u l-effikaċja tal-amministrazzjoni, tipprevedi, fil-fatt, fl-Artikolu 97 tagħha, li l-aċċess għall-impjiegi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi jseħħ permezz ta’ kompetizzjoni, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.

    51

    B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita proporzjonalment b’żewġ terzi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità ta’ iktar minn erba’ snin miksuba permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tistax titqies bħala li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet preċedentement eżaminati u sabiex jintlaħaq ekwilibriju bejn l-interessi leġittimi tal-ħaddiema għal żmien determinat u dawk tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, fl-osseranza tal-valuri meritokratiċi u kunsiderazzjonijiet ta’ imparzjalità u ta’ effikaċja tal-amministrazzjoni li fuq il-bażi tagħhom iseħħu r-reklutaġġi permezz ta’ kompetizzjoni.

    52

    Fid-dawl ta’ dan, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li mill-elementi disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dannu subit mill-fatt tad-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien indeterminat jidher li huwa marbut maċ-ċirkustanza li l-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħha ġiet stabbilita mhux skont dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fid-data tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, fl-1 ta’ Settembru 2011, iżda skont dispożizzjonjiet sussegwenti fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni wettqet ir-rikostituzzjoni tal-karriera tagħha, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru 2014. Minkejja li kellha, fid-data tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, anzjanità superjuri għal tliet snin li kienet tagħmilha eliġibbli għat-tieni grad tal-iskala ta’ klassifikazzjoni li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma bbenefikatx mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji marbuta mal-modifika ta’ din l-iskala mill-1 ta’ Jannar 2012 u dan, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji kienu intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma fi grad tal-ħaddiema li f’dik id-data kienu jaqgħu fit-tieni grad. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar dan il-punt mill-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tivverifika, skont il-każ, jekk tali applikazzjoni retroattiva tal-iskala ġdida ta’ klassifikazzjoni hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    53

    Isegwi li, bla ħsara tal-verifiki li jaqgħu fuq il-qorti tar-rinviju, l-elementi invokati mill-Gvern Taljan sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew 4 tal-Ftehim qafas.

    54

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-reklutaġġ tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, b’mod parzjali, sa żewġ terzi.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-reklutaġġ tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, b’mod parzjali, sa żewġ terzi

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.

    Fuq