Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CC0387
Opinion of Advocate General Wahl delivered on 13 September 2018.#Presidenza del Consiglio dei Ministri v Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA.#Request for a preliminary ruling from the Corte suprema di cassazione.#Reference for a preliminary ruling – State aid – Existing aid and new aid – Classification – Regulation (EC) No 659/1999 – Article 1(b)(iv) and (v) – Principles of legal certainty and protection of legitimate expectations – Applicability – Subsidies granted before the liberalisation of a market initially closed to competition – Action for damages against the Member State brought by a competitor of the beneficiary company.#Case C-387/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2018.
Presidenza del Consiglio dei Ministri vs Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Klassifikazzjoni – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 1(b)(iv) u (v) – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Applikabbiltà – Sussidji mogħtija qabel il-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni – Azzjoni għad-danni kontra l-Istat Membru mressqa minn kompetitur tal-kumpannija benefiċjarja.
Kawża C-387/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2018.
Presidenza del Consiglio dei Ministri vs Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Klassifikazzjoni – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 1(b)(iv) u (v) – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Applikabbiltà – Sussidji mogħtija qabel il-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni – Azzjoni għad-danni kontra l-Istat Membru mressqa minn kompetitur tal-kumpannija benefiċjarja.
Kawża C-387/17.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:712
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2018 ( 1 )
Kawża C-387/17
Presidenza del Consiglio dei Ministri
vs
Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Klassifikazzjoni – Għajnuna stabbilita qabel il-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni – Kawża għal kumpens ta’ kompetitur ta’ impriża li tibbenefika minn miżuri ta’ għajnuna fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni – Infurzabbiltà ta’ regoli dwar il-preskrizzjoni previsti mir-Regolament (KE) Nru 659/1999”
Introduzzjoni
1. |
Din il-kawża hija waħda f’sensiela ta’ sentenzi preliminari li jikkonċernaw il-ħlasijiet, mhux innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea, ta’ sussidji magħmula mir-Repubblika Taljana favur l-impriża ta’ trasport marittimu Tirrenia di Navigazione SpA (iktar ’il quddiem it-“Tirrenia”) matul il-perijodu 1976–1980. |
2. |
Din “is-saga” ġurisprudenzjali tirriżulta ċertament mill-fatt li l-awtoritajiet Taljani wrew ċerta inerzja – u, f’dan il-kuntest, urew l-inventiva awdaċi fit-tfassil ta’ argumenti ġuridiċi – sabiex jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-klassifikazzjoni tal-miżuri kkontestati bħala għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment. Dan huwa rifless b’mod partikolari mill-pożizzjoni li fiħsiebhom jiddefendu f’din il-kawża. |
3. |
Il-kawża prinċipali tikkonċerna talba għad-danni mressqa minn impriża kompetitriċi tat-Tirrenia, Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA (iktar ’il quddiem l-“FTDM”), kontra r-Repubblika Taljana, sabiex tikseb kumpens għad-dannu allegatament sostnut minħabba l-għoti ta’ dawn is-sussidji. Dawn tal-aħħar, li kienu ġew ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-qorti tar-rinviju, ma kinux, min-naħa l-oħra, is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-legalità tagħhom u l-kompatibbiltà tagħhom fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni Ewropea (sitwazzjoni ta’ “stand-alone private enforcement”). |
4. |
B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna “eżistenti” jew ta’ għajnuna “ġdida”, huwiex rilevanti l-fatt li s-sussidji inkwistjoni ngħataw lil impriża li topera f’suq li għadu mhux illiberalizzat b’mod formali. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed isirilha wkoll id-domanda dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa liema punt ir-regoli li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 659/1999 dwar il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni ( 2 ) humiex intiżi li jkollhom effett fuq il-fondatezza ta’ kawża għad-danni bħal dik imsemmija fil-kawża prinċipali. B’hekk il-kawża toffri l-opportunità li jitfakkru ċerti prinċipji fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u tar-rwol li l-qrati nazzjonali huma msejħa li jkollhom f’dan il-kuntest. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
5. |
L-Artikolu 1, intitolat “Definizzjonijiet”, tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]” |
6. |
L-Artikolu 15, intitolat “Terminu ta’ preskrizzjoni”, tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi: “1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin. 2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. 3. Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.” |
Id-dritt Taljan
7. |
Is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw lil Tirrenia, impriża ta’ navigazzjoni kompetitriċi ta’ FTDM, skont il-legge n. 684, – Ristrutturazione dei servizi maritimi di preminente interesse nazionale (il-Liġi Nru 684 li Tirrigwarda r-Ristrutturazzjoni tas-Servizzi Marittimi ta’ Interess Nazzjonali Ewlieni) tal-20 ta’ Diċembru 1974 (GURI Nru 336, tal-24 ta’ Diċembru 1974, p. 9008, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 684”) u iktar speċifikament l-Artikolu 19 tagħha. |
8. |
L-Artikolu 7 tal-Liġi 684 jipprevedi: “Il-Ministru tal-Flotta Merkantili huwa awtorizzat jagħti sussidji għall-provvista tas-servizzi msemmija fl-artikolu preċedenti, billi jikkonkludi ftehim ad hoc annwali, b’konsultazzjoni mal-Ministri tat-Teżor u tal-Investimenti tal-Istat. Is-sussidji speċifikati fil-paragrafu preċedenti għandhom jiggarantixxu, matul it-tliet snin, il-ġestjoni tas-servizzi f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibru ekonomiku. L-ewwel nett, dawn is-sussidji għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ dħul nett, ta’ deprezzament ta’ investimenti, ta’ spejjeż ta’ operat, ta’ spejjeż ta’ funzjonament u ta’ piżijiet finanzjarji. […]” |
9. |
L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi: “Is-servizzi ta’ konnessjoni mal-gżejjer il-kbar u ż-żgħar, speċifikati fl-Artikolu 1(c), u l-eventwali estensjonijiet teknikament u ekonomikament neċessarji, għandhom jissodisfaw rekwiżiti relatati mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjoni kkonċernati, b’mod partikolari tal-Mezzogiorno. Konsegwentement il-Ministru tal-Flotta Merkantili huwa awtorizzat li jagħti sussidji għall-provvista tal-imsemmi servizzi, billi jikkonkludi ftehim ad hoc, b’konsultazzjoni mal-Ministri tat-Teżor u tal-Investimenti tal-Istat, għal perijodu ta’ għoxrin sena.” |
10. |
Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 684: “Il-ftehim imsemmi taħt l-artikolu preċedenti għandu jistipula:
Qabel it-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, is-sussidju li għandu jitħallas għall-imsemmija sena għandu jiġi aġġustat jekk, matul is-sena preċedenti, fl-inqas wieħed mill-komponenti ekonomiċi speċifikati fil-ftehim kien hemm bdil li jeċċedi l-ekwivalenti għal wieħed minn għoxrin tal-valur meħud inkunsiderazzjoni għall-istess post meta ġie ffissat is-sussidju preċedenti.” |
11. |
L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 684 jipprovdi: “Il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din il-liġi huwa kopert sa ITL 93 biljun mill-fondi diġà inklużi fil-Kapitolu 3061 tal-istima provviżorja tal-ispejjeż tal-Ministru tal-Flotti Merkantili għas-sena 1975 u minn dawk li ser jiġu inklużi fil-kapitoli li jikkorrispondu għas-snin finanzjarji li ġejjin.” |
12. |
L-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 684 jistabbilixxi: “Sad-data tal-approvazzjoni tal-ftehim ipprovduti f’din il-liġi, il-Ministru tal-Flotti Merkantili, bi ftehim mal-Ministru tat-Teżor, għandu jħallas, permezz ta’ rati ta’ kull xahar bil-quddiem, akkont li l-ammont globali tagħhom ma jeċċedix iktar minn [90%] fil-mija tal-ammont totali indikat fl-Artikolu 18”. |
13. |
Il-Liġi Nru 684 kienet is-suġġett ta’ miżura eżekuttiva, id- decreto del presidente della Repubblica n. 501 – Regolamento di esecuzione della legge 20 dicembre 1974, n. 684 (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 501, dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 684) tal-1 ta’ Ġunju 1979 (GURI Nru 285, tat-18 ta’ Ottubru 1979, p. 8531), li l-Artikolu 7 tiegħu jispeċifika li l-akkont imsemmi fl-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi għandhom jitħallsu lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess nazzjonali ewlieni sad-data tar-reġistrazzjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, tal-atti li jirrigwardaw il-konklużjonijiet tal-ftehim il-ġodda. |
Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. |
Kif jirriżulta mis-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391) u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335) li segwew it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa fil-kuntest tal-kawża prinċipali u li għalihom issir referenza għal spjegazzjoni iktar wiesgħa tal-fatti u tal-proċedura preċedenti għal dawk is-sentenzi, FTDM u t-Tirrenia huma żewġ impriżi ta’ trasport marittimu li, fis-snin sebgħin, kienu jaħdmu rotot marittimi regolari bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer ta’ Sardegna u ta’ Sicilia. |
15. |
Fl-1981, FTDM għamlet kawża kontra t-Tirrenia quddiem it-Tribunale di Napoli (il-Qorti ta’ Napoli, l-Italja) sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija kienet allegatament sofriet minħabba l-politika ta’ prezzijiet baxxi pprattikata minn din tal-aħħar matul is-snin 1976 u 1980, fil-qafas tas-servizzi ta’ rotot marittimi tiegħu. FTDM sostniet b’mod partikolari li din il-politika ta’ prezz baxx kienet possibbli permezz ta’ sussidji pubbliċi bi ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. |
16. |
Madankollu, it-talba ta’ FTDM ġiet miċħuda b’sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, u kkonfermata bis-sentenza tal-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli) tat-13 ta’ Diċembru 1996. |
17. |
L-appell ippreżentat minn din is-sentenza mill-amministratur tal-falliment ta’ FTDM, kumpannija li fil-frattemp tqiegħdet f’likwidazzjoni, ġie miċħud b’sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) tad-19 ta’ April 2000, li b’mod partikolari rrifjutat li tilqa’ t-talba tal-awtur tal-appell li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li s-soluzzjoni adottata mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu kienet tosserva d-dispożizzjonijiet rilevanti u kienet konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
18. |
Permezz ta’ att tal-15 ta’ April 2002, l-amministratur tal-falliment ta’ FTDM ħarrek lir-Repubblika Taljana quddiem it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova, l-Italja), biex dan l-Istat jinstab responsabbli taħt diversi kapijiet: fil-funzjoni leġiżlattiva tiegħu, talli ħallas l-għajnuna, taħt il-Liġi Nru 684, inkompatibbli mat-Trattat KE; fil-funzjoni ġudizzjarja tiegħu, talli naqas, bis-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tat-19 ta’ April 2000, mill-obbligu li jibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-Liġi Nru 684; u, fl-aħħar nett, fil-funzjoni amministrattiva tiegħu, talli naqas milli jinforma lill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur quddiem il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ din il-liġi, biex b’hekk naqas mill-obbligi ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet Ewropej. |
19. |
Għalhekk, FTDM talbet il-kundanna tar-Repubblika Taljana għall-ħlas tad-dannu subit li ġie vvalutat għal EUR 9240000. |
20. |
Fl-14 ta’ April 2003, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391). |
21. |
Wara din is-sentenza, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) kkonstatat, permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Frar 2009, “l-eżistenza tal-illegalità mwettqa mill-Istat ġudikanti”, u b’digriet separat, ordnat li l-proċeduri għandhom jitkomplew sabiex it-talba għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn din l-illegalità tiġi deċiża. Huwa f’dan l-istadju tal-imsemmija proċeduri li, peress li ddubitat mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, dik il-qorti adixxiet mill-ġdid il-Qorti tal-Ġustizzja, u li, tat is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet: “Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li sussidji mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-pagament ta’ akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jekk dawn is-sussidji jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkunu ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.” |
22. |
Fit-30 ta’ Lulju 2012, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) kkundannat lir-Repubblika Taljana għall-ħlas, favur FTDM, tas-somma ta’ EUR 2330 355.78, flimkien mal-evalwazzjoni mill-ġdid monetarja u tal-interessi legali, bħala kumpens għad-dannu subit minħabba l-aġir illegali tal-Istat fil-funzjoni ġudizzjarja tiegħu. |
23. |
Din id-deċiżjoni ġiet kkontestata wkoll, prinċipalment, mir-Repubblika Taljana u, b’mod inċidentali, mill-FTDM. |
24. |
Il-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova), permezz ta’ sentenza tas-24 ta’ Lulju 2014, annullat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza u ddeċidiet fuq il-mertu tal-kawża. |
25. |
Din il-qorti, filwaqt li ċaħdet it-talbiet għal kumpens ta’ FTDM ibbażati fuq ir-responsabbiltà tar-Repubblika Taljana fil-funzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi tagħha, laqgħet dik ibbażata fuq ir-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru fil-funzjoni leġiżlattiva tiegħu, minħabba l-adozzjoni, mill-Parlament Taljan tal-Liġi Nru 684, u għalhekk ikkundannat lil dan l-Istat Membru jħallas kumpens għad-dannu subit mill-FTDM, evalwat f’EUR 2330 355.78 miżjuda bl-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid u tal-interessi legali. |
26. |
Il-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) qieset b’mod partikolari li l-għajnuna mill-Istat ikkonċernata, billi ma ngħatatx qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandha tiġi kkunsidrata bħala “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE u sussegwentement l-Artikolu 108(3) TFUE), b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ din in-notifika, għandu jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
27. |
Is-sentenza tal-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) ġiet appellata quddiem il-qorti tar-rinviju għall-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri). Din tal-aħħar issostni b’mod partikolari li l-għajnuna mogħtija lit-Tirrenia kienet ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti. |
28. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ suq mhux illiberalizzat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida tagħha, jeħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
29. |
Sussegwentement, din il-qorti tenfasizza l-importanza tal-karatteristiċi tas-suq rilevanti, jiġifieri n-nuqqas tagħha ta’ liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq. Għalhekk, hija tqis li, fil-punt 143 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni (T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, EU:T:2000:151) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet prinċipju li skema ta’ għajnuna stabbilita f’suq li għall-ewwel kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha titqies, bil-liberalizzazzjoni tas-suq, bħala skema ta’ għajnuna eżistenti. Din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ġiet ikkonfermata fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza tas-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240). Għaldaqstant, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni legali tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida, għandu jiġi eżaminat ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju. |
30. |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, moqrija flimkien mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, għall-għajnuna mill-Istat mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Skont dik il-qorti, jirriżulta mis-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235) li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu applikabbli għal fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament. |
31. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejja:
|
32. |
FTDM, il-Gvernijiet tal-Italja u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Inżammet seduta fis-7 ta’ Ġunju 2018 li fiha pparteċipaw dawn il-persuni kkonċernati. |
Analiżi
33. |
Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet u kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti msemmija iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Taljani wrew ċerta inerzja sabiex jevitaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-għoti tas-sussidji inkwistjoni, u dan, fil-fehma tiegħi, bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
34. |
Il-karatteristika partikolari ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li, minkejja ċ-ċirkustanza li l-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) laqgħet it-talba għal kumpens għad-danni ta’ FTDM għar-raġuni b’mod partikolari li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna “ġdida” mogħtija illegalment, l-awtoritajiet Taljani, quddiem il-qorti tar-rinviju, komplew issostnu li din l-għajnuna kellha, fil-fatt, tiġi kklassifikata bħala għajnuna “eżistenti”. Dawn l-awtoritajiet jisħqu li l-imsemmija għajnuna, l-ewwel nett, kienet ingħatat fi żmien meta l-attività ta’ kabotaġġ marittimu kienet għadha ma ġietx illiberalizzata u, it-tieni nett, ma kinux ġew ikkontestati mill-Kummissjoni fit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 (ara Artikolu 1(b)(iv) ta’ dan ir-regolament). |
35. |
Minkejja li, insostenn tal-ewwel motiv imressaq sabiex l-għajnuna inkwistjoni tikkwalifika bħala eżistenti, l-awtoritajiet Taljani jindikaw li għandha titwarrab id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li din ma kinitx tirrifletti d-dritt applikabbli fid-data tal-għoti tal-miżuri kkontestati, huma, għall-kuntrarju, jinvokaw, insostenn tat-tieni motiv, li din l-għajnuna tikorrespondi għad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(b)(iv) ta’ dan ir-regolament ( 3 ). |
36. |
Qabel ma neżamina waħda waħda d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa opportun li jsiru ċerti punti bażiċi dwar il-portata u l-importanza tad-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida u, f’dan il-kuntest partikolari, fuq l-influwenza li jista’ jkollhom id-definizzjonijiet fir-Regolament Nru 659/1999 għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida jew eżistenti. |
Osservazzjonijiet preliminari dwar id-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida u fuq il-portata tar-Regolament Nru 659/1999 f’dan ir-rigward
37. |
Huwa stabbilit sew li l-klassifikazzjoni ta’ miżura Statali ta’ għajnuna “ġdida” jew “eżistenti” għandha ċerti konsegwenzi legali importanti, b’mod partikolari f’termini ta’ trattament proċedurali. |
38. |
Fir-rigward ta’ għajnuna ġdida, din għandha, fl-ewwel lok, tiġi nnotifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u għandhom ikunu awtorizzati minn din tal-aħħar qabel ma jiġu implimentati. Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 108(2) u (3) TFUE li l-Kummissjoni hija responsabbli, kemm fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami preliminari jew inkella wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, milli tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-għajnuna ġdida mas-suq intern. L-Artikoli 2 sa 7 tar-Regolament Nru 659/1999 (li saru l-Artikoli 2 sa 7 tar-Regolament Nru 2015/1589) jispeċifikaw b’mod partikolari, għal finijiet ta’ ċertezza legali, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-kontroll mill-Kummissjoni fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda. |
39. |
It-tieni nett, huwa stabbilit sew li, meta l-għajnuna ġdida tingħata mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, din ssir illegali (ara Artikolu 1(f)), tar-Regolament Nru 659/1999, li sar l-Artikolu 1(f), tar-Regolament 2015/1589). Din il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida għandha żewġ konsegwenzi. Minn naħa, il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-miżuri inkwistjoni u, fil-każ fejn hija tikkonkludi li hija inkompatibbli, għandha tordna l-irkupru tagħha. Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali, li ma għandhomx il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna, jistgħu madankollu u taħt ċerti kundizzjonijiet jordnaw l-irkupru ta’ dawn il-miżuri ( 4 ). |
40. |
Għajnuna msejħa“eżistenti” hija suġġetta għal trattament proċedurali differenti skont it-termini stess tal-Artikolu 108(1) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha teżamina flimkien mal-Istati Membri l-iskemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati, u li hija tista’ tipproponi lil dawn l-Istati il-miżuri utli meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern skont skema stabbilita b’mod partikolari fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999 (li saru l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589). |
41. |
Skont din l-iskema, l-għajnuna eżistenti tista’ tiġi implimentata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx kkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha ( 5 ). B’differenza mill-għajnuna ġdida, għajnuna eżistenti għaldaqstant ma għandhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi kklassifikata bħala illegali. Barra minn hekk, il-miżuri utli li l-Kummissjoni hija mitluba li tieħu fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti ma għandhomx l-għan li jimmodifikaw jew ineħħu dawn l-iskemi għall-futur u bl-ebda mod ma jimponu l-irkupru tagħhom. |
42. |
Minkejja li twassal għal konsegwenzi legali importanti, id-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida mhux dejjem tinftiehem faċilment. |
43. |
Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna “eżistenti” (u, fin-nuqqas ta’ għajnuna “ġdida”), li s-sors tiegħu jinsab fit-Trattati, ma huwiex iddefinit bħala tali, u dan jeħtieġ b’mod partikolari li jsir riferiment għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-atti tal-liġi sekondarja, b’mod partikolari dawk li jirregolaw ir-regoli ta’ proċedura fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri r-Regolament Nru 659/1999 inkwistjoni f’din il-kawża (u r-Regolament 2015/1589 li ġie warajh), u tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, f’kawżi assenjati lilhom. |
44. |
Dawn ir-regolamenti ta’ “proċedura” għandhom l-għan li jikkodifikaw u jiċċaraw il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, mhux biss biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u l-effettività tal-proċeduri previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi fit-Trattati ( 6 ), iżda wkoll għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali ( 7 ). L-għan ewlieni tagħhom huwa li jiċċaraw u jirregolaw is-setgħat u l-modalitajiet ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
45. |
Dawn ir-regolamenti jipprovdu kjarifiki importanti kemm fuq il-kategoriji ta’ għajnuna li għandhom ikunu kkunsidrati bħala eżistenti (u, fin-nuqqas, ġodda) kif ukoll fuq is-sistema li għalihom huma suġġetti dawn il-kategoriji ta’ għajnuna statali differenti fil-kuntest tal-eżami ċentralizzat ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Kummissjoni. |
46. |
Għalkemm dawn ir-regolamenti jimxu fit-triq tal-parti l-kbira tat-tagħlim li għandu jinsilet mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni – ġurisprudenza li, f’dan il-qasam, għadha tirrappreżenta r-riferiment primarju għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 8 ) – dawn jistgħu wkoll, f’ċerti aspetti, ikollhom natura innovattiva. |
47. |
Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ kategoriji ta’ għajnuna eżistenti msemmija fir-Regolament Nru 659/1999. |
48. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat preċiżament fil-ġurisprudenza preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, jirriżulta kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 108 TFUE) li kellha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat (l-hekk imsejħa għajnuna “ta’ qabel l-adeżjoni”) u dik li setgħet tiġi regolarment implimentata taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, inklużi dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, EU:C:1973:152, punti 4 sa 6) ( 9 ). |
49. |
Minn dan jirriżulta li tlieta mill-ħames kategoriji ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriproduċu dawk li diġà ġew identifikati mill-qorti tal-Unjoni, jiġifieri l-għajnuna implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 1(b)(i)) kif ukoll iż-żewġ kategoriji ta’ għajnuna hekk imsejħa awtorizzata (Artikolu 1(b)(ii) u (iii)). |
50. |
Min-naħa l-oħra, għandhom karattru innovattiv meta mqabbel ma’ dak li seta’ jirriżulta mit-testi tat-Trattat, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żewġ kategoriji ta’ għajnuna li jifdal, jiġifieri għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun skada (Artikolu 1(b)(iv), moqri flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999) kif ukoll il-miżuri li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi stabbilit li dawn ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta daħlu fis-seħħ iżda jkunu saru hekk wara l-evoluzzjoni tas-suq (Artikolu 1(b)(v) tal-istess regolament). |
51. |
Din il-kawża twassalna preċiżament biex nindirizzaw il-portata ta’ dawn l-ipoteżijiet. L-ewwel domanda tirrigwarda, fil-fatt, il-kategorija ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. It-tieni domanda tirrigwarda, min-naħa tagħha, in-natura tal-għajnuna li fir-rigward tagħha jista’ jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun skada (ara l-Artikolu 1(b)(iv) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999). |
52. |
Issa, l-applikazzjoni rationae temporis tar-Regolament Nru 659/1999 – u għalhekk l-eżegwibilità fl-azzjoni għad-danni msemmija fil-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet innovattivi li jinkludu fid-definizzjoni ta’ għajnuna “eżistenti” – jidhirli li hija miftuħa b’mod ċar għad-diskussjoni fil-każ ta’ sussidji mħallsa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att ( 10 ). |
53. |
Huwa minnu li ir-Regolament Nru 659/1999 jirriproduċi fil-parti l-kbira tiegħu l-acquis communautaire dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-għajnuna mill-Istat u li, barra minn hekk, għandu portata essenzjalment proċedurali – li jimplika, bħala prinċipju, li suppost għandu japplika mid-data li fiha daħal fis-seħħ ( 11 ), xorta jibqa’ l-fatt li d-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(b) tal-imsemmi regolament taċ-ċirkustanzi li fihom l-għajnuna għandha tkun ikkunsidrata bħala eżistenti tidher li hija iktar wiesgħa minn dik li rriżultat sa issa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ). |
54. |
F’dan il-każ, għandi dubji kemm l-awtoritajiet Taljani setgħu, fi kwalunkwe każ, jinvokaw kategoriji ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 1(b)(v) ta’ dan ir-regolament biex ixekklu l-azzjonijiet għad-danni magħmula mill-FTDM biex jiġi ssanzjonat il-ksur tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri kontenzjużi, li kien jissuġġerixxi li huma kienu jikkostitwixxu, fil-mument meta seħħew il-fatti rilevanti, għajnuna ġdida. |
55. |
F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li jiġi kkonstatat li, huwa biss fi stadju diġà avvanzat ħafna tal-eżami mill-qrati nazzjonali għad-danni mġarrba minn FTDM – eżami li kien mifrux fuq diversi deċennji – li l-awtoritajiet Taljani qiesu li kien opportun li jinvokaw dawn id-dispożizzjonijiet. |
56. |
Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 (u tar-Regolament 2015/1589 li ġie warajh) huma maħsuba biex l-ewwel nett tiġi ċċarata l-prattika u r-regoli proċedurali li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-miżuri ta’ għajnuna. Dawn ir-regolamenti ma għandhomx, a priori, l-għan li jirregolaw l-eżami mill-qrati nazzjonali ta’ miżuri ta’ għajnuna li huma obbligati li jikkunsidraw ( 13 ), għalkemm id-definizzjonijiet stabbiliti hemmhekk jistgħu jiggwidaw lill-qorti nazzjonali ( 14 ). |
57. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, li ser ikollhom l-importanza tagħhom fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis li l-għajnuna inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 – li, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ma jidhirlix li huwa l-każ –, li jien ser neżamina d-domandi preliminari. |
Fuq l-ewwel domanda preliminari: kriterju rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew eżistenti f’suq mhux liberalizzat
58. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterju rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna tal-Istat imsemmija fil-kawża prinċipali bħala għajnuna “ġdida” jew “eżistenti” fil-każ ta’ suq li għadu mhux formalment illiberalizzat. |
59. |
Skont il-qorti tar-rinviju, hemm kuntrast bejn il-kriterju msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u dak li kien ġie stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 143 tas-sentenza Alzetta. |
60. |
Fil-fehma tiegħi u irrispettivament minn jekk tali kuntrast fil-fatt jeżistix, din il-kwistjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata ( 15 ). |
61. |
Biex wieħed jifhem aħjar il-portata tal-kategorija ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jsir riferiment għall-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li “billi t-tlestija u t-tkabbir tas-suq intern huwa proċess gradwali, li huwa rifless fl-iżvilupp permanenti tal-politika ta’ l-għajnuna Statali; […], wara li jsiru dawn l-iżviluppi, ċerti miżuri, li meta daħlu fis-seħħ ma kkostitwixxewx għajnuna Statali, minn dak iż-żmien ’il hawn setgħu saru għajnuna” ( 16 ). |
62. |
Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, id-data tal-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt tal-Unjoni għandha, konsegwentement, tittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet li jiġi eskluż li, wara dik id-data, miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna qabel din il-liberalizzazzjoni tkun ikklassifikata, sussegwentement, bħala għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi preżenza ta’ data ta’ liberalizzazzjoni, li tirriżulta mid-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni Ewropea, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida jekk, fuq il-bażi tal-kriterju tal-evoluzzjoni tas-suq, jista’ jiġi ppruvat li l-miżura kienet ġiet adottata f’suq li diġà kien kompletament jew parzjalment miftuħ għall-kompetizzjoni qabel id-data ta’ liberalizzazzjoni tal-attività kkonċernata mid-dritt tal-Unjoni ( 17 ). |
63. |
Fi kliem ieħor, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa presuppost li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni, fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, preċiżament minħabba li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
64. |
Din il-presuppożizzjoni hija wkoll preżenti fis-sentenza Alzetta. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt ikkunsidrat, sabiex jiġi eskluż li l-miżuri kontenzjużi jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida, li “l-iskemi ta’ għajnuna in kwistjoni ma kinux, fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħhom fl-1981 u l-1985, u sa fejn jirrigwarda l-għajnuna mogħtija lis-settur ta’ trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE)” ( 18 ). |
65. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, miżura għandha tissodisfa erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, din għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tagħha. Ir-raba’ nett, trid toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni ( 19 ). |
66. |
Fil-każ tas-swieq li għadhom mhux miftuħa għall-kompetizzjoni, għalkemm huwa veru li għajnuna mill-istat tista’, bħala prinċipju, titqies bħala għajnuna eżistenti għaliex jista’ jiġi stabbilit li din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fil-mument meta daħlet fis-seħħ, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ liberalizzazzjoni f’dawn is-swieq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali nuqqas ta’ liberalizzazzjoni ma jeskludix neċessarjament li għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 20 ). |
67. |
Barra minn hekk, il-fatt li s-suq tal-kabotaġġ marittimu inkwistjoni f’din il-kawża ma kienx ġie lliberalizzat permezz ta’ regolamenti ħlief ħafna wara l-ħlas tas-sussidji inkwistjoni ( 21 ) ma jippermettix li jiġi eskluż li dawn jikkostitwixxu għajnuna li tissodisfa il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. |
68. |
B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza mogħtija fil-kawża Fallimento Traghetti del Mediterraneo, ma jistax jiġi eskluż li t-Tirrenia kienet f’kompetizzjoni ma’ impriżi ta’ Stati Membri oħrajn fuq ir-rotot interni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li hija kienet f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ tali impriżi fuq rotot internazzjonali. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ kontabbiltà separata għall-attivitajiet differenti tagħha, kien hemm riskju ta’ sussidji trażversali, jiġifieri, f’dan il-każ, riskju li d-dħul mill-attività tagħha ta’ kabotaġġ li bbenefikaw is-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ntużaw għall-benefiċċju ta’ attivitajiet eżerċitati minnha fuq l-imsemmija rotot internazzjonali ( 22 ). |
69. |
Barra minn hekk, kif indikat il-qorti tar-rinviju, jirriżulta minn sensiela ta’ kawżi dwar lill-impriżi tal-Gruppo Tirrenia di Navigazione li taw lok għas-sentenzi tas-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, EU:C:2005:275), tal-20 ta’ Ġunju 2007, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni (T‑246/99, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2007:186), u tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni (T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2009:48) li n-nuqqas ta’ liberalizzazzjoni formali tas-suq tal-kabotaġġ marittimu kien irrilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti miżuri statali inkwistjoni f’dawn il-kawżi ta’ għajnuna ġdida. |
70. |
Għaldaqstant, il-fatt li l-għajnuna mill-Istat kienet maħsuba biex tappoġġja kumpanniji fi swieq li għadhom ma humiex illiberalizzati ma kienx jeżonera lill-awtoritajiet statali kkonċernati milli jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar għajnuna ġdida mill-Istat. |
71. |
Sa fejn miżura nazzjonali taqa’, fil-mument tal-implimentazzjoni tagħha, fil-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat minħabba li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti iktar ’il fuq, u li huwa aċċertat, b’mod partikolari, li hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, din il-miżura ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti biss minħabba nuqqas formali ta’ liberalizzazzjoni tas-suq rilevanti. |
72. |
F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju vverifikat sew li l-kundizzjonijiet tal-klassifikazzjoni tas-sussidji inkwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat kienu ssodisfatti. Dik il-qorti, b’kull probabbiltà, approvat l-evalwazzjoni tal-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) li qalet li s-suq ikkonċernat kien, fiż-żmien tal-fatti rilevanti, suq kompetittiv. B’mod partikolari jirriżulta, mill-punti 22 u 54 tad-deċiżjoni tar-rinviju, partikolarment, li, skont din il-qorti, is-sussidji mogħtija lit-Tirrenia “setgħet jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li kienu potenzjalment idonji biex jaffettwaw il-kummerċ u l-kompetizzjoni libera”. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis hija stess li dawn is-sussidji kienu adatti biex joħloq distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 23 ). |
73. |
Għaldaqstant, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat eżistenti għar-raġuni biss ta’ nuqqas formali ta’ liberalizzazzjoni, sa fejn huwa stabbilit, minn naħa, li din l-għajnuna kienet setgħet taffettwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ħolqot distorsjoni jew heddet li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
74. |
Għalhekk, la l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u lanqas il-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Alzetta ma jidhirli li huma applikabbli f’dan il-każ. |
75. |
B’hekk naqbel totalment mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li s-sussidji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat eżistenti minħabba nuqqas formali ta’ liberalizzazzjoni, sa fejn huwa stabbilit, minn naħa, li din l-għajnuna kienet setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li ħolqot distorsjoni jew heddet li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
76. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u mingħajr ma hemm għalhekk lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 humiex applikabbli rationae temporis, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida, ma hemmx lok li tiġi applikata la r-regola tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u lanqas il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Alzetta li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li joperaw f’suq li għadu mhux illiberalizzat għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti. |
Fuq it-tieni domanda preliminari: l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 jew tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali
77. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala għajnuna eżistenti jew ġdida, huwiex possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, li jiddefinixxi l-għajnuna eżistenti bħala “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15” ta’ dan ir-regolament, jew jekk minflok għandux isir riferiment għall-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
Fuq ir-riferiment possibbli għall-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999
78. |
Għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ miżuri ta’ għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna, għandha l-intenzjoni tikseb kumpens għad-dannu li hija tqis li sofriet minħabba l-għoti illegali ta’ sussidji inkwistjoni. |
79. |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni dwar il-legalità u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sitwazzjoni ta’ stand-alone private enforcement). |
80. |
Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika fis-sentenza Transalpine Ölleitung in Österreich, jekk ir-regoli ta’ natura proċedurali li jinsabu fir-Regolament Nru 659/1999 għandhom japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat pendenti quddiem il-Kummissjoni fil-mument meta dan ir-regolament daħal fis-seħħ, jiġifieri fis-16 ta’ April 1999, dan ir-regolament ma jinkludi, min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ). |
81. |
Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita sew li, fil-kuntest tal-kontroll tal-osservanza mill-Istati Membri tal-obbligi imposti fuqhom mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari u distinti. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati Komunitarji, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ( 25 ). |
82. |
Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ta’ salvagwardja tad-drittijiet tal-individwi, il-qrati nazzjonali jgawdu ċerta indipendenza u awtonomija fir-rigward tal-intervent tal-Kummissjoni. |
83. |
Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta huma mitluba jiddeċiedu dwar talbiet għal kumpens, imressqa mill-kompetituri tal-impriżi benefiċjarji ta’ miżuri ta’ għajnuna, għad-danni allegatament ikkawżati mill-għoti illegali ta’ dawn il-miżuri. |
84. |
Għalhekk, il-possibbiltà li jintalbu d-danni hija, bħala prinċipju, indipendenti minn kwalunkwe investigazzjoni parallela li tmexxi l-Kummissjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni. |
85. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, diversi drabi, li l-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura formali ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax teżonera lill-qrati nazzjonali mill-obbligu tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-individwi fil-konfront ta’ ksur eventwali tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 26 ). |
86. |
Bl-istess mod, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-livell tal-awtonomija tal-qrati nazzjonali li, mingħajr ma tippreġudikal-effett dirett tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u jiġu ppreġudikati l-interessi ta’ individwi li dawn il-qrati għandhom id-dmir li jippreservaw, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mhux innotifikata kompatibbli mas-suq komuni ma għandhiex l-effett li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta’ implimentazzjoni li huma invalidi minħabba li ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra twassal li jkun iffavorit in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ din id-dispożizzjoni u tipprekludiha mill-effett utili tagħha ( 27 ). |
87. |
Għaldaqstant, meta rikorrent jista’ jistabbilixxi quddiem il-qorti nazzjonali li jkun sofra dannu kkawżat minħabba li l-implimentazzjoni prematura tal-għajnuna, u, b’mod aktar speċifiku, minn vantaġġ kompetittiv illegali li jkun ħa l-benefiċjarju, l-azzjoni għad-danni tista’ tintlaqa’ anki jekk, fil-mument li fih il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi fuq it-talba, il-Kummissjoni tkun diġà approvat l-għajnuna inkwistjoni. |
88. |
Din il-konklużjoni tapplika, mutatis mutandis, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni espressament dwar il-legalità tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Bl-istess mod bħal deċiżjoni li taċċetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna illegali wara l-għoti tagħha ma għandhiex bħala konsegwenza li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta’ implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna – li kienu oriġinarjament invalidi minħabba li kienu ġew adottati bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni (standstill) previsti mit-Trattat, in-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ għajnuna ma jistax, a fortiori, ikollu l-effett li jirregolarizza, l-effett ta’ dawn il-miżuri. |
89. |
F’dan il-kuntest u b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol li għandhom il-qrati nazzjonali meta dawn jiġu aditi b’azzjonijiet għad-danni f’sitwazzjoni ta’ “stand-alone” kif ukoll il-livell ta’ indipendenza ta’ dawn il-qrati meta mqabbla mal-Kummissjoni, jidher li l-kunċett ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa marbut mill-qrib mar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, regoli li jirrigwardaw, kif jirriżulta mill-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, il-“Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna”. |
90. |
Dan il-kunċett, kif iddefinit fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, jindika kull għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li għalih huma suġġetti s-setgħat speċifiċi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna, ikun skada. Din ir-regola ta’ preskrizzjoni għandha l-għan li tiżgura li kull deċiżjoni tittieħed mill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli jew, li, fin-nuqqas ta’ dan, tkun ta’ natura tali li toħloq aspettattiva leġittima f’moħħ il-persuni kkonċernati ( 28 ). |
91. |
L-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jillimita fiż-żmien is-setgħat tal-Kummissjoni rigward l-irkupru tal-għajnuna illegali. Il-limitazzjoni suġġettiva tas-setgħa ta’ sospensjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jindika, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar li t-terminu inkwistjoni jiddefinixxi biss ratione temporis is-setgħat ta’ rkupru tal-għajnuna illegali tal-Kummissjoni ( 29 ). |
92. |
Min-naħa l-oħra, din il-limitazzjoni ratione temporis tas-setgħat tal-Kummissjoni ma taffettwax il-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jikkonstataw li għajnuna hija illegali. Il-fatt li l-għajnuna tista’ ssir għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jsolvix l-illegalità mwettqa mill-Istat minħabba nuqqas ta’ notifika. |
93. |
Fi kliem ieħor, l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax ikollha l-effett li toħloq regolarizzazzjoni assoluta u retroattiva tal-għajnuna mill-Istat billi tiġi ttrasformata f’għajnuna eżistenti, bil-konsegwenza li titneħħa l-bażi legali ta’ rikors ippreżentat kontra l-Istat Membru kkonċernat minn individwi u kompetituri affettwati bl-għoti ta’ għajnuna illegali. |
94. |
Kull interpretazzjoni oħra tnaqqas il-portata tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri ta’ għajnuna fuq l-Istati Membri ( 30 ) u għalhekk li l-Artikolu 108(3) TFUE jispiċċa mingħajr l-effett utli tiegħu. |
95. |
Dan jirriżulta, barra minn hekk, f’assenjazzjoni tad-drittijiet individwali li huma wkoll benefiċjarji u destinatarji immedjati tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, ma hemm, l-ebda raġuni li l-individwi, li jkunu eventwalment ippreġudikati mill-għoti tal-għajnuna illegali fejn din, għad-detriment tagħhom, tkun ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni, jaraw l-azzjonijiet tagħhom għad-danni jiġu kkompromessi minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni. |
96. |
F’din il-kawża, il-fatt li l-miżuri inkwistjoni jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 ikollu l-konsegwenza li titnaqqas l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment lit-Tirrenia, li taffettwa l-aspettattivi leġittimi ta’ FTDM li ppreżentat rikors għad-danni kontra l-Istat Taljan billi serrħet fuq il-prinċipji u l-linji gwida li fformaw l-acquis communautaire fiż-żmien meta l-għajnuna kienet tħallset. |
97. |
F’dan il-każ, is-sussidji annwali li minnhom bbenefikat it-Tirrenia minn 1976 sa 1980 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li għandhom jiġu kkwalifikati bħala għajnuna ġdida. Bħala għajnuna ġdida, ir-Repubblika Taljana kellha tinnotifikahom qabel l-implimentazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 108(3) TFUE). Issa, billi din in-notifika minn qabel ma saritx, l-għajnuna li t-Tirrenia kienet ibbenefikat minnha mill-1976 sal-1980 kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat illegali. |
98. |
Il-fatt li l-għajnuna tista’ ssir għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (li sar l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 2015/1589) ma jirrimedjax l-illegalità mwettqa matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna. |
99. |
L-uniċi regoli ta’ preskrizzjoni li jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali huma dawk li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, interpretati fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 31 ). |
100. |
Hemm bżonn tal-aħħar preċiżazzjoni f’dan il-kuntest dwar l-invokabbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 quddiem il-qorti nazzjonali. |
101. |
Il-qorti tar-rinviju qieset, fil-fatt, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), li r-Regolament Nru 659/1999 huwa applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali dwar jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kinitx għajnuna eżistenti, anki f’sitwazzjoni fejn l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. |
102. |
Issa, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha d-domanda dwar jekk, meta privileġġi, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li jkun tahom huwiex obbligat li jsegwi l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE (li issa sar, l-Artikolu 108(3) TFUE) dwar l-għajnuna ġdida. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda azzjoni għad-danni, iżda n-nuqqas ta’ applikazzjoni eventwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-privileġġi potenzjalment inkompatibbli mar-regoli tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. |
103. |
Għaldaqstant, ma jistax jintuża l-argument minn din il-ġurisprudenza sabiex tiġi invokata, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal kumpens inkwistjoni f’din il-kawża, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999. |
104. |
Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li d-definizzjoni ta’ għajnuna eżistenti li tinsab fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jipprekludu li l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 timpedixxi li tiġi stabbilita quddiem il-qorti nazzjonali r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
105. |
Għad irid jiġi eżaminat, hekk kif il-qorti tar-rinviju stednitna nagħmlu, fit-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, jekk, u, jekk ikun il-każ, sa liema punt, l-awtoritajiet Taljani jistgħu jinvokaw, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni kontrihom, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
Fuq l-invokabbiltà tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali
106. |
F’din il-kawża, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sussidji inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tqiegħed lilha nnifsha fid-data li fiha l-Istat iddeċieda li jagħti dawn is-sussidji, dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali biss, l-għajnuna inkwistjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida u, f’din l-aħħar ipoteżi, tiddefinixxi jekk din l-għajnuna hijiex illegali jew le. |
107. |
F’każ li jiġi kkonfermat li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kienu ngħataw bi ksur tal-obbligu, bħala prinċipju assolut u inkundizzjonali, ta’ notifika minn qabel, jiena tal-fehma li l-awtoritajiet statali inkwistjoni ma jistgħux jinvokaw il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali biex jevitaw l-obbligi tagħhom fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens magħmula minn impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna. |
108. |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jinvokah, li bħala prinċipju huwa miftuħ għal kull persuna li fiha istituzzjoni tnissel tamiet fondati, huwa irrilevanti f’dan il-każ, peress li ma jeżistux assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija minnha. |
109. |
Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma tistax tiġi invokata minn persuna li kisret il-liġi fis-seħħ ( 32 ). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna ma jistax ikollhom, bħala regola, aspettattivi leġittimi dwar ir-regolarità tal-għajnuna ħlief jekk din tingħata skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 108 TFUE. Din il-konklużjoni hija valida wkoll fir-rigward ta’ entitajiet statali li preċiżament taw l-għajnuna, li fl-ebda każ ma jibbenefikaw min-nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-għajnuna ( 33 ). |
110. |
Dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
111. |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fin-nuqqas ta’ terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ( 34 ). F’dan ir-rigward, dewmien min-naħa tal-Kummissjoni meta ddeċidiet li l-għajnuna hija illegali u li għandha tiġi abolita u rkuprata minn Stat Membru tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tagħti lill-benefiċjarji ta’ dik l-għajnuna aspettattiva leġittima tali li ma tħallix lill-Kummissjoni tordna lil dak l-Istat Membru jordna l-ħlas lura ta’ dik l-għajnuna ( 35 ). |
112. |
Madankollu, minbarra l-fatt li din il-ġurisprudenza kienet intiża li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna – li hija, bħala prinċipju, irrilevanti fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni diretta kontra l-awtoritajiet statali li jagħtu l-għajnuna, din kienet tirreferi għal ċirkustanzi eċċezzjonali ( 36 ), li ma jidhirlix li għandhom xebh mas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
113. |
Għaldaqstant jidhirli li, għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’, jekk ikun il-każ, ikollu rwol f’każ li l-Istat ikkonċernat ikun debitament innotifika l-miżuri ta’ għajnuna li jkollu l-intenzjoni jimplimenta, dan ma huwiex il-każ meta dan l-Istat ma jkunx ikkonforma mal-obbligu ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 108(3) TFUE, anki meta seta’ kien hemm dubji raġonevoli dwar il-legalità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat. |
114. |
Għaldaqstant, la l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – li ma jistax, f’kull każ, jiġi invokat minn persuna li kisret id-dritt fis-seħħ – u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali – li ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ notifika mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ miżuri ta’ għajnuna ġdida – ma jistgħu jsostnu l-pożizzjoni li jiddefendu l-awtoritajiet Taljani. |
115. |
Għaldaqstant huwa propost li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999 ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, sa fejn l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ngħatax b’osservanza tal-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni, l-Istat Membru ma jistax jinvoka l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali sabiex jevita l-obbligu ta’ ħlas lura fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni. |
Konklużjoni
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) tkun kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU L 83, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Ir-Regolament Nru 659/1999 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2015/1589 tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 3 ) Skont l-awtoritajiet Taljani, din l-aħħar dispożizzjoni tapplika għall-miżuri kollha ta’ għajnuna, inklużi dik mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T‑366/00, EU:T:2003:113, punt 53).
( 4 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (CELF) u Ministre de la Culture et de la Communication vs Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE). (C‑199/06, EU:C:2008:79).
( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 20).
( 6 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 659/1999.
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3, 4, 7, 11, 14, 17 u 21 tar-Regolament Nru 659/1999.
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna […] mogħtija minn Stat” skont l-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1, punt 3).
( 9 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311, point 13), u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 48).
( 10 ) Din il-kwistjoni ġiet diskussa b’mod partikolari mill-FTDM, li essenzjalment targumenta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 ma jistgħux jiġu applikati retroattivament biex jikklassifikaw bħala għajnuna eżistenti miżuri li, fiż-żmien meta ġew stabbiliti, ma setgħux jiġu deskritti bħala tali.
( 11 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, point 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 48), mogħtija ftit ta’ żmien qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999.
( 13 ) F’dan is-sens, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 23a tar-Regolament Nru 659/1999 (issa l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 2015/1589) jipprovdi speċifikament mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ma’ qrati nazzjonali, li huma intiżi b’mod partikolari biex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punti 42 sa 44), u tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 61).
( 15 ) Dan kien, b’mod partikolari, finalment ammess waqt is-seduta mir-Repubblika Franċiża, li inizjalment intervjeniet b’appoġġ għar-Repubblika Taljana fuq dan il-punt.
( 16 ) L-enfasi hija tiegħi.
( 17 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, EDF vs Il-Kummissjoni (T‑747/15, EU:T:2018:6, punt 369), bħalissa pendenti fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kawża C‑221/18 P).
( 18 ) Ara l-punt 146 tas-sentenza Alzetta.
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40); tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et (C‑20/15 P et C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53), kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 38).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 49).
( 21 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10) illiberalizza s-servizzi tat-trasport marittimu mill-1 ta’ Jannar 1993. L-Artikolu 6(2) ta’ dak ir-regolament ipprovda b’mod partikolari li s-servizzi ta’ kabotaġġ mal-gżejjer Mediterranji kienu temporanjament eżentati mill-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament sal-1 ta’ Jannar 1999.
( 22 ) Is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del MediterraneoC‑140/09, EU:C:2010:335, punti 49 u 50).
( 23 ) Waqt is-seduta, madankollu, ir-Repubblika Taljana sostniet li ma jista’ jkun hemm l-ebda kwistjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti; li hija kienet, permezz ta’ lmenti differenti, ikkontestat preċiżament quddiem il-qorti tar-rinviju.
( 24 ) Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 34 u 35).
( 25 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in ÖsterreichC‑368/04, EU:C:2006:644, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 44), u tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 32).
( 27 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 16); tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 63), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, point 41).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502, punt 17).
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punt 130).
( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 60); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 41 u 42), u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 40).
( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punti 31 sa 46).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-senenza tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni (C‑65/02 P u C‑73/02 P, EU:C:2005:454, punt 41).
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni (52/69, EU:C:1972:73, punti 20 u 21); tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 140 u 141), u tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter (C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 100).
( 35 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502, punt 17).
( 36 ) Il-miżura inkwistjoni kienet tikkonċerna settur li, għal diversi snin, kien il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni u kienet intiża sabiex tkopri l-ispejjeż addizzjonali ta’ operazzjoni li kienet diġà rċeviet għajnuna awtorizzata (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, (C‑334/99, EU:C:2003:55, punt 44)).