Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62017CJ0115

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
    Administration des douanes et droits indirects u Etablissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer) vs Hubert Clergeau et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1964/82 – Dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri bl-iskop li jinkisbu ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti qatgħat tal-laħam tal-annimali bovini dissussat – Emenda tar-Regolament Nru 1964/82 li testendi l-benefiċċju tal-ħlasijiet lura partikolari fuq l-esportazzjoni – Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – It-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-115/17.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:651

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1964/82 – Dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri bl-iskop li jinkisbu ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti qatgħat tal-laħam tal-annimali bovini dissussat – Emenda tar-Regolament Nru 1964/82 li testendi l-benefiċċju tal-ħlasijiet lura partikolari fuq l-esportazzjoni – Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – It-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

    Fil-Kawża C‑115/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

    Administration des douanes et droits indirects

    Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

    vs

    Hubert Clergeau,

    Jean-Luc Labrousse,

    Jean-Jacques Berthellemy,

    Alain Bouchet,

    Jean-Pierre Dubois,

    Marcel Géry,

    Jean-Paul Matrat,

    Jean-Pierre Paziot,

    Patrice Raillot,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    Għal H. Clergeau, J.-L. Labrousse, A. Bouchet u J.-P. Matrat, minn P. Spinosi u B. Paillard, avukati,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Horrenberger kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos kif ukoll minn A. Vasilopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u D. Bianchi, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-administration des douanes et droits indirects (l-Amministrazzjoni tad-Dwana u t-Taxxi Indiretti, Franza) u l-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgrimer) (l-Istabbiliment Nazzjonali tal-Prodotti tal-Agrikultura u tal-Baħar, Franza), u Hubert Clergeau, Jean-Luc Labrousse, Jean-Jacques Berthellemy, Alain Bouchet, Jean-Pierre Dubois, Marcel Géry, Jean-Paul Matrat, Jean-Pierre Paziot u Patrice Raillot (iktar’ il quddiem l-“imputati fil-kawża prinċipali”) dwar ir-responsabbiltà kriminali tagħhom għal dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri bl-iskop li jinkiseb vantaġġ għall-esportazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1964/82 tal-20 ta’ Lulju 1982, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] speċjali tal-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat ta’ l-annimali bovini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 5, p. 146), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-ħlasijiet lura speċjali tal-esportazzjoni setgħu jingħataw għal ċerti kwalitajiet ta’ laħam.

    4

    Skond it-tieni premessa ta’ dan ir-regolament:

    “[…] minħabba s-sitwazzjoni tas-suq, is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u l-intenzjoni li jinbiegħu ċerti prodotti fis-settur, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq dawn il-prodotti għandu jiġi stabbilit […]”

    5

    Għal dan l-effett, l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

    “Qatgħat bla għadam minn robbi warranija friski jew imkessħa ta’ bhejjem adulti maskili imgeżwer individwalment għandhom, meta t-termini ta’ dan ir-Regolament jiġu osservati, jikkwalifikaw għal rifużjoni [ħlasijiet lura] speċjali ta’ l-esportazzjoni.

    […]”

    6

    L-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess regolament kien jipprevedi:

    “L-operatur għandu jressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti indikati mill-Istati Membri dikjarazzjoni li turi l-ħsieb tiegħu li jiddissossa r-robbi warranija kif definit f’Artikolu 1 taħt it-termini ta’dan ir-Regolament u li jesporta l-kwantità sħiħa ta’ bċejjeċ dissossati miksuba, billi kull biċċa tiġi imgeżwer individwalment.”

    7

    L-Artikoli 1 u 2(1), tar-Regolament Nru 1964/82 ġew emendati, b’effett mid-19 ta’ Jannar 1998, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2469/97, tal-11 ta’ Diċembru 1997, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1964/82, (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifondi [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni u (KE) Nru 1445/95 dwar regoli għall-applikazzjoni ta’ liċenzji għall-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 125).

    8

    It-tieni premessa tar-Regolament Nru 2469/97 tistabbilixxi:

    “billi, b’segwiment ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul il-Laqgħa ta’ l-Urugwaj ta’ Negozjati ta’ Kummerċ Multilaterali, arranġamenti għandhom jiddaħħlu li jippermettu miri aħjar għall-prodotti taċ-ċanga u l-vitella li dwarhom għandha tingħata preferenza għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; billi l-introduzzjoni ta’ rifondi [ħlasijiet lura] speċjali għal qatgħat bl-għadam mill-kwarti ta’ quddiem ta’ qobla maskili adulti għandhom iwasslu biex jintlaħaq dak l-objettiv; billi l-arranġamenti li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament [Nru 1964/82] għandhom għalhekk jiġu estiżi għal dawk il-prodotti”.

    9

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1964/82, kif emendat mir-Regolament Nru 2469/97, kien jipprovdi li:

    “Qatgħat bla għadam mill-kwarti ta’ quddiem u l-kwarti ta’ wara ta’ qobla maskili adulti b’medja ta’ kontenut ta’ dgħif tal-laħam ta’ 55 % jew aktar għandu, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jikkwalifikaw għal rifondi [ħlasijiet lura] speċjali ta’ l-esportazzjoni.

    […]”.

    10

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1359/2007 tal-21 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat ta’ annimali bovini (ĠU 2007, L 304, p. 21), ħassret u ssostitwiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-Regolament Nru 1964/82.

    11

    Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1359/2007:

    “Minħabba s-sitwazzjoni tas-suq, is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u l-intenzjoni li jinbiegħu ċerti prodotti fis-settur, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] speċjali ta’ l-esportazzjoni fuq dawn il-prodotti għandu jiġi stabbilit. B’mod partikolari, kondizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti għal ċerti qatgħat ta’ laħam li jsiru bid-dissussar tar-robbi ta’ bhejjem maskili.”

    12

    L-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmi regolament jirriproduċu, fi kliem essenzjalment identiku, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1964/82, kif emendat bir-Regolament Nru 2469/97.

    Id-dritt Franċiż

    13

    L-Artikolu 426 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Bħala importazzjoni jew esportazzjoni mingħajr dikjarazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti jitqiesu:

    […]

    4.

    dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri li l-iskop tagħhom huwa li jinkiseb, b’mod sħiħ jew parzjali, ħlas lura, eżenzjoni, tnaqqis tal-imposti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ vantaġġ b’rabta mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità jew l-imballaġġ meta dan il-ksur ma għandux l-għan li jwassal għall-ksib ta’ ħlas lura, eżenzjoni, tnaqqis tal-imposti jew vantaġġ ekonomiku;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    Fil-21 ta’ Diċembru 1990, kienet infetħet investigazzjoni ġudizzjarja kontra X mill-Prosekutur tar-Repubblika ta’ La Rochelle (Franza) għall-ksur ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri, fis-sens tal-Artikolu 426.4° tal-Kodiċi Doganali. Din l-investigazzjoni ġudizzjarja kienet tirrigwarda l-fatti li seħħew fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ Clergeau SA, li tittratta b’mod partikolari ix-xiri, il-bejgħ, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-qtil ta’ annimali għal-laħam.

    15

    Fil-25 ta’ Mejju 2010, l-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Poitiers (il-Qorti ta’ Appell ta’ Poitiers, Franza) għalqet l-imsemmija investigazzjoni ġudizzjarja u rrinvijat quddiem il-Qorti Kriminali, l-imputati fil-kawża prinċipali.

    16

    Huwa allegat, essenzjalment, li dawk l-imputati li wettqu, bejn is-sena 1987 u s-sena 1992, atti li għandhom bħala effett li jiksbu għal Clergeau ħlasijiet lura speċjali ta’ esportazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 1964/82, li ma kellhiex dritt għalihom, billi ddikjarat bħala “qatgħat bla għadam mill-kwarti […] ta’ wara” ta’ qobla maskili adulti, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, ta’ sezzjonijiet ta’ laħam li ma jissodisfawx din id-definizzjoni. Fil-fatt, l-imputati fil-kawża prinċipali kienu jfornu, fil-maħżen ta’ esportazzjoni approvat, qatgħat mill-kwarti ta’ quddiem, filwaqt li kienu biss il-qatgħat mill-kwarti ta’ wara li kienu eliġibbli għal għoti ta’ tali ħlasijiet lura.

    17

    B’sentenza tat-tribunal correctionnel de La Rochelle (il-Qorti Kriminali ta’ La Rochelle, Franza) tat-3 ta’ Diċembru 2013, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-cour d’appel de Poitiers (il-Qorti tal-Appell ta’ Poitiers) tat-12 ta’ Marzu 2015, l-imputati fil-kawża prinċipali ġew meħlusa għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni.

    18

    L’Administration des douanes et droits indirects (L-Amministrazzjoni tad-Dwana u tad-Dazji Indiretti) u FranceAgriMer li ppreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tqis li l-ewwel aggravju ppreżentat minn FranceAgriMer tqajjem kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta.

    19

    Insostenn tal-imsemmi aggravju, FranceAgriMer issostni, essenzjalment, li l-cour d’appel de Poitiers (il-Qorti tal-Appell ta’ Poitiers) kissret ir-regoli li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt kriminali, peress li hija applikat b’mod retroattiv għat-tilwima fil-kawża prinċipali l-emenda tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-ħlasijiet lura partikolari fuq l-esportazzjoni inizjalment previsti mir-Regolament Nru 1964/82. Fil-fatt, din l-emenda ma taqax taħt il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli, sa fejn ma hijiex intervenuta fuq il-punti kostituttivi tal-ksur u ma emendatx il-kwalifika tal-kriminalizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    20

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1964/82 kien jipprovdi għal ħlasijiet lura speċjali għall-esportazzjoni applikabbli għal qatgħat bla għadam mill-kwarti ta’ wara ta’ qobla maskili adulti. Madankollu, wara l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament ġie sostitwit mir-Regolament Nru 1359/2007, li estenda l-benefiċċju ta’ dawn il-ħlasijiet lura għal qatgħat ta’ kwarti ta’ quddiem. Għaldaqstant, tqum, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-emendi għandhomx jiġu applikati għat-tilwima fil-kawża prinċipali skont il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli.

    21

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva, l-ewwel nett, li dan il-prinċipju huwa marbut mal-idea li l-inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet jistgħu jiġu adottati biss jekk jidhru meħtieġa. Issa, l-evalwazzjoni ta’ din il-ħtieġa hija ta’ natura partikolari fir-rigward ta’ regolamentazzjoni ekonomika, skont in-natura dejjem tinbidel tagħha. F’dan il-qasam, il-fatt li miżura ma tidhirx li hija meħtieġa fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali ma timplikax li l-ksur tagħha fl-imgħoddi ma kienx jeħtieġlu jiġi ssanzjonat.

    22

    Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tosserva li Artikolu 426.4° tal-Kodiċi Doganali jimplimenta fl-ordinament ġuridiku Franċiż id-dmir, ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) TUE, li tissanzjona persuni li, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri, jiksbu ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li ma kinux eliġibbli għalihom. Issa, din id-dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi bażi legali għall-prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali, ma kien hemm l-ebda emenda fiha matul iż-żmien.

    23

    Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-konsegwenza li ddgħajjef ir-ripressjoni tal-attakki għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju msemmi fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, tista’ tostakola l-osservanza tal-Artikolu 4(3) TUE.

    24

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 49 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna tinstab ħatja li kisbet ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li ma kinux dovuti permezz ta’ manuvri jew dikjarazzjonijiet foloz li jikkonċernaw in-natura tal-oġġetti li fir-rigward tagħhom intalbu l-ħlasijiet lura, meta, permezz ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni li jkun daħal fis-seħħ wara l-akkadut ta’ dawn il-fatti, l-oġġetti li din il-persuna tkun effettivament esportat ikunu saru eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet lura?”

    Fuq id-domanda preliminari

    25

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna tkun ikkundannata talli kisbet indebitament ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1964/82, permezz ta’ manuvri jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar in-natura tal-oġġetti li għalihom il-ħlasijiet lura kienu mitluba, filwaqt li, wara emenda għal dan ir-regolament li seħħet wara l-fatti inkriminati, l-oġġetti li hija esportat saru eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet lura.

    26

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, jagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni. Anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jagħti lill-Karta l-istess valur legali bħat-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju kien jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u, għaldaqstant, kellu jitqies bħala li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom josservaw meta japplikaw id-dritt nazzjonali (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 25).

    27

    Għalhekk, il-fatt li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew matul is-snin 1987 sa 1992, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, ma jippreġudikax, bħala tali, l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

    28

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 55).

    29

    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-imputati fil-kawża preliminari huma suġġetti għal prosekuzzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 426.4 tal-Kodiċi Doganali talli għamlu dikjarazzjonijiet foloz jew wettqu manuvri li għandhom bħala effett li jiksbu ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1964/82. B’hekk, din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali għandha b’mod partikolari bħala għan li titrażżan il-ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, konformement mal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 325 TFUE.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-inkriminazzjoni prevista fl-Artikolu 426.4 tal-Kodiċi Doganali u l-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, b’mod li l-qorti tar-rinviju hija obbligata li tiżgura l-osservanza, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 69).

    31

    Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, sussegwentement għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1964/82 ġie emendat, b’effett mid-19 ta’ Jannar 1998, bir-Regolament Nru 2469/97, li estenda l-benefiċċju ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni, previsti mir-Regolament Nru 1964/82, għall-qatgħat mill-kwarti ta’ quddiem ta’ qobla maskili adulti, bħal dawk li kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri allegati lill-imputati fil-kawża prinċipali. Din l-emenda ġiet imbagħad riprodotta fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1359/2007, li kkodifikat u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-Regolament Nru 1964/82.

    32

    Għandu, għalhekk, jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-imsemmija emenda tal-kriterji tal-eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1964/82, il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, jipprekludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna tiġi kkundannata talli għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew wettqet manuvri, fis-sens Artikolu 426.4° tal-Kodiċi Doganali.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli neċessarjament timplika suċċessjoni ta’ liġijiet fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur biddel l-opinjoni jew dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 27).

    34

    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara t-twettiq tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kriminalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 426.4° tal-Kodiċi Doganali ma kienet is-suġġett ta’ ebda emenda mil-leġiżlatur Franċiż. Id-dikjarazzjonijiet foloz jew il-manuvri li għandhom bħala effett li jinkiseb vantaġġ marbut mal-esportazzjoni, bħal ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1964/82, għaldaqstant jibqgħu kriminalment oġġezzjonabbli bl-istess mod li fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    35

    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur Franċiż rigward il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti inkriminati jew il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur allegat kontra l-imputati fil-kawża prinċipali.

    36

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ emenda li seħħet fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 2469/97, l-introduzzjoni ta’ ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni ta’ qatgħat bla għadam mill-kwarti ta’ quddiem ta’ qobla maskili adulti li kellha l-għan li tadatta l-imsemmija leġiżlazzjoni għar-realtajiet li qed jinbidlu fis-suq tal-laħam, u b’mod partikolari l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq dinji li segwa l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj.

    37

    Għaldaqstant, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jemenda l-kriterji tal-eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1964/82 huwa bbażat fuq evalwazzjoni purament ekonomika u teknika tas-sitwazzjoni tas-suq globali tal-laħam.

    38

    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din l-emenda, l-imsemmi leġiżlatur ma kienx bl-intenzjoni li jikkontesta l-klassifikazzjoni kriminali jew l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-piena li għandha tiġi applikata għal imġiba li għandha bħala effett li jinkisbu indebitament ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1964/82, bħal dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri allegati lill-imputati fil-kawża prinċipali.

    39

    Barra minn hekk, hekk kif irrileva, b’mod partikolari, il-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-emenda fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma biddlietx l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur allegat lill-imputati fil-kawża prinċipali.

    40

    Fil-fatt, peress li dan il-ksur jirrigwarda dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri li għandhom bħala effett li jinkiseb il-ħlasijiet lura speċjali fuq l-esportazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1964/82, il-fatt li, sussegwentement għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-oġġetti li għalihom ikunu ntalbu dawn il-ħlasijiet lura saru eliġibbli għal dan il-benefiċċju ma jidhirx, bħala tali, li jista’ jaffettwa n-natura kriminalment oġġezzjonabbli ta’ tali dikjarazzjonijiet foloz jew manuvri.

    41

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna tkun ikkundannata talli kisbet indebitament ħlasijiet lura fuq esportazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1964/82, permezz ta’ manuvri jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar in-natura tal-oġġetti li għalihom il-ħlasijiet lura kienu mitluba, filwaqt li, wara emenda għal dan ir-regolament li seħħet wara l-fatti inkriminati, l-oġġetti li hija esportat saru eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet lura.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna tkun ikkundannata talli kisbet indebitament ħlasijiet lura fuq esportazzjoni previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1964/82, tal-20 ta’ Lulju 1982, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura] speċjali tal-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat ta’ l-annimali bovini, permezz ta’ manuvri jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar in-natura tal-oġġetti li għalihom il-ħlasijiet lura kienu mitluba, filwaqt li, wara emenda għal dan ir-regolament li seħħet wara l-fatti inkriminati, l-oġġetti li hija esportat saru eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet lura.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq